Language of document : ECLI:EU:C:2024:230

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

14 ta’ Marzu 2024 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Direttiva (UE) 2018/1972 – Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità – Kriterji sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-sanzjoni – Rinunzja parzjali għall-atti”

Fil-Kawża C‑449/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE u l-Artikolu 260(3) TFUE, ippreżentat fis‑7 ta’ Lulju 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Caro de Sousa, U. Małecka, L. Malferrari u E. Manhaeve, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn P. Barros da Costa u A. Pimenta, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi ma adottax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 124(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36), jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva;

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża tħallas somma f’daqqa ta’ EUR 5 181.3 kuljum mit‑22 ta’ Diċembru 2020 sal-osservanza tal-obbligu tagħha ta’ komunikazzjoni jew sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża u ta’ mhux inqas minn EUR 1 286 000;

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 23 307.3 mid-data tal-għoti tas-sentenza sad-data li fiha dan l-Istat Membru josserva dan l-obbligu, u

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

 Ilkuntest ġuridiku

2        Il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2018/1972 jgħidu li:

“(2)      Il-funzjonament tal-ħames Direttivi li huma parti mill-qafas regolatorju eżistenti għal netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi […] huma soġġetti għar-reviżjoni perjodika tal-Kummissjoni, bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi determinata l-ħtieġa ta’ tibdil fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u fis-suq.

(3)      Fil-komunikazzjoni tagħha tas‑6 ta’ Mejju 2015 li tistabblixxi Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni ddikjarat li r-reviżjoni tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet tkun tiffoka fuq miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu inċentivi għall-investiment f’netwerks tal-broadband b’veloċità għolja, li jġibu approċċ aktar konsistenti mas-suq intern għall-politika u l-ġestjoni tal-ispektrum tar-radju, iwasslu kondizzjonijiet għal suq intern veru, billi tiġi indirizzata l-frammentazzjoni regolatorja, jiġu żgurati protezzjoni effettiva tal-konsumaturi, livell ekwu għall-partijiet kollha tas-suq u l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli, kif ukoll jipprovdu qafas regolatorju istituzzjonali aktar effettiv.”

3        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u għanijiet”, jipprevedi li:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tan-netwerks tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi assoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali. Din tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn applikabbli, ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Unjoni [Ewropea].

2.      L-għanijiet ta’ din id-Direttiva huma li:

(a)      timplimenta suq intern għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jwassal għall-introduzzjoni u l-adozzjoni ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna, kompetizzjoni sostenibbli, interoperabbiltà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, aċċessibbiltà, sigurtà tan-netwerks u tas-servizzi u benefiċċji għall-utenti finali; u

(b)      tiżgura l-forniment fl-Unjoni kollha ta’ servizzi affordabbli, ta’ kwalità tajba u disponibbli pubblikament permezz ta’ kompetizzjoni u għażla effettivi, li tittratta ċ-ċirkostanzi fejn il-ħtiġijiet tal-utenti finali, fosthom dawk b’diżabbiltà sabiex ikunu jistgħu jiksbu aċċess għas-servizzi fuq bażi ugwali bħall-oħrajn, ma jiġux sodisfatti biżżejjed mis-suq, u tistabbilixxi d-drittijiet meħtieġa tal-utenti finali.

[…]”

4        L-Artikolu 124 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal‑21 ta’ Diċembru 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill‑21 ta’ Diċembru 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom jinkludu dikjarazzjoni li referenzi f’liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif dik id-dikjarazzjoni tiġi fformulata.”

 Ilproċedura prekontenzjuża u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

5        Peress li r-Repubblika Portugiża ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2018/1972 skont l-Artikolu 124 tagħha, il-Kummissjoni, fit‑3 ta’ Frar 2021, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

6        Fit‑12 ta’ April 2021, l-awtoritajiet Portugiżi wieġbu għal din l-ittra billi spjegaw l-istadji differenti tal-proċedura li kienu nbdew sabiex id-Direttiva 2018/1972 tiġi trasposta fid-dritt Portugiż. Huma ppreċiżaw, b’mod partikolari, li abbozz ta’ liġi kien ġie approvat mill-Kunsill tal-Ministri sabiex jintbagħat lura quddiem il-Parlament fl‑1 ta’ April 2021 u li dan l-abbozz kien ser jiġi adottat fit-tieni trimestru tal‑2021.

7        Fl-assenza ta’ informazzjoni oħra dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, il-Kummissjoni, fit‑23 ta’ Settembru 2021, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Portugiża fejn talbitha tikkonforma ruħha magħha qabel it‑23 ta’ Novembru 2021.

8        Fil‑25 ta’ Novembru 2021, l-awtoritajiet Portugiżi wieġbu għal din l-opinjoni motivata billi pprovdew lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-istat tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, li kienet ġiet ittardjata minħabba bidliet li seħħew fil-Portugall, iżda mingħajr ma pprovdew ebda indikazzjoni dwar dati eventwali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

9        Peress li qieset li r-Repubblika Portugiża ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni, fis‑6 ta’ April 2022, iddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rikors.

10      Fit‑22 ta’ April 2022, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu ittra lill-Kummissjoni fejn informawha li l-Kunsill tal-Ministri kien adotta abbozz ta’ liġi intiż sabiex jittrasponi d-Direttiva 2018/1972 u impenjaw ruħhom li jinformaw lill-Kummissjoni bil-proċess leġiżlattiv li kien għaddej.

11      Fl‑31 ta’ Mejju 2022, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu ittra ġdida lill-Kummissjoni fejn informawha li dan l-abbozz ta’ liġi kollu kemm hu kien ġie sottomess għall-eżami tal-Parlament.

12      Permezz ta’ ittri tad‑29 ta’ Ġunju u tat‑30 ta’ Ġunju 2022, l-awtoritajiet Portugiżi żammew lill-Kummissjoni informata dwar l-istadji differenti tal-proċess u tal-iskeda leġiżlattivi dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972.

13      Fis‑7 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

14      Ir-Repubblika Portugiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, tiċħad dan ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, sussidjarjament, li ma tapplika ebda sanzjoni kif ukoll, iktar sussidjarjament, li ma tapplika ebda pagamenti ta’ penalità u li tnaqqas l-ammont tas-somma f’daqqa proposta mill-Kummissjoni.

