Language of document : ECLI:EU:C:2024:221

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fis‑7 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C63/23

Sagrario,

Joaquín,

Prudencio

vs

Sudelegación del Gobierno en Barcelona,

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-immigrazzjoni – Dritt għal riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 15(3) – Għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ ‘ċirkustanzi partikolarment diffiċli’ – Kundizzjonijiet – Artikolu 17 – Eżami individwalizzat – Dritt tal-membri tal-familja ta’ sponsor li jinstemgħu qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza tagħhom – Smigħ ta’ minuri”






I.      Daħla

1.        F’din il-kawża, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona, Spanja) tagħmel diversi domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (2).

2.        Skont din id-dispożizzjoni, Stat Membru huwa meħtieġ jagħti permess ta’ residenza awtonomu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ sponsor (3), meta jkunu f’“ċirkustanzi partikolarment diffiċli”. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw tali ċirkustanzi u titlobha, barra minn hekk, tispeċifika l-arranġamenti proċedurali li skonthom dawn iċ-ċittadini jistgħu jistabbilixxu li qegħdin f’tali ċirkustanzi.

3.        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn omm u żewġt itfal minuri tagħha, li għandhom permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, u s-Subdelegación del Gobierno en Barcelona (is-Sottodelegazzjoni tal-Gvern f’Barcelona, Spanja). Din irrifjutat li tagħtihom “permess ta’ residenza fit-tul għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja” u għalhekk li jġeddu l-permess ta’ residenza tagħhom, minħabba r-rifjut tal-għoti ta’ permess ta’ residenza fit-tul lill-missier, l-isponsor (4). Huwa fil-kuntest tal-azzjoni ġudizzjarja li ppreżentaw kontra din id-deċiżjoni, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali mbagħad applikaw għal permess ta’ residenza awtonomu skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86.

4.        Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iċ-ċirkustanzi tar-rikorrenti fil-proċedimenti prinċipali jistgħux jitqiesu bħala “partikolarment diffiċli”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, fuq il-bażi li jinvolvu wlied minuri jew li l-membri tal-familja jitilfu l-permess ta’ residenza tagħhom għal raġunijiet li ma humiex fil-kontroll tagħhom.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet għaliex nikkunsidra li l-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi waħedha ma hija biżżejjed biex turi l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”. Fil-fatt, inqis li tali kundizzjoni tirrikjedi li jiġi stabbilit li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati jkollhom iħabbtu wiċċhom, minħabba fatturi relatati mal-familja, ma’ ċirkustanzi li huma, min-natura tagħhom, ta’ livell għoli ta’ gravità jew tbatija jew li jesponuhom għal livell għoli ta’ prekarjetà jew vulnerabbiltà, u joħolqu fihom ħtieġa reali għal protezzjoni li tiġi żgurata mill-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu. F’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju ma jidhirlix li għandhom dawn il-karatteristiċi.

6.        Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-garanziji proċedurali disponibbli għall-membri tal-familja u, b’mod partikolari, għall-ulied minuri, qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ rifjut tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tagħhom kif ukoll il-mezzi disponibbli għalihom biex juru l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” għall-finijiet tal-kisba ta’ permess ta’ residenza awtonomu.

7.        F’dan ir-rigward, ser nispjega r-raġunijiet għaliex l-awtorità kompetenti nazzjonali, qabel ma tadotta tali deċiżjoni, trid twettaq eżami individwalizzat tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza, skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, li matulu l-membri tal-familja kkonċernati jkollhom l-opportunità li jippreżentaw, b’mod utli u effettiv, l-informazzjoni kollha li jqisu rilevanti dwar iċ-ċirkustanzi tagħhom. Ser inżid ukoll li, f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, meta l-applikazzjoni ssir minn ulied minuri, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipprovdu lil dak il-minuri b’opportunità reali u effettiva li jinstema’, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-età jew il-grad ta’ maturità tiegħu.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni Ewropea

1.      IdDirettiva 2003/86

8.        Id-Direttiva 2003/86 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom jiġi eżerċitat id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja li minnu jibbenefikaw iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

9.        Il-premessi 2, 4, 6, 11 u 15 ta’ din id-direttiva jipprovdu:

“(2)      Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni [dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem] u Libertajiet Fundamentali [(5)] u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [(6)].

[…]

(4)      Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali [tal-Unjoni Ewropea] tal-Komunita ddikjarat fit-Trattat.

[…]

(6)      Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.

[…]

(11)      Id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja għandu jkun eżerċitat b’konformita xierqa mal-valuri u prinċipji rrikonoxxuti mill-Istat Membru, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u t-tfal […]

[…]

(15)      L-integrazzjoni ta’ membri tal-familja għandha tkun promossa. Għal dak il-għan, huma għandhom jingħataw status indipendenti minn dak tal-isponsor, b’mod partikulari f’każijiet ta’ tifrik ta’ żwiġijiet u partnerships, u aċċess għal edukazzjoni, impjieg u formazzjoni professjonali fuq l-istess termini bħall-persuna li magħha jingħaqdu mill-ġdid, taħt il-kondizzjonijiet relevanti.”

10.      Filwaqt li jagħmel parti mill-Kapitolu VI tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dħul u residenza ta’ membri tal-familja”, l-Artikolu 13(3) jipprevedi:

“It-tul tal-permess ta’ residenza mogħti lill-membru(i) tal-familja m’għandux fi prinċipju jmur lilhinn mill-iskadenza tal-permess ta’ residenza miżmum mill-isponsor.”

11.      F’dan l-istess kapitolu, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86 jaqra kif ġej:

“1.      Mhux iktar tard minn wara ħames snin ta’ residenza, u sakemm il-membru tal-familja ma ngħatax permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra barra dik ta’ riunifikazzjoni tal-familja, il-konjugi jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa u wild li jkun laħaq età maġġorenni għandhom ikunu intitolati, wara applikazzjoni, jekk rikjest, għal permess ta’ residenza awtonomu, indipendenti minn dak ta’ l-isponsor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għotja tal-permess ta’ residenza li jirreferi għalih l-ewwel subparagrafu lir-raġel/lill-maa [mara] jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa f’każijiet ta’ tifrik tar-relazzjoni familjali.

2.      L-Istati Membri jistgħu joħorġu permess ta’ residenza awtonomu lil tfal adulti u lil qraba fil-linja diretta axxendenti li għalihom japplika l-Artikolu 4(2).

3.      Fil-każ ta’ rmulija, divorzju, separazzjoni, jew mewt ta’ qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti, permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ, wara applikazzjoni, jekk rikjest, lil persuni li jkunu daħlu minħabba riunifikazzjoni tal-familja. Stati Membri għandhom jippreskrivu disposizzjonijiet li jiżguraw l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ ċirkustanzi partikolarment diffiċli.

4.      Il-kondizzjonijiet konnessi ma’ l-għoti u t-tul tal-permess ta’ residenza awtonomu jkunu stabbiliti b’liġi nazzjonali.”

12.      Fil-Kapitolu VII tal-imsemmija direttiva, intitolat “Pieni u rimedju”, l-Artikolu 16(3) jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja fejn ir-residenza ta’ l-isponsor’s tasal fi tmiemha u l-membru tal-familja għad ma jgawdix dritt ta’ residenza awtonomu taħt l-Artikolu 15.”

13.      F’dan l-istess kapitolu, l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

2.      IlLinji Gwida

14.      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (7) tinkludi l-punt 5.3, intitolat “Aċċess għal permess ta’ residenza awtonomu”, li t-tielet paragrafu tiegħu jaqra kif ġej:

“L-Artikolu 15(3) (it-tieni sentenza) jgħid li l-Istati Membri għandhom joħorġu permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ ċirkostanzi diffiċli partikolari lil kwalunkwe membru tal-familja li jkun daħal bis-saħħa tar-riunifikazzjoni tal-familja. L-Istati Membri huma mitluba biex jistabbilixxu dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali għal dan l-għan. Iċ-ċirkustanzi partikolarment diffiċli jridu jkunu kkawżati minn sitwazzjoni familjali jew mit-tkissir tagħha, mhux fil-każ ta’ diffikultajiet b’kawżi oħra. Eżempji ta’ ċirkostanzi diffiċli jistgħu jkunu pereżempju vjolenza domestika kontra nisa u tfal, ċerti każijiet ta’ żwiġijiet furzati, riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, jew każijiet fejn il-persuna tkun tinsab f’sitwazzjoni familjali partikolarment diffiċli jekk tiġi sfurzata tirritorna fil-pajjiż tal-oriġini.”

