Language of document : ECLI:EU:C:2024:229

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)

14 ta’ Marzu 2024 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Direttiva (UE) 2018/1972 – Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità – Kriterji sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-sanzjoni”

Fil-Kawża C‑439/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE u l-Artikolu 260(3) TFUE, ippreżentat fil‑5 ta’ Lulju 2022,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn U. Małecka, L. Malferrari, E. Manhaeve u J. Samnadda, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

L-Irlanda, irrappreżentata minn M. Browne, A. Joyce, M. Lane u D. O’Reilly, bħala aġenti, assistiti minn S. Brittain, BL,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36) jew, fi kwalunkwe każ, billi naqset milli tikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva;

–        tikkundanna lill-Irlanda tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa bbażata fuq ammont ta’ EUR 5 544.90 kuljum u li titla’ għal mill-inqas EUR 1 376 000;

–        jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu deskritt fl-ewwel inċiż ikompli sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lill-Irlanda tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 24 942.90 kuljum, minn din id-data sad-data tal-eżekuzzjoni, minn dan l-Istat Membru, tal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2018/1972, u

–        tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

 Ilkuntest ġuridiku

2        Il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2018/1972 jistabbilixxu:

“(2)      Il-funzjonament tal-ħames Direttivi li huma parti mill-qafas regolatorju eżistenti għal netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi [...] huma soġġetti għar-reviżjoni perjodika tal-Kummissjoni, bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi determinata l-ħtieġa ta’ tibdil fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u fis-suq.

(3)      Fil-komunikazzjoni tagħha tas‑6 ta’ Mejju 2015 li tistabblixxi Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni ddikjarat li r-reviżjoni tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet tkun tiffoka fuq miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu inċentivi għall-investiment f’netwerks tal-broadband b’veloċità għolja, li jġibu approċċ aktar konsistenti mas-suq intern għall-politika u l-ġestjoni tal-ispektrum tar-radju, iwasslu kondizzjonijiet għal suq intern veru, billi tiġi indirizzata l-frammentazzjoni regolatorja, jiġu żgurati protezzjoni effettiva tal-konsumaturi, livell ekwu għall-partijiet kollha tas-suq u l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli, kif ukoll jipprovdu qafas regolatorju istituzzjonali aktar effettiv.”

3        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u għanijiet”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tan-netwerks tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi assoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali. Din tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn applikabbli, ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Unjoni [Ewropea].

2.      L-għanijiet ta’ din id-Direttiva huma li:

a)      timplimenta suq intern għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jwassal għall-introduzzjoni u l-adozzjoni ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna, kompetizzjoni sostenibbli, interoperabbiltà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, aċċessibbiltà, sigurtà tan-netwerks u tas-servizzi u benefiċċji għall-utenti finali; u

b)      tiżgura l-forniment fl-Unjoni kollha ta’ servizzi affordabbli, ta’ kwalità tajba u disponibbli pubblikament permezz ta’ kompetizzjoni u għażla effettivi, li tittratta ċ-ċirkostanzi fejn il-ħtiġijiet tal-utenti finali, fosthom dawk b’diżabbiltà sabiex ikunu jistgħu jiksbu aċċess għas-servizzi fuq bażi ugwali bħall-oħrajn, ma jiġux sodisfatti biżżejjed mis-suq, u tistabbilixxi d-drittijiet meħtieġa tal-utenti finali.

[...]”

4        L-Artikolu 124 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal‑21 ta’ Diċembru 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill‑21 ta’ Diċembru 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom jinkludu dikjarazzjoni li referenzi f’liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif dik id-dikjarazzjoni tiġi fformulata.”

 Ilproċedura prekontenzjuża u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

5        Peress li ma rċeviet mill-Irlanda ebda komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2018/1972, konformement mal-Artikolu 124 tagħha, il-Kummissjoni, fit‑3 ta’ Frar 2021, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-imsemmi Stat Membru u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

6        Fis‑7 ta’ April 2021, l-awtoritajiet Irlandiżi wieġbu għal din l-ittra billi spjegaw li l-proċedura intiża għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Irlandiż kienet inbdiet u li kienu qed jitfasslu miżuri ta’ traspożizzjoni.

7        Fl-assenza ta’ indikazzjonijiet mill-awtoritajiet Irlandiżi dwar skeda jew dwar data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni, fit‑23 ta’ Settembru 2021, bagħtet opinjoni motivata lill-Irlanda fejn talbitha tikkonforma ruħha magħha qabel it‑23 ta’ Novembru 2021.

8        Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Novembru 2021, ikkompletata b’ittra tas‑26 ta’ Novembru 2021, l-awtoritajiet Irlandiżi talbu proroga tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Il-Kummissjoni stabbilixxiet terminu ġdid għat‑23 ta’ Frar 2022.

