Language of document : ECLI:EU:C:2022:707

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Settembru 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7(1) – Dritt għal-leave annwali mħallas – Invalidità totali jew inkapaċità għax-xogħol minħabba mard li seħħ matul perijodu ta’ riferiment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas mal-iskadenza ta’ ċertu perijodu – Obbligu tal-persuna li timpjega li tqiegħed lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas”

Fil-Kawżi magħquda C‑518/20 u C‑727/20,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑7 ta’ Lulju 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Ottubru 2020, fil-proċeduri

XP

vs

Fraport AG Frankfurt Airport Services Worldwide (C‑518/20),

u

AR

vs

St. Vincenz-Krankenhaus GmbH (C‑727/20),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, I. Ziemele (Relatriċi), u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal XP, minn J. Rehberg, Rechtsanwalt,

–        għal AR, minn U. Happe, Rechtsanwältin,

–        għal Fraport AG Frankfurt Airport Services Worldwide, minn M. A. J. Strömer, Rechtsanwältin,

–        għal St. Vincenz-Krankenhaus GmbH, minn N. Gehling,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D.‑Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, XP u Fraport AG Frankfurt Airport Services Worldwide (iktar ’il quddiem “Fraport”) (Kawża C‑518/20) u, min-naħa l-oħra, AR u St. Vincenz-Krankenhaus GmbH (Kawża C‑727/20), dwar id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ XP u ta’ AR għas-sena ta’ riferiment li matulha dawn il-ħaddiema sabu ruħhom, rispettivament, f’sitwazzjoni ta’ invalidità totali u ta’ inkapaċità għax-xogħol minħabba mard.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

 Iddritt Ġermaniż

4        L-Artikolu 7 tal-Bundesurlaubgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Leave) tat‑8 ta’ Jannar 1963 (BGB1. 1963, p. 2), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BUrlG”), jipprovdi:

“(1)      Waqt id-determinazzjoni tad-dati tal-leave, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni x-xewqat tal-ħaddiem fil-qasam, sakemm dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jmurx kontra l-interessi imperattivi tal-impriża jew ix-xewqat ta’ ħaddiema oħra li, minħabba kunsiderazzjonijiet soċjali, jistħoqqilhom il-prijorità. Il-leave għandu jingħata meta l-ħaddiem jitolbu wara miżura ta’ mediċina preventiva jew riabilitazzjoni.

(2)      Il-leave għandu jingħata f’perijodu wieħed, sakemm raġunijiet imperattivi li jirrigwardaw l-impriża jew raġunijiet li jirrigwardaw il-persuna tal-ħaddiem ma jirrendux neċessarju qsim tal-leave.. Jekk, għal tali raġunijiet, il-leave ma jistax jingħata f’perijodu wieħed u jekk il-ħaddiem għandu dritt għal leave ta’ iktar minn tnax-il jum ta’ xogħol, allura waħda mill-frazzjonijiet tal-leave għandha tinkludi tal-inqas tnax-il jum ta’ xogħol konsekuttivi.

(3)      Il-leave għandu jingħata u jittieħed matul is-sena kalendarja attwali. Posponiment tal-leave għas-sena kalendarja suċċessiva huwa awtorizzat biss jekk dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi li jirrigwardaw l-impriża jew raġunijiet li jirrigwardaw il-persuna tal-ħaddiem. F’każ ta’ posponiment, il-leave għandu jingħata u jittieħed matul l-ewwel tliet xhur tas-sena kalendarja suċċessiva. Madankollu, fuq talba tal-ħaddiem, il-leave parzjali miksub skont l-Artikolu 5(1)(a) għandu jiġi pospost għas-sena kalendarja suċċessiva.

(4)      Jekk, minħabba t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-leave ma għadux jista’ jingħata totalment jew parzjalment, għandu jkun hemm dritt għal allowance kumpensatorja.”

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

 IlKawża C518/20

5        XP ilu impjegat mis-sena 2000 minn Fraport bħala xufier għat-trasport ta’ merkanzija. Minħabba diżabbiltà serja, huwa jirċievi sa mill‑1 ta’ Diċembru 2014, pensjoni għal invalidità totali, iżda mhux permanenti, li l-aħħar terminu tagħha ġie stabbilit għall‑31 ta’ Awwissu 2022.

