Language of document : ECLI:EU:C:2024:219

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fis‑7 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C774/22

JX

vs

FTI Touristik GmbH

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Nürnberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürnberg, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni– Kunċett – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Kapitolu II, Taqsima 4 – Kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż bejn konsumatur u organizzatur ta’ vjaġġi – Partijiet kuntrattwali ddomiċiljati fl-istess Stat Membru – Kuntratt konkluż għall-finijiet ta’ vjaġġ lejn pajjiż barrani”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Nürnberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürnberg, il-Ġermanja), tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”).

2.        It-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn konsumatur iddomiċiljat fil-Ġermanja kontra organizzatur ta’ vjaġġi stabbilit fl-istess Stat fir-rigward ta’ kuntratt li jirrigwarda pakkett ta’ servizzi tal-ivvjaġġar ipprenotat minn dan il-konsumatur għal vjaġġ barra mill-pajjiż. Il-konsumatur sofra intopp f’dan ir-rigward, allegatament minħabba n-nuqqas tal-organizzatur ta’ vjaġġi li jwettaq l-obbligi legali tiegħu. Din il-qorti tistaqsi jekk ir-Regolament Brussell Ia japplikax għal tali tilwima, b’tali mod li l-konsumatur jista’ jinvoka r-regoli ta’ ġurisdizzjoni protettivi li huma previsti fih.

3.        Dan ir-rinviju huwa importanti għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, dan ser jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħmel preċiżazzjonijiet siewja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia u dwar il-funzjonament ta’ dawn ir-regoli speċifiċi. Min-naħa l-oħra, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun importanti għall-vjaġġaturi u għall-impriżi fis-settur tat-turiżmu, fejn spiss iqum tali tilwim.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      IrRegolament Brussell Ia

4.        Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia “Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt fil-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata dik il-parti jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra, fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur”.

B.      Iddritt Ġermaniż

5.        L-Artikolu 12 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem iż-“ZPO”), intitolat “Post ġenerali tal-ġurisdizzjoni; kunċett”, jipprovdi li “l-qorti tal-post ġenerali tal-ġurisdizzjoni ta’ persuna għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjonijiet kollha mressqa kontriha, sakemm ma tkunx ġiet stabbilita ġurisdizzjoni esklużiva għal azzjoni”.

6.        L-Artikolu 17 taż-ZPO, intitolat “Il-post ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fuq persuni ġuridiċi”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “l-post ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fuq [...] il-kumpanniji […] għandu jiġi ddeterminat mid-domiċilju tagħhom. Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, il-post fejn issir l-amministrazzjoni għandu jitqies li huwa d-domiċilju”.

III. Il-fatti, ilproċedura nazzjonali u ddomanda preliminari

7.        JX huwa individwu privat iddomiċiljat f’Nürnberg (il-Ġermanja). Fil‑15 ta’ Diċembru 2021, huwa kkonkluda ma’ FTI Touristik GmbH (iktar ’il quddiem “FTI”), organizzatur ta’ vjaġġi stabbilit f’München (il-Ġermanja), permezz ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar stabbilita f’Nürnberg, kuntratt għal pakkett ta’ servizzi tal-ivvjaġġar għal vjaġġ barra mill-pajjiż.

8.        Sussegwentement, JX ressaq lil FTI quddiem l-Amtsgericht Nürnberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürnberg). JX jgħid li ma kienx informat sew dwar l-obbligi ta’ dħul u ta’ viża fil-pajjiż inkwistjoni u jitlob danni fl-ammont ta’ EUR 1 499.86.

9.        JX sostna li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, bħala l-qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu, għandha ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll interna sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba tiegħu abbażi tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia. Bħala risposta, FTI sostniet li din il-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni territorjali u li t-talba għandha tiġi miċħuda għal din ir-raġuni. Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament ma japplikawx għal sitwazzjonijiet purament interni. It-tilwima inkwistjoni tikkwalifika bħala tali, peress li ż-żewġ partijiet huma ddomiċiljati fl-istess Stat Membru. Fil-fehma tagħha, r-regoli taż-ZPO japplikaw minflok u jagħtu ġurisdizzjoni lil qrati oħra.

10.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Nürnberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürnberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 18(1) [tar-Regolament Brussell Ia] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola mhux biss il-ġurisdizzjoni internazzjonali, iżda jinkludi wkoll regola dwar il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qrati nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti ta’ vjaġġ, li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża għandha tosserva, meta l-konsumatur inkwantu vjaġġatur u l-kontroparti tiegħu, l-organizzatur ta’ vjaġġi, ikunu t-tnejn li huma domiċiljati fl-istess Stat Membru iżda d-destinazzjoni tal-vjaġġ ma tkunx tinsab f’dan l-Istat Membru imma barra mill-pajjiż (is-‘sitwazzjonijiet interni foloz’), bil-konsegwenza li, flimkien mar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni, il-konsumatur jista’ jinvoka quddiem il-qorti tad-domiċilju tiegħu drittijiet kuntrattwali kontra l-organizzatur ta’ vjaġġi?”

11.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn FTI, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea. F’din il-kawża ma nżammet l-ebda seduta.

IV.    Analiżi

12.      Din il-kawża għandha bħala sfond l-intopp subit minn konsumatur fil-kuntest ta’ vjaġġ mibjugħ lilu bħala “pakkett tal-ivvjaġġar” (3) minn organizzatur tal-vjaġġi. Sfortunatament, din is-sitwazzjoni hija pjuttost komuni. Matul l-aħħar tletin sena, it-turiżmu sar industrija tal-massa u dawn il-“pakketti” jirrappreżentaw sehem sinjifikattiv mis-suq tal-ivvjaġġar. Filwaqt li ħafna konsumaturi huma attirati mill-konvenjenza offruta minn tali “pakkett” f’dak li jirrigwarda l-ippjanar tal-ivvjaġġar, il-wegħdiet li jsiru fih mhux dejjem jiġu mwettqa. Ta’ spiss jiġri li vjaġġaturi jkollhom problemi (bħalma jidher li kellu JX (4)) problemi meta jivvjaġġaw lejn id-destinazzjoni tal-vaganzi tagħhom, jew jiskopru, ladarba jaslu, li l-lukanda hija ta’ livell baxx jew, agħar, ikunu vittmi ta’ inċidenti dannużi fil-post minħabba n-negliġenza ta’ fornituri lokali magħżula ħażin (5).

13.      Sabiex il-vjaġġaturi jiġu protetti minn tali intoppi, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea adotta d-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar. Dan l-istrument jistabbilixxi d-drittijiet importanti tal-konsumaturi u l-obbligi korrispondenti għall-organizzaturi tal-vjaġġi fir-rigward ta’ dawn il-pakketti. Hija timponi, inter alia, fuq dawn tal-aħħar l-obbligu li jipprovdu lill-vjaġġaturi, qabel il-konklużjoni ta’ kwalunkwe kuntratt, informazzjoni dwar, inter alia, ir-rekwiżiti tal-passaport u tal-viża tal-pajjiż ta’ destinazzjoni previst (6). Fil-kawża prinċipali, JX iqis li FTI naqset milli twettaq dan l-obbligu ta’ informazzjoni għad-detriment tiegħu u jitlob rimedju. Għal dan l-għan, huwa ressaq kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija dik tad-domiċilju tiegħu f’Nürnberg.

14.      F’din il-fażi preliminari tal-kawża prinċipali, din il-qorti għandha tiddetermina jekk għandhiex effettivament ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ u tiddetermina din il-kawża. Hija tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. Din id-dispożizzjoni, li tagħmel parti minn taqsima ta’ dan ir-regolament iddedikata għall-proċeduri dwar ċerti kuntratti konklużi mill-konsumaturi, jiġifieri t-Taqsima 4 tal-Kapitolu II (iktar ’il quddiem it-“Taqsima 4”), tinkludi żewġ regoli ta’ ġurisdizzjoni favur il-konsumatur, meta dan jaġixxi bħala rikorrent. B’mod iktar preċiż, skont l-Artikolu 18(1), dan tal-aħħar jista’ jaġixxi kontra l-“parti l-oħra ta’ kuntratt” (jiġifieri l-fornitur) jew (i) “fil-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata dik il-parti” (forum rei) jew, (ii) “fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur” (forum actoris).

15.      Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tiffoka fuq ir-regola tal-forum actoris stabbilita fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell 1a u tqajjem żewġ kwistjonijiet f’dan ir-rigward. L-ewwel, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk din ir-regola hijiex applikabbli għal proċedura bħal din mibdija minn JX kontra FTI. It-tieni, jekk jitqies li dan huwa l-każ, din il-qorti tistaqsi jekk din ir-regola tagħtix biss ġurisdizzjoni (internazzjonali) lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu, filwaqt li r-regoli proċedurali ta’ dan l-Istat jiddeterminaw liema qorti fit-territorju tiegħu għandha ġurisdizzjoni (territorjali) sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali proċedura, jew jekk hija tagħtix ġurisdizzjoni diretta (kemm internazzjonali kif ukoll territorjali) lill-qorti ta’ dan id-domiċilju.

