Language of document : ECLI:EU:C:2004:696

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta' Novembru 2004 (*)

"Direttiva 96/9/KE – Protezzjoni legali tad-databases – Dritt sui generis – Kunċett ta' investiment marbut mal-kisba, mal-verifika jew mal-preżentazzjoni tal-kontenut ta' database – Kalendarji ta' kampjonati tal-futbol – Imħatri"

Fil-kawża C-338/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Högsta domstolen (L-Iżvezja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Settembru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta' Settembru 2002, fil-proċedura

Fixtures Marketing Ltd

vs

Svenska Spel AB

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, u K. Lenaerts (Relatur), Presidenti ta' Awli, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistraturi: M. Múgica Arzamendi u M.-F. Contet, Amministraturi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Marzu 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Fixtures Marketing Ltd, minn J. Ågren, advokat,

–        għal Svenska Spel AB, minn M. Broomé u S. Widmark, advokater,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent, assistita minn P. Vlaemminck, advocaat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn S. Terstal, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn A. P. Matos Barros u L. Fernandes, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin u T. Pynnä, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Tufvesson u K. Banks, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, p. 20, aktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Fixtures Marketing Ltd (aktar 'il quddiem "Fixtures") u l-kumpannija Svenska Spel AB (aktar 'il quddiem "Svenska Spel"). Il-kawża tikkonċerna l-użu minn Svenska Spel, għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' imħatri, ta' data dwar il-logħbiet tal-futbol tal-kampjonati Ingliżi u Skoċċiżi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan tad-Direttiva huwa l-protezzjoni legali tad-databases ta' kull xorta. Fl-Artikolu 1(2) ta' l-istess direttiva, database hija definita bħala "kollezzjoni ta' xogħlijiet […], data jew materjali [indipendenti] oħra rranġati b'mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b'mezzi elettroniċi jew b'mezzi oħra".

4        L-Artikolu 3 tad-Direttiva jistabblixxi protezzjoni taħt id-dritt ta' l-awtur favur "databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intelletwali ta' l-awtur innifsu".

5        L-Artikolu 7 tad-Direttiva jistabbilixxi dritt sui generis bit-termini segwenti:

"Għan tal-protezzjoni

1.      Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id- database.

2.       Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

a)      ‘estrazzjoni’ tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

b)      ‘użu mill-ġdid’ tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku l-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jkun hemm kontroll tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja fil-Komunità;

Self pubbliku mhux att ta’ estrazzjoni jew użu mill-ġdid.

3.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkun trasferit, assenjat jew mogħti permezz ta’ liċenza kuntrattwali.

4.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika wkoll jekk dik id-database ma tkunx eliġibbli għal protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Barra dan, dan għandu japplika wkoll jekk il-kontenut ta’ dik id-database ma jkunx eliġibbli għall-protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Il-protezzjoni ta’ databases skond id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun bla ħsara għal drittijiet li jkun hemm fir-rigward tal-kontenut tagħhom.

5.      L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara rraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Fid-dritt Żvediż, il-protezzjoni tad-databases hija rregolata mil-lagen (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk (liġi dwar id-dritt tal-proprjetà letterarja u artistika, aktar 'il quddiem il-"Liġi ta' l-1960").

7        Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 49 tal-Liġi ta' l-1960, kif emendata mil-Liġi Nru 790 ta' l-1997 dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt Żvediż (aktar 'il quddiem il-"Liġi ta' l-1997"), il-persuna li toħloq kollezzjoni, tabella jew xi xogħol ieħor ta' l-istess natura li fih ikun rranġat numbru kbir ta' data, jew li jkun ir-riżultat ta' investiment sostanzjali, tgawdi mid-dritt esklużiv li tirriproduċi dan ix-xogħol u li tagħmlu pubbliku.