6        XP ħarrek lil Fraport sabiex jiġi kkonstatat li huwa kellu dritt għal 34 jum ta’ leave annwali mħallas għas-sena 2014. Huwa ma setax jibbenefika minn dawn il-jiem ta’ leave minħabba l-istat ta’ saħħa tiegħu, peress li Fraport, barra minn hekk, ma wettqitx l-obbligu tagħha li tikkontribwixxi għall-għoti u għat-teħid tal-leave.

7        Fraport sostniet li d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ XP għas-sena 2014 skada fit‑31 ta’ Marzu 2016, fi tmiem il-perijodu ta’ posponiment previst fl-Artikolu 7(3) tal-BUrlG. Fil-fatt, ħaddiem li, għal raġunijiet ta’ saħħa, ma jkunx jista’ jieħu l-leave tiegħu għal perijodu twil jitlef id-dritt tiegħu għal-leave ħmistax-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ riferiment, u dan indipendentement minn jekk il-persuna li timpjega twettaqx l-obbligi tagħha bil-għan li dan il-ħaddiem ikun jista’ jieħu dan il-leave.

8        Peress li l-qrati kompetenti fuq il-mertu ċaħdu t-talbiet tiegħu, XP ippreżenta appell għal Reviżjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja).

9        Din il-Qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà, fid-dawl tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, tar-regola prevista fl-Artikolu 7 tal-BUrlG li skontha leave mhux meħud jista’ jitqies bħala mitluf, fil-każ ta’ inkapaċità għax-xogħol għal żmien twil minħabba raġunijiet ta’ saħħa, minkejja li l-persuna li timpjega effettivament ma qegħditx lill-ħaddiem f’qagħda li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave matul il-perijodu ta’ xogħol li jippreċedi l-invalidità totali tiegħu.

10      Il-Qorti tar-rinviju tfakkar li, wara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874), hija interpretat l-Artikolu 7 tal-BUrlG b’mod konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 sa fejn hija ddeċidiet li d-dritt għal-leave annwali minimu mħallas jiskadi meta jintemm il-perijodu ta’ riferiment jew il-perijodu ta’ posponiment biss jekk il-persuna li timpjega tkun, preċedentement, qiegħdet lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt għal-leave tiegħu, u li, minkejja dan, li l-ħaddiem, volontarjament, ma jkunx ħa dan il-leave.

11      Barra minn hekk, skont is-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18), u tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS, (C‑214/10, EU:C:2011:761), il-qorti tar-rinviju tindika li ddeċidiet li d-dritt għal-leave annwali mħallas ma jintilifx bis-saħħa tal-Artikolu 7(3) tal-BUrlG jekk il-ħaddiem ma jkunx jista’ jaħdem minħabba mard sa tmiem il-perijodu ta’ riferiment u/jew il-perijodu ta’ posponiment. Madankollu, jekk din l-inkapaċità għax-xogħol tippersisti, id-dritt għal dan il-leave jiskadi ħmistax-il xahar wara tmiem is-sena ta’ riferiment.

12      Il-Qorti tar-rinviju għadha ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem li jkollu invalidità totali jiskadix ħmistax-il xahar wara s-sena ta’ riferiment meta din l-inkapaċità tibqa’ teżisti.

13      Skont l-ewwel interpretazzjoni possibbli, tali tmiem tad-dritt, minħabba n-natura eċċezzjonali tiegħu, huwa eskluż meta l-persuna li timpjega ma tkunx ikkonformat ruħha mal-obbligu tagħha li tqiegħed lill-ħaddiem fid-dritt li jeżerċita d-dritt għal-leave tiegħu. Fil-fatt, dan l-obbligu jżomm l-utilità tiegħu anki meta l-ħaddiem ma jkunx jista’ jaħdem, peress li t-tul tal-marda ma jistax ikun magħruf minn qabel. Kull prattika jew ommissjoni ta’ persuna li timpjega li jkollha effett potenzjalment dissważiv fuq it-teħid tal-leave annwali hija inkompatibbli mal-għan ta’ dan id-dritt (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 42). Kieku l-persuna li timpjega kienet issodisfat l-obbligu tagħha fi żmien xieraq, il-ħaddiem seta’ ħa l-leave annwali tiegħu qabel il-bidu tal-invalidità totali tiegħu.

