Language of document : ECLI:EU:F:2013:43

Kawża C‑157/13

Nickel & Goeldner Spedition GmbH

vs

“Kintra” UAB

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikolu 3(1) — Kunċett ta’ ‘proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn’ — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 1(2)(b) — Kunċett ta’ ‘falliment’ — Azzjoni għall-ħlas ta’ kreditu mibdija mil-istralċjarju — Kreditu li jirriżulta minn trasport internazzjonali ta’ merkanzija — Relazzjonijiet bejn ir-Regolament Nru 1346/2000 u r-Regolament Nru 44/2001 u l-Konvenzjoni dwar it-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq (CMR)”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014 

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni — Materji ċivili u kummerċjali — Kunċett — Azzjoni għall-ħlas ta’ kreditu bbażata fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, eżerċitata mill-istralċjarju ta’ impriża fi stralċ, imressqa fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza mibdija fi Stat Membru, u diretta kontra l-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi, stabbilit fi Stat Membru ieħor — Inklużjoni — Nuqqas ta’ applikabbiltà tar-Regolament Nru 1346/2000

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 3(1) u Nru 44/2001, Artikolu 1(1) u 2(b))

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Relazzjonijiet ma’ konvenzjonijiet marbuta ma’ materji partikolari — Konvenzjoni dwar it-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq (CMR) — Applikabbiltà tal-konvenzjoni — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 71)

1.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-azzjoni għall-ħlas ta’ kreditu bbażata fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, eżerċitata mil-istralċjarju ta’ impriża fi stralċ, imsemmija fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru, u diretta kontra l-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi, stabbilit fi Stat Membru ieħor.

Fil-fatt, il-kriterju determinanti adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tidentifika l-qasam li taqa’ fih azzjoni taqa’ ma huwiex il-kuntest proċedurali li fih taqa’ din l-azzjoni, iżda l-bażi legali ta’ din tal-aħħar. Skont dan l-approċċ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni joriġinax minn regoli komuni tad-dritt ċivili jew kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza.

Azzjoni għall-ħlas ta’ kreditu li jirriżulta mill-provvista ta’ servizzi għal eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport setgħet tiġi ppreżentata mill-kreditur stess, qabel ma ġie żvestit mill-awtorità tiegħu permezz tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fil-konfront tiegħu u, f’dan il-każ, din kienet tkun irregolata mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli f’materji ċivili jew kummerċjali. Il-fatt li, wara l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fil-konfront tal-fornitur tas-servizzi, l-azzjoni għall-ħlas tiġi eżerċitata mil-istralċjarju fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri u li dan tal-aħħar jaġixxi fl-interess tal-kredituri ma jbiddilx b’mod sostanzjali n-natura tal-kreditu invokat, li tibqa’ suġġetta, fil-mertu, għal regoli ta’ dritt li ma nbidlux. Għaldaqstant tali azzjoni ma għandhiex rabta diretta mal-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa fir-rigward tar-rikorrenti. Għaldaqstant u mingħajr il-bżonn li jiġi vverifikat jekk din hijiex marbuta mill-qrib mal-proċeduri ta’ insolvenza, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija azzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 u, b’mod simetriku, li hija ma taqax fil-falliment, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

(ara l-punti 27-32 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ li l-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm ta’ dan ir-regolament kif ukoll f’dak tal-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq (CMR), iffirmata f’Genève fid-19 ta’ Mejju 1956, kif emendata mill-Protokoll iffirmat f’Genève fil-5 ta’ Lulju 1978, Stat Membru jista’, skont l-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament, japplika r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 31(1) ta’ din il-konvenzjoni.

Hija l-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ħlas marbuta ma’ servizzi ta’ trasport, li għandha tivverifika jekk l-imsemmija servizzi jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni taċ-CMR, kif dawn huma stabbiliti fl-Artikolu 1 tagħha.

(ara l-punti 36, 42 u d-dispożittiv 2)