B.      Iddritt Spanjol

15.      L-Artikolu 19 tal-Ley Orgánica 4/2000 sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social (il-Liġi Organika 4/2000 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Barranin fi Spanja u l-Integrazzjoni Soċjali Tagħhom) (8), tal‑11 ta’ Jannar 2000, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1.      Il-permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti lill-konjuġi u lit-tfal riunifikati meta jilħqu l-età tax-xogħol jagħtihom id-dritt li jaħdmu mingħajr il-ħtieġa ta’ iktar proċessi amministrattivi.

2.      Il-konjuġi li jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja jista’ jikseb permess ta’ residenza indipendenti meta jkollu l-mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex isostni lilu nnifsu.

F’każ li l-konjuġi mara li tibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja tkun vittma tal-vjolenza abbażi ta’ sess, tista’ tikseb il-permess ta’ residenza u tax-xogħol indipendenti, mingħajr ma jkollha tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni preċedenti, dment li tkun inħarġet ordni ta’ protezzjoni għaliha jew, fin-nuqqas ta’ dan, rapport mill-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, Spanja) li jindika l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet ta’ vjolenza abbażi ta’ sess.

3.      It-tfal li jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja jistgħu jiksbu permess ta’ residenza indipendenti meta jilħqu l-età maġġuri u jkollhom il-mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex isostnu lilhom innifishom.

4.      Il-forma u l-ammont tal-mezzi finanzjarji meqjusa suffiċjenti biex jippermettu lill-membri tal-familja riunifikata jiksbu permess indipendenti huma ddeterminati b’mod regolamentari.

5.      F’każ li l-isponsor imut, il-membri tal-familja riunifikata jistgħu jiksbu permess ta’ residenza indipendenti taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati.”

16.      L-Artikolu 59 tad-Real Decreto 557/2011 por el que se aprueba el Reglamento de la Ley Orgánica 4/2000, sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social, tras su reforma por Ley Orgánica 2/2009 (id-Digriet Irjali 557/2011 li Japprova r-Regolament tal-Liġi Organika 4/2000, dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Barranin fi Spanja u l-Integrazzjoni Soċjali Tagħhom, wara r-riforma tiegħu bil-Liġi Organika 2/2009) (9), tal‑20 ta’ April 2011, intitolat “Residenza tal-membri tal-familja riunifikati indipendentement minn dik tal-isponsor”, jipprovdi:

“1.      Il-konjuġi jew is-sieħeb li jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja jista’ jikseb permess ta’ residenza u tax-xogħol indipendenti jekk ikun jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin u jekk ma jkollu l-ebda dejn mal-awtoritajiet tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali:

a)      għandu mezzi finanzjarji suffiċjenti biex jingħata permess ta’ residenza temporanju mingħajr ma jwettaq attività ekonomika.

b)      għandu kuntratt ta’ impjieg wieħed jew iktar, miż-żmien tal-applikazzjoni, li jipprevedi remunerazzjoni ta’ mhux inqas mill-paga minima interprofessjonali fix-xahar għall-jum tax-xogħol legali jew dik li tirriżulta mill-ftehim kollettiv applikabbli.

c)      jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanju u tax-xogħol indipendenti.

[…]

2.      Barra minn hekk, il-konjuġi jew is-sieħeb jista’ jikseb permess ta’ residenza u tax-xogħol indipendenti fil-każijiet li ġejjin:

a)      Meta r-relazzjoni taż-żwieġ li kienet ir-raġuni għar-residenza tintemm, minħabba separazzjoni legali, divorzju jew annullament tar-reġistrazzjoni, jew it-terminazzjoni tal-ħajja miżżewġa, sakemm ikunu jistgħu juru l-koabitazzjoni, fi Spanja, mal-konjuġi jew mas-sieħeb sponsor għal mill-inqas sentejn.

b)      Meta l-mara tkun vittma tal-vjolenza abbażi ta’ sess, miż-żmien meta tkun inħarġet ordni ta’ protezzjoni ġudizzjarja għaliha jew, fin-nuqqas ta’ dan, fil-preżenza ta’ rapport mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku li jindika l-eżistenza ta’ sinjali ta’ vjolenza abbażi ta’ sess. Dan jgħodd ukoll fil-każ li l-konjuġi jew is-sieħeb kien il-vittma ta’ reat minħabba aġir vjolenti fi ħdan il-familja, dment li jkun hemm ordni ta’ protezzjoni ġudizzjarja għall-vittma jew, fin-nuqqas ta’ dan, rapport mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku li jindika l-eżistenza ta’ aġir vjolenti fi ħdan il-familja.

L-ipproċessar tal-applikazzjonijiet sottomessi skont dan il-paragrafu għandu jingħata prijorità u t-tul ta’ żmien tal-permess ta’ residenza u tax-xogħol indipendenti għandu jkun ta’ ħames snin.

c)      F’każ li l-isponsor imut.

3.      Fil-każijiet previsti fil-paragrafu preċedenti, meta, minbarra l-konjuġi jew is-sieħeb, membri oħra tal-familja jkunu bbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja, dawn tal-aħħar iżommu l-permess ta’ residenza mogħti u jiddependu, għall-finijiet tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja, fuq il-membru tal-familja li jgħixu miegħu.

4.      It-tfal u l-minuri li l-isponsor tagħhom huwa r-rappreżentant legali jiksbu permess ta’ residenza indipendenti meta jilħqu l-età maġġuri u jkunu jistgħu juru bil-provi li jinsabu f’waħda miċ-ċirkustanzi deskritti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jew meta jkunu laħqu l-età maġġuri u jkunu ilhom residenti fi Spanja għal ħames snin.

[…]”

17.      L-Artikolu 61 tad-Digriet Irjali 557/2011, intitolat “Tiġdid ta’ permessi ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja”, jipprovdi, fil-paragrafu 3:

“Għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja:

a)      Fir-rigward tal-benefiċjarju tar-riunifikazzjoni tal-familja:

1)      irid ikollu permess ta’ residenza validu għar-riunifikazzjoni tal-familja jew ikunu għaddew inqas minn disgħin jum kalendarju minn meta skada tali permess.

2)      ir-relazzjoni familjari jew ta’ parentela jew l-eżistenza tal-unjoni de facto li fuq il-bażi tagħha ngħatat l-awtorizzazzjoni tat-tiġdid iridu jibqgħu.

[…]

b)      Fir-rigward tal-isponsor:

1)      irid ikollu permess ta’ residenza validu jew ikunu għaddew inqas minn disgħin jum kalendarju minn meta skada tali permess.

