Language of document : ECLI:EU:C:2023:695

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑21 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C605/21

Heureka Group a.s.

vs

Google LLC

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Azzjonijiet għad-danni fid-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni – Possibbiltà li tistrieħ fuq deċiżjoni mhux finali tal-Kummissjoni – Direttiva 2014/104/UE – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Bidu ta’ ksur qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva – Terminu ta’ preskrizzjoni – Kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inizjali mal‑Artikolu 102 TFUE u mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Ilkuntest ġuridiku

A. Iddritt talUnjoni

1. IrRegolament Nru 1/2003

2. IdDirettiva 2014/104

B. Iddritt nazzjonali

III. Ilfatti u lproċedura filkawża prinċipali

A. Ilproċedura talKummissjoni filkawża “Google Shopping” u ddeċiżjoni C(2017) 4444 final

B. Lazzjoni nazzjonali ċivili għaddanni ta’ Heureka

IV. Talba għal deċiżjoni preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

V. Evalwazzjoni dwar ilmertu taddomandi preliminari

A. Domanda preliminari: ilqorti nazzjonali tista’ tibbaża ruħha fuq deċiżjoni talKummissjoni li għadha ma hijiex finali?

1. Innatura vinkolanti ta’ deċiżjoni talKummissjoni li għadha ma hijiex finali

2. Obbligu li tissospendi lproċedura filkawża prinċipali?

B. Lewwel u ttieni domanda preliminari: Limplikazzjonijiet talkonstatazzjonijiet tassentenza Volvo għal din ilkawża

1. Ilperijodu talksur li seħħ wara liskadenza tatterminu ta’ traspożizzjoni tadDirettiva 2014/104

2. Ilperijodu talksur li seħħ qabel liskadenza tatterminu ta’ traspożizzjoni tadDirettiva 2014/104

C. Ittielet u rraba’ domanda preliminari: Ir-rekwiżiti li jirriżultaw middritt tal-Unjoni għar-regoli ta’ preskrizzjoni qabel id-Direttiva

1. Itterminu ta’ preskrizzjoni jista’ jibda jiddekorri qabel ittmiem talksur? (it-tielet domanda u l-punt (i) tar-raba’ domanda)

2. Itterminu ta’ preskrizzjoni jista’ jibda jiddekorri qabel malpersuna leża tkun taf li laġir jikkostitwixxi ksur tarregoli talkompetizzjoni? (punt (ii) tar-raba’ domanda)

3. Itterminu ta’ preskrizzjoni għandu jkun sospiż matul ilproċedura quddiem ilKummissjoni u listħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni? (punti (iii) u (iv) tar-raba’ domanda)

VI. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Skont ir-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti permezz tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal‑kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea(2), it-termini ta’ preskrizzjoni ma jibdewx jiddekorru qabel il-ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni jkun waqaf u r-rikorrent kien jaf jew jista’ jkun mistenni raġonevolment li jkun jaf dwar l-elementi essenzjali li jikkostitwixxu l‑ksur.

2.        Fil-qafas ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal‑Ġustizzja hija, prinċiparjament, mitluba teżamina jekk, qabel l‑iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, ir‑rekwiżit li jitlob li t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jkun waqaf il-ksur kienx diġà jirriżulta mill‑Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad‑dritt tal-Unjoni ta’ ċerti aspetti tar-regoli nazzjonali antiki tal‑preskrizzjoni, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-għarfien tal-fatt li l-aġir ikkonċernat jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u s‑sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul il-proċedura quddiem il‑Kummissjoni Ewropea u l-kontestazzjoni ġudizzjarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l‑ksur.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IrRegolament (KE) Nru 1/2003

3.        L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (3), intitolat “L‑oneru tal-Prova”, jistipula:

“F’kwalunkwe proċedura nazzjonali jew tal-Komunità għal‑applikazzjoni ta’ l-Artikoli [101 u 102 TFUE], il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu [101](1) jew ta’ l-Artikolu [102 TFUE] ħa jpoġġi fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur. L-impriża jew l‑assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tapplika għall-benefiċċji ta’ l‑Artikolu [101](3) [TFUE] ħa jġorr il-piż tal-prova li il-kondizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma mwettqa.”

4.        L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-Komunità”, jipprevedi:

“1.      Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad‑deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil‑Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu [jissospendu] dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu [267 TFUE].

2.      Meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra għad-deċiżjoni adottata mil‑Kummissjoni.”

5.        Skont l-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-regolament:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha sar il‑ksur. Madankollu, fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, il-ħin jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ meta il-ksur intemm.”

2.      IdDirettiva 2014/104

6.        Il-premessa 36 tad-Direttiva 2014/104 tipprevedi:

“Ir-regoli nazzjonali dwar il-bidu, it-tul, is-sospensjoni jew l‑interruzzjoni tal-perijodi ta’ preskrizzjoni ma għandhomx ixekklu milli jitressqu azzjonijiet għad-danni. Dan huwa partikolarment importanti fir‑rigward tal-azzjonijiet li jibnu fuq is-sejba ta’ ksur minn awtorità tal‑kompetizzjoni jew qorti tal-appell. Għan dan il-għan, għandu jkun possibbli li titressaq azzjoni għad-danni wara l-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, bil-ħsieb li tkun infurzata l-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Il-perijodu ta’ preskrizzjoni ma għandux jibda jgħodd qabel ma l-ksur ikun waqaf u qabel ma attur ikun jaf, jew jista’ jkun mistenni raġonevolment li jkun jaf, l-imġiba li tikkostitwixxi l-ksur, il-fatt li l-ksur ikkawża ħsara lill-attur u l-identità tal-kontraventur. L‑Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu perijodi ta’ limitazzjoni assoluti li huma ta’ applikazzjoni ġenerali, dment li t-tul ta’ żmien ta’ tali perijodi ta’ limitazzjoni assoluti ma jagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens sħiħ.”

7.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa intitolat “Definizzjonijiet” u l-punti 1 u 12 tiegħu jistipulaw:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni’ tfisser ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, jew tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni;

[…]

12)      ‘deċiżjoni finali dwar ksur’ tfisser deċiżjoni dwar ksur li ma tistax jew li warajha ma hemmx aktar dritt ta’ appell bil-mezzi ordinarji”.

8.        L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Effett ta’ deċiżjonijiet nazzjonali”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b’deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b’mod inkontestabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 1 tittieħed fi Stat Membru ieħor, dik id-deċiżjoni finali tista’, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, tiġi ppreżentata quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom bħala tal-inqas evidenza prima facie tal-fatt li seħħ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, u, kif xieraq, tista’ tiġi valutata flimkien ma’ kwalunkwe evidenza oħra ppreżentata mill-partijiet.

3.      Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 267 TFUE.”

9.        L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Perijodi ta’ preskrizzjoni”, jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-perijodi ta’ preskrizzjoni għat‑tressiq tal-azzjonijiet għad-danni. Dawk ir-regoli għandhom jiddeterminaw meta jibda l-perijodu ta’ preskrizzjoni, it-tul ta’ żmien tal‑perijodu u ċ-ċirkostanzi li taħthom huwa interrott jew sospiż.

2.      Il-perijodi ta’ preskrizzjoni ma jibdewx jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-attur ikun jaf, jew jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkun jaf:

(a)      bl imġiba u l-fatt li din tikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(b)      bil-fatt li l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni kkawża ħsara lilu; u

(c)      l-identità tal-kontraventur.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodi ta’ preskrizzjoni għat‑tressiq ta’ azzjonijiet għad-danni huma mill-inqas ta’ ħames snin.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perijodu ta’ preskrizzjoni jiġi sospiż jew, skont il-liġi nazzjonali, interrot jekk awtorità tal‑kompetizzjoni tieħu azzjoni għall-fini tal-investigazzjoni jew il‑proċedimenti tagħha fir-rigward ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li miegħu tkun relatata l-azzjoni għad-danni. Is-sospensjoni għandha tintemm l-aktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni tal-ksur tkun saret finali jew wara li l-proċedimenti jkunu ntemmu mod ieħor.”

B.      Iddritt Ċek

10.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, qabel id‑dħul fis-seħħ taz-zákon č. 262/2017 Sb., o náhradě škody v oblasti hospodářské soutěže (il-Liġi Nru 262/2017 dwar ir-Rimedju għad-Danni fil-Qasam tal-Kompetizzjoni) fl‑1  ta’ Settembru 2017, il-preskrizzjoni tad-dritt għar-rimedju għal dannu qabel xejn kienet, sal‑31 ta’ Diċembru 2013, irregolata miz-zákon č. 513/1991 Sb., obchodní zákoník (il-Liġi Nru 513/1991 dwar il-Kodiċi Kummerċjali), imbagħad, mill‑1 ta’ Jannar 2014 sal‑31 ta’ Awwissu 2017, miz-zákon č. 89/2012 Sb., občanský zákoník (il-Liġi Nru 89/2012 dwar il-Kodiċi Ċivili). Skont il‑qorti tar-rinviju, id-differenza bejn dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet hija dovuta għall-fatt li, skont il-Kodiċi Kummerċjali, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ erba’ snin, filwaqt li, skont il-Kodiċi Ċivili, dan it-terminu huwa ta’ tliet snin. Għall-finijiet tal-proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti kompetenti sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (4), tindika bħala rilevanti r‑regoli tal-Kodiċi Ċivili.

11.      L-Artikolu 620(1) tal-Kodiċi Ċivili jistipula:

“Iċ-ċirkustanzi rilevanti sabiex il-perijodu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens għad-dannu jibda jiddekorri jinkludu l-għarfien tad-dannu u dik tal-[identità] tal-persuna responsabbli mill-kumpens tiegħu. Dan għandu japplika, mutatis mutandis, anki għall-finijiet tal-kumpens għad-dannu.”

12.      L-Artikolu 629(1) tal-Kodiċi Ċivili jistipula:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ tliet snin.”

13.      Skont l-Artikolu 9(1) sa (3) tal-Liġi Nru 262/2017 dwar ir-Rimedju għad-Danni fil-Qasam tal-Kompetizzjoni:

“(1)      It-terminu ta’ preskrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ dritt għall-kumpens għal dannu skont din il-liġi huwa ta’ 5 snin; id-dispożizzjonijiet tal‑Artikoli 629 u 636 tal-Kodiċi Ċivili ma humiex applikabbli.

(2)      It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha l‑persuna kkonċernata ssir taf bid-danni, [bl-identità] tal-persuna responsabbli mill-kumpens tad-danni u bir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, jew kellha jew setgħet issir taf b’dawn l-elementi, iżda mhux qabel il-jum li fih intemmet ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

(3)      It-terminu ta’ preskrizzjoni ma jiddekorrix matul il-perijodu ta’ investigazzjoni jew tal-proċedura quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni dwar l-istess restrizzjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll matul perijodu ta’ sena li jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha a) id-deċiżjoni adottata mill‑awtorità ta’ kompetizzjoni jew minn qorti li tikkonstata li hemm tali restrizzjoni tal-kompetizzjoni saret finali jew b) l-investigazzjoni, il‑proċedura quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni jew il-proċedura quddiem il-qorti ntemmet b’xi mod ieħor.”

