Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' April 2007 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-135/07)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: G.Aiello, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

It-talbiet tar-rikorrenti

tannulla, skond l-Artikolu 230 tat-Trattat KE, id-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tas-7 ta' Frar 2007, irreġistrata bin-Nru 3585, tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Agrikoltura tal-Kummissjoni.

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Gvern tar-Repubblika Taljana ressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej rikors sabiex jikseb l-annullament, skond l-Artikolu 230 tat-Trattat KE, tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tas-7 ta' Frar 2007, bin-Nru 3585, tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Agrikoltura tal-Kummissjoni, li tiċħad it-talba ta' l-awtoritajiet Taljani sabiex jaddottaw miżuri eċċezzjonali ħalli jsostnu s-suq Taljan tal-laħam tat-tjur skond l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2777/75 dwar l-organizzazzjoni komuni fis-suq tal-laħam tat-tjur1, f'dak li jikkonċerna flieles meqrudin fiż-żoni milquta mill-influwenza avjarja u suġġetti għal miżuri veterinarji restrittivi taċ-ċirkulazzjoni fil-perijodu ta' bejn Diċembru ta' l-1999 u Settembru ta' l-2003.

In sostenn tar-rikors il-Gvern Taljan josserva:

il-ksur tal-prinċipju ta' non diskriminazzjoni bejn produtturi Komunitarji li tinsab fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 34(2) KE safejn il-konvenuta kkonċediet miżuri eċċezzjonali ta' sostenn għas-suq biss fir-rigward tas-settur tal-bajd għat-tfaqqis filwaqt li rrifjutat li tieħu miżuri analogi fir-rigward tas-settur tat-tjur fil-provvediment ikkontestat.

l-abbuż tal-poter u l-iżball manifest ta' evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

F'dan ir-rigward, qed jiġi sostnut li, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mir-Regolament Nru 2777/75, il-Kummissjoni kellha taddotta miżuri eċċezzjonali ta' sostenn għas-suq Taljan tat-tjur, is-settur tat-trobbija ta' l-għasafar li ntlaqat l-iktar fl-Italja. Minflok, minkejja t-talba rripetuta min-naħa tar-rikorrenti, hija rrifjutat li tagħmel hekk, u sempliċement ikkonċediet miżuri ta' sostenn biss favur is-settur tal-bajd għat-tfaqqis, l-inqas settur fl-Italja li ntlaqat mill-miżuri restrittivi u, essenzjalment, l-uniku settur li ntlaqat fl-Olanda. B'hekk il-Kummissjoni kellha kjarament l-intenzjoni li talloka lill-produtturi Olandiżi l-parti l-kbira tar-riżorsi disponibbli, u naqqset għall-miminu l-kumpens li ġie rrikonoxxut lill-produtturi Taljani.

L-interpretazzjoni żbaljata u l-ksur ta' l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2777/75 kif ukoll l-iżball manifest ta' evalwazzjoni.

Skond ir-rikorrenti, u bil-kontra tal-pożizzjoni tal-konvenuta, l-Artikolu 14 tar-Regolament in kwistjoni, mhux biss huwa applikabbli meta jseħħ żbilanċ fis-suq ikkaġunat mill-impossibbiltà għall-produtturi li jinsabu f'żona li tinsab taħt sorveljanza u protezzjoni milli jkollhom aċċess għas-suq 'il barra minn din iż-żona. Fil-fatt, il-Kummissjoni tista' taddotta miżuri eċċezzjonali ta' sostenn sabiex terġa tibbilanċa s-suq milqut minn limitazzjonijiet għal-libertà taċ-ċirkulazzjoni li jirriżultaw minħabba l-applikazzjoni ta' provvedimenti intiżi sabiex jiġġieldu t-tifrix ta' mard ta' l-annimali, indipendentement minn jekk dawn il-limitazzjonijiet jirrigwardawx il-prodotti li deħlin jew ħerġin minn żona determinata.

Fl-aħħar nett, qed jiġi invokat ukoll il-ksur tal-prinċipji ta' amministrazzjoni ġusta, ta' imparzjalità, ta' ekwità u ta' trasparenza.

____________

1 - ĠU L 282 tal-1/11/1975, p. 77