15      Fil‑25 ta’ Lulju 2022, ir-Repubblika Portugiża bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-osservanza tal-iskeda li dan l-Istat Membru kien bagħtilha kif ukoll dwar l-approvazzjoni tal-abbozz ta’ liġi msemmi fil-punt 10 ta’ din is-sentenza u l-vot parlamentari tal‑21 ta’ Lulju 2022. Din il-komunikazzjoni kienet akkumpanjata, b’mod partikolari, mit-test ta’ dan l-abbozz ta’ liġi kif approvat.

16      Fis‑16 ta’ Awwissu 2022, ir-Repubblika Portugiża informat lill-Kummissjoni bil-pubblikazzjoni, fid-Diário da República, tal-Liġi Nru 16, tas‑16 ta’ Awwissu 2022 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 16/2022”), li, skont dan l-Istat Membru, tittrasponi kompletament id-Direttiva 2018/1972 fl-ordinament ġuridiku Portugiż.

17      Fit‑8 ta’ Settembru 2022, ir-Repubblika Portugiża bagħtet lill-Kummissjoni tabella ta’ korrispondenza bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972 u dawk tal-Liġi Nru 16/2022 (iktar ’il quddiem it-“tabella ta’ korrispondenza”).

18      Fit‑18 ta’ Ottubru u fl‑24 ta’ Ottubru 2022, dan l-Istat Membru kkomunika lill-Kummissjoni sitt miżuri nazzjonali supplimentari ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972.

19      Fil‑25 ta’ Ottubru 2022, l-imsemmi Stat Membru kkomunika lill-Kummissjoni verżjoni aġġornata tat-tabella ta’ korrispondenza.

20      Fid‑19 ta’ Diċembru 2022, il-proċedura bil-miktub f’din il-kawża ngħalqet.

21      Permezz ta’ att tat‑22 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 mir-Repubblika Portugiża setgħet titqies li ntemmet fid-data tal‑25 ta’ Ottubru 2022 u rrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha, filwaqt li ppreċiżat it-talbiet tagħha intiżi għall-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ ammont ta’ EUR 3 481 833.6.

22      Fis‑17 ta’ April 2023, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja parzjali għall-atti tal-Kummissjoni.

 Fuq irrikors

 Fuq innuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont lArtikolu 258 TFUE

 Largumenti talpartijiet

23      Il-Kummissjoni tfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni tad-direttivi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, fit-termini stabbiliti minn dawn id-direttivi, u jikkomunikaw immedjatament dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

24      Il-Kummissjoni tippreċiża li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

25      Issa, f’dan il-każ, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, jew saħansitra fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika Portugiża kienet għadha ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tittrasponi d-Direttiva 2018/1972 fid-dritt nazzjonali tagħha u, fi kwalunkwe każ, ma kkomunikathomx lill-Kummissjoni.

26      Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Portugiża ma tikkontestax realment in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija ġiet kkritikata, billi tillimita ruħha li tinvoka ċirkustanzi ta’ natura prattika u interna sabiex tiġġustifikah. Issa, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu previst minnha ma jistax jiġi ġġustifikat minn tali ċirkustanzi.

27      Ir-Repubblika Portugiża tirribatti, qabelxejn, li, permezz tal-Liġi Nru 16/2022, ikkomunikata lill-Kummissjoni fl-istess jum tal-pubblikazzjoni tagħha fid-Diário da República, hija kkonformat ruħha b’mod sħiħ mal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2018/1972.

28      Sussegwentement, dan l-Istat Membru jqis li kull nuqqas eventwali għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kumplessità ta’ din id-direttiva, li hija kkonfermata min-numru kbir ta’ proċeduri ta’ ksur mibdija kontra Stati Membri oħra, kif ukoll mill-proċess ta’ traspożizzjoni interna.

29      Fi kwalunkwe każ, l-iskeda għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fl-ordinament ġuridiku Portugiż ma affettwatx il-funzjonament tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, peress li din id-direttiva twassal biss għal riformulazzjoni tar-regoli ta’ suq diġà rregolat. Issa, dawn ir-regoli kienu diġà ġew trasposti f’dan l-ordinament ġuridiku.

30      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portugiża dejjem aġixxiet fi spirtu ta’ kollaborazzjoni u ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni, kuntrarjament għal din tal-aħħar, li ppreżentat dan ir-rikors xahar biss qabel il-pubblikazzjoni tal-Liġi Nru 16/2022 fid-Diário da República. B’hekk, il-Kummissjoni injorat l-informazzjoni li dan l-Istat Membru kien ikkomunikalha dwar l-iżvolġiment tal-proċess leġiżlattiv ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, b’mod partikolari dwar l-osservanza tal-iskeda leġiżlattiva, kif ukoll l-isforzi li l-awtoritajiet Portugiżi ddedikaw għal dan il-proċess kumpless.

31      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti mqajma mir-Repubblika Portugiża ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi eskluż in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

32      Qabelxejn, il-fatt li l-Liġi Nru 16/2022 ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fl-istess jum tal-pubblikazzjoni tagħha ma jistax jirrimedja għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Fil-fatt, minn naħa, it-tabella ta’ korrispondenza ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni biss fit‑8 ta’ Settembru 2022, b’tali mod li din id-data hija l-ewwel data li fiha r-Repubblika Portugiża tista’ eventwalment titqies li ma għadhiex tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha, u, min-naħa l-oħra, matul ix-xahar ta’ Ottubru 2022 dan l-Istat Membru kkomunika miżuri oħra ta’ traspożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, id-data rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik li fiha jiskadi t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, jiġifieri, f’dan il-każ, it‑23 ta’ Novembru 2021.

33      Sussegwentement, l-allegata kumplessità tad-Direttiva 2018/1972 ma hijiex ta’ natura li teskludi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni.