9        Fit‑22 ta’ Frar 2022, l-awtoritajiet Irlandiżi wieġbu għall-opinjoni motivata billi invokaw in-natura imprevedibbli tal-iskeda leġiżlattiva Irlandiża sabiex jiġġustifikaw l-impossibbiltà li tiġi prevista b’ċertezza data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972. Madankollu huma ppreċiżaw li kellhom l-intenzjoni jibagħtu parti mill-miżuri ta’ traspożizzjoni fix-xahar ta’ April 2022 lill-Oireachtas (il-Parlament Irlandiż).

10      Peress li qieset li l-Irlanda ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-direttiva, il-Kummissjoni, fis‑6 ta’ April 2022, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

11      Fil‑5 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.

12      Fir-risposta tagħha tas‑16 ta’ Settembru 2022, l-Irlanda talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa għall-kundizzjoni li l-Irlanda ma tkunx ittrasponiet id-Direttiva 2018/1972 f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża.

13      Fil-kontroreplika tagħha tat‑2 ta’ Diċembru 2022, l-Irlanda rrettifikat it-talbiet tagħha billi talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tqis li, fid-data tas-seduta f’din il-kawża, dan l-Istat Membru kien ittraspona kompletament id-Direttiva 2018/1972:

–        tikkonstata li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-kundanna tal-Irlanda għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità u

–        tikkonstata li lanqas ma għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-kundanna tal-Irlanda għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, minħabba li kien legalment impossibbli għall-Irlanda li tittrasponi din id-direttiva fl-osservanza tal-Kostituzzjoni tagħha qabel is-sentenza tas-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) tas‑6 ta’ April 2021 fil-kawża Zalewski v Adjudication Officer (iktar ’il quddiem is-“sentenza Zalewski”) jew, sussidjarjament, li d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom fit-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma kinux imputabbli lill-Irlanda u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu dan inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont ta’ kull somma f’daqqa li tista’ tiġi imposta.

14      Fit‑2 ta’ Diċembru 2022, il-proċedura bil-miktub f’din il-kawża ngħalqet.

15      Permezz ta’ att tal‑5 ta’ Lulju 2023, l-Irlanda informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fis‑16 ta’ Ġunju 2023, hija kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni l-miżuri li permezz tagħhom hija tqis li ttrasponiet id-Direttiva 2018/1972 fl-intier tagħha, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 110 tagħha, li skont dan l-Istat Membru, għandu jiġi traspost fl-iqsar żmien possibbli.

16      Fit‑3 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward u adattat il-konklużjonijiet.

17      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżuri inkwistjoni għadhom ma jiżgurawx traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva 2018/1972 sa fejn huma ma jittrasponux l-Artikolu 110 tagħha u li, sabiex din it-traspożizzjoni tkun tista’ titqies bħala li hija sħiħa, il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu 110 għandhom jiġu kkomunikati lilha.

18      Madankollu, fid-dawl tal-progress imwettaq mill-Irlanda fit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni adattat ukoll it-talbiet tagħha dwar is-sanzjonijiet pekunjarji.

19      Fir-rigward tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni naqset il-koeffiċjent ta’ gravità u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika somma f’daqqa ta’ EUR 4 944 500 għall-perijodu mid-data ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, jiġifieri t‑22 ta’ Diċembru 2020, sat‑8 ta’ Ġunju 2023 u somma f’daqqa abbażi ta’ ammont ta’ EUR 1 100 għal kull jum, fir-rigward tal-perijodu mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, jiġifieri d‑9 ta’ Ġunju 2023, sa dik tat-tmiem tal-ksur jew, fin-nuqqas ta’ dan, dik tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża.

20      Fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni issa tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li timponi pagamenti ta’ penalità kuljum ta’ EUR 4 950 sad-data li fiha l-Irlanda tikkonforma ruħha b’mod sħiħ mal-obbligi previsti fl-Artikolu 124(1) tad-Direttiva 2018/1972.

21      Fis‑27 ta’ Ottubru 2023, l-Irlanda ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-adattament tat-talbiet tal-Kummissjoni. F’dawn l-osservazzjonijiet, hija llimitat ruħha, essenzjalment, sabiex tirrepeti l-argumenti tad-difiża tagħha u, b’mod partikolari, dak dwar l-impossibbiltà li tiġi trasposta d-Direttiva 2018/1972 qabel id-data tal-għoti tas-sentenza Zalewski.

22      Fid‑29 ta’ Novembru 2023, l-Irlanda informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fl-istess jum, hija adottat il-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 110 tad-Direttiva 2018/1972 u li għalhekk hija tqis li ttrasponiet kompletament din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tagħha. Hija ssostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ma hijiex iktar iġġustifikata.

23      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni rriżervat ruħha milli tikkomunika lill-Qorti tal-Ġustizzja r-riżultat tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn il-miżuri kif ukoll il-konsegwenzi eventwali fuq il-konklużjonijiet tagħha dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet lil dan l-Istat Membru.

