Language of document : ECLI:EU:C:2024:226

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 1(2) – Taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Kundizzjonijiet għall-ġbir ta’ tali taxxi – Għan speċifiku li jrid jintlaħaq mit-taxxa – Dazji tas-sisa applikabbli għat-tabakk immanifatturat – Direttiva 2011/64/UE – Artikolu 14 – Regoli dwar it-tassazzjoni – Osservanza ta’ dawn ir-regoli mit-taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Tabakk imsaħħan – Leġiżlazzjoni nazzjonali li għal dan it-tabakk tipprevedi struttura u rata ta’ tassazzjoni differenti minn dawk applikabbli għall-kategorija ‘tabakk ieħor għat-tipjip’”

Fil-Kawża C‑336/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

f6 Cigarettenfabrik GmbH & Co. KG

vs

Haupzollamt Bielefeld,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: D. Dittert, Kap tad-Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal f6 Cigarettenfabrik GmbH & Co. KG, minn D. Atanasova u C. Salder, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, R. Kanitz u N. Scheffel, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u M. Björkland, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, kif ukoll tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1), tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) u tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal‑21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU 2011, L 176, p. 24)

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn f6 Cigarettenfabrik GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “f6”) u l-Hauptzollamt Bielefeld (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Bielefeld, il-Ġermanja) dwar il-legalità tat-taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa, applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2022 għat-tabakk imsaħħan immanifatturat minn din il-kumpannija.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2008/118

3        Il-premessa 4 tad-Direttiva 2008/118, imħassra u ssostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/26 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifika fil-ĠU 2023, L 188, p. 60), iżda applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, kienet tipprovdi:

“Il-prodotti soġġetti għaddazju tas-sisa jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi oħra indiretti għal skopijiet speċifiċi. F’każijiet bħal dawn, madankollu, u sabiex ma jiġix ippreġudikat l-effett utli tar-regoli tal-Komunità relatati mat-taxxi indiretti, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma’ ċerti elementi essenzjali ta’ dawk ir-regoli.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kien jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

[…]

(ċ)      tabakk manifatturat kopert mid-[Direttiva 2011/64].

2.      L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud [(VAT)] f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

[…]”

 IdDirettiva 2011/64

5        Il-premessi 2 u 9 tad-Direttiva 2011/64 jipprovdu li:

“(2)      Jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni [Ewropea] dwar il-prodotti tat-tabakk tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa, […]

[…]

(9)      Sa fejn dazji tas-sisa huma kkonċernati, l-armonizzazzjoni tal-istrutturi għandha, b’mod partikolari, tirriżulta f’kompetizzjoni fid-diversikategoriji ta’ tabakk manifatturat li jiffurmaw parti mill-istess grupp li ma ġġarrabx distorsjoni bl-effetti tal-imposizzjoni tat-taxxa […]”

6        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jgħid:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk manifatturat.”

7        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva tabakk manifatturat għandu jfisser:

(a)      sigaretti;

(b)      sigarri u sigarillos [sigarri żgħar];

(c)      tabakk għat-tipjip:

(i)      tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti,

(ii)      tabakk ieħor għat-tipjip.

2.      Prodotti magħmula kollha kemm huma jew inparti minn sostanzi li mhux tabakk iżda li xorta jaqgħu taħt il-kriterji stipulati fl-Artikolu 3 jew l-Artikolu 5 (1) għandhom ikunu meqjusa bħala sigaretti jew tabakk għat-tipjip.

[…]”

8        L-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva tabakk għat-tipjip ifisser:

(a)      tabakk li gie mqatta’ jew maqsum, mdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi u jista’ jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri;

(b)      skart tat-tabakk impoġġi għall-bejgħ bl-imnut li ma jaqax taħt l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4 u li jista’ jiġi mpejjep. […]”

9        Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/64:

“1.      L-Istati Membri għandhom japplikaw dazju tas-sisa li jista’ jkun:

(a)      jew dazju ad valorem ikkalkulat fuq il-bażi tal-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ kull prodott […] ; jew

(b)      dazju speċifiku mfisser bħala ammont għal kull kilogramm, jew fil-każ ta’ sigarri u sigarri żgħar, alternattivament għal numru mogħti ta’ oġġetti; jew

(c)      taħlita tat-tnejn, li tgħaqqad element ad valorem u element speċifiku.

