Language of document : ECLI:EU:C:2024:220

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis‑7 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C701/22

SC AA SRL

vs

MFE

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali – Fondi strutturali – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Regolament (KE) Nru 1083/2006 – Artikolu 60 – Funzjoni tal-awtorità ta’ ġestjoni – Prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba – Obbligu ta’ rimbors tal-infiq eliġibbli – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ finanzjament taħt il-FEŻR minħabba irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni tiegħu – Annullament tax-xoljiment – Ħlas tardiv – Interessi moratorji – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament – Konsegwenzi”






 Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SC AA SRL, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Rumen (iktar ’il quddiem “AA”), u l-Ministerul Fondurilor Europene (il-Ministeru għall-Fondi Ewropej, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem il-“MFE”) dwar il-ħlas ta’ interessi moratorji għar-rimbors tardiv, mill-MFE, ta’ nfiq eliġibbli taħt kuntratt ta’ finanzjament konkluż minnu ma’ AA b’eżekuzzjoni ta’ programm ikkofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

2.        Dawn il-konklużjonijiet huma intiżi, essenzjalment, għal żewġ kwistjonijiet. Minn naħa, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, imsemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (2), moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jirrikjedix jew jeskludix li persuna ġuridika tkun tista’ tikseb mill-awtorità nazzjonali kompetenti interessi moratorji għar-rimbors tardiv ta’ nfiq eliġibbli taħt fondi Ewropej għall-perijodu li matulu kien fis-seħħ att amministrattiv li xolja l-kuntratt ta’ finanzjament, att li sussegwentement ġie annullat mill-qorti nazzjonali kompetenti. Min-naħa l-oħra, jekk il-possibbiltà li jinkisbu tali interessi tiġi aċċettata, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju tistax tillimita l-ammont ta’ dawn l-interessi minħabba irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, fl-assenza ta’ korrezzjonijiet finanzjarji applikati mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament (KE) Nru 1080/2006

3.        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1080/2006 (3), intitolat “L-eliġibbiltà ta’ l-infiq” huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR:

a)      l-interess fuq id-dejn.”

 IrRegolament Nru 1083/2006

4.        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Ġestjoni kondiviża”, jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-budget ta’ l-Unjoni Ewropea allokat lill-Fondi għandu jiġi implementat fil-qafas ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skond l-Artikolu 53(1)(b) tar-[Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4)], ħlief għall-għajnuna teknika msemmija fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-Regolament.

Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba għandu jiġi applikat skond l-Artikolu 48(2) tar-[Regolament Nru 1605/2002].”

5.        L-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-funzjonijiet ta’ l-awtorità ta’ ġestjoni”, jipprevedi:

“L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implementazzjoni tal-programm operattiv skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u b'mod partikolari sabiex:

a)      tiżgura li l-operazzjonijiet jiġu magħżula għall-finanzjament skond il-kriterji applikabbli għall-programm operattiv u li jikkonformaw mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli għall-perjodu sħiħ ta’ l-implementazzjoni tagħhom;

b)      tivverifika li l-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati ġew konsenjati u li n-nefqa ddikjarata mill-benefiċjarji għall-operazzjonijiet tkunu saret tassew u tkun konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali; verifiki fuq il-post ta’ operazzjonijiet individwali jistgħu jsiru fuq bażi ta’ kampjun skond ir-regoli dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3);

[…]”

6.        L-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġestjoni u kontroll”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

a)      li jiżguraw li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-programmi operattivi huma stabbiliti skond l-Artikoli 58 sa 62 u jaħdmu b’mod effettiv;

b)      li jipprevjenu, jindividwaw u jikkorreġu rregolaritajiet u jirkupraw ammonti li tħallsu indebitament flimkien ma’ l-imgħax fuq ħlasijiet li saru tard fejn ikun il-każ. Huma għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amminstrattivi u legali.

2.      Meta ammonti mħallsa indebitament lil benefiċjarju ma jistgħux jiġu rkuprati, l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jirrimborża l-ammonti mitlufa lill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea, meta jiġi stabbilit li t-telf iġġarrab minħabba tort jew negliġenza tiegħu.

3.      Ir-regoli implementattivi għall-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3).”

7.        L-Artikolu 80 tal-istess regolament, intitolat “L-interezza tal-ħlasijiet lill-benefiċjarji”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li l-korpi responsabbli sabiex jagħmlu l-ħlasijiet jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika mill-aktar fis possibbli, u kollu kemm hu. L-ebda ammont m’għandu jitnaqqas jew jinżamm u l-ebda spiża speċifika jew spiża oħra b’effett ekwivalenti m’għandha tiġi imposta li tkun tnaqqas dawn l-ammonti għall-benefiċjarji.”

8.        L-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri”, jgħid fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom l-ewwel jerfgħu r-responsabbiltà sabiex jinvestigaw irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq il-provi ta’ kull bidla maġġuri li tolqot in-natura ta’ jew il-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni jew il-kontroll ta’ operazzjonijiet jew programmi operattivi u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa.

2.      L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa rigward l-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Il-korrezzjonijiet li jsiru minn Stat Membru għandhom jikkonsistu f'kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha mill-programm operattiv.. L-Istat Membru għandu jieħu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond.

[...]”

 Iddritt Rumen

 IlLiġi Nru 554/2004

9.        L-Artikolu 28(1) tal-legea nr. 554/2004 (il-Liġi Nru 554/2004) (5), jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi huma kkompletati mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, sa fejn dawn ma humiex inkompatibbli mal-ispeċifiċità tar-relazzjonijiet ta’ awtorità bejn l-awtoritajiet pubbliċi, minn naħa, u l-persuni li d-drittijiet jew l-interessi leġittimi tagħhom ikunu ġew leżi, min-naħa l-oħra, kif ukoll mal-proċedura rregolata minn din il-liġi. Il-kompatibbiltà tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għandha tiġi ddeterminata mill-qorti meta tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet.”

 IlKodiċi Ċivili

10.      L-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili (6), intitolat “L-interessi moratorji applikabbli għall-obbligi pekunjarji”, jipprovdi:

“(1)      Meta somma flus ma titħallasx fl-iskadenza, il-kreditur għandu dritt għal interessi moratorji mid-data tal-iskadenza sad-data tal-ħlas, bir-rata miftiehma mill-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ dan, bir-rata legali, mingħajr ma jkollu għalfejn jipprova xi dannu. F’dan il-każ, id-debitur ma għandux dritt jipprova li d-dannu mġarrab mill-kreditur minħabba l-ħlas tardiv huwa inqas.