24      Permezz ta’ att tat‑2 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 mill-Irlanda setgħet titqies li ntlaħqet fid-data tal‑1 ta’ Diċembru 2023 u parzjalment irrinunzjat għar-rikors tagħha, billi rrinunzjat it-talba tagħha ta’ kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-pagamenti ta’ penalità, filwaqt li adattat it-talbiet tagħha intiżi għall-kundanna tal-imsemmi Stat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u billi pproponiet li l-ammont ta’ din tal-aħħar jiġi stabbilit għal EUR 5 137 000.

25      Fit‑12 ta’ Frar 2024, l-Irlanda ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja parzjali għall-atti tal-Kummissjoni u dwar l-adattament tat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

 Fuq irrikors

 Fuq innuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont lArtikolu 258 TFUE

 Largumenti tal-partijiet

26      Il-Kummissjoni tfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni tad-direttivi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, fit-termini stabbiliti minn dawn id-direttivi, u jikkomunikaw immedjatament dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

27      Il-Kummissjoni tippreċiża li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

28      Issa, f’dan il-każ, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, jew saħansitra fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, l-Irlanda kienet għadha ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tittrasponi d-Direttiva 2018/1972 fid-dritt nazzjonali tagħha u, fi kwalunkwe każ, ma kkomunikathomx lill-Kummissjoni.

29      Skont il-Kummissjoni, l-Irlanda ma tikkontestax realment in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija ġiet kkritikata, billi tillimita ruħha li tinvoka ċirkustanzi ta’ natura prattika u interna sabiex tiġġustifikah. Issa, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu previst minnha ma jistax jiġi ġġustifikat minn tali ċirkustanzi.

30      L-Irlanda tirrikonoxxi li ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2018/1972 qabel id-data ta’ traspożizzjoni prevista minn din id-direttiva.

31      Hija tippreċiża, madankollu, li, minn naħa, il-Gvern Irlandiż kien approva abbozz ta’ liġi dwar ir-regolamentazzjoni tal-komunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ liġi”), li kien ser jiġi eżaminat mill-Parlament Irlandiż matul il-ħarifa tas-sena 2022 u li jimplimenta parzjalment l-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, hija ppreżentat ukoll is-statutory instrument (att regolatorju) SI Nru 444 of 2022, li ġie ffirmat u ppubblikat u li japplika mid-dħul fis-seħħ tal-abbozz ta’ liġi. L-Irlanda indikat li l-verżjoni definittiva tal-abbozz ta’ liġi u dan l-att regolatorju kienu ser jiġu ppubblikati mhux iktar tard mit‑30 ta’ Settembru 2022 u li l-liġi probabbilment ser tiġi ppromulgata mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2022.

32      Sabiex tiġġustifika d-dewmien, l-Irlanda tispjega li, permezz tas-sentenza Zalewski, is-Supreme Court of Ireland (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li l-Workplace Relations Commission (il-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali, l-Irlanda), korp inkarigat mir-riżoluzzjoni ta’ tilwimiet dwar id-dritt industrijali fl-Irlanda, ipparteċipat fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja konformement mal-Artikolu 37 tal-Kostituzzjoni Irlandiża. B’dan il-mod, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) bidlet il-ġurisprudenza preċedenti tagħha.

33      Għalhekk, in-neċessità li l-abbozz ta’ liġi jiġi adattat b’mod li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti kostituzzjonali l-ġodda li japplikaw għall-korpi inkarigati mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja, li jirriżultaw minn din is-sentenza, kienet tikkostitwixxi r-raġuni prinċipali għad-dewmien fir-redazzjoni ta’ dan l-abbozz. Fil-fatt, l-imsemmija sentenza estendiet b’mod wiesa’ n-numru ta’ kompetenzi kkunsidrati bħala li jimplikaw l-amministrazzjoni tal-ġustizzja skont id-dritt kostituzzjonali Irlandiż, b’tali mod li korpi preċedentement ikkunsidrati bħala li għandhom kompetenzi purament amministrattivi jew regolamentari jistgħu jitqiesu bħala li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ wħud mill-kompetenzi deċiżjonali regolatorji tagħhom, b’mod partikolari f’dawk li jimplikaw li tingħata deċiżjoni dwar id-drittijiet tal-partijiet fil-kawża f’tilwimiet.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dewmien fl-implimentazzjoni, mill-Irlanda, tad-Direttiva 2018/1972 huwa prinċipalment dovut għall-isforzi kbar li kienu saru sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni ta’ din id-direttiva li tkun konformi mar-rekwiżiti kostituzzjonali l-ġodda, li seħħew wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, l-osservanza ta’ dan it-terminu ma kinitx tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sentenza Zalewski, li seta’ jwassal għall-konstatazzjoni li l-mod li bih l-Irlanda kienet implimentat l-istess direttiva kien illegali.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet tippreżenta ruħha s-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, għalkemm direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkun fihom riferiment għal din id-direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, fi kwalunkwe każ huwa neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, it-terminu għall-għoti ta’ tweġiba għall-opinjoni motivata, kif ipprorogat mill-Kummissjoni, skada fit‑23 ta’ Frar 2022. Konsegwentement, għandha tiġi evalwata l-eżistenza jew le tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’dik id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, fl-imsemmija data, l-Irlanda ma kinitx adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

39      Sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha, l-Irlanda tinvoka n-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti kostituzzjonali ġodda li japplikaw għall-korpi inkarigati mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja, li jirriżultaw mis-sentenza Zalewski, li għamel il-proċess leġiżlattiv wieħed kumpless ħafna.