8        Il-Liġi ta' l-1960 ma tipprovdix dispożizzjoni analoga għal dik fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva. Madankollu, mid-dokumenti preparatorji tal-Liġi ta' l-1997 jirriżulta li l-protezzjoni taħt l-Artikolu 49 tal-Liġi ta' 1960 tikkonċerna x-xogħol fih innifsu jew parti sostanzjali minnu u li, għaldaqstant, id-dritt esklużiv ma jkoprix il-kopja ta' data partikolari li tkun tinsab fix-xogħol u lanqas ma jkopri partijiet minn dan ix-xogħol li ma jkunux sostanzjali. Madankollu, skond dawn id-dokumenti preparatorji, użu repetut ta' partijiet mix-xogħol li ma jkunux sostanzjali jista' jkun assimilat ma' l-użu ta' parti sostanzjali minn dan ix-xogħol.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        L-organizzazzjoni tal-kampjonati ta' futbol professjonali hija r-responsabbiltà, fl-Ingilterra, tal-Football Association Premier League Ltd kif ukoll tal-Football League Ltd u, fl-Iskozja, ta' l-iScottish Football League. Din l-organizzazzjoni tinvolvi l-preparazzjoni ta' kalendarji ta' logħob li jkunu jridu jintlagħbu matul l-istaġun ikkonċernat, jiġifieri madwar 2000 logħba kull staġun fl-Ingilterra u madwar 700 logħba kull staġun fl-Iskozja. Din l-informazzjoni tinġabar f'forma elettronika u hija ppubblikata, b'mod partikolari f'opuskoli, f'ordni kronoloġika, minn naħa, u skond it-tim ikkonċernat, min-naħa l-oħra.

10      Il-ħidma fir-rigward tal-preparazzjoni tal-kalendarji tal-logħbiet tibda sena qabel il-bidu ta' l-istaġun ikkonċernat.

11      L-organizzaturi tal-kampjonati tal-futbol Ingliż u Skoċċiż fdaw, permezz ta' kuntratti ta' liċenzja, il-ġestjoni ta' l-użu magħmul mill-kalendarji tal-logħob ta' dawn il-kampjonati. Min-naħa tagħha, Fixtures ingħatat id-dritt li tirrappreżenta l-proprjetarji tad-drittijiet ta' proprjetà intelletwali marbutin ma' dawn il-kalendarji.

12      Svenska Spel torganizza fl-Iżvezja logħob ta' l-imħatri li jikkonċernaw, b'mod partikolari, il-logħbiet tal-kampjonati tal-football Ingliż u Skoċċiż. Għal dan il-għan, fuq il-kupuni tal-logħob tagħha hija tirriproduċi informazzjoni dwar dawn il-logħbiet.

13      Fi Frar 1999, Fixtures, wara li, mingħajr suċċess, offriet liċenzja lil Svenska Spel sabiex din tkun tista' tuża d-data bi ħlas, ressqet azzjoni quddiem il-Gotlands tingsträtt (L-Iżvezja) kontra Svenska Spel għal kumpens għad-dannu marbut ma' l-użu minn din ta' l-aħħar, bejn l-1 ta' Jannar 1998 u s-16 ta' Mejju 1999, ta' data dwar il-kalendarji tal-kampjonati tal-futbol Ingliż u Skoċċiż. In sostenn ta' l-azzjoni tagħha hija sostniet li d-databases bl-informazzjoni dwar l-imsemmija kalendarji huma protetti mill-Artikolu 49 tal-Liġi ta' l-1960 u li l-użu minn Svenska Spel ta' informazzjoni meħuda minn dawn il-kalendarji tammonta għal ksur tad-drittjiet ta' proprjetà intelletwali tal-kampjonati tal-futbol.

14      Permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' April 2000, it-tingsrätt ċaħdet l-argumenti ta' Fixtures billi kkunsidrat li għalkemm huwa minnu li l-kalendarji tal-kampjonati tal-futbol igawdu mill-protezzjoni mogħtija lill-kollezzjonijiet peress li huma r-riżultat ta' investiment sostanzjali, l-użu magħmul minn Svenska Spel tad-data maħruġa minn dawn il-kalendarji ma jiksirx id-drittijiet ta' Fixtures.