III. Ilfatti u lproċedura filkawża prinċipali

14.      Heureka Group a.s. (iktar ’il quddiem “Heureka”), kumpannija attiva fis-suq tas-servizzi ta’ tqabbil ta’ prezzijiet ta’ bejgħ fir-Repubblika Ċeka, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bdiet quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), il-qorti tar‑rinviju, azzjoni għad-danni kontra Google LLC wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2017 fil‑każ Google Search (Shopping) (iktar ’il quddiem “id‑Deċiżjoni C(2017) 4444 final”) (5).

A.      Ilproċedura talKummissjoni filkawża “Google Shopping” u ddeċiżjoni C(2017) 4444 final

15.      Fit‑30 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni ppubblikat stqarrija għall-istampa li fiha indikat li kienet bdiet proċedura kontra Google abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 dwar allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-qasam tat-tfittxija online (6).

16.      Fl‑2013, Google pproponiet lill-Kummissjoni xi azzjonijiet sabiex tindirizza t-tħassib ta’ din l-istituzzjoni.

17.      Fis‑27 ta’ Mejju 2014, is-Sdružení pro internetový rozvoj v České republice (l-Assoċjazzjoni għall-Iżvilupp tal-Internet fir-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem is-“SPIR”), li tagħha Heureka hija membru, ippubblikat stqarrija għall-istampa li permezz tagħha esprimiet in-nuqqas ta’ qbil ma’ dawn l-attivitajiet.

18.      Fil‑15 ta’ April 2015, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet indirizzata lil Google, li fiha hija waslet għall-konklużjoni provviżorja li l-prattiki inkwistjoni jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti u, għalhekk, jiksru l-Artikolu 102 TFUE.

19.      Fl‑14 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet addizzjonali u bdiet proċedura dwar ksur tal‑Artikolu 102 TFUE anki fil-konfront tal-kumpannija omm ta’ Google, il-kumpannija Alphabet, Inc.

20.      Fis‑27 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2017) 4444 final. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li Google u Alphabet, Inc., minn meta ħadet il-kontroll ta’ Google, kienu kisru l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”). Skont il-Kummissjoni, Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fi tlettax-il suq nazzjonali tat-tfittxija ġenerali fi ħdan iż-ŻEE, fosthom is-suq tar-Repubblika Ċeka, billi naqqset it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha lejn it-tqabbil tax-xiri kompetituri u żiedet dan it-traffiku lejn it-tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, li seta’ jkollu, jew li probabbilment kellu, effetti antikompetittivi fuq it-tlettax-il suq nazzjonali korrispondenti għat-tiftix speċjalizzat għat‑tqabbil tax-xiri, iżda wkoll għall-imsemmija swieq tat-tiftix ġenerali (7).

21.      Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan il-ksur seħħ b’effett mix-xahar ta’ Frar 2013 fir-Repubblika Ċeka u kompla sad-data tal-adozzjoni tad‑Deċiżjoni C(2017) 4444 final, jiġifieri s‑27 ta’ Ġunju 2017. Il-Kummissjoni għalhekk qieset li kien hemm lok li tordna lil Google ttemm l-imġiba tagħha f’terminu ta’ 90 jum u li ma tadottax imġiba ekwivalenti li għandha l‑istess għan jew l-istess effett (8).

22.      Fit‑12 ta’ Jannar 2018, is-sommarju tad-Deċiżjoni C(2017) 4444 final ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

23.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Settembru 2017, Google ppreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni C(2017) 4444 final. Fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Novembru 2021 fil‑kawża Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (T‑612/17, EU:T:2021:763), il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni biss sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat ksur min-naħa ta’ Google fi tlettax-il suq nazzjonali tat-tiftix ġenerali fi ħdan iż-ŻEE abbażi tal‑eżistenza ta’ effetti antikompetittivi f’dawn is-swieq u ċaħdet il‑kumplament tar-rikors ta’ Google, b’mod partikolari billi vvalidat l‑analiżi tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda s-suq tat-tiftix speċjalizzat għat-tqabbil tax-xiri.

24.      Permezz ta’ rikors tal‑20 ta’ Jannar 2022, Google ppreżentat appell, li bħalissa huwa pendenti, kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (9).

B.      Lazzjoni nazzjonali ċivili għaddanni ta’ Heureka

25.      Permezz ta’ rikors tal‑25 ta’ Ġunju 2020, ippreżentat fis‑26 ta’ Ġunju 2020, Heureka fetħet, quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga), rikors għad-danni kontra Google. Dan ir-rikors huwa intiż għall-kumpens tad-dannu li Heureka allegatament sofriet minħabba l-abbuż minn pożizzjoni dominanti li, skont id-Deċiżjoni C(2017) 4444 final, Google kellha fir-Repubblika Ċeka matul il‑perijodu mix-xahar ta’ Frar 2013 sas‑27 ta’ Ġunju 2017. Heureka tiddikjara li Google kienet poġġiet u uriet is-servizz ta’ tqabbil ta’ prezzijiet ta’ bejgħ tagħha fl-aħjar post possibbli fost ir-riżultati fis-servizzi ta’ tfittxija ġenerali tagħha, li naqqas il-konsultazzjoni tal-portal ta’ tqabbil ta’ prezzijiet ta’ bejgħ Heureka.cz.

26.      Google opponiet dan ir-rikors billi sostniet, b’mod partikolari, li d-dritt għal kumpens kien preskritt għall-perijodu, tal-inqas, mix-xahar ta’ Frar 2013 sal‑25 ta’ Ġunju 2016 (10). Dan l-argument huwa bbażat fuq il‑premessa li Heureka kienet f’pożizzjoni li tkun taf kemm l-awtur tal‑ksur kif ukoll il-fatt li hija sofriet dannu ħafna qabel l-adozzjoni tad‑Deċiżjoni C(2017) 4444 final.

27.      F’dan ir-rigward, Google tosserva li kien ċar li l-operatur tal-mutur tat-tfittxija bl-isem “Google” kienet il-kumpannija Google, b’mod partikolari minħabba stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Novembru 2010 (punt 15 hawn fuq).

28.      Barra minn hekk, Google tqis li, fi kwalunkwe każ, il‑pubblikazzjoni, fis‑27 ta’ Mejju 2014, tal-istqarrija għall-istampa li permezz tagħha s-SPIR esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha dwar l‑attivitajiet li Google pproponiet lill-Kummissjoni (punt 17 hawn fuq) kienet biżżejjed sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni.

29.      Għal dawn ir-raġunijiet, Google ssostni li t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli f’dan il-każ kien beda jiddekorri mix-xahar ta’ Frar 2013, jiġifieri mill-bidu tal-ksur fit-territorju Ċek u l-bidu tad-dannu allegat, jew, tal-inqas, mis‑27 ta’ Mejju 2014, id-data tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa tas-SPIR.

30.      Skont Google, xejn ma kien jipprekludi lil Heureka milli tippreżenta r-rikors għad-danni tagħha peress li din il-kumpannija setgħet, matul il-proċedura dwar dan ir-rikors, tespandi gradwalment l‑portata tad-dannu, bl-inklużjoni tad-danni parzjali subiti li kienet tiżdied mal-mogħdija taż‑żmien.

31.      F’dan il-kuntest, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali antika li kienet tirregola t-termini ta’ preskrizzjoni mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/104 u, jekk ikun il-każ, mal-Artikolu 102 TFUE u mal-prinċipju ta’ effettività. Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l‑Artikolu 620(1) tal-Kodiċi Ċivili, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin jibda jiddekorri minn meta l-persuna li sofriet id-dannu ssir taf jew minn meta jista’ jiġi kkunsidrat li saret taf bl-identità tal-awtur tal-ksur u tad-dannu subit. Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-għarfien tal-fatt li ġie subit dannu minħabba l-ksur ikkonċernat, skont interpretazzjoni tan‑Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) tal‑Artikolu 620(1) tal-Kodiċi Ċivili, sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, l-għarfien ta’ dannu parzjali huwa biżżejjed. Id-dannu huwa, b’mod partikolari fil-każijiet ta’ ksur kontinwu u repetut, diviżibbli u kull “dannu ġdid” jista’ jiġi invokat b’mod separat u jiskatta terminu ta’ preskrizzjoni ġdid.

32.      Skont il-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ, dan ifisser li kull tfittxija ġenerali magħmula fis-sit ta’ Google li wasslet għal pożizzjonament u dehra ta’ riżultati li kienu iktar favorevoli għas-servizz ta’ tqabbil ta’ xiri ta’ Google kien jiskatta terminu ta’ preskrizzjoni ġdid awtonomu.

33.      Barra minn hekk, din il-qorti tosserva li, kuntrarjament għall‑Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104, il-Kodiċi Ċivili ma jirrikjedix li l-persuna li sofriet id-dannu kellha għarfien tal-fatt li l-aġir kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-Kodiċi Ċivili lanqas kien jinkludi regola li tippermetti s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tat‑terminu ta’ preskrizzjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni dwar dan l-aġir, u lanqas ta’ regola li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni tintemm mhux iktar kmieni minn sena wara li d-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur saret finali.

IV.    Ittalba għal deċiżjoni preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Settembru 2021, li wasal fit‑30 ta’ Settembru 2021:

“1)      L-Artikolu 21(1) tad-[Direttiva 2014/104] u l-prinċipji ġenerali tad‑dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li d‑Direttiva 2014/104, u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha, tapplika direttament jew indirettament għat-tilwima preżenti rigward kumpens għal kull dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 102 TFUE li beda qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/104 u li ntemm wara l‑iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, f’sitwazzjoni fejn l‑azzjoni għad-danni wkoll tressaq wara l-iskadenza tat-terminu għat‑traspożizzjoni, jew fis-sens li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 japplika biss għal parti mill-aġir invokat (u għall-parti tad-dannu li tirriżulta minn dan) li seħħet wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad‑Direttiva 2014/104 jew wara d-data tal-iskadenza tat-terminu għat‑traspożizzjoni [tal-imsemmija direttiva]?

2)      It-tifsira u l-għan tad-Direttiva 2014/104 u/jew tal-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività jeżiġu li l-Artikolu 22(2) tad‑Direttiva 2014/104 jiġi interpretat fis-sens li l-‘miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21, minbarra dawk imsemmija [fl‑Artikolu 22(1)]’ huma dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104, fi kliem ieħor, l‑Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 u r-regoli ta’ preskrizzjoni jaqgħu taħt l-ewwel jew it-tieni paragrafu tal-Artikolu 22 tad‑Direttiva 2014/104?

3)      L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/104 u/jew l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività huma konformi ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali u l‑interpretazzjoni tagħha li torbot ‘l-għarfien li ġie kkawżat dannu’, li huwa rilevanti sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni suġġettiv jibda jiddekorri, mal-għarfien mill-parti li sostniet id-dannu tad-‘danni parzjali individwali’ li jirriżultaw gradwalment maż-żmien f’każ ta’ aġir antikompetittiv permanenti jew kontinwu (peress li l-ġurisprudenza titlaq mill-premessa li t-talba għal kumpens għad-dannu kkonċernat hija, fit‑totalità tagħha, diviżibbli) u li fir-rigward tagħhom jibdew jiddekorru termini ta’ preskrizzjoni suġġettivi indipendenti, irrispettivament mill‑għarfien mill-parti li sostniet id-dannu tal-portata sħiħa tad-dannu kkawżat mill-ksur tal-Artikolu 102 TFUE kollu, jiġifieri għalhekk leġiżlazzjoni nazzjonali u l-interpretazzjoni mogħtija lilha li tippermetti li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ talba għal kumpens għad-danni kkawżati mill-aġir antikompetittiv jibda jiddekorri qabel il-mument li fih intemm dan l-aġir, li jikkonsisti fit-tqegħid u fl-indikazzjoni b’mod iktar favorevoli tas-servizz tat-tqabbil tal-prezzijiet tagħha stess, bi ksur tal‑Artikolu 102 TFUE?