40      Issa, tali argument ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni.

41      Fil-fatt, l-allegata natura kumplessa tal-proċess leġiżlattiv intern ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 ma tistax tkun rilevanti, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament intern ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni u lanqas, għaldaqstant, it-traspożizzjoni tardiva jew inkompleta tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (MiFID II), C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif ipprorogat mill-Kummissjoni, ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2018/1972 u, għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva.

 Fuq ittalbiet imressqa skont lArtikolu 260(3) TFUE

 Fuq ittalba għallkundanna għallħlas ta’ pagamenti ta’ penalità

43      Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, permezz ta’ att tat‑2 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 mill-Irlanda setgħet titqies li ntemmet fid-data tal‑1 ta’ Diċembru 2023 u, għaldaqstant, irtirat it-talba tagħha għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba.

 Fuq it-talba għallkundanna għallħlas ta’ somma f’daqqa

–       Largumenti tal-partijiet

45      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li d-Direttiva 2018/1972 ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ twettiq mill-Irlanda tal-obbligi previsti fl-Artikolu 124 ta’ din id-direttiva, minħabba l-fatt li dan l-Istat Membru ma kkomunikalhiex id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar, jikkostitwixxi manifestament assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE.

46      Il-Kummissjoni tfakkar li, fil-punt 23 tal-Komunikazzjoni 2011/C 12/01 tagħha, intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE” (ĠU 2011, C 12, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2011”), hija ppreċiżat li s-sanzjonijiet li hija ser tipproponi skont l-Artikolu 260(3) TFUE ser jiġu kkalkolati skont l-istess metodu bħal dak użat għat-tressiq ta’ kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont dan l-Artikolu 260(2), kif espost fil-punti 14 sa 18 tal-Komunikazzjoni SEC(2005) 1658 tagħha, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu [260 TFUE]” (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2005”).

47      Konsegwentement, id-determinazzjoni tas-sanzjoni għandha tkun ibbażata, fl-ewwel lok, fuq il-gravità tal-ksur, fit-tieni lok, fuq it-tul tiegħu u, fit-tielet lok, fuq in-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni stess sabiex jiġu evitati r-reċidivi.

48      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, konformement mal-punt 16 tal-Komunikazzjoni tal‑2005 u mal-Komunikazzjoni tal‑2011, il-Kummissjoni tiffissa l-koeffiċjent ta’ gravità billi tieħu inkunsiderazzjoni żewġ parametri, jiġifieri, minn naħa, l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li huma s-suġġett tal-ksur u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tagħhom għall-interessi ġenerali u partikolari inkwistjoni.

49      Għalhekk, minn naħa, il-Kummissjoni tirrileva li d-Direttiva 2018/1972 hija l-att leġiżlattiv prinċipali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Qabelxejn, il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (iktar ’il quddiem il-“KEKE”) jimmodernizza l-qafas regolamentari tal-Unjoni dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi billi jsaħħaħ l-għażliet u d-drittijiet tal-konsumaturi, billi jiggarantixxi standards ogħla ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, billi jippromwovi l-investiment f’networks b’kapaċità għolja ħafna u billi jippromwovi l-aċċess mingħajr fili għall-konnettività b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni kollha. Sussegwentement, il-KEKE jistabbilixxi regoli għall-organizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-istruttura istituzzjonali u l-governanza ta’ dan tal-aħħar. Id-dispożizzjonijiet tiegħu jsaħħu r-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali billi jistabbilixxu sensiela minima ta’ kompetenzi għal dawn l-awtoritajiet u billi jsaħħu l-indipendenza tagħhom, permezz tal-istabbiliment ta’ kriterji għall-ħatriet, u l-obbligi fil-qasam ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, il-KEKE jiżgura wkoll ġestjoni effikaċi u effettiva tal-ispettru tar-radju (iktar ’il quddiem l-“ispettru”). Dawn id-dispożizzjonijiet isaħħu l-koerenza tal-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tal-aspetti essenzjali tal-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispettru. L-imsemmija dispożizzjonijiet jippromwovu l-kompetizzjoni bejn l-infrastrutturi u l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni kollha. Fl-aħħar nett, il-KEKE jirregola diversi aspetti tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-obbligi ta’ servizz universali, ir-riżorsi ta’ numerazzjoni u d-drittijiet tal-utenti finali. It-tisħiħ ta’ dawn ir-regoli għandu l-għan li jżid is-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawn is-servizzi bi prezz affordabbli.

