Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Awissu 2013 minn CC mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-11 ta Lulju 2013 fil-Kawża F-9/12, CC vs Il-Parlament

(Kawża T-457/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: CC (Bridel, il-Lussemburgu) (rappreżentant: G. Maximini, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza mogħtija fil-11 ta’ Lulju 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-9/12, (CC vs Il-Parlament Ewropew);

għalhekk, tilqa’ t-talba tal-appellanti intiża għall-kumpens għad-dannu subit minħabba aġir ħażin;

tiddeċiedi b’mod konformi mat-talbiet imressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tmien aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq il-fatt li t-TSP żbaljatament naqas milli jordna miżuri istruttorji neċessarji u minħabba f’hekk wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar it-telf ta’ opportunità għall-appellanti li tiġi rreklutata fi ħdan il-Parlament minn Ġunju 2005.

It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u sussidjarjament fuq żnaturament tal-fatti meta t-TSP ikkonkluda li l-Kunsill kien ġie informat bl-eżistenza tal-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien jidher isem l-appellanti.

It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq żnaturament tal-fatti, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u fuq nuqqas ta’ tweġiba għal motiv sa fejn it-TSP ma weġibx għall-motivi mqajma mill-appellanti li jirrigwardaw l-ostakolu magħmul mill-Parlament għar-reklutaġġ tagħha mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni, l-assenza ta’ informazzjoni dwar l-eżistenza tal-lista ta’ kandidati xierqa u l-fatt li l-EPSO kien irċieva l-awtorizzazzjoni sabiex iniżżel lill-appellanti fid-database tiegħu u sabiex jgħaddi din l-informazzjoni.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament tal-fatti sa fejn it-TSP i) kkunsidra b’mod żbaljat li l-Parlament ma kellux l-obbligu legali li jxerred il-lista ta’ kandidati xierqa mal-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni, ii) ma silitx il-konsegwenzi tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali u iii) naqas milli jeżamina xi dokumenti. Il-ħames aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-informazzjoni fuq l-estenzjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa sa fejn it-TSP ikkonkluda li l-Kunsill u l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni kienu jafu dwar l-estenzjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa bejn Ġunju u Awwissu 2007. Is-sitt aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq żnaturament tal-fatti u fuq ommissjoni ta’ eżami tal-fatti sa fejn it-TSP ikkonkluda li t-tul ta’ validità tal-lista ta’ kandidati xierqa estiża fir-rigward tal-kandidati l-oħra li għaddew mill-kompetizzjoni ma kienx jimplika inugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-appellanti. Is-seba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn it-TSP ma silitx il-konklużjonijiet neċessarji wara l-qerda mill-Parlament tad-dokumenti li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tal-appellanti. It-tmien aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u sussidjarjament fuq żnaturament tal-fatti, fuq ommissjoni li jittieħdu miżuri istruttorji u fuq assenza ta’ motivazzjoni sa fejn it-TSP ma kkunsidrax is-sitwazzjoni reali tal-appellanti u l-attitudni żbaljata tal-Parlament waqt l-analiżi tal-eżistenza ta’ telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ u waqt l-evalwazzjoni tad-dannu subit.