Language of document : ECLI:EU:F:2013:17

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

21 ta’ Frar 2013

Kawża F‑113/11

Luigi Marcuccio

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Artikolu 34(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Firma bil-miktub tal-avukat differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta — Tardività tar-rikors — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita li biha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu għall-ħlas ta’ arretrati fuq ir-remunerazzjoni għax-xahar ta’ Awwissu 2010. Qabel ma l-oriġinal tar-rikors ġie ppreżentat bil-posta, intbagħat dokument permezz ta’ faks, fil-25 ta’ Ottubru 2011, lir-Reġistru tat-Tribunal li rċevieh fl-istess jum, liema dokument ġie indikat bħala kopja tal-oriġinal tar-rikors ippreżentat bil-posta.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Firma bil-miktub ta’ avukat — Regola sostanzjali li għandha tiġi applikata b’mod strett — Assenza — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Firma bil-miktub tal-avukat differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta — Konsegwenza — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha tiġi riċevuta l-faks għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

1.      Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull rikorrent għandu jkun irrappreżentat minn persuna awtorizzata għal dan l-iskop u li, għaldaqstant, kawżi jistgħu jitressqu validament quddiem il-qrati tal-Unjoni biss permezz ta’ rikors iffirmat minn din tal-aħħar. Bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tal-Anness I ta’ dan l-istess Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli wkoll għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ebda deroga minn jew eċċezzjoni għal dan l-obbligu ma hija prevista mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mir-Regoli tal-Proċedura ta’ dan it-Tribunal.

Fil-fatt, ir-rekwiżit tal-firma bil-miktub tar-rappreżentant tar-rikorrent jiggarantixxi, għall-finijiet taċ-ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u jeskludi r-riskju li dan tal-aħħar ma jkunx sar mill-avukat jew mill-konsulent legali awtorizzat għal dan l-iskop. Għalhekk, dan tal-aħħar, bħala uffiċjal tal-qorti, jaqdi rwol essenzjali, li jagħtuh l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi jippermetti, permezz tal-qadi tal-inkarigu tiegħu, l-aċċess tar-rikorrent għall-imsemmi Tribunal. Għaldaqstant, dan ir-rekwiżit għandu jitqies li huwa regola proċedurali sostanzjali u għandu jiġi applikat strettament, b’mod li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

(ara l-punti 19 u 20)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, C‑174/96 P, punt 8, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali: 23 ta’ Mejju 2007, Il‑Parlament vs Eistrup, T‑223/06 P, punti 50 sa 52

2.      Fil-kuntest tal-kawżi quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, għall-finijiet tal-preżentata tal-oriġinal ta’ kull att proċedurali fit-termini stabbiliti, l-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jippermettix lir-rappreżentant tal-parti kkonċernata li jqiegħed żewġ firem bil-miktub distinti, anki jekk ikunu awtentiċi, waħda fuq id-dokument trażmess permezz ta’ faks lir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal u l-oħra fuq l-oriġinal li jintbagħat bil-posta jew li jingħata bl-idejn lill-imsemmi Reġistru.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm jidher li l-oriġinal tal-att, li ġie fiżikament ippreżentat fir-Reġistru fi żmien għaxart ijiem minn meta ġiet trażmessa kopja tiegħu permezz ta’ faks lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma għandux fuqu l-istess firma bħal dik li tinsab fuq id-dokument li ntbagħat permezz ta’ faks, għandu jiġi kkonstatat li fir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal waslu żewġ atti proċedurali distinti, kull wieħed minnhom b’firma għaliha minkejja li kull waħda tqiegħdet mill-istess persuna. Billi t-trażmissjoni tat-test mibgħut permezz ta’ faks ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għaċ-ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-data ta’ trażmissjoni tad-dokument mibgħut permezz ta’ faks ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

Barra minn hekk, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa stabbilit bl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma jistgħux jidderogaw minnu r-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-oriġinal tar-rikors jitħejja mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ dan it-terminu. Minn din il-perspettiva, it-trażmissjoni permezz ta’ faks ma hijiex biss mezz ta’ trażmissjoni, iżda tippermetti wkoll li jiġi pprovat li l-oriġinal tar-rikors li jkun wasal fir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal wara l-iskadenza tat-terminu kien diġà tħejja fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punti 22 sa 24)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, punti 37 sa 43