16.      Hemm kunsiderazzjonijiet prammatiċi sottostanti dawn il-mistoqsijiet. Jekk, minn naħa, ir-regola inkwistjoni hija applikabbli għall-proċedura mibdija minn JX kontra FTI u tiddetermina ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll territorjali, isegwi li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni, fuq il-bażi ta’ din ir-regola, sabiex tiddeċiedi l-kawża (peress li, infakkar, hija l-qorti tad-domiċilju ta’ dan il-konsumatur). Jekk, min-naħa l-oħra, din ir-regola ma hijiex applikabbli għal dawn il-proċeduri jew sempliċement tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali lill-qrati Ġermaniżi, allura l-qorti tar-rinviju ma għandhiex tali kompetenza. Fi kwalunkwe każ, ir-regoli proċedurali Ġermaniżi jallokaw ġurisdizzjoni territorjali lill-qorti tad-domiċilju tal-konvenut f’München (7).

17.      Kif ser nispjega fil-punti li ġejjin, huwa ċar li r-regola tal-forum actoris għall-konsumaturi prevista fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia tagħti direttament il-ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll territorjali lill-qorti tad-domiċilju tal-konsumatur (Taqsima A). Madankollu, din ir-regola tapplika biss għal każijiet li fihom element internazzjonali (Taqsima B). Hawn tinsab il-qalba ta’ din il-kawża. Huwa minnu, li hemm inċertezza dwar jekk dan ir-rekwiżit ikunx issodisfatt meta l-partijiet fil-kawża (il-konsumatur u l-fornitur) ikunu t-tnejn iddomiċiljati fl-istess Stat Membru, fejn l-uniku element internazzjonali huwa d-destinazzjoni tal-vjaġġ li għalih ikun ġie konkluż il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar inkwistjoni (Taqsima C).

A.      Irregola talforum actoris għallkonsumaturi tiddetermina kemm ilġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll dik territorjali

18.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-funzjoni tar-regola tal-forum actoris għall-konsumaturi jeħtieġu risposta rapida. Il-bażi hija l-formulazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia. Paragun taż-żewġ dispożizzjonijiet inklużi fih jiċċara l-affarijiet f’dan ir-rigward. Ir-regola tal-forum rei tirreferi għall-“qrati tal-Istat Membru” li fih ikun iddomiċiljat il-professjonist. Min-naħa l-oħra, ir-regola tal-forum actoris tirreferi għall-“qrati tal-post” fejn ikun iddomiċiljat il-konsumatur. Din id-differenza terminoloġika ma hijiex insinjifikattiva. Hija intiża preċiżament sabiex tindika li, filwaqt li l-ewwel regola tagħti ġurisdizzjoni internazzjonali biss lis-sistema ġudizzjarja tal-Istat magħżul, meħuda fl-intier tagħha, it-tieni regola tagħti ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll territorjali lill-qorti tal-post tad-domiċilju tal-konsumatur, indipendentement mit-tqassim tal-ġurisdizzjoni previst b’mod ieħor mir-regoli proċedurali ta’ dan l-Istat (8).

19.      Kuntrarjament għal dak li ssostni FTI, din l-interpretazzjoni tirrifletti eżattament l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan tal-aħħar ipprova, bir-regola inkwistjoni, jippermetti lill-konsumatur jiftaħ proċeduri “kemm jista’ jkun qrib id-domiċilju tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (9). Jekk ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur kellhom jiddeterminaw liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet tiegħu, dan ir-riżultat jista’ ta’ spiss ma jintlaħaqx, preċiżament għaliex, fi Stati Membri bħall-Ġermanja, dawn ir-regoli jindikaw il-qorti tas-sede tal-fornitur, li tista’ tkun ’il bogħod mid-domiċilju tal-konsumatur (punt li ser nittratta iktar ’il quddiem) (10).

B.      Irregola tal-forum actoris għall-konsumaturi tapplika biss għal każijiet li fihom element internazzjonali

20.      Sabiex tapplika r-regola tal-forum actoris skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia u tiddetermina l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ proċedura partikolari, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, loġikament, din il-proċedura għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-reġim ta’ ġurisdizzjoni (iktar ’il quddiem ir-“reġim ta’ Brussell”) li fih taqa’ din ir-regola. It-tieni nett, ċerti kundizzjonijiet, speċifiċi għal din ir-regola, għandhom jiġu ssodisfatti.

21.      It-tieni rekwiżit ma huwiex ikkontestat f’din il-kawża. Il-kundizzjonijiet inkwistjoni, li jirriżultaw minn qari flimkien tal-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia huma ċarament issodisfatti: ir-rikorrent jikkwalifika bħala “konsumatur”, peress li t-talba tiegħu “għand[ha x’taqsam] ma’ kuntratt” (11) li huwa kkonkluda “għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu” ma’ fornitur; dan il-kuntratt jaqa’ taħt il-kategoriji stabbiliti fl-Artikolu 17(1) (aspett li ser neżamina f’iktar dettall iktar ’il quddiem) (12); u l-konvenut li fil-konfront tiegħu tressqet it-talba huwa l-“parti l-oħra [ta’ dak il]-kuntratt”.

22.      Madankollu, mill-ewwel rekwiżit toħroġ kundizzjoni addizzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia. B’mod iktar preċiż, filwaqt li l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim ta’ Brussell, ma jgħid xejn dwar dan is-suġġett (13), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, mis-sentenza Owusu (14) mogħtija minnha, li dan ir-reġim japplika biss għar-relazzjonijiet ġuridiċi ta’ “natura internazzjonali”, jiġifieri li għandhom rabtiet ma’ diversi pajjiżi (15).

23.      Din il-kundizzjoni implikata tal-“internazzjonalità” tirriżulta mill- (u hija inevitabbli fid-dawl tal-) bażi legali tar-Regolament Brussell Ia, jiġifieri l-Artikolu 81(2) TFUE. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Unjoni tadotta miżuri għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 81(1) tiegħu, li jikkonċerna l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’“materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali”. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni ma għandhiex kompetenza li tirregola l-ġurisdizzjoni f’materji ċivili nieqsa minn tali “implikazzjonijiet”. Għaldaqstant, dan ir-regolament għandu jiġi interpretat b’dan il-mod.

24.      Din il-kundizzjoni hija wkoll konformi mal-iskop stess tar-Regolament Brussell Ia. Bħala strument tad-dritt internazzjonali privat (tal-Unjoni), huwa mfassal għax-xenarju li fih qorti nazzjonali tintalab tiddeċiedi kawża li jkollha rabtiet ma’ pajjiż wieħed (jew iktar) apparti tagħha. Fil-fatt, tali rabtiet iwasslu għall-possibbiltà li l-qrati ta’ dan il-pajjiż l-ieħor (jew ta’ dawn il-pajjiżi l-oħra) jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża u, konsegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk huwiex xieraq li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tagħmel dan. L-għan ewlieni tar-reġim ta’ Brussell huwa li jirregola dawn il-kunflitti internazzjonali ta’ ġurisdizzjoni. Għalkemm uħud mir-regoli tiegħu, inkluża r-regola tal-forum actoris għall-konsumaturi, jiddeterminaw kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), huma jiddeċiedu t-tieni kwistjoni b’mod sekondarju, biss għall-każijiet fejn tista’ tqum l-ewwel kwistjoni. Il-funzjoni tagħhom ma hijiex li jsolvu l-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali f’sitwazzjonijiet purament interni (16).

25.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-regola tal-forum actoris għall-konsumaturi, bħar-regoli l-oħra kollha ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Brussell Ia, tapplika biss meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tiddeċiedi kawża li tinkludi “element internazzjonali” (jiġifieri rabta rilevanti ma’ pajjiż ieħor). F’tali każ, din ir-regola tiddetermina kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali. Min-naħa l-oħra, hija ma tapplikax għat-tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali f’sitwazzjonijiet purament interni.

C.      Fuq leżistenza ta’ element internazzjonali suffiċjenti f’din ilkawża

26.      Wara li dan ġie ċċarat, kif tispjega l-qorti tar-rinviju, fil-Ġermanja hemm dibattitu ħaj (17) dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-“element internazzjonali” meħtieġ għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia huwa preżenti meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tiddeċiedi dwar tilwima bejn konsumatur iddomiċiljat f’dak l-Istat u organizzatur tal-vjaġġi lokali dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, konkluż għal vjaġġ barra mill-pajjiż (każ li jidher pjuttost komuni) (18). Lil hinn mit-tekniċità ta’ din id-domanda, il-kwistjoni materjali hija dik dwar jekk il-konsumatur, anki f’dan il-każ, jistax iressaq kawża quddiem il-qorti tad-domiċilju tiegħu skont ir-regola tal-forum actoris prevista f’din id-dispożizzjoni.