4)      L-Artikolu 10(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2014/104 u/jew l‑Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni suġġettiv f’azzjonijiet għad-danni huwa ta’ tliet snin u jibda jiddekorri mill-jum li fih il-parti li sostniet id-dannu saret taf jew setgħet issir taf bid-dannu parzjali kif ukoll bil-persuna li hija obbligata tikkumpensa għal dan, iżda ma tqisx (i) il-mument li fih l-aġir antikompetittiv intemm, (ii) l-għarfien tal-parti li sostniet id-dannu li l-aġir jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni u li fl-istess ħin (iii) ma tissospendix jew twaqqaf dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin matul il-proċedura quddiem il‑Kummissjoni dwar dan il-ksur pendenti tal-Artikolu 102 TFUE, u (iv) ma tinkludix ir-regola li s-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni jiskadi l-iktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni dwar il-ksur tkun saret finali?”

35.      Matul il-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja, Heureka, Google u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

36.      Fit‑22 ta’ Ġunju 2022, jiġifieri wara li għalqet il-proċedura bil‑miktub f’din il-kawża fil‑21 ta’ Marzu 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza fil-kawża Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, iktar ’il quddiem: “is-sentenza Volvo”, EU:C:2022:494), li fiha hija ddeċidiet, b’mod partikolari, dwar in-natura tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 kif ukoll l-applikabbiltà ratione temporis ta’ din id-dispożizzjoni. Fid-dawl tax-xebh bejn dik il-kawża u din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ġibdet l‑attenzjoni tal-qorti tar-rinviju għall-imsemmija sentenza billi staqsiet jekk, fid-dawl tagħha, xtaqitx issostni t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

37.      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2022, li waslet fl‑1 ta’ Lulju 2022, il-qorti tar-rinviju indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kienet ser iżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

38.      Madankollu, permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Settembru 2022, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kienet qed tirtira l-ewwel u t-tieni domandi tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha iżda li kienet ser iżomm it-tielet u r-raba’ domandi.

39.      Fl‑20 ta’ Diċembru 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Avukat Ġenerali għamlu mistoqsijiet sabiex jitwieġbu bil-miktub lill-partijiet kollha fil-kawża, li għalihom il-partijiet kollha wieġbu. Il-qorti tar‑rinviju, minn naħa tagħha, ippreżentat ukoll osservazzjonijiet wara dawn il-mistoqsijiet, li ġew irreġistrati bħala addendum għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

40.      Il-partijiet kollha kienu wkoll irrappreżentati waqt is-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2023.

V.      Analiżi

41.      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk Heureka, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ppreżentat ir-rikors tagħha fis‑26 ta’ Ġunju 2020 u li qieset lilha nnifisha li sofriet minn abbuż minn pożizzjoni dominanti twettaq minn Google bejn Frar 2013 u s‑27 ta’ Ġunju 2017, għadhiex tista’ titlob kumpens għad-dannu kkawżat matul dan il-perijodu kollu, jew jekk, għall‑kuntrarju, id-dritt għal kumpens tagħha huwiex diġà preskritt għal parti mill-imsemmi perijodu.

42.      Din id-domanda tqum b’mod partikolari għaliex, qabel it‑traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, id-dritt Ċek kien jorbot il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni biss mal-għarfien tad-dannu u tal‑awtur tiegħu. Il-ġurisprudenza rilevanti għalhekk kienet tikkunsidra li d-danni kollha li jirriżultaw matul ksur kontinwu tad-dritt tal‑kompetizzjoni kienu diviżibbli f’danni parzjali u li, għal kull dannu parzjali, kien jibda jiddekorri terminu ta’ preskrizzjoni awtonomu. Id-dritt għal kumpens kien għalhekk jiġi preskritt b’mod separat u progressiv.

43.      Bl-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza u tat-terminu ta’ preskrizzjoni antik ta’ tliet snin – u jekk titlaq mill-ipoteżi li, kif tallega Google (ara l-punti 26 sa 29 hawn fuq), Heureka kienet taf jew kellha tkun taf dwar id-dannu u l-awtur tiegħu mill-bidu tal-perijodu li għalih hija titlob kumpens jew, fi kwalunkwe każ, qabel it-tmiem tal-ksur kif ikkonstatat mill-Kummissjoni –, peress li parti mid-dritt għal kumpens ta’ Heureka li kien jirriżulta minn dan il-ksur kien diġà ġie preskritt fil‑mument li fih ippreżentat ir-rikors tagħha (11).

44.      Madankollu, sadanittant, daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2014/104, li l-Artikolu 10(2) tagħha jissuġġetta l-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal azzjoni għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mhux biss għall-għarfien, mir-rikorrent, tal-elementi essenzjali ta’ dan il‑ksur, iżda wkoll tal-fatt li dan il-ksur waqaf.

45.      Id-Direttiva 2014/104 daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Diċembru 2014. It-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fis‑27 ta’ Diċembru 2016. Fl‑1 ta’ Settembru 2017 daħlet fis-seħħ il-Liġi Nru 262/2017 dwar ir-Rimedju għad-Danni fil-Qasam tal-Kompetizzjoni li tittrasponi d‑Direttiva 2014/104 fid-dritt Ċek.

46.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabel xejn, dwar l‑applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 (l-ewwel u t-tieni domandi preliminari). Sussegwentement, hija tixtieq tkun taf jekk regoli ta’ preskrizzjoni bħal dawk previsti fid-dritt Ċek qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni humiex kompatibbli mar-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni u/jew tal-Artikolu 102 TFUE moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività (it-tielet u r-raba’ domandi preliminari).

47.      Fis-sentenza Volvo, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkjarifikat ċerti aspetti tal-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2014/104. Huwa għalhekk li l-qorti tar-rinviju informat lill‑Qorti tal-Ġustizzja li, wara din is-sentenza, hija kienet qed tirtira l‑ewwel u t-tieni domandi preliminari tagħha. Madankollu, huwa utli li jiġu eżaminati l-implikazzjonijiet konkreti tal-konstatazzjonijiet tas‑sentenza Volvo għal din il-kawża (iktar ’il quddiem Taqsima B).

48.      Dan l-eżami ser juri li r-risposta għad-domanda dwar jekk Heureka għadhiex tista’ titlob kumpens għad-danni subiti matul il-perijodu tal‑ksur kollu tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-preskrizzjoni kinitx diġà skadiet skont id-dritt nazzjonali għal parti minn dan il-perijodu meta skada t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104. Issa, min-naħa tagħha, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, kienx diġà jirriżulta mill-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ma setgħux jistipulaw il-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni qabel ma jintemm ksur kontinwu tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Din id-domanda tikkorrispondi, essenzjalment, għat-tielet domanda u għall-punt (i) tar‑raba’ domanda preliminari. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu indirizzati wkoll il-punti (ii), (iii) u (iv) tar-raba’ domanda preliminari, li jikkonċernaw il-kompatibbiltà ta’ aspetti oħra tar-regoli nazzjonali antiki ta’ preskrizzjoni mad-dritt tal-Unjoni (iktar ’il quddiem Taqsima C).

49.      Madankollu, qabel dan kollu, tqum kwistjoni preliminari: F’dan il-każ, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li kienet tirrigwarda s‑sentenza Volvo (12) u d-digriet fil-kawżi Deutsche Bank (13), id‑Deċiżjoni C(2017) 4444 final tal-Kummissjoni, li fuqha tibbaża ruħha Heureka sabiex turi l-eżistenza u l-portata tal-ksur li allegatament ikkawżalha dannu, għadha ma hijiex finali (ara l-punti 23 u 24 hawn fuq). Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali tistax xorta tibbaża ruħha fuq din id-deċiżjoni sabiex tistabbilixxi l-ksur ikkonċernat u l‑portata tiegħu kif ukoll sabiex tistabbilixxi t-terminu ta’ preskrizzjoni fil-kawża prinċipali jew jekk hijiex obbligata tissospendi din il-kawża sal-mument li fih l-imsemmija deċiżjoni ssir finali. Peress li hija l-Qorti tal‑Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tgħinha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha (14), għandha tiġi kkjarifikata din il-kwistjoni qabel ma jiġu ttrattati d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju (iktar ’il quddiem Taqsima A).

A.      Domanda preliminari: ilqorti nazzjonali tista’ tibbaża ruħha fuq deċiżjoni talKummissjoni li għadha ma hijiex finali?

50.      Skont il-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104, “deċiżjoni finali dwar ksur” hija deċiżjoni li tikkonstata ksur li ma tistax jew li warajha ma hemmx iktar dritt ta’ appell bil-mezzi ordinarji.

51.      Id-Deċiżjoni C(2017) 4444 final għadha ma hijiex finali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għaliex kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali li s-sentenza tagħha Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (T‑612/17, EU:T:2021:763) bħalissa qed tiġi appellata quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja (punti 23 u 24 hawn fuq).

52.      Dan il-fatt jipprekludi lir-rikorrent u lill-qorti nazzjonali milli jibbażaw ruħhom fuq il-konstatazzjonijiet tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal‑ksur u l-portata tiegħu?

53.      Jiena ma naħsibx.

54.      B’hekk, anki deċiżjoni li għadha ma hijiex finali li fiha l‑Kummissjoni tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha effett vinkolanti sakemm ma tkunx ġiet annullata (Taqsima 1). Hija l-qorti nazzjonali li għandha tislet il-konsegwenzi xierqa fil‑proċedura quddiemha u tevalwa, jekk ikun il-każ, jekk il-proċedura għandhiex tiġi sospiża sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir finali, mingħajr ma tkun obbligata tagħmel dan (Taqsima 2). Din il-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali tistax tibbaża ruħha fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni li għadha ma hijiex finali hija differenti mill‑kwistjoni dwar jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni għandux jiġi sospiż f’każ bħal dan (ara, dwar dan is-suġġett, il-punti 132 sa 138 hawn taħt).

1.      Innatura vinkolanti ta’ deċiżjoni talKummissjoni li għadha ma hijiex finali

55.      L-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u, għaldaqstant, joħolqu effetti ġuridiċi sakemm ma jiġux annullati jew irtirati (15).

56.      Dan il-prinċipju jimplika wkoll l-obbligu li tiġi rrikonoxxuta l‑effikaċja totali tal-imsemmija atti sakemm l-illegalità tagħhom ma tkunx ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja u li tiġi ssalvagwardjata s‑saħħa eżekuttiva tagħhom sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx iddeċidiet li tissospendi l-eżekuzzjoni tagħhom (16).

