Language of document : ECLI:EU:F:2013:17

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Frar 2013 (*)

“Servizz pubbliku — Artikolu 34(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Firma bil-miktub tal-avukat differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta — Tardività tar-rikors — Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża F‑113/11,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

Luigi Marcuccio, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti fi Tricase (l-Italja), irrappreżentat minn G. Cipressa, avukat,

rikorrent,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Berardis-Kayser u J. Baquero Cruz, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kreppel, President, E. Perillo (Relatur) u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal bil-posta fil-31 ta’ Ottubru 2011, L. Marcuccio ppreżenta dan ir-rikors intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita li biha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu għall-ħlas ta’ arretrati fuq ir-remunerazzjoni għax-xahar ta’ Awwissu 2010. Qabel ma l-oriġinal tar-rikors ġie ppreżentat bil-posta, intbagħat dokument permezz ta’ faks, fil-25 ta’ Ottubru 2011, lir-Reġistru tat-Tribunal li rċevieh fl-istess jum, liema dokument ġie indikat bħala kopja tal-oriġinal tar-rikors ippreżentat bil-posta.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“[…]

2.      Appell lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jintlaqa’ biss jekk:

–        l-awtorità tal-ħatra qabel kienet irċevit ilment mitfugħ skond l-Artikolu 90(2) fil-perjodu preskritt fih, u

–        l-ilment ma jkunx ġie aċċettat b’deċiżjonijiet espressi jew b’deċiżjoni taċita [impliċita[].

3.      Appelli taħt il-paragrafu 2 għandom isiru fi żmien tliet xhur. Il-perjodu għandu jibda:

–        fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li ttieħed bħala tweġiba għall-ilment,

–        fid-data meta jiskadi l-perjdu preskritt għat-tweġiba meta l-appell huwa kontra deċiżjoni taċita li ma taċċettax ilment li sar skond l-Artikolu 90(2); minkejja dan, fejn ilment mhux aċċettat b’deċiżjoni espressa wara li ma jkunx aċċettat b’deċiżjoni taċita iżda qabel jiskadi l-perjodu li fih jista’ jsir appell, il-perjodu li fih jista’ jsir appell jerġa’ jibda mill-ġdid.

[…]”

3        L-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal, dwar il-preżentata ta’ atti tal-proċedura, jipprovdi:

“1.      L-oriġinal ta’ kull att ta’ proċedura għandu jiġi ffirmat mir-rappreżentant tal-parti.

[…]

6.      [I]d-data li fiha kopja ta’ l-oriġinal iffirmat ta’ att tal-proċedura […] tasal fir-Reġistru permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni użat mit-Tribunal, għandha tiġi meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-osservanza tat-termini tal-proċedura, sakemm l-oriġinal ta’ l-att iffirmat […] jiġi ppreżentat fir-Reġistru mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara. […]”

4        Skont l-Artikolu 100 tar-Regoli tal-Proċedura, dwar il-kalkolu tat-termini tal-proċedura:

“1. It-termini tal-proċedura previsti mit-Trattati, mill-Istatut u min dawn ir-Regoli għandhom jiġu kalkulati kif ġej:

[…]

b) terminu espress f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin għandu jispiċċa ma’ l-iskadenza ta’ dak il-jum li, fl-aħħar ġimgħa, fl-aħħar xahar jew fl-aħħar sena, iġib l-istess isem jew l-istess numru tal-jum li fih ġara l-avveniment jew twettaq xi att li minnu għandu jiġi kkalkulat it-terminu. Jekk f’terminu espress f’xhur jew fi snin, il-jum stabbilit għall-iskadenza tiegħu ma jinsertax fl-aħħar xahar tat-terminu, dan it-terminu jiskadi ma’ tmiem l-aħħar jum ta’ dak ix-xahar;

[…]

d) it-termini jinkludu l-jiem ta’ vakanza legali, il-Ħdud u s-Sibtijiet;

e) it-termini ma jiġux sospiżi matul il-ferjat.

2. Jekk il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta’ vakanza legali, l-iskadenza għandha tiġi pprorogata għal tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss.

Il-lista tal-jiem ta’ vakanza legali stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea hija applikabbli għat-Tribunal.

