Language of document : ECLI:EU:C:2019:934

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Novembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikoli 3(1) u (2) – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Finanzjament tad-defiċit tariffarju – Taxxi li huma suġġetti għalihom biss l-impriżi li jużaw l-enerġija nukleari għall-produzzjoni tal-elettriku”

Fil-Kawżi magħquda C‑80/18 sa C‑83/18,

li għandhom bħala suġġett erba’ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑27 ta’ Ġunju 2017 kif ukoll tal‑10 u tat‑18 ta’ Lulju 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2018 u fis‑7 ta’ Frar 2018, fil-proċeduri

Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA) (C‑80/18),

Endesa Generación, SA (C‑82/18)

vs

Administración General del Estado,

Iberdrola Generación Nuclear SAU (C‑80/18 u C‑82/18)

u

Endesa Generación, SA (C‑81/18)

Iberdrola Generación Nuclear SAU (C‑83/18)

vs

Administración General del Estado (C‑81/18 u C‑83/18)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Frar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA), minn J. C. García Muñoz u J. M. Mohedano Fuertes, abogados, assistiti minn M. C. Villaescusa Sanz, procuradora,

–        għal Endesa Generación SA, minn J. L. Buendía Sierra, F. J. López Villalta y Peinado, E. Gardeta González, J. M. Cobos Gómez u A. Lamadrid de Pablo, abogados,

–        għal Iberdrola Generación Nuclear SAU, minn J. Ruiz Calzado, J. Domínguez Pérez u L. Cazorla Prieto, abogados, assistiti minn J. L. Martín Jaureguibeitia, procurador,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u V. Ester Casas, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, S. Pardo Quintillán u C. Hermes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jjikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 191(2) TFUE, tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009 L 211, p. 55), tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista ta’ l-elettriku u ta’ l-investiment fl-infrastruttura (ĠU 2006, L 33, p. 22), u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, l-Asociación Española de la industria eléctrica (UNESA) u Endesa Generación SA u, min-naħa l-oħra, Iberdrola Generación Nuclear SAU u l-Administración General del Estado (l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat, Spanja), u, min-naħa l-oħra, Endesa Generación u Iberdrola Generación Nuclear u din l-amministrazzjoni, dwar il-legalità tat-taxxi fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li ġej mill-produzzjoni tal-elettriku nukleari kif ukoll fuq il-ħażna ta’ dan il-kombustibbli nukleari u ta’ dan l-iskart f’faċilitajiet iċċentralizzati (iktar il quddiem it-“taxxi fuq l-enerġija nukleari”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2005/89

3        L-Artikolu 3(1) u (4) tad-Direttiva 2005/89 kien jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku billi jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiffaċilitaw klima ta’ investiment stabbli u billi jiddefinixxu l-irwoli u r-responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet regolatorji fejn relevanti, u l-atturi relevanti kollha tas-suq, u jippubblikaw informazzjoni dwarhom. […]

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull miżura adottata skond din id-Direttiva tkun non-diskriminatorja u ma timponix piż eċċessiv fuq l-atturi tas-suq, inklużi l-atturi ġodda fis-suq u l-kumpanniji b’ishma żgħar fis-suq. […]”

4        L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex iżommu bilanċ bejn id-domanda għall-elettriku u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni disponibbli.

[…]”

5        Id-Direttiva 2005/89 tħassret permezz tar-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 (ĠU 2019, L 158, p. 1).

 Id-Direttiva 2009/72

6        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fil-Komunità. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.”

7        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-impriżi tal-elettriku jiħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom.

2.      B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. […]”

 Id-dritt Spanjol

8        Il-preambolu tal-Ley 15/2012 de medidas fiscales para la sostenibilidad energética (il-Liġi 15/2012, dwar Miżuri Fiskali għal Enerġija Sostenibbli), tas‑27 ta’ Diċembru 2012, p. 88081 (BOE Nru 312 tat‑28 ta’ Diċembru 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi Fiskali dwar l-Enerġija”), jipprovdi:

“L-għan [ta’ din il-liġi] huwa li s-sistema fiskali tagħna tiġi adattata għal użu iktar effiċjenti u favur l-ambjent u għall-żvilupp sostenibbli […].

[…].

