Language of document : ECLI:EU:F:2010:112

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

29 ta’ Settembru 2010

Kawża F-41/08

Stephanie Honnefelder

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Żvolġiment tal-eżami orali — Natura stabbli tal-Bord tal-Għażla”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu S. Honnefelder titlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Mejju 2007, li ma tiġix inkluża fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/26/05 u tad-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2007.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Mejju 2007, li r-rikorrenti ma tiġix inkluża fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05 hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Kompożizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-proċedura li ġiet segwita fl-eżamijiet orali ta’ kompetizzjoni ssodisfatx iż-żewġ rekwiżiti fundamentali ta’ oġġettività u ugwaljanza fl-evalwazzjoni tal-kandidati, għandu jsir eżami globali tal‑organizzazzjoni tal-eżamijiet orali fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha. Dawn il-fatturi jinkludu b’mod partikolari n-numru ta’ kandidati ammessi għall-eżamijiet, il-varjazzjoni fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, b’attenzjoni partikolari għall-preżenza tal‑president tal-Bord tal-Għażla u, jekk ikun il-każ, tas-sostitut tiegħu, u l-miżuri ta’ koordinazzjoni adottati sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni koerenti tal‑kriterji ta’ evalwazzjoni.

L-assenzi tal-president tal-Bord tal-Għażla f’kompetizzjoni ġenerali li tinvolvi bosta kandidati, ikkunsidrati waħedhom, ma humiex ta’ tali natura li jiġġustifikaw l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla meta jkunu limitati u meta, matul dawn l-assenzi, il-Bord tal-Għażla kien ippresedut mill-president supplent, li kien assista flimkien mal-president għall-maġġoranza tal-eżamijiet, u b’hekk ġiet żgurata kontinwità fil-presidenza tal-Bord tal-Għażla. Dawn l-assenzi tal-president għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-fatturi rilevanti l-oħra sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm biżżejjed stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal‑Għażla.

Indipendentement mill-preżenza tal-president tal-Bord tal-Għażla fl-eżamijiet, il‑preżenza sinjifikattiva ta’ numru suffiċjenti ta’ eżaminaturi huwa meħtieġ sabiex jiġu ggarantiti l-koerenza tal-evalwazzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati. Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet marbutin mal‑organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni li tinvolvi bosta kandidati, sabiex ikun hemm fi ħdan il-Bord tal-Għażla grupp ta’ eżaminaturi adattat biex jiżgura stabbiltà suffiċjenti, ma huwiex neċessarju li l-membri ta’ dan il-grupp ikunu assistew għall-eżamijiet kollha. F’dan ir-rigward, membru supplenti ta’ Bord tal‑Għażla jista’ jissostitwixxi membru f’każ ta’ assenza ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, meta l-livell ta’ preżenza tal-membri jkun partikolarment baxx, tali assenza għandha tiġi ġġustifikata.

Meta l-grupp ta’ eżaminaturi preżenti għall-eżamijiet ikun limitat għall-president tal-Bord tal-Għażla u s-supplent tiegħu, filwaqt li l-membri l-oħra tal-Bord tal‑Għażla ma jkunux assistew għal numru suffiċjenti ta’ eżamijiet u ebda grupp identiku ta’ eżaminaturi ma jkun assista għal numru kbir ta’ eżamijiet orali, il‑kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla ma tagħtix livell ta’ stabbiltà ta’ tali natura li jiżgura l-osservanza tal-prinċipji ta’ oġġettività tal-evalwazzjonijiet u ta’ trattament ugwali, ħaġa li għandha tiġi kkunsidrata, fid-dawl tal-importanza ta’ dawn il-prinċipji, bħala ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. F’tali sitwazzjoni fejn l-istabbiltà tal-Bord tal-Għażla hija dgħajfa, il-fatt li, minn naħa, il-president supplent jassisti, flimkien mal-president, għall-parti inizjali tal-eżamijiet sabiex isir familjari mal-mod ta’ kif jiġu implementati l-kriterji ta’ evalwazzjoni u l-fatt li, min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Għażla jiftiehem minn qabel dwar il-metodi ta’ evalwazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanzi li jiggarantixxu l‑koerenza tal-evalwazzjoni.

(ara l-punti 39, 47, 48, 51, 58 u 59)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑9 u II‑A‑2‑37, punti 205, 209 sa 212 u 215; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2006, Neophytou vs Il‑Kummissjoni, F‑22/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑159 u II‑A‑1‑617, punti 44 u 56