Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Ġunju 2011 - Ecologistas en Acción - CODA vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-341/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Ecologistas en Acción-CODA (Madrid, Spanja) (rappreżentant: J. Doreste Hernández, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni ta' rifjut, minħabba nuqqas ta' risposta fit-termini, tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, li tirrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokumenti mitluba fil-kuntest tal-proċedura GESTDEM 2011/6;

tirrikonoxxi d-dritt ta' ECOLOGISTAS EN ACCIÓN li tirċievi d-dokumenti mitluba u indebitament irrifjutati mill-Kummissjoni:

a. Summary by the Spanish Ministry of Environment of the Information submitted to the European Commission concerning the environmental assessment of the construction of the Granadilla Port, transmitted to the Permanent Representation of Spain to the European Union on 4 November 2005;

b. in-nota ta' spjegazzjoni, complimentary information by Gobierno de Canarias, November 2005,

c. Alternative analysis concerning the location of the Granadilla Port by Gobierno de Canarias, July 2005, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa bbażat fuq it-talba għat-trażmissjoni ta' dokumenti ta' natura ambjentali li kienet impliċitament irrifjutata mill-Kummissjoni Ewropea.

L-informazzjoni rrifjutata tikkonċerna tliet dokumenti pprovduti mill-amministrazzjoni Spanjola lill-Kummissjoni Ewropea, sabiex din tal-aħħar tagħti opinjoni, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), rigward il-bini ta' port fi Granadilla (Tenerife, Spanja).

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tistqarr li l-Kummissjoni ma indikatx bil-miktub lil ECOLOGISTAS EN ACCIÓN ir-raġunijiet għaliex hija rrifjutatilha l-aċċess għat-tliet dokumenti mitluba u ħalliet lir-Renju ta' Spanja d-deċiżjoni finali dwar it-talba għal komunikazzjoni ta' dawn id-dokumenti, minkejja li dawn ma jissodisfaw ebda wieħed mill-kriterji ta' eċċezzjonijiet pprovduti fl-Artikolu 4(1)(2) u (3) tar-regolament iċċitat iktar 'il fuq.

2.    It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13)

Ir-rikorrenti ssostni li peress li t-tliet dokumenti mitluba huma "informazzjoni dwar l-ambjent", ir-rifjut impliċitu tagħhom jimplika ksur tal-kontenut letterali u tal-għan tar-regolament msemmi qabel u tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

____________