(2)      Jekk, qabel l-iskadenza, id-debitur ikollu jagħti interessi b’rata ogħla mir-rata legali, l-interessi moratorji jkunu dovuti bir-rata applikabbli qabel l-iskadenza.

(3)      Jekk ir-rata ta’ interessi moratorji dovuti ma tkunx ogħla mir-rata legali, il-kreditur għandu d-dritt, flimkien mal-interessi bir-rata legali, għad-danni għall-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab”.

 LOG Nru 13/2011

11.      L-Artikolu 1 tal-OG Nru 13/2011 (7) huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Il-partijiet huma liberi li jistabbilixxu, permezz ta’ ftehim, rata ta’ interessi kemm għall-ħlas lura ta’ kreditu ta’ somma flus kif ukoll għal ħlas tardiv ta’ obbligu pekunjarju.

(2)      L-interessi dovuti mid-debitur tal-obbligu li jagħti somma flus għal żmien determinat, ikkalkolati għall-perijodu preċedenti għall-iskadenza tal-obbligu, jissejħu interessi remuneratorji.

(3)      L-interessi dovuti mid-debitur tal-obbligu pekunjarju għal nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu inkwistjoni fl-iskadenza jissejħu interessi ta’ penalità.

[…]”

12.      L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet, kif emendat, jaqra kif ġej:

“(1)      Ir-rata ta’ interessi legali remuneratorji hija stabbilita fil-livell tar-rata ta’ interessi ta’ riferiment tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija, li hija r-rata ta’ riferiment stabbilita b’deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija.

(2)      Ir-rata ta’ interessi legali ta’ penalità hija ffissata għar-rata ta’ interessi ta’ riferiment miżjuda b’erba’ punti perċentwali.

(2a)      Fir-relazzjonijiet bejn il-professjonisti u bejn il-professjonisti u l-awtoritajiet kontraenti, l-interessi legali ta’ penalità huma stabbiliti għar-rata ta’ interessi ta’ riferiment miżjuda bi tmien punti perċentwali.

(3)      Fir-relazzjonijiet ġuridiċi li ma jirriżultawx mill-operat ta’ impriża bi skop ta’ lukru fis-sens tal-Artikolu 3(3) [tal-Kodiċi Ċivili] […] ir-rata ta’ interessi legali hija ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 u tal-paragrafu 2 rispettivament, imnaqqsa b’20 %.

[…]”

13.      Skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi digriet, “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1535 tal-Artikoli 1538 sa 1543 [tal-Kodiċi Ċivili] […] huma applikabbli għall-interessi ta’ penalità”.

 LOUG Nru 66/2011

14.      L‑Artikolu 42(1) u (2) tal-OUG Nru 66/2011 (8), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“(1)      Il-krediti baġitarji li jirriżultaw minn irregolaritajiet huma dovuti mal-iskadenza tat-terminu għall-ħlas stabbilit fit-titolu tad-dejn jew fi żmien 30 jum mid-data tal-komunikazzjoni ta’ dan l-imsemmi titolu.

(2)      Meta d-debitur ma jissodisfax l-obbligi previsti fit-titolu ta’ dejn fit-terminu stabbilit, huwa għandu jħallas l-interessi kkalkolati billi japplika r-rata ta’ interessi dovuta għall-bilanċ tal-ammont espress f’[leu Rumen (RON)] tal-kreditu baġitarju, mill-ewwel jum wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas stabbilit skont il-paragrafu 1 sad-data tal-estinzjoni tad-dejn, sakemm ir-regoli tal-Unjoni Ewropea jew tad-donatur pubbliku internazzjonali ma jipprovdux mod ieħor.”

 Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Fit‑22 ta’ April 2015, il-MFE, l-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv settorjali tal-FEŻR “Stimulu għall-kompetittività ekonomika 2007-2013”, u AA, kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt id-dritt Rumen, ikkonkludew, fil-qafas ta’ dan programm, kuntratt ta’ finanzjament (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ finanzjament”) għall-implimentazzjoni tal-proġett intitolat “Xiri ta’ tagħmir immirat lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-kumpannija AA” (iktar ’il quddiem il-“proġett inkwistjoni”). Bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, il-MFE impenja ruħu li jipprovdi lill-AA b’finanzjament mhux rimborsabbli fl-ammont ta’ 3 334 257.20 leu Rumen (RON) (madwar EUR 753 000) għall-implimentazzjoni tal-proġett inkwistjoni (9).

16.      Sabiex tibda l-proċeduri ta’ xiri ta’ tagħmir fil-kuntest tal-imsemmi proġett, AA kkuntrattat, ma’ stabbiliment bankarju, self ekwivalenti għall-ammont tal-finanzjament, intiż sabiex ikopri l-infiq eliġibbli għar-rimbors.

17.      L-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi, li l-ewwel wieħed minnhom wassal għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża.

18.      L-ewwel rikors jirriżulta mill-fatt li, wara t-tlestija tal-proġett inkwistjoni, AA ressqet talba għar-rimbors tal-infiq eliġibbli, li baqgħet mingħajr segwitu (10), u dan wassal għal spejjeż addizzjonali marbuta mal-estensjoni tas-self (11). Konsegwentement, fit‑18 ta’ April 2016, AA adixxiet lill-Curtea de Appel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-kundanna tal-MFE, fl-ewwel lok, sabiex tadotta deċiżjoni li taċċetta t-talba għal rimbors, fit-tieni lok, sabiex jiġu rrimborsati l-infiq eliġibbli sa ammont ekwivalenti għall-għajnuna finanzjarja mhux rimborsabbli skont il-kuntratt ta’ finanzjament, fit-tielet lok, sabiex jitħallsu interessi legali fuq dan l-ammont mid-data tal-preżentata tar-rikors, u, fir-raba’ lok, sussidjarjament, sabiex jitħallsu danni għad-dannu materjali mġarrab.

