Language of document : ECLI:EU:F:2013:43

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Marzu 2013 (*)

“Servizz pubbliku — Remunerazzjoni — Aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra — Artikoli 64, 65 u 65a tar-Regolamenti tal-Persunal — Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal — Regolament (UE) Nru 1239/2010 — Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni — Uffiċjali assenjati f’Ispra”

Fil-Kawża F‑112/11,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

Raffaele Dalmasso, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Monvalle (l-Italja), irrappreżentat minn C. Mourato, avukat,

rikorrent,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u J. Herrmann, bħala aġenti,

intervenjent,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

kompost minn S. Van Raepenbusch (Relatur), President, R. Barents u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2012,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal fl-24 ta’ Ottubru 2011, R. Dalmasso ppreżenta dan ir-rikors intiż, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tapplika fil-konfront tiegħu r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2010, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li jaġġusta, mill-1 ta’ Lulju 2010, ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi applikati għalihom (ĠU L 338, p. 1), sa fejn jiffissa bħala 92.3 % l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni tal-persunal assenjat fil-provinċja ta’ Varese (l-Italja, iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“Ir-remenerazzjoni ta’ uffiċjal espressa f’euro għandha,wara li t-tnaqqis ta’ bilfors ippreżentati f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jew kull regolament ta’ implimentazzjoni jkunu saru, tkun peżata [tkun affettwata b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni] bir-rata ’l fuq minn, taħt jew daqs 100 %, skond il-kondizzjonijiet ta’ l-għajxien fil-postijiet varji ta’ mpieg.

Dawn il-peżati [il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni] għandhom ikunu adottati mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxi fuq maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni kif provdut fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-peżati applikabbli għar-remunerazzjoni ta’ l-uffiċjali mpjegati f’siġġijiet [sedi] provviżorji tal-Unjoni għandhom ikunu daqs 100 % fl-1 ta’ Jannar 1962.”

3        L-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1.      Il-Kunsill għandu kull sena jirrevedi r-remunerazzjonijiet ta’ l-uffiċjali u mpjegati oħra tal-Unjoni. Din ir-reviżjoni għandha ssir f’Settembru minħabba r-rapport konġunt tal-Kummissjoni bbażat fuq indiċi konġunt ippreparat mill-Uffiċju ta’ l-Istatistika tal-Unjoni Ewropea [(Eurostat)] bi ftehim ma’ l-uffiċċji ta’ l-Istatistika nazzjonali ta’ l-Istati Membri; l-indiċi għandu jirrifletti s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Lulju ta’ kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni.

Matul din ir-reviżjoni, il-Kunsill għandu jikkunsidra jekk, bħala parti mill-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni, ir-remunerazzjoni għandha tkun aġġustata. Kunsiderazzjoni partikolari għandha tingħata għal xi żidiet fil-pagi tas-servizz pubbliku u l-ħtiġiet tar-reklutaġġ.

2.      Fil-każ ta’ bidla sostanzjali fl-għoli tal-ħajja, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fi żmien xahrejn, x’aġġustamenti għandhom isiru għall-peżati u jekk ikun il-każ japplikawhom b’lura.

3.      Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, kif provdut fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

4        Skont l-Artikolu 65a tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli għall-implementazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 huma stabbiliti fl-Anness XI.

5        Il-Kapitolu 1 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “R[eviżjoni ta’ kull sena tar-remunerazzjoni pprovduti fl-Artikolu 65(1)tar-Regolamenti tal-Persunal]”. Dan jikkonsisti f’żewġ taqsimiet: l-ewwel waħda hija intitolata “Il-fatturi li jistabbilixxu l-aġġustamenti ta’ kull sena” u t-tieni “Arranġamenti għall-aġġustamenti ta’ kull sena tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet”.

6        L-Artikolu 1 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinsab taħt it-Taqsima 1 tal-Kapitolu 1 ta’ dan l-Anness, jipprovdi:

“1. Rapport mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat)

Għall-iskopijiet tar-reviżjoni pprovduta fl-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Eurostat għandha kull sena tħejji rapport qabel l-aħħar ta’ Ottubru dwar il-bidliet fl-għoli tal-ħajja fi Brussel, il-partijiet [il-paritajiet] ekonomiċi bejn Brussel u ċerti postijiet fl-Istati Membri, u l-bidliet fil-kapaċità ta’ l-akkwist tas-salarji tas-servizzi nazzjonali taċ-ċivil tal-gvern ċentrali.

2. Bidliet fl-għoli tal-ħajja fi Brussel (l-Indiċi Internazzjonali ta’ Brussel)

L-Eurostat għandha tħejji indiċi bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Belġjani, biex ikejjel l-għoli tal-ħajja għall-uffiċjali tal-Unjoni fi Brussel. Dan l-indiċi (minn issa ’l-quddiem ‘l-Indiċi Internazzjonali ta’ Brussel’ [(il-Belġju)]) għandu jikkunsidra l-bidliet bejn Ġunju tas-sena ta’ qabel u Ġunju tas-sena kurrenti, u jkun ibbażat fuq il-metodoloġija statistikali definita mill-Grupp tal-Ħidma fuq l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal riferut fl-Artikolu 13 [ta’ dan l-anness].