34      Barra minn hekk, l-argumenti tar-Repubblika Portugiża fuq l-allegata assenza ta’ effett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fuq is-suq intern ma humiex rilevanti u, fi kwalunkwe każ, ma humiex fondati, peress li n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 wassal, f’dan il-każ, għal nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet fuq livell Ewropew, flimkien ma’ effetti negattivi fuq is-suq u fuq l-operaturi tiegħu kif ukoll fuq il-ġestjoni tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispettru u mar-regoli ta’ aċċess għas-suq, għad-detriment kemm tal-impriżi kif ukoll tal-konsumaturi.

35      Fl-aħħar nett, il-fatt li r-Repubblika Portugiża kkooperat mal-Kummissjoni ma huwiex rilevanti sabiex tiġi evalwata r-realtà ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

36      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Portugiża żżid, qabelxejn, li l-miżuri kkomunikati wara d-data ta’ pubblikazzjoni tal-Liġi Nru 16/2022, jiġifieri s‑16 ta’ Awwissu 2022, kollha ġew adottati qabel din id-data u ġew ikkomunikati fuq talba tal-Kummissjoni. Sussegwentement, l-obbligu ta’ komunikazzjoni jikkonċerna l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 u mhux it-tabella ta’ korrispondenza. Fl-aħħar nett, is-suġġett tar-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex li tiġi vverifikata t-traspożizzjoni korretta tad-direttiva kkonċernata, peress li l-każijiet ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni u ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni għandhom jiġu distinti mill-każijiet ta’ traspożizzjoni inkorretta, b’tali mod li sanzjoni pekunjarja tista’ tiġi imposta biss, f’dawn l-aħħar każijiet, wara rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, għalkemm direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkun fihom riferiment għal din id-direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ, neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, it-terminu għall-għoti ta’ tweġiba għall-opinjoni motivata skada fit‑23 ta’ Novembru 2021. Konsegwentement, għandha tiġi evalwata l-eżistenza jew le tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’dik id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, fl-imsemmija data, ir-Repubblika Portugiża ma kinitx adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

41      Sabiex tiġġustifika l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika Portugiża tqajjem diversi argumenti bbażati, l-ewwel nett, fuq l-adozzjoni tal-Liġi Nru 16/2022, ikkomunikata lill-Kummissjoni fl-istess jum tal-pubblikazzjoni tagħha fid-Diário da República, it-tieni nett, fuq il-kumplessità tad-Direttiva 2018/1972, it-tielet nett, fuq l-assenza ta’ effett tad-dewmien fit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt Portugiż fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll, ir-raba’ nett, fuq l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni u ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni li dejjem wera dan l-Istat Membru.

42      Issa, tali argumenti ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni.

43      Fil-fatt, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punti 37 u 39 ta’ din is-sentenza, id-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni hija t‑23 ta’ Novembru 2021. Madankollu, il-Liġi Nru 16/2022 ġiet adottata wara din id-data.

44      It-tieni nett, l-allegata kumplessità tad-Direttiva 2018/1972 ma hijiex ta’ natura li teskludi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. Fil-fatt, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, huwa kien jaf il-grad ta’ kumplessità tagħha u, fi kwalunkwe każ, kien ikun biss f’idejn dan il-leġiżlatur li jestendi dan it-terminu u mhux għall-Istati Membri li jidderogaw minnu u lanqas għall-Kummissjoni li tittollera tali derogi. Issa, ir-Repubblika Portugiża ma tallegax li ħadet l-inizjattivi neċessarji sabiex tipprova tikseb tali estensjoni.

45      It-tielet nett, l-allegata assenza ta’ effett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Repubblika Portugiża fuq is-suq intern ma hijiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li huwa ta’ natura oġġettiva.

46      Ir-raba’ nett, il-fatt li r-Repubblika Portugiża kkooperat mal-Kummissjoni lanqas ma huwa rilevanti sabiex tiġi evalwata r-realtà tal-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom, skont l-Artikolu 4(3) TUE, id-dmir li jikkooperaw bejniethom u li dan id-dmir jinkludi wkoll it-traspożizzjoni korretta u kompleta tad-direttivi, fit-termini previsti minnhom.

47      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2018/1972 u, għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva.

 Fuq ittalbiet imressqa skont lArtikolu 260(3) TFUE

 Fuq ittalba għallkundanna għallħlas ta’ pagamenti ta’ penalità

48      Kif ġie rrilevat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, permezz ta’ att tat‑22 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 setgħet titqies li ntemmet fid-data tal‑25 ta’ Ottubru 2022 u, għaldaqstant, irtirat it-talba tagħha għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità.

49      F’dawn iċ-ċirkostanzi, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq din it-talba.

 Fuq it-talba għallkundanna għallħlas ta’ somma f’daqqa

–       Largumenti talpartijiet

50      Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li d-Direttiva 2018/1972 ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ twettiq mir-Repubblika Portugiża tal-obbligi previsti fl-Artikolu 124 ta’ din id-direttiva, minħabba l-fatt li dan l-Istat Membru ma kkomunikalhiex id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar, jikkostitwixxi manifestament assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE.

51      Il-Kummissjoni tfakkar li, fil-punt 23 tal-Komunikazzjoni 2011/C 12/01 tagħha, intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE” (ĠU 2011, C 12, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2011”), hija ppreċiżat li s-sanzjonijiet li hija ser tipproponi skont l-Artikolu 260(3) TFUE ser jiġu kkalkolati skont l-istess metodu bħal dak użat għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont dan l-Artikolu 260(2), kif espost fil-punti 14 sa 18 tal-Komunikazzjoni SEG (2005) 1658, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu [260 TFUE]” (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2005”).

52      Konsegwentement, id-determinazzjoni tas-sanzjoni għandha tkun ibbażata, fl-ewwel lok, fuq il-gravità tal-ksur, fit-tieni lok, fuq it-tul tiegħu u, fit-tielet lok, fuq in-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni stess sabiex jiġu evitati r-reċidivi.

53      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, konformement mal-punt 16 tal-Komunikazzjoni tal‑2005 u mal-Komunikazzjoni tal‑2011, il-Kummissjoni tiffissa l-koeffiċjent ta’ gravità billi tieħu inkunsiderazzjoni żewġ parametri, jiġifieri, minn naħa, l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li huma s-suġġett tal-ksur u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tagħhom għall-interessi ġenerali u partikolari inkwistjoni.