Il-bażi ta’ din il-liġi huwa l-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni […].

Għalhekk, wieħed mill-assi ta’ din ir-riforma fiskali huwa li jiġu internalizzati l-ispejjeż ambjentali li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku […].

Il-Liġi għandha sservi bħala stimolu għat-titjib tal-livelli ta’ effiċjenza enerġetika tagħna filwaqt li fl-istess ħin tiżgura ġestjoni aħjar tar-riżorsi naturali u tkompli ttejjeb il-mudell ġdid ta’ żvilupp sostenibbli, kemm mil-lat ekonomiku u soċjali, kif ukoll mil-lat ambjentali

[…]

Għal dan il-għan, dan l-Att jirregola tliet taxxi ġodda: […] it-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari, u t-taxxa fuq il-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’faċilitajiet iċċentralizzati […].

[…].

Il-produzzjoni tal-elettriku bl-użu tal-enerġija nukleari timplika l-aċċettazzjoni mis-soċjetà ta’ numru ta’ piżijiet u obbligi, minħabba l-karatteristiċi partikolari ta’ din it-tip ta’ enerġija, li l-impatt ekonomiku tagħha huwa diffiċli li jiġi ddeterminat. Is-soċjetà għandha tassumi firxa wiesgħa ta’ responsabbiltajiet li jirriżultaw minn aspetti speċifiċi ta’ din il-produzzjoni, bħall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv iġġenerat u l-użu possibbli ta’ materjali għal skopijiet mhux paċifiċi.

[…] [L]-evalwazzjoni tal-ispiża totali tal-għeluq ta’ impjanti tal-enerġija nukleari u l-ġestjoni finali ta’ skart radjuattiv għad għandha inċertezzi sinjifikattivi li fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw lis-soċjetà wara l-waqfien tal-operat ta’ impjanti tal-enerġija nukleari, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni finali tal-kombustibbli nukleari eżawrit u skart ta’ livell għoli. […]

Għalhekk, minħabba l-ħajja twila ta’ ċertu skart radjuattiv, li jestendi fuq ġenerazzjonijiet, huwa essenzjali li, wara l-ġestjoni finali tiegħu, jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni li aġent estern jikkawża r-rilaxx tiegħu fl-ambjent jew kwalunkwe effetti negattivi oħra, li jeżiġi monitoraġġ istituzzjonali fit-tul, li jkun ir-responsabbiltà tal-Istat. […]

Karatteristika distintiva oħra tal-industrija tal-enerġija nukleari hija l-użu u l-produzzjoni ta’ materjali li għandhom jiġu kkontrollati b’mod strett sabiex jiġi evitat l-użu tagħhom għal skopijiet mhux paċifiċi jew kwalunkwe tip ieħor ta’ att malizzjuż permezz tagħhom, li jġiegħel lil Spanja […] tassumi r-responsabbiltajiet konsegwenti u, għalhekk, li tipprovdi riżorsi sabiex jiġu indirizzati.

Għalhekk, l-Istat għandu jipprovdi r-riżorsi meħtieġa sabiex il-pjanijiet ta’ emerġenza nukleari eżistenti jibqgħu operattivi […].

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa xieraq li tiġi stabbilita imposta fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’installazzjonijiet nukleari u fuq il-ħażna tagħhom f’faċilitajiet iċċentralizzati sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż li s-soċjetà jkollha tħallas minħabba din il-produzzjoni.”

9        Skont l-Artikolu 12 tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija, intitolat “Natura”:

“It-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li ġej mill-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari u t-taxxa fuq il-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’faċilitajiet iċċentralizzati huma taxxi diretti ta’ natura reali, li huma imposti fuq attivitajiet, inklużi l-avvenimenti rispettivi li jagħtu lok għal responsabbiltà, li huma ddefiniti fl-Artikoli 15 u 19 ta’ din il-Liġi.”

10      L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-produzzjoni ta’ elettriku nukleari tikkostitwixxi l-fatt taxxabbli.”

11      L-Artikolu 16 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1. Huma persuni taxxabbli, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 35(4) tal-Ley 58/2003, de 17 de diciembre, General Tributaria (il-Liġi 58/2003, tas‑17 ta’ Diċembru 2003, dwar il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi), li jeżerċitaw l-attività msemmija fl-Artikolu 15.