[…]”

18.      Skont il-paragrafu 4 tal-ewwel dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet Irjali 557/2011:

“Fuq il-proposta tal-Kap tas-Secretaría de Estado de Inmigración y Emigración (is-Segretarjat tal-Istat għall-Immigrazzjoni u l-Emigrazzjoni, Spanja), wara li jkun ikkunsidra r-rapport tal-Kap tas-Secretaría de Estado de Seguridad (is-Segretarjat tal-Istat għas-Sigurtà, Spanja) u, fejn xieraq, il-Kapijiet tas-Subsecretarías de Asuntos Exteriores y de Cooperación y de Política Territorial y Administración Pública (is-Sottosegretarjati għall-Affarijiet Barranin, il-Kooperazzjoni u l-Politika Territorjali u l-Amministrazzjoni Pubblika, Spanja), il-Consejo de Ministros (il-Kunsill tal-Ministri, Spanja) jista’, meta jkun iġġustifikat minn ċirkustanzi ekonomiċi, soċjali jew professjonali u f’każijiet mhux irregolati ta’ interess partikolari, joħroġ, wara li jinforma u jikkonsulta lill-Comisión Laboral Tripartita de Inmigración (il-Kummissjoni Tripartita tax-Xogħol dwar l-Immigrazzjoni, Spanja), istruzzjonijiet għall-fini tal-għoti ta’ permessi ta’ residenza temporanju u/jew tax-xogħol, li jistgħu jkunu marbuta ma’ perijodu, impjieg jew post skont it-termini [ta’ dawn l-]istruzzjonijiet, jew awtorizzazzjonijiet ta’ residenza […]. Bl-istess mod, il-Kap tas-Segretarjat tal-Istat għall-Immigrazzjoni u l-Emigrazzjoni, fuq ir-rapport tal-Kap tas-Segretarjat tal-Istat għas-Sigurtà, jista’ jagħti permessi ta’ residenza temporanji individwali meta jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali mhux previsti minn dan ir-regolament.”

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomandi preliminari

19.      It-tliet rikorrenti fil-kawża prinċipali, omm u żewġ ulied minuri tagħha, kellhom permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, filwaqt li l-isponsor huwa r-raġel tagħha u l-missier taż-żewġt itfal.

20.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fit‑22 ta’ April 2021, l-erba’ membri tal-familja ppreżentaw applikazzjoni għal “permess ta’ residenza fit-tul għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja”.

21.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2021, l-awtorità kompetenti nazzjonali ċaħdet l-applikazzjoni tal-isponsor abbażi tal-eżistenza ta’ fedina penali.

22.      Imbagħad, permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2021, din l-awtorità ċaħdet l-applikazzjonijiet ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali abbażi tal-Artikolu 61 tad-Digriet Irjali 557/2011. Kif jindika t-titolu tiegħu, dan l-artikolu jistabbilixxi r-rekwiżiti għat-tiġdid tal-permessi ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja. Sa fejn l-isponsor ma kienx għad għandu permess tax-xogħol u/jew ta’ residenza, l-applikazzjoni tiegħu ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit stabbilit fil-punt 1 tal-Artikolu 61(3)(b) ta’ dan id-digriet irjali.

23.      Adita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju rrilevat li din id-deċiżjoni ġiet adottata mingħajr ma l-awtorità kompetenti nazzjonali wettqet, f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, evalwazzjoni tan-natura u s-saħħa tar-rabtiet familjari tal-persuni kkonċernati, it-tul ta’ żmien tar-residenza tagħhom u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari, kulturali u soċjali mal-pajjiż fejn jirrisjedu u mal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

24.      Issa, skont din il-qorti, peress li l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 ma jispeċifikax il-każijiet ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” li jiġġustifikaw l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu lill-membri tal-familja ta’ sponsor, ma jistax jiġi eskluż li tali kunċett ikopri s-sitwazzjoni li tirriżulta mit-telf tal-permess ta’ residenza ta’ membri tal-familja li jibbenefikaw minn riunifikazzjoni tal-familja għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom, speċjalment fil-każ ta’ wlied minuri u persuni f’sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni strutturali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, kif ikun il-każ għan-nisa minn ċerti pajjiżi terzi, fejn in-nisa huma miċħuda minn kull protezzjoni.

25.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota, minn naħa, li l-Artikolu 59 tad-Digriet Irjali 557/2011, minkejja n-natura imperattiva tal-formulazzjoni tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, ma jsemmix il-każijiet ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni. Barra minn hekk, filwaqt li l-paragrafu 4 tal-ewwel dispożizzjoni addizzjonali ta’ dan id-digriet irjali jipprevedi l-għoti ta’ permess ta’ residenza f’każijiet eċċezzjonali mhux previsti mir-regolamenti, din id-dispożizzjoni ma jidhirx li tikkonforma mad-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, l-għoti ta’ tali permess ta’ residenza jaqa’ f’setgħa ta’ evalwazzjoni skont interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmija dispożizzjoni, li ma tipprekludix it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar permessi ta’ residenza b’mod awtomatiku, u l-ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward tiġi attribwita mhux lill-amministrazzjoni periferali tal-Istat, iżda lill-amministrazzjoni pubblika ċentrali.

26.      Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni Spanjola ma jipprevedux proċedura li tippermetti lill-persuni kkonċernati jinvokaw ċirkustanzi individwali jew li tiġi organizzata seduta ta’ smigħ preċedenti tal-minuri, sabiex b’hekk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiddeċiedu mingħajr ma jqisu s-sitwazzjoni personali tal-membri tal-familja, il-benefiċjarji tar-riunifikazzjoni tal-familja. Dawn tal-aħħar, għalhekk, isibu ruħhom immedjatament f’sitwazzjoni ta’ irregolarità. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn l-awtoritajiet għandhom, qabel ma jadottaw deċiżjoni dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, jivvalutaw iċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-każ, li jeskludi kwalunkwe deċiżjoni awtomatika.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-aħħar parti tal-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva [2003/86], meta dawn isemmu ‘ċirkustanzi partikolarment diffiċli’, għandhom awtomatikament jinkludu ċ-ċirkustanzi kollha li fihom huwa kkonċernat minuri u/jew dawk li huma simili għal dawk imsemmija fl-istess Artikolu 15?

2)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu li jiggarantixxi li l-membri tal-familja riunifikati ma jibqgħux f’sitwazzjoni ta’ irregolarità amministrattiva, meta jokkorru dawn iċ-ċirkustanzi partikolarment diffiċli, hija konformi mal-aħħar parti tal-Artikolu 15(3) u mal-Artikolu 17 tad-Direttiva [2003/86]?

3)      L-aħħar parti tal-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dan id-dritt għal permess awtonomu huwa akkwistat meta l-familja riunifikata tibqa’ mingħajr permess ta’ residenza għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħha?

4)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix, qabel ma jiġi rrifjutat it-tiġdid tal-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja riunifikati, l-evalwazzjoni neċessarja u obbligatorja taċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva [2003/86], hija konformi mal-Artikoli 15(3) u 17 [ta’ din id-]Direttiva?

5)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix li, qabel ir-rifjut ta’ permess ta’ residenza jew tat-tiġdid tiegħu bħala benefiċjarju tar-riunifikazzjoni tal-familja, ikun hemm proċedura speċifika ta’ smigħ tal-minuri, meta l-isponsor ikun ġie rrifjutat il-permess ta’ residenza jew it-tiġdid tiegħu, hija konformi mal-Artikoli 15(3) u 17 tad-Direttiva [2003/86] kif ukoll mal-Artikoli 6(1), u 8(1) u (2) tal-[KEDB] u mal-Artikoli [7], 24, [47] u 33(1) tal-[Karta]?

6)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix li, qabel ir-rifjut ta’ permess ta’ residenza jew tat-tiġdid tiegħu bħala konjuġi riunifikat, meta l-isponsor ikun ġie rrifjutat il-permess ta’ residenza jew it-tiġdid tiegħu, ikun hemm proċedura li fil-kuntest tagħha l-persuna kkonċernata tkun tista’ tinvoka ċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva [2003/86], sabiex titlob li tingħatalha l-possibbiltà li tkompli r-residenza tagħha mingħajr interruzzjoni fil-konfront tas-sitwazzjoni ta’ residenza preċedenti tagħha, hija konformi mal-Artikoli 15(3) u 17 tad-Direttiva [2003/86] kif ukoll mal-Artikoli 6(1) u 8(1) u (2) tal-[KEDB] u mal-Artikoli [7], 24, [47] u 33(1) tal-[Karta]?”