3. It-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Ir-rikorrent kien uffiċjal fil-grad A7 mad-Direttorat Ġenerali tal-Iżvilupp tal-Kummissjoni.

6        B’deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2005, l-Awtorità tal-Ħatra ordnat l-irtirar mhux volontarju tar-rikorrent mill-31 ta’ Mejju 2005 b’applikazzjoni tal-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal u tatu l-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità stabbilita skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2005”).

7        B’sentenza tal-4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑41/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”), it-Tribunal annulla d-deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2005 minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, mingħajr ma eżamina l-motivi u l-ilmenti l-oħra mqajma mir-rikorrent insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament.

8        Fit-30 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrent ressaq talba, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba tat-30 ta’ Awwissu 2010”), sabiex jikseb il-ħlas tal-arretrati fuq ir-remunerazzjoni li allega li kellu dritt għalihom għax-xahar ta’ Awwissu 2010, b’applikazzjoni tas-sentenza inizjali.

9        B’ittra tat-28 ta’ Frar 2011, (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-28 ta’ Frar 2011”), li r-rikorrent jallega li rċieva fis-6 ta’ April 2011, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrent li, peress li s-sentenza inizjali kienet annullat id-deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2005 biss minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, mingħajr ma ppronunzjat ruħha fuq il-kapaċità tiegħu li jaqdi d-dmirijiet tiegħu, l-eventwali reintegrazzjoni tiegħu kienet tippreżupponi l-verifika tal-istat ta’ saħħa tiegħu, skont l-Artikolu 15 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni sostniet li r-rikorrent ma setax jiġi kkunsidrat li kien f’impjieg attiv mit-30 ta’ Mejju 2005.

10      Fl-14 ta’ Marzu 2011 ir-rikorrent ressaq ilment, li wasal għand il-Kummissjoni l-għada.

11      B’sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2011, Il‑Kummissjoni vs Marcuccio (T‑20/09 P), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, fuq appell tal-Kummissjoni, annullat is-sentenza inizjali u rrinvijat il-kawża quddiem it-Tribunal, fejn ġiet irreġistrata bir-referenza F‑41/06 RENV.

12      B’sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑41/06 RENV, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑20/13 P), it-Tribunal ċaħad ir-rikors tar-rikorrent fil-kawża li tat lok għas-sentenza inizjali.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tat-30 ta’ Awwissu 2010;

–        jiddikjara ineżistenti jew, sussidjarjament, jannulla l-ittra tat-28 ta’ Frar 2011;

–        jannulla d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-ilment tal-14 ta’ Marzu 2011;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq id-deċiżjoni tat-Tribunal li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat

15      Skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, meta rikors ikun, kollu jew parti minnu, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, it-Tribunal jista’, mingħajr ma jkompli l-proċedura, jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

16      F’dan il-każ, it-Tribunal iqis li għandu biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess sabiex jiddeċiedi l-kawża u għalhekk jiddeċiedi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, li jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat mingħajr ma jkompli l-proċedura.

 Fuq l-ammissibbiltà

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-termini għall-preżentata ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku, billi ġew stabbiliti sabiex jiżguraw iċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u sabiex jevitaw kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika ex officio jekk dawn it-termini jkunux ġew debitament osservati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 1973, Gunnella vs Il‑Kummissjoni, 33/72, punt 4; digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Novembru 2011, ENISA vs KEPD, T‑345/11, u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Għaldaqstant, mingħajr ma hemm lok li tiġi deċiża l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dan ir-rikors ġiex ippreżentat b’osservanza tar-regoli li jistabbilixxu obbligatorjament il-modalitajiet dwar il-preżentata tal-atti proċedurali u b’osservanza tat-termini korrispondenti għall-preżentata ta’ rikors.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li kull rikorrent għandu jkun irrappreżentat minn persuna awtorizzata għal dan l-iskop u li, għaldaqstant, kawżi jistgħu jitressqu validament quddiem il-qrati tal-Unjoni biss permezz ta’ rikors iffirmat minn din tal-aħħar. Bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tal-Anness I ta’ dan l-istess Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli wkoll għall-proċedura quddiem it-Tribunal. Ebda deroga minn jew eċċezzjoni għal dan l-obbligu ma hija prevista mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑174/96 P, punt 8, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Fil-fatt, ir-rekwiżit tal-firma bil-miktub tar-rappreżentant tar-rikorrent jiggarantixxi, għall-finijiet taċ-ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u jeskludi r-riskju li dan tal-aħħar ma jkunx sar mill-avukat jew mill-konsulent legali awtorizzat għal dan l-iskop. Għalhekk, dan tal-aħħar, bħala uffiċjal tal-qorti, jaqdi rwol essenzjali, li jagħtuh l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura, billi jippermetti, permezz tal-qadi tal-inkarigu tiegħu, l-aċċess tar-rikorrent għat-Tribunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Mejju 2007, Il‑Parlament vs Eistrup, T‑223/06 P, punt 50). Għaldaqstant, dan ir-rekwiżit għandu jitqies li huwa regola proċedurali sostanzjali u għandu jiġi applikat strettament, b’mod li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Parlament vs Eistrup, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