2. Huma responsabbli in solidum għad-dejn fiskali fir-rigward tat-taxxa, il-proprjetarji tal-faċilitajiet nukleari li jipproduċu l-fatt taxxabbli jekk ma jkunux l-operaturi tagħhom.”

12      Skont l-Artikolu 17 tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija:

“1.      “Il-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-produzzjoni ta’ elettriku nukleari huwa kkostitwit minn:

a)      il-kilogrammi ta’ metall tqil li jinsabu fil-kombustibbli nukleari prodott matul il-perijodu taxxabbli, filwaqt li jitfakkar li l-metall tqil jikkonsisti fl-uranju u fil-plutonju li jinsab fih, u li l-kombustibbli nukleari eżawrit huwa l-kombustibbli nukleari rradjat fir-reattur li ġie estratt definittivament minnu matul il-perijodu taxxabbli;

b)      il-metri kubiċi ta’ skart radjuattiv ta’ livell medju, baxx jew baxx ħafna ġġenerati, li ġew ippakkjati matul il-perijodu taxxabbli fid-dawl tal-ħażna temporanja tagħhom fis-sit tal-faċilità.

2. Il-valur taxxabbli ddefinit f’dan l-artikolu huwa ddeterminat għal kull faċilità li twettaq l-attivitajiet li jikkostitwixxu l-fatt taxxabbli għall-finijiet ta’ din it-taxxa.”

13      L-Artikolu 18 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“L-ammont tat-taxxa huwa kkalkolat bl-applikazzjoni tar-rati li ġejjin għall-valur taxxabbli:

a)      għall-produzzjoni ta’ kombustibbli eżawrit li ġej mill-produzzjoni tal-elettriku nukleari, imsemmi fil-paragrafu Artikolu 17(1)(a), ir-rata hija ta’ EUR 2 190 għal kull kilo ta’ metall tqil;

b)      għall-produzzjoni ta’ skart radjuattiv imsemmi fl-Artikolu 17(1)(b):

1.      għall-iskart radjuattiv ta’ livell baxx jew medju, ir-rata hija ta’ EUR 6 000 għal kull metru kubu;

2.      għall-iskart radjuattiv ta’ livell baxx ħafna, ir-rata hija ta’ EUR 1 000 għal kull metru kubu.”

14      L-Artikolu 19 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Il-fatt taxxabbli huwa l-attività tal-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’faċilità ċentrali.

Għall-finijiet ta’ din it-taxxa, il-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv tfisser kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-immobilizzazzjoni temporanja jew permanenti tagħhom, bi kwalunkwe mod, u installazzjoni ċentrali tfisser faċilità li tista’ taħżen tali materjali ġej minn installazzjonijiet jew postijiet ta’ oriġini differenti.”

15      L-Artikolu 21 tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija jiddefinixxi l-persuni taxxabbli bħala “il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 35(4) [tal-Liġi 58/2003], li għandhom il-faċilitajiet li fihom jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 19.”

16      Skont l-Artikolu 22 ta’ din il-liġi:

“1.      Il-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjoattiv f’faċilitajiet iċċentralizzati huwa kkostitwit minn:

a)      id-differenza fil-piż tal-metall tqil li jinsab fil-kombustibbli nukleari eżawrit maħżun bejn it-tmiem u l-bidu tal-perijodu taxxabbli, espressa f’kilogrammi;

b)      id-differenza fil-volum ta’ skart radjuattiv ta’ livell għoli minbarra l-kombustibbli eżawrit, jew ta’ livell medju ta’ ħajja twila, maħżuna bejn it-tmiem u l-bidu tal-perijodu taxxabbli, espressa f’metri kubi;

c)      il-volum ta’ skart radjuattiv ta’ livell medju li ma huwiex inkluż fil-punt (b), u ta’ livell baxx jew baxx ħafna mqiegħed fil-faċilità sabiex jinħażen matul il-perijodu taxxabbli, espress f’metri kubi.

2.      Il-valur taxxabbli ddefinit f’dan l-artikolu huwa ddeterminat għal kull faċilità li twettaq l-attivitajiet li jikkostitwixxu l-fatt taxxabbli għall-finijiet ta’ din it-taxxa.”