28.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ipparteċipaw ukoll fis-seduta li ġiet organizzata fis‑17 ta’ Jannar 2024, li fiha huma wieġbu għall-mistoqsijiet għal risposta orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

29.      L-ewwel sat-tielet domanda preliminari jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 li taħthom l-Istati Membri huma meħtieġa jagħtu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu daħlu fi Stat Membru għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, permess ta’ residenza awtonomu f’każ ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” u, b’mod partikolari, il-portata ta’ dan il-kunċett.

30.      Min-naħa l-oħra, ir-raba’ sas-sitt domanda preliminari jikkonċernaw il-garanziji proċedurali applikabbli meta tiġi adottata deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja tal-isponsor. Filwaqt li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax il-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru jista’ jirrifjuta li jġedded il-permess ta’ residenza tagħhom, li huma rregolati mill-Artikolu 16(3) ta’ din id-direttiva. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina dawn il-kwistjonijiet mill-perspettiva tal-aħħar artikolu.

A.      Ilkundizzjonijiet għallgħoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu abbażi tattieni sentenza talArtikolu 15(3) tadDirettiva 2003/86 (lewwel sattielet domanda preliminari)

31.      Permezz tal-ewwel u t-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 għandhiex tiġi interpretata li tfisser li l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” tista’ tiġi stabbilita awtomatikament jekk iċ-ċirkustanzi jkunu jikkonċernaw wild minuri jew jekk il-membru tal-familja jitlef il-permess ta’ residenza tiegħu għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tiegħu.

32.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tipprevedix l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu lill-membri tal-familja tal-isponsor meta ċ-ċirkustanzi ta’ dan tal-aħħar ma jkunux biss partikolarment diffiċli minħabba l-preżenza ta’ wlied minuri, iżda jsiru wkoll irregolari bħala riżultat tar-rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu.

33.      Sa fejn l-argumenti mressqa fis-seduta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali urew il-ħtieġa għal kjarifika f’dan ir-rigward, ser nagħmel osservazzjoni preliminari dwar in-natura tad-dritt ta’ residenza mogħti lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu daħlu fi Stat Membru għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, abbażi tad-Direttiva 2003/86, qabel ma ninterpreta l-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tagħha.

1.      Osservazzjoni preliminari

34.      Mill-premessi 4 u 6 tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li l-għan ġenerali tagħha huwa li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri billi tiżgura l-protezzjoni tal-familja u, b’mod partikolari, billi tiggarantixxi li l-ħajja tal-familja tibqa’ għaddejja permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja (10). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minn dan l-għan kif ukoll minn qari ta’ din id-direttiva sħiħa, b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 16(3) tagħha, jirriżulta li, sakemm il-membri tal-familja kkonċernati ma jkunux akkwistaw dritt awtonomu ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, id-dritt ta’ residenza tagħhom huwa dderivat minn dak tal-isponsor, intiż sabiex jiffavorixxi l-integrazzjoni ta’ dan tal-aħħar (11).

35.      Issa, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li fiha omm ta’ familja u t-tfal tagħha, li daħlu fi Stat Membru għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, ma jistgħux iġeddu l-permess ta’ residenza tagħhom minħabba l-iskadenza tal-permess ta’ residenza tal-missier, hija ċirkustanza ordinarja fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, għal kuntrarju taċ-“ċirkustanzi partikolarment diffiċli” msemmija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86.

36.      Kif irrileva ġustament il-Gvern Spanjol fis-seduta, il-preżenza ta’ wlied minuri hija ċirkustanza komuni u normali fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Jekk jiġi aċċettat li ċ-ċirkustanza tagħhom tista’, fiha nnifisha, taqa’ taħt “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, skont it-tifsira ta’ dan l-artikolu, dan ikun jinjora l-għanijiet espressi b’dan il-mod f’din id-direttiva, peress li l-ulied minuri jkunu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza awtonomu u jkunu awtorizzati jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, filwaqt li l-ġenitur tagħhom ikun jista’ jintalab jitlaq.

37.      Barra minn hekk, il-fatt li l-membri tal-familja tal-isponsor jitilfu l-permess ta’ residenza tagħhom għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom huwa inerenti fin-natura dderivata tad-dritt ta’ residenza tagħhom. Għalhekk, fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja), sa fejn il-membri tal-familja ta’ sponsor kienu tilfu l-permess ta’ residenza tagħhom minħabba frodi mwettqa minn dan tal-aħħar li ma kinux jafu biha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-“importanza ċentrali tal-isponsor fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/86”, huwa konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva u mil-loġika tagħha li din il-frodi jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq il-proċess ta’ riunifikazzjoni tal-familja u, b’mod partikolari, taffettwa il-permessi ta’ residenza mogħtija lill-membri tal-familja ta’ dan l-isponsor, anki jekk dawn tal-aħħar ma kinux jafu dwar il-frodi li huwa wettaq (12). Dawn il-prinċipji huma applikabbli b’analoġija għal ċirkustanza bħal dik inkwistjoni, li fiha l-membri tal-familja li daħlu fi Stat Membru għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma jistgħux iġeddu l-permess ta’ residenza tagħhom minħabba li l-isponsor tilef id-dritt ta’ residenza tiegħu b’konsegwenza tat-twettiq ta’ reat kriminali.

38.      F’dan il-mument huwa meħtieġ li jiġi eżaminat sa liema punt il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva, tista’ tiġi ssodisfatta.

2.      Ilportata talkunċett ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, skont ittifsira tattieni sentenza talArtikolu 15(3) tadDirettiva 2003/86

39.      It-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 kienet intenzjonata mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala dispożizzjoni obbligatorja. Skont din id-dispożizzjoni, l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” għal persuni li jidħlu fi Stat Membru għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja hija l-unika kundizzjoni sostantiva meħtieġa għall-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu. Issa, la dan l-artikolu u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma fihom definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” u lanqas ma jagħtu eżempju ta’ tali ċirkostanzi, għall-kuntrarju tal-Artikolu 13(2)(c) tad-Direttiva 2004/38/KE (13), li jagħmel riferiment espliċitu għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma vittmi ta’ vjolenza domestika. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għamlet riferiment għall-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-punt 5.3 tal-linji gwida tagħha, li tiċċita bħala eżempju ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” l-każijiet ta’ vjolenza domestika (14).

40.      Waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol sostna li l-portata tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” tista’ tiġi ddeterminata b’mod unilaterali mill-Istati Membri. Ma naqbilx ma’ din il-fehma. Inqis, fil-fatt, li dan il-kunċett użat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 għandu jitqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Fis-sitwazzjoni opposta, kieku l-Istati Membri kellhom marġni ta’ evalwazzjoni biex jiddefinixxu ċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxu tali sitwazzjoni, id-disparitajiet fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jkunu jirriskjaw li jikkompromettu l-portata u l-effett utli tal-obbligu impost fuqhom b’dan il-mod. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva ma jagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-imsemmi kunċett, għall-kuntrarju tal-Artikolu 15(4) tal-imsemmija direttiva. Huwa essenzjali li ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. It-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 tirrikonoxxi dritt għall-benefiċċju tal-membru tal-familja kkonċernat billi tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu f’każ ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk jistabbilixxi kundizzjoni sostantiva essenzjali għall-għoti ta’ tali permess ta’ residenza. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva għandu skop differenti billi jagħti lill-Istati Membri r-responsabbiltà li jiddefinixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-kundizzjonijiet li taħthom huwa possibbli li jiġi invokat dan id-dritt kif ukoll il-proċeduri għall-eżerċizzju tiegħu, suġġett għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-għan u l-effett utli tal-imsemmija direttiva (15).

41.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa neċessarju li tiġi applikata l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (16). Għal dan l-għan, peress li d-Direttiva 2003/86 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, dan għandu jiġi interpretat, f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, skont it-tifsira abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li jintuża fih u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (17).

42.      Ser nibda l-analiżi tiegħi b’eżami tal-għan tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86. Tabilħaqq, il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” għandha fuq kollox tiġi interpretata fid-dawl tal-għan li ssegwi din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-membri tal-familja tal-isponsor.