57.      Ċertament, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni hija vinkolanti biss fil-konfront tad‑destinatarji tagħha, jekk hija tispeċifikahom. Madankollu, huwa stabbilit li tali deċiżjoni tista’ tipproduċi effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw interessi ta’ terzi jekk hija tikkonċernahom direttament u individwalment u tibdel, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tagħhom (17).

58.      Peress li tali deċiżjoni tipproduċi effetti legali vinkolanti għad‑destinatarji tagħha u t-terzi direttament u individwalment ikkonċernati abbażi tal-ksur kif ikkonstatat f’din id-deċiżjoni, terzi oħra bħal Heureka u l-qorti tar-rinviju għandhom ukoll ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-konstatazzjonijiet stabbiliti f’din id-deċiżjoni sakemm din għad ma hijiex annullata. L-obbligu, għall-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, li josservaw il-preżunzjoni tal-legalità ta’ deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni jirriżulta wkoll mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl‑Artikolu 4(3) TUE (18).

59.      Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tar‑Regolament Nru 1/2003, meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 101 jew 102 TFUE li huma diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill‑Kummissjoni. In-natura finali ta’ tali deċiżjoni ma hijiex kundizzjoni imposta minn din id-dispożizzjoni.

60.      B’dan il-mod, hija differenti mill-Artikolu 9 tad‑Direttiva 2014/104, li ma tagħtix valur probatorju lid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni nazzjonali ħlief jekk dawn ikunu finali (19). Din id-differenza hija ġġustifikata bis-supremazija tad-dritt tal‑Unjoni u bin-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal‑Unjoni (20).

61.      Huwa veru li, fil-punt 42 tas-sentenza tagħha mogħtija fil-kawża Sumal (21), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ entità ġuridika li taqa’ taħt unità ekonomika għal ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni, huwa neċessarju li l-parteċipazzjoni ta’ entità ġuridika tal-inqas, li tappartjeni għal din l-unità ekonomika, f’tali ksur tiġi stabbilita permezz ta’ deċiżjoni finali (22) tal-Kummissjoni jew stabbilita b’mod awtonomu quddiem il-qorti kkonċernata meta l-ebda deċiżjoni relatata mal-eżistenza ta’ ksur ma tkun ġiet adottata mill-Kummissjoni.

62.      Madankollu, ma jidhirx li minn dan jirriżulta li parti leża jew il‑qorti nazzjonali jistgħu jibbażaw ruħhom biss fuq il-konstatazzjonijiet ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li saret finali. Jekk dan kellu jkun il-każ, dan ifisser li r-rikorrent ikollu, fil-każijiet kollha, jistenna t-tmiem tal‑proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex jibbaża ruħu fuq il-konstatazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni. Dan jista’ joħloq ir-riskju li jagħmel eċċessivament diffiċli l‑implementazzjoni, mill-partijiet leżi, tad-dritt għal kumpens tagħhom li jirriżulta mill-Artikoli 101 u 102 TFUE, b’mod partikolari sa fejn ma huwiex eskluż li t-terminu ta’ preskrizzjoni assolut ta’ dan id-dritt jiskadi qabel mal-imsemmija proċedura ġudizzjarja tkun intemmet. Għalhekk, il-persuni leżi jistgħu jsibu ruħhom preklużi mill-possibbiltà li jibdew azzjonijiet ibbażati fuq deċiżjoni dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal‑Unjoni (23).

2.      Lobbligu li tissospendi lproċedura filkawża prinċipali?

63.      In-natura bħala regola vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li għadha ma hijiex finali hija kkonfermata bil-fatt li, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-ħtieġa li jissospendu, f’tali każ, il-proċedura nazzjonali, titħalla fid-diskrezzjoni tal-qorti nazzjonali. Jekk tali qorti ma setgħetx tibbaża ruħha fuq deċiżjoni tal‑Kummissjoni li għadha ma hijiex finali, is-sospensjoni tal-proċedura tagħha effettivament għandha tkun konsegwenza awtomatika ta’ din in‑natura mhux finali.

64.      B’mod iktar preċiż, anki mill-istruttura tal-Artikolu 16(1) tar‑Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-possibbiltà li tissospendi l‑proċedura nazzjonali jidher li kienet fuq kollox maħsuba mil-leġiżlatur fil-każ li fih għad ma hemmx deċiżjoni adottata iżda biss deċiżjoni ppjanata mill-Kummissjoni (24). Anki jekk ma narax raġuni għaliex sospensjoni ma tistax issir ukoll, jekk ikun il-każ, utili jew saħansitra meħtieġa meta deċiżjoni tal-Kummissjoni għadha ma hijiex finali, din l‑istruttura tenfasizza madankollu anki n-natura mhux awtomatika ta’ sospensjoni f’tali każ.

65.      Id-Direttiva 2014/104 ma tipprekludix lil qorti nazzjonali milli tkompli bil-proċedura tagħha meta proċedura li tirrigwarda l-istess ksur hija pendenti quddiem il-Kummissjoni. Il-proċeduri għall‑implementazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fil-qasam pubbliku u privat effettivament għandhom natura kumplimentari u jistgħu, bħala regola, jitwettqu b’mod kontemporanju (25). Dan għandu japplika wkoll f’każ li fih il-proċedura quddiem il-Kummissjoni hija magħluqa meta hemm pendenti proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad‑deċiżjoni tagħha quddiem il-qrati tal-Unjoni.

66.      Kif issostni l-Kummissjoni, obbligu ġenerali ta’ sospensjoni tal‑proċedura nazzjonali jinkoraġġixxi b’mod negattiv lill-impriżi, li fil‑konfront tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet li kisru r-regoli tal‑Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, sabiex jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni mbagħad appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sempliċement sabiex idewmu t-twettiq tal-ġustizzja riparattiva.

67.      Filwaqt li tevalwa jekk huwiex meħtieġ jew opportun li tissospendi l-proċedura relatata ma’ talba għad-danni wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li għadha ma hijiex finali, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra, minn naħa, l-istruttura tal-proċedura kif ukoll l‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali tagħha mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jistgħu, jekk ikun il-każ, jitolbu sospensjoni.

68.      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat ukoll kemm id-dritt għal rimedju effettiv tar-rikorrent kif ukoll id-dritt għal ċertezza legali tal‑konvenut, li jistgħu jargumentaw favur il-ħtieġa li l-kawża nazzjonali tiġi deċiża f’terminu raġonevoli (26). F’dan il-kuntest, għandu, b’mod partikolari, jiġi kkunsidrat ir-riskju li t-terminu ta’ preskrizzjoni assolut jiskadi matul is-sospensjoni, l-istess bħall-istadju tal-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-qorti tal‑Unjoni, jiġifieri l-punt dwar jekk għandhiex tkun mistennija deċiżjoni finali f’din il-proċedura f’terminu qasir jew le, kif ukoll, l-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. F’każ ta’ dubju dwar din il-kwistjoni, il-qorti nazzjonali għandha tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal‑Ġustizzja (27).

69.      Aspett ieħor li jista’ jiġi kkunsidrat waqt l-evalwazzjoni tal‑opportunità ta’ sospensjoni hija l-eżistenza jew le, fid-dritt nazzjonali, ta’ rimedju straordinarju li jippermetti, jekk ikun il-każ, ir-reviżjoni tad‑deċiżjoni mogħtija fil-proċedura relatata mal-kumpens tad-dannu. Il‑ħtieġa li jiġi stabbilit tali rimedju straordinarju ma jidhirx li huwa rikjest mid-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali (28) iżda, f’dan il-każ, skont l‑indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, teżisti fid-dritt Ċek.

70.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, anki jekk għadha ma hijiex finali, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur, bħad‑Deċiżjoni C(2017) 4444 final, għandha effett vinkolanti fil-qafas ta’ azzjoni għad-danni bħal dik fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tista’ għalhekk tibbaża ruħha fuq din id-deċiżjoni sabiex tikkonstata l‑eżistenza u l-portata tal-ksur li allegatament ikkawża d-dannu kkontestat. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tal‑imsemmija qorti li tissospendi l-proċedura quddiemha jekk hija tqis li dan huwa xieraq minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

B.      Fuq lewwel u ttieni domanda preliminari: limplikazzjonijiet talkonstatazzjonijiet tassentenza Volvo għal din ilkawża

71.      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sa fejn l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104, li jirrigwarda t-termini ta’ preskrizzjoni, huwa applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Ir-risposta għal dawn id-domandi tirriżulta mill‑konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Volvo. Anki jekk il-qorti tar-rinviju rtirat dawn id-domandi, sabiex tingħata risposta utili, għandhom jiġu spjegati l-implikazzjonijiet ta’ din is-sentenza għal din il-kawża.

72.      Skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-direttiva ma japplikawx retroattivament.

73.      Skont is-sentenza Volvo, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 huwa dispożizzjoni sostantiva skont l-Artikolu 22(1) ta’ din id‑direttiva (29).

74.      Sabiex tiġi stabbilita l-applikabbiltà ratione temporis tal-imsemmi Artikolu 10, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni kinitx konkluża qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva jew jekk tkomplix tipproduċi l-effetti tagħha wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu (30).

75.      Għal dan il-għan, għandu jiġi mistħarreġ jekk, fid-data tal‑iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, jiġifieri fis‑27 ta’ Diċembru 2016, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienx skada, u dan jimplika li għandu jiġi ddeterminat il-mument li fih dan it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri (31).

76.      F’dan il-każ, Heureka titlob kumpens tad-dannu li hija allegatament subit minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti li, skont id-Deċiżjoni C(2017) 4444 final Google wettqet matul il-perijodu bejn Frar 2013 u s‑27 ta’ Ġunju 2017.

77.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-perijodu tal-ksur li seħħ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad‑Direttiva 2014/104 (Taqsima 1) u dak li seħħ qabel l‑iskadenza ta’ dan it-terminu (Taqsima 2).

1.      Ilperijodu talksur li seħħ wara liskadenza tatterminu ta’ traspożizzjoni tadDirettiva 2014/104

78.      Il-parti tal-ksur li seħħet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, jiġifieri mis‑27 ta’ Diċembru 2016 sas‑27 ta’ Ġunju 2017, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva.

79.      Barra minn hekk, b’effett mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, il-qorti nazzjonali għandha, sa fejn possibbli, tinterpreta d-dritt nazzjonali fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr madankollu ma twettaq interpretazzjoni contra legem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali (32).

80.      F’dan ir-rigward, skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, hija l-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema Ċeka li għandha tinterpreta l‑“għarfien tad-dannu”, mitlub mill-Kodiċi Ċivili sabiex jiġi stabbilit il‑punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni, fis-sens li għall-finijiet tal‑punt tat-tluq ta’ terminu ta’ preskrizzjoni suġġettiv, huwa rilevanti l‑għarfien anki sempliċement ta’ dannu parzjali kkawżat minn ksur kontinwu tad-dritt tal-kompetizzjoni.

81.      L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jimponi fuq il-qrati nazzjonali li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod stabbilit, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (33).

82.      Skont dawn il-kriterji, mingħajr preġudizzju għall-verifika tal‑qorti tar-rinviju, ma jidhirx li huwa impossibbli li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

83.      Minn dan isegwi li, għad-dannu kkawżat matul din il-parti tal‑ksur, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma għandux ikun beda jiddekorri qabel mal-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2014/104 ikunu ssodisfatti, jiġifieri, b’mod partikolari, li l‑ksur ikun intemm u li r-rikorrent ikollu għarfien tal-elementi essenzjali ta’ dan il-ksur.