17      L-Artikolu 24 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.      L-ammont tat-taxxa jirriżulta mill-applikazzjoni għall-valur taxxabbli, jew għall-valur nett taxxabbli skont l-Artikolu 23, tar-rati li ġejjin:

a)      għall-ħażna ta’ kombustibbli eżawrit imsemmi fl-Artikolu 22(1)(a), ir-rata hija ta’ EUR 70 għal kull kilo ta’ metall tqil;

b)      għall-ħażna ta’ skart radjuattiv imsemmi fl-Artikolu 22(1)(b), ir-rata hija ta’ EUR 30 000 għal kull metru kubu ta’ skart radjuattiv;

c)      għall-ħażna ta’ skart radjuattiv imsemmi fl-Artikolu 22(1)(c):

1.      għall-iskart radjuattiv ta’ livell baxx u ta’ livell medju, ir-rata hija ta’ EUR 10 000 għal kull metru kubu;

2.      għall-iskart radjuattiv ta’ livell baxx ħafna, ir-rata hija ta’ EUR 2 000 għal kull metru kubu.”

18      L-Artikolu 26 tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija jipprovdi:

“1.      Il-persuni taxxabbli għandhom l-obbligu li jevalwaw huma stess it-taxxa u jħallsuha fl-ewwel 20 jum tal-kalendarju li jsegwu l-eżiġibbiltà tat-taxxa, skont ir-regoli u l-mudelli stabbiliti mill-Ministru għall-Finanzi u għall-Amministrazzjoni Pubblika.

Matul l-ewwel 20 jum ta’ April, ta’ Lulju u ta’ Ottubru, il-persuni taxxabbli li jwettqu l-fatt taxxabbli msemmi fl-Artikoli 15 u 19 għandhom jagħmlu ħlas frazzjonat għal-likwidazzjoni tal-ħlas li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ tassazzjoni kurrenti, skont ir-regoli u l-mudelli stabbiliti mill-Ministru għall-Finanzi u għall-Amministrazzjoni Pubblika.

L-ammont tal-pagamenti frazzjonati huwa kkalkolat skont il-kriterji li jiddeterminaw il-valur taxxabbli tat-tliet xhur tal-kalendarju preċedenti għall-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għat-twettiq ta’ kull wieħed mill-pagementi frazzjonati, u bl-applikazzjoni tar-rata ta’ taxxa, skont il-każ, imsemmija fl-Artikoli 18 u 24 tal-Liġi.”

19      It-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija, li tirrigwarda l-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku, tipprovdi:

“Kull sena, il-liġijiet finanzjarji ġenerali tal-Istat jallokaw fondi għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku previsti fl-Artikolu 16 ta’ Ley 54/1997, de 27 de noviembre, del Sector Eléctrico [il-Liġi Nru 54/1997 tas‑27 ta’ Novembru 1997 dwar is-settur tal-elettriku] f’ammont ekwivalenti għas-somma ta’: (a) stima tal-ammonti annwali miġbura mill-Istat bħala imposti u t-taxxi inklużi f’din il-Liġi; (b) id-dħul stmat iġġenerat mill-irkant ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’massimu ta’ EUR 500 miljun.”

20      Il- Ley 16/2013, por la que se establecen determinadas medidas en materia de fiscalidad medioambiental y se adoptan otras medidas tributarias y financieras (il-Liġi 16/2013, li tistabbilixxi ċerti miżuri fil-qasam ta’ tassazzjoni ambjentali u li tadotta miżuri fiskali u finanzjarji oħra,tad‑29 ta’ Ottubru 2013), (BOE Nru 260, tat-30 ta’ Ottubru 2013, p. 87528), ipprevediet ċerti miżuri fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali li jemendaw parzjalment il-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija, bl-istabbiliment issa ta’ tliet taxxi minflok iż-żewġ taxxi preċedenti, jiġifieri taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari, taxxa fuq il-produzzjoni ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-produzzjoni tal-elettriku nukleari u taxxa fuq il-ħażna.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