43.      Infakkar li, f’konformità mal-premessi 4 u 6 ta’ din id-direttiva, id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandu l-għan, b’mod partikolari, li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-familja billi jiżgura li tibqa’ għaddejja l-ħajja tal-familja jew il-ħolqien tal-ħajja tal-familja fl-Istat Membru ospitanti (18). Dan id-dritt għalhekk jagħmilha possibbli li jiġi garantit għal kulħadd id-dritt ta’ għajxien mal-familja tiegħu f’dan l-Istat.

44.      Madankollu, dan id-dritt ma huwiex assolut u l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi restrizzjonijiet leġittimi fuq l-eżerċizzju tiegħu. Għalhekk, fil-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86, huwa enfasizzat li l-miżuri li jikkonċernaw ir-riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu eżerċitati b’rispett għad-drittijiet fundamentali minquxa, b’mod partikolari, fil-Karta. Dawn il-miżuri għandhom għalhekk jiġu eżerċitati b’rispett għad-dritt għad-dinjità tal-bniedem minqux fl-Artikolu 1 tal-Karta, id-dritt għall-integrità tal-persuna, imsemmi fl-Artikolu 2 tagħha, il-projbizzjoni tat-tortura jew tat-trattamenti inumani jew degradanti stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Karta, kif ukoll id-drittijiet tat-tfal minquxa fl-Artikolu 24 tagħha. Barra minn hekk, fil-premessa 11 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikonoxxi b’mod espliċitu d-dritt tal-Istati Membri li jadottaw “miżuri ristrettivi” għad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja fejn dan ikun iġġustifikat mir-rispett għall-valuri u l-prinċipji li jirrakkomandaw dawn, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u t-tfal. Għalhekk, awtorità kompetenti nazzjonali tista’, abbażi tal-Artikolu 4(4) u (5) tal-imsemmija direttiva, topponi applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ konjuġi, fejn dan tal-aħħar ikun meħtieġ li jgħix flimkien mal-konjuġi l-oħra tal-isponsor (unitajiet domestiċi poligami) jew fejn ma jkunx laħaq l-età minima meħtieġa għal dan il-għan mill-Istat Membru, sabiex jiġu evitati żwiġijiet furzati.

45.      Inqis li l-miżura introdotta mil-leġiżlatur tal-Unjoni fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 għandha għan identiku, jiġifieri l-protezzjoni tal-membri tal-familja, iżda fi stadju iktar tard fil-proċedura, meta dawn tal-aħħar ikunu diġà daħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja. L-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu huwa għalhekk miżura ta’ protezzjoni fir-rigward tal-membru tal-familja espost għal “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” minħabba fatturi relatati mal-familja (19).

46.      Minn dan jirriżulta li l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 jirrikjedi l-istabbiliment ta’ ħtieġa reali għall-protezzjoni tal-membri tal-familja.

47.      Eżami tal-kliem stess kif ukoll tal-kuntest li fih jintużaw mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan l-artikolu jippermetti li tiġi ddeterminata b’iktar preċiżjoni l-portata tal-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”.

48.      Fl-ewwel lok, fis-sens tas-soltu tiegħu, il-kelma “situation (ċirkustanzi)” jirreferi għall-ġrajjiet, iċ-ċirkustanzi u r-relazzjonijiet konkreti kollha li fihom tinsab il-persuna jew il-grupp ta’ persuni kkonċernati (20). Fis-seduta, ġie sostnut li t-terminu “situation” għandu jirreferi primarjament għaċ-“ċirkustanzi tal-familja”, fid-dawl tal-għan u l-għanijiet tad-Direttiva 2003/86. Jien naqbel ma’ din il-perspettiva sa fejn jidhirli li huwa essenzjali li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u dawk li jaffaċċja ċittadin ta’ pajjiż terz għal raġunijiet differenti, pereżempju minħabba l-eżistenza ta’ riskju ta’ persekuzzjoni jew dannu serju f’każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, irregolat mid-Direttiva 2011/95/UE (21) jew minħabba li kien vittma tat-traffikar tal-bnedmin, li huwa rregolat mid-Direttiva 2004/81/KE (22). Il-Kummissjoni għalhekk tenfasizza, fil-linji gwida tagħha, li dawn iċ-“ċirkustanzi partikolarment diffiċli” “jridu jkunu kkawżati minn sitwazzjoni familjali jew mit-tkissir tagħha, mhux fil-każ ta’ diffikultajiet b’kawżi oħra” (23). Madankollu, jidhirli li huwa iktar ġust li wieħed jikkunsidra li l-kelma “situation” imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 tirreferi għal “fatturi relatati mal-familja”. Fil-fatt, nemmen li, f’ħafna leġiżlazzjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari dawk fiskali u soċjali, iżda wkoll fil-lingwa ta’ kuljum, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi tal-familja” jirreferi għall-kompożizzjoni u l-istruttura tal-unità domestika. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “fatturi relatati mal-familja” jagħmilha possibbli li jitqiesu elementi oħra, bħall-esperjenza tal-familja, l-eżistenza ta’ kunflitti fil-familji jew l-aġir ta’ kull membru tal-familja.

49.      Fit-tieni lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi għal sitwazzjonijiet li jiddeskrivi bħala “partikolarment diffiċli”, filwaqt li l-Kummissjoni tirreferi fix-xogħlijiet preparatorji tagħha għal “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” (24) jew “ċirkustanza[/i] ta’ diffikultà” (25) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jidhirli għalhekk li “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” għandhom ikunu kkaratterizzati mill-eżistenza ta’ ċirkustanzi li, min-natura tagħhom, jippreżentaw livell għoli ta’ gravità jew tbatija għall-membru tal-familja kkonċernat jew li jesponuh għal livell għoli ta’ prekarjetà jew vulnerabbiltà u li, għalhekk, huma ta’ natura eċċezzjonali.

50.      Fil-kuntest tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, tali sitwazzjoni tista’ tiġi stabbilita meta l-membru tal-familja jiġi mċaħħad, de facto jew de jure, mill-protezzjoni tal-familja tiegħu.

51.      Fl-ewwel każ iċ-“ċirkustanzi partikolarment diffiċli” jirriżultaw mill-ksur tar-rabta tal-familja mal-isponsor u t-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membru tal-familja li dan jiġġenera. L-okkorrenza ta’ ċirkustanza bħal din imbagħad tikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti, li tiġġustifika l-għażla disponibbli għall-Istati Membri li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu f’każ ta’ rmulija, divorzju, separazzjoni jew mewt tal-isponsor, irrikonoxxut fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, li jsir obbligu fit-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu (26).

52.      Dan jista’ jkun il-każ fejn id-divorzju jew is-separazzjoni jesponu lill-persuna kkonċernata, f’każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, għar-riskju li ma tibqax tista’ ssostni lilha nnifisha jew lit-tfal tagħha, minħabba l-istatus soċjali tagħha jew is-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż, jew għar-riskju li ma tibqax tara lit-tfal tagħha. Dan jista’ jkun ukoll il-każ, kif tirrileva l-Kummissjoni fix-xogħlijiet preparatorji tagħha (27), meta mara armla, divorzjata jew miċħuda tkun suġġetta għal “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” jew għal “ċirkustanza[/i] ta’ diffikultà” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jekk tkun imġiegħla tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

53.      It-tieni każ huwa meta ċ-“ċirkustanzi partikolarment diffiċli” li fihom isib ruħu l-membru tal-familja kkonċernat jirriżultaw, għall-kuntrarju, mill-(kontinwazzjoni tal-)ħajja tal-familja tiegħu mal-isponsor, li jagħmilha inaċċettabbli li d-dritt ta’ residenza tiegħu ikun idderivat minn dak tal-isponsor. Tali sitwazzjoni għalhekk tirrikjedi li l-Istat Membru ospitanti jagħti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun qiegħed jirrisjedi fit-territorju tiegħu abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, id-dritt ta’ residenza mingħajr l-isponsor, għal perijodu ta’ żmien u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali tiegħu.