21      Barra minn hekk, huwa preċiżament minħabba l-importanza fundamentali tar-rwol tal-avukat bħala uffiċjal tal-qorti fil-proċeduri ġudizzjarji li l-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-oriġinal ta’ kull att proċedurali għandu jiġi ffirmat mir-rappreżentant tal-parti.

22      Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-preżentata tal-oriġinal ta’ kull att proċedurali fit-termini stabbiliti, l-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura ma jippermettix lir-rappreżentant tal-parti kkonċernata li jqiegħed żewġ firem bil-miktub distinti, anki jekk ikunu awtentiċi, waħda fuq id-dokument trażmess permezz ta’ faks lir-Reġistru tat-Tribunal u l-oħra fuq l-oriġinal li jintbagħat bil-posta jew li jingħata bl-idejn lir-Reġistru tat-Tribunal. Fil-fatt, meta r-rappreżentant ta’ parti jipprevalixxi ruħu mill-possibbiltà li jagħtih l-Artikolu 34(6) tar-Regoli tal-Proċedura li jibgħat fit-termini applikabbli “kopja tal-oriġinal ta’ att tal-proċedura [...] permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni użat mit-Tribunal”, din il-possibbiltà hija suġġetta għall-kundizzjoni, sine qua non, li dan l-istess “oriġinal ta’ l-att iffirmat [...] jiġi ppreżentat fir-Reġistru mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara”, u l-aġġettiv “iffirmat” fil-maskil jista’ jirreferi biss għall-oriġinal tar-rikors u mhux għall-kopja tal-oriġinal tar-rikors.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm jidher li l-oriġinal tal-att, li ġie fiżikament ippreżentat fir-Reġistru fi żmien għaxart ijiem minn meta ġiet trażmessa kopja tiegħu permezz ta’ faks lit-Tribunal, ma għandux fuqu l-istess firma bħal dik li tinsab fuq id-dokument li ntbagħat permezz ta’ faks, għandu jiġi kkonstatat li fir-Reġistru tat-Tribunal waslu żewġ atti proċedurali distinti, kull wieħed minnhom b’firma għaliha minkejja li kull waħda tqiegħdet mill-istess persuna. Billi t-trażmissjoni tat-test mibgħut permezz ta’ faks ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għaċ-ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura, id-data ta’ trażmissjoni tad-dokument mibgħut permezz ta’ faks ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross BV vs UASI, C‑426/10 P, punti 37 sa 43).

24      Għandu jingħad ukoll li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa stabbilit bl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma jistgħux jidderogaw minnu r-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-oriġinal tar-rikors jitħejja mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ dan it-terminu. Minn din il-perspettiva, it-trażmissjoni permezz ta’ faks ma hijiex biss mezz ta’ trażmissjoni, iżda tippermetti wkoll li jiġi pprovat li l-oriġinal tar-rikors li jkun wasal fir-Reġistru tat-Tribunal wara l-iskadenza tat-terminu kien diġà tħejja fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