27.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-ġurisprudenza u l-letteratura Ġermaniżi jinkludu opinjonijiet diverġenti fuq tali “kawżi interni foloz” (unechte Inlandsfälle, sabiex nuża l-kliem ta’ din il-qorti). It-teżi dominanti, sostnuta minn FTI u mill-Gvern Ċek quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia ma japplikax għal dawn il-kawżi. Ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni ma għandhiex in-natura “internazzjonali” meħtieġa meta l-partijiet (il-konsumatur u l-organizzatur tal-vjaġġi) ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat Membru. Il-fatt li d-destinazzjoni tal-vjaġġ li għalih ġie konkluż il-kuntratt tinsab f’pajjiż barrani ma huwiex kunsiderazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward. Skont il-pożizzjoni minoritarja, sostnuta, f’dan il-każ, mill-Kummissjoni, din ir-regola tapplika anki jekk il-partijiet fil-kawża jkunu ddomiċiljati fl-istess Stat. Id-destinazzjoni barranija tal-vjaġġ tagħti lir-relazzjoni tagħhom natura internazzjonali.

28.      Fil-fehma tiegħi, il-perspettiva minoritarja hija, fil-fatt, korretta. Fil-fatt, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “element internazzjonali” għandha tiġi adottata għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia (1). Għall-każijiet marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, id-destinazzjoni barranija tal-vjaġġ hija “element internazzjonali” rilevanti f’dan ir-rigward (2). Fl-aħħar nett, la l-kliem u lanqas l-għan tat-Taqsima 4 ma jeħtieġu interpretazzjoni differenti (3).

1.      Fuq ilkunċett wiesa’ tal“element internazzjonali”

29.      L-ewwel nett, huwa ċar li, għalkemm ir-Regolament Brussell Ia ma jiddefinixxix l-“element barrani” meħtieġ għall-applikazzjoni tar-regoli tiegħu, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, billi jsir riferiment għas-sens u għanijiet ġenerali ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (19).

30.      Fil-ġurisprudenza tagħha sa mis-sentenza Owusu, il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment adottat, f’dan ir-rigward, approċċ prammatiku. Fil-fehma tagħha, u konformement mal-ispjegazzjoni mogħtija fil-punt 24 iktar ’il fuq, kawża mressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru jkun fiha “element internazzjonali” rilevanti meta l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar “ikun ta’ natura li jqajjem kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti” (20). Fi kliem ieħor, ir-reġim ta’ Brussell jiskatta meta kawża jkun fiha element li jorbotha ma’ pajjiż barrani (kemm jekk ikun Stat Membru ieħor jew Stat terz) li jkun suffiċjenti sabiex iwassal għall-possibbiltà li l-qrati ta’ dan il-pajjiż jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu din il-kawża (21), konsegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk huwiex xieraq (jew le) li l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha titressaq il-kawża tagħmel dan. Fil-fatt, f’tali xenarju, ir-reġim inkwistjoni huwa għodda neċessarju għal din il-qorti biex tittratta tali kwistjoni.

31.      Fil-fehma tiegħi, dan il-kriterju għandu jiġi applikat b’mod ġeneruż. Sabiex ir-Regolament Brussell Ia jissodisfa l-iskop tiegħu, dan għandu japplika kull darba (22) li jinqalgħu kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, inter alia, sabiex jiġi evitat li kunflitti potenzjali ta’ ġurisdizzjoni jsiru kunflitti konkreti. Barra minn hekk, peress li l-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà mfittxija minn dan l-istrument (23) jippreżupponu li l-partijiet fil-kawża jistgħu faċilment jipprevedu liema reġim ta’ ġurisdizzjoni ser ikun applikabbli għall-kawża tagħhom u li l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha titressaq il-kawża tiddetermina faċilment il-kompetenza tagħha (24), il-kwistjoni ma għandhiex tiġi kkomplikata b’mod eċċessiv. Ma hijiex kwistjoni li jiġi vverifikat jekk il-qrati barranin effettivament għandhomx ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu l-kawża inkwistjoni (25). Huwa biżżejjed li l-element li jorbot il-kawża ma’ dan il-pajjiż barrani inkwistjoni jikkostitwixxi kap ta’ ġurisdizzjoni plawżibbli sabiex il-qrati tiegħu jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża.

32.      In-natura internazzjonali ta’ kawża ħafna drabi tirriżulta mill-fatt li r-rikorrent u l-konvenut ikunu ddomiċiljati fi Stati differenti. Fil-fatt, il-fatt li parti fil-kawża tkun iddomiċiljata fit-territorju rispettiv ta’ kull Stat jikkostitwixxi kap ta’ ġurisdizzjoni plawżibbli sabiex il-qrati ta’ kull Stat jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża (kif juru diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell Ia, fosthom l-Artikolu 18(1)). Madankollu, dan ma huwiex l-uniku xenarju possibbli. Kif issostni l-Kummissjoni, meta l-partijiet fil-kawża jkunu ddomiċiljati fl-istess Stat, in-natura internazzjonali tal-kawża tista’ tirriżulta minn diversi fatturi marbuta, inter alia, mas-suġġett tal-kawża (26).

33.      Għalkemm nixtieq inħalli għall-parti li ġejja l-applikazzjoni għal din il-kawża ta’ dak li ssemma iktar ’il fuq, hawnhekk ser nagħti xi eżempji. Pereżempju, meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tiddeċiedi kawża li, minn naħa, tikkonċerna żewġ partijiet fil-kawża ddomiċiljati f’dan l-Istat iżda, min-naħa l-oħra, tirrigwarda delitt li seħħ barra mill-pajjiż jew il-kiri ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’pajjiż ieħor, japplika r-Regolament Brussell Ia (27). Fiż-żewġ eżempji, l-element ta’ rabta tal-kawża ma’ pajjiż barrani huwa “ta’ natura li jqajjem kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti.” Effettivament, il-fatt id-delitt ikun seħħ fit-territorju ta’ dan il-pajjiż barrani jew li l-proprjetà immobbli inkwistjoni tinsab hemmhekk jikkostitwixxi kap ta’ ġurisdizzjoni plawżibbli sabiex il-qrati tiegħu jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża (28). Ir-Regolament Brussell Ia jikkonferma dan, peress li dawn il-kriterji jikkostitwixxu kapijiet ta’ ġurisdizzjoni espliċiti skont, rispettivament, l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 24(1) tiegħu (29). Bl-istess mod, fis-sentenza IRnova (30), il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ikkunsidrat li tilwima bejn żewġ partijiet f’kawża ddomiċiljati fl-istess Stat Membru dwar id-dritt għal privattivi rreġistrati f’pajjiżi terzi kienet ta’ natura “internazzjonali”. Meta pajjiż ikun ħareġ privattiva, il-qrati tiegħu jistgħu jkunu jixtiequ jieħdu konjizzjoni b’mod plawżibbli ta’ tilwim li jirrigwarda din il-privattiva (31).

34.      Biex inkunu ċari, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ kemxejn differenti għall-“element internazzjonali” meħtieġ fis-sens tar-Regolament Brussell Ia fis-sentenzi Parking u Interplastics (32), Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria (33) u Inkreal (34)

35.      F’waħda mill-kawżi magħquda li taw lok għall-ewwel sentenza, tressqu proċeduri fil-qrati ta’ Stat Membru kontra konvenut iddomiċiljat f’dan l-Istat minn rikorrent iddomiċiljat fi Stat ieħor. Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-preżenza tal-“element internazzjonali” meħtieġ għall-applikazzjoni tar-reġim ta’ Brussell. Għalkemm dan kien evidenti wara s-sentenza Owusu, u l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal din is-sentenza, hija żiedet argument addizzjonali. Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal strument ieħor tal-Unjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (35), li japplika biss għal “każijiet transkonfinali”, u jiddefinixxi dan il-kunċett bħala “[kawża] fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru fejn ikun sar rikors għall-qorti”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-definizzjoni tista’ “bħala prinċipju” sservi sabiex jiġi stabbilit l-element internazzjonali tal-kawża fis-sens tar-Regolament Brussell Ia, minħabba li għandha tiġi żgurata l-koerenza bejn il-kunċetti ekwivalenti ta’ dawn iż-żewġ strumenti. B’mod konvenjenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, ftit xhur qabel, li s-sitwazzjoni li fiha r-rikorrent għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tissodisfa din id-definizzjoni (36).

36.      Fit-tieni deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja segwit b’għajnejha magħluqin is-sentenza preċedenti u, mingħajr ebda riferiment għal-linja ta’ ġurisprudenza prinċipali tagħha, sussegwentement applikat id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tilwima transkonfinali” prevista mir-Regolament Nru 1896/2006 sabiex tirrikonoxxi li azzjoni mressqa minn persuna ddomiċiljata fi Stat Membru kontra l-konsulat ta’ dan l-Istat f’pajjiż ieħor, fir-rigward tas-servizzi pprovduti mill-ewwel waħda lit-tieni waħda f’dan il-pajjiż, kienet (evidentement) “internazzjonali” għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia. Fl-aħħar nett, fit-tielet deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, l-ewwel nett, għal din id-definizzjoni u, t-tieni nett, għat-test riprodott fil-punt 30 iktar ’il fuq sabiex tiddeċiedi li l-konklużjoni, mill-partijiet fil-kawża ddomiċiljati fi Stat Membru, ta’ ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti favur qrati ta’ Stat Membru ieħor tikkostitwixxi “element internazzjonali” suffiċjenti sabiex tiskatta l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (37).