54.      Għalhekk, huwa paċifiku, fid-dawl tax-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2003/86 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (28), li n-nisa vittmi tal-vjolenza domestika jinsabu f’“ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva (29). Lil hinn mill-atti ta’ vjolenza li jisfaw vittmi tagħhom, il-gravità tas-sitwazzjoni tagħhom hija enfasizzata mill-fatt li huma dipendenti fuq min iwettaq dawn l-atti għad-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. L-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu huwa għalhekk miżura ta’ protezzjoni sabiex jiġi evitat li membru tal-familja (30) jiġi skoraġġut milli jitlaq mid-dar taż-żwieġ u jressaq ilment, minħabba l-biża’ li jitlef l-istatus ġuridiku tiegħu (31). Jien nindika li l-Artikolu 59(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika wkoll jipponta f’din id-direzzjoni (32).

55.      Forom oħra ta’ vjolenza domestika jistgħu jesponu lill-membru tal-familja, li l-istatus ta’ residenza tiegħu jiddependi fuq dak tal-isponsor, għal sitwazzjoni ugwalment diffiċli. Il-vjolenza domestika tista’ tkun fiżika, sesswali, psikoloġika u tista’ tirriżulta fi sfruttament finanzjarju. Tista’ tkopri wkoll ċirkustanzi li fihom il-membru tal-familja jkun il-vittma ta’ abbuż jew negliġenza, vjolenza bbażata fuq l-unur u żwieġ furzat, jiġi sseparat b’mod furzat mit-tifel jew tifla tagħha, ikun espost għal riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili (33) jew abort furzat jew li jitkeċċa mid-dar, li jċaħħad lil din il-persuna mill-opportunità li ssostni lilha nnifisha u li tgħix fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha mingħajr l-għajnuna ta’ persuna terza. Tali sitwazzjonijiet jagħmluha inaċċettabbli li tinżamm ir-relazzjoni ta’ dipendenza implikata mid-dritt ta’ residenza dderivat u tiġġustifika l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu.

56.      Ma huwiex possibbli li tingħata hawnhekk lista eżawrjenti ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” li għalihom jista’ jiġi espost il-membru tal-familja tal-isponsor. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża NA (34), dawn huma “ċirkustanzi partikolari li jimmeritaw li jiġu protetti” (35). Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, minn perijodu għal ieħor u minn każ għal ieħor u l-awtorità kompetenti nazzjonali għandha, barra minn hekk, tingħata l-marġni ta’ evalwazzjoni meħtieġ biex tkejjel, f’kull każ individwali, il-grad tal-gravità jew tat-tbatija taċ-ċirkustanzi li taffaċċja l-persuna kkonċernata jew il-livell ta’ prekarjetà jew vulnerabbiltà li hija esposta għalih.

57.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis li t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li l-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” tirrikjedi li jiġi stabbilit li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja jaffaċċja, minħabba fatturi tal-familja, ċirkustanzi li jippreżentaw, min-natura tagħhom, grad għoli ta’ gravità jew tbatija jew li jesponuh għal livell għoli ta’ prekarjetà jew vulnerabbiltà, u b’hekk joħolqu għalih ħtieġa reali għal protezzjoni permezz tal-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu.

58.      Suġġett għal eżami individwalizzat tas-sitwazzjoni, is-sempliċi fatt li din tikkonċerna wlied minuri jew li l-membri tal-familja tal-isponsor tilfu l-permess ta’ residenza tagħhom għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom ma huwiex biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, skont it-tifsira ta’ dan l-artikolu.

59.      Din l-interpretazzjoni tagħmel l-eżami tat-tieni domanda preliminari irrilevanti.

60.      Infakkar li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 għandhiex tiġi interpretat fis-sens li tipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tipprevedix l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu lill-membri tal-familja tal-isponsor meta ċ-ċirkustanzi ta’ dan tal-aħħar f’dan l-Istat, li huma partikolarment diffiċli minħabba l-preżenza ta’ wlied minuri, isiru wkoll irregolari wara r-rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu.

61.      Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsibu ruħhom f’“ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, fuq il-bażi li jikkonċernaw żewġ ulied minuri. Issa, għar-raġunijiet li għadni kif spjegajt, din iċ-ċirkustanza waħedha ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit id-dritt għal permess ta’ residenza awtonomu, skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva. F’ċirkustanza bħal din, il-membri tal-familja tal-isponsor jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (36), u jibbenefikaw mid-drittijiet u l-garanziji li hemm fihom.

B.      Ilgaranziji proċedurali marbuta maladozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid talpermess ta’ residenza talmembri talfamilja talisponsor

62.      Permezz tar-raba’ sas-sitt domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 24, 33 u 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti nazzjonali tirrifjuta applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza ppreżentata mill-membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma l-ewwel twettaq eżami individwalizzat tal-applikazzjoni tagħhom, li matulu jinstemgħu l-membri tal-familja u, b’mod partikolari, l-ulied minuri.

63.      F’konformità mal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/86, “[l]-Istati Membri jistgħu […] jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja fejn ir-residenza ta’ l-isponsor’s tasal fi tmiemha u l-membru tal-familja għad ma jgawdix dritt ta’ residenza awtonomu taħt l-Artikolu 15”.

64.      Fir-rigward tal-eżami li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu fir-rigward tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja, jirriżulta mill-Artikolu 16(3) ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, mill-użu tal-kliem “jistgħu […] jirrifjutaw li jġeddu” f’din id-dispożizzjoni li l-Istati Membri jgawdu marġni ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward (37). Madankollu, infakkar li dawn tal-aħħar jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt biss skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-għan u l-effett utli tal-imsemmija direttiva (38).

65.      Barra minn hekk, huwa paċifiku li d-Direttiva 2003/86, bħal kull att tad‑dritt tal‑Unjoni, għandu jiġi implimentat f’konformità mad‑drittijiet fundamentali. Għalhekk mill-premessa 2 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-miżuri li jikkonċernaw ir-riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu adottati f’konformità mad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta (39), u għandhom b’mod partikolari jiżguraw id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, garantit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, dan l-artikolu għandu jinqara wkoll flimkien mad-drittijiet fundamentali tat-tfal kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta (40).

66.      Minn dan jirriżulta li l-eżami tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja tal-isponsor għandu jsir f’konformità mad-drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta (41).

1.      Fuq leżami individwalizzat talapplikazzjoni

67.      Fid-dawl tar-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jagħmlu valutazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi kollha involuti (42).

68.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jirrikjedi b’mod ċar ħafna li l-awtorità kompetenti nazzjonali twettaq eżami individwalizzat tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza ppreżentata minn membru tal-familja tal-isponsor (43). L-għan ta’ dan l-eżami huwa li jistabbilixxi jekk hemmx raġunijiet għaliex din l-awtorità għandha tirrifjuta li ġġedded il-permess ta’ residenza tal-membru tal-familja. Lil hinn mill-elementi msemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha, teżiġi li l-imsemmija awtorità għandha tqis l-elementi rilevanti kollha tal-każ u tagħti attenzjoni partikolari lill-interessi tat-tfal ikkonċernati u lit-tħassib għall-promozzjoni tal-ħajja tal-familja (44).

69.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-evalwazzjoni għandha tagħmilha possibbli li jitwettaq “eżami konkret tas-sitwazzjoni ta’ kull applikant” (45). Meta l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tal-membru tal-familja tiġi rrifjutata bħala riżultat tat-telf tal-permess ta’ residenza tal-isponsor, nemmen li dan l-eżami għandu jagħmilha possibbli li jiġi evalwat jekk hemmx raġunijiet li jiġġustifikaw li l-awtorità kompetenti nazzjonali toħroġlu permess ta’ residenza awtonomu, skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86. Tabilħaqq, filwaqt li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jirrifjutaw it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza jew jiddefinixxu l-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu, din il-libertà hija limitata mill-obbligu li titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-membru tal-familja li jkun espost jew li jirriskja li jiġi espost għal “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, u li jinħareġ permess ta’ residenza fejn dawn iċ-ċirkustanzi jirrikjedu dan.