Fil-każijiet fejn id-dazju tas-sisa jkun jew ad valorem jew imħallat, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ammont minimu ta’ dazju tas-sisa.

2.      Id-dazju tas-sisa globali (dazju speċifiku u/jew dazju ad valorem minbarra l-VAT), imfisser bħala persentaġġ, bħala ammont għal kull kilogramm jew għal numru mogħti ta’ oġġetti, għandu jkun mill-anqas ekwivalenti għar-rati jew għall-ammonti minimi stipulati għal:

(a)      sigarri jew sigarri żgħar: 5 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha jew EUR 12 għal kull 1 000 wieħed jew għal kull kilogramm;

(b)      tabakk imqatta’ fin għat-tipjip intiż għall-brim tas-sigaretti: 40 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut ta’ tabakk imqatta’ fin għat-tipjip intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew EUR 40 għal kull kilogramm;

(c)      tabakk ieħor għat-tipjip: 20 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha, jew EUR 22 għal kull kilogramm.

[…]

3.      Ir-rati jew l-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu effettivi għall-prodotti kollha li jiffurmaw parti mill-grupp tat-tabakk manifatturat inkwistjoni, mingħajr distinzjoni f’kull grupp għal dik li hija kwalità, dehra, oriġini tal-prodotti, il-materjali użati, il-karatteristiċi tad-ditti involuti jew kull kriterju ieħor.

[…]”

 Iddritt Ġermaniż

10      L-Artikolu 1 tat-Tabaksteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq it-Tabakk), tal‑15 ta’ Lulju 2009 (BGBl. 2009 I, p. 1870), kif emendata bil-Liġi tal‑10 ta’ Awwissu 2021 (BGBl. 2021 I, p. 3411) (iktar ’il quddiem it-“TabStG”), tipprovdi li:

“(1)      It-tabakk immanifatturat, it-tabakk imsaħħan u t-tabakk tal-pipa tal-ilma għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq it-tabakk [li] tikkostitwixxi dazju tas-sisa fis-sens tal-Abgabenordnung [(il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi)].

(2)      It-tabakk immanifatturat għandu jinkludi:

1.      is-sigarri jew is-sigarri żgħar [...]

[…]

2.      is-sigaretti:

[…]

3.      it-tabakk għat-tipjip (tabakk imqatta’ fin jew tabakk tal-pipa): tabakk imqatta’ jew maqsum mod ieħor, imdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi, li jista’ jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri.

(2a)      It-tabakk imsaħħan għandu jkun, fis-sens ta’ din il-liġi, tabakk għat-tipjip f’porzjonijiet individwali, intiż li jiġi kkunsmat permezz tal-inalazzjoni ta’ aerosol jew ta’ duħħan prodott minn apparat.

[…]”

11      L-Artikolu 1a tat-TabStG, intitolat “Tabakk imsaħħan, tabakk tal-pipa tal-ilma”, jipprovdi li:

“Sakemm ma huwiex ipprovdut mod ieħor, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi dwar it-tabakk għat-tipjip, kif ukoll il-miżuri ta’ implimentazzjoni relatati magħhom, għandhom ukoll ikunu applikabbli għat-tabakk imsaħħan u għat-tabakk tal-pipa tal-ilma.”

12      L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-ammont tat-taxxa għandu jammonta:

1.      għas-sigaretti

[…]

(b)      għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2022 sal‑31 ta’ Diċembru 2022, għal EUR 10.88 għal kull oġġett u għal 19.84 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, filwaqt li l-ammont għandu madankollu jkun ikbar minn jew ugwali għal EUR 22.276 għal kull oġġett, wara li titnaqqas [il-VAT] fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut tas-sigarett suġġett għat-tassazzjoni;

[…]

4.      għat-tabakk tal-pipa

[…]

(b)      għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2022 sal‑31 ta’ Diċembru 2022, għal EUR 15.66 għal kull kilogramma u għal 13.13 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, filwaqt li l-ammont għandu madankollu jkun ikbar minn jew ugwali għal EUR 24.00 għal kull kilogramma;

5.      għat-tabakk imsaħħan, għall-ammont tat-taxxa previst fil-punt 4, miżjud b’taxxa supplimentari li l-ammont tagħha għandu jikkorrispondi għal 80 % tal-ammont tat-taxxa prevista fil-punt 1, wara li jitnaqqas l-ammont tat-taxxa prevista fil-punt 4. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont previst fil-punt 1, porzjon individwali ta’ tabakk għat-tipjip għandu jkun ekwivalenti għal sigarett;