37.      Jiena naqbel mal-kritika espressa mill-kummentaturi dwar dan l-approċċ ġdid għall-“internazzjonalità” (38). Ċertament, ir-rieda li tiġi żgurata l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ min ifaħħar. F’dan ir-rigward, id-definizzjonijiet u l-interpretazzjoni mogħtija għal strument tal-Unjoni xi drabi jistgħu jiġu trasposti għal strument ieħor. Madankollu, dan ma huwiex dejjem il-każ. Hemm bżonn ta’ riżerva f’dan ir-rigward, peress li kunċetti simili jistgħu, f’kuntesti differenti, ikollhom (ħafna) tifsiriet differenti. Huwa biss meta jkun hemm prossimità suffiċjenti bejn is-sens u l-għanijiet ġenerali tal-istrumenti inkwistjoni li tali eżerċizzju jkun iġġustifikat. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Għalkemm ir-Regolament Brussell Ia u r-Regolament Nru 1896/2006 jaqgħu, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, il-prossimità tieqaf hawn.

38.      Minn naħa, ir-Regolament Nru 1896/2006 ġie adottat sabiex jiġu affrontati d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-kredituri li jfittxu li jirkupraw krediti mhux ikkontestati ta’ debituri fi Stati Membri oħra. Huwa intiż sabiex jissimplifika u jħaffef l-irkupru ta’ tali krediti, permezz tal-ħolqien ta’ proċedura uniformi li tippermetti lil kreditur jikseb, min-naħa ta’ qorti ta’ Stat Membru, deċiżjoni ġudizzjarja relatata ma’ tali kreditu, li tista’ tiġi eżegwita faċilment fl-Istat Membru fejn jinsabu l-beni tad-debitur, filwaqt li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża fl-Unjoni kollha (39). Id-definizzjoni ta’ “każ transkonfinali” mogħtija minn dan ir-regolament, ibbażata fuq id-domiċilji rispettivi tal-partijiet u s-sede tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, tirrispondi, f’dan il-kuntest, għal ċerta loġika. Meta l-partijiet ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat, ir-rimedji disponibbli mill-qrati ta’ dan l-Istat, skont id-dritt proċedurali tiegħu, huma ġeneralment suffiċjenti sabiex jiggarantixxu li l-kreditur jirkupra malajr il-kreditu tiegħu. Għaldaqstant, il-proċedura prevista minn dan ir-regolament ma hijiex neċessarja.

39.      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Brussell Ia għandu l-għan li jgħaqqad ir-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali. Din id-definizzjoni hija stretta wisq u, għaldaqstant, ma hijiex adattata għal dan l-għan. Kif spjegat fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq, jistgħu jqumu kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali anki meta l-partijiet fil-kawża jkunu ddomiċiljati fl-istess Stat Membru u l-kawża titressaq quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat (40). Barra minn hekk, dan l-istrument fih ukoll regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri. Sabiex ikunu effettivi, dawn ir-regoli għandhom japplikaw kull darba li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu obbligati jirrikonoxxu jew jeżegwixxu sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, anki fil-każ ta’ tilwima interna bejn żewġ persuni ddomiċiljati f’dan l-aħħar Stat (41). Din id-definizzjoni lanqas ma tapplika għal din is-sitwazzjoni.

40.      Minkejja dan, is-sentenzi Parking u Interplastics (42), Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria (43) u Inkreal (44) jistgħu jiġu rrikonċiljati mal-linja ta’ ġurisprudenza prinċipali, sakemm jinqraw kif ġej. Peress li l-kunċett ta’ “kawża transkonfinali”, kif iddefinit fir-Regolament Nru 1896/2006, huwa iktar strett mill-kunċett ta’ “element internazzjonali” użat għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia, jekk kawża tkun “transkonfinali”, fis-sens tal-ewwel regolament, allura, a fortiori, tkun “internazzjonali” għall-finijiet tat-tieni regolament. Madankollu, tilwima tista’ tkun “internazzjonali”, għalkemm ma tkunx tissodisfa d-definizzjoni ta’ “kawża transkonfinali”.

41.      Madankollu, sabiex tiġi evitata iktar inċertezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni “internazzjonali” tar-reġim ta’ Brussell, inħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja tastjeni, fil-futur, milli tirreferi għar-Regolament Nru 1896/2006 f’dan il-kuntest. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tispira ruħha minn, u tiżgura l-koerenza ma’, strumenti oħra dwar din il-kwistjoni, ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (45) (“Ruma I”) u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (46) (“Ruma II”) huma iktar rilevanti, kif ser naraw iktar ’il quddiem. Dawn l-istrumenti huma l-ekwivalenti tar-Regolament Brussell Ia fil-qasam tal-kunflitt tal-liġijiet u l-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu ried li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawn it-tliet regolamenti jiġi interpretat b’mod konsistenti (47).

2.      Iddestinazzjoni talvjaġġ hija “element internazzjonali” rilevanti

42.      Fid-dawl tal-ispjegazzjoni mogħtija fit-taqsima preċedenti, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li, kif issostni l-Kummissjoni, meta kawża li minn naħa, tikkonċerna partijiet fil-kawża ddomiċiljati fl-Istat Membru tal-qorti fejn titressaq il-kawża, iżda, min-naħa l-oħra, tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar konkluż għall-finijiet ta’ vjaġġ lejn pajjiż barrani, id-destinazzjoni tal-vjaġġ tikkostitwixxi “element internazzjonali” rilevanti, li jiskatta r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Brussell Ia (48).

43.      Il-post tad-destinazzjoni tal-vjaġġ huwa wkoll il-post fejn, skont il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, (il-parti l-kbira tas-) is-servizzi ġew jew kellhom jiġu pprovduti lill-vjaġġatur (it-titjira tinżel fil-qrib, il-lukanda tinsab hemmhekk, eċċ.). Fi kliem ieħor, dan il-kuntratt kien jew kellu jiġi eżegwit hemmhekk essenzjalment. Fil-fehma tiegħi, meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tiddeċiedi tilwima dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt u l-post ta’ eżekuzzjoni jkun jinsab f’pajjiż barrani, dan l-element huwa “ta’ natura li jqajjem kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti” (49). Rabta ta’ dan it-tip tista’ twassal għall-possibbiltà li l-qrati ta’ dan il-pajjiż jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża. F’dan ir-rigward, l-oġġezzjoni ta’ FTI, li fuq il-bażi tagħha din il-konnessjoni hija “purament fattwali” u mhux “normattiva” (irrispettivament minn dak li tfisser preċiżament din il-kelma) (50) tqajjem fija ċerti perplessitajiet. Fil-fatt, din ir-rabta “fattwali” hija preċiżament ir-raġuni għalfejn jista’ jiġi previst li l-qrati ta’ dan il-pajjiż jiddeċiedu l-kawża (peress li l-prossimità ġeografika tagħhom mal-post ta’ eżekuzzjoni tista’ tirriżulta prattika sabiex tiġi deċiża tali kawża, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir tal-provi rilevanti). Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-post ta’ eżekuzzjoni huwa, preċiżament għal din ir-raġuni, kap fakultattiv ta’ ġurisdizzjoni għat-tilwim kuntrattwali, fl-Unjoni, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell Ia (51), u f’ħafna Stati terzi (52).

44.      Is-sentenza Owusu tikkorrobora direttament din l-interpretazzjoni. Infakkar li, f’din il-kawża, A. Owusu, iddomiċiljat fir-Renju Unit (li dak iż-żmien kien Stat Membru), kien ikkonkluda kuntratt ta’ kiri ta’ villa għall-vaganzi fil-Ġamajka ma’ N. B. Jackson, ukoll iddomiċiljat fir-Renju Unit. A. Owusu kien vittma ta’ inċident traġiku hemmhekk, allegatament minħabba l-kundizzjonijiet perikolużi tal-post, u ħarrek lil N. B. Jackson għal ksur tal-kuntratt. Il-Qorti tal-Ġustizzja faċilment ikkunsidrat li l-kawża kien fiha “element internazzjonali” rilevanti għall-finijiet tar-reġim ta’ Brussell (53). Il-fatt li kien relatat mal- (nuqqas ta’) eżekuzzjoni ta’ kuntratt fil-Ġamajka kien biżżejjed f’dan ir-rigward, peress li dan il-fatt seta’ jwassal b’mod ċar għall-possibbiltà li l-qrati ta’ dan il-pajjiż jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu din il-kawża. Is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża hija simili.