84.      Skont is-sentenza Volvo, għalkemm mhux eskluż li l-persuna leża tista’ ssir taf b’elementi indispensabbli għall-preżentatazzjoni tal-azzjoni għad-danni saħansitra qabel il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali talUnjoni Ewropea tas-sommarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet oħra, huwa b’effett minn dan il-mument li jista’ jiġi raġonevolment ikkunsidrat li l-persuna leża saret taf b’elementi indispensabbli għall-preżentazzjoni tal-azzjoni tagħha (34).

85.      Madankollu, Google tiddefendi, f’dan il-każ, l-ipoteżi li Heureka kellha għarfien tal-elementi essenzjali tal-ksur qabel il-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-Deċiżjoni C(2017) 4444 final fil-Ġurnal Uffiċjali fit‑2 ta’ Jannar 2018. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ. Fi kwalunkwe każ, anki f’dan l-eżempju, it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-perijodu tal-ksur li seħħ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 fis‑27 ta’ Diċembru 2016 ma kellux ikun beda jiddekorri qabel it-tmiem tal-imsemmi ksur. Skont id‑Deċiżjoni C(2017) 4444 final, id-data ta’ dan it-tmiem hija s‑27 ta’ Ġunju 2017. Madankollu, xejn ma jipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli tikkonkludi, jekk ikun il-każ, li dan il-ksur dam iktar minn kif ikkonstatat mid-Deċiżjoni C(2017) 4444 final, jekk dan jiġi pprovat kif suppost (35).

86.      F’dan il-qafas, għandu jiġi spjegat li ma hemm l-ebda dubju li l‑mument li fih “ikun waqaf il-ksur” fis-sens tal-Artikolu 10(2) tad‑Direttiva 2014/104 jista’ jkun biss, meta l-istess ksur uniku u kontinwu jestendi għal ċertu perijodu, il-mument li fih tali ksur jintemm kollu kemm huwa.

87.      Dan il-punt ċertament ma huwiex spjegat espliċitament fl‑imsemmija dispożizzjoni, kuntrarjament għal dak li kien previst, kif irrimarkat il-qorti tar-rinviju, fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni (36).

88.      Madankollu, iktar minn rieda li jinbidel dan is-sens, dan il-bdil jidher jikkorrispondi għal simplifikazzjoni tal-formulazzjoni. Fil-fatt, il‑mument li fih ksur “jieqaf” jista’ jkun biss, fil-każ ta’ ksur uniku u kontinwu, il-mument li fih dan jintemm kollu kemm huwa. Inkella, kien ikollu jissemma l-mument li fih il-ksur “twettaq”, kif jagħmel l‑Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jispjega li “[i]t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha sar il-ksur”, ħlief “fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, [li għalihom] il-ħin jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ meta il-ksur intemm”.

89.      Barra minn hekk, il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104 jiddefinixxi “ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni” bħala “ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, jew tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni”, li jimmilita favur interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ksur għall-finijiet tal‑applikazzjoni tad-direttiva abbażi tal-ġurisprudenza relatata ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont din il-ġurisprudenza, meta sensiela ta’ atti jew ta’ aġir kontinwu jagħmlu parti minn pjan globali minħabba l-għan identiku tagħhom intiż sabiex ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni, dan ikun ksur uniku u kontinwu (37) (jew, jekk ikun il-każ, ksur uniku u repetut (38)). Dan il-kunċett jippermetti lill-Kummissjoni timponi multa għall-perijodu tal-ksur kollu meħud inkunsiderazzjoni u tistabbilixxi d‑data li fiha jibda jiddekorri t‑terminu ta’ preskrizzjoni, jiġifieri d-data li fiha l-ksur kontinwu ntemm (39).

90.      F’dan il-każ, mid-Deċiżjoni C(2017) 4444 final jirriżulta li l-ksur beda, fir-Repubblika Ċeka, fi Frar 2013 u kompla sal-mument tal‑adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni (punt 21 hawn fuq). Ċertament, il‑Kummissjoni ma kklassifikatx dan il-ksur b’mod espliċitu “bħala ksur uniku u kontinwu” fis-sens tal-ġurisprudenza li għadha kemm issemmiet. Bla dubju dan għaliex dan il-kunċett huwa fuq kollox użat sabiex juri l‑unità u l-kontinwità ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE mwettqa minn diversi impriżi li jinvolvu diversi elementi.

91.      Madankollu, f’dan il-każ, mingħajr il-ħtieġa li jintuża b’mod espliċitu dan il-kunċett, jidher evidenti li l-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, imwettaq minn impriża waħda, kien jikkonsisti f’aġir kontinwu li jsegwi oġġettiv u għan ekonomiku wieħed, jiġifieri l-pożizzjoni u d-dehra iktar favorevoli minn Google fil-paġni tar-riżultati tat-tiftix ġenerali tagħha lis‑servizz tagħha stess ta’ tqabbil tax-xiri sabiex jiżdied it-traffiku lejn dan is-servizz ta’ tqabbil ta’ xiri għad-detriment ta’ servizzi ta’ tqabbil ta’ xiri kompetituri (40). It-tmiem tal-ksur jista’ jkun biss il-mument li fih dan l-aġir kontinwu ntemm kollu kemm huwa.

92.      Fil-qosor, f’dak li jirrigwarda l-perijodu wara l-iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 fis‑27 ta’ Diċembru 2016, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma kellux ikun beda jiddekorri qabel it-tmiem tal-ksur kif ikkonstatat mill-Kummissjoni, jiġifieri fis‑27 ta’ Ġunju 2017, ħlief jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-ksur intemm f’data sussegwenti.

2.      Ilperijodu talksur li seħħ qabel liskadenza tatterminu ta’ traspożizzjoni tadDirettiva 2014/104

93.      Għall-kuntrarju, għal dak li jirrigwarda l-perijodu tal-ksur li seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, jiġifieri l-perijodu bejn ix-xahar ta’ Frar 2013 u s‑27 ta’ Diċembru 2016, id-dies a quo tat-terminu ta’ preskrizzjoni jiddependi mir-regoli tad-dritt nazzjonali (41).

94.      Kif ġie indikat, b’mod partikolari, fil-punti 42 u 43 hawn fuq, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, qabel it-traspożizzjoni tad‑Direttiva 2014/104, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin previst mill-Kodiċi Ċivili Ċek kien beda jiddekorri minn meta l-persuna leża kellha għarfien tad-dannu u tal-awtur tiegħu, mingħajr ma kien meħtieġ, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, li jistenna t-tmiem tal-ksur bħal dak ikkonċernat fil-każ. Id-dannu kkawżat minn tali ksur kien ikkunsidrat bħala diviżibbli u għalhekk bdew jiddekorru b’mod progressiv termini ta’ preskrizzjoni differenti. Skont din il-ġurisprudenza, parti mid-dritt għal kumpens ta’ Heureka kien diġà ġie preskritt qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104.

95.      Madankollu, sabiex jiġi stabbilit jekk dawn ir-regoli nazzjonali jistgħux japplikaw bħala tali għall-parti tad-dannu mitlub minn Heureka li jikkorrispondi mal-perijodu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, għandu jiġi eżaminat jekk dan l‑istat tad-dritt huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, qabel id‑Direttiva 2014/104, mill-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal‑prinċipju ta’ effettività, diġà kien jirriżulta b’mod dirett li r-regoli applikabbli għar-rikorsi intiżi sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet li l‑partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet (42). Id-domanda hija għalhekk dwar jekk, skont dawn ir-regoli, anki qabel id-Direttiva 2014/104, it-terminu ta’ preskrizzjoni sabiex tiġi ppreżentata azzjoni għad-danni għal ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni ma għandux jibda jiddekorri qabel it-tmiem ta’ tali ksur.

C.      Fuq ittielet u rraba’ domanda preliminari: irrekwiżiti li jirriżultaw middritt talUnjoni għarregoli ta’ preskrizzjoni qabel idDirettiva

96.      Din id-domanda dwar liema huma r-rekwiżiti li jirriżultaw mid‑dritt tal-Unjoni dwar, b’mod partikolari, il-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/104 tikkorrispondi, essenzjalment, mat-tielet domanda preliminari u mal-punt (i) tar-raba’ domanda preliminari (Taqsima 1). Huwa biss jekk l-eżami ta’ din id-domanda jiżvela li d-dritt tal-Unjoni qabel id-direttiva ma kienx jirrikjedi t-tmiem tal-ksur sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni li l-kumplament tal-punti tar-raba’ domanda preliminari jsiru rilevanti (Taqsimiet 2 u 3).

1.      Itterminu ta’ preskrizzjoni jista’ jibda jiddekorri qabel ittmiem talksur? (ittielet domanda u lpunt (i) tarraba’ domanda)

97.      Fil-punti 50 et seq. tas-sentenza Volvo, u b’mod partikolari fil-punti 56 u 61, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fir-rigward ta’ sitwazzjoni rregolata mid-dritt nazzjonali qabel id-direttiva, li t-termini ta’ preskrizzjoni stabbiliti minn dan id-dritt nazzjonali ma għandhomx jibdew jiddekorru qabel ma jkun intemm il-ksur.

98.      Bl-istess mod, fil-punti 78 u 79 tas-sentenza Manfredi et (43), il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regola ġenerali li tipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni sabiex jitressaq rikors għad-danni jibda jiddekorri mill-jum li fih l-akkordju jew il-prattika miftiehma ġiet implementata, tista’ tagħmilha prattikament impossibbli li jiġi eżerċitat id-dritt li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn dan l-akkordju jew prattika pprojbita, b’mod partikolari jekk din ir-regola nazzjonali tipprovdi wkoll terminu ta’ preskrizzjoni qasir u jekk dan it-terminu ma jistax jiġi sospiż. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjoni bħal din, fil-każ ta’ ksur kontinwu jew repetut, ma huwiex eskluż li t-terminu ta’ preskrizzjoni jiskadi saħansitra qabel ma jinġieb fi tmiemu l-ksur, f’liema każ ma jkunx possibbli għal kull min ikun sofra dannu li jressaq rikors qabel l‑iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

99.      Issa, Google u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni li dawn id‑dikjarazzjonijiet ma għandhomx jiġu trasposti fil-qafas ta’ din il‑kawża. B’hekk, kuntrarjament għall-kawża Manfredi et, f’dan il-każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni, anzi kull terminu ta’ preskrizzjoni diviżibbli, ma setax jibda jiddekorri qabel l-għarfien korrispondenti. Għalhekk, ir‑riskju li t-terminu jiskadi saħansitra qabel mal-persuna leża setgħet titlob kumpens ma għandux iqum.

100. Barra minn hekk, il-ksur inkwistjoni fil-kawża Volvo allegatament kien akkordju sigriet, li tiegħu r-rikorrent f’din il-kawża fi kwalunkwe każ ma setax ikollu għarfien ħlief wara t-tmiem tal-ksur. Il-kundizzjoni tat-tmiem tal-ksur sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni għalhekk ma kellha l-ebda importanza reali għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fl-imsemmija kawża.

101. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, il-ksur kien jikkonsisti f’aġir pubbliku li l-awtur tiegħu kien magħruf. Barra minn hekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma kienx beda jiddekorri qabel mal-persuna leża kellha għarfien ta’ dawn l-elementi u dan kien suffiċjentement twil. Għalhekk, ma jidhirlix li huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens li l-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi wkoll suġġett għat-tmiem tal-ksur. Għall-persuna leża, ikun dejjem possibbli li tadatta l-ammont tal-pretensjonijiet tagħha matul il-mogħdija taż-żmien u żżid d-dannu.

102. Wara kollox, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kawża Cogeco Communications (44), għandha tiġi eżaminata s-sistema ta’ preskrizzjoni kollha kemm hija sabiex jiġi stabbilit jekk l-elementi differenti tagħha, evalwati flimkien, jagħmlux effettivament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens.

103. Finalment, qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, l-ebda sistema ġuridika tal-Istati Membri ma kienet għamlet il-punt tat-tluq tat‑terminu ta’ preskrizzjoni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni suġġett għat-tmiem tal-ksur. Din id-direttiva ħolqot realtà ġuridika ġdida f’dan ir-rigward, u r-rekwiżiti tagħha ma għandhomx jiġu assimilati ma’ dawk, li kienu fis-seħħ qabel, tal-prinċipju ta’ effettività. Li tintalab tali kundizzjoni qabel l-implementazzjoni tad-direttiva jwassal għar-riskju li din tingħata effett orizzontali dirett fil-konfront tal-individwi, li jmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita (45).

104. Dan l-argument, madankollu, ma għandux jiġi aċċettat.

105. B’hekk, huwa ċertament possibbli li d-drittijiet ċivili tal-Istati Membri jirrikonoxxu l-istituzzjoni tar-reat permanenti, li jseħħ u jiġi preskritt progressivament mal-mogħdija taż-żmien. Bl-istess mod, ir‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tiġi preskritta gradwalment mal-mogħdija taż-żmien meta d-dannu huwa kontinwu (46).

106. Madankollu, azzjoni għad-danni għal ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti mill-perspettiva proċedurali minn azzjoni ċivili klassika għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.

107. Qabel xejn, hija bbażata fuq dritt li jirriżulta mill-effettività sħiħa tal-Artikoli 101 u 102 TFUE li hija ta’ natura mhux biss li tirrimedja d‑dannu dirett li l-persuna kkonċernata tallega li ġarrbet, iżda wkoll id‑danni indiretti relatati mal-istruttura u mal-funzjonament tas-suq, li ma jkunx seta’ jkollu l-effettività ekonomika sħiħa tiegħu, b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-konsumaturi kkonċernati (47). L-azzjonijiet għad‑danni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jiffurmaw parti integrali mis-sistema ta’ implementazzjoni tal-imsemmija regoli (48). Meta tkun qed issostni d-dritt għal kumpens tagħha, il-persuna leża tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni u b’hekk issir “difensur” jew “persuna li tinforza” l-interessi tal-Unjoni (49).

108. Meta tali azzjoni ta’ implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni bl-inizjattiva tal-qasam privat (private enforcement) hija bbażata fuq ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE, il-kunċett ta’ ksur, li jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux ikollu portata differenti minn dak li għandu fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-regoli tal‑kompetizzjoni tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi (public enforcement) (50). Għalhekk, il-ksur li fuqu hija bbażata l-kawża għad‑danni huwa stabbilit mid-dritt tal-Unjoni.

109. Sussegwentement, l-introduzzjoni ta’ azzjonijiet għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni teħtieġ, bħala prinċipju, it-twettiq ta’ analiżi fattwali u ekonomika kumplessa (51). Barra minn hekk, is‑sitwazzjoni hija regolarment ikkaratterizzata minn nuqqas ta’ simetrija ta’ informazzjoni għad-detriment tal-persuna leża (52). Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-data li fih it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri u t-tul u l-modalitajiet tas-sospensjoni jew tal-interruzzjoni tiegħu għandu jiġi addattat għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni (53).

110. F’dan ir-rigward, ċertament jeżisti ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jista’ javvera ruħu immedjatament, b’att wieħed, bħal sejħa għal bojkott jew diskriminazzjoni kuntrattwali unika minn impriża dominanti.

111. Madankollu, kif tenfasizza korrettament il-qorti tar-rinviju, abbuż minn pożizzjoni dominanti bħal dak f’dan il-każ huwa sempliċement l‑aġir kollu kemm huwa, li bil-portata tiegħu, il-perijodu tiegħu, l-intensità tiegħu u l-mod ta’ eżekuzzjoni wassal jew jista’ jwassal għal distorsjoni sostanzjali tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jew effett antikompetittiv.

112. L-istess bħall-ksur kumpless u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, ikun għalhekk artifiċjali li trid “tifframmenta” il-ksur u t-terminu ta’ preskrizzjoni għal tali ksur tal-Artikolu 102 TFUE li jissodisfa, kif ġie nnotat fil-punti 90 u 91 hawn fuq, daqstant ieħor il-kriterji ta’ ksur uniku u kontinwu tad-dritt tal-kompetizzjoni.

113. Bl-istess mod huwa indispensabbli li t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jitħalliex jiskadi qabel mal-ksur ikun intemm sabiex jiġi protett id-dritt tal-persuni leżi sabiex jiksbu kumpens sħiħ tad-dannu subit, li jagħmel parti mill-acquis ġurisprudenzjali ta’ qabel id-direttiva (54).

114. Kif issostni f’dan il-każ Heureka, b’mod partikolari fis-suq diġitali, ksur jista’ jkollu impatt fuq diversi livelli (kummerċjanti, min jirreklama, utenti) u jibdel l-istruttura tas-suq. Ksur f’dan il-qasam u d‑dannu li jirriżulta minnu huma ferm diffiċli li jiġu stabbiliti qabel it-tmiem tal-ksur u r-rekwiżit li jiġi ppreżentat rikors u sussegwentement jiġi adattat progressivament billi jiżdied l-ammont tad-dannu mitlub jagħmel eċċessivament diffiċli jekk mhux prattikament impossibbli l‑eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal kumpens sħiħ.

115. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni qabel id-direttiva kien diġà jirrikjedi li t‑termini ta’ preskrizzjoni ma jibdewx jiddekorru qabel mal-persuni leżi jkollhom għarfien tal-elementi indispensabbli għall-preżentazzjoni tal‑azzjoni tagħhom, li jinkludu, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u dik tal-eżistenza ta’ dannu (55). Jidher li huwa ferm diffiċli li jiġi preżunt tali għarfien qabel it-tmiem ta’ ksur kumpless tad-dritt tal-kompetizzjoni.

116. Għalhekk, li topponi terminu ta’ preskrizzjoni fil-konfront ta’ persuna leża sempliċement abbażi tal-allegat għarfien tagħha tal-ksur ikun sors ta’ inċertezza legali. Għall-kuntrarju, il-kundizzjoni doppja tal‑għarfien u tat-tmiem tal-ksur tippermetti li jiġi stabbilit il-punt ta’ tluq b’mod preċiż u affidabbli, b’mod partikolari fil-każ ta’ azzjonijiet li jsegwu d-deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, fl-interess tal-persuna leża iżda wkoll tal-awtur tal-ksur.

117. Għall-kuntrarju, ikun ċiniku li topponi terminu ta’ preskrizzjoni fil-konfront ta’ persuna leża meta l-ksur għadu għaddej. Barra minn hekk, ir-riskju li topponi b’mod prematur l-għarfien tagħha tal-ksur jista’ wkoll iwassal sabiex il-persuni leżi jaħsbuha darbtejn qabel jirrapportaw ksur mal-Kummissjoni jew mal-awtorità tal-kompetizzjoni u b’hekk jikkawżaw dannu għall-implementazzjoni effettiva tad-dritt tal‑kompetizzjoni.

118. Barra minn hekk, ir-rekwiżit tat-tmiem tal-ksur għall-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jwassal ukoll lill-awtur sabiex itemm b’mod iktar rapidu l-ksur ikkonċernat sabiex dan it-terminu jiddekorri kemm jista’ jkun malajr. Għall-kuntrarju, sistema li tippermetti li l‑preskrizzjoni tiġi maqsuma f’diversi dies a quo suċċessivi tiżgura lill-awtur tal-ksur li ma għandux riskju li kontinwament ser jiġi kkundannat għall-kumpens tad-dannu ħlief għal parti żgħira tal‑ksur, li jikkorrispondi għall-perijodu tat-terminu tal-preskrizzjoni, u ma tinkoraġġihx itemm il-ksur.

119. Kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni fis-seduta fil‑qafas ta’ din il-proċedura, li tintalab il-kundizzjoni doppja tal-għarfien u tat-tmiem tal-ksur għall-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni lanqas ma tinkoraġġixxi lill-persuna leża ma tagħmel xejn minkejja l‑għarfien tagħha tal-ksur, biex b’hekk tikkontribwixxi għat-twettiq tad‑dannu. Huwa kompletament possibbli li jiġi kkunsidrat, jekk ikun il‑każ, li tali inazzjoni hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ bona fide meta jiġi stabbilit il-kumpens. Għall-kuntrarju, tali fattur ma jistax jiġi kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

120. Eċċezzjoni għall-kundizzjoni li l-ksur għandu jintemm sabiex jibda t-terminu ta’ preskrizzjoni jidher li hija konċepibbli biss b’mod limitat ferm, b’mod partikolari jekk id-dritt nazzjonali qabel id-direttiva jiżgura li t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jibdiex jiddekorri qabel dan it‑tmiem bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet oħra, pereżempju bl‑applikazzjoni ta’ regoli ta’ sospensjoni jew ta’ interruzzjoni tat‑terminu sad-data li fiha d-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur issir finali. Anki f’tali każ, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika li għad hemm biżżejjed żmien sabiex il-parti leża tkun tista’ tipprepara u tippreżenta l‑azzjoni tagħha wara d-deċiżjoni finali (56).

121. Sa fejn il-persuna leża tfittex id-dritt suġġettiv tagħha għal kumpens, huwa ġġustifikat li tibbenefika minn terminu ta’ preskrizzjoni suġġettiv li ma jistax jibda jiddekorri qabel l-għarfien ta’ elementi essenzjali għall-introduzzjoni tal-azzjoni tagħha. B’dan il-mod, hija differenti mill-Kummissjoni li teżerċita l-kompetenza oġġettiva tagħha u li fil-konfront tagħha hemm biss terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv, skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, b’effett mill-mument li fih il-ksur twettaq jew intemm.

122. Madankollu, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, il‑persuna leża tinsab fl-istess pożizzjoni bħall-Kummissjoni fir-rigward tal-oneru tal-prova tal-ksur li hija tinvoka. Għalhekk, ma huwiex iġġustifikat li din il-persuna titqiegħed f’pożizzjoni inqas favorevoli mill‑Kummissjoni f’dak li jirrigwarda t-tmiem tal-ksur bħala kriterju sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni. Dan huwa iktar u iktar minnu inkwantu din il-persuna ma għandhiex il-kompetenzi u l-għodda ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal‑ksur (57), iżda fil-prattika tiddependi fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

123. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, sabiex ikun hemm implementazzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens u b’hekk jiġu ssodisfatti l-għanijiet tal-implementazzjoni tar-regoli tad-dritt tal‑kompetizzjoni mill-persuni leżi, huwa neċessarju li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-introduzzjoni ta’ azzjoni ta’ responsabbiltà ma jibdiex jiddekorri qabel it-tmiem ta’ tali ksur.