50      Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Irlandiż, l-ewwel nett, jippreġudika l-prattiki regolatorji fl-Unjoni kollha għal dak li jirrigwarda l-ġestjoni tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispettru u r-regoli ta’ aċċess għas-suq. Konsegwentement, l-impriżi la jibbenefikaw minn proċeduri iktar koerenti u prevedibbli għall-għoti jew għat-tiġdid tad-drittijiet ta’ użu tal-ispettru eżistenti u lanqas mill-prevedibbiltà tar-regolamentazzjoni li tirriżulta mit-tul minimu ta’ 20 sena tal-liċenzji għall-użu tal-ispettru. Tali nuqqasijiet għandhom influwenza diretta fuq id-disponibbiltà u fuq l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna ġewwa l-Unjoni. It-tieni nett, il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn sensiela ta’ vantaġġi tanġibbli mogħtija lilhom minn din id-direttiva, bħal soluzzjonijiet relatati mal-aċċess għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet affordabbli, ir-rekwiżit li jingħataw informazzjoni ċara dwar il-kuntratti, l-obbligu li jiġu applikati tariffi trasparenti, is-simplifikazzjoni tal-bidla tal-fornituri ta’ networks sabiex jiġu promossi prezzijiet bl-imnut iktar affordabbli u l-obbligu, għall-operaturi, li joffru lill-utenti finali b’diżabbiltà aċċess ekwivalenti għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

51      Peress li ma identifikatx fatturi aggravanti jew attenwanti, il-Kummissjoni tipproponi koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 f’din il-kawża. Tali koeffiċjent għandu, skont il-Kummissjoni, jitnaqqas għal 2 għall-perijodu sussegwenti għad‑9 ta’ Ġunju 2023, data ta’ dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2018/1972 ikkomunikati mill-Irlanda.

52      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ssostni li dan jikkorrispondi għall-perijodu mid-data wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, jiġifieri t‑22 ta’ Diċembru 2020, sad-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni li jiġi ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s‑6 ta’ April 2022. Minn dan isegwi li t-terminu rilevanti huwa ta’ ħmistax-il xahar. Billi applikat il-koeffiċjent ta’ 0.10 kull xahar previst fil-punt 17 tal-Komunikazzjoni tal-2005, moqri flimkien mal-Komunikazzjoni tal‑2011, il-koeffiċjent ta’ tul huwa għalhekk ta’1.5.

53      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Irlanda, il-Kummissjoni applikat il-fattur “n” previst fil-Komunikazzjoni 2019/C 70/01 tagħha, intitolata “Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummisssjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” (ĠU 2019, C 70, p. 1). Dan il-fattur jieħu inkunsiderazzjoni żewġ elementi, jiġifieri l-prodott domestiku gross (PDG) u l-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, irrappreżentat min-numru ta’ siġġijiet attribwiti lil dan l-Istat Membru fil-Parlament Ewropew.

54      Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronikil) (C‑51/20, EU:C:2022:36), diġà kkontestat ir-rilevanza kemm ta’ dan it-tieni element kif ukoll tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 previsti minn din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni madankollu ddeċidiet li tapplika f’dan il-każ il-kriterji previsti minnha, fl-istennija tal-adozzjoni ta’ komunikazzjoni ġdida li tieħu inkunsiderazzjoni din il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

55      Għalhekk, konformement mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2022/C 74/02, intitolata “L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-penali li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2022, C 74, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2022”), il-fattur “n” għall-Irlanda huwa ta’ 0.61. Madankollu, fl-osservazzjonijiet tagħha tat‑3 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni applikat il-fattur “n” ta’ 0.55 kif huwa llum previst għal dan l-Istat Membru fl-Anness I tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2023, C 2, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2023”).

56      Konformement mal-Komunikazzjoni 2017/C 18/02 tagħha, intitolata “Id-Dritt tal-[Unjoni]: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar” (ĠU 2017, C 18, p. 10), il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq l-Irlanda somma f’daqqa abbażi tal-perijodu inkluż bejn id-data wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-Direttiva 2018/1972 u dik li fiha dan l-Istat Membru kien kompletament ikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu skont din id-direttiva, jiġifieri l‑1 ta’ Diċembru 2023.

57      Mill-punt 20 tal-Komunikazzjoni tal‑2005 jirriżulta li s-somma f’daqqa għandu jkollha tal-inqas bażi minima fissa, li tirrifletti l-prinċipju li kull każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni persistenti tad-dritt tal-Unjoni jirrappreżenta fih innifsu, indipendentement minn kull ċirkustanza aggravanti, ksur tal-prinċipju ta’ legalità f’komunità ta’ dritt li jeħtieġ sanzjoni reali. Konformement mal-Komunikazzjoni tal‑2022, is-somma f’daqqa minima għall-Irlanda hija ta’ EUR 1 376 000.