3. Bidliet fl-għoli tal-ħajja barra Brussel (paritajiet ekonomiċi u indiċi impliċiti)

(a)      L-Eurostat, bi qbil ma’ l-istituti statistikali nazzjonali jew awtoritajiet xierqa oħra fl-Istati Membri, għandha taħdem il-paritajiet ekonomiċi li jistabbilixxu l-ekwivalenza tal-kapaċità ta’ l-akkwist:

(i)      tas-salarji ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni li jaħdmu fil-kapitali ta’ l-Istati Membri, għajr għall-Olanda fejn il-Hague hija wżata minflok Amsterdam, u f’ċerti postijiet oħra ta’ l-impieg b’riferenza għal Brussel.

(ii)      tal-pensjonijiet ta’ l-uffiċjali mħallsa fl-Istati Membri b’riferenza għall-Belġju.

(b)      Il-paritajiet ekonomiċi għandhom jirreferu għax-xahar ta’ Ġunju ta’ kull sena.

(ċ)       Il-paritajiet ekonimiċi għandhom jinħadmu b’tali mod li kull komponent bażiku jista’ jkun aġġornat darbtejn kull sena u kkontrollat bi stħarriġ dirett mill-anqas darba kull ħames snin. L-Eurostat għandha taġġorna l-paritajiet ekonomiċi billi tuża l-aktar indiċi xierqa kif definiti mill-Grupp tal-Ħidma fuq l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal riferuti fl-Artikolu 13.

(d)      Barra l-Belġju u l-Lussemburgu, il-bidliet fl-għoli tal-ħajja matul il-perjodu tar-riferenza għandhom jitkejlu bl-indiċi impliċiti. Dawn l-indiċi jinħadmu billi l-Indiċi Internazzjonali ta’ Brussel ikun immoltiplikat bil-bidla fil-parità ekonomika.

4.      Bidliet fil-kapaċità ta’ l-akkwist tas-salarji tal-ħaddiema taċ-ċivil nazzjonali fil-gvern ċentrali (indikaturi speċifiċi).

(a)      Bil-għan li jitkejjel il-persentaġġ ta’ bidla, jew ’il fuq jew l’isfel, fil-kapaċità ta’ l-akkwit tas-salarji fis-servizzi nazzjonali taċ-ċivil, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta qabel l-aħħar ta’ Settembru mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, il-Eurostat għandha taħdem l-indikaturi speċifiċi li jirriflettu l-bidliet fir-remunerazzjoni attwali tal-ħaddiema taċ-ċivil fil-gvern ċentrali, bejn ix-xahar ta’ Lulju tas-sena ta’ qabel u x-xahar ta’ Lulju tas-sena kurrenti. It-tnejn għandhom jinkludu wieħed minn tnax ta’ l-elementi kollha mħallsa kull sena.

L-indikaturi speċifiċi għandhom ikollhom żewġ forom:

(i)      indikatur wieħed f’kull grupp tal-funzjoni, kif definit fir-Regolamenti tal-Persunal,

(ii)      indikatur medju peżat biex jirrifletti n-numru tal-ħaddiema taċ-ċivil nazzjonali li jikkorrospondu għal kull grupp tal-funzjoni.

Kull wieħed minn dawn l-indikaturi għandu jkun stabbilit f’termini totali reali u netti reali. Għat-transizzjoni mit-total għan-nett, għandhom ikunu kkunsidrati t-tnaqqis statutorji u l-fatturi ġenerali tat-tassazzjoni.

Biex tistabbilixxi l-indikaturi totali u netti għat-total ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Eurostat għandha tuża kampjun magħmul mill-Istati Membri li ġejjin: il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda u r-Renju Unit. Il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni [s]kond l-Artikolu 65(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, tista’ tadotta [jista’ jadotta] kampjun ġdid li jirrappreżenta mill-anqas 75 % tal-[prodott gross domestiku (PGD)] ta’ l-Unjoni Ewropea u li japplika mis-sena ta’ wara l-adozzjoni. Ir-riżultat[i] għal kull pajjiż għandhom ikunu peżati fil-proporzjon tal-PGD nazzjonali tagħhom, bl-użu tal-paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist kif muri fl-aktar statistiċi riċenti, ippubblikati skont id-definizzjonijiet tal-kontijiet nazzjonali fid-Sistema Ewropea tal-Kontijiet bħalissa fis-seħħ.

(b)      Fuq it-talba tal-Eurostat, l-awtoritajiet nazzjonali xierqa għandhom jipprovduha bl-informazzjoni addizzjonali li hija tqis meħtieġa sabiex tħejji indikatur speċifiku li jkejjel bl-eżatt il-bidliet fil-kapaċità ta’ l-akkwist tal-ħaddiema taċ-ċivil nazzjonali.

Jekk, wara aktar konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, il-Eurostat issib anomaliji statistikali fl-informazzjoni miksuba, jew issibha impossibbli li tħejji indikaturi li jkejlu bi preċiżjoni statistikali l-bidliet fid-dħul reali tal-ħaddiema taċ-ċivil f’tali Stat Membru, għandha tirraporta lill-Kummissjoni u tipprovdiha bil-materjal kollha li għandha bżonn biex tagħmel stima.

(ċ)       Minbarra l-indikaturi speċifiċi, il-Eurostat għandha taħdem ċerti indikaturi ta’ kontroll. Wieħed [minn] tali indikatur[i] għandu jkun forma ta’ informazzjoni dwar l-emolumenti reali għal kull ras fil-gvern ċentrali, imħejjija skond id-definizzjonijiet tal-kontijiet nazzjonali fis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet bħalissa fis-seħħ.

