Language of document : ECLI:EU:T:2024:247

Kawża T2/23

Romagnoli Fratelli SpA

vs

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO)

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas17 ta’ April 2024

“Varjetajiet ta’ pjanti – Għoti ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà ta’ patata Melrose – Nuqqas ta’ ħlas fit-termini tat-taxxa annwali – Annullament ta’ drittijiet – Talba għal restitutio in integrum – Kundizzjonijiet għall-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-komunikazzjonijiet taċ-CPVO”

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) li tiċħad talba għal restitutio in integrum – Inklużjoni

(ir-raba’ u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2100/94, Artikolu 80)

(ara l-punti 18 u 19)

2.      Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) – Proċedimenti ta’ appell – Possibbiltà għall-Uffiċċju li jeskludi l-kompetenza kemm tal-Bord tal-Appell kif ukoll tal-Qorti Ġenerali sabiex jiddeċiedu fuq id-deċiżjonijiet meħuda miċ-CPVO wara t-tressiq ta’ talba għal restitutio in integrum  – Assenza

(Artikoli 2 u 19 TUE; ir-raba’ u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2100/94, Artikoli 80 u 81(1))

(ara l-punti 21, 22, u 24 sa 29)

3.      Agrikoltura – Leġiżlazzjonijiet uniformi – Drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti – Dispożizzjonijiet proċedurali – Restitutio in integrum – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Interpretazzjoni stretta

(Regolament tal-Kunsill Nru 2100/94, Artikolu 80(1))

(ara l-punti 37 u 38)

4.      Agrikoltura – Leġiżlazzjonijiet uniformi – Drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti – Dispożizzjonijiet proċedurali – Komunikazzjoni – Komunikazzjoni permezz ta’ spazju personali – Kundizzjoni – Attivazzjoni mill-utent tal-għażla li tippermetti lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) jikkomunika b’mod elettroniku – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 2100/94, Artikolu 79; Regolament tal-Kummissjoni Nru 874/2009, Artikoli 64(4) u 65)

(ara l-punti 62 sa 70, u 73)

Sunt

Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Romagnoli Fratelli SpA (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Wara li eżaminat l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet meħuda miċ-CPVO wara t-tressiq ta’ talba għal restitutio in integrum, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, għall-ewwel darba, dwar il-legalità tal-ispazju personali, imsejjaħ “MyPVR”, bħala mezz ta’ komunikazzjoni uffiċjali taċ-CPVO.

F’Diċembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat, skont ir-Regolament Nru 2100/94 (1), applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti quddiem iċ-CPVO għall-varjetà ta’ patata Melrose. Peress li dan id-dritt ingħata, iċ-CPVO bagħat lir-rikorrenti, f’Ottubru 2021, nota ta’ debitu dwar il-ħlas tat-taxxa annwali għad-dritt Komunitarju ta’ varjetatjiet ta’ pjanti inkwistjoni, permezz tal-ispazju personali tagħha MyPVR.

Peress li din in-nota ta’ debitu baqgħet ma tħallsitx, kienet intbagħtet tfakkira formali lir-rikorrenti miċ-CPVO f’Jannar 2022, mill-ġdid, permezz tal-ispazju personali MyPVR, fejn stedinha tħallas l-ammont dovut bħala taxxa annwali f’terminu ta’ xahar. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ attività fl-ispazju personali tar-rikorrenti, iċ-CPVO bagħtilha l-aħħar tfakkira fi Frar 2022 permezz ta’ posta elettronika. F’Marzu 2022, peress li t-taxxa annwali ma kinitx tħallset fit-terminu mogħti, iċ-CPVO annulla d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

Wara dan l-annullament, ir-rikorrenti ressqet talba għal restitutio in integrum, skont l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94, u wettqet il-ħlas tat-taxxa annwali sa dak iż-żmien mhux imħallsa. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, iċ-CPVO ma laqax it-talba tar-rikorrenti minħabba li din ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 80(1) u (2) tar-Regolament Nru 2100/94.

Ilkunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma miċ-CPVO bbażata fuq l-inammissibbiltà tal-azzjoni, fid-dawl ta’ diversi dispożizzjonijiet (2) dwar is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni. Fil-fatt, iċ-CPVO sostna li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (3) jiġġustifika l-kapaċità tiegħu li jiddeċiedi fuq it-talbiet għal restitutio in integrum mingħajr possibbiltà ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell taċ-CPVO jew ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li tali azzjoni la hija prevista mir-Regolament Nru 2100/94 u lanqas mir-Regolament Nru 874/20099 (4), li jikkostitwixxu l-“kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari” fis-sens tal-ħames paragrafu tal-imsemmi artikolu. Għaldaqstant, iċ-CPVO sostna li d-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li għalkemm dawn il-“kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari” ċertament jippermettu l-istabbiliment, minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, ta’ kundizzjonijiet u arranġamenti interni, prerekwiżiti għal rimedju ġudizzjarju, li jirregolaw, fost oħrajn, il-funzjonament ta’ mekkaniżmu ta’ awtomonitoraġġ jew l-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ ftehim bonarju, dawn il-kundizzjonijiet u dawn l-arranġamenti ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw istituzzjoni tal-Unjoni teskludi t-tilwim li jinvolvi l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jirriżulta li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet proċedurali fl-imsemmi regolament jew fid-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tal-istess regolament, iċ-CPVO għandu japplika l-prinċipji tal-liġi proċedurali ġeneralment irrikonoxxuti fl-Istati Membri. Għaldaqstant, minkejja li r-Regolament Nru 2100/94 ma jipprevedix b’mod espliċitu rimedju ġudizzjarju quddiem il-Bord tal-Appell taċ-CPVO u lanqas direttament quddiem il-Qorti Ġenerali għad-deċiżjonijiet meħuda miċ-CPVO wara talba għal restitutio in integrum, jeżisti madankollu rimedju ġudizzjarju abbażi tal-Artikolu 81(1) tal-imsemmi regolament u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taċ-CPVO.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-legalità tal-ispazju personali MyPVR bħala mezz ta’ komunikazzjoni uffiċjali ta’ dokumenti u ta’ deċiżjonijiet mibgħuta miċ-CPVO. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, li l-komunikazzjonijiet taċ-CPVO li minnhom jibda jiddekorri terminu jistgħu jiġu kkomunikati elettronikament u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet ta’ din il-komunikazzjoni għandhom jiġu ddeterminati mill-President taċ-CPVO (5).

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li bbażat ruħha fuq id-deċiżjoni tal-President taċ-CPVO, ikkonstatat li din il-komunikazzjoni b’mod elettroniku permezz tal-ispazju personali MyPVR setgħet issir biss jekk l-utent ikun għażel din il-komunikazzjoni. B’hekk, iċ-CPVO jista’ jikkomunikalu b’mod validu d-deċiżjonijiet, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti l-oħra b’mod elettroniku permezz tal-ispazju personali tiegħu (6). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali nnotat li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li r-rikorrenti kienet għażlet il-komunikazzjoni b’mod elettroniku permezz ta’ MyPVR u li kienet aċċettat il-verżjoni 3.0 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ispazju personali. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda dubju li r-rikorrenti kienet aċċettat li tirċievi l-komunikazzjonijiet taċ-CPVO permezz tal-ispazju personali tagħha MyPVR.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment dwar l-illegalità tal-ispazju personali MyPVR bħala mezz ta’ komunikazzjoni uffiċjali, peress li l-għażla li tippermetti liċ-CPVO jikkomunika mal-utent b’mod elettroniku kienet ġiet attivata minn dan tal-aħħar.


1      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).


2      Artikolu 2 TFUE, 1-ewwel sentenza tal-Artikolu 256(1) TFUE, u r-raba’ u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.


3      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jiddisponi: “Atti li jistabbilixxu korpi u organi ta' l-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta' dawn il-korpi jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom.”


4      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009 tas‑17 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem [iċ-ĊPVO] (ĠU 2009, L 251, p. 3).


5      Ara l-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2100/94, l-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 874/2009 u d-deċiżjoni tal-President taċ-CPVO tal 20 ta’ Diċembru 2016 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi li joriġinaw miċ-CPVO u intiżi għal dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-President taċ-CPVO”).


6      Din il-modalità hija prevista fil-verżjoni 3.0 tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ MyPVR li jaffermaw mill-ġdid ir-rekwiżit li l-użu ta’ MyPVR bħala mezz ta’ komunikazzjoni uffiċjali huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-utent ikun attiva l-għażla li tippermetti liċ-CPVO jikkomunika miegħu b’mod elettroniku.