15      Fl-appell, is-Svea hovrätt (L-Iżvezja), permezz ta' sentenza tat-3 ta' Mejju 2001, ikkonfermat id-deċiżjoni mogħtija fil-prim'istanza. Mingħajr ma ddeċidiet espressament dwar il-kwistjoni ta' jekk il-kalendarji tal-kampjonati tal-futbol humiex protetti taħt l-Artikolu 49 tal-Liġi ta' l-1996, hija qieset li ma kienx ġie stabbilit li l-informazzjoni li tinsab fuq il-kupuni tal-logħob ta' Svenska Spel kienu ttieħdu mid-databases tal-kampjonati tal-futbol.

16      Quddiem il-Högsta domstolen, Fixtures talbet l-annullament tas-sentenza ta' l-appell.

17      Filwaqt li tenfasizza li l-Artikolu 49 tal-Liġi ta' l-1960, kif emendata mil-Liġi ta' l-1997, għandu, bħala miżura ta' traspożizzjoni, jiġi interpretat fid-dawl tad-Direttiva, il-Högsta domstolen tosserva li din id-direttiva ma tippreċiżax jekk u, jekk dan ikun il-każ, safejn għandha tingħata importanza lill-għan tad-database fl-evalwazzjoni ta' l-eliġibbiltà tagħha għall-protezzjoni mid-dritt sui generis. Barra minn hekk, hija għandha dubju dwar in-natura ta' l-investimenti umani u finanzjarji li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' investiment sostanzjali. Hija għandha dubju wkoll dwar wieħed x'għandu jifhem b'estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tal-kontenut kollu tad-database jew ta' parti sostanzjali minnu, kif ukoll b'użu normali u ħsara rraġonevoli fil-kuntest ta' estrazzjonijiet u/jew użu mill-ġdid ta' partijiet ta' database li ma jkunu sostanzjali.

18      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' jekk database hijiex ir-riżultat ta' 'investiment sostanzjali' fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva […], il-persuna li tkun bniet database tista' tinkludi f'dan il-kunċett investiment li, primarjament, huwa intiż għall-ħolqien ta' xi ħaġa indipendenti mid-database fiha nfisha u li għaldaqstant ma jikkonċernax biss 'il-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni' tal-kontenut tagħha? Fl-affermattiv, huwa rilevanti l-fatt li dan l-investiment kollu, jew parti minnu, jikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju għad-database?

2)      Il-protezzjoni tad-database taħt id-Direttiva hija limitata għall-attivitajiet koperti mill-għan ta' din id-database li l-persuna li tkun bniet id-database kellha f'moħħha fil-mument tal-ħolqien tad-database?

3)      Xi jkopri l-kunċett ta' 'parti sostanzjali minn, valutat b'mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut [tad-]database', li jinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva?

4)      Il-protezzjoni kontra l-'estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid' tal-kontenut ta' database stabbilita fl-Artikolu 7(1) u (5) tad-Direttiva hija limitata għal kull użu li jinvolvi sfruttament dirett tad-database jew tkopri wkoll il-każijiet fejn il-kontenut ikun disponibbli minn sors ieħor (sors sekondarju) jew ikun aċċessibbli għall-pubbliku b'mod ġenerali?

5)      Kif għandhom jiġu interpretati l-kunċetti ta' 'użu normali' u ta' 'ħsara rraġonevoli' li jinsabu fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva?"

 Fuq id-domandi preliminari

19      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li s-sistema ta' protezzjoni stabbilita mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 49 tal-Liġi ta' l-1960, kif emendata mil-Liġi ta' l-1997, teżiġi l-eżistena ta' kollezzjoni, tabella jew ta' xi xogħol ieħor ta' l-istess natura "li fih ikun rranġat numbru kbir ta' data, jew li jkun ir-riżultat ta' investiment sostanzjali".