45.      Fil-fehma tiegħi, tista’ ssir ukoll analoġija mar-Regolament Ruma I u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bħar-Regolament Brussell Ia fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, dan l-istrument jiddetermina l-liġi applikabbli għal kuntratt meta s-sitwazzjoni “[t]involv[i] konflitt tal-liġijiet” (54). F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-regoli tar-Regolament Ruma I japplikaw għal kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali li jkollha “element barrani”. Fil-fatt, huwa biss fejn kuntratt bħal dan ikollu rabtiet ma’ pajjiż wieħed (jew iktar) li ma huwiex (ma humiex) dak (dawk) tal-qorti fejn titressaq il-kawża li l-kuntratt potenzjalment jista’ jiġi rregolat minn u liġijiet nazzjonali kunfliġġenti u li qorti tistaqsi liema liġi għandha tiġi applikata għar-riżoluzzjoni tat-tilwima. Fuq il-bażi tal-istess ġurisprudenza, dan il-kunċett ta’ “element barrani” ma huwiex limitat għad-domiċilju rispettiv tal-partijiet kontraenti. Il-fatt li l-kuntratt għandu jiġi eżegwit f’pajjiż ieħor jikkostitwixxi tali “element” (55). Tali rabta manifestament “[t]involv[i] konflitt tal-liġijiet”. Il-qorti fejn titressaq il-kawża tista’ tikkunsidra l-possibbiltà li l-liġi tal-pajjiż ta’ eżekuzzjoni tapplika minflok tagħha (56). Għaldaqstant, ir-regoli ta’ dan ir-regolament huma neċessarji sabiex jiġi solvut dan il-kunflitt (57).

46.      Għall-kuntrarju ta’ dak li tagħti x’tifhem FTI, din l-interpretazzjoni ma hijiex, fil-fehma tiegħi, ikkontestata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Maletic (58), anki jekk nammetti li din tal-aħħar ħolqot ċerta inċertezza f’dan ir-rigward.

47.      F’din il-kawża, żewġ konsumaturi ddomiċiljati fl-Awstrija pprenotaw, mingħand organizzatur tal-vjaġġi stabbilit fl-istess Stat, pakkett tal-ivvjaġġar għall-Eġittu permezz tas-sit internet ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar stabbilita fil-Ġermanja. Wara kwistjoni li kienet tikkonċerna l-lukanda Eġizzjana tagħhom, il-vjaġġaturi ressqu kemm lill-aġent tal-ivvjaġġar kif ukoll lill-organizzatur tal-vjaġġi għal ksur tal-kuntratt quddiem il-qrati tal-post tad-domiċilju tagħhom, skont ir-regola tal-forum actoris (dak iż-żmien) stabbilita fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Brussell Ia. Il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk din ir-regola kinitx tapplika għall-organizzatur tal-vjaġġi, peress li kellu s-sede fl-istess stat bħall-konsumaturi.

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet li r-regola inkwistjoni kienet applikabbli fir-rigward taż-żewġ konvenuti, iżda, b’mod kruċjali, adottat raġunament kemxejn ikkumplikat f’dan ir-rigward. Hija ddeċidiet li “fil-fatt, anki jekk operazzjoni waħda, bħal dik li wettqu [il-konsumaturi] li pprenotaw u ħallsu l-vjaġġ kollox inkluż tagħhom minn fuq is-sit tal-internet [tal-aġent tal-ivvjaġġar], tista’ tinqasam f’żewġ relazzjonijiet kuntrattwali distinti, min-naħa waħda, mal-aġenzija tal-ivvjaġġar online [...] u, min-naħa l-oħra, l-organizzatur tal-vjaġġi [...], din ir-relazzjoni kuntrattwali tal-aħħar ma tistax tiġi kklassifikata bħala ‘purament interna’ peress li hija marbuta b’mod inseparabbli mal-ewwel relazzjoni kuntrattwali, li seħħet permezz tal-intervent tal-imsemmija aġenzija tal-ivvjaġġar fi Stat Membru ieħor” (59).

49.      Diversi kummentaturi enfasizzaw in-natura ikkonvoluta ta’ dan ir-raġunament u kienu perplesssi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma semmietx id-destinazzjoni barranija tal-vjaġġ, peress li dan l-element kien jindika, b’mod evidenti, n-natura internazzjonali tal-kawża (60). Madankollu, fil-fehma tiegħi, s-silenzju tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt ma għandux jiġi interpretat bħala li jimplika li dan il-fattur ma jikkostitwixxix, fil-fehma tagħha, “element internazzjonali” rilevanti. Hemm spjegazzjoni sempliċi tar-raġunijiet li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonċentrat minflok fuq in-natura “inseparabbli” tar-rabtiet li jeżistu bejn il-konsumaturi, l-aġenzija tal-ivvjaġġar u l-organizzatur tal-vjaġġi. Fir-realtà, kienu jeżistu żewġ kwistjonijiet distinti dwar l-applikazzjoni tar-regola tal-forum actoris għall-konsumaturi f’din il-kawża, jiġifieri (i) jekk it-talbiet imressqa kontra ż-żewġ konvenuti kinux ta’ natura “internazzjonali” ; u (ii) jekk kull waħda minnhom setgħetx titqies bħala l-“parti l-oħra fil-kuntratt” għall-finijiet ta’ din ir-regola (61). Bir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta wiesgħa għaż-żewġ kwistjonijiet: skont din ir-regola kienet teżisti biss relazzjoni kuntrattwali internazzjonali waħda, u l-aġent tal-ivvjaġġar u l-organizzatur tal-vjaġġi, bħala ““parti[jiet] l-oħra” għal din ir-relazzjoni, setgħu jitressqu flimkien quddiem il-qrati tad-domiċilju tal-konsumaturi. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għad-destinazzjoni tal-vjaġġ kien isolvi l-ewwel domanda, iżda kien iħalli t-tieni waħda miftuħa. Għaldaqstant, din hija r-raġuni li għaliha l-Qorti Ġenerali ma “mmobilizzatx” dan il-fattur fid-deċiżjoni tagħha.

50.      Lanqas ma jien konvint mill-argument tal-Gvern Ċek li l-interpretazzjoni ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet twassal għat-tressiq mhux mistenni tal-operaturi tal-vjaġġi quddiem il-qrati tad-domiċilju tal-klijenti tagħhom, li jmur kontra l-għan tal-prevedibbiltà mfittex fir-Regolament Brussell Ia. Huwa ċar li negozju attiv fis-settur internazzjonali bħat-turiżmu jista’ “raġonevolment jipprevedi” li jista’ jkun suġġett għal reġim ġurisdizzjonali mfassal għal tilwim ta’ natura internazzjonali meta jorganizza u jbigħ vjaġġ lejn pajjiżi barranin (62).

51.      Bħala konklużjoni, nixtieq nippreċiża li ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li ssir distinzjoni skont jekk it-talba tal-vjaġġatur tkunx tikkonċerna speċifikament inċident li huwa ġarrab fil-post ta’ destinazzjoni tal-vjaġġ (b’analoġija sħiħa mas-sentenza Owusu), il-kmamar tal-lukanda ta’ livell baxx f’dan il-post jew, bħal fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-vjaġġatur qatt ma għamel il-vjaġġ tiegħu minħabba li ma ġiex informat li kellu bżonn viża jew għaliex qatt ma rċieva l-biljett tal-ajru tiegħu (eċċ.). Għalkemm ir-rabta bejn it-talba u l-pajjiż barrani tista’ tkun iktar b’saħħitha f’ċerti każijiet milli f’oħrajn, infakkar li l-evalwazzjoni dwar jekk tilwima għandha “element internazzjonali” ma għandhiex tiġi kkumplikata żżejjed (ara l-punt 31 iktar ’il fuq). Ma huwiex neċessarju li l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha titressaq il-kawża twettaq analiżi fil-fond tal-mertu tat-talba sabiex tiddeċiedi tali sempliċi kwistjoni. Kull kawża li tinvolvi talba ta’ vjaġġatur kontra organizzatur tal-vjaġġi fir-rigward ta’ problemi, tkun xi tkun in-natura preċiża tagħhom, imġarrba minn dak tal-ewwel fil-kuntest ta’ vjaġġ barra mill-pajjiż, organizzat u mibjugħ bħala “pakkett” mit-tieni wieħed, għandha titqies li hija internazzjonali għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq. Id-destinazzjoni tal-vjaġġ hija fattur faċli biex jiġi vverifikat u tagħmel ir-reġim ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għall-partijiet prevedibbli, kif spjegat fil-punt preċedenti.

3.      La lkliem u lanqas lgħan tatTaqsima 4 ma jeħtieġu interpretazzjoni differenti

52.      Kuntrarjament għal dak li ssostni FTI, l-interpretazzjoni ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet ma hijiex ikkontestata mill-fatt li r-regola tal-forum actoris prevista fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia, bħala dispożizzjoni eċċezzjonali, għandha tiġi interpretata b’mod strett (63).

53.      Qabelxejn, infakkar li r-rekwiżit (impliċitu) ta’ “element internazzjonali”, li jinsab fil-qalba ta’ din il-kawża, jiddefinixxi b’mod ġenerali l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit, strettament, jaqa’ taħt l-Artikolu 1(1) (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), u mhux taħt l-Artikolu 18(1) tiegħu. Loġikament, huwa għandu jitkejjel bl-istess kejl bħar-regoli kollha ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament, indipendentement min-natura tad-dispożizzjoni speċifika inkwistjoni (64).