14      Skont interpretazzjoni oħra, jekk, minħabba invalidità totali matul il-perijodu ta’ riferiment u l-perijodu ta’ posponiment, ikun oġġettivament impossibbli għall-persuna li timpjega li tqiegħed lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas, jista’ jiġi kkunsidrat li l-persuna li timpjega tista’ tinvoka l-estinzjoni tad-dritt għal-leave, anki jekk hija ma tkunx issodisfat l-obbligu tagħha li tqiegħed lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu. F’tali sitwazzjoni, il-leave annwali mħallas jiġi mċaħħad mill-effett pożittiv tiegħu għall-ħaddiem fil-kwalità tiegħu ta’ ħin ta’ mistrieħ, u b’hekk jiġġustifika, f’każ ta’ mard fit-tul, perijodu ta’ posponiment limitat għal ħmistax-il xahar li fl-iskadenza tiegħu d-dritt għal-leave annwali mħallas jintemm (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punti 43 u 44).

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 7 tad-[Direttiva 2003/88] u l-Artikolu 31(2) tal-[Karta] jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 7(3) tal-[BUrlG], li skontha d-dritt għal-leave annwali mħallas, li jkun għadu ma tteħidx, ta’ ħaddiem li jsofri, matul is-sena ta’ riferiment għal-leave, minn inkapaċità għax-xogħol sħiħa minħabba raġunijiet ta’ saħħa (invalidità), iżda li kien għadu seta’ jieħu – tal-inqas parzjalment – dan il-leave qabel il-bidu tal-inkapaċità għax-xogħol tiegħu matul is-sena ta’ riferiment, jintemm ħmistax-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ riferiment f’każ ta’ persistenza, mingħajr interruzzjoni, tal-inkapaċità għax-xogħol, inkluż meta l-persuna li timpjega ma tkunx effettivament qiegħdet lill-ħaddiem fil-pożizzjoni li jeżerċita d-dritt għal-leave tiegħu billi tistiednu jagħmel hekk u tipprovdilu informazzjoni korrispondenti dwar dan?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tmiem f’data sussegwenti huwa wkoll eskluż f’każ ta’ persistenza ta’ inkapaċità għax-xogħol totali?”

 IlKawża C727/20

16      AR, li hija impjegata tas-St. Vincenz-Krankenhaus, tinsab f’qagħda ta’ inkapaċità għax-xogħol sa minn meta hija mardet matul is-sena 2017.

17      AR ma ħaditx il-jiem kollha ta’ leave annwali mħallas li għalihom hija kellha dritt għas-sena 2017. Il-persuna li timpjegaha ma ħeġġithiex tieħu l-leave tagħha u lanqas ma informatha bil-fatt li l-leave mhux mitlub seta’ jintilef fl-aħħar tas-sena kalendarja jew tal-perijodu ta’ posponiment imsemmi fl-Artikolu 7(3) tal-BUrlG. AR adixxiet lill-qrati industrijali b’azzjoni intiża sabiex jiġi kkonstatat li hija għandha erbatax-il jum ta’ leave mħallas għas-sena 2017. Hija ssostni li, minħabba l-inkapaċità tagħha li taħdem b’mod kontinwu, id-dritt għal-leave annwali tagħha mħallas ma skadiex fil‑31 ta’ Marzu 2019, peress li l-persuna li timpjegaha naqset milli tiġbdilha l-attenzjoni fi żmien xieraq dwar ir-riskju ta’ telf tal-ġranet ta’ leave.

18      St. Vincenz-Krankenhaus issostni li, konformement mal-Artikolu 7(3) tal-BUrlG, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ AR għas-sena 2017 skada fil‑31 ta’ Marzu 2019.

19      Peress li l-qrati kompetenti fuq il-mertu ċaħdu t-talba tagħha, AR adixxiet lill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) b’rikors għal Reviżjoni.

20      Il-Qorti tar-rinviju adottat motivazzjoni analoga għal dik esposta fil-kuntest tal-Kawża C‑518/20 riprodotta fil-punti 9 sa 14 ta’ din is-sentenza, f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet li wassluha biex tagħmel id-domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88] u l-Artikolu 31(2) tal-[Karta] jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 7(3) tal-[BUrlG], li skontha d-dritt għal-leave annwali mħallas, li kien għadu ma tteħidx, ta’ ħaddiem li sofra, matul is-sena ta’ riferiment għal-leave, minn marda li wasslet għal inkapaċità għax-xogħol, iżda li kien għadu seta’ jieħu – tal-inqas parzjalment – dan il-leave qabel il-bidu tal-inkapaċità għax-xogħol tiegħu matul is-sena ta’ riferiment, jintemm ħmistax-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ riferiment f’każ ta’ persistenza, mingħajr interruzzjoni, tal-inkapaċità għax-xogħol, inkluż meta l-persuna li timpjega ma tkunx effettivament qiegħdet lill-ħaddiem fil-pożizzjoni li jeżerċita d-dritt għal-leave tiegħu billi tistiednu jagħmel hekk u tipprovdilu informazzjoni f’dan ir-rigward?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tmiem f’data sussegwenti huwa wkoll eskluż f’każ ta’ persistenza tal-inkapaċità għax-xogħol?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Novembru 2021, il-Kawżi C‑518/20 u C‑727/20 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza, fid-dawl tal-fatt li huma konnessi.

