Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta' Lulju 2011 - Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-133/07) 1

"Kompetizzjoni - Akkordji - Suq ta' proġetti li jirrigwardaw switchgear insulat bil-gass - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE - Tqassim tas-suq - Drittijiet tad-difiża - Prova tal-ksur - Tul tal-ksur - Multi - Ammont inizjali - Sena ta' referenza - Trattament ugwali"

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Mitsubishi Electric Corp. (Tokyo, il-Ġappun) (rappreżentanti: R. Denton, solicitor, u K. Haegeman, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: iniżjalment minn F. Arbault u J. Samnadda, sussegwentement minn X. Lewis, sussegwentement minn P. Van Nuffel u J. Bourke, u fl-aħħar minn P. Van Nuffel u N. Khan, aġenti)

Suġġett

Prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta' Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 - Switchgear insulat bil-gass), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti u TM T&D, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 2(g) ta' din id-deċiżjoni kif ukoll tal-Artikolu 2(h) tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, u, iktar sussidjarjament, talba għall-emenda tal-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni fid-dawl tal-annullament jew, fin-nuqqas ta' dan, tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)    L-Artikolu 2(g) u (h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta' Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 - Switchgear insulat bil-gass), huwa annullat sa fejn jirrigwarda Mitsubishi Electric Corp.

2)    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)    Mitsubishi Electric għandha tbati tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

4)    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwart mill-ispejjeż sostnuti mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

____________

1 - ĠU C 140, 23.6.2007.