21      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kumpanniji li jipproduċu l-elettriku nukleari. Huma ppreżentaw rikorsi quddiem l-Audiencia Nacional (il-Qorti Għolja Nazzjonali, Spanja) intiżi għall-annullament tal-Orden HAP/538/2013, de 5 de abril, por la que se aprueban los modelos 584 “Impuesto sobre la producción de combustible nuclear gastado y residuos radiactivos resultantes de la generación de energía nucleoeléctrica. Autoliquidación y pagos fraccionados” y 585 “Impuesto sobre el almacenamiento de combustible nuclear gastado y residuos radiactivos en instalaciones centralizadas. Autoliquidación y pagos fraccionados”, y se establece la forma y procedimiento para su presentación (id-digriet tal‑5 ta’ April 2013, li japprova l-formularji 584 “Taxxi fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-produzzjoni ta’ eletttriku nukleari. Awto-evalwazzjoni u pagamenti frazzjonati” u 585 “Taxxa fuq ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u skart radjuattiv f’faċilitajiet iċċentralizzati” dwar approvazzjoni tat-taxxi fuq l-enerġija nukleari.

22      Wara ċ-ċaħda tar-rikors tagħhom, dawn il-kumpanniji appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju.

23      Din il-qorti tesponi li d-digriet li qiegħed jintalab l-annullament tiegħu ġie adottat abbażi tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija li tipprevedi dawn it-taxxi fuq l-enerġija nukleari. Hija tindika li, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ dan id-digriet, hija għandha tiddetermina jekk l-obbligi previsti minn din il-liġi humiex kuntrarji jew le għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għar-regoli u għall-prinċipji li jirregolaw is-suq tal-elettriku. Hija tikkunsidra li t-taxxi fuq l-enerġija nukleari jagħmlu parti mill-qasam tat-tassazzjoni tal-enerġija, minkejja li ma humiex imposti fuq il-produzzjoni tal-elettriku stess, iżda l-kombustibbli użat għall-produzzjoni tiegħu u l-iskart li hija tiġġenera. Peress li l-imposti li jirriżultaw minn dawn it-taxxi jirrigwardaw il-produzzjoni u l-ħażna ta’ dan il-kombustibbli u l-iskart nukleari dderivat, hija tqis li dawn jikkonċernaw il-produzzjoni tal-elettriku stess u li, konsegwentement, jaffettwaw l-impriżi li jipproduċu l-elettriku.

24      Skont il-qorti tar-rinviju, l-għan tal-imsemmija taxxi huwa li jiżdied il-volum tad-dħul tas-sistema finanzjarja tal-elettriku sabiex il-produtturi tal-elettriku nukleari jassumu sehem ikbar mill-finanzjament tad-“defiċit tariffarju”, filwaqt li dan id-defiċit jikkorrispondi għad-differenza bejn id-dħul li l-impriżi tal-elettriku Spanjoli jirċievu mingħand konsumaturi u l-ispejjeż ta’ provvista tal-elettriku rrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

25      Din il-qorti tqis li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni ħielsa fis-suq tal-elettriku jekk ċerti impriżi jiġu ntaxxati minħabba l-forma tal-produzzjoni tagħhom, anki jekk l-imposta inkwistjoni ma tirrigwardax direttament il-produzzjoni tal-elettriku nnifisha jew l-elettriku prodott, imma l-kombustibbli u l-iskart u l-ħażna tal-mezzi użati għal dan il-għan, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva. Barra minn hekk, tali differenza fit-trattament tista’ tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jekk jiġi stabbilit li tali tassazzjoni ma hijiex ibbażata fuq il-protezzjoni tal-ambjent u li ġiet introdotta għal raġunijiet relatati biss mad-defiċit tariffarju.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma identiċi fl-erba’ Kawżi magħquda C-80/18 sa C-83/18:

“1)      Il-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’, fis-sens tal-Artikolu 191(2) [TFUE], flimkien mal-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta], li jistabbilixxu l-prinċipji fundamentali ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni, protetti mill-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva [2009/72], sa fejn huwa intiż, fost finalitajiet oħra, għat-twettiq ta’ suq tal-elettriku kompetittiv u nondiskriminatorju li jista’ jinbidel biss għal raġunijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali, inkluża l-protezzjoni tal-ambjent, jipprekludi l-introduzzjoni ta’ taxxi li japplikaw biss fir-rigward ta’ kumpanniji ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku li jużaw enerġija nukleari, meta l-għan ta’ dawn it-taxxi ma tkunx il-protezzjoni tal-ambjent iżda ż-żieda fil-volum tas-sistema finanzjarja tal-enerġija elettrika b’mod li dawn il-kumpanniji jikkontribwixxu iktar għall-finanzjament tad-defiċit tariffarju minn kumpanniji oħra li jwettqu l-istess attività?