54      Għalhekk, minn naħa, il-Kummissjoni tirrileva li d-Direttiva 2018/1972 hija l-att leġiżlattiv prinċipali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Qabelxejn, il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (iktar ’il quddiem il-“KEKE”) jimmodernizza l-qafas regolamentari tal-Unjoni dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi billi jsaħħaħ l-għażliet u d-drittijiet tal-konsumaturi, billi jiggarantixxi standards ogħla ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, jippromwovi l-investiment f’networks b’kapaċità għolja ħafna u jippromwovi l-aċċess mingħajr fili għall-konnettività b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni kollha. Sussegwentement, il-KEKE jistabbilixxi regoli għall-organizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-istruttura istituzzjonali u l-governanza ta’ dan tal-aħħar. Dan isaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali billi jistabbilixxi sensiela minima ta’ kompetenzi għal dawn l-awtoritajiet u billi jsaħħaħ l-indipendenza tagħhom, permezz tal-istabbiliment ta’ kriterji għall-ħatriet, u r-rekwiżiti ta’ rappurtar. Barra minn hekk, l-KEKE jiżgura wkoll ġestjoni effikaċi u effettiva tal-ispettru tar-radju (iktar ’il quddiem l-“ispettru”). Dan isaħħaħ il-koerenza tal-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tal-aspetti essenzjali tal-awtorizzazzjonijiet relatati mal-ispettru. L-emendi introdotti mill-KEKE jippromwovu l-kompetizzjoni bejn l-infrastrutturi u l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni kollha. Fl-aħħar nett, il-KEKE jirregola diversi aspetti tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-obbligi ta’ servizz universali, ir-riżorsi ta’ numerazzjoni u d-drittijiet tal-utenti finali. It-tisħiħ ta’ dawn ir-regoli għandu l-għan li jżid is-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawn is-servizzi bi prezz affordabbli.

55      Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Portugiż, l-ewwel nett, jippreġudika l-prattiki regolatorji fl-Unjoni kollha għal dak li jirrigwarda l-ġestjoni tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispettru u r-regoli ta’ aċċess għas-suq. Konsegwentement, l-impriżi la jibbenefikaw minn proċeduri iktar koerenti u prevedibbli għall-għoti jew għat-tiġdid tad-drittijiet ta’ użu tal-ispettru eżistenti u lanqas mill-prevedibbiltà tar-regolamentazzjoni li tirriżulta mit-tul minimu ta’ 20 snin tal-liċenzji għall-użu tal-ispettru. Tali nuqqasijiet għandhom influwenza diretta fuq id-disponibbiltà u l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna fi ħdan l-Unjoni. It-tieni nett, il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn sensiela ta’ vantaġġi tanġibbli mogħtija lilhom minn din id-direttiva, bħal soluzzjonijiet relatati mal-aċċess għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet affordabbli, ir-rekwiżit li jingħataw informazzjoni ċara dwar il-kuntratti, l-obbligu li jiġu applikati tariffi trasparenti, is-simplifikazzjoni tal-bidla tal-fornituri ta’ networks sabiex jiġu promossi prezzijiet bl-imnut iktar affordabbli u l-obbligu, għall-operaturi, li joffru lill-utenti finali b’diżabbiltà aċċess ekwivalenti għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

56      Peress li ma identifikatx fatturi aggravanti jew attenwanti, il-Kummissjoni tipproponi koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 f’din il-kawża.

57      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda t-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ssostni li dan jikkorrispondi għall-perijodu mid-data ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, jiġifieri t‑22 ta’ Diċembru 2020, sad-data li fiha n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonċernat intemm, jiġifieri dik ta’ qabel il-jum meta r-Repubblika Portugiża kkonformat ruħha, li seħħ fil‑25 ta’ Ottubru 2022, jiġifieri d-data li fiha dan l-Istat Membru kkomunikalha l-verżjoni aġġornata tat-tabella ta’ korrispondenza, kif indikat fil-punt 19 ta’ din is-sentenza. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dam 672 jum.

58      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni applikat il-fattur “n” previst fil-Komunikazzjoni tagħha 2019/C 70/01, intitolata “Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummisssjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” (ĠU 2019, C 70, p. 1). Dan il-fattur jieħu inkunsiderazzjoni żewġ elementi, jiġifieri l-prodott domestiku gross (PDG) u l-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, irrappreżentat min-numru ta’ siġġijiet attribwiti lil dan l-Istat Membru fil-Parlament Ewropew.

59      Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronikil) (C‑51/20, EU:C:2022:36), diġà kkontestat ir-rilevanza kemm ta’ dan it-tieni element kif ukoll tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 previsti minn din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni madankollu ddeċidiet li tapplika f’dan il-każ il-kriterji previsti minnha, fl-istennija tal-adozzjoni ta’ komunikazzjoni ġdida li tieħu inkunsiderazzjoni din il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

60      Għalhekk, skont il-Komunikazzjoni 2022/C 74/02, intitolata “L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-penali li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2022, C 74, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2022”), il-fattur “n” għall-Portugall huwa ta’ 0.57.

61      Fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tas-somma f’daqqa, mill-punt 20 tal-Komunikazzjoni tal‑2005 jirriżulta li din għandu jkollha tal-inqas bażi minima fissa, li tirrifletti l-prinċipju li kull każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni persistenti tad-dritt tal-Unjoni jirrappreżenta fih innifsu, indipendentement minn kull ċirkustanza aggravanti, ksur tal-prinċipju ta’ legalità f’komunità ta’ dritt li teħtieġ sanzjoni reali. Skont il-Komunikazzjoni tal‑2022, is-somma f’daqqa minima għar-Repubblika Portugiża hija ta’ EUR 1 286 000.

62      Skont il-metodu stabbilit mill-Komunikazzjonijiet tal‑2005 u tal‑2011, jekk ir-riżultat tal-kalkolu tas-somma f’daqqa jaqbeż din is-somma f’daqqa minima, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina s-somma f’daqqa permezz tal-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ kuljum bin-numru ta’ ġranet li jikkorrispondi għat-tul tal-ksur, f’dan il-każ 672 jum.