25      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li d-dokument indikat bħala kopja tal-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta ġie trażmess lir-Reġistru tat-Tribunal permezz ta’ faks fil-25 ta’ Ottubru 2011. Fil-31 ta’ Ottubru 2011, ir-Reġistru tat-Tribunal irċieva bil-posta l-oriġinal tar-rikors, li t-test tiegħu, madankollu, huwa differenti mid-dokument irċevut permezz ta’ faks fil-25 ta’ Ottubru 2011, għall-inqas f’dak li jirrigwarda l-firma tal-avukat. Minn eżami tad-dokument trażmess permezz ta’ faks fil-25 ta’ Ottubru 2011, jirriżulta, fil-fatt, li l-firma tal-avukat tar-rikorrent, anki kieku kellu jitqies li saret bil-miktub, manifestament ma hijiex dik li tinsab fuq l-oriġinal tar-rikors li wasal bil-posta fir-Reġistru tat-Tribunal fil-31 ta’ Ottubru 2011. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-dokument li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal permezz ta’ faks fil-25 ta’ Ottubru 2011 u li ġie indikat mir-rikorrent bħala kopja tal-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta fil-31 ta’ Ottubru ta’ wara, ma huwiex riproduzzjoni tal-oriġinal tar-rikors. Minn dan isegwi li d-data li fiha r-Reġistru tat-Tribunal irċieva d-dokument trażmess permezz ta’ faks ma tistax tiġi aċċettata sabiex jiġi evalwat jekk it-terminu għall-preżentata ta’ rikors, previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ġiex osservat.

26      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-kundizzjonijiet indikati fil-punti 22 u 23 ta’ dan id-digriet huma riprodotti wkoll fl-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet fuq il-proċedura ġudizzjarja quddiem it-Tribunal tal-25 ta’ Jannar 2008, ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, p. 13), li kienu applikabbli fil-mument meta ġie ppreżentat ir-rikors. B’mod partikolari, il-punt 35 ta’ dawn l-istruzzjonijiet jispeċifika:

“L-oriġinal iffirmat ta’ kull att ta’ proċedura għandu jintbagħat minnufih, immedjatament wara t-trażmissjoni elettronika minn qabel, mingħajr ebda korrezzjonijiet jew emendi, lanqas dawk żgħar, bl-eċċezzjoni tal-korrezzjoni ta’ l-iżbalji tal-pinna, li għandhom madankollu jkunu elenkati f’karta separata li għandha tintbagħat ma’ l-oriġinal. Bla ħsara għal din l-aħħar possibbiltà, fil-każ ta’ differenzi bejn l-oriġinal iffirmat u l-kopja preċedentement ippreżentata, hija biss id-data tal-preżentata ta’ l-oriġinal iffirmat li tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-osservanza tat-termini tal-proċedura.”

27      Issa f’dan il-każ, minkejja dawn l-istruzzjonijiet preċiżi, ir-rappreżentant tar-rikorrent, f’ebda mument ma indika lir-Reġistru tat-Tribunal l-eżistenza ta’ emenda jew il-fatt li seħħ każ fortuwitu li seta’ jġiegħlu jiffirma l-oriġinal tar-rikors mill-ġdid.

28      Għaldaqstant, għall-finijiet li tiġi deċiża l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi vverifikat jekk l-oriġinal iffirmat tar-rikors ġiex ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors, li, skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkalkolat, f’dan il-każ, mid-data taċ-ċaħda impliċita tal-ilment.

29      Issa l-ilment imressaq mir-rikorrent u trażmess permezz ta’ faks lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Marzu 2011, kien is-suġġett ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Lulju 2011.

30      It-terminu għall-preżentata ta’ rikors, li huwa ta’ tliet xhur, u li miegħu jiżdied darba terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, mill-15 ta’ Lulju 2011, għalhekk skada nhar il-Ħamis 25 ta’ Ottubru 2011.

31      Billi l-oriġinal tar-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal fil-31 ta’ Ottubru 2011, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, isegwi li dan ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat tardiv.

32      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat manifestament inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

33      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2), it-Tribunal jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

34      Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent tilef. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, il-Kummissjoni talbet espressament li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli.

2)      L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Lussemburgu, 21 ta’ Frar 2013.

W. Hakenberg

 

      H. Kreppel

Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.