Ir-rapport tal-Eurostat dwar l-indikaturi speċifiċi għandu jkun akkumpanjat b’kummenti dwar id-differenzi bejn dawn l-indikaturi u l-indikaturi fuq imsemmija ta’ kontroll.”

7        L-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 ta’ dan l-anness, jipprovdi:

“1. Taħt l-Artikolu 65(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi tal-kriterji ppreżentati fl-Ewwel Taqsima ta’ dan l-Anness, għandu jieħu deċiżjoni qabel l-aħħar ta’ kull sena, u jaġġusta r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet, b’effett mill-1 ta’ Lulju.

2. L-ammont ta’ l-aġġustament għandu jinkiseb billi l-Indiċi Internazzjonali ta’ Brussel ikun immoltiplikat bl-indikatur speċifiku. L-aġġustament għandu jkun f’termini netti bħala persentaġġ uniformi fuqhom kollha.

3. L-ammont ta’ l-aġġustament stabbilit hekk, għandu jiddaħħal fit-tabelli ta[s]-salarji bażiċi li jidhru fl-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Anness tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikoli 20, 63, u 93 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impieg ta’ ħaddiema oħra, skond il-metodu li ġej:

(a)      ir-remunerazzjoni netta u l-pensjoni netta mingħajr il-koeffiċjent tal-korrelazzjoni [il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni] għandhom jiżdiedu jew jitnaqqsu bl-aġġustament fis-sena, riferut hawn fuq,

(b)      it-tabella l-ġdida tas-salarji bażiċi għandha titħejja billi jinħadem l-ammont totali li jikkorrospondi ma’ l-ammont nett, wara t-tnaqqis tat-taxxa wara li jkun ikkunsidrat il-paragrafu 4 u t-tnaqqis obbligatorju tas-sigurtà soċjali u l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni,

(ċ)      il-konverżjoni ta’ l-ammonti[ ]netti f’ammonti totali għandha tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal mhux miżżewweġ li ma jirċevix il-benefiċċji pprovduti fir-Regolamenti tal-Persunal.

[…]

5. L-ebda koeffiċjent tal-korrezzjoni m’huwa applikabbli fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Il-koeffiċjenti tal-korrezzjoni applikabbli:

(a)      għas-salarji ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni li jaħdmu fl-Istati Membri l-oħra u f’ċerti postijiet oħra ta’ mpjieg,

(b)      b’deroga mill-Artikolu 82(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-pensjonijiet tal-Unjoni mħallsa fl-Istati Membri l-oħra għall-parti li tikkorrospondi mad-drittijiet akwistati qabel l-1 ta’ Mejju 2004,

għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-proporzjon bejn il-paritajiet ekonomiċi li jikkorrospondu riferuti fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness u r-rati tal-kambju speċifikati fl-Artikolu 63 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-pajjiżi relevanti.

Il-proċeduri mniżżlin fl-Artikolu 8 ta’ dan l-Anness li jikkonċernaw l-applikazzjoni b’effett b’lura tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni f’postijiet ta’ mpjieg b’rata għolja ta’ inflazzjoni, għandhom japplikaw.

[…]”

8        L-Artikolu 9 ta’ l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1. L-awtoritajiet xierqa ta’ l-Istat Membri kkonċernati, l-amministrazzjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jew ir-rappreżentanti ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni f’tali post ta’ mpieg jistgħu jitolbu għall-ħolqien ta’ koeffiċjent tal-korrezzjoni, speċifiku għal dak il-post.

Din it-talba għandha tkun sostnuta b’fatturi oġġettivi li juru differenza apprezzabbli fuq xi snin fl-għoli tal-ħajja bejn dak il-post ta’ l-impieg u l-kapitali ta’ l-Istat Membru kkonċernat (minbarra l-Olanda fejn Hague tintuża minflok Amsterdam). Jekk il-Eurostat tikkonferma li d-differenza hija apprezzabbli (aktar minn 5 %) u sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta biex tistabbilixxi koeffiċjent tal-korrezzjoni għal dak il-post.

2. Il-Kunsill għandu l-istess jiddeċiedi li jirtira applikazzjoni ta’ koeffiċjent tal-korrezzjoni speċifiku għal ċertu post, fuq proposta mill-Kummissjoni. F’dak il-każ il-proposta għandha tkun ibbażata fuq waħda minn dawn li ġejjin:

(a)      talba mill-awtoritajiet xierqa ta’ l-Istat Membru kkonċernat, l-amministrazzjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jew ir-rappreżentanti ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni f’tali post ta’ mpieg, li turi li l-għoli tal-ħajja f’dak il-post m’għadux differenti sinifikament (anqas minn 2 %) minn dak tal-kapitali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Din il-konverġenza għandha tkun sostenibbli u vvalidata mill-Eurostat.

(b)      il-fatt li m’għadx hemm xi uffiċjali jew persunal temporanju tal-Unjoni impjegati f’dak il-post.

3. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi fuq il-proposta skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal.”