20      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-Högsta domstolen ma tikkunsidrax li l-kalendarji tal-kampjonati tal-futbol in kwistjoni jammontaw għal kollezzjoni ta' "numru kbir ta' data" fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, ċirkustanzi li tispjega għaliex hija qiegħda tistaqsi, permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, dwar kif il-kunċett ta' investiment sostanzjali għandu jinftiehem fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

21      Fil-kuntest ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, b'mod partikolari, jekk l-investimenti magħmula mill-persuna li tibni database fir-rigward tal-ħolqien stess tad-data għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' investiment sostanzjali relatat mal-kisba, mal-verifika jew mal-preżentazzjoni tal-kontenut tad-database. Barra minn hekk, hija qiegħda tistaqsi jekk id-Direttiva hijiex intiża sabiex tipproteġi d-database li tirriżulta mill-eżerċizzju ta' attività prinċipali li neċessarjament timplika l-ħolqien ta' data.

22      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jirriżerva l-benefiċċju tal-protezzjoni taħt id-dritt sui generis għad-databases li jissodisfaw kriterju preċiż, jiġifieri li l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut tagħhom juru li kien sar investiment sostanzjali mill-aspett kwalitattiv jew kwantitattiv.

23      Skond id-disa', l-għaxar u t-tnax-il premessa tad-Direttiva, l-għan tad-Direttiva huwa li tinkoraġġixxi u tipproteġi l-investimenti f'sistemi ta' "ħażna" jew ta' "proċessar" ta' data li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq ta' l-informazzjoni f'kuntest ikkaratterizzat minn tkabbir esponenzjali fil-volum ta' data maħluqa u pproċessata kull sena fl-oqsma kollha ta' attività. Minn dan isegwi li l-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba, mal-verifika jew mal-preżentazzjoni tal-kontenut ta' database għandu jinftiehem, b'mod ġenerali, bħala li jkopri l-investiment magħmul fir-rigward tal-ħolqien tad-database bħala tali.

24      F'dan il-kuntest, il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database għandu, kif jenfasizzaw Svenska Spel, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Portugiż, jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-mezzi użati fir-riċerka ta' materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database, bl-esklużjoni tar-riżorsi użati fil-ħolqien stess ta' materjal. Kif josservaw Svenska Spel u l-Gvern Ġermaniż, l-għan tal-protezzjoni mid-dritt sui generis prevista mid-Direttiva huwa, fil-fatt, li jistimula l-istabbiliment ta' sistemi ta' ħażna u ta' pproċessar ta' informazzjoni eżistenti u mhux il-ħolqien ta' materjal li sussegwentament jista' jinġabar f'database.

25      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mid-disa' u tletin premessa tad-Direttiva li tipprovdi li l-għan tad-dritt sui generis huwa li jiggarantixxi protezzjoni kontra l-użu tar-riżultati miksuba mill-investiment finanzjarju u professjonali magħmul "għall-kisba u kollezzjoni tal-kontenut" tad-database. Kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 56 tal-konklużjonijiet tagħha, minkejja varjazzjonijiet żgħar fit-terminoloġija użata, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta' din id-disa' u tletin premessa jsostnu interpretazzjoni li teskludi l-ħolqien tal-materjal li jinsab f'database mill-kunċett ta' kisba.

26      Id-dsatax-il premessa tad-Direttiva, li tipprovdi li l-kumpilazzjoni ta' diversi reġistrazzjonijiet ta' eżekuzzjonijiet mużikali fuq CD ma tirrappreżentax investiment sostanzjali biżżejjed biex tkun eliġibbli għad-dritt sui generis, tipprovdi argument addizzjonali in sostenn ta' din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li l-mezzi użati għall-ħolqien stess tax-xogħlijiet jew tal-materjal li jkun jinsab f'database, f'dan il-każ fuq CD, m'għandhomx jiġu assimilati ma' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' l-imsemmija database u għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu fl-evalwazzjoni tal-karattru sostanzjali ta' l-investiment marbut mal-ħolqien ta' din id-database.