19.      It-tieni rikors jirriżulta mill-fatt li, f’dan il-perijodu, fid‑29 ta’ Awwissu 2016, il-MFE xolja l-kuntratt ta’ finanzjament minħabba ċerti irregolaritajiet (12). Konsegwentement, fis‑27 ta’ April 2017, AA adixxiet lill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) b’rikors kontra l-MFE, intiż, din id-darba, għall-annullament tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ finanzjament. Permezz ta’ sentenza li saret definittiva fl‑10 ta’ Marzu 2021 (13), din il-qorti laqgħet ir-rikors minħabba li, minkejja ċerti irregolaritajiet imwettqa minn AA b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, ix-xoljiment ta’ dan tal-aħħar kien sproporzjonat fid-dawl tal-importanza minuri tal-irregolaritajiet. Fil-fatt, l-imsemmija qorti tqis li l-MFE seta’ applika miżuri inqas ħorox, jiġifieri korrezzjonijiet finanzjarji (14).

20.      Wara din is-sentenza u l-ħlas sussegwenti, mill-MFE, tal-ammont tal-infiq eliġibbli (15), il-qorti tar-rinviju baqgħet adita, fil-kuntest tal-ewwel rikors, esklużivament bil-kapijiet ta’ talba relatati, minn naħa, mal-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont imħallas mill-MFE b’eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza u, min-naħa l-oħra, mal-ħlas tad-danni għar-rigward tad-dannu materjali (16).

21.      F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi, b’mod iktar preċiż, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jipprekludux li d-dritt nazzjonali jipprevedi l-ħlas, lill-benefiċjarju ta’ kuntratt ta’ finanzjament, ta’ interessi moratorji fuq infiq eliġibbli mill-FEŻR, irrimborsati tardivament mill-awtorità ta’ ġestjoni wara l-annullament tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ finanzjament inkwistjoni, għall-perijodu li matulu dan ix-xoljiment, sussegwentement annullat quddiem qorti, kien fis-seħħ.

22.      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fid-dritt nazzjonali u quddiem ġurisprudenza nazzjonali kontradittorja f’dan il-qasam, il-qorti tar-rinviju qieset li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jipprevedi l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-interessi, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali (17). Madankollu, hija tistaqsi jekk, f’tali ipoteżi, il-ħlas ta’ interessi moratorji f’konformità mar-regoli nazzjonali, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, huwiex kompatibbli mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jew jekk, għall-kuntrarju, dan il-prinċipju jimponix fuqha pjuttost li tapplika, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw l-irtirar tal-vantaġġ finanzjarju fil-każ ta’ irregolaritajiet u li ma jipprevedux il-ħlas ta’ interessi (18). Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar jekk qorti nazzjonali tistax tillimita l-ammont ta’ interessi moratorji eventwalment dovuti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, meta, bħal f’dan il-każ, din l-awtorità ma tkun applikat ebda korrezzjoni finanzjarja f’dan ir-rigward.

23.      F’dan il-kuntest, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari, li minnhom it-tliet domandi li ġejjin huma s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet speċifiċi:

“1)      Il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba għandu jiġi interpretat fis-sens li, flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jipprekludi li persuna ġuridika li topera negozju bi skop ta’ lukru u li hija benefiċjarja ta’ finanzjament mhux rimborsabbli mill-FEŻR, tista’ tikseb mill-awtorità pubblika ta’ Stat Membru interessi moratorji (interessi ta’ penali) relatati mal-ħlas tardiv tal-ispejjeż eliġibbli għal perijodu meta kien fis-seħħ att amministrattiv li jeskludi r-rimbors u li iktar tard ġie annullat b’deċiżjoni tal-qorti?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv, huwa rilevanti, għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-interessi moratorji, in-nuqqas min-naħa tal-benefiċjarju tal-finanzjament ikkonstatat minn tali deċiżjoni, peress li l-istess awtorità pubblika b’setgħat fil-ġestjoni tal-fondi Ewropej iddikjarat, fl-aħħar mill-aħħar, insegwitu għall-għoti tal-imsemmija deċiżjoni, li l-ispejjeż kollha kienu eliġibbli?

3)      Fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza fir-rigward tal-mument tal-għoti tal-interessi moratorji lill-benefiċjarju tal-finanzjament mhux rimborsabbli mill-FEŻR, hija rilevanti regola tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ irregolarità, l-unika konsegwenza hija n-nuqqas ta’ għoti tal-benefiċċju finanzjarju rispettiv jew, skont il-każ, l-irtirar tiegħu (il-ħlas lura tal-ammonti mhux dovuti), fil-livell li fih ikunu ngħataw, mingħajr ma jintalbu l-interessi, minkejja li l-benefiċjarju tagħhom gawda mill-vantaġġ tal-użu tagħhom sal-ħin tal-ħlas lura, u huwa biss jekk dan il-ħlas lura ma seħħx fit-terminu legalment stabbilit, ta’ 30 jum mill-komunikazzjoni tat-titolu ta’ kreditu, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(1) u (2) tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 66/2011 privind prevenirea, constatarea şi sancţionarea neregulilor apărute în obţinerea şi utilizarea fondurilor europene şi/sau a fondurilor publice naţionale aferente acestora (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 66/2011 dwar il-Prevenzjoni, il-Konstatazzjoni u s-Sanzjoni tal-Irregolaritajiet li Jirriżultaw fil-Qasam tal-Kisba u tal-Użu ta’ Fondi Ewropej u/jew ta’ Fondi Pubbliċi Nazzjonali Relatati Magħhom) jippermettu l-ġbir tal-interessi wara l-iskadenza tat-terminu msemmi?” (19)

24.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-MFE, mill-Gvern Rumen u dak Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

 Analiżi

25.      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda preliminari tagħha, li huma s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet speċifiċi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’dan il-każ, AA għandhiex dritt għall-ħlas ta’ interessi moratorji (l-ewwel u t-tielet domanda) u jekk l-ammont ta’ dawn l-interessi jistax jiġi limitat minħabba l-irregolaritajiet imwettqa minn din il-kumpannija (it-tieni domanda).

26.      Għalhekk, fl-ewwel lok, ser neżamina l-ewwel u t-tielet domanda preliminari flimkien u, fit-tieni lok, it-tieni domanda preliminari.