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

13      f6 tipproduċi rombli tat-tabakk imsaħħan, intiżi li jiddaħħlu f’apparat li jsaħħan li jopera permezz ta’ batterija. Dawn ir-rombli huma mgeżwra f’karta kkollaminata b’saff tal-aluminju, b’tali mod li la jistgħu jinqabbdu u lanqas jinħarqu f’dan l-appart. Huma jissaħħnu bl-enerġija elettrika f’temperatura inferjuri għat-temperatura ta’ kombustjoni tagħhom u b’hekk jipproduċu aerosol li fih in-nikotina li l-konsumaturi jistgħu jieħdu bin-nifs, bħad-duħħan tat-tabakk tradizzjonali, permezz ta’ bokkin.

14      Sal‑31 ta’ Diċembru 2021, ir-rombli tat-tabakk imsaħħan kienu ntaxxati fil-Ġermanja biss bir-rata tat-taxxa fuq it-tabakk applikabbli għat-tabakk tal-pipa. Madankollu, mill‑1 ta’ Jannar 2022, minbarra dan id-dazju tas-sisa, il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tat-TabStG jipprevedi taxxa addizzjonali fuq it-tabakk imsaħħan. L-ammont ta’ din it-taxxa addizzjonali jikkorrispondi għal 80 % tal-ammont tad-dazju tas-sisa applikabbli għas-sigaretti, wara li jitnaqqas l-ammont tad-dazju tas-sisa applikabbli għat-tabakk tal-pipa (iktar ’il quddiem, it-“taxxa addizzjonali inkwistjoni”).

15      Fit‑2 ta’ Diċembru 2021, f6 ippreżentat quddiem l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Bielefeld dikjarazzjoni fiskali li fiha hija qieset l-ammont li hija kellha tħallas bħala taxxa applikabbli għat-tabakk imsaħħan, billi għal dan l-għan użat l-iskala ta’ tassazzjoni fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2022. Dan l-ammont kien jikkorrispondi, fir-rigward ta’ EUR 2 181.02, għad-dazju tas-sisa applikabbli skont l-ewwel parti tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tat-TabStG u, fir-rigward ta’ EUR 4 100.44, għat-taxxa addizzjonali inkwistjoni, prevista mit-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni. Sussegwentement, f6 ressqet rikors quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra din id-dikjarazzjoni fiskali, li permezz tiegħu hija tikkontesta l-legalità ta’ din it-taxxa addizzjonali, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

16      Insostenn tar-rikors tagħha f6 ssostni, fl-ewwel lok, li t-taxxa addizzjonali inkwistjoni ma tikkostitwixxix “taxxa indiretta addizzjonali” awtorizzata mill-imsemmija dispożizzjoni, peress li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni. Fit-tieni lok, tali taxxa tikser l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/64, billi tittratta b’mod differenti t-tabakk imsaħħan meta mqabbel mat-tabakk l-ieħor għat-tipjip li minnu jagħmel parti. Fit-tielet lok, it-taxxa addizzjonali inkwistjoni tikser id-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-modalitajiet ta’ kalkolu tagħha, mhux biss il-piż tal-prodott iżda wkoll in-numru ta’ unitajiet tiegħu.

17      L-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Bielefeld isostni li l-ġbir tat-taxxa addizzjonali inkwistjoni huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118. Din it-taxxa tinġabar, minn naħa, sabiex jintlaħaq għan speċifiku, jiġifieri li jitnaqqas il-konsum ta’ nikotina, li huwa ta’ ħsara għas-saħħa, billi t-tabakk imsaħħan jiġi ntaxxat b’mod analogu għas-sigaretti. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija taxxa, bħala dazju tas-sisa nazzjonali mhux armonizzat, ma għandhiex tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/64.