70.      F’dan il-każ, is-sitwazzjoni tikkonċerna omm ta’ familja akkumpanjata miż-żewġ ulied minuri tagħha li l-“permess ta’ residenza fit-tul għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja” tagħhom ma ngħatax u li l-permess ta’ residenza tagħhom għalhekk ma ġiex imġedded minħabba r-rifjut tal-għoti ta’ permess ta’ residenza fit-tul lill-missier, l-isponsor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tqis is-sitwazzjoni tal-familja u, b’mod partikolari, is-saħħa tar-rabtiet tal-familja. Għandha tqis ukoll it-tul tar-residenza tagħhom kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet familjari, ekonomiċi, kulturali u soċjali kemm fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll fil-pajjiż ta’ oriġini (46), il-post tat-twelid tat-tfal (47) u, fejn applikabbli, l-età tagħhom meta waslu fl-Istat Membru ospitanti, u jekk trabbewx u ġewx edukati hemmhekk. Għandha titqies ukoll informazzjoni ġenerali u speċifika rilevanti dwar iċ-ċirkustanzi fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, bħall-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom, l-istatus soċjali tagħhom jew l-aspetti kulturali speċifiċi ta’ dak il-pajjiż (48), peress li l-qorti tar-rinviju tenfasizza r-riskju ta’ diskriminazzjoni strutturali li l-omm tista’ tiġi suġġetta għaliha f’dak il-pajjiż. Fl-aħħar nett, għandha tqis ir-raġunijiet għaliex il-permessi ta’ residenza tagħhom ma ġġeddux, marbuta mal-eżistenza ta’ fedina penali fil-każ tal-missier tal-familja (49).

71.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, li biha l-awtorità kompetenti nazzjonali rrifjutat li ġġedded il-permess ta’ residenza tal-omm u ż-żewġ uliedha għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja bħala riżultat tat-telf tal-permess ta’ residenza tal-missier, hijiex iġġustifikata fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet jew jekk lil dawn tal-aħħar għandux, f’dan id-dawl, jinħarġilhom permess ta’ residenza awtonomu.

2.      Fuq irrispett taddritt għal smigħ

72.      Id-Direttiva 2003/86 ma tispeċifikax jekk, u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, il-membri tal-familja tal-isponsor jistgħu jinstemgħu qabel ma tiġi adottata deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid tal-permess ta’ residenza tagħhom u, b’mod partikolari, il-mod li bih jistgħu jinvokaw iċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva.

73.      Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt għal smigħ għandu jiġi rrispettat, anki fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix b’mod espliċitu tali formalità, sa fejn din il-leġiżlazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (50).

74.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li d-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura jifforma parti integrali mir-rispett għad-drittijiet tad-difiża, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta (51). Dan id-dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod negattiv (52). Issa, deċiżjoni li biha l-applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza tiġi rrifjutata hija deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tal-membri tal-familja tal-isponsor.

75.      Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri huma meħtieġa jisimgħu lill-membri tal-familja tal-isponsor qabel ma jadottaw deċiżjoni li permezz tagħha ma jiġġeddidx il-permess ta’ residenza tagħhom (53).

76.      Għalkemm, skont il-ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal smigħ ma jimplikax neċessarjament obbligu li l-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità li tesprimi ruħha bil-fomm (54), hija għandha madankollu tingħata l-opportunità li tindika l-fehma tagħha b’mod utli u effettiv matul il-proċedura amministrattiva. Għalhekk, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza, din il-persuna għandha, qabelxejn, tkun tista’ tippreżenta l-informazzjoni kollha li tqis rilevanti dwar is-sitwazzjoni personali u tal-familja tagħha. Ċerti elementi meħtieġa fl-eżami individwalizzat previst fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta’ evidenza dokumentarja, bħall-età tat-tfal jew it-tul tar-residenza tal-membri tal-familja fl-Istat Membru ospitanti. Min-naħa l-oħra, elementi oħra, bħas-saħħa tar-rabtiet tal-familja, in-natura jew l-importanza tar-rabtiet fl-Istat Membru ospitanti jew il-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-pajjiż tal-oriġini jirrikjedu x-xhieda, bil-miktub jew bil-fomm, tal-imsemmija persuna. Ċirkustanzi oħra, bħal dawk li jistgħu jindikaw l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, jistgħu jirrikjedu wkoll l-implimentazzjoni ta’ proċedura speċifika.

77.      Id-dritt għal smigħ imbagħad jimplika li l-awtorità kompetenti nazzjonali tagħti l-attenzjoni dovuta lill-osservazzjonijiet sottomessi b’dan il-mod mill-persuna kkonċernata billi teżamina, bir-reqqa u b’mod imparzjali, l-elementi rilevanti kollha tal-każ u tagħti raġunijiet dettaljati għad-deċiżjoni tagħha; l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni b’mod speċifiku u konkret biżżejjed għalhekk jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju tar-rispett għad-drittijiet tad-difiża, u b’hekk il-persuna kkonċernata tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni tagħha (55).

78.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ intervent ta’ minuri, l-Artikolu 24(1) tal-Karta jirrikjedi li t-tfal ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom liberament u li din l-opinjoni hekk espressa titqies għal kwistjonijiet li jikkonċernawhom filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-età u l-maturità tagħhom (56). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li din id-dispożizzjoni tirreferi mhux għas-smigħ tal-minuri bħala tali, iżda għall-possibbiltà li l-minuri jinstemgħu (57). Id-dritt tat-tfal li jinstemgħu għalhekk ma jirrikjedix li neċessarjament issir seduta ta’ smigħ, iżda jirrikjedi li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet legali jkunu disponibbli għal dan il-minuri sabiex jippermettulu jesprimi l-opinjoni tiegħu liberament u li din tinġabar.

79.      L-Artikolu 24(2) tal-Karta jimponi, barra minn hekk, fuq l-awtorità kompetenti nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-minuri. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni timplika li, fl-atti kollha relatati mat-tfal, b’mod partikolari dawk imwettqa mill-Istati Membri b’applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja (58). Fis-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (59), dwar proċedura li tikkonċerna d-dritt ta’ kustodja ta’ minuri, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-interess jista’ jiġġustifika li ma jinstemax il-minuri (60). B’hekk, għalkemm jibqa’ dritt tal-minuri, is-smigħ ma jistax jikkostitwixxi obbligu assolut, iżda għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni skont l-eżiġenzi marbutin mal-aħjar interess tal-minuri f’kull każ partikolari, f’konformità mal-Artikolu 24(2) tal-Karta (61).

80.      Fi kliem ieħor, meta l-applikazzjoni ssir minn ulied minuri, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipprovdu lil dak il-minuri b’opportunità reali u effettiva li jinstema’, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-età jew il-grad ta’ maturità tiegħu(62).

81.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti nazzjonali tirrifjuta applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza ppreżentata mill-membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma l-ewwel twettaq eżami individwalizzat tal-applikazzjoni tagħhom li matulu jingħataw l-opportunità li jippreżentaw, b’mod utli u effettiv, l-informazzjoni kollha li jqisu rilevanti għaċ-ċirkustanzi tagħhom.

82.      Meta l-applikazzjoni ssir minn ulied minuri, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipprovdu lil dak il-minuri b’opportunità reali u effettiva li jinstema’, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-età jew il-grad ta’ maturità tiegħu.

V.      Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona, Spanja) kif ġej:

(1)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja,

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

–        il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” tirrikjedi li jiġi stabbilit li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja jaffaċċja, minħabba fatturi tal-familja, ċirkustanzi li jippreżentaw, min-natura tagħhom, grad għoli ta’ gravità jew tbatija jew li jesponuh għal livell għoli ta’ prekarjetà jew vulnerabbiltà, u b’hekk joħolqu għalih ħtieġa reali għal protezzjoni permezz tal-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu;

–        suġġett għal eżami individwalizzat tas-sitwazzjoni, is-sempliċi fatt li din tikkonċerna wlied minuri jew li l-membri tal-familja tal-isponsor tilfu l-permess ta’ residenza tagħhom għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom ma huwiex biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, skont it-tifsira ta’ dan l-artikolu.