9        L-Artikoli 64, 65 u 65a tar-Regolamenti tal-Persunal huma applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt bis-saħħa tal-Artikoli 20 u 92, ikkunsidrati flimkien, tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

10      Barra minn hekk, il-punt 1.1 tal-Anness I, intitolat “M[etodoloġija]”, tar-Regolament (KE) Nru 1445/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli komuni għall-provvista ta’ informazzjoni bażika dwar il-Paritajiet tas-Setgħa tal-Infiq [tal-Kapaċità ta’ Akkwist] u għall-kalkolu u d-disseminazzjoni tagħhom (ĠU L 336, p. 1) jipprovdi:

“Għandu jkun ipprovdut Manwal tal-metodoloġija mill-Kummissjoni (Eurostat), wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, li jiddeskrivi l-metodi użati fl-istadji differenti ta’ meta jkunu qed jiġu kkompilati l-[paritajiet tal-kapaċità ta’ akkwist], inklużi l-metodi sabiex tkun ivvalutata l-informazzjoni bażika nieqsa u sabiex ikunu vvalutati l-paritajiet neqsin. Il-manwal tal-metodoloġija ikun irrivedut kull meta ssir tibdila sinifikattiva. Jista’ jintroduċi metodi ġodda sabiex tittejjeb il-kwalità tad-data, jitnaqqsu l-ispejjeż u jeħfief il-piż tal-fornituri tad-data.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-rikorrent huwa assenjat fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC), li jinsab f’Ispra, fil-provinċja ta’ Varese (l-Italja). Il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni tiegħu huwa l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese, li huwa koeffiċjent ta’ korrezzjoni differenti mill-koeffiċjent ta’ korrezzjoni għall-Italja.

12      Bir-Regolament Nru 1239/2010, il-Kunsill aġġusta, mill-1 ta’ Lulju 2010, ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali u membri tal-persunal tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għalihom, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal.

13      Il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese, li kien ġie ffissat bħala 97.1 % għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010, ġie ffissat, bl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1239/2010, bħala 92.3 % b’effett mill-1 ta’ Lulju 2010. Dan il-koeffiċjent ġdid ġie applikat għall-ewwel darba għar-rikorrent fl-okkażjoni tal-istabbiliment tad-dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni tiegħu ta’ Frar 2011.

14      Fil-21 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi d-dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni tiegħu ta’ Frar 2011 sa fejn din tapplika fil-konfront tiegħu l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ġdid ta’ Varese.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-12 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tar-rikorrent.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal jogħġbu:

–        “jannulla d-dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni tiegħu ta’ Frar 2011 u d-dikjarazzjonijiet ta’ remunerazzjoni segwenti tiegħu, sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet japplikaw [il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ġdid ta’ Varese]”;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Lulju 2011, li tiċħad l-ilment tiegħu;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

18      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li intervjena fil-kawża, jitlob li t-Tribunal jogħġbu jiċħad ir-rikors.

  Id-dritt

19      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu mingħajr ma l-ewwel tiddeċiedi fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut (sentenza tat-Tribunal tal-20 ta’ Novembru 2012, Soukup vs Il-Kummissjoni, F‑1/11, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u għall-ekonomija tal-ġudizzju, minkejja li r-rikorrent illimita ruħu, parzjalment, fir-rikors tiegħu, sabiex jirreferi għall-ilment tiegħu għad-dettalji dwar l-argumenti tiegħu, għandhom jiġu eżaminati l-motivi fil-mertu li huwa jinvoka fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, mingħajr ma l-ewwel tiġi deċiża l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, billi r-rikors huwa, f’kull każ u għall-motivi esposti iktar ’il quddiem, infondat.

20      Insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament ir-rikorrent jinvoka tliet motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti

21      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

22      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrent jinvoka, permezz ta’ eċċezzjoni, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li, skontu, tivvizzja l-legalità tar-Regolament Nru 1239/2010 li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni individwali kkontestata minnu.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ regolament li jiffissa l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali tista’ tkun limitata għall-indikazzjoni, minn naħa, tas-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-għanijiet ġenerali li huwa jfittex li jilħaq u ma għandhiex tikkonċerna l-aspetti tekniċi tal-modalitajiet ta’ kalkolu (ara, fir-rigward ta’ regolamenti li jimplementaw l-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 1995, Abello et vs Il‑Kummissjoni, T‑544/93 u T‑566/93, punt 89; ara wkoll, fir-rigward ta’ regolament li jiffissa l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Novembru 2000, Bareyt et vs Il‑Kummissjoni, T‑175/97, punt 75). F’dan il-każ, il-motivazzjoni tar-Regolament Nru 1239/2010, għalkemm fil-qosor, hija suffiċjenti fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

24      B’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1239/2010 jikkonċerna l-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll l-Anness XI tiegħu, dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għandhom jiġu aġġustati kull sena, jiġifieri, għall-uffiċjali li r-remunerazzjoni tagħhom hija espressa f’euro, skont il-bidliet rispettivi fl-għoli tal-ħajja fi Brussell u fil-postijiet ta’ assenjazzjoni l-oħra li jingħataw koeffiċjent ta’ korrezzjoni. Għalhekk, huwa ċar li l-aġġustament tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese huwa mmotivat minn bidla differenti fl-għoli tal-ħajja fi Brussell u f’Varese.

25      Anki jekk jista’ jitqies li r-rikorrent qiegħed jinvoka insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li tivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni individwali li tapplika r-Regolament Nru 1239/2010 fil-konfront tiegħu, dan il-motiv għandu jiġi miċħud xorta waħda.