2)      F’suq tal-elettriku kompetittiv u nondiskriminatarju, il-leġiżlazzjoni Ewropea tippermetti l-impożizzjoni ta’ taxxi ambjentali abbażi tat-tniġġis ikkawżat mill-attivitajiet nukleari, mingħajr ebda dispożizzjoni konkreta f’dan ir-rigward u bil-ġustifikazzjoni tal-preambolu tal-liġi Spanjola, bil-konsegwenza li, fir-rigward tat-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv, id-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-liġi ma jispeċifikawx liema huma l-ispejjeż li għandhom jiġu koperti u, fir-rigward tal-ħażna ta’ skart radjuattiv, id-dispożizzjonijiet vinkolanti daqstant ieħor ma jispeċifikawx dan, fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż ta’ ġestjoni u ta’ ħażna huma diġà koperti b’imposti oħra, u barra minn hekk, ma humiex speċifikati b’mod ċar il-finijiet tal-fondi miġbura, u tal-fatt li l-kumpanniji inkwistjoni huma marbuta jassumu responsabbiltà ċivili f’ammont ta’ EUR 1.2 miljun f’dan ir-rigward?

3)      Ir-rekwiżit tal-Artikolu 3[2] tad-Direttiva [2009/72], li jeżiġi li jiġu imposti obbligi abbażi tal-interess ekonomiku ġenerali, inkluża l-protezzjoni tal-ambjent, li għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorju u verifikabbli, jiġi osservat jekk l-għan ambjentali u l-karatteristiċi essenzjali li jiddefinixxu t-taxxi ambjentali ma jkunux speċifikati fid-dispożizzjoni li jkollha saħħa ta’ liġi?

4)      Il-prinċipji ta’ ‘min iniġġes iħallas’, previst fl-Artikolu 191(2) [TFUE], ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni, previsti fl-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta], u l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva [2005/89], sa fejn huma intiżi li jiżguraw ‘il-funzjonament korrett tas-suq intern tal-elettriku’, u li l-Istati Membri jiżguraw ‘li kull miżura adottata skond din id-Direttiva tkun non-diskriminatorja u ma timponix piż eċċessiv fuq l-atturi tas-suq, inklużi l-atturi ġodda fis-suq’ jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-kumpanniji tal-elettriku kollha (għajr il-kumpanniji li jipproduċu l-idroelettriku, li huwa kklassifikat bħala enerġija rinnovabbli) jiffinanzjaw id-defiċit tariffarju, iżda li tissuġġetta lill-impriżi ta’ produzzjoni ta’ elettriku nukleari għal imposti fiskali partikolarment iebsa, b’mod li jkollhom jikkontribwixxu iktar minn impriżi oħra fis-suq tal-enerġija, li wħud minnhom iniġġsu iktar iżda ma jkunux suġġetti għal dawn it-taxxi, abbażi tal-protezzjoni tal-ambjent fid-dawl tar-riskji u tal-inċertezzi li jirriżultaw mill-attivajiet nukleari, mingħajr ma jispeċifikaw la l-ispejjeż u lanqas il-finijiet tal-fondi miġbura (fid-dawl tal-fatt li l-ġestjoni tal-iskart u l-ħażna huma diġà suġġetti għal taxxi oħra, u li kumpanniji tal-produzzjoni nukleari jassumu responsabbiltà ċivili), sa fejn din il-leġiżlazzjoni toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni libera meħtieġa mil-liberalizzazzjoni tas-suq intern billi tiffavorixxi kumpanniji oħra ta’ produzzjoni tal-elettriku li ma jkunux suġġetti għal taxxi ambjentali inkluż fil-każ li jirrikorru għal sorsi ta’ produzzjoni li jniġġsu iktar?

