Language of document : ECLI:EU:F:2013:42

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Marzu 2013

Kawża F‑111/11

Chris van der Aat

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Remunerazzjoni – Aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra – Artikoli  64, 65 u 65a tar-Regolamenti tal-Persunal – Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal – Regolament (UE) Nru 1239/2010 – Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni – Uffiċjali assenjati f’Ispra”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu r-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li japplikaw fil-konfront tagħhom ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2010, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li jaġġusta, mill-1 ta’ Lulju 2010, ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi applikati għalihom (ĠU L 338, p. 1), sa fejn jiffissa bħala 92.3 % l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni tal-persunal assenjat fil-provinċja ta’ Varese (l-Italja, iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ Varese”).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa micħud. Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni – Regolamenti li jimplementaw ir-Regolamenti tal-Persunal – Motivazzjoni – Obbligu – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 64 u 65; Anness XI; Regolament tal-Kunsill Nru 1239/2010)

2.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni – Iffissar – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 64 u 65; Anness XI)

3.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Riferiment għal sit internet – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(4))

1.      Il-motivazzjoni ta’ regolament li jiffissa l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali tista’ tkun limitata għall-indikazzjoni, minn naħa, tas-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-għanijiet ġenerali li huwa jfittex li jilħaq u ma għandhiex tikkonċerna l-aspetti tekniċi tal-modalitajiet ta’ kalkolu. F’dan ir-rigward, il-motivazzjoni tar-Regolament Nru 1239/2010, li jaġġusta, mill-1 ta’ Lulju 2010, ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti oħra tal-Unjoni, u li jikkonċerna l-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll l-Anness XI tiegħu, dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għandhom jiġu aġġustati kull sena, għalkemm fil-qosor, hija suffiċjenti fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

(ara l-punti 23 u 24)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 7 ta’ Diċembru 1995, Abello et vs Il‑Kummissjoni, T‑544/93 u T‑566/93, punt 89; 8 ta’ Novembru 2000, Bareyt et vs Il‑Kummissjoni, T‑175/97, punt 75

2.      F’dak li jirrigwarda l-istabbiliment jew ir-reviżjoni tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) il-kompitu li jikkalkola l-paritajiet ekonomiċi bi qbil mas-servizzi tal-istatistika tal-Istati Membri u li jivverifika jekk il-proporzjonijiet bejn koeffiċjenti ta’ korrezzjoni jistabbilixxux korrettament l-ekwivalenzi fil-kapaċità ta’ akkwist. F’dan ir-rigward, il-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-livell ta’ kumplessità tas-suġġett jimplikaw marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-fatturi u elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment jew fir-reviżjoni tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni.

Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-qorti tal-Unjoni, f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni u l-għażla tad-data bażika u tal-metodi statistiċi użati mill-Eurostat sabiex jistabbilixxi proposti ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, għandha tkun limitata għall-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li fuqhom hija bbażata l-fissazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni u tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter.

Barra minn hekk, huwa dak li jrid iqiegħed fid-dubju l-elementi u l-metodu użati sabiex jiġu ffissati l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li għandu jipprovdi provi li jistgħu juru li twettaq żball manifest.

F’dan ir-rigward, f’qasam fejn tista’ ssir biss approssimazzjoni, il-konstatazzjoni ta’ sempliċi differenza bejn, minn naħa, id-differenzjali tal-bidliet fil-prezzijiet fi Brussell u f’post ta’ assenjazzjoni ieħor u, min-naħa l-oħra, il-bidliet fil-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikat għal dak il-post ta’ assenjazzjoni, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti żball manifest ta’ evalwazzjoni. Sabiex dan iseħħ, id-differenza inkwistjoni għandha tkun partikolarment kbira.

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li tkun ġiet ipprovata l-eżistenza ta’ żbalji li jivvizzjaw il-proporzjon, li jidher f’rapport ta’ Eurostat, bejn il-prezzijiet ta’ servizz applikati fi Brussell u dawk applikati f’post ta’ assenjazzjoni ieħor, jeħtieġ li jiġi pprovat ukoll li, fid-dawl tal-kobor tal-effetti kumulattivi ta’ dawn l-iżbalji, il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ dan l-aħħar post ta’ assenjazzjoni, kollu kemm hu, huwa manifestament żbaljat.

(ara l-punti 43 sa 46, 54 u 77)

Referenza:

Il-Qorti Ġeneral: Abello et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53, 55, 56 u 79; 25 ta’ Settembru 2002, Ajour et vs Il‑Kummissjoni, T‑201/00 u T‑384/00, punti 46 sa 49

3.      Skont l-Artikolu 34(4) tar-Regolament tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-Tribunal ma huwiex obbligat ifittex fuq l-internet dokumenti li ma jiġux annessi mal-atti proċedurali.

(ara l-punt 73)