58      B’applikazzjoni tal-metodu stabbilit mill-Komunikazzjonijiet tal‑2005 u tal‑2011, jekk ir-riżultat tal-kalkolu tas-somma f’daqqa kellu jaqbeż din is-somma f’daqqa minima, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina s-somma f’daqqa permezz tal-multiplikazzjoni ta’ ammont kuljum bin-numru ta’ ġranet li matulhom il-ksur ikkonċernat ikun ippersista bejn id-data ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni u dik li fiha jintemm dan il-ksur jew, fin-nuqqas ta’ dan, dik tal-għoti tas-sentenza mogħtija skont l-Artikolu 260(3) TFUE. Għalhekk, l-ammont ta’ kuljum tas-somma f’daqqa għandu jiġi kkalkolat billi jiġi mmultiplikat l-ammont standard b’rata fissa applikabbli għall-kalkolu tal-ammont kuljum tas-somma f’daqqa mal-koeffiċjent ta’ gravità u mal-fattur “n”. Issa, dan l-ammont standard b’rata fissa huwa, konformement mal-punt 2 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023, ta’ EUR 1 000. F’dan il-każ, il-koeffiċjent ta’ gravità huwa 10, għall-ewwel 899 jum tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri bejn it‑22 ta’ Diċembru 2020 u t‑8 ta’ Ġunju 2023, u 2 għall-perijodu li beda fid‑9 ta’ Ġunju 2023. Il-fattur “n” huwa 0.55. Minn dan jirriżulta li l-ammont tas-somma f’daqqa huwa EUR 4 944 500 għall-perijodu inkluż bejn it‑22 ta’ Diċembru 2020 u t‑8 ta’ Ġunju 2023 u EUR 1 100 kuljum għall-perijodu mid‑9 ta’ Ġunju 2023 sal-jum qabel id-data li fiha l-Irlanda kkonformat ruħha għal kollox mal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2018/1972, jiġifieri t‑30 ta’ Novembru 2023. B’konsegwenza, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Irlanda għall-ħlas tas-somma f’daqqa ta’ EUR 5 137 000.

59      Fir-risposta tagħha, l-Irlanda sempliċement titlob, fid-dawl tar-raġunijiet li hija allegat matul il-proċedura prekontenzjuża sabiex tiġġustifika d-dewmien tagħha fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundannaha għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, dovuta tliet xhur wara l-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, fl-ipoteżi fejn hija tastjeni milli tittrasponi din id-direttiva qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

60      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ddeduċiet minn dan, minn naħa, li l-Irlanda titlob impliċitament li l-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa tkun kundizzjonali u posposta.

61      Issa, il-Kummissjoni ssostni li din it-talba għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, l-Irlanda sempliċement tispjega r-raġunijiet għad-dewmien tagħha tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 billi tinvoka, essenzjalment, diffikultajiet ta’ natura kostituzzjonali marbuta ma’ din it-traspożizzjoni. Madankollu, tali raġunijiet ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u dan iktar u iktar meta dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien ippersista u li dan l-Istat Membru ma pproduċiex prova ta’ kooperazzjoni.

62      Fil-kontroreplika tagħha, l-Irlanda tippreċiża li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, hija ddjalogat ma’ din l-istituzzjoni matul il-proċedura kollha. Minbarra dan, ma hemmx lok li tiġi imposta kwalunkwe somma f’daqqa. Fil-fatt, minn naħa, id-dewmien inizjali, jiġifieri dak li jikkorrispondi għall-perijodu bejn id-data ffissata għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l‑21 ta’ Diċembru 2020, u dik li fiha ngħatat is-sentenza Zalewski, jiġifieri s‑6 ta’ April 2021, jidħol fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u tat-tfixkil li hija kkawżat. Min-naħa l-oħra, sentenza ta’ bidla bħalma hija s-sentenza Zalewski hija avveniment estremament mhux tas-soltu.

63      Għalhekk, id-dewmien meħud mill-Irlanda fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 mis‑6 ta’ April 2021 kien dovut għal ċirkustanzi li kienu totalment lil hinn mill-kontroll tagħha.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ma jkollha ebda effett dissważiv fuq l-Irlanda u, konsegwentement, ma għandiex tiġi imposta, bil-kundizzjoni li, fid-data tas-seduta f’din il-kawża, id-Direttiva 2018/1972 tkun ġiet trasposta.