18      Peress li tqis li t-tabakk imsaħħan għandu jiġi kklassifikat bħala “tabakk għat-tipjip”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c)(ii) tad-Direttiva 2011/64, u li għalhekk jikkostitwixxi, bħala tabakk immanifatturat, “prodott suġġett għad-dazju tas-sisa”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/118, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tat-taxxa addizzjonali inkwistjoni mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

19      Din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk din it-taxxa tikkostitwixxix “taxxa indiretta addizzjonali”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jew jekk għandhiex titqies bħala sempliċi żieda tad-dazju tas-sisa applikabbli għat-tabakk imsaħħan, li tmur kontra l-imsemmija dispożizzjoni. Hija tosserva li t-taxxa addizzjonali inkwistjoni għandha għan baġitarju, peress li d-dħul fiskali li hija tiġġenera jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Istat Federali Ġermaniż, mingħajr ma jkun neċessarjament allokat għall-protezzjoni tas-saħħa. Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għan imfittex mit-taxxa addizzjonali inkwistjoni, jiġifieri, fil-fehma tagħha, it-tnaqqis tal-konsum tan-nikotina, li huwa ta’ ħsara għas-saħħa, huwiex biżżejjed sabiex jiġi kklassifikat bħala “għan speċifiku”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

20      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġbir ta’ taxxa addizzjonali fuq it-tabakk imsaħħan jiksirx l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/64 sa fejn dan it-tip ta’ tabakk għat-tipjip huwa, fl-aħħar mill-aħħar, suġġett għal taxxa ikbar minn tipi oħra ta’ tabakk għat-tipjip, u b’hekk joħloq trattament mhux ugwali fil-kategorija tat-“tabakk ieħor għat-tipjip” imsemmija fl-Artikolu 14(2)(c) ta’ din id-direttiva.

21      Hija tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà, mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2011/64, tal-valur taxxabbli tat-taxxa addizzjonali inkwistjoni, sa fejn wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu dan il-valur taxxabbli huwa espress, b’riferiment għar-regoli applikabbli għad-dazju tas-sisa fuq is-sigaretti, mhux skont il-piż tat-tabakk imsaħħan, iżda skont in-numru ta’ unitajiet tiegħu.

22      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [2008/118], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali [...], dwar il-ġbir ta’ taxxa fuq it-tabakk fir-rigward ta’ tabakk imsaħħan li tipprovdi li, għall-kalkolu [ta’ din it‑]taxxa, minbarra r-rata tat-taxxa fuq it-tabakk tal-pipa, tiġi imposta taxxa addizzjonali ta’ 80 % tal-ammont tat-taxxa fuq is-sigaretti bi tnaqqis tal-ammont tat-taxxa fuq it-tabakk tal-pipa?

2)      Fil-każ li fih it-taxxa addizzjonali fuq it-tabakk imsaħħan ma tikkostitwixxix taxxa indiretta oħra imposta għal finijiet speċifiċi fuq prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 [,] l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva [2011/64 ] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali [...] dwar il-ġbir ta’ taxxa fuq it-tabakk fir-rigward ta’ tabakk imsaħħan li tipprovdi li, għall-kalkolu [ta’ din it‑]taxxa, minbarra r-rata tat-taxxa fuq it-tabakk tal-pipa, tiġi imposta taxxa addizzjonali ta’ 80 % tal-ammont tat-taxxa fuq is-sigaretti bi tnaqqis tal-ammont tat-taxxa fuq it-tabakk tal-pipa?

3)      Fil-każ li fih it-taxxa adizzjonali fuq it-tabakk imsaħħan ma tikkostitwixxix taxxa indiretta oħra imposta għal finijiet speċifiċi fuq prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118[,] il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2011/64, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali [...] dwar il-ġbir ta’ taxxa fuq it-tabakk fir-rigward ta’ tabakk imsaħħan li tipprovdi li, għall-kalkolu [ta’ din it-]taxxa, din tal-aħħar għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ rata tat-taxxa ad valorem kif ukoll ta’ rata tat-taxxa speċifika skont il-piż u n-numru ta’ unitajiet ta’ rombli tat-tabakk?”

 Fuq ittalba għal ftuħ millġdid talfażi orali talproċedura

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ottubru 2023, wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, f6 talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24      Insostenn tat-talba tagħha, f6 essenzjalment tindika li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jinkludu argumenti li ma ġewx diskussi mill-partijiet. Minn naħa, l-Avukat Ġenerali tbiegħed mill-kuntest fattwali u mill-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali esposti mill-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, huwa ma ħax inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u jipproponi interpretazzjoni contra legem tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/64.

25      Għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-istatut li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu pubblikament jippreżenta, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’ dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu motiv li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 62 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie ddibattut bejn il-partijiet kkonċernati.