63      Għalhekk, l-ammont ta’ kuljum tas-somma f’daqqa għandu jiġi kkalkolat billi l-ammont bażiku uniformi applikabbli għall-kalkolu tal-ammont ta’ kuljum tas-somma f’daqqa jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent ta’ gravità u bil-fattur “n”. Issa, dan l-ammont bażiku uniformi huwa, skont il-Komunikazzjoni tal‑2022, EUR 909. F’dan il-każ, il-koeffiċjent ta’ gravità huwa ta’ 10. Il-fattur “n” għall-Portugall huwa ta’ 0.57. Minn dan jirriżulta li l-ammont tas-somma f’daqqa huwa ta’ EUR 5 181.3 kuljum.

64      Is-somma f’daqqa għandha għalhekk tiġi ffissata għal ammont ta’ EUR 3 481 833.6.

65      Ir-Repubblika Portugiża tirribatti, fl-ewwel lok, li t-talba tal-Kummissjoni intiża għall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għan imfittex min-natura ta’ din is-sanzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 260(3) TFUE. F’dan ir-rigward, il-metodu segwit fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni huwa diskutibbli u hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tadotta d-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, billi tevalwa liberament iċ-ċirkustanzi tal-każ.

66      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Portugiża tfakkar, qabelxejn, li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 seħħet fil-mument tax-xoljiment antiċipat tal-Assembleia da República (l-Assemblea tar-Repubblika), sussegwentement, li, f’dan l-Istat Membru, il-PDG per capita, espress f’ekwivalenti ta’ kapaċità tal-akkwist, kien is-seba’ l-iktar baxx tal-Unjoni matul l‑2021, jiġifieri PDG per capita li huwa inqas minn 26 % mill-medja tal-Unjoni, skont id-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat), u fl-aħħar nett, li l-kumplessità stess ta’ din id-direttiva wasslet għal traspożizzjoni tardiva tagħha fil-parti l-kbira tal-Istati Membri. Ma’ dan jiżdiedu l-effetti tal-pandemija tal-COVID‑19, aggravati mill-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukraina fuq l-inflazzjoni u fuq il-PDG.

67      Barra minn hekk, peress li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Portugiż kienet diġà twettqet, l-għan ta’ sanzjoni f’dan il-każ huwa bla sens u l-applikazzjoni tagħha manifestament sproporzjonata u tardiva.

68      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Portugiża tikkontesta l-metodu ta’ kalkolu segwit mill-Kummissjoni.

69      Fir-rigward, qabelxejn, tal-gravità tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika Portugiża, filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tas-sistema introdotta mid-Direttiva 2018/1972 għall-aġġornament tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, hija tal-fehma li l-interessi tal-konsumaturi ma ġewx leżi peress li kienet diġà teżisti leġiżlazzjoni li tippermetti l-funzjonament tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, b’tali mod li d-dewmien fit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ma pparalizzax il-funzjonament ta’ dan is-suq. Fil-fatt, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ dewmien ġenerali fil-proċess ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, il-KEKE seta’ jsir applikabbli biss, essenzjalment, wara t‑28 ta’ Lulju 2022, data li fiha l-aħħar miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-istess direttiva ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni. Konsegwentement, u fid-dawl tal-fatt li l-Liġi Nru 16/2022 ittrasponiet id-Direttiva 2018/1972 21 jum biss wara l-komunikazzjoni tal-aħħar waħda minn dawn il-miżuri, l-użu tal-koeffiċjent ta’ “gravità” għandu jiġi bbilanċjat mal-konsegwenzi reali tan-nuqqas allegat fuq is-sitwazzjoni fattwali. Fir-realtà, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tas-suq uniku, dan tal-aħħar ma kienx oġġettivament affettwat mid-dewmien fit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt Portugiż.

70      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni żbaljat meta ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti. Fil-fatt, tali ċirkustanzi jirriżultaw minn dan li ġej. L-ewwel nett, iċ-ċirkustanzi fattwali li kienu jipprevalu fil-Portugall f’dak iż-żmien, jiġifieri x-xoljiment tal-Assemblea tar-Repubblika u l-waqgħa tal-Gvern, għamlu impossibbli l-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-Liġi Nru 16/2022, anki jekk din kienet diġà fi stadju avvanzat tal-proċedura leġiżlattiva matul il-leġiżlatura preċedenti. Madankollu, din il-liġi kienet waħda mill-ewwel liġijiet li ġiet approvata u ppubblikata wara d-dħul fil-kariga tal-gvern il-ġdid. It-tieni nett, il-kumplessità tad-Direttiva 2018/1972 kienet hija stess wasslet għal dewmien fit-traspożizzjoni tagħha mill-parti l-kbira tal-Istati Membri, u dan juri d-diffikultà oġġettiva ta’ din it-traspożizzjoni. It-tielet nett, il-pandemija tal-COVID‑19 kellha konsegwenzi mhux mistennija fuq il-proċedura leġiżlattiva ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni ta’ diversi stati ta’ emerġenza tat lok għal konfinament obbligatorju, li llimita u kkundizzjona l-attività kif ukoll il-funzjonament ta’ diversi servizzi tal-Istat Portugiż matul perijodi twal. Ir-raba’ nett, dan huwa l-ewwel rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Portugiża minħabba nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, li jeskludi kull forma ta’ reċidiva. Il-ħames nett, l-interventi tal-awtoritajiet Portugiżi, ibbażati fuq djalogu kostanti u trasparenti mal-Kummissjoni, jirriflettu l-impenn ta’ dan l-Istat Membru fir-riżoluzzjoni tas-sitwazzjoni u jixhdu l-kooperazzjoni leali tiegħu mal-Kummissjoni.

71      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda t-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika Portugiża toġġezzjona li l-komunikazzjoni tat-tabelli ta’ korrispondenza bejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva u dawk tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tagħha għandha natura sempliċement komplementari meta mqabbla ma’ dawn il-miżuri u li għalhekk id-data tat-tmiem tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tistax tkun dik li fiha dawn it-tabelli ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni. Konsegwentement, f’dan il-każ, id-data tat-tmiem tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija s‑16 ta’ Awwissu 2022, meta l-Liġi Nru 16/2022, li tittrasponi kompletament id-Direttiva 2018/1972, ġiet ippubblikata fid-Diário da República, u ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni, filwaqt li l-komunikazzjonijiet kollha li saru wara din id-data kienu jikkonċernaw biss informazzjoni ta’ natura amministrattiva, xi drabi mitluba mill-Kummissjoni stess.