124. Kuntrarjament għall-argumenti tal-Kummissjoni u ta’ Google, ir‑ratio sottostanti s-sentenzi Volvo u Manfredi et (58) huwa għalhekk perfettament trasponibbli għal din il-kawża. Għalhekk, ir-risposta għat‑tielet domanda u għall-punt (i) tar-raba’ domanda għandha tkun li l‑Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li t-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv jibda jiddekorri qabel il-mument li fih jintemm dan l-aġir kollu kemm huwa.

125. Dan ifisser li, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it‑terminu ta’ preskrizzjoni ma setax kien beda jiddekorri qabel it-tmiem tal-ksur, jiġifieri li seta’ beda jiddekorri mhux iktar kmieni mis‑27 ta’ Ġunju 2017 (ara l-punt 85 hawn fuq). Minn dan isegwi li dan it-terminu ma kienx skada qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 fis‑27 ta’ Diċembru 2016. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx konkluża qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, iżda kompliet tipproduċi l‑effetti tagħha wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, b’tali mod li l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva huwa applikabbli għal din is-sitwazzjoni (ara l-punti 74 u 75 hawn fuq).

2.      Itterminu ta’ preskrizzjoni jista’ jibda jiddekorri qabel malpersuna leża tkun taf li laġir jikkostitwixxi ksur tarregoli talkompetizzjoni? (punt (ii) tar-raba’ domanda)

126. Permezz tal-punt (ii) tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma torbotx il-mument li fih it‑terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mal-għarfien tal-fatt li l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif issa previst fl-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 2014/104. Din id-domanda ma tqumx f’din il-kawża jekk tingħata r-risposta tiegħi għat-tielet domanda u għall-punt (i) tar-raba’ domanda, jiġifieri li t-terminu ta’ preskrizzjoni fi kwalunkwe każ ma jibdiex jiddekorri qabel il-mument li fih il-ksur kollu kemm huwa jkun intemm. Għalhekk ser nagħti risposta għall-punt (ii) tar-raba’ domanda biss b’mod sussidjarju.

127. Il-prinċipju ta’ effettività jirrikjedi li t-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rikorsi għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membru u tal-Unjoni ma jibdewx jiddekorru qabel mal-persuna leża jkollha għarfien jew tista’ raġonevolment tkun ikkunsidrata bħala li għandha għarfien tal‑informazzjoni indispensabbli għall-introduzzjoni tal-azzjoni għad‑danni tagħha. Din l-informazzjoni tinkludi l-eżistenza ta’ ksur tad‑dritt tal-kompetizzjoni, l-eżistenza ta’ dannu, ir-rabta ta’ kawżalità bejn dan id-dannu u dan il-ksur kif ukoll l-identità tal-awtur tal-ksur (59).

128. Kif jispjega l-Avukat Ġenerali Rantos, f’dan il-kuntest, jekk jiġi stabbilit il-mument li fih il-persuna leża għandha għarfien tal-“eżistenza tal-ksur” skont il-klassifikazzjoni legali tal-aġir inkwistjoni ikun sors ta’ inċertezza legali. Għalhekk, ikun għaqli li titlaq mill-ipoteżi li, fil‑qafas ta’ azzjonijiet tat-tip “follow-on”, li jiġu wara deċiżjoni tal‑Kummissjoni jew ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (60), jista’ jiġi kkunsidrat b’mod raġonevoli, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet oħra, li l-għarfien tal‑elementi indispensabbli għall-introduzzjoni tar-rikors jinkiseb fil‑mument tal-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali (jew tal-ekwivalenti għad-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni) (61).

129. Għall-kuntrarju, fil-qafas ta’ azzjonijiet tat-tip “stand-alone”, meta ma hemmx deċiżjoni minn qabel ta’ awtorità tal-kompetizzjoni (62), tali informazzjoni pubblika għall-għarfien ma teżistix u għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li, b’mod finali, għandha tistabbilixxi l-mument li fih il-parti leża kellha għarfien tal-“eżistenza tal-ksur” sempliċement abbażi tal‑indikazzjonijiet mogħtija mill-konvenut. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi rikjest li l-klassifikazzjoni legali tal-fatt bħala ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni tiġi eżentata minn kull dubju, li ġeneralment huwa diffiċli qabel ma jiġi stabbilit tali ksur permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja. Madankollu, għall-kuntrarju, l-għarfien ta’ fatti sempliċi jew elementi mferrxa, li jista’ jqajjem suspett ta’ ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni, ma għandux ikun biżżejjed sabiex jiġi kkontestat l-għarfien tal-persuna leża tal-eżistenza tal-ksur. Għandu jkun hemm sensiela ta’ indizji preċiżi u konkordanti li abbażi tagħhom jista’ jiġi preżunt li persuna diliġenti ma setgħetx tinjora b’mod raġonevoli li l‑fatti li hija kellha jew li tagħhom seta’ jkollha għarfien kienu relatati ma’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

130. F’dan il-kuntest, huwa ċertament minnu li meta ssir distinzjoni, fil-livell ta’ dmir ta’ diliġenza, bejn impriżi li jkollhom pariri legali u konsumaturi “professjonisti”, minn naħa, u konsumaturi “ordinarji”, min-naħa l-oħra, tiżdied iktar l-inċertezza legali (63). Madankollu, jidher iġġustifikat li, waqt l-evalwazzjoni tal‑għarfien mill-persuna leża tal-eżistenza tal-ksur u tad-dmir ta’ diliġenza tagħha f’dan ir-rigward, il-qorti għandha tikkunsidra din id‑differenza. Jidher ukoll possibbli li jiġi kkunsidrat il-fatt li ċertu ksur bħall-ftehimiet dwar il-prezz bejn kompetituri diretti jistgħu jiġu kklassifikati b’mod iktar faċli bħala li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni minn aġir ieħor, b’mod partikolari dawk marbuta ma’ swieq ġodda u li huma inqas magħrufa u analizzati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

131. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-punt (ii) tar-raba’ domanda għandha tkun li skont l-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rikorsi għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni ma għandhomx jibdew jiddekorru qabel mal-persuna leża jkollha għarfien jew seta’ b’mod raġonevoli tkun ikkunsidrata bħala li kellha għarfien tal‑informazzjoni indispensabbli għall-introduzzjoni tal-azzjoni għad‑danni tagħha, li jinkludu l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni. Meta tali azzjoni tiġi wara d-deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, tali għarfien jista’, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet oħra, b’mod raġonevoli jiġi kkunsidrat bħala miksub, suġġett għall-verifika mill-qorti nazzjonali, b’effett mill-pubblikazzjoni uffiċjali tas-sommarju ta’ din id-deċiżjoni. Fl-assenza ta’ tali deċiżjoni, l-għarfien tal-eżistenza tal-ksur ma jistax jiġi stabbilit ħlief jekk ma jkunx hemm sensiela ta’ indizji preċiżi u konkordanti li abbażi tagħhom jista’ jiġi preżunt li persuna diliġenti ma setgħetx b’mod raġonevoli tinjora li l-fatti li hija kellha jew seta’ jkollha għarfien tagħhom kienu relatati ma’ ksur tad‑dritt tal-kompetizzjoni.

3.      Itterminu ta’ preskrizzjoni għandu jkun sospiż matul ilproċedura quddiem ilKummissjoni u listħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni? (punti (iii) u (iv) tar-raba’ domanda)

132. Bil-punti (iii) u (iv) tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal‑prinċipju ta’ effettività, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissospendix u lanqas tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni matul il-perijodu tal-proċedura quddiem il‑Kummissjoni relatata ma’ dan il-ksur, li għadu għaddej, u li ma fiha l‑ebda regola li s-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni għandha tintemm l-iktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur tkun saret finali.

133. Bħal fil-każ tal-punt (ii) tar-raba’ domanda, din id-domanda ma tqumx, f’dan il-każ, jekk tingħata r-risposta tiegħi għat-tielet domanda u għall-punt (i) tar-raba’ domanda. Għalhekk ser nagħti risposta għall-punt (iii) u (iv) tar-raba’ domanda b’mod sussidjarju biss.

134. Sabiex jiġi stabbilit jekk ir-regoli nazzjonali relatati mal‑preskrizzjoni jagħmlux eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli l-implementazzjoni tad-dritt għal rimedju, hemm lok li tiġi evalwata s-sistema ta’ preskrizzjoni nazzjonali kollha kemm hija. Għalhekk ma għandhomx jiġu eżaminati ċerti elementi ta’ din is-sistema b’mod iżolat (64). Il-possibbiltà ta’ sospensjoni tat-terminu waqt il-perijodu tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id‑deċiżjoni hija biss waħda mill-elementi tagħha.

135. Kif issostni l-Kummissjoni, il-motiv tas-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni jistrieħ fuq il-fatt li min qed jitlobha għandu l‑possibilità li jistenna r-riżultat tal-investigazzjoni tal-awtorità tal‑kompetizzjoni u, jekk ikun il-każ, tal-istħarriġ ġudizzjarju tad‑deċiżjoni tagħha. Dan jippermettilu jevalwa jekk twettaqx ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jieħu konoxxenza tal-portata u tat-tul tal-ksur, u li jibbaża ruħu fuq din il-konstatazzjoni fil-qafas ta’ azzjoni ulterjuri għad-danni.

136. Fil-kawża Cogeco Communications, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkonstatat li l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju jsir eċċessivament diffiċli jekk mhux prattikament impossibbli jekk terminu ta’ preskrizzjoni, li jibda jiddekorri qabel it-tlestija tal-proċeduri li fi tmiemhom tingħata deċiżjoni finali mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, huwa qasir wisq meta mqabbel mat-tul ta’ dawn il-proċeduri u ma jistax la jiġi sospiż u lanqas interrott matul dawn il-proċeduri, b’tali mod li ma huwiex eskluż li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jiskadi saħansitra qabel ma dawn il-proċeduri jkunu ntemmu, biex b’hekk jipprekludi lill-persuna leża milli tibda azzjoni bbażata fuq tali deċiżjoni (65).

137. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-persuna leża għandu jkollha l-possibbiltà li tibbaża l-azzjoni tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni relatata mal-ksur inkwistjoni tar-regoli tal‑kompetizzjoni tal-Unjoni. Is-sospensjoni jew l-interruzzjoni awtomatika tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul il-proċeduri tal-awtorità tal-kompetizzjoni tista’ tkun bżonjuża għal dan il-għan. Madankollu, fis-sistemi nazzjonali, jidher possibbli li jkun hemm modi oħra sabiex jiġi żgurat li l-persuna leża tista’ tibbaża l-azzjoni tagħha fuq id-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur.

138. Għalhekk, ir-risposta għall-punti (iii) u (iv) tar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal‑prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix regoli ta’ preskrizzjoni għal azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ma jissospendux u lanqas jinterrompu b’mod awtomatiku t-terminu ta’ preskrizzjoni matul il-proċedura quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni jew l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ tali awtorità. Madankollu, l‑Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, jirrikjedi li r-regoli nazzjonali ta’ preskrizzjoni jippermettu lill-persuna leża tibbaża l-azzjoni tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ awtorità tal‑kompetizzjoni relatata mal-ksur inkwistjoni tar-regoli tal‑kompetizzjoni tal-Unjoni.