26      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha l-għan, minn naħa, li tipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni u l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni. Fir-rigward ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-amministrazzjoni tapplika att ta’ portata ġenerali għas-sitwazzjoni individwali ta’ uffiċjal, mingħajr ma tgawdi l-ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata għal referenza għall-att leġiżlattiv u għall-indikazzjoni, sa fejn dan huwa neċessarju fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, tar-raġunijiet li għalihom l-amministrazzjoni tqis li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi att għal dan l-uffiċjali huma sodisfatti. Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata tispjega r-raġunijiet li kienu mmotivaw l-adozzjoni tal-att leġiżlattiv mil-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenza Bareyt et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 76 u 77).

27      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2011 li ċaħdet l-ilment tar-rikorrent tindika b’mod ċar li d-deċiżjoni individwali li tagħha r-rikorrent jitlob l-annullament kienet ittieħdet b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1239/2010. Fid-dawl tal-fatt li l-amministrazzjoni kienet obbligata tapplika dan ir-regolament għar-remunerazzjoni tar-rikorrent, din il-motivazzjoni għandha titqies li hija suffiċjenti (sentenza Bareyt et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

28      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, ir-rikorrent jikkritika r-rifjut mill-Kummissjoni ta’ talba għal informazzjoni supplimentari, imressqa mir-rappreżentanti tal-persunal fil-kuntest tax-xogħol tal-“Grupp tekniku dwar ir-remunerazzjonijiet” (iktar ’il quddiem il-“GTR”), matul diskussjonijiet preċedenti għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1239/2010. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 TFUE, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1445/2007, id-dispożizzjonijiet tal-manwal tal-metodoloġija previst fil-punt 1.1 tal-Anness I tal-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2009, dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 [dwar Statistika tal-Komunità] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, p. 164), id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdu b’mod partikolari li “Ikun kompitu tal-Eurostat li tissorvelja l-kwalità tad-data bażika u tal-metodi statistikali wżati biex jinħadmu l-fatturi kkunsidrati għall-aġġustament tar-remunerazzjoni”, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ trasparenza.

29      Madankollu, ir-rikorrent ma jipprovax li t-trażmissjoni ta’ ċerta data statistika lir-rappreżentanti sindakali jew il-konsultazzjoni ta’ dawn ir-rappreżentanti sindakali tikkostitwixxi att preparatorju għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1239/2010 jew għal dik tad-deċiżjonijiet individwali li japplikawh. B’mod partikolari, għalkemm waqt is-seduta huwa invoka difett proċedurali li, fl-opinjoni tiegħu, ivvizzja l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1239/2010 minħabba li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tittrażmetti data lill-membri tal-GTR, li għandu preċiżament ir-rwol li jwettaq konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-persunal qabel l-adozzjoni tar-regolamenti dwar il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, huwa ma jipprovax li waħda mid-dispożizzjonijiet jew li wieħed mill-prinċipji li huwa jinvoka f’dan ir-rigward u, b’mod partikolari, dawk li jissemmew fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, jeżiġu, għall-finijiet tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1239/2010, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-GTR. Għaldaqstant, ebda difett proċedurali ma jistax jiġi kkonstatat mit-Tribunal.

30      Għaldaqstant, anki jekk jitqies li r-rappreżentanti tal-persunal li pparteċipaw fix-xogħol tal-GTR ma kinux suffiċjentement informati mill-Kummissjoni u jekk jiġi, b’mod partikolari, ipprovat li din tal-aħħar irrifjutat li tilqa’ talba li saret mill-imsemmija rappreżentanti sabiex jiksbu informazzjoni, dan il-fatt ma jaffettwax il-legalità tar-Regolament Nru 1239/2010 jew tad-deċiżjonijiet individwali li japplikawh.

31      L-ilment ibbażat fuq l-illegalità tar-rifjut ta’ talba għal informazzjoni supplimentari għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala ineffettiv.

32      Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tar-rikorrent innifsu, huwa kien imissu ressaq, bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), talba għal aċċess għad-dokumenti li xtaq li jiġu trażmessi lilu. Wara t-tressiq ta’ tali talba, u fil-każ ta’ rifjut mill-amministrazzjoni, huwa seta’ imbagħad jikkontesta dan ir-rifjut quddiem il-qorti tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, fuq il-bażi tal-elementi ta’ informazzjoni hekk miksuba, filwaqt li jinvoka, jekk ikun neċessarju, l-eżistenza ta’ fatt sostanzjali ġdid, jippreżenta rikors għal annullament dirett kontra d-dikjarazzjonijiet ta’ remunerazzjoni tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li għamel ir-rikorrent waqt is-seduta, ibbażat fuq ksur tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ma jistax jirnexxi.