 Fuq lewwel u ttielet domanda preliminari

27.      Fir-rigward tal-ewwel u tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, konformement mal-prinċipji tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u ta’ ekwivalenza, persuna ġuridika għandhiex dritt għall-ħlas ta’ interessi moratorji għall-ħlas tardiv tal-infiq eliġibbli taħt il-fondi tal-Unjoni, għall-perijodu li matulu kien fis-seħħ att ta’ rtirar ta’ dan il-vantaġġ li, sussegwentement, ġie annullat mill-qorti nazzjonali kompetenti.

28.      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espressi fid-dritt tal-Unjoni u fid-dritt nazzjonali, din il-qorti tipprevedi żewġ soluzzjonijiet possibbli:

–        minn naħa (l-ewwel domanda preliminari), il-ħlas ta’ interessi moratorji jista’ jiġi ġġustifikat b’applikazzjoni tar-regoli tad-dritt komuni (20), sakemm dawn ir-regoli jkunu kompatibbli mal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;

–        min-naħa l-oħra (it-tielet domanda preliminari), il-ħlas ta’ dawn l-interessi jista’ jiġi eskluż bl-applikazzjoni, b’analoġija, tad-dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt nazzjonali li jirregolaw l-irtirar tal-vantaġġ finanzjarju f’każ ta’ irregolaritajiet (21) u li jipprovdu għall-ħlas ta’ interessi moratorji biss mill-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas lura tal-ammonti li tħallsu indebitament (22).

29.      F’dan ir-rigward, il-MFE jenfasizza li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jistax ikun il-bażi, f’dan il-każ, tal-obbligu li jitħallsu interessi moratorji, minħabba, essenzjalment, is-sitwazzjoni kkaratterizzata minn inugwaljanza bejn il-partijiet (23), iktar u iktar peress li AA kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha (24), u li l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba lanqas ma jista’ jiġġustifika tali obbligu, li jikkawża danni sinjifikattivi għall-baġit tal-Istat Membru kkonċernat favur il-benefiċjarji tal-fondi, mingħajr ebda bażi kuntrattwali jew legali. Għalhekk, il-MFE jargumenta favur l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li jirregola l-irtirar tal-vantaġġ finanzjarju f’każ ta’ irregolaritajiet (25). Bl-istess mod, il-Gvern Rumen u dak Portugiż jeskludu l-għoti ta’ interessi moratorji, f’dan il-każ, skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (26), kif ukoll tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw sitwazzjonijiet simili (27), u jenfasizzaw l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mogħti lill-Istati Membri f’tali sitwazzjoni.

30.      Il-Kummissjoni tqis li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi (28), huwa l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jirregola l-kwistjoni skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, peress li l-ħlas ta’ dawn l-interessi ma jiksirx il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (29). F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Kummissjoni tqis li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika l-proċeduri paragunabbli fid-dritt nazzjonali, filwaqt li tippreċiża li d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tirregola l-irtirar tal-vantaġġ finanzjarju fil-każ ta’ irregolaritajiet (30) ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ kategorija ta’ rikorsi li hija wkoll ibbażata fuq id-dritt tal-Unjoni.

31.      Nirrileva, preliminarjament, li l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni skont ir-Regolament Nru 1083/2006 (31) hija s-suġġett ta’ ġestjoni kondiviża, li fil-kuntest tagħha, minn naħa, il-Kummissjoni hija responsabbli, b’mod partikolari, għall-ippjanar u għall-approvazzjoni tal-programmi u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri, permezz tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni tagħhom, huma responsabbli għall-ġestjoni u għall-implimentazzjoni tal-programmi operattivi (32), b’mod partikolari fir-rigward tal-benefiċjarji, li għandhom id-dritt li jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika fl-iqsar żmien possibbli u fl-intier tagħhom (33). L-Istat Membru kkonċernat huwa għalhekk responsabbli għall-ġestjoni u għall-kontroll tal-programm operattiv u, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet kif ukoll għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, jekk ikun il-każ flimkien mal-interessi moratorji (34).

32.      B’mod partikolari, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u għall-implimentazzjoni tal-programm operattiv f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (35). Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, l-implimentazzjoni tal-baġit għandha titwettaq skont il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effettività (36), li jimplika li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandhom jintużaw mill-Istati Membri skont il-prinċipji u r-rekwiżiti legali li fuqhom hija bbażata l-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni (37).

33.      Issa, ir-regolamenti settorjali tal-Unjoni, interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, ma jinkludu ebda prinċipju li jipprevedi li l-interessi moratorji fuq ir-rimborsi jew l-irkupri tardivi li jinvolvu lill-Istati Membri u lill-benefiċjarji għandhom jew ma għandhomx jitħallsu minbarra r-rimbors jew l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament (38). Dawn ir-regolamenti u l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba sempliċement jagħtu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jitolbu interessi fuq is-somom irkuprati skont id-dritt nazzjonali, mingħajr ma jiddefinixxu n-natura u l-modalitajiet tal-ksib ta’ dawn l-interessi (39).

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (40).

35.      F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, xejn fid-dritt tal-Unjoni ma jipprekludi, fil-fehma tiegħi, li l-qorti tar-rinviju tadotta waħda miż-żewġ soluzzjonijiet previsti fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, peress li hija din tal-aħħar li għandha tivverifika liema tkun id-dispożizzjoni applikabbli, fid-dritt nazzjonali, għal sitwazzjoni simili. B’mod iktar partikolari, huwa f’dan il-kuntest li din il-qorti għandha tevalwa r-rilevanza tar-regola tad-dritt nazzjonali, imsemmija minnha fit-tielet domanda preliminari tagħha (41), li tipprovdi li huwa biss fil-każ fejn il-ħlas lura ta’ vantaġġ finanzjarju indebitu ma jsirx fit-terminu previst mil-liġi li l-interessi jkunu dovuti.

36.      B’dan premess, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, nirrileva li, fid-dritt tal-Istati Membri, l-interessi moratorji huma normalment intiżi biex jikkumpensaw dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ obbligu, mingħajr ma jkollhom funzjoni stricto sensu “kumpensatorja” (42) u normalment isegwu intimazzjoni tad-debitur min-naħa tal-kreditur (43). Madankollu, hemm każijiet fejn l-interessi moratorji japplikaw anki fl-assenza ta’ dewmien reali fil-ħlas u huma intiżi, essenzjalment, sabiex jikkumpensaw is-sempliċi ċaħda tat-tgawdija tal-ammont imħallas illegalment (44).