2)      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti nazzjonali tirrifjuta applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza ppreżentata mill-membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma l-ewwel twettaq eżami individwalizzat tal-applikazzjoni tagħhom li matulu jingħataw l-opportunità li jippreżentaw, b’mod utli u effettiv, l-informazzjoni kollha li jqisu rilevanti għaċ-ċirkustanzi tagħhom;

–        meta l-applikazzjoni ssir minn ulied minuri, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipprovdu lil dak il-minuri b’opportunità reali u effettiva li jinstema’, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-età jew il-grad ta’ maturità tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 224.


3      L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jiddefinixxi t-terminu “sponsor” bħala: “ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha”.


4      Bi tweġiba għal talba għal kjarifika magħmula waqt is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ċċaraw li l-“permess ta’ residenza fit-tul” li applikaw għalih għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja huwa karatteristika partikolari tad-dritt Spanjol li ma huwiex previst mid-Direttiva 2003/86 jew mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 272).


5      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


6      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


7      COM(2014) 210 final, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”.


8      BOE Nru 10, tat‑12 ta’ Jannar 2020, p. 1139.


9      BOE Nru 103, tat‑30 ta’ April 2011, p. 43821, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali 557/2007”.


10      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja)”, EU:C:2019:203, punt 47), kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara s-sentenza Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (punt 47).


12      Ara s-sentenza Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (punt 46).


13      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


14      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 64).


15      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657, punti 85 sa 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja b’minuri refuġjat) (C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, Hauptpersonalrat der Lehrerinnen und Lehrer (C‑34/21, EU:C:2023:270, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara l-Artikolu 7 u l-Artikolu 33(1) tal-Karta.


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657, punti 69 u 70).


20      Ara d-dizzjunarju Larousse.


21      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


22      Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 69).


23      Ara l-punt 5.3, it-tielet paragrafu, tal-linji gwida (enfasi miżjuda minni).


24      Ara l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata fl‑1 ta’ Diċembru 1999 (COM(1999) 638 final), il-kummentarju dwar l-Artikolu 13(3).


25      Ara l-proposta emendata għal Direttiva tal-Kunsill dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata fit‑2 ta’ Mejju 2002 (COM(2002) 225 finali), il-kummentarju dwar l-Artikolu 15.


26      Ara Hailbronner, K., u Klarmann, T., “Article 15”, f’Hailbronner, K., u Thym, D., EU Immigration and Asylum Law: A Commentary, it‑tieni edizzjoni, C. H. Beck, München, 2016, p. 405 sa 410, b’mod partikolari p. 409 u 410.


27      Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657), li l-għan tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 huwa li jiżgura l-protezzjoni ta’ membri tal-familja li huma vittmi tal-vjolenza domestika (punti 69 u 70).


29      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Kif iddeċidiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza awtorevoli tagħha tad‑9 ta’ Ġunju 2009, Opuz vs It‑Turkija (CE:ECHR:2009:0609JUD003340102, punt 132), il-vjolenza domestika “ma tikkonċernax biss lin-nisa. L-irġiel ukoll jistgħu jkunu vittmi tal-vjolenza domestika, kif ukoll it-tfal, li spiss ikunu vittmi diretti jew indiretti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


31      Ara Briddick, C., “Combatting or enabling domestic violence? Evaluating the residence rights of migrant victims of domestic violence in Europe”, International & Comparative Law Quarterly, Cambridge University Press, Cambridge, vol. 69, Nru 4, 2020, p. 1013 sa 1034, b’mod partikolari p. 1015.


32      Il-Konvenzjoni adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis‑7 ta’ April 2011 u li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2014 (Sensiela ta’ Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa, Nru 210). L-Artikolu 59(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi li “[l]-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-vittmi li l-istatus ta’ residenza tagħhom jiddependi minn dik tal-konjugi jew tas-sieħeb kif irrikonoxxut mil-liġi interna, f’każ ta’ xoljiment taż-żwieġ jew relazzjoni, jingħataw, f’każ ta’ ċirkostanzi partikolarment diffiċli, fuq applikazzjoni, permess ta’ residenza awtonomu irrispettivament mit-tul taż-żwieġ jew ir-relazzjoni” (enfasi miżjuda minni).


33      Ara t-tielet paragrafu tal-punt 5.3, tal-linji gwida.


34      C‑115/15, EU:C:2016:259.


35      Ara l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36      ĠU 2008, L 348, p. 98.


37      Ara, b’analoġija, is-sentenza Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (punt 51).


38      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2018, C u A (C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 51), u tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 55), u tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ċaħda ta’ teħid inkarigu ta’ minuri Eġizzjan mhux akkumpanjat) (C‑19/21, EU:C:2022:605, punt 47).


41      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 57) u tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 64), kif ukoll tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 45).


45      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 48), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 għalhekk jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti nazzjonali tirrifjuta applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja mingħajr ma twettaq eżami konkret tas-sitwazzjoni tal-applikant.


46      Ara s-sentenza Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (punt 54).


47      Mill-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirriżulta li waslu fl‑2018 u li wieħed mit-tfal twieled fl-Istat Membru ospitanti.


48      Ara, f’dan is-sens, punt 7 tal-linji gwida, “Prinċipji ġenerali”, p. 26, u, b’mod partikolari, punt 7.4, “Valutazzjoni individwali”, p. 29.


49      Fuq dan il-punt, nagħmel riferiment għas-sentenza Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali setgħu, fil-kuntest tal-kawża li wasslet għal din is-sentenza, iqisu l-fatt li, f’dan il-każ, l-omm u t-tifel ma kinux huma stess responsabbli għall-frodi mwettqa mill-missier u ma kinux konxji tagħha (punt 55).


50      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2018:2431, punti 39 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2018:2431, punti 30 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2018:2431, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53      Ta’ min jirrileva li, skont il-linji gwida, għal kull applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, id-dokumenti ta’ sostenn li jakkumpanjawha u n-natura “neċessarja” tal-intervisti u l-investigazzjonijiet l-oħra għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ, bħala parti minn eżami individwalizzat tal-applikazzjoni (punt 3.2, p. 10).


54      Ara d-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2019, Le Pen vs Il‑Parlament (C‑525/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:435, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


55      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


56      Din id-dispożizzjoni hija ispirata, skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), b’mod partikolari mill-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, iffirmata f’New York fl‑20 ta’ Novembru 1989 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1577, p. 3, Nru. 27531 (1990)) u rrattifikata mill-Istati Membri kollha, u li l-formulazzjoni tagħha hija kważi identika għal dik tad-dritt previst fil-leġiżlazzjoni Ewropea. Id-differenza prinċipali bejn iż-żewġ artikoli tinsab fl-Artikolu 12(2) tal-Konvenzjoni li, wara li jistabbilixxi d-dritt tat-tfal li jesprimu l-opinjoni tagħhom u li jinstemgħu, iżid li “il-minuri għandu jingħata, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jinstema’ f’kull proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva li tikkonċernah, jew direttament jew permezz ta’ rappreżentant jew organizzazzjoni adegwata, b’mod li jkun kompatibbli mar-regoli proċedurali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


57      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (C‑491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 62).


58      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja b’minuri refuġjat) (C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59      C‑491/10 PPU, EU:C:2010:828.


60      Ara l-punt 63 ta’ din is-sentenza.


61      Ara l-punt 64 tal-imsemmija sentenza.


62      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi kklassifikat bħala “minuri” ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li kienet taħt l-età ta’ 18‑il sena fil-mument tad-dħul tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru u tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għall-ażil f’dan l-Istat, iżda li, matul il-proċedura ta’ ażil, issir maġġorenni u, sussegwentement, jiġi rrikonoxxut l-istatus tagħha ta’ refuġjat (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja b’minuri refuġjat) (C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).