27      Il-kunċett ta' investiment marbut mal-verifika tal-kontenut tad-database għandu jinftiehem fis-sens li jkopri l-mezzi użati matul il-ħolqien tad-database kif ukoll matul il-perijodu ta' operazzjoni tagħha għall-kontroll ta' l-eżattezza tal-materjal riċerkat sabiex ikun assigurat li l-informazzjoni inkluża fl-imsemmija database tkun informazzjoni li ta' min joqgħod fuqha. Il-kunċett ta' investiment marbut mal-preżentazzjoni tal-kontenut tad-database jikkonċerna, min-naħa tiegħu, il-mezzi intiżi sabiex jikkonferixxu lil din id-database l-funzjoni tagħha ta' pproċessar ta' l-informazzjoni, jiġifieri dawk użati għall-arranġament sistematiku jew metodiku tal-materjal li jinsab f'din id-database kif ukoll għall-organizzazzjoni ta' l-aċċessibbiltà individwali tiegħu.

28      L-investiment marbut mal-ħolqien tad-database jista' jikkonsisti fl-użu ta' riżorsi jew mezzi umani, finanzjarji jew tekniċi, iżda għandu jkun sostanzjali mill-aspett kwantitattiv jew kwalitattiv. L-evalwazzjoni kwantitattiva tirreferi għal mezzi li jistgħu jkunu kkwantifikati u l-evalwazzjoni kwalitattiva tirreferi għal sforzi li ma jistgħux ikunu kkwantifikati, bħalma huwa sforz intelletwali jew użu ta' enerġija, kif jirriżulta mis-seba', mid-disa' u tletin u mill-erbgħin premessi tad-Direttiva.

29      F'dan il-kuntest, il-fatt li l-ħolqien ta' database jkun marbut ma' l-eżerċizzju ta' attività prinċipali li, fil-kuntest tagħha, il-persuna li tibni d-database tkun ukoll il-persuna li ħolqot il-materjal li jkun jinsab f'din id-database, ma jeskludix, fih innifsu, li din il-persuna tkun tista' titlob il-benefiċċju tal-protezzjoni mid-dritt sui generis, sakemm hija tistabbilixxi li l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni ta' l-imsemmi materjal, fis-sens ippreċiżat fil-punti 24 sa 27 ta' din is-sentenza, kienu jinvolvu investiment sostanzjali fuq livell kwantitattiv jew kwalitattiv, li kien indipendenti mill-mezzi użati għall-ħolqien ta' dan il-materjal.

30      F'dan ir-rigward, minkejja li r-riċerka tad-data u l-verifika ta' l-eżattezza tagħha fil-mument tal-ħolqien tad-database ma tirrikjedix, fil-prinċipju, l-użu ta' mezzi partikolari mill-persuna li tibni din id-database minħabba li hija involuta data li tkun ħolqot hija stess u li hija għad-dispożizzjoni tagħha, jibqa' l-fatt li l-kollezzjoni ta' din id-data, l-arranġament sistematiku jew metodiku tagħha fid-database, l-organizzazzjoni ta' l-aċċessibbiltà individwali tagħha u l-verifika ta' l-eżattezza tagħha matul il-perijodu kollu ta' operazzjoni tad-database jistgħu jeħtieġu investiment sostanzjali, fuq livell kwantitattiv u/jew kwalitattiv, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

31      Fil-kawża prinċipali, il-mezzi użati għad-determinazzjoni, fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni ta' kampjonati tal-futbol, tad-dati, tal-ħinijiet u tat-timijiet, kemm dawk li jkunu ħa jilagħbu f'darhom u kemm dawk li jkunu ħa jilagħbu barra minn darhom, fir-rigward tal-logħbiet fid-diversi ġranet ta' dawn il-kampjonati jikkorrispondu, kif isostnu Svenska Spel, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Portugiż, għal investiment marbut mal-ħolqien tal-kalendarju ta' dawn il-logħbiet. Investiment bħal dan, li huwa relatat ma' l-organizzazzjoni stess tal-kampjonati, huwa marbut mal-ħolqien tad-data li tkun tinsab fid-database, jiġifieri dik relatata ma' kull logħba tal-kampjonati differenti. Għaldaqstant, dan l-investiment ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

32      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat, filwaqt li jkun injorat l-investiment imsemmi fil-punt preċedenti, jekk il-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol jinvolvux investiment sostanzjali mill-aspett kwalitattiv jew kwantitattiv.