37.      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ effettività, fl-assenza ta’ approċċ komuni fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inqis li, bħala prinċipju, il-ħlas ta’ interessi moratorji mill-awtorità ta’ ġestjoni, fil-każ ta’ dewmien fir-rimbors tal-infiq eliġibbli taħt il-fondi tal-Unjoni, għalkemm ma huwiex espliċitament previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ma jipprekludix l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli u ma jmurx kontra l-prinċipji u r-rekwiżiti legali li fuqhom huma bbażati r-regolamenti settorjali tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (45).

38.      Barra minn hekk, l-għoti ta’ interessi moratorji f’dan il-każ ma jistax jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, peress li tali nfiq ma huwiex eliġibbli għar-rimbors lill-Istat Membru mill-Kummissjoni (46).

39.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda preliminari tkun li l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċjarju ta’ finanzjament mhux rimborsabbli tal-FEŻR jista’ jikseb mill-awtorità ta’ ġestjoni ta’ Stat Membru interessi moratorji għall-ħlas tardiv tal-infiq eliġibbli għal perijodu li matulu att amministrattiv li jeskludi r-rimbors ta’ dan l-infiq, li sussegwentement ġie annullat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, kien fis-seħħ u li, f’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, ir-rilevanza ta’ regola tad-dritt nazzjonali bħal dik li tipprovdi li huwa biss fil-każ fejn il-ħlas lura ta’ vantaġġ finanzjarju indebitu ma jseħħx fit-terminu previst mil-liġi li l-interessi jkunu dovuti.

 Fuq ittieni domanda

40.      Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ammont tal-interessi moratorji jistax ikun limitat minħabba irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, filwaqt li l-awtorità kompetenti ma applikat ebda korrezzjoni finanzjarja f’dan ir-rigward.

41.      Il-MFE u l-Gvern Rumen isostnu, essenzjalment, li, peress li d-deċiżjoni ġudizzjarja li annullat ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ finanzjament ikkonstatat ukoll irregolaritajiet min-naħa ta’ AA fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, dawn l-irregolaritajiet jostakolaw il-ħlas ta’ interessi moratorji, tal-inqas parzjalment. Skont il-Kummissjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dawn l-irregolaritajiet jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-interessi moratorji, skont id-dritt nazzjonali applikabbli għal tilwim nazzjonali simili, b’osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

42.      Fil-fehma tiegħi, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ, huwa wkoll l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-individwi, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (47). Barra minn hekk, sa fejn il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-għoti ta’ finanzjamenti mill-baġit tal-Unjoni, hija miżura ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din hija suġġetta għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (48).

43.      Għaldaqstant, qabel kollox, hija l-qorti tar-rinviju, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, li għandha tevalwa jekk irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tilwim nazzjonali simili u jekk il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

44.      F’dan ir-rigward, mingħajr ma rrid nindaħal fl-evalwazzjonijiet li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, inqis li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kwistjoni tal-eventwali impożizzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fid-dawl tal-ksur tal-obbligi kuntrattwali mill-benefiċjarju, evalwata fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali fuq l-għoti tal-fondi tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, dik tal-ħlas ta’ interessi moratorji minħabba d-dewmien fl-għoti tal-fondi, evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-ħlas ta’ interessi moratorji f’sitwazzjonijiet simili. Għaldaqstant, dik il-qorti ser tkun obbligata tivverifika sa fejn id-dritt nazzjonali jippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni l-irregolaritajiet imwettqa fl-eżekuzzjoni tal-proġett sabiex tiġġustifika r-rifjut jew it-tnaqqis tal-interessi moratorji biss (49).

45.      Fir-rigward, sussegwentement, tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li hija responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat li jieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni u għalhekk li jinkixfu u jiġu kkorreġuti irregolaritajiet eventwali billi tiġi annullata l-parteċipazzjoni pubblika kollha jew parti minnha għall-programm operattiv, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u tat-telf finanzjarju li jirriżulta għall-Fond (50).

46.      F’dan il-każ, il-MFE pproċeda għar-rimbors sħiħ tal-infiq eliġibbli, mingħajr ma għamel korrezzjonijiet (51). F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk u sa fejn id-dritt nazzjonali jippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kawża prinċipali li tikkonċerna t-talba għal interessi moratorji, possibbilment ex officio (52), l-irregolaritajiet irrilevati fis-sentenza mogħtija fil-kuntest tat-tieni rikors, fid-dawl ukoll tal-fatt li r-rimbors sar mill-MFE b’eżekuzzjoni tas-sentenza definittiva mogħtija fil-kuntest tat-tieni rikors (53). Fil-fatt, ma huwiex ċar jekk, u sa fejn, l-awtorità nazzjonali kellhiex l-possibbiltà li timponi korrezzjonijiet finanzjarji waqt ir-rimbors tal-ammont tal-infiq eliġibbli, peress li hija kienet inizjalment imponiet, mingħajr suċċess, miżura iktar riġida, bħax-xoljiment tal-kuntratt ta’ finanzjament (54). Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-qorti tar-rinviju teżamina mill-ġdid, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan, il-kwistjoni tal-ammont tal-interessi moratorji eventwalment dovuti, minħabba l-irregolaritajiet ikkonstatati. Fil-każ kuntrarju, dawn l-irregolaritajiet jibqgħu mingħajr konsegwenzi, għall-benefiċċju tal-benefiċjarju.

47.      F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fl-assenza ta’ elementi fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-irregolaritajiet eventwalment imputabbli lil AA fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, għandu jiġi kkonstatat li hija l-qorti tar-rinviju, ladarba rrikonoxxuta l-ġurisdizzjoni tagħha fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li għandha tevalwa jekk, f’dan il-każ, fil-każ fejn jeżistu dawn l-irregolaritajiet, dawn jiġġustifikawx it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-eventwali interessi, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri li huma daqstant xierqa, għandha, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tintuża dik li hija l-inqas oneruża (55).