72      Fi kwalunkwe każ, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li t-tabella ta’ korrispondenza hija rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-data tat-tmiem tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, id-data li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni hija t‑8 ta’ Settembru 2022, jiġifieri dik li fiha l-Gvern Portugiż ikkomunika din it-tabella lill-Kummissjoni, flimkien ma’ informazzjoni iktar iddettaljata.

73      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Portugall, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-metodu segwit mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni 2019/C 70/01 tagħha, imsemmi fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrivedut, u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tuża s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, l-inflazzjoni u l-konsegwenzi tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukraina għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-importanza tal-inflazzjoni u tal-PDG tal-Istati Membri fl-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom.

74      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Portugiża tikkontesta l-kalkoli tal-Kummissjoni. Hija tirrileva li kundanna eventwali għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u, jekk ikun il-każ, l-iffissar tal-ammont ta’ din is-somma għandhom jibqgħu jiddependu mill-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ somma f’daqqa għandu jkollha qabel kollox effett dissważiv li għandu jieħu inkunsiderazzjoni din l-attitudni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

75      Issa, skont ir-Repubblika Portugiża, qabelxejn, peress li s-sitwazzjoni li l-Kummissjoni ssottomettiet għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dovuta għal numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi u li ebda rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(3) TFUE qatt ma ġie ppreżentat kontra dan l-Istat Membru, ma teżisti ebda neċessità oġġettiva li jiġi kkoreġut kwalunkwe aġir tal-awtoritajiet Portugiżi. Fir-realtà, id-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 huwa dovut għal raġunijiet ta’ forza maġġuri. Fil-fatt, kien oġġettivament impossibbli, għall-imsemmi Stat Membru, li jittrasponi din id-direttiva fit-terminu previst minnha.

76      Sussegwentement, fir-rigward tal-effett ta’ dan id-dewmien fuq is-suq intern, ma jeżisti ebda skop ta’ kumpens li jiġġustifika kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa. It-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 ġarrbet dewmien ġenerali fl-Istati Membri, b’tali mod li s-sitwazzjoni Portugiża ma tfixkilx il-funzjonament armonjuż u koerenti tal-qafas Ewropew tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

77      Fl-aħħar nett, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha tiġi imposta sanzjoni, ikun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi kollha mogħtija għat-tnaqqis tal-ammont tas-somma f’daqqa propost mill-Kummissjoni.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

78      Peress li, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Portugiża ma kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

79      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-iskop tal-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa skont l-imsemmija dispożizzjoni huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista għal żmien twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Għal dak li jirrigwarda l-opportunità li tiġi imposta somma f’daqqa f’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari sabiex tipprevjeni r-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-fatt li r-Repubblika Portugiża kkooperat mad-dipartimenti tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża kollha u li hija żammet lil dawn tal-aħħar informati bir-raġunijiet li pprekludewha milli tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Portugiż, l-elementi legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, jiġifieri l-assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għal din it-traspożizzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u anki fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-Repubblika Portugiża espost fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza.

83      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatt li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 seħħet fil-mument tax-xoljiment antiċipat tal-Assemblea tar-Repubblika ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punti 72 u 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84      It-tieni nett, għalkemm il-PDG per capita tal-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxi element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta’ sanzjoni pekunjarja, dan ma jistax ikun rilevanti sabiex tiġi evalwata l-opportunità tal-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni.

85      It-tielet nett, l-istess japplika għall-kumplessità tad-Direttiva 2018/1972 u għall-fatt li Stati Membri oħra ttrasponew din id-direttiva b’mod tardiv. Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ma talbitx lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jestendi t-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva u dan qies li din tal-aħħar ma kinitx tippreżenta diffikultajiet li jipprekludu lill-Istati Membri milli jittrasponuha fit-terminu previst fl-Artikolu 124 tagħha. Il-pożizzjoni tal-Istati Membri l-oħra f’dan ir-rigward hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

86      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-effetti tal-pandemija tal-COVID‑19, li faqqgħet fil-bidu tal‑2020, ma huwiex stabbilit, u lanqas allegat, li din tispjega d-dewmien kollu li bih ir-Repubblika Portugiża ttrasponiet id-Direttiva 2018/1972.

87      Il-ħames nett, għal dak li jirrigwarda l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukraina, li bdiet fix-xahar ta’ Frar 2022 u l-effetti tiegħu fuq l-inflazzjoni u fuq il-PDG, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jitqiesu li huma ta’ natura li jaffettwaw il-kapaċità ta’ Stat Membru li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, seħħew biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, li l-Artikolu 124 tagħha kien jistabbilixxi għall‑21 ta’ Diċembru 2020.

88      Is-sitt nett, għalkemm it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fl-ordinament ġuridiku Portugiż wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu tista’ tiġġustifika, kif barra minn hekk irrilevat il-Kummissjoni stess fl-att tagħha tat‑22 ta’ Marzu 2023, li permezz tiegħu hija rrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha, li tiġi rrinunzjata l-applikazzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, hija ma tmurx kontra l-iskop tal-applikazzjoni ta’ somma f’daqqa, imfakkar fil-punt 79 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, huwa d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 li jista’ jkollu konsegwenzi fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari jekk tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista għal perijodu twil.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa xieraq li tiġi imposta somma f’daqqa fuq ir-Repubblika Portugiża.

90      Għal dak li jirrigwarda l-kalkolu ta’ din is-somma f’daqqa, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam hekk kif iddefinita mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa li Stat Membru jista’ jiġi kkundannat iħallas bis-saħħa tal-Artikolu 260(3) TFUE, b’tali mod li dan jiġi, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat għall-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu b’mod partikolari elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan tal-aħħar ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa ta’ gravità ċerta (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fit‑23 ta’ Novembru 2021, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi ta’ traspożizzjoni tagħha taħt id-Direttiva 2018/1972, b’tali mod li l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni ma ġietx żgurata. Il-gravità ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija msaħħa mill-fatt li, f’din id-data, ir-Repubblika Portugiża kienet għadha ma kkomunikat ebda miżura ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

93      Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-Direttiva 2018/1972 hija l-att leġiżlattiv prinċipali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

94      B’mod partikolari, qabelxejn, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2018/1972, din “tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tan-netwerks tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi assoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali. Din tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn applikabbli, ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Unjoni.”

