Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-14 ta’ Lulju 2021 – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra HM; Parti oħra: Openbaar Ministerie

(Kawża C-428/21)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra: HM

Parti oħra fil-proċedura: Openbaar Ministerie

Domandi preliminari

L-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri 1 , moqri fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

huwa fl-Istat Membru emittenti li persuna kkonsenjata għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ b’rabta ma’ talba għal kunsens għall-estensjoni tal-fatti, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru tismagħha dwar eventwali rinunzja mill-protezzjoni tar-regola ta’ speċjalità msemmija fl-Artikolu 27(3)(f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI jew

huwa fl-Istat Membru li preċedentement wettaq il-konsenja tagħha li din il-persuna għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ, quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, fil-kuntest tal-proċedura marbuta mal-għoti tal-kunsens għall-estensjoni tal-fatti?

Jekk ikun fl-Istat Membru li preċedentement wettaq il-konsenja tagħha li l-persuna kkonsenjata għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ b’rabta ma’ talba għal kunsens għall-estensjoni tal-fatti skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, b’liema mod għandu dan l-Istat Membru jippermettilha li tagħmel dan?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.