48.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li, meta l-benefiċjarju ta’ finanzjament mhux rimborsabbli tal-FEŻR għandu jikseb mill-awtorità pubblika ta’ Stat Membru interessi moratorji abbażi tal-ħlas tardiv tal‑infiq eliġibbli għal perijodu li matulu att amministrattiv li jeskludi r-rimbors kien fis-seħħ u sussegwentement ikun ġie annullat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, jekk l-irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju tal-finanzjament jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-interessi moratorji skont id-dritt nazzjonali applikabbli għal tilwim nazzjonali simili, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Konklużjoni

49.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel sat-tielet domanda preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija) kif ġej:

1)      Il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċjarju ta’ finanzjament mhux rimborsabbli tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jista’ jikseb mill-awtorità ta’ ġestjoni ta’ Stat Membru interessi moratorji abbażi tal-ħlas tardiv tal-infiq eliġibbli għal perijodu li matulu att amministrattiv li jeskludi r-rimbors ta’ dan l-infiq, li sussegwentement ġie annullat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, kien fis-seħħ u li, f’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, ir-rilevanza ta’ regola tad-dritt nazzjonali bħal dik li tipprovdi li huwa biss fil-każ fejn il-ħlas lura ta’ vantaġġ finanzjarju indebitu ma jseħħx fit-terminu previst mil-liġi li l-interessi jkunu dovuti.

2)      Meta l-benefiċjarju ta’ finanzjament mhux rimborsabbli tal-FEŻR għandu jikseb mill-awtorità pubblika ta’ Stat Membru interessi moratorji abbażi tal-ħlas tardiv tal-infiq eliġibbli għal perijodu li matulu att amministrattiv li jeskludi r-rimbors kien fis-seħħ, li sussegwentement ikun ġie annullat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, jekk irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju tal-finanzjament jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-interessi moratorji skont id-dritt nazzjonali applikabbli għal tilwim nazzjonali simili, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25; rettifiki fil-ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25; fil-ĠU L 301, 12.11.2008, p. 40; fil-ĠU L 164, 26.6.2007, p. 36; fil-ĠU L 145, 7.6.2007, p. 38; fil-ĠU L 239, 1.9.2006, p. 248), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 423/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 133, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1083/2006”).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 1).


4      Regolament tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).


5      Legea nr. 554/2004 a contenciosului administrativ (il-Liġi Nru 554/2004 fuq il-kontenzjuż amministrattiv), tat‑2 ta’ Diċembru 2004 (Monitorul Oficial al României, no 1154 tas‑7 ta’ Diċembru 2004, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 554/2004”).


6      Legea nr. 287/2009 privind Codul civil al României (il-Liġi Nru 287/2009 dwar il-Kodiċi Ċivili Rumen), tas‑17 ta’ Lulju 2009 (ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 505 tal‑15 ta’ Lulju 2011, iktar’ il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”).


7      Ordonanța Guvernului nr. 13 din 24 august 2011 privind docénda legală remuneratorie și penalizatoare pentru obligații bănești, precum și pentru reglementarea unor măsuri financiar fiscale în domeniul bancar (Digriet tal-Gvern Nru 13 dwar l-Interessi Legali Remuneratorji u ta’ Penalità għall-Obbligi Pekunjarji, kif ukoll sabiex jirregola miżuri finanzjarji u fiskali fil-qasam bankarju), tal‑24 ta’ Awwissu 2011 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 607 tad‑29 ta’ Awwissu 2011, iktar ’il quddiem l-“OG Nru 13/2011”).


8      Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 66/2011 privind prevenirea, constatarea și sancționarea neregulilor apărute în obținerea și utilizarea fondurilor europene și/sau a fondurilor publice naționale aferente acestora (Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 66/2011 dwar il-Prevenzjoni, il-Konstatazzjoni u s-Sanzjoni ta’ Irregolaritajiet li Jidhru fil-Kisba u l-Użu tal-Fondi Ewropej u/jew Fondi Pubbliċi Nazzjonali Relatati), tad‑29 ta’ Ġunju 2011 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 461, tat‑30 ta’ Ġunju 2011, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 66/2011”).


9      Barra minn hekk, AA hija impenjata li tikkofinanzja dan il-proġett b’kontribuzzjoni għall-infiq eliġibbli u b’infiq mhux eliġibbli.


10      Fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali u legali applikabbli, l-obbligu tar-rimbors li jaqa’ fuq il-MFE skada 20 jum wara d-data tat-tressiq tat-talba għal rimbors. Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Settembru 2015, AA talbet ir-rimbors tal-infiq eliġibbli. Din it-talba għal rimbors ġiet ikkompletata permezz ta’ ittri tat‑2 u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, fid-dawl tal-fatt li, fil-mument tal-imsemmija talba, il-ħlas ta’ ċertu tagħmir mixtri ma kienx sar kollu kemm hu.


11      Dan is-self kellu jiġi rrimborsat permezz tal-finanzjament mogħti mill-MFE.


12      B’mod partikolari l-fatt tan-nuqqas ta’ osservanza, minn AA, tal-obbligu li tiġi ppubblikata s-sejħa għal offerti jew l-avviż ta’ kuntratt u irregolaritajiet oħra fl-implimentazzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament.


13      B’mod iktar preċiż, din hija d-data taċ-ċaħda tal-appell mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija).


14      Il-qorti nazzjonali rrilevat b’mod partikolari li, anki jekk AA ma osservatx id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ finanzjament relatati mal-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti jew l-avviż ta’ kuntratt għat-tagħmir, ix-xiri madankollu kien sar skont il-proċedura prevista minn digriet adottat mill-MFE, kienu ġew stabbiliti noti dwar id-determinazzjoni tal-ammonti stmati u kienu ġew iddefiniti l-kriterji li jiddeterminaw l-għażla tal-proċedura.


15      F’dan il-kuntest, il-MFE ħallas kompletament mingħajr ma saret ebda korrezzjoni finanzjarja, u dan minkejja l-irregolaritajiet ikkonstatati mis-sentenza tal-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj).


16      F’dan il-każ, id-dannu jikkonsisti fl-infiq addizzjonali ta’ RON 28 983.65 (madwar EUR 6 500) bħala interessi u kummissjonijiet li jirriżultaw mill-estensjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.


17      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jirregolaw il-modalitajiet ta’ kontroll intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.


18      F’dan il-każ, dan ikun l-Artikolu 42 tal-OUG Nru 66/2011 li jgħid li meta d-debitur ma jwettaqx, fit-terminu ta’ 30 jum stabbilit mil-liġi, l-obbligi ta’ restituzzjoni tal-ammonti li tħallsu lilu indebitament, għandu jħallas biss imgħax ta’ ħlas tard mill-ewwel jum wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.