VI.    Konklużjoni

139. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod segwenti għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir‑Repubblika Ċeka):

1)      Sabiex tiġi stabbilita l-applikabbiltà ratione temporis tal‑Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal‑kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni kinitx konkluża qabel l-iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jew jekk tkomplix tipproduċi l-effetti tagħha wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Għal dan il-għan, hemm lok li jiġi kkjarifikat jekk, fid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienx skada, li jaffettwa kif jiġi stabbilit il-mument li fih dan it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri. Matul il-perijodu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad‑Direttiva 2014/104, il-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni huwa stabbilit skont id-dritt nazzjonali.

2)      L-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li t-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv kontinwu jibda jiddekorri qabel il-mument li fih jintemm dan il-ksur kollu kemm huwa.

3)      Skont l-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-rikorsi għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni ma għandhomx jibdew jiddekorru qabel mal-persuna leża jkollha għarfien jew seta’ b’mod raġonevoli tkun ikkunsidrata bħala li għandha għarfien tal‑informazzjoni indispensabbli għall-introduzzjoni tal-azzjoni għad-danni tagħha, li tinkludi l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni. Meta tali azzjoni tiġi wara d-deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, tali għarfien jista’, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet oħra, jiġi kkunsidrat b’mod raġonevoli bħala miksub, suġġett għall-verifika mill-qorti nazzjonali, b’effett mill‑pubblikazzjoni uffiċjali tas-sommarju ta’ din id-deċiżjoni. Fl-assenza ta’ tali deċiżjoni, l-għarfien tal-eżistenza tal-ksur ma jistax jiġi stabbilit ħlief jekk hemm sensiela ta’ indizji preċiżi u konkordanti li abbażi tagħhom jista’ jiġi preżunt li persuna diliġenti ma setgħetx tinjora b’mod raġonevoli li l-fatti li tagħhom kellha għarfien jew seta’ jkollha għarfien kienu relatati ma’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

4)      L-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix regoli ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet għad‑danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li la jissospendu u lanqas jinterrompu awtomatikament it-terminu ta’ preskrizzjoni matul il-proċedura quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni jew l‑istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ tali awtorità. Madankollu, l‑Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, jirrikjedi li r-regoli nazzjonali ta’ preskrizzjoni jippermettu lill‑persuna leża tibbaża l-azzjoni tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni relatata mal-ksur inkwistjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2014, L 349, p. 1.


3      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l‑implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


4      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Statul român (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5      Deċiżjoni C(2017) 4444 final tas‑27 ta’ Ġunju 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l‑Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Każ AT.39740 – Google Search (Xiri) (iktar’ il quddiem il-“każ Google Shopping”)).


6      Regolament tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 8); IP/10/1624, https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/fr/ip_10_1624.


7      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (T‑612/17, EU:T:2021:763, punti 55, 57, 67 u 70).


8      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (T‑612/17, EU:T:2021:763, punti 71 u 666).


9      Kawża pendenti C‑48/22 P, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping).


10      Din id-data nkisbet billi tnaqqas terminu ta’ erba’ snin li jibda jiddekorri mid-data tar-rikors ta’ Heureka (25 ta’ Ġunju 2020). Kuntrarjament għall-qorti tar-rinviju (ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet), Google tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti hija l-Kodiċi Kummerċjali, li t-terminu ta’ preskrizzjoni tagħha huwa ta’ erba’ snin (ara wkoll l‑punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li jibda jiddekorri mill-mument li fih il-persuna li sofriet id‑dannu saret taf jew setgħet issir taf bid-dannu u bl-identità tal-persuna obbligata li tikkumpensah.


11      Il-qorti tar-rinviju tidher li qed titlaq minn din l-ipoteżi għaliex, jekk tqis li kellha dan l-għarfien biss wara t-tmiem tal-ksur fis‑27 ta’ Ġunju 2017, anki bl‑applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni antik ta’ tliet snin previst mill-Kodiċi Ċivili Ċek, id-dritt li jirriżulta mill-ksur inkwistjoni, kollu kemm huwa, fi kwalunkwe każ ma kienx ikun preskritt meta ġie ppreżentat ir-rikors ta’ Heureka fis‑26 ta’ Ġunju 2020. F’dan il-każ, ma jkunx meħtieġ li tiġi kkjarifikata l-kundizzjoni tat‑tmiem tal-ksur għall-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni.


12      Sentenza Volvo, punt 18.


13      Digriet tas‑6 ta’ Marzu 2023, Deutsche Bank (Akkordju – Derivattivi tar-rati tal‑interess f’euro) (C‑198/22 u C‑199/22, EU:C:2023:166, punt 19).


14      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 48); tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB (C‑344/98, EU:C:2000:689, punt 53); u tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑475/01, EU:C:2004:585, punt 18).


16      Sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (63/87, EU:C:1988:285, punt 10), u tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 64).


17      Ara pereżempju s-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 1986, COFAZ vs Il‑Kummissjoni (C‑169/84, EU:C:1986:42, punt 24); tal‑31 ta’ Marzu 1998, France et vs Il‑Kummissjoni (C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punti 48 sa 58); u tad‑29 ta’ Ġunju 2010; ara wkoll Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 90); ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, Métropole télévision et vs Il‑Kummissjoni (T‑528/93, T‑542/93, T‑543/93 u T‑546/93, EU:T:1996:99, punti 59 sa 64); u d-digriet tat‑18 ta’ Settembru 2006, Wirtschaftskammer Kärnten et best connect Ampere Strompool vs Il-Kummissjoni (T‑350/03, EU:T:2006:257, punt 54).


18      Ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑21 Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 41).


19      Ara wkoll, f’dan is-sens, għas-sitwazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tad‑Direttiva 2014/104, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Repsol Comercial de Productos Petrolíferos (C‑25/21, EU:C:2023:298, punti 61 sa 63), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:32, punt 93).


20      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:32, punt 96).


21      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800).


22      Enfasi miżjud minni.


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 52).


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, RegioJet (C‑57/21, EU:C:2023:6, punt 64). L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jistipula: “1. Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew l‑Artikolu [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu [jissospendu] dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l‑Artikolu [267 TFUE].” (Enfasi miżjud minni.)


25      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, RegioJet (C‑57/21, EU:C:2023:6, punti 65 u 66), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża RegioJet (C‑57/21, EU:C:2022:363, punti 45 u 46).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 45). Ara wkoll, mutatis mutandis, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ćapeta fil-kawża DB Station & Service (C‑721/20, EU:C:2022:288, punt 88).


27      Ara, f’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punti 12 sa 20). Ara wkoll, fis-sitwazzjoni ta’ dubju dwar il-validità jew l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, is-sentenzi tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Daimler (Akkordji – Trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku) (C‑588/20, EU:C:2022:607, punti 27 sa 36), u tal‑25 ta’ Frar 2021, VodafoneZiggo Group vs Il‑Kummissjoni (C‑689/19 P, EU:C:2021:142, punt 144).


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 28, 29 u 38 sa 41).


29      Sentenza Volvo, punti 43 sa 47.


30      Sentenza Volvo, punt 48.


31      Sentenza Volvo, punt 49.


32      Sentenza Volvo, punt 52.


33      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario (C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 86 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


34      Sentenza Volvo, punti 64 sa 71.


35      Skont Heureka, Google temmet l-aġir ikkontestat biss fis‑27 ta’ Settembru 2017. Din id-dikjarazzjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li, fit-tieni paragrafu tal‑Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2017) 4444 final, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur kien għadu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni filwaqt li, fl‑Artikolu 3, hija ordnat lil Google biex itemm l-imsemmi ksur mhux iktar tard minn 90 jum li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tal-imsemmija deċiżjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika din id-dikjarazzjoni filwaqt li tikkunsidra, jekk ikun il-każ, id-data reali ta’ notifika tad-Deċiżjoni C(2017) 4444 final fit‑30 ta’ Ġunju 2017 (skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Google fil-qafas tar-rikors tagħha kontra l-imsemmija deċiżjoni), u tistabbilixxi d-data eżatta tat-tmiem tal-ksur.


36      Ara l-Artikolu 10(3) tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall‑ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal‑Unjoni Ewropea tal‑11 ta’ Ġunju 2013, COM(2013) 404 final.


37      Sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 81); tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 258); u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41).


38      Sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni (T‑147/09 u T‑148/09, EU:T:2013:259, punt 88), u tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni (T‑655/11, EU:T:2015:383, punti 484 u 498).


39      Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni (T‑147/09 u T‑148/09, EU:T:2013:259, punt 62).


40      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (T‑612/17, EU:T:2021:763, punti 68 u 69).


41      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Volvo, punt 50.


42      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punti 42 u 43), u Volvo, punt 50.


43      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006 (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461).


44      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019 (C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 45); ara, ukoll, il‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:32, punt 81).


45      Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punti 19 sa 30).


46      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 35); ara, ukoll, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (T‑28/03, EU:T:2005:139, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑20 ta’ Jannar 2021, Folschette et vs Il‑Kummissjoni (T‑884/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:27, punt 25).


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 26), u tas‑16 ta’ Frar 2023, Tráficos Manuel Ferrer (C‑312/21, EU:C:2023:99, punt 42).


48      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 37).


49      Ara fuq dan il-punt, diġà, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Tráficos Manuel Ferrer (C‑312/21, EU:C:2022:712, punt 57).


50      Ara, mutatis mutandis, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 47), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 38).


51      Sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 46), Volvo, punt 54, u tal‑20 ta’ April 2023, Repsol Comercial de Productos Petrolíferos (C‑25/21, EU:C:2023:298, punt 60).


52      Sentenzi Volvo, punt 55, u tas‑16 ta’ Frar 2023, Tráficos Manuel Ferrer (C‑312/21, EU:C:2023:99, punt 43).


53      Sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 47), Volvo, punt 53, u tal‑20 ta’ April 2023, Repsol Comercial de Productos Petrolíferos (C‑25/21, EU:C:2023:298, punt 60).


54      Sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 95), u tas‑16 ta’ Frar 2023, Tráficos Manuel Ferrer (C‑312/21, EU:C:2023:99, punt 35).


55      Sentenza Volvo, punti 56 sa 61.


56      Ara, f’dan is-sens, id-Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust, SEC(2008) 404, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52008SC0404, punt 238.


57      Ara, fuq dan l-aħħar punt, is-sentenza Volvo, punt 55.


58      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006 (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461).


59      Sentenza Volvo, punti 56 sa 60.


60      Ara, għal din id-definizzjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil‑kawża Repsol Comercial de Productos Petrolíferos (C‑25/21, EU:C:2022:659, punti 32 sa 35).


61      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Volvo, punt 71, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2021:884, punti 122 u 123).


62      Ara ukoll, għal din id-definizzjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Repsol Comercial de Productos Petrolíferos (C‑25/21, EU:C:2022:659, punti 32 sa 35).


63      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2021:884, punti 121 u 122).


64      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punti 45 sa 55); ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:32, punt 81); kif ukoll il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2021:884, punt 101).


65      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 52).