5)      L-Artikolu 191(2) [TFUE], jiġifieri l-‘prinċipju ta’ min iniġġes iħallas’, jipprekludi taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku nukleari imposta biss fuq l-industrija tal-produzzjoni nukleari, bl-esklużjoni ta’ kull settur ieħor li jista’ jipproduċi tali skart, li jfisser li impriżi oħra li jużaw materjal jew sorsi nukleari ma jiġux intaxxati, minkejja li jkollhom impatt fuq l-ambjent li għandu jiġi protett?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

27      Fl-ewwel lok, sa fejn l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domanda li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, kif previst fl-Artikolu 191(2) TFUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent tfittex livell għoli ta’ protezzjoni u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Din id-dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi l-għanijiet ġenerali tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent sa fejn l-Artikolu 192 TFUE jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, meta jkunu qegħdin jiddeċiedu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, is-setgħa li jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et, C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Konsegwentement, peress li l-Artikolu 191(2) TFUE japplika għall-azzjoni tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata bħala tali minn individwi sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-politika ambjentali, meta l-ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata abbażi tal-Artikolu 192 TFUE li tkopri speċifikament is-sitwazzjoni kkonċernata ma tkun applikabbli (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et, C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Issa, għandu jiġi kkonstatat li la d-Direttiva 2009/72 u lanqas id-Direttiva 2005/89, li hija invokata wkoll mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, ma ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 175 KE (li sar l-Artikolu 192 TFUE).

30      Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 191(2) TFUE ma jistax japplika fil-kawżi prinċipali sa fejn la huwa implimentat mid-Direttiva 2009/72 u lanqas mid-Direttiva 2005/89, għandhom jiġi kkunsidrati inammissibbli, minħabba n-nuqqas manifest ta’ rilevanza sabiex jiġu deċiżi t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, il-ħames domanda preliminari kif ukoll l-ewwel u r-raba’ domanda preliminari sa fejn jikkonċernaw din id-dispożizzjoni.

31      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2005/89, imsemmija fir-raba’ domanda preliminari, li jistabbilixxu miżuri intiżi li jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku kif ukoll bilanċ bejn it-talba għall-elettriku u l-kapaċità ta’ produzzjoni disponibbli, huma rilevanti għall-finijiet tal-kawżi prinċipali.

32      Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bis-saħħa tiegħu tal-ewwel tipprovdi lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jaqtgħu l-kawża li tkun tressqet quddiemhom (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huma indikati b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li għandha tosserva bir-reqqa (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan ir-rigward, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

35      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet tar-rinviju la jinkludu l-espożizzjoni meħtieġa u lanqas spjegazzjoni relatata mar-rabta li tista’ teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/89 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jċaħħad lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-possibbiltà li tivverifika l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għat-tilwima fil-kawża prinċipali u li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju fir-rigward tar-raba’ domanda.

36      Barra minn hekk, dan in-nuqqas ta’ informazzjoni ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ din ir-raba’ domanda, dwar l-applikabbiltà tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tagħha jindirizzaw lill-Istati Membri biss fil-każ fejn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

38      L-Artikolu 51(1) tal-Karta jikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Għaldaqstant, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għalhekk, fil-kuntest tar-raba’ domanda, l-applikabbiltà tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta setgħet tiġi kkonstatata biss jekk id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni li huma indikati fiha kienu applikabbli fil-kawża prinċipali. Issa, għar-raġunijiet indikati fil-punti 27 sa 35 ta’ din is-sentenza, ir-raba’ domanda hija inammissibbli sa fejn tikkonċerna dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra, peress li ma jidhirx li dawn jistgħu japplikaw għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali.

41      Minn dan isegwi li r-raba’ domanda preliminari hija ammissibbli fl-intier tagħha.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandhom jitqiesu inammissibbli, minn naħa, ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-ewwel domanda preliminari sa fejn tikkonċerna l-Artikolu 191(2) TFUE.

43      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta biss għall-ewwel domanda sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, kif ukoll għat-tieni u għat-tielet domanda.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

44      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari, li huma suġġetti għalihom biss l-impriżi li jipproduċu l-elettriku bl-użu tal-enerġija nukleari u li l-għan ewlieni tagħha ma jikkonsistix fil-protezzjoni tal-ambjent, iżda ż-żieda fil-volum tad-dħul tas-sistema finanzjarja tal-elettriku.