19      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, permezz tar-raba’ domanda preliminari, jekk kuntratt ta’ finanzjament bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1), għall-finijiet tal-iffissar tar-rata ta’ interessi applikabbli għall-ħlas tardiv.


20      Skont il-qorti tar-rinviju, dawn huma l-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikoli 1 u 3 tal-OG Nru 13/2011, peress li l-Artikolu 28 tal-Liġi Nru 554/2004 jippermetti li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jiġu kkompletati b’dawk tad-dritt komuni previsti mill-Kodiċi Ċivili. Ninnota, madankollu, li din l-aħħar dispożizzjoni, kif riprodotta fid-deċiżjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tirreferi għall-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.


21      Skont il-qorti tar-rinviju, dan huwa l-Artikolu 42 tal-OUG Nru 66/2011.


22      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li l-ġurisprudenza nazzjonali hija maqsuma f’dan ir-rigward. Fil-fatt, ċerti qrati taw interessi moratorji skont il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ekwivalenza, filwaqt li oħrajn irrifjutaw l-għoti ta’ dawn l-interessi minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx tipprevedihom espressament.


23      Skont il-MFE, il-benefiċjarju tal-fondi jibbenefika mill-għoti mingħajr ħlas ta’ ammonti mill-baġit tal-Unjoni, mingħajr ebda obbligu ta’ rimbors iżda biss obbligu ta’ eżekuzzjoni tal-proġett skont il-kuntratt ta’ finanzjament, filwaqt li l-awtorità ta’ ġestjoni ma tikseb l-ebda benefiċċju patrimonjali mill-għajnuna mogħtija.


24      Min-naħa l-oħra, il-MFE jeċċepixxi l-bona fide tiegħu billi jsostni li laqa’ t-talba għal rimbors immedjatament wara l-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li annullat ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ finanzjament.


25      Jiġifieri, l-Artikolu 42 tal-OUG Nru 66/2011. B’mod iktar partikolari, skont il-MFE, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tista’ tiġi żgurata biss bl-applikazzjoni, fil-konfront tal-awtorità kontraenti, tal-istess regola dwar l-interessi ta’ penalità bħal dik relatata mal-interessi ta’ penalità fuq il-benefiċjarju tal-finanzjament.


26      Il-Gvern Rumen jenfasizza li tali każ ma jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni, peress li l-eventwali ħlas ta’ interessi huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Istat Membru.


27      Il-Gvern Rumen isemmi wkoll l-Artikolu 42 tal-OUG Nru 66/2011, filwaqt li l-Gvern Portugiż jenfasizza l-impatt negattiv tal-applikazzjoni eventwali tal-interessi moratorji fuq il-kompitu delikat ta’ kontroll li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali.


28      Hija tippreċiża b’mod partikolari li l-Artikolu 70(1)(b) tar-Regolament Nru 1083/2006 sempliċement joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jitolbu interessi fuq is-somom irkuprati konformement mad-dritt nazzjonali, mingħajr ma jiddefinixxi n-natura u l-modalitajiet tal-ksib ta’ dawn l-interessi.


29      Il-Kummissjoni tippreċiża li, f’tali ipoteżi, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jkunux affettwati, peress li, konformement mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1080/2006 u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56(3) tar-Regolament Nru 1083/2006, tali nfiq ma huwiex eliġibbli għar-rimbors lill-Istat Membru mill-Kummissjoni.


30      Jiġifieri, l-Artikolu 42 tal-OUG Nru 66/2011.


31      Għal raġunijiet ta’ ċarezza, infakkar li, għalkemm ir-Regolament Nru 1083/2006 tħassar, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, permezz tal-Artikolu 153 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320; rettifiki fil-ĠU L 146, 25.5.2022, p. 15; fil-ĠU L 66, 7.3.2019, p. 6; fil-ĠU L 200, 26.7.2016, p. 140), skont l-Artikolu 152 tar-Regolament Nru 1303/2013, dan tal-aħħar ma jaffettwax it-tkomplija jew l-modifika ta’ intervent approvat mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament Nru 1083/2006.


32      Ara l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1083/2006.


33      Ara l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006.


34      Ara l-Artikolu 70(1)(b) tar-Regolament Nru 1083/2006.


35      Ara l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1083/2006. Dan il-prinċipju jissemma wkoll, b’mod iktar ġenerali, fl-Artikolu 317 TFUE, li jipprevedi li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, “[l]-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw li l-approprazzjonijiet jkunu wżati skond il-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba”.


36      Ara, b’mod partikolari, id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), kif ukoll fl-Artikolu 2(59) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1; rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).


37      Sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (T‑543/19, EU:T:2021:193, punt 50), ikkonfermata, fl-appell, bis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (C‑401/21 P, EU:C:2022:564).


38      Dan ma huwiex il-każ f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. Pereżempju, l-Artikolu 232(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat‑12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 tal‑20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008, L 352M, p. 629), jipprevedi interessi moratorji fuq id-dejn doganali, li huma intiżi sabiex itaffu l-konsegwenzi li jirriżultaw għax ikun għadda t-terminu għall-ħlas u, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li d-debitur tad-dejn doganali ma jiksibx indebitament vantaġġ mill-fatt li l-ammonti dovuti abbażi ta’ dan id-dejn jibqgħu għad-dispożizzjoni tiegħu lil hinn mit-terminu stabbilit għall-ħlas tiegħu (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2011, Aurubis Balgaria, C‑546/09, EU:C:2011:199, punt 29). Barra minn hekk, fil-qasam tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta r-rimbors lill-persuna taxxabbli tal-eċċess tal-VAT isir lil hinn minn terminu raġonevoli, il-prinċipju ta’ newtralità tas-sistema fiskali tal-VAT jeżiġi li t-telf finanzjarju ġġenerat b’dan il-mod, bi ħsara għall-persuna taxxabbli, permezz tal-indisponibbiltà tas-somom ta’ flus inkwistjoni, jiġi kkumpensat permezz tal-ħlas ta’ interessi moratorji (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română, C‑431/12, EU:C:2013:686, punt 23). Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jimponi l-għoti tal-interessi, huwa għamel dan b’mod espliċitu, filwaqt li, f’dan il-każ, jidher li ħalla marġni ta’ manuvra sħiħ lill-Istati Membri.