33      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistgħux jiġu kkontestati bl-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrent fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

34      Għaldaqstant, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur, mir-Regolament Nru 1239/2010 jew mid-deċiżjoni ta’ applikazzjoni tiegħu fil-konfront tar-rikorrent, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, li jispeċifikaw li l-Eurostat għandu jissorvelja l-kwalità tad-data u tal-metodi statistiċi, ma għandhom l-ebda relazzjoni mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni individwali kkontestata. Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argument tar-rikorrent ifittex li jipprova li d-data jew metodi użati mill-Eurostat ma humiex affidabbli, dan sejjer jiġi eżaminat iktar ’il quddiem, fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

35      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel motiv, fiż-żewġ partijiet tiegħu, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

36      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-kapaċità ta’ akkwist bejn l-uffiċjali — li jirriżulta, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal — jimplika li d-drittijiet pekunjarji tal-uffiċjali u impjegati jagħtu, f’sitwazzjonijiet professjonali u familjari ekwivalenti, kapaċità ta’ akkwist identika jkun fejn ikun il-post ta’ assenjazzjoni. Dan il-prinċipju huwa implementat bl-applikazzjoni għar-remunerazzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li jesprimu l-proporzjon bejn l-għoli tal-ħajja fi Brussell, belt ta’ referenza, u dak tal-postijiet ta’ assenjazzjoni differenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Settembru 2002, Ajour et vs Il‑Kummissjoni, T‑201/00 u T‑384/00, punt 45).

37      F’dak li jirrigwarda l-istabbiliment jew ir-reviżjoni tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lil Eurostat il-kompitu li jikkalkola l-paritajiet ekonomiċi bi qbil mas-servizzi tal-istatistika tal-Istati Membri u li jivverifika jekk il-proporzjonijiet bejn koeffiċjenti ta’ korrezzjoni jistabbilixxux korrettament l-ekwivalenzi fil-kapaċità ta’ akkwist (sentenzi Abello et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55, u Ajour et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-livell ta’ kumplessità tas-suġġett jimplikaw marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-fatturi u elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment jew fir-reviżjoni tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni (sentenzi Abello et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, u Ajour et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

39      Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-qorti tal-Unjoni, f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni u l-għażla tad-data bażika u tal-metodi statistiċi użati mill-Eurostat sabiex jistabbilixxi proposti ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, għandha tkun limitata għall-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li fuqhom hija bbażata l-fissazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni u tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi Abello et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56, u Ajour et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

40      Għandu jiġi enfasizzat, barra minn hekk, li huma l-partijiet li jridu jqiegħdu fid-dubju l-elementi u l-metodu użati sabiex jiġu ffissati l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li għandhom jipprovdu provi li jistgħu juru li twettaq żball manifest (sentenzi Abello et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79, u Ajour et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

41      Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrent, il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese tnaqqas b’mod sproporzjonat meta mqabbel mal-bidliet fid-differenzjali tal-inflazzjoni bejn Brussell u Varese.

42      Huwa veru li kien hemm tnaqqis ta’ 4.8 % fil-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese, billi dan naqas, f’Lulju 2010, minn 97.1 % għal 92.3 %.

43      Skont ir-rikorrent, din hija varjazzjoni sinjifikattiva li normalment għandha tkun spjegata minn differenza daqstant ieħor sinjifikattiva bejn il-bidliet globali fil-prezzijiet fi Brussell u l-bidliet globali fil-prezzijiet f’Varese.

44      Issa jirriżulta mid-data prodotta mir-rikorrent innifsu li bejn Ġunju 2009 u Ġunju 2010 ż-żieda globali fil-prezzijiet kienet ogħla fi Brussell milli f’Varese.

45      Għalhekk, prima facie, tnaqqis fil-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese jidher ġustifikat.

46      Madankollu r-rikorrent jikkontesta l-iskala ta’ dan it-tnaqqis, li huwa jqis bħala sproporzjonat meta mqabbel mad-differenza bejn iż-żieda fil-prezzijiet fi Brussell u ż-żieda fil-prezzijiet f’Varese.

47      F’dan il-każ, iċ-ċifri prodotti mir-rikorrent, jekk jitqies li huma korretti, iwasslu għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ differenzjali tal-inflazzjoni bejn Brussell u Varese ta’ 1.2 %, filwaqt li l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese naqas b’4.8 %.

48      Madankollu, għandu jiġi speċifikat li ċ-ċifri dwar iż-żieda fil-prezzijiet ma jirriżultawx minn ġbir eżawrjenti tat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa matul perijodu partikolari, imma huma intiżi, fuq il-bażi ta’ investigazzjonijiet, sabiex jagħtu sempliċi stima rappreżentattiva tat-tendenzi. Għalhekk, f’qasam fejn tista’ ssir biss approssimazzjoni, il-konstatazzjoni ta’ sempliċi differenza bejn, minn naħa, id-differenzjali tal-bidliet fil-prezzijiet fi Brussell u f’post ta’ assenjazzjoni ieħor u, min-naħa l-oħra, il-bidliet fil-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikat għal dak il-post ta’ assenjazzjoni, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti żball manifest ta’ evalwazzjoni. Sabiex dan iseħħ, id-differenza inkwistjoni għandha tkun partikolarment kbira.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li ċ-ċifri prodotti mir-rikorrent huma suffiċjentement affidabbli, id-differenza rrilevata bejn, minn naħa, il-bidliet komparattivi fil-prezzijiet fi Brussell u f’Varese u, min-naħa l-oħra, il-bidliet fil-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese, ma tistax twassal għall-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

50      Fi kwalunkwe każ, sabiex jipprova jistabbilixxi li l-iskala tat-tnaqqis tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese huwa sproporzjonat meta mqabbel mad-differenza bejn iż-żieda tal-prezzijiet fi Brussell u ż-żieda tal-prezzijiet f’Varese, ir-rikorrent jibbaża r-raġunament tiegħu fuq l-allegata eżistenza ta’ relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn id-differenzi fil-varjazzjonijiet tal-prezzijiet u l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni.