 Fuq iddomandi preliminari

23      Permezz tad-domandi tagħha magħmula f’kull waħda mill-Kawżi C‑518/20 u C‑727/20, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li b’applikazzjoni tagħha d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem miksub għal perijodu ta’ riferiment li matulu tkun seħħet invalidità totali jew inkapaċità għax-xogħol minħabba mard li jippersisti minn dak il-mument jista’ jiskadi, sew fi tmiem perijodu ta’ posponiment awtorizzat mid-dritt nazzjonali jew ulterjorment, filwaqt li l-persuna li timpjega ma tkunx qiegħdet lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt fi żmien xieraq.

24      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li kull ħaddiem huwa intitolat għal leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. Dan id-dritt għal-leave annwali mħallas għandu jitqies bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, li l-implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha sseħħ biss fil-limiti espressament iddikjarati mid-Direttiva 2003/88 innifisha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-dritt għal-leave annwali mħallas, bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, mhux biss għandu importanza partikolari iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li lilha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 37).

26      B’hekk, l-Artikolu 7(1) tad‑Direttiva 2003/88 jirrifletti u jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal‑Karta. Fil-fatt, filwaqt li din l-aħħar dispożizzjoni tiggarantixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, l-ewwel dispożizzjoni timplimenta dan il-prinċipju billi tiffissa t-tul tal-imsemmi perijodu (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Koch Personaldienstleistungen, C‑514/20, EU:C:2022:19, punt 25).

27      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-leave annwali għandu żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li ħaddiem ikun jista’ jistrieħ mit-twettiq tal-kompiti li huwa għandu obbligu jwettaq skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u, min-naħa l-oħra, li dan ikollu perijodu ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni (sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 25, kif ukoll tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca SpA, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Dan l-għan, li jiddistingwi d-dritt għal-leave annwali mħallas minn tipi oħra ta’ leave b’għanijiet differenti, huwa bbażat fuq il-premessa li l-ħaddiem effettivament ħadem matul il-perijodu ta’ riferiment. Fil-fatt, l-għan li ħaddiem ikun jista’ jistrieħ jippreżumi li dan il-ħaddiem eżerċita attività li tiġġustifika, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu msemmija mid-Direttiva 2003/88, it-tgawdija ta’ perijodu ta’ mistrieħ, ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni. Għaldaqstant, id-drittijiet għal-leave annwali mħallas għandhom bħala prinċipju jiġu kkalkolati skont il-perijodi ta’ xogħol effettiv imwettqa bis-saħħa tal-kuntratt tax-xogħol (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu, C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      B’hekk, f’ċerti sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiem ma jkunx kapaċi jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, Stat Membru ma jistax jissuġġetta d-dritt għal-leave annwali mħallas għall-obbligu li l-ħaddiem ikun effettivament ħadem. Dan japplika, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema li huma assenti mix-xogħol minħabba leave tal-mard matul il-perijodu ta’ riferiment. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tad-dritt għal-leave annwali mħallas, dawn il-ħaddiema huma ekwiparati għal dawk li effettivament ħadmu matul dan il-perijodu (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2021, Staatssecretaris van Financiën (Remunerazzjoni matul il-leave annwali mħallas), C‑217/20, EU:C:2021:987, punti 29 u 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tiġrib ta’ inkapaċità għax-xogħol minħabba mard hija, bħala prinċipju, imprevedibbli u indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem. Fil-fatt, l-assenzi dovuti għal marda għandhom jiġu kkunsidrati bħala assenzi mix-xogħol għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tal-persuna impjegata kkonċernata, li għandhom jingħaddu fil-perijodu ta’ servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2021, Staatssecretaris van Financiën (Remunerazzjoni matul il-leave annwali mħallas), C‑217/20, EU:C:2021:987, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 kellu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali mħallas jintemm mal-iskadenza tal-perijodu ta’ riferiment u/jew ta’ perijodu ta’ posponiment tal-leave stabbilit mid-dritt nazzjonali meta l-ħaddiem kien fuq leave tal-mard matul il-perijodu ta’ riferiment kollu jew matul parti minnu u meta, għaldaqstant, huwa ma kellux effettivament il-possibbiltà li jeżerċita l-imsemmi dritt (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn, C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Skont il-ġurisprudenza hekk imfakkra, huwa, għalhekk, eskluż li d-dritt ta’ ħaddiem għal-leave annwali mħallas minimu, iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, jitnaqqas f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-fatt li l-ħaddiem ma setax iwettaq l-obbligu ta’ xogħol tiegħu minħabba marda matul il-perijodu ta’ riferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2021, Staatssecretaris van Financiën (Remunerazzjoni matul il-leave annwali mħallas), C‑217/20, EU:C:2021:987, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li jistgħu jsiru limitazzjonijiet għad-dritt fundamentali għal-leave annwali mħallas stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta biss billi jiġu osservati l-kundizzjonijiet stretti previsti fl-Artikolu 52(1) tagħha u, b’mod partikolari, il-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt.