39      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 70(1)(b) tar-Regolament Nru 1083/2006. F’kuntest analogu, dwar il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix il-ġbir ta’ interessi fi Stat Membru, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li Stat Membru jirċievi interessi konformement mad-dritt nazzjonali meta jirkupra vantaġġ indebitament irċevut mill-baġit tal-Unjoni, anki meta dawn l-interessi jiġu kkreditati lill-baġit tal-Istat Membru (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Pfeifer & Langen, C‑564/10, EU:C:2012:190, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika meta l-interessi, li d-dħul tagħhom ma huwiex meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, jiġu rrimborsati, fil-kuntest tal-miżuri ffinanzjati mill-FAEG, lill-baġit tal-Unjoni (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Pfeifer & Langen, C‑564/10, EU:C:2012:190, punt 47).


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Aquino (C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Jiġifieri, l-Artikolu 42 tal-OUG Nru 66/2011.


42      Barra minn hekk, nirrileva li, f’dan il-każ, għandu dejjem ikun possibbli għal AA li turi, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli, l-eżistenza ta’ telf ekonomiku kkawżat mid-dewmien fir-rimbors, li jeżiġi b’mod partikolari l-prova ta’ dan id-dannu (probabbilment dan huwa l-aspett tar-rikors fil-kawża prinċipali li jirrigwarda d-danni).


43      Ara, pereżempju, fid-dritt Elleniku, l-Artikoli 340 u 355 tal-αστικός κώδικας/astikós kódikas (il-Kodiċi Ċivili), fid-dritt Franċiż l‑Artikolu 1344‑1 tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili), u fid-dritt Taljan, l-Artikolu 1224 tal-codice civile (il-Kodiċi Ċivili). Barra minn hekk, huwa f’din l-istess perspettiva li, b’mod partikolari, l-Artikolu 99 tar-Regolament 2018/1046, intitolat “Imgħax tal-inadempjenza”, jipprovdi, essenzjalment, li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni speċifika, kull kreditu mhux irrimborsat fit-terminu indikat fin-nota ta’ debitu jwassal għal interessi moratorji (din id-dispożizzjoni, imsemmija b’mod spjegattiv, madankollu ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali).


44      Dawn huma, pereżempju, każijiet ta’ rimbors ta’ sanzjoni illegali. Ara, b’mod partikolari, fid-dritt Elleniku, l-Artikolu 21 tad-διάταγμα της 26.6/10.7.1944 “περί κώδικος των νόμων περί δικών του Δημοσίου” (id-Digriet tas‑26 ta’ Ġunju/tal-10 ta’ Lulju 1944 dwar il-Kodifikazzjoni tal-Liġijiet dwar il-Proċessi tal-Istat) (FEK A’ 139)) u fid-dritt Taljan l-Artikolu 44(1) tad-decreto del Presidente della Repubblica n. 602 del 1973 (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 602 tal-1973 tad‑29 ta’ Settembru 1973 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul tad‑29 ta’ Settembru 1973 (GURI Nru 268, tas‑16 ta’ Ottubru 1973)). Soluzzjoni analoga tidher li hija adottata, fid-dritt Franċiż, mill-Artikolu L. 208 tal-Ktieb tal-Proċeduri Fiskali.


45      Għall-kuntrarju, l-obbligu ta’ ħlas ta’ interessi moratorji f’din is-sitwazzjoni jista’ eventwalment jiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt tal-benefiċjarji li jirċievu l-kontribuzzjoni pubblika “mill-aktar fis possibbli” u kollha kemm hi, sakemm il-kriterji ta’ eliġibbiltà jkunu ssodisfatti (ara l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006).


46      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1080/2006 u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56(3) tar-Regolament Nru 1083/2006, l-interessi ma humiex eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR u ma humiex ikkunsidrati bħala nfiq sostnut għal operazzjonijiet deċiżi mill-awtorità ta’ ġestjoni. Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-interessi lanqas ma jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 56(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, li jipprevedi li tali nfiq huwa eliġibbli biss jekk ikun effettivament tħallas qabel il‑31 ta’ Diċembru 2015.


47      Ara l‑punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Zinātnes parks (C‑347/20, EU:C:2022:59, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li, wara s-sentenza mogħtija fil-kuntest tat-tieni rikors u għar-rimbors sussegwenti tal-infiq kollu eliġibbli, it-talba għar-rimbors tal-infiq eliġibbli fil-kawża prinċipali ma għadx għandha skop.


50      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 98(1) u (2) tar-Regolament Nru 1083/2006.


51      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex l-intenzjoni li tqajjem ex officio l-kwistjoni tal-“tpaċija” bejn l-eventwali interessi moratorji u l-korrezzjonijiet finanzjarji jew jekk il-MFE qajjimx dan il-motiv. F’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, dan tal-aħħar sostna li, jekk huwa ddikjara eliġibbli l-infiq ikkontestat kollu, dan ma jwassalx għar-rikonoxximent tal-pretensjonijiet ta’ AA b’effett retroattiv, iżda sempliċement juri l-bona fide ta’ din il-kumpannija.


53      Jiġifieri, is-sentenza li annullat ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ finanzjament (ara l-punti 19 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-eventwali korrezzjonijiet finanzjarji ma tistax tqiegħed f’dubju r-rimbors tat-totalità tal-infiq eliġibbli magħmul mill-MFE, bir-riskju li tqajjem il-kwistjoni ulterjuri u delikata ta’ ksur eventwali tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Issa, għalkemm din il-kwistjoni ma hijiex is-suġġett tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, infakkar li, fid-dawl tal-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali inkompatibbli ma’ dan id-dritt, sakemm ir-regoli proċedurali interni applikabbli ma jinkludux, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tbiddel deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tirrendi s-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, f’liema każ din il-possibbiltà għandha tipprevali, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali terġa’ tiġi konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Right to Know, C‑84/22, EU:C:2023:910, punti 62, 63 u 78, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


54      Billi pproċediet b’dan il-mod, hija ma kellhiex l-opportunità li teżerċita l-kompetenza tagħha fir-rigward tat-tnaqqis eventwali tal-ammont prinċipali minħabba l-irregolaritajiet ikkonstatati.


55      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’ Economia e delle Finanze (C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).