54.      Apparti dan il-kumment preliminari, huwa ċar għalija li l-interpretazzjoni tar-rekwiżit fis-sens li r-regola tal-forum actoris prevista fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia japplika għall-kawżi li jinvolvu konsumatur u fornitur ddomiċiljati fl-istess Stat fir-rigward ta’ kuntratt li ġie jew li kellu jiġi eżegwit fi Stat ieħor, ma jikkontradixxix il-kliem tat-Taqsima 4.

55.      Filwaqt li nibda mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia, infakkar li dan tal-aħħar jeżiġi, għall-applikazzjoni tat-Taqsima 4, li kuntratt jiġi konkluż bejn konsumatur u fornitur u li dan il-kuntratt jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-punti (a) sa (c) ta’ din id-dispożizzjoni. Il-punti (a) u (b) jirrigwardaw tipi ta’ kuntratti (il-kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti li jitħallsu bin-nifs u l-kuntratti ta’ kreditu rispettivament), mingħajr ebda riferiment għad-domiċilju rispettiv tal-partijiet kontraenti. Il-punt (c) jeħtieġ, għal kwalunkwe kuntratt ieħor (inkluż, għalhekk, il-kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar), li l-fornitur ikun persuna li “tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk”. Fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ma hemm xejn li jindika, jew tal-inqas li jimplika li l-konsumatur u l-fornitur għandhom neċessarjament ikunu ddomiċiljati fi Stati differenti (65). Huwa evidenti li fornitur jista’ jkun persuna li “tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur” filwaqt li jkollu s-sede f’dak il-pajjiż.

56.      It-tieni nett, il-kliem tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia ma jillimitax ir-regola tal-forum actoris għal kawżi fejn il-konsumatur u n-negozjant ikunu ddomiċiljati fi Stati differenti. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tippreċiża li r-regola inkwistjoni tapplika “irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra”. Jiena konxju sew li, kif tenfasizza FTI, iż-żieda ta’ dawn il-klawżoli kellha l-għan li tippermetti lill-konsumaturi jinvokaw din ir-regola kontra fornituri ddomiċiljati fi Stati terzi (66). Jibqa’ l-fatt li, kif tirrileva l-Kummissjoni, dan il-kliem huwa wiesgħa biżżejjed sabiex ikopri wkoll is-sitwazzjoni li fiha l-fornitur huwa ddomiċiljat fl-istess Stat Membru bħall-konsumatur.

57.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Brussell Ia, li jimponi limiti fuq l-użu ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti fil-qasam tal-konsumaturi, jippermetti espressament tali ftehimiet meta jiġu konklużi bejn konsumatur u fornitur “li t-tnejn li huma filwaqt tal-konklużjoni tal-kuntratt ikunu domiċiljati jew ikunu abitwalment residenti fl-istess Stat Membru”, taħt ċerti kundizzjonijiet (ara t-tielet paragrafu tal-artikolu). Ovvjament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-possibbiltà li r-regoli stabbiliti fit-Taqsima 4, inkluż l-Artikolu 18(1), japplikaw anki f’dan il-każ (sakemm il-kawża jkun fiha element internazzjonali rilevanti ieħor).

58.      L-applikazzjoni tar-regola tal-forum actoris stabbilita fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia għal kawżi fejn il-konsumatur u l-fornitur ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat, iżda l-kuntratt inkwistjoni ġie jew kellu jiġi eżegwit f’pajjiż ieħor, lanqas ma jmur lil hinn minn dak li jirrikjedi l-għan speċifiku tat-Taqsima 4.

59.      Infakkar li r-regoli tat-Taqsima 4 huma intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumatur, bħala l-parti meqjusa ekonomikament iktar dgħajfa u legalment b’inqas esperjenza mill-fornitur (67). B’mod partikolari, ir-regola tal-forum actoris inkwistjoni tagħmel dan billi tiffaċilita (ħafna) l-aċċess tal-konsumatur għall-ġustizzja, b’tali mod li ma jkunx skoraġġut milli jinvoka d-drittijiet tiegħu (68).

60.      F’dan ir-rigward, FTI ssostni, abbażi tal-pożizzjoni dominanti esposta iktar ’il fuq, li l-uniku każ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jevita b’din ir-regola, kien li l-konsumatur ikun kostrett iressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Il-leġiżlatur ried jipproteġi lill-konsumatur mill-issuġġettar għal sistema legali barranija, li topera b’lingwa possibbilment mhux magħrufa minnu, kif ukoll mid-“distanza twila” li tista’ tissepara lil dan il-konsumatur minn dawn il-qrati barranin. Din il-protezzjoni speċjali ma hijiex ġustifikata meta l-konsumatur u l-fornitur ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat. F’dan il-każ, il-qrati ta’ dan l-Istat neċessarjament ikollhom ġurisdizzjoni.

61.      Fil-fehma tiegħi, filwaqt li l-iskoraġġament tal-konsumatur milli jinvoka d-drittijiet tiegħu minħabba d-diffikultajiet inerenti fit-tressiq ta’ azzjoni kontra fornitur f’pajjiż barrani huwa manifestament ix-xenarju prinċipali (69) li l-leġiżlatur kellu f’moħħu, huwa ma huwiex l-uniku xenarju. Li kieku dan kien il-każ, il-leġiżlatur kien ikun illimita ruħu li jippermetti lill-konsumatur iressaq kawża quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih huwa ddomiċiljat. Il-fatt li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell 1a jmur pass ieħor, u jippermetti lill-konsumatur li jressaq kawża quddiem il-qorti speċifika tad-domiċilju tiegħu, juri li l-awturi kienu mħassba dwar il-fatt li l-konsumatur seta’ jkun skoraġġut ukoll milli jressaq kawża jekk il-qorti kompetenti, filwaqt li tinsab fl-Istat Membru li fih huwa jirrisjedi, ma kinitx dik tad-domiċilju tiegħu. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat f’kuntest differenti (70), id-distanzi li jisseparaw lill-konsumatur mill-qorti kompetenti jistgħu jkunu wkoll “twal” anki fi Stat Membru (pereżempju, jekk il-qorti tad-domiċilju tal-fornitur tkun tinsab f’belt imbiegħda), u xi drabi iktar milli bejn żewġ Stati Membri (71), fatt li jista’ jagħmilha diffiċli sabiex il-konsumatur jidher fil-qorti (72). Huwa ċar li l-leġiżlatur kellu wkoll l-intenzjoni li jevita tali sitwazzjoni.

62.      L-oġġezzjoni ta’ FTI li r-regoli proċedurali tal-Istati Membri mhux dejjem jeżiġu li l-konsumatur jippreżenta ruħu personalment jew xi drabi jippermettu seduta mill-bogħod, b’tali mod li tali inkonvenjenza tista’ fil-prattika ma sseħħx, ma hijiex konvinċenti. Wieħed jista’ joġġezzjona wkoll li, abbażi ta’ dawn ir-regoli proċedurali, il-qorti kompetenti xi kultant tkun tinsab relattivament qrib id-domiċilju tal-konsumatur (73). Madankollu, f’każijiet oħra, il-konsumatur jista’ jkollu jidher personalment u l-qorti kompetenti tista’ tkun ’il bogħod. Bl-istess mod, kieku l-konsumatur kellu jressaq kawża fi Stat Membru ieħor, jista’ jagħti l-każ li jkun jaf il-lingwa u jkollu għarfien tal-proċess tal-qrati tiegħu, li jista’ jkun ukoll viċin tiegħu. Għall-kuntrarju, f’sitwazzjonijiet oħra, il-proċess kollu jista’ jkun kompletament barrani għall-konsumatur. Fl-aħħar nett, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikazzjoni tar-regola tal-forum actoris prevista fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia ma tistax tiddependi fuq evalwazzjoni każ b’każ tad-diffikultajiet prattiċi li l-konsumatur effettivament jiltaqa’ magħhom f’dan il-każ. Inkella, l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola ma jkunx prevedibbli. Dawn id-diffikultajiet huma preżunti li jeżistu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet u huma ttrattati kif xieraq.

V.      Konklużjoni

63.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Amtsgericht Nürnberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürnberg, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, moqrija flimkien,

għandhom jiġi interpretat fis-sens li

ir-regola ta’ ġurisdizzjoni favur il-qrati tad-domiċilju tal-konsumatur stabbilita fit-tieni dispożizzjoni hija applikabbli għal kawża mressqa minn konsumatur iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru kontra organizzatur tal-vjaġġi ddomiċiljat fl-istess Stat, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar konkluż bl-għan ta’ vjaġġ lejn pajjiż barrani. Din ir-regola tagħti lil dawn il-qrati ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll territorjali, mingħajr riferiment għar-regoli tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali fis-seħħ f’dan l-Istat Membru.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 351, p. 1).


3      “Pakkett tal-ivvjaġġar” tfisser kombinazzjoni ta’ mill-inqas żewġ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar (bħal pereżempju titjira u akkomodazzjoni) għall-iskop tal-istess vjaġġ, ġeneralment mixtri minn punt uniku ta’ bejgħ u/jew mibjugħ bi prezz inklużiv jew reklamat bħala “pakkett” (ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015 L 326, p. 1) (id-“Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar”)).


