Language of document : ECLI:EU:C:2024:235

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

14 ta’ Marzu 2024 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Direttiva (UE) 2018/1972 – Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – Nuqqas ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità – Kriterji sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-sanzjoni”

Fil-Kawża C‑454/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE u tal-Artikolu 260(3) TFUE, imressaq fis‑7 ta’ Lulju 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn U. Małecka, L. Malferrari, E. Manhaeve u A. Sauka, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36), jew, fi kwalunkwe każ, billi ma informatx lill-Kummissjoni dwar dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika tal-Latvja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja tħallas somma f’daqqa ta’ EUR 1 145.34 kuljum, b’somma f’daqqa minima ta’ EUR 316 000 ;

–        jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu deskritt fl-ewwel inċiż jippersisti sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 1 145.34 għal kull jum ta’ dewmien minn din id-data sa dik li fiha dan l-Istat Membru jkun wettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2018/1972, u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.

 Ilkuntest ġuridiku

2        Il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2018/1972 jiddikjaraw:

“(2).      Il-funzjonament tal-ħames Direttivi li huma parti mill-qafas regolatorju eżistenti għal netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, [...], huma soġġetti għar-reviżjoni perjodika tal-Kummissjoni, bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi determinata l-ħtieġa ta’ tibdil fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u fis-suq.

(3).      Fil-komunikazzjoni tagħha tas‑6 ta’ Mejju 2015 li tistabblixxi Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni ddikjarat li r-reviżjoni tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet tkun tiffoka fuq miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu inċentivi għall-investiment f’netwerks tal-broadband b’veloċità għolja, li jġibu approċċ aktar konsistenti mas-suq intern għall-politika u l-ġestjoni tal-ispektrum tar-radju, iwasslu