Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta' Ġunju 2010 - BASF Plant Science et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-293/08) 1

"Approssimazzjoni tal-liġijiet - Rilaxx intenzjonat ta' organiżmi mmodifikati ġenetikament fl-ambjent - Proċedura ta' awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq - Nuqqas ta' adozzjoni ta' deċiżjoni - Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni - Nuqqas ta' suġġett tal-kawża - Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni "

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BASF Plant Science GmbH (Ludwigshafen, il-Ġermanja); Plant Science Sweden AB (Svalöv, l-Isvezja); Amylogene HB (Svalöv); u BASF Plant Science Co. GmbH, li kienet BASF Plant Science Holding GmbH (Ludwigshafen) (rappreżentanti: D. Waelbroeck u U. Zinsmeister, avukati, u D. Slater, solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. O'Reilly u M. C. Zadra, aġenti)

Parti intervenjenti insostenn tal-konvenuta: Ir-Renju tad-Danimarka (rappreżentanti : J. Bering Liisberg u R. Holdgaard, aġenti)

Suġġett

Talba għal dikjarazzjoni li, billi ma tadottax deċiżjoni fir-rigward tan-notifika tar-rikorrenti dwar it-tqegħid fis-suq ta' patata mmodifikata ġenetikament Amflora, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77), u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta' Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124).

Dispożittiv

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors.

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

____________

1 - ĠU C 272, 25.10.2008.