4      Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispjegax dak li ġara fir-rigward ta’ JX. Ovvjament, jekk ma kellux il-viża meħtieġa, ma wasalx għad-destinazzjoni tal-btala tiegħu.


5      Ara Latil, C., “L’exécution défectueuse du contrat de vente de voyages à forfait en droit international privé”, Revue critique de droit international privé, 2017, p. 199.


6      Ara l-Artikolu 5(1)(f) tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar.


7      Ara l-punti 5, 6 u 9 iktar ’il fuq.


8      Ara, inter alia, Mankowski, P., Nielsen, P. A., “Article 18”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., Brussels Ibis Regulation – Commentary, Otto Schmidt, Köln, 2016, p. 512 sa 513, § 10, u Dickinson, A., Lein, E., The Brussels I Regulation Recast, Oxford University Press, Oxford, 2015, § 6.67. Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2007, Color Drack (C‑386/05, EU:C:2007:262, punt 30); tal‑15 ta’ Lulju 2021, Volvo et (C‑30/20, EU:C:2012:604, punt 33); u tat‑30 ta’ Lulju 2022, Allianz Elementar Versicherung (C‑652/20, EU:C:2022:514, punt 38).


9      Il-Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, COM(99) 348 final (ĠU 1999, C 376E, p. 1), memorandum ta’ spjegazzjoni, p. 17.


10      See, inter alia, Mankowski, P., Nielsen, P. A., op. cit., p. 512 sa 513, § 10. Ara wkoll l-punt 61 iktar ’il quddiem.


11      Dan huwa l-każ anki meta t-talba ma tkunx ibbażata fuq il-kuntratt tal-konsumatur per se, iżda fuq il-ksur ta’ obbligu impost mil-liġi (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Fil-fatt, huwa biżżejjed li din it-talba tkun inħolqot fil-kuntest ta’ tali kuntratt (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, Gabriel (C‑96/00, EU:C:2002:436), punt 58).


12      Ara l-punt 55 iktar ’il quddiem. Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Brussell 1a, jeskludi l-kuntratti ta’ trasport mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 4, din l-esklużjoni ma tikkonċernax il-kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar.


13      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-reġim, din id-dispożizzjoni tippreċiża biss li hija tapplika għal “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”.


14      Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, (C‑281/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza Owusu”, EU:C:2005:120). Din is-sentenza tikkonċerna l-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1978, L 304, p. 36), li sussegwentement ġiet issostitwita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li min-naħa tiegħu ġie ssostitwit bir-Regolament Brussell Ia. Madankollu, għandha tiġi żgurata kontinwità fl-interpretazzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim ta’ ġurisdizzjoni previst minn dawn l-istrumenti (ara, inter alia, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova (C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 29)). Għaldaqstant, f’dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi għad-deċiżjonijiet dwar dawn l-istrumenti mingħajr ma nagħmel distinzjoni bejniethom.


15      Ara, inter alia, is-sentenzi Owusu (punti 25 u 26); tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 39); u tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova (C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 27). Ara wkoll, b’mod impliċitu, il-premessi 3 u 26 tar-Regolament Brussell Ia. Ara wkoll, ir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, ippreparat minn P. Jenard (ĠU 1979 C 59, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Jenard”), p. 8. Fis-sentenza Owusu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat wkoll li l-kawża ma għandhiex bżonn tinvolvi żewġ Stati Membri. In-natura internazzjonali tar-relazzjoni inkwistjoni tista’ tirriżulta minn rabtiet ma’ pajjiż terz (ara l-punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza).


16      Irrid nenfasizza li, kuntrarjament għal dak li jimplika l-Gvern Ċek, meta, bħal f’dan il-każ, partijiet fil-kawża jikkontestaw biss il-kwistjoni dwar liema qorti, fi ħdan Stat Membru, għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, ir-regola tal-forum actoris għall-konsumatur tista’ tintuża perfettament sabiex issolvi tali kunflitt ta’ ġurisdizzjoni territorjali, bil-kundizzjoni li l-kawża tkun tinkludi “element internazzjonali”.


17      Din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ mill-inqas ħames rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qrati Ġermaniżi. Żewġ kawżi (C‑317/20 u C‑62/22) ġew irtirati qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni. Żewġ kawżi (C‑108/23 u C‑648/23) huma pendenti u ġew sospiżi sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni f’din il-kawża.


18      Il-konsumaturi ġeneralment jixtru vjaġġi mingħand organizzatur tal-vjaġġi lokali (ara Latil, C., op. cit.).


19      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et (C‑821/21, EU:C:2023:672, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara, inter alia, is-sentenzi Owusu (punt 26); tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745, punti 30 u 35); u tat‑8 ta’ Settembru 2022, Irnova (C‑399/21,  EU:C:2022:648, punt 28).


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745, punti 32 u 33). Ara wkoll Rogerson, P., “Article 1”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 59, punt 6. Għalhekk, mhux kull rabta ma’ pajjiż barrani jikkostitwixxi element internazzjonali. L-element inkwistjoni jrid ikun suffiċjentement sinjifikattiv sabiex iwassal għal tali kwistjonijiet.


22      Sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni ta’ dan l-istrument.


23      Ara l-premessa 15 tar-Regolament Brussell Ia.


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Dan jista’ jkun eżerċizzju diffiċli u kontenzjuż meta l-pajjiż inkwistjoni ma jkunx Stat Membru u, għalhekk, ir-Regolament Brussell Ia ma japplikax.


26      Ara, inter alia, is-sentenzi Owusu (punt 26), u tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova (C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 28). Ara wkoll ir-rapport Jenard, p. 8, u Mankowski, P. u Nielsen, P. A., “Introduction to Articles 17-19”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 448, punti 23 u 24.


27      Ara s-sentenzi Owusu (punt 26), u tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 3), u Hartley, T., op. cit., punt 2.05.


28      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-prossimità ta’ dawn il-qrati mal-fatti rilevanti, l-interess leġittimu ta’ Stati sabiex jagħtu deċiżjoni dwar delitti mwettqa fit-territorju tagħhom, is-sovranità tradizzjonali tal-Istati sabiex jikkontrollaw it-territorju fil-konfini tagħhom, eċċ.


29      L-Artikolu 24(1) tar-Regolament Brussell 1a jirreferi wkoll b’mod espress għall-każ fejn il-partijiet huma ddomiċiljati fl-istess Stat, filwaqt li l-proprjetà immobbli tinsab fi Stat ieħor.


30      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022 (C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 28).


31      Peress li “l-għoti ta’ [...] privattiva huwa eżerċizzju tas-sovranità nazzjonali” (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża “BSH Hausgeräte (C‑339/22, EU:C:2024:159, punti 60 u 61 u r-referenzi).Għalhekk, huwa biss meta l-partijiet ikunu ddomiċiljati fl-istess Stati, il-kawża titressaq quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat, u l-elementi kollha raġonevolment rilevanti għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni jkunu jinsabu f’dan l-Istat, li r-reġim ta’ Brussell ma japplikax, peress f’dan il-każ ma jistax ikun hemm kunflitt internazzjonali ta’ ġurisdizzjoni li għandu jiġi ttrattat. Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, EPIC Financial Consulting (C‑274/21 u C‑275/21, EU:C:2022:565, punti 56 sa 59). Ara wkoll Briggs, A. Civil Jurisdiction and Judgments, Informa Law, Oxon, 2015, is-sitt edizzjoni, p. 56, u Hartley, T. op. cit., punti 2.02 u 2.03.


32      Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020 (C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351).


33      Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021 (C‑280/20, EU:C:2021:443).


34      Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024 (C‑566/22, EU:C:2024:123).


35      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 399, p. 1), Artikolu 3(1).


36      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Parking u Interplastics (C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351, punti 27 sa 36).


37      Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Inkreal (C‑566/22, EU:C:2024:123, punti 19 sa 24).


38      Ara, inter alia, Nuyts, A., “Chronique de DIP”, Journal de droit européen, 2023, Nru 74, u Pailler, L., “Commentaire de CJUE, 7 mai 2020, aff. C‑267/19 et C‑323/19”, Journal du droit international (Clunet), 2021.


39      Ara l-premessi 4 sa 10 u l-Artikolu 1(1) u Artikoli 18 sa 22 tar-Regolament 1896/2006.


40      Kieku r-Regolament Brussell Ia ma kienx japplika f’din l-ipoteżi, dan kien iċaħħad lil uħud mir-regoli tiegħu mill-effettività tagħhom. B’mod partikolari, l-Artikolu 24 jagħti, f’ċerti materji, ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati ta’ Stat Membru partikolari, anki meta l-partijiet ikunu ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor. Meta minkejja l-Artikolu 24, il-kawża titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn il-partijiet ikollhom id-domiċilju tagħhom, din ir-regola għandha evidentement tapplika u dawn il-qrati jirrifjutaw il-ġurisdizzjoni.