95      Sussegwentement, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, din hija intiża, minn naħa, li timplimenta suq intern ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jwassal għall-introduzzjoni u għall-penetrazzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, għall-ħolqien ta’ kompetizzjoni sostenibbli, għall-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-aċċessibbiltà, għas-sigurtà tan-networks u tas-servizzi, filwaqt li jingħataw benefiċċji lill-utenti finali, u, min-naħa l-oħra, li tiżgura l-provvista fl-Unjoni kollha ta’ servizzi disponibbli għall-pubbliku ta’ kwalità tajba u affordabbli permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u ta’ għażliet effettivi, li tittratta l-każijiet fejn il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jiġux issodisfati b’mod korrett mis-suq, b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà sabiex ikunu jistgħu jkollhom aċċess għas-servizzi fuq bażi ugwali bħall-utenti l-oħra, u li tiddefinixxi d-drittijiet li għandhom jingħataw lill-utenti finali.

96      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 3 tal-imsemmija direttiva, din temenda l-qafas regolamentari fis-seħħ qabel l-adozzjoni tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji u tas-suq.

97      Huwa minnu, kif tirrileva r-Repubblika Portugiża, li l-qasam inkwistjoni huwa diġà rregolat minn atti oħra tad-dritt tal-Unjoni, li din id-direttiva temenda jew tissostitwixxi.

98      Madankollu, l-imsemmija direttiva ma tillimitax ruħha li tikkodifika dawn l-atti. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Portugiża, il-KEKE jsaħħaħ b’mod partikolari l-għażliet u d-drittijiet tal-konsumaturi, billi jiggarantixxi standards ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni ogħla, kif ukoll ir-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali billi jistabbilixxi sensiela minima ta’ kompetenzi għal dawn l-awtoritajiet u billi jsaħħaħ l-indipendenza tagħhom, permezz tal-istabbiliment ta’ kriterji għall-ħatriet, u r-rekwiżiti ta’ rappurtar. Barra minn hekk, il-KEKE jirregola diversi aspetti tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-obbligi ta’ servizz universali, ir-riżorsi ta’ numerazzjoni u d-drittijiet tal-utenti finali. It-tisħiħ tar-regoli ta’ organizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi stabbiliti mill-KEKE għandu l-għan li jżid is-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawn is-servizzi bi prezz affordabbli.

99      Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 mir-Repubblika Portugiża, l-ewwel nett, jippreġudika l-prattiki regolatorji fl-Unjoni kollha għal dak li jirrigwarda l-ġestjoni tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispettru u r-regoli ta’ aċċess għas-suq. Konsegwentement, l-impriżi la jibbenefikaw minn proċeduri iktar koerenti u prevedibbli għall-għoti jew għat-tiġdid tad-drittijiet ta’ użu tal-ispettru eżistenti u lanqas mill-prevedibbiltà tar-regolamentazzjoni li tirriżulta mit-tul minimu ta’ 20 snin tal-liċenzji għall-użu tal-ispettru. Tali nuqqasijiet għandhom influwenza diretta fuq id-disponibbiltà u l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna fi ħdan l-Unjoni. It-tieni nett, il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn sensiela ta’ vantaġġi tanġibbli mogħtija lilhom minn din id-direttiva, bħal soluzzjonijiet relatati mal-aċċess għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet affordabbli, ir-rekwiżit li jingħataw informazzjoni ċara dwar il-kuntratti, l-obbligu li jiġu applikati tariffi trasparenti, is-simplifikazzjoni tal-bidla tal-fornituri ta’ networks sabiex jiġu promossi prezzijiet bl-imnut iktar affordabbli u l-obbligu, għall-operaturi, li joffru lill-utenti finali b’diżabbiltà aċċess ekwivalenti għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

100    Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li dan għandu, bħala prinċipju, jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u li din l-evalwazzjoni tal-fatti għandha titqies li seħħet fid-data ta’ għeluq tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Fir-rigward, minn naħa, tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa li għandu jiġi impost skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’differenza mill-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 79, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 90).

102    F’dan il-każ, ma ġiex validament ikkontestat li, fl-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 124 tad-Direttiva 2018/1972, jiġifieri fil‑21 ta’ Diċembru 2020, ir-Repubblika Portugiża ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikathom lill-Kummissjoni.

103    Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza ntemm.

104    Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar id-data li fiha dan seħħ. Skont il-Kummissjoni, dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ntemm fid-data tal-komunikazzjoni, mir-Repubblika Portugiża, tal-verżjoni aġġornata tat-tabella ta’ korrispondenza, jiġifieri fil‑25 ta’ Ottubru 2022. Min-naħa l-oħra, skont ir-Repubblika Portugiża, l-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ntemm fid-data li fiha hija kkomunikat il-Liġi Nru 16/2022 lill-Kummissjoni, jiġifieri fis‑16 ta’ Awwissu 2022.