51      Madankollu, mir-rapport ta’ Eurostat, tat-18 ta’ Novembru 2010, dwar l-aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet [SEC(2010)1406 finali], imħejji skont l-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem ir-“rapport Eurostat”), u mehmuż mal-proposta [COM(2010)678] li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1239/2010 li għalih jirreferi r-rikorrent fl-ilment tiegħu, jirriżulta li l-kalkolu tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni ma jistax jiġi ridott għal kejl tad-differenza bejn il-bidliet fl-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum fi Brussell u fil-postijiet ta’ assenjazzjoni l-oħra.

52      Fil-fatt, il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ ċertu numru ta’ gruppi ta’ spejjeż. Proporzjon ta’ prezz bejn Brussell u kull post ta’ assenjazzjoni tiġi stabbilita għal kull wieħed minn dawn il-gruppi ta’ spejjeż. Din il-proporzjon ta’ prezz mbagħad tiġi ponderata fid-dawl tal-importanza relattiva tal-grupp ta’ spejjeż fil-basket tal-konsum tal-“uffiċjal internazzjonali medju” fi Brussell, kif ukoll fil-basket tal-konsum tal-“uffiċjal internazzjonali medju” fil-post ta’ assenjazzjoni.

53      Minn din il-ponderazzjoni speċifika marbuta mal-istruttura tal-ispejjeż tal-“uffiċjal internazzjonali medju”, ma hemm l-ebda relazzjoni diretta ta’ proporzjonalità bejn, minn naħa, id-differenzjali tal-bidliet globali fil-prezzijiet bejn Brussell u post ta’ assenjazzjoni ieħor u, min-naħa l-oħra, l-aġġustament tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għal dak il-post ta’ assenjazzjoni.

54      F’dan ir-rigward, barra minn hekk, fiċ-ċaħda tagħha tal-ilment, il-Kummissjoni kienet iddikjarat dan li ġej:

“L-istruttura ġdida tal-ispejjeż għal Brussell tagħti iktar piż lill-kera u lil komponenti oħra li huma relativament ogħla fi Brussell milli f’Varese, u piż inqas lill-elementi li huma relativament orħos fi Brussell. Għaldaqstant, il-livell relattiv tal-prezzijiet ta’ Brussell żdied meta mqabbel ma’ dak ta’ Varese, li jfisser li, sabiex tinżamm l-istess kapaċità ta’ akkwist, ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjal assenjat f’Varese għandha tonqos meta mqabbla ma’ dik ta’ uffiċjal assenjat fi Brussell.”

55      Għalhekk, l-argument tar-rikorrent dwar ir-relazzjonijiet bejn il-varjazzjonijiet tal-indiċi tal-prezzijiet u dawk tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għal Brussell u għal Varese għandu jiġi miċħud.

56      Fit-tieni lok, ir-rikorrent jallega li, kuntrarjament għal dak li tindika d-data li fuqha huwa bbażat il-kalkolu tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese — data li tidher fir-rapport ta’ Eurostat li għalih jirreferi r-rikorrent fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu — il-prezzijiet tal-elettriku, tal-gass domestiku u taż-żejt domestiku huma ogħla f’Varese milli fi Brussell.

57      Madankollu, il-provi li fuqhom jibbaża ruħu r-rikorrent ma jistgħux jitqiesu li huma suffiċjentement affidabbli jew rilevanti sabiex jista’ jitqies li jeżisti żball manifest ta’ evalwazzjoni.

58      Fil-fatt, ir-rikorrent jibbaża ruħu parzjalment fuq kampjuni limitati wisq ta’ fatturi (tmien fatturi fi Brussell u sebgħa f’Varese fir-rigward tal-elettriku, sitt fatturi fi Brussell u tmienja f’Varese fir-rigward tal-gass domestiku) u dan meta l-Kummissjoni, fiċ-ċaħda tagħha tal-ilment, tiddikjara li Eurostat juża stimi miksuba direttament mingħand il-fornituri tal-enerġija.

59      Ir-rikorrent jibbaża ruħu wkoll fuq informazzjoni li, skontu, kienet ipprovduta minn organizzazzjoni kummerċjali li għandha l-għan li tiġbor u tippubblika data dwar l-enerġija. Madankollu, ir-rikorrent ma jistabbilixxix għaliex l-affidabbiltà tad-data li fuqhom jibbaża ruħu għandha tkun ogħla minn dik tad-data li fuqha jibbaża ruħu Eurostat. Barra minn hekk, din id-data ma tirrigwardax Brussell u Varese, imma l-Belġju u l-Italja, u dan jillimita ferm ir-rilevanza tagħha.

60      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma rnexxilux jipprova li d-data dwar ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-elettriku, tal-gass domestiku u taż-żejt domestiku applikati fi Brussell u dawk applikati f’Varese, li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese, hija manifestament żbaljata.

61      Fit-tielet lok, ir-rikorrent jallega li l-proporzjon stabbilita bejn il-prezzijiet tas-servizzi tas-saħħa fi Brussell u f’Varese għandha tkun ferm ogħla minn dik indikata mid-data li fuqha ġie kkalkolat il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni — data li tidher fir-rapport ta’ Eurostat.

