Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2021 mil-Land Rheinland-Pfalz mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fid-19 ta’ Mejju 2021 fil-Kawża T-218/18, Deutsche Lufthansa AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-466/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Land Rheinland-Pfalz (rappreżentanti: R. van der Hout, advocaat, C. Wagner, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Deutsche Lufthansa AG, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) mogħtija fid-19 ta’ Mejju 2021 fil-Kawża T-218/18, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni u tiċħad b’mod definittiv ir-rikors; u

tikkundanna lil Deutsche Lufthansa AG għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant jinvoka ħames aggravji insostenn tal-appell tiegħu:

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “DLH”) kellha locus standi taħt l-Artikolu 263(4) TFUE. Hija żbaljat meta qieset li DLH kienet parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) u tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2015/1589 1 u kienet allegat ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha fil-kuntest tar-rikors tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tatx motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni tagħha dwar il-locus standi fir-rigward tal-aspetti rilevanti.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat l-evalwazzjoni tagħha taż-żona ta’ klijentela esklużivament fuq it-test tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma qieset il-kuntest u d-dokumenti rilevanti tal-proċeduri amministrattivi.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat is-sentenza tagħha fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ajruporti ta’ destinazzjoni u karatteristiċi partikolari oħra meta evalwat iż-żona ta’ klijentela. Peress li DLH ma kkontestatx dan fir-rikors tagħha, il-Qorti Ġenerali ma kienx imissha laqgħet ir-rikors għal din ir-raġuni.

Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx eskludiet id-dubji kollha dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern fir-rigward taż-żona ta’ klijentela. B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra li l-Kummissjoni, minn naħa, għandha tieħu deċiżjoni dwar l-għeluq tal-proċedura ta’ eżami preliminari fuq il-bażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha f’dak il-mument, u, min-naħa l-oħra, ma kellha ebda raġuni li jagħti lok għal tħassib fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà mal-Linji gwida dwar l-għajnuna fil-qasam tal-avjazzjoni.

Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 264(2) TFUE meta annullat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma speċifikat liema mill-effetti tagħha kellhom jitqiesu li baqgħu fis-seħħ. Barra minn hekk, hija kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha peress li ma ġġustifikatx id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-effetti ratione temporis.

____________

1     Regolament (UE) 2015/1589 tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).