27      Madankollu, fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi u f6, fit-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali ta’ din il-kawża, bl-ebda mod ma wriet li din għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, din it-talba ma tinkludi ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti f’din il-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “taxxa indiretta addizzjonali imposta għal għanijiet speċifiċi fuq prodott suġġett għad-dazju tas-sisa” jkopri taxxa addizzjonali applikabbli għat-tabakk imsaħħan, li l-ammont tagħha jammonta għal 80 % tal-ammont tad-dazju tas-sisa applikabbli għas-sigaretti, wara li jitnaqqas l-ammont tad-dazju tas-sisa applikabbli għal dan it-tabakk imsaħħan.

29      Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk it-tabakk imsaħħan jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/118 bħala “prodott suġġett għad-dazju tas-sisa”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, u, b’mod iktar partikolari, jekk jagħmilx parti, konformement mal-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni, mit-“tabakk manifatturat kopert mid-[Direttiva 2011/64]”, peress li din tal-aħħar ma ssemmix it-tabakk imsaħħan.

30      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/64, jikklassifika bħala “tabakk manifatturat” is-sigaretti, is-sigarri u s-sigarri żgħar kif ukoll it-tabakk tat-tipjip. F’din il-kategorija tal-aħħar jinsabu, minn naħa, it-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti u, min-naħa l-oħra, kategorija residwa ta’ “tabakk ieħor tat-tipjip”. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 2 jassimila mas-sigaretti u mat-tabakk għat-tipjip, il-prodotti li jikkonsistu esklużivament jew parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk iżda li jissodisfaw il-kriterji l-oħra previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva.

31      L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/64 jiddefinixxi t-“tabakk għat-tipjip” bħala dak li għandu jiġi mqatta’ jew maqsum mod ieħor, imdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi, u li jista’ jiġi jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri, fejn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenzi tas‑6 ta’ April 2017, Eko-Tabak, C‑638/15, EU:C:2017:277, punt 25, u tas‑16 ta’ Settembru 2020, Skonis ir kvapas, C‑674/19, EU:C:2020:710, punt 36). L-Artikolu 5(1)(b) ta’ din id-direttiva jipprovdi li t-tabakk għat-tipjip jista’ wkoll ikun kompost minn “skart tat-tabakk ippakkjat għall-bejgħ bl-imnut” minbarra dak li jaqa’ taħt id-definizzjoni tas-sigaretti msemmija fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva u dik ta’ sigarri u sigarri żgħar imsemmija fl-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, fejn barra minn hekk dan l-iskart għandu jkun jista’ jiġi mpejjep.

32      F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni li tinsab f’kull waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tabakk imsaħħan inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa magħmul minn tabakk ikkompressat, immanifatturat mit-trab tat-tabakk. Għaldaqstant, it-tabakk imsaħħan jidher li jikkonsisti jew minn tabakk “maqtugħ” jew “maqsum” b’mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/64, jew minn “skart tat-tabakk impoġġi għall-bejgħ bl-imnut”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tagħha.

33      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni li tinsab f’dawn l-istess dispożizzjonijiet, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tabakk imsaħħan inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġġenera, meta jissaħħan bl-enerġija elettrika, aerosol meħud bin-nifs mill-konsumatur, u b’hekk jippermetti li jitqies li dan it-tabakk jista’ jintuża għat-tipjip, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2011/64, jew li jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva, jiġifieri mingħajr ipproċessar skont proċess standardizzat ta’ materja prima f’oġġetti materjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 2017, Eko-Tabak, C‑638/15, EU:C:2017:277, punti 30 sa 32, u tas‑16 ta’ Settembru 2020, Skonis ir kvapas, C‑674/19, EU:C:2020:710, punt 39).

34      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, it-tabakk imsaħħan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “tabakk għat-tipjip”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2011/64, huwa, bħala tabakk immanifatturat li jaqa’ taħt din id-direttiva, prodott suġġett għad-dazju tas-sisa fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118. Għalhekk, f’din il-kwalità, huwa jista’ jiġi suġġett għal “taxxa indiretta addizzjonali imposta għal għanijiet speċifiċi”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

35      Konformement ma’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, moqrija fid-dawl tal-premessa 4 tad-Direttiva 2008/118, din it-taxxa indiretta addizzjonali tista’ tiġi imposta fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju biss taħt żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, tali taxxa għandha tinġabar sabiex jintlaħqu “għanijiet speċifiċi” u, min-naħa l-oħra, hija għadha tosserva r-regoli tal-Unjoni dwar it-tassazzjoni applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għall-VAT fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, kif ukoll fir-rigward tal-kalkolu, tal-eżiġibbiltà u tal-kontroll tat-taxxa.