105    Issa, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss li jħeġġeġ lill-Istati Membri jtemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, ikollu t-tendenza li jippersisti, iżda wkoll li jnaqqas u jħaffef il-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji fir-rigward tan-nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata skont il-proċedura leġiżlattiva, u dan sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni u li jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi kollha neċessarji sabiex jittrasponu din id-direttiva fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Fil-fatt, il-komunikazzjoni li l-Istati Membri għandhom iwettqu, konformement mal-Artikolu 260(3) TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, hija intiża li tiffaċilita t-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 17 TUE, fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati kif ukoll tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tagħhom. Għaldaqstant, din il-komunikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni suffiċjentement ċara u speċifika dwar il-kontenut tar-regoli nazzjonali li jittrasponu direttiva. B’hekk, l-imsemmija komunikazzjoni, li tista’ tkun akkumpanjata minn tabella ta’ korrispondenza bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u dawk ta’ dawn ir-regoli, għandha tindika mingħajr ambigwità liema huma l-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li permezz tagħhom l-Istat Membru kkonċernat iqis li ssodisfa l-varji obbligi imposti fuqu mill-imsemmija direttiva. Issa, fl-assenza ta’ tali informazzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tivverifika jekk l-Istat Membru kkonċernat applikax realment u kompletament id-direttiva inkwistjoni. In-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni, kemm jekk minħabba assenza totali jew parzjali ta’ informazzjoni jew permezz ta’ informazzjoni mhux suffiċjentement ċara u preċiża, jista’ jiġġustifika, waħdu, il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE intiża għall-konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, b’analoġija mal-Artikolu 258 TFUE, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Minn dan isegwi li, għalkemm huwa minnu li l-komunikazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tista’ tkun akkumpanjata minn tali tabella ta’ korrispondenza, is-suġġett ta’ din il-komunikazzjoni huwa limitat għall-informazzjoni li tindika liema huma l-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li permezz tagħhom l-Istat Membru kkonċernat iqis li jkun issodisfa l-obbligi differenti imposti fuqu mid-direttiva inkwistjoni.

108    Issa, f’dan il-każ, fis‑16 ta’ Awwissu 2022, ir-Repubblika Portugiża kkomunikat lill-Kummissjoni l-Liġi Nru 16/2022, billi qieset li din il-liġi kienet tittrasponi b’mod sħiħ id-Direttiva 2018/1972 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħha.

109    Huwa għalhekk permezz ta’ din il-komunikazzjoni li r-Repubblika Portugiża temmet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza.

110    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kliem “obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu”, li jinsabu fl-Artikolu 260(3) TFUE, jirrigwardaw l-obbligu tal-Istati Membri li jittrażmettu informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ ċertezza legali u jiżguraw it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva fit-territorju kollu kkonċernat, l-Istati Membri huma obbligati jindikaw, għal kull dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Ladarba sseħħ din il-komunikazzjoni, jekk ikun il-każ akkumpanjata mill-preżentazzjoni ta’ tabella ta’ korrispondenza, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi, bil-ħsieb li titlob l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq l-Istat Membru prevista f’dispożizzjoni, li ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni huma manifestament assenti jew ma jkoprux it-territorju kollu ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li għandu jkun mifhum li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija b’applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, li għandha teżamina jekk il-miżuri nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni jiżgurawx traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 59).

111    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma allegatx li, minkejja l-adozzjoni tal-Liġi Nru 16/2022, ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 kienu għadhom manifestament nieqsa jew ma kinux ikopru t-territorju Portugiż kollu.

112    Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza kompla matul il-perijodu bejn it‑22 ta’ Diċembru 2020 u l‑15 ta’ Awwissu 2022, jiġifieri perijodu ta’ 601 jum, li jikkostitwixxi perijodu twil ħafna.

113    Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan it-tul taż-żmien seta’ jirriżulta parzjalment minn ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19. Fil-fatt, ir-Repubblika Portugiża ssostni, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li dawn iċ-ċirkustanzi, imprevedibbli u indipendenti mill-volontà tagħha, dewmu l-proċess leġiżlattiv neċessarju għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 u, konsegwentement, tawwlu l-perijodu li matulu baqa’ jippersisti dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

114    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG ta’ dan l-Istat Membru, kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 85, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 97).

115    Il-Kummissjoni tipproponi li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-PDG tar-Repubblika Portugiża, il-piż istituzzjonali tagħha fl-Unjoni espress min-numru ta’ siġġijiet li dan l-Istat Membru għandu fi ħdan il-Parlament. Il-Kummissjoni tqis ukoll li għandu jintuża koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 sabiex tiġi żgurata n-natura proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet li hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq l-imsemmi Stat Membru.

116    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ippreċiżat b’mod ċar ħafna, minn naħa, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma jidhirx li huwa indispensabbli sabiex tiġi ggarantita dissważjoni suffiċjenti u sabiex iwassal lil dan l-Istat Membru jbiddel l-aġir attwali jew futur tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma wrietx il-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom hija ffissat il-valur tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronikil) (C‑51/20, EU:C:2022:36, punti 115 u 117).

117    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li, fir-rigward tas-somma f’daqqa li l-ħlas tagħha hija timponi, din ma tistax teċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, hemm lok li jitqies li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 124 tad-Direttiva 2018/1972 u li jaffettwa l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 2 800 000.

118    Konsegwentement, ir-Repubblika Portugiża għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 2 800 000.

 Fuq lispejjeż

119    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 141(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-parti l-oħra fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti. Madankollu, l-Artikolu 141(2) jipprevedi li, fuq talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti, il-parti l-oħra għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher iġġustifikat mill-aġir ta’ din tal-aħħar. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 141(4), fin-nuqqas ta’ talbiet dwar l-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

120    F’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika Portugiża u għalkemm ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, din l-istituzzjoni rrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha mingħajr ma talbet li dan l-Istat Membru jbati l-ispejjeż relatati ma’ dan ir-rikors, filwaqt li, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rinunzja għall-atti mill-Kummissjoni, l-imsemmi Stat Membru talab li din tal-aħħar tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

121    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rinunzja għall-atti tal-Kummissjoni kienet ir-riżultat tal-attitudni tar-Repubblika Portugiża, peress li dan l-Istat Membru adotta u kkomunika lill-Kummissjoni l-Liġi Nru 16/2022 biss wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, u li huwa minħabba din l-attitudni li t-talba ta’ din l-istituzzjoni intiża għall-kundanna tal-imsemmi Stat Membru għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità saret mingħajr skop u li l-Kummissjoni rtiratha.

122    F’dawn iċ-ċirkustanzi u fin-nuqqas ta’ possibbiltà li tiġi stabbilita distinzjoni rilevanti bejn l-ispejjeż relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza u dawk relatati mar-rinunzja parzjali għall-atti tal-Kummissjoni, hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika Portugiża għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma adottatx, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, u, għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva.

2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa ta’ EUR 2 800 000.

3)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.