41      Il-kreditur f’tali tilwima ‘interna’ jista’ jitlob li s-sentenza mogħtija mill-qrati lokali tiegħu tiġi rrikonoxxuta/eżegwita fi Stat Membru ieħor li fih, pereżempju, id-debitur ikun ċaqlaq l-assi tiegħu.


42      Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020 (C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351).


43      Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021 (C‑280/20, EU:C:2021:443).


44      Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024 (C‑566/22, EU:C:2024:123).


45      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU 2008 L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87) (iktar ’il quddiem “Ruma I”).


46      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 (ĠU 2007, L 199, p. 40), (iktar ’il quddiem “Ruma II”).


47      Ara l-premessa 7 tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II.


48      Ara, inter alia, Cour de cassation (Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), 5 ta’ Novembru 2008, Nru 07-18.064, FR:CCASS:2008:C101090; Mankowski, P., Nielsen, P. A., “Introduction to Articles 17-19”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 448, § 23 u 24; Latil, C., op. cit.; Ancel, M.‑E., “Commerce électronique-Un an de droit international privé du commerce électronique”, Communication Commerce électronique, 2014, Nru 1; Bogdanov, S., “Arrêt Maletic: un pas supplémentaire dans la protection des consommateurs face au commerce électronique des voyages à forfait”, European Journal of Consumer Law, 2015, p. 433 sa 442, spec. p. 439; Chalas, C.,“Compétence en matière de contrat conclu avec une agence de voyages”, Revue critique de droit international privé, 2014, p. 639.


49      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour f’Inkreal (C‑566/22, EU:C:2023:768, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      FTI tirreferi għar-raġunament adottat minn ċerti qrati Ġermaniżi li kull nuqqas fl-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, inkluż f’pajjiż barrani, jipproduċi effett biss fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali purament interna li kienet teżisti qabel. Il-fatt li l-post ta’ eżekuzzjoni jinsab barra mill-pajjiż huwa sempliċiment konsegwenza ta’ din ir-relazzjoni u ma jaffettwax in-natura tagħha. B’kull rispett, fil-fehma tiegħi, in-natura internazzjonali ta’ relazzjoni, għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia, għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-test wiesa’ u prammatiku stabbilit fil-punt 30 iktar ’il fuq, u mhux abbażi ta’ tali raġunament ikkonvolut.


51      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof (C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ċek, il-fatt li l-post ta’ eżekuzzjoni ma jikkostitwixxix, skont ir-Regolament Brussell Ia, kap ta’ ġurisdizzjoni għas-subkategoriji speċifiċi ta’ kuntratti li jaqgħu taħt it-Taqsima 4 huwa irrilevanti. Il-kwistjoni dwar jekk kawża hijiex ta’ natura li tqajjem kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali ma għandhiex tiġi konfuża mar-risposta li r-regolament jagħti għal dawn id-domandi f’dan il-każ (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745, punt 33)). Kif ġie indikat fil-punt 33 iktar ’il fuq, ir-regoli tar-regolament jikkontribwixxu sabiex tiġi ddeterminata n-natura internazzjonali ta’ kawża biss sa fejn dawn jikkonfermaw li ċerti fatturi ta’ konnessjoni huma kapijiet ta’ ġurisdizzjoni plawżibbli u jistgħu, bħala tali, iwasslu għall-possibbiltà li qrati barranin jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża. Il-post tat-twettiq jaqa’ taħt din il-kategorija. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax dan il-kap għal ċerti kuntratti konklużi mill-konsumaturi ma jbiddel xejn f’dan ir-rigward. L-argument tal-Gvern Ċek jista’ jwassal ukoll għar-riżultat stramb li fih l-istess kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jitqies bħala “intern” meta jiġi konkluż minn konsumatur u jaqa’ għalhekk taħt it-Taqsima 4, iżda “internazzjonali”, meta jiġi konkluż minn vjaġġatur li jaġixxi għall-bżonnijiet tal-attività professjonali tiegħu u jaqa’ taħt l-Artikolu 7(1).


52      Hartley, T., op. cit., § 7.06. Sa fejn l-oġġezzjoni ta’ FTI hija intiża li tfisser li tali kawża għandha rabta eqreb mal-Istat Membru tad-domiċilju taż-żewġ kontraenti, nirrileva li, għalkemm dan jista’ jkun minnu, huwa irrilevanti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni tan-natura internazzjonali. Dak li huwa importanti, f’dan ir-rigward, hija l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mal-pajjiż ta’ destinazzjoni barrani li huwa potenzjalment rilevanti għall-ġurisdizzjoni, u mhux is-saħħa relattiva tar-rabtiet li l-kawża għandha ma’ pajjiżi differenti.


53      Ara s-sentenza Owusu (punt 26).


54      Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma I. Ara, b’mod simili, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma II.


55      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Diamond Resorts Europe et (C‑632/21, EU:C:2023:671, punti 51 sa 53).


56      Ara Calster (van), G., European Private International Law, Hart Publishing, Oxford, 2016, p. 240.


57      Il-post tal-eżekuzzjoni huwa element ta’ rabta rilevanti għaliex Stat jista’ raġonevolment ikun irid jirregola l-kuntratti eżegwiti fit-territorju tiegħu. Huwa espressament previst taħt diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I (ara, inter alia, l-Artikolu 5(1), Artikolu 5(2)(d) u (e), Artikolu 6(4)(a), Artikolu 8(2), Artikolu 9(3)). Għal darba oħra, il-fatt li tali kuntratt jista’ jitqies li għandu rabtiet eqreb mal-post ta’ residenza komuni tal-partijiet, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, ma huwiex rilevanti sabiex tiġi ddeterminata, minn qabel, in-natura internazzjonali tas-sitwazzjoni. Dak li huwa importanti, f’dan ir-rigward, hija l-eżistenza ta’ rabta ma’ pajjiż barrani li tista’ tkun rilevanti għall-finijiet tal-għażla tal-liġi, u mhux is-saħħa relattiva tar-rabtiet ma’ pajjiżi differenti.


58      Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013 (C‑478/12, EU:C:2013:735).


59      Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Maletic (C‑478/12, EU:C:2013:735, punt 29).


60      Ara l-letteratura msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48 iktar ’il fuq.


61      Fil-fatt, il-konsumaturi ma jistgħux jinvokaw ir-regola tal-forum actoris sabiex iressqu azzjoni kontra parti terza fil-kuntratt konkluż mill-konsumatur (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).


62      Lanqas ma nara għaliex din tkun tikkostitwixxi differenza fit-trattament mhux iġġustifikata jekk l-istess organizzatur tal-vjaġġi Ġermaniż seta’ jitressaq mill-istess konsumatur Ġermaniż quddiem qorti differenti fil-Ġermanja skont jekk it-tilwima tkunx tikkonċerna kuntratt tal-ivvjaġġar lejn Berlin (il-Ġermanja) jew kuntratt tal-ivvjaġġar lejn pajjiż barrani, kif jissuġġerixxi l-Gvern Ċek. Evidentement, din id-differenza fit-trattament tirriżulta mid-differenza fir-reġim ġudizzjarju applikabbli għal dawn iż-żewġ kuntratti, li min-naħa tagħha hija ġġustifikata mill-fatt li n-natura internazzjonali tat-tieni kuntratt hija tali li tqajjem kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni li l-ewwel kuntratt ma jistax iqajjem.


63      Ir-reġim ta’ Brussell huwa, f’partijiet oħra, “ostili” fir-rigward tal-forum actoris (ara, inter alia, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 33)).


64      Ara, għall-istess opinjoni, Mankowski, P., Nielsen, P. A., “Introduction to Articles 17‑19”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 448, § 23.


65      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Commerzbank (C‑296/20, EU:C:2021:784, punti 42 sa 44).


66      Ara Dickinson, A., u Lein, E., op. cit., § 6.68; Hartley, T., op. cit., § 11.12.


67      Ara l-premessa 18 tar-Regolament Brussell Ia.


68      Ara, inter alia, Dickinson, A., u Lein, E., op. cit., § 6.56 u 6.64.


69      Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et (C‑821/21, EU:C:2023:672, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


70      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punti 22 u 23).


71      Il-Kummissjoni tagħti l-eżempju ta’ konsumatur iddomiċiljat f’Passau (il-Ġermanja) u li għandu jibda proċedura f’Flensburg (il-Ġermanja) (madwar 10 sigħat bogħod bil-karozza), filwaqt li kieku kellu jibda proċedura f’Linz (l-Awstrija), dan ikun sagħtejn bogħod.


72      Ċertament, din il-protezzjoni kienet intiża wkoll sabiex tħeġġeġ lill-konsumatur jikkonsma lil hinn mill-fruntieri tal-Istat tiegħu stess, fi ħdan is-suq intern (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’Commerzbank (C‑296/20, EU:C:2021:733, punt 26)). Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tkun limitata għal dan ix-xenarju (kif muri mill-fatt li din tapplika għal fornituri minn Stati terzi). Din kellha l-għan, b’mod ġenerali, li tipproteġi lill-konsumaturi fil-kuntratti internazzjonali.


73      Fil-fatt, dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, peress li Nürnberg hija sagħtejn ’il bogħod minn München bil-karozza.