34      B’hekk, fil-kuntest partikolari fejn il-ħaddiema kkonċernati ġew preklużi milli jeżerċitaw id-dritt għal-leave annwali mħallas tagħhom minħabba l-assenza tagħhom mix-xogħol minħabba mard, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm ħaddiem f’qagħda ta’ inkapaċità milli jaħdem matul diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi għandu d-dritt li jakkumula, b’mod illimitat, id-drittijiet għal leave annwali mħallas kollha miksuba waqt il-perijodu tal-assenza tiegħu mix-xogħol, tali kumulu illimitat ma jibqax jissodisfa l-għan innifsu tad-dritt għal-leave annwali mħallas (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi speċifiċi” li jiġġustifikaw, sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi ta’ kumulu illimitat tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas miksub matul perijodu ta’ assenza minħabba mard fit-tul, li ma tiġix applikata r-regola li d-drittijiet għal-leave annwali mħallas ma jistgħux jintilfu. Tali deroga tistrieħ fuq l-għan innifsu tad-dritt għal-leave annwali mħallas kif ukoll fuq in-neċessità li l-persuna li timpjega tiġi protetta minn riskju ta’ kumulu kbir wisq ta’ perijodi ta’ assenza tal-ħaddiem u mid-diffikultajiet li dawn jistgħu jinvolvu għall-organizzazzjoni tax-xogħol (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punti 34 u 39).

36      Għalhekk, f’ċirkustanzi speċifiċi li fihom ikun jinsab ħaddiem f’qagħda ta’ inkapaċità milli jaħdem għal diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, mhux biss fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiem li tipprova tilħaq id-Direttiva 2003/88, iżda wkoll tal-protezzjoni tal-persuna li timpjega, li tiffaċċja riskju ta’ kumulu kbir wisq ta’ perijodi ta’ assenza tal-ħaddiem u diffikultajiet li dan jista’ jinvolvi għall-organizzazzjoni tax-xogħol, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jillimitaw, għal perijodu ta’ posponiment tal-leave ta’ ħmistax-il xahar li fl-iskadenza tiegħu d-dritt għal-leave annwali mħallas jintemm, il-kumulu tad-drittijiet għal tali leave ta’ ħaddiem li jkun f’qagħda ta’ inkapaċità milli jaħdem tul numru ta’ perijodi ta’ riferiment konsekuttivi (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punti 29 u 30, kif ukoll tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 55).

37      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, suġġett għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jekk ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex, “speċifiċi”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, b’tali mod li dawn jiġġustifikaw deroga mid-dritt stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li dan id-dritt ma jintemmx mal-iskadenza tal-perijodu ta’ riferiment u/jew ta’ perijodu ta’ posponiment iffissat mid-dritt nazzjonali, meta tqigħedx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu.

38      F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk il-persuni li jimpjegaw inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jinvokaw l-applikazzjoni tal-limitazzjoni ratione temporis tad-dritt għal-leave annwali mħallas, miksub minn ħaddiem waqt il-perijodu ta’ riferiment li matulu huwa effettivament ħadem qabel ma nstab f’sitwazzjoni ta’ invalidità totali jew ta’ inkapaċità għax-xogħol, li tirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza.