62      Ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq il-koeffiċjenti ta’ ugwaljanza implementati, fuq il-bażi tal-Artikolu 20(5) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-mard għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, adottati b’applikazzjoni tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, bl-għan li jiggarantixxu li, għal ċertu numru ta’ servizzi li għar-rimbors tagħhom japplika limitu massimu, ir-rata effettiva ta’ rimbors f’kull Stat Membru tkun identika għal dik applikata fil-Belġju.

63      Fil-fatt, skont ir-rikorrent, ċertu numru ta’ koeffiċjenti ta’ ugwaljanza juru servizzi tas-saħħa li huma ogħla fl-Italja milli fil-Belġju.

64      Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pproduċiex id-dokumenti li fuqhom huwa stabbilixxa l-grafika u t-tabella li jidhru fl-ilment tiegħu, imma llimita ruħu sabiex jindika l-indirizz tal-internet li minnu huwa seta’ jiġbor din id-data. Issa skont l-Artikolu 34(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal ma huwiex obbligat ifittex fuq l-internet annessi li ma jiġux mehmuża mal-atti proċedurali.

65      Minbarra dan, il-koeffiċjenti ta’ ugwaljanza jieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż li dwarhom jista’ jingħata rimbors mill-Iskema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard (iktar ’il quddiem l-i“SKAM”), u dan jeskludi ċerti spejjeż li ma jiġux rimborsati li xorta huma marbuta mas-saħħa.

66      Barra minn hekk, fiċ-ċaħda tal-ilment, il-Kummissjoni ddikjarat, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt, li l-koeffiċjenti ta’ ugwaljanza japplikaw biss għal uħud mill-ispejjeż rimborsati mill-iSKAM.

67      Għalhekk, fid-dawl tal-affidabbiltà limitata tad-data li fuqha r-rikorrent jibbaża l-argumenti tiegħu u tal-limitazzjonijiet tal-metodu li jieħu inkunsiderazzjoni l-koeffiċjenti ta’ ugwaljanza, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma rnexxilux jipprova li l-proporzjon, li tidher fir-rapport ta’ Eurostat, bejn il-prezzijiet tas-servizzi tas-saħħa applikati fi Brussell u dawk applikati f’Varese hija manifestament żbaljata.

68      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li din il-kritika hija fondata u li r-rikorrent għalhekk jasal biex jipprova l-eżistenza ta’ żbalji li jivvizzjaw din il-proporzjon, huwa jeħtieġlu jipprova wkoll li, fid-dawl tal-kobor tal-effetti kumulattivi ta’ dawn l-iżbalji, il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese, kollu kemm hu, huwa manifestament żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ajour et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

69      Issa dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, l-ispejjeż tas-saħħa jirrappreżentaw biss, fid-dawl tad-data li tidher fir-rapport ta’ Eurostat, 2.39 % tal-piż tal-ispejjeż fil-basket tal-konsum tal-“uffiċjal internazzjonali medju” f’Varese u 1.92 % tal-piż tal-ispejjeż fil-basket tal-konsum tal-“uffiċjal internazzjonali medju” fi Brussell.

70      Fl-aħħar nett, il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

71      Ir-rikorrent isostni li l-uffiċjali u membri tal-persunal assenjati f’Varese huma vittmi ta’ trattament diskriminatorju meta mqabbla mal-uffiċjali u membri tal-persunal assenjati f’Parma (l-Italja) u f’Torino (l-Italja). Fil-fatt, għal dawn tal-aħħar ma japplikax koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku, imma l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għall-Italja, li kien ġie ffissat bħala 106.6 % bis-saħħa tar-Regolament Nru 1239/2010.

72      Madankollu, l-eżistenza ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni f’ċerti postijiet ta’ assenjazzjoni u l-assenza tiegħu f’postijiet ta’ assenjazzjoni oħra fl-istess Stat ma hijiex, minnha nfisha, diskriminatorja billi l-istabbiliment ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni huwa bbażat fuq data oġġettiva li tikkonċerna l-għoli tal-ħajja fil-post ta’ assenjazzjoni. Minbarra dan, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu għall-possibbiltà li jinħolqu koeffiċjenti ta’ korrezzjoni ġodda jew li ma jiġux applikati koeffiċjenti ta’ korrezzjoni użati preċedentement.

73      Barra minn hekk, is-sempliċi riferiment mir-rikorrent għal xi data dwar l-għoli tal-ħajja f’Varese, f’Parma, f’Torino u f’Ruma (l-Italja), ma huwiex suffiċjenti sabiex jipprova l-eżistenza tad-diskriminazzjoni allegata.

74      Barra minn hekk, f’wieħed mid-dokumenti prodotti mir-rikorrent sabiex jipprova l-allegazzjonijiet tiegħu, huwa speċifikat li d-data inkwistjoni “hija indikattiva biss” u li l-“kalkolu tal-għoli tal-ħajja globali huwa neċessarjament arbitrarju”.

75      Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandu jiġi miċħud.

76      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-talbiet għall-annullament magħmula fir-rikors għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2), it-Tribunal jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

78      Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent tilef. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha l-Kummissjoni talbet espressament li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

79      Skont l-Artikolu 89(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      R. Dalmasso għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Van Raepenbusch

Barents

Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Marzu 2013.

Reġistratur

 

       Il-President

W. Hakenberg

 

       S. Van Raepenbusch


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.