36      Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li huma intiżi sabiex tiġi evitata tassazzjoni indiretta addizzjonali li tostakola l-kummerċ indebitament, huma, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 26, kif ukoll id-digriet tas‑7 ta’ Frar 2022, Vapo Atlantic, C‑460/21, EU:C:2022:83, punti 21 u 22).

37      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “għan speċifiku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma għandux ikun purament baġitarju. Madankollu, peress li kull taxxa għandha neċessarjament għan baġitarju, din is-sempliċi ċirkustanza ma tistax teskludi li taxxa addizzjonali jista’ jkollha wkoll għan speċifiku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief sabiex iċċaħħadha minn kull effett utli (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, punti 23 u 27, kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Endesa Generación, C‑833/21, EU:C:2023:516, punti 38 u 39).

38      Għaldaqstant, taxxa addizzjonali imposta fuq prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, li d-dħul minnha ma jkunx is-suġġett ta’ assenjazzjoni ddeterminata minn qabel, ma tistax titqies li trid tilħaq għan speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, ħlief jekk din it-taxxa tkun imfassla, għal dak li jikkonċerna l-istruttura tagħha, b’mod partikolari s-suġġett taxxabbli jew ir-rata tat-tassazzjoni, b’tali mod li tinfluwenza l-aġir tal-persuni taxxabbli f’direzzjoni li tippermetti li jintlaħaq l-għan speċifiku invokat, pereżempju billi jiġu ntaxxati b’mod qawwi l-prodotti inkwistjoni bil-għan li jiġi skoraġġit il-konsum tagħhom (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, punt 32, u tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Endesa Generación, C‑833/21, EU:C:2023:516, punt 42).

39      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-għan speċifiku indikat mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa, jinsab ukoll fost l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2011/64 li huma msemmija fil-premessa 2 ta’ din id-direttiva. Madankollu, is-sempliċi fatt li taxxa hija intiża, minbarra li sservi għan baġitarju, sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, għan ġenerali mfittex ukoll mid-Direttiva 2011/64, lanqas ma jista’ jeskludi mill-ewwel l-eżistenza ta’ “għan speċifiku”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

40      Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, jista’ jkun hemm, minkejja din l-identiċità ta’ għanijiet, “għan speċifiku”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, meta t-taxxa addizzjonali imposta fuq prodott suġġett għad-dazju tas-sisa tkun intiża li timponi b’mod iktar qawwi l-prodott ikkonċernat b’mod li tqarreb it-tassazzjoni finali tiegħu ma’ dik ta’ prodotti oħra paragunabbli suġġetti għad-dazju tas-sisa, bl-għan aħħari li tiskoraġġixxi l-konsum.

41      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-taxxa addizzjonali inkwistjoni hija intiża li tqarreb it-tassazzjoni tat-tabakk imsaħħan ma’ dik imposta fuq is-sigaretti. Għaldaqstant, permezz ta’ adattament tas-sistema fiskali tat-tabakk imsaħħan, din it-taxxa għandha l-għan speċifiku li tiddisswadi lill-konsumaturi li għandhom dipendenza fuq in-nikotina milli jaqtgħu s-sigaretti favur it-tabakk imsaħħan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li dan tal-aħħar huwa wkoll ta’ ħsara għas-saħħa.

42      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni relatata mal-osservanza, minn taxxa addizzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tar-regoli ta’ tassazzjoni tal-Unjoni applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għall-VAT għad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa kif ukoll għall-kalkolu, għall-eżiġibbiltà u għall-kontroll tat-taxxa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 ma jirrikjedix li l-Istati Membri josservaw dawn ir-regoli kollha. Huwa suffiċjenti li t-taxxi indiretti li jfittxu li jilħqu skopijiet speċifiċi jkunu konformi, fuq dawn il-punti, mal-istruttura ġenerali tar-regoli tal-Unjoni applikabbli jew anki tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punti 23, 24 u 27, u tad‑9 ta’ Marzu 2000, EKW u Wein & Co, C‑437/97, EU:C:2000:110, punt 47).

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2011/64 jawtorizza l-prinċipju ta’ “dazju tas-sisa mħallat” li jinkludi element ad valorem u element speċifiku, li huwa previst fil-punt (b) ta’ dan l-Artikolu 14(1) bħala li jista’ jiġi espress f’“ammont għal kull kilogramm, jew fil-każ ta’ sigarri u sigarri żgħar, alternattivament għal numru mogħti ta’ oġġetti”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(2)(c) ta’ din id-direttiva jippreċiża li d-dazju tas-sisa globali (speċifiku u/jew ad valorem mingħajr VAT), espress bħala perċentwali, f’ammont għal kull kilogramm jew għal kull numru ta’ unità, huwa mill-inqas ugwali, għal “tabakk ieħor għat-tipjip [għal] 20 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha, jew [għal] EUR 22 għal kull kilogramm”.

44      Anki jekk minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-dazju tas-sisa mħallat jista’ jikkombina element ad valorem biss ma’ “element speċifiku” wieħed, it-taxxa addizzjonali inkwistjoni ma hijiex ir-riżultat tal-għaqda ta’ element ad valorem ma’ żewġ “elementi speċifiċi”. Kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, din tirriżulta, għall-kuntrarju, mit-tnaqqis ta’ ammont ikkalkolat fuq il-bażi ta’ unitajiet ta’ ammont ikkalkolat abbażi tal-piż.

45      Minn dan isegwi li t-tieni kundizzjoni imposta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 sabiex taxxa addizzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “taxxa indiretta addizzjonali għal għanijiet speċifiċi fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa” hija ssodisfatta.

46      Barra minn hekk, fir-rigward tal-eventwali distinzjoni li ġiet stabbilita permezz tat-taxxa addizzjonali inkwistjoni fi ħdan il-prodotti li jappartjenu lill-grupp tat-“tabakk ieħor għat-tipjip”, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva 2011/64, bi ksur tal-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi enfasizzat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-regoli stabbiliti minn dan l-Artikolu 14(3) huma intiżi sabiex jiżguraw l-assenza ta’ trattament fiskali diskriminatorju bejn prodotti li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom u l-mod ta’ konsum huma, jekk mhux identiċi, tal-inqas paragunabbli.

47      Issa, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-kategorija tat-tabakk identifikat bħala “tabakk ieħor għat-tipjip” hija kategorija residwa, li ma tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva (sentenza tas‑6 ta’ April 2017, Eko-Tabak, C‑638/15, EU:C:2017:277, punt 24). Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-kategorija tinkludi neċessarjament prodotti eteroġenji li l-karatteristiċi ta’ manifattura u l-mod ta’ konsum tagħhom ivarjaw u li huma iktar iddiversifikati minn dawk li huma inklużi fiż-żewġ kategoriji l-oħra, jiġifieri s-“sigaretti” u s-“sigarri u sigarri żgħar”, li fihom il-prodotti huma espressament identifikati. F’tali ċirkustanzi, ir-rekwiżit ta’ trattament fiskali identiku għall-prodotti kollha li jaqgħu taħt din il-kategorija residwa jista’ fih innifsu joħloq diskriminazzjonijiet u distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn prodotti tat-tabakk li jappartjenu għall-istess grupp, bi ksur tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2011/64, kif imfakkra fil-premessa 9 tagħha.

48      Minn dak kollu li ntqal jirriżultali r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “taxxa indiretta addizzjonali imposta għal għanijiet speċifiċi fuq prodott suġġett għad-dazju tas-sisa” jkopri taxxa addizzjonali applikabbli għat-tabakk imsaħħan, li l-ammont tagħha jammonta għal 80 % tal-ammont tad-dazju tas-sisa applikabbli għas-sigaretti, wara li jitnaqqas l-ammont tad-dazju tas-sisa applikabbli għal dan it-tabakk imsaħħan.

 Fuq ittieni u ttielet domanda

49      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

 Fuq lispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “taxxa indiretta addizzjonali imposta għal għanijiet speċifiċi fuq prodott suġġett għad-dazju tas-sisa” jkopri taxxa addizzjonali applikabbli għat-tabakk imsaħħan, li l-ammont tagħha jammonta għal 80 % tal-ammont tad-dazju tas-sisa applikabbli għas-sigaretti, wara li jitnaqqas l-ammont tad-dazju tas-sisa applikabbli għal dan it-tabakk imsaħħan.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.