45      Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72.

46      Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-impriżi tal-elettriku joperaw konformement mal-prinċipji ta’ din id-direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u ma għandhomx jiddiskriminaw f’dak li jirrigwarda drittijiet u obbligi ta’ dawn l-impriżi.

47      Għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 3(1) jistabbilixxi, fil-qasam tas-suq intern tal-elettriku, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, li jagħmel parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-prinċipju jorbot lill-Istati Membri meta s-sitwazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 56, kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punti 21 u 23).

48      F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma purament interni, fis-sens li dawn huma nieqsa minn kull element transkonfinali, u li, min-naħa l-oħra, it-taxxi fuq l-enerġija nukleari inkwistjoni jikkostitwixxu miżuri ta’ natura fiskali, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, huwa applikabbli biss jekk jista’ jitqies li din id-direttiva hija intiża għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri.

49      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li peress li l-għan tad-Direttiva 2009/72 jikkonsisti fil-kisba ta’ suq intern tal-elettriku, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta il-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 95(1)KE (li sar l-Artikolu 114(1) TFUE), għall-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji u amministrattivi tal-Istati Membri fl-istabbiliment u fil-funzjonament tas-suq intern.

50      Madankollu, skont il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 95(2) KE (li sar l-Artikolu 114(2) TFUE), dan l-Artikolu 95(1) (li sar l-Artikolu 114(1) TFUE), ma japplikax għad-dispożizzjonijiet fiskali.

51      Sa fejn id-Direttiva 2009/72 ma tikkostitwixxix miżura dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, għandu jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tiegħu ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari, bħat-taxxi fuq l-enerġija nukleari inkwistjoni fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali.

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari, bħat-taxxi fuq l-enerġija nukleari inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li huma suġġetti għalihom biss l-impriżi li jipproduċu l-elettriku bl-użu tal-enerġija nukleari u li l-għan ewlieni tagħha ma jikkonsistix fil-protezzjoni tal-ambjent, iżda ż-żieda fil-volum tad-dħul tas-sistema finanzjarja tal-elettriku.

53      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, mill-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sa fejn l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72 ma huwiex applikabbli għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari, bħat-taxxi fuq l-enerġija nukleari inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u fl-assenza ta’ kull indikazzjoni oħra fid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward ta’ strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni li din il-leġiżlazzjoni timplimenta, ma jistax jitqies li, bl-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, ir-Renju ta’ Spanja implimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għall-ewwel u għat-tieni domanda f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta.

54      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li huma suġġetti għalihom biss l-impriżi li jipproduċu l-elettriku bl-użu tal-enerġija nukleari u li l-għan ewlieni tagħha ma jikkonsistix fil-protezzjoni tal-ambjent, iżda ż-żieda fil-volum tad-dħul tas-sistema finanzjarja tal-elettriku.

 Fuq it-tielet domanda

55      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, meta l-għan ambjentali u l-karatteristiċi tat-taxxi ambjentali previsti minn din tal-aħħar ma humiex speċifikati fil-parti vinkolanti ta’ din il-leġiżlazzjoni.

56      Madankollu, mir-risposta għall-ewwel domanda, u b’mod partikolari mill-punti 46 sa 51 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li d-Direttiva 2009/72 ma tikkostitwixxix miżura relatata mal-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri. Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari.

57      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, meta l-għan ambjentali u l-karatteristiċi tat-taxxi ambjentali previsti minnha ma humiex speċifikati fil-parti vinkolanti ta’ din il-leġiżlazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u ta’ skart nukleari, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li huma suġġetti għalihom biss l-impriżi li jipproduċu l-elettriku bl-użu tal-enerġija nukleari u li l-għan ewlieni tagħha ma jikkonsistix fil-protezzjoni tal-ambjent, iżda ż-żieda fil-volum tad-dħul tas-sistema finanzjarja tal-elettriku.

2)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, meta l-għan ambjentali u l-karatteristiċi tat-taxxi ambjentali previsti minnha ma humiex speċifikati fil-parti vinkolanti ta’ din il-leġiżlazzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.