33      Ir-riċerka u l-kollezzjoni tad-data li tikkostitwixxi l-kalendarju tal-logħbiet tal-futbol ma jeħtieġux sforz partikolari min-naħa tal-kampjonati professjonali. Kif enfasizzat Fixtures stess fl-osservazzjonijiet tagħha, dawn l-operazzjonijiet, fil-fatt, ma jistgħux jiġu sseparati mill-ħolqien ta' din id-data, li fih għandhom sehem dirett l-imsemmmija kampjonati bħala l-entitajiet responsabbli mill-organizzazzjoni tal-kampjonati tal-futbol. Għaldaqstant, il-kisba tal-kontenut ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol ma teħtieġ l-ebda investiment indipendenti minn dak meħtieġ għall-ħolqien tad-data li tinsab f'dan il-kalendarju.

34      Il-kampjonati professjonali tal-futbol m'għandhom bżonn jagħmlu l-ebda sforz partikolari sabiex jivverifikaw l-eżattezza tad-data dwar il-logħbiet tal-kampjonati meta jkun qiegħed jitħejja l-kalendarju peress li l-imsemmija kampjonati huma direttament involuti fil-ħolqien ta' din id-data. Fir-rigward tal-verifika ta' l-eżattezza tal-kontenut tal-kalendarji tal-logħbiet matul l-istaġun, din tinvolvi, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta' Fixtures, l-aġġustament ta' ċerta data f'dawn il-kalendarji fid-dawl tal-possibbiltà ta' posponiment ta' logħba jew ta' ġurnata tal-kampjonat deċiżi minn jew b'kollaborazzjoni mal-kampjonati. Għaldaqstant, verifika bħal din ma tistax titqies li tammonta investiment sostanzjali.

35      Il-preżentazzjoni ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol hija wkoll marbuta mill-qrib mal-ħolqien stess tad-data li tikkostitwixxi dan il-kalendarju, kif jikkonferma n-nuqqas ta' referenza fid-digriet tar-rinviju għal xogħlijiet jew mezzi użati speċjalment għal preżentazzjoni bħal din. Għaldaqstant, din il-preżentazzjoni ma tistax titqies li teżiġi investiment indipendenti mill-investiment marbut mal-ħolqien tad-data li tikkostitwixxi l-kalendarju.

36      Minn dan isegwi li la l-kisba, la l-verifika u lanqas il-preżentazzjoni tal-kontenut ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol ma jinvolvu investiment sostanzjali ta' natura li jiġġustifika l-benefiċċju tal-protezzjoni mid-dritt sui generis stabbilt mill-Artikolu 7 tad-Direttiva.

37      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-mezzi użati fir-riċerka ta' materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database. Dan il-kunċett ma jinkludix il-mezzi użati fil-ħolqien tal-materjal li jikkostitwixxi l-kontenut ta' database. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-ħolqien ta' kalendarju ta' logħbiet għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' kampjonati tal-futbol, dan il-kunċett ma jkoprix il-mezzi użati sabiex jiġu ddeterminati ld-dati, il-ħinijiet u ż-żewġ timijiet fir-rigward tad-diversi logħbiet ta' dawn il-kampjonati.

38      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:

Il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-mezzi użati fir-riċerka ta' materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database. Dan il-kunċett ma jinkludix il-mezzi użati fil-ħolqien tal-materjal li jikkostitwixxi l-kontenut ta' database. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-ħolqien ta' kalendarju ta' logħbiet għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' kampjonati tal-futbol, dan il-kunċett ma jkoprix il-mezzi użati sabiex jiġu ddeterminati d-dati, il-ħinijiet u ż-żewġ timijiet fir-rigward tad-diversi logħbiet ta' dawn il-kampjonati.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.