39      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-telf awtomatiku tad-dritt għal-leave annwali mħallas, li ma huwiex suġġett għall-verifika minn qabel li l-ħaddiem effettivament tqiegħed f’pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt, imur kontra dawn il-limiti, imfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, imposti imperattivament fuq l-Istati Membri meta jispeċifikaw il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 40).

40      Għandu jitfakkar li hija l-persuna li timpjega li għandha tiżgura li l-ħaddiem ikun f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt għal-leave annwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger, C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).). F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ drittijiet għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem prekluż milli jieħu l-imsemmi leave għal raġunijiet ta’ mard, il-persuna li timpjega li ma tqigħedx lil ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt għal-leave annwali mħallas tiegħu għandha tassumi l-konsegwenzi għal dan (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria et Iccrea Banca, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mid-dritt stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li jistabbilixxi li dritt għal-leave annwali mħallas miksub ma jistax jintemm mal-iskadenza tal-perijodu ta’ riferiment u/jew ta’ perijodu ta’ posponiment stabbilit mid-dritt nazzjonali, meta l-ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Kif jista’ jiġi dedott mill-punt 65 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-persuna li timpjega ssodisfatx, fi żmien xieraq, l-obbligi tagħha ta’ tħeġġiġ u ta’ informazzjoni fir-rigward tat-teħid tal-leave annwali mħallas.

43      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawżi prinċipali, il-ħaddiema kkonċernati sempliċement jinvokaw id-drittijiet għal-leave annwali mħallas li nkisbu għall-perijodu ta’ riferiment li matulu huma kienu parzjalment ix-xogħol u parzjalment f’sitwazzjoni ta’ invalidità totali jew ta’ inkapaċità li jaħdmu minħabba mard.

44      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, ir-riskju ta’ konsegwenzi negattivi ta’ kumulu illimitat tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas ma jeżistix. Għaldaqstant, protezzjoni tal-interessi tal-persuna li timpjega bħal dik imsemmija fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza ma tidhirx li hija strettament neċessarja u, għaldaqstant, ma hijiex, a priori, ta’ natura li tiġġustifika deroga mid-dritt għal-leave annwali mħallas tal-ħaddiem.

45      B’hekk, għalkemm il-limitazzjoni ratione temporis ammessa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761) ċertament tipprekludi lill-ħaddiema milli jitolbu ż-żamma tad-drittijiet kollha għal-leave annwali mħallas miksub matul l-assenza fit-tul tagħhom mix-xogħol għal diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi, tali limitazzjoni ma tistax tiġi applikata għad-dritt għal-leave annwali mħallas miksub waqt il-perijodu ta’ riferiment li matulu ħaddiem effettivament ħadem qabel ma nstab f’sitwazzjoni ta’ invalidità totali jew ta’ inkapaċità għax-xogħol mingħajr ma tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-persuna li timpjega tkunx, fi żmien xieraq, qiegħdet lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt, peress li tali sitwazzjoni xxejjen mill-kontenut tiegħu d-dritt stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta u kkonkretizzat mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li risposta għad-domandi magħmula f’kull waħda mill-Kawżi C‑518/20 u C‑727/20 tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li b’applikazzjoni tagħha d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem miksub għal perijodu ta’ riferiment li matulu dan il-ħaddiem effettivament ħadem qabel ma sab ruħu f’sitwazzjoni ta’ invalidità totali jew ta’ inkapaċità li jaħdem minħabba mard li jippersisti minn dak il-mument jista’ jiskadi, sew fi tmiem perijodu ta’ posponiment awtorizzat mid-dritt nazzjonali jew ulterjorment, filwaqt li l-persuna li timpjega ma tkunx, fi żmien xieraq, qiegħdet lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt.

 Fuq lispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li b’applikazzjoni tagħha d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem miksub għal perijodu ta’ riferiment li matulu dan il-ħaddiem effettivament ħadem qabel ma sab ruħu f’sitwazzjoni ta’ invalidità totali jew ta’ inkapaċità li jaħdem minħabba mard li jippersisti minn dak il-mument jista’ jiskadi, sew fi tmiem perijodu ta’ posponiment awtorizzat mid-dritt nazzjonali jew ulterjorment, filwaqt li l-persuna li timpjega ma tkunx, fi żmien xieraq, qiegħdet lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.