Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Mejju 2010 - Lancôme parfums et beauté & Cie vs UASI - Focus Magazin Verlag GmbH (COLOR FOCUS)

(Kawża T-204/10)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Lancôme parfums et beauté & Cie (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. von Mühlendahl u S. Abel, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Focus Magazin Verlag GmbH (München, il-Ġermanja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-11 ta' Frar 2010 fil-Każ R 238/2009-2;

tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tas-16 ta' Diċembru 2008 fil-Każ 990 C;

tiċħad it-talba ppreżentata mill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell għal dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja tar-rikorrenti Nru 1327410 COLOR FOCUS sa fejn it-talba hija bbażata fuq it-trade mark Komunitarja FOCUS Nru 453720;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-kawża, inklużi dawk tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell; u

tikkundanna lill-parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell tħallas l-ispejjeż tal-kawża, inklużi dawk tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, fil-każ fejn-din issir parti intervenjenti f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: Trade mark verbali "COLOR FOCUS" għal prodotti fil-klassi 3 - Reġistrazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 1327410

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Dritt tat-trade mark tal-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità: Reġistrazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 453720 tat-trade mark verbali "FOCUS" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 3, 6, 7, 9, 14, 16, 21, 25, 28, 29, 32, 33, 35, 38, 39, 41, 42; Reġistrazzjoni għat-trade mark Ġermaniża Nru 39407564 tat-trade mark verbali "FOCUS" għal varjetà wiesgħa ta' prodotti u servizzi li jammontaw għal 24 klassi

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: Dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud

Motivi invokati:

Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 53(1)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 (iktar 'il quddiem ir-"Regolament dwar it-trade mark Komunitarja") billi kkonstatat probabbiltà ta' konfużjoni bejn "COLOR FOCUS" u "FOCUS". Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell naqas peress li ma pprovdiex evalwazzjoni speċifika tat-tali konstatazzjoni, li tirrikjedi analiżi tal-livell ta' karattru distintiv u tal-livell ta' xebh, b'mod li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn element essenzjali fil-motivazzjoni tagħha.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li ebda persuna ma għandha d-dritt li tistrieħ fuq pożizzjoni legali formali meta din tikkostitwixxi abbuż ta' dritt.

____________