65      Sussidjarjament, l-Irlanda għandha tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ somma f’daqqa żgħira ħafna. Fil-fatt, ir-raġunijiet li għalihom l-Irlanda ma ttrasponietx id-Direttiva 2018/1972 jippermettu li jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ltaqa’ ma’ diffikultajiet insurmontabbli li għalihom huwa bl-ebda mod ma kien responsabbli.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

66      Peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif ipprorogat mill-Kummissjoni, l-Irlanda ma kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

67      Il-Kummissjoni titlob l-applikazzjoni ta’ somma f’daqqa.

68      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iskop tal-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa skont l-imsemmija dispożizzjoni huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista għal żmien twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata)

69      Għal dak li jirrigwarda l-opportunità li tiġi imposta somma f’daqqa f’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari sabiex tipprevjeni r-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-fatt li l-Irlanda kkooperat mad-dipartimenti tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża kollha u li hija żammet lil dawn tal-aħħar informati bir-raġunijiet li pprekludewha milli tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Irlandiż, l-elementi legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, jiġifieri l-assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għal din it-traspożizzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u anki fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Irlanda espost fil-punt 62 ta’ din is-sentenza

72      Fil-fatt, minn naħa, l-allegati diffikultajiet marbuta mal-għoti tas-sentenza Zalewski ma jistgħux ikunu rilevanti, peress li, hekk kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, prattiki jew sitwazzjonijiet ta’ ordinament intern ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni u lanqas, għaldaqstant, it-traspożizzjoni tardiva jew inkompleta tagħhom.

73      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-effetti tal-pandemija tal-COVID 19, li faqqgħet fil-bidu tal‑2020, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li kien il-leġiżlatur tal-Unjoni li kellu l-obbligu li jipproroga t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 kieku kkunsidra li l-effetti ta’ din il-pandemija, li affettwat it-territorju kollu tal-Unjoni, kienu tali li pprekludew lill-Istati Membri milli jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom skont din id-direttiva.

74      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, huwa xieraq li tiġi imposta somma f’daqqa fuq l-Irlanda.

75      Għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma f’daqqa, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam hekk kif iddefinita mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa li Stat Membru jista’ jiġi kkundannat iħallas bis-saħħa tal-Artikolu 260(3) TFUE, b’tali mod li dan jiġi, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, ikun proporzjonat għall-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu b’mod partikolari elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan tal-aħħar ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa ta’ gravità ċerta (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata)

77      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif ipprorogat mill-Kummissjoni, jiġifieri fit‑23 ta’ Frar 2022, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi ta’ traspożizzjoni tagħha taħt id-Direttiva 2018/1972, b’tali mod li l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni ma ġietx żgurata. Il-gravità ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija msaħħa mill-fatt li, f’din id-data, l-Irlanda kienet għadha ma kkomunikat ebda miżura ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

78      Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-Direttiva 2018/1972 hija l-att leġiżlattiv prinċipali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

79      B’mod partikolari, qabelxejn, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2018/1972, din “tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tan-netwerks tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi assoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali. Din tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn applikabbli, ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Unjoni.”

80      Sussegwentement, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, din hija intiża, minn naħa, li timplimenta suq intern ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jwassal għall-introduzzjoni u għall-penetrazzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, għall-ħolqien ta’ kompetizzjoni sostenibbli, għall-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-aċċessibbiltà, għas-sigurtà tan-networks u tas-servizzi, filwaqt li jingħataw benefiċċji lill-utenti finali, u, min-naħa l-oħra, li tiżgura l-provvista fl-Unjoni kollha ta’ servizzi disponibbli għall-pubbliku ta’ kwalità tajba u affordabbli permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u ta’ għażliet effettivi, li tittratta l-każijiet fejn il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jiġux issodisfatti b’mod korrett mis-suq, b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà sabiex huma jkunu jistgħu jkollhom aċċess għas-servizzi fuq bażi ugwali bħall-utenti l-oħra, u li tiddefinixxi d-drittijiet li għandhom jingħataw lill-utenti finali.

81      Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mill-premessi 2 u 3 tal-imsemmija direttiva, din temenda l-qafas regolamentari fis-seħħ qabel l-adozzjoni tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji u tas-suq.

82      Għandu jiġi rrilevat li, kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Irlandiż, l-ewwel nett, jippreġudika l-prattiki regolatorji fl-Unjoni kollha għal dak li jirrigwarda l-ġestjoni tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispettru u r-regoli ta’ aċċess għas-suq. Konsegwentement, l-impriżi la jibbenefikaw minn proċeduri iktar koerenti u prevedibbli għall-għoti jew għat-tiġdid tad-drittijiet ta’ użu tal-ispettru eżistenti u lanqas mill-prevedibbiltà tar-regolamentazzjoni li tirriżulta mit-tul minimu ta’ 20 sena tal-liċenzji għall-użu tal-ispettru. Tali nuqqasijiet għandhom influwenza diretta fuq id-disponibbiltà u fuq l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna ġewwa l-Unjoni. It-tieni nett, il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn sensiela ta’ vantaġġi tanġibbli mogħtija lilhom minn din id-direttiva, bħal soluzzjonijiet relatati mal-aċċess għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet affordabbli, ir-rekwiżit li jingħataw informazzjoni ċara dwar il-kuntratti, l-obbligu li jiġu applikati tariffi trasparenti, is-simplifikazzjoni tal-bidla tal-fornituri ta’ networks sabiex jiġu promossi prezzijiet bl-imnut iktar affordabbli u l-obbligu, għall-operaturi, li joffru lill-utenti finali b’diżabbiltà aċċess ekwivalenti għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

83      Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tas-somma f’daqqa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li, matul il-proċedura, l-Irlanda kkomunikat lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2018/1972.

84      Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li bħala prinċipju dan għandu jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u li din l-evalwazzjoni tal-fatti għandha titqies bħala li sseħħ fid-data ta’ għeluq tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punti 66 u 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bid-differenza tal-pagamenti ta’ penalità kuljum, id-data li għandha tiġi adottata sabiex jiġi evalwat it-tul tan-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 79, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 90).

86      F’dan il-każ, ma huwiex validament ikkontestat li, fid-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 124 tad-Direttiva 2018/1972, jiġifieri l‑21 ta’ Diċembru 2020, l-Irlanda ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, u lanqas, għaldaqstant, ma kkomunikathom lill-Kummissjoni.

87      Fil-fatt, minn naħa, fl-osservazzjonijiet tagħha tat‑12 ta’ Frar 2024 dwar l-adattament tat-talbiet tal-Kummissjoni, l-Irlanda ma tikkontestax li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Irlandiż tista’ titqies bħala li ntlaħqet fl‑1 ta’ Diċembru 2023.

88      Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza ppersista matul il-perijodu inkluż bejn it‑22 ta’ Diċembru 2020 u t‑30 ta’ Novembru 2023, jiġifieri perijodu ta’ 1073 jum, li jikkostitwixxi tul twil ħafna.

89      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan it-tul ta’ żmien seta’ rriżulta parzjalment minn ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19. Fil-fatt, l-Irlanda ssostni, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li dawn iċ-ċirkustanzi, imprevedibbli u indipendenti mill-volontà tagħha, dewmu l-proċess leġiżlattiv neċessarju għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 u, konsegwentement, tawwlu l-perijodu li matulu baqa’ jippersisti dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Irlanda.

90      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG ta’ dan l-Istat Membru, kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 85, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 97).

91      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-PDG tal-Irlanda, il-piż istituzzjonali tagħha fl-Unjoni espress min-numru ta’ siġġijiet li dan l-Istat Membru għandu fi ħdan il-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tqis ukoll li għandu jintuża koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 sabiex tiġi żgurata n-natura proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet li hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq l-imsemmi Stat Membru.

92      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ippreċiżat b’mod ċar ħafna, minn naħa, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma jidhirx li huwa indispensabbli sabiex tiġi ggarantita dissważjoni suffiċjenti u sabiex iwassal lil dan l-Istat Membru jbiddel l-aġir attwali jew futur tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma wrietx il-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom hija ffissat il-valur tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronikil) (C‑51/20, EU:C:2022:36, punti 115 u 117).

93      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li, fir-rigward tas-somma f’daqqa li l-ħlas tagħha hija timponi, din ma tistax teċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, hemm lok li jitqies li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 124 tad-Direttiva 2018/1972 u li jaffettwa l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 4 500 000.

94      Konsegwentement, l-Irlanda għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa għal ammont ta’ EUR 4 500 000.

 Fuq lispejjeż

95      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 141(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk il-parti l-oħra tagħmel talba f’dan is-sens fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti. Dan l-Artikolu 141(2) jipprevedi madankollu li, fuq talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti, il-parti l-oħra għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher li huwa ġġustifikat fid-dawl tal-aġir ta’ din il-parti l-oħra. Fl-aħħar nett, skont l-imsemmi Artikolu 141(4), fin-nuqqas ta’ talba dwar l-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

96      F’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-Irlanda u għalkemm ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, din l-istituzzjoni rrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha mingħajr ma talbet li dan l-Istat Membru jbati l-ispejjeż relatati ma’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rinunzja għall-atti mill-Kummissjoni, l-imsemmi Stat Membru ma talabx li din tal-aħħar tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

97      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rinunzja għall-atti tal-Kummissjoni kienet ir-riżultat tal-attitudni tal-Irlanda, billi dan l-Istat Membru ma kienx adotta u ma kienx ikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva 2018/1972 ħlief wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, u huwa minħabba din l-attitudni li t-talba ta’ din l-istituzzjoni intiża għall-kundanna tal-imsemmi Stat Membru għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità saret mingħajr skop u li l-Kummissjoni rtiratha.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li ma tistax tiġi stabbilita distinzjoni rilevanti bejn l-ispejjeż relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza u dawk relatati mar-rinunzja parzjali għall-atti tal-Kummissjoni, hemm lok li jiġi deċiż li l-Irlanda għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Id‑Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif ipprorogat mill-Kummissjoni Ewropea, ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u talKunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, u għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva.

2)      L-Irlanda hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa għal ammont ta’ EUR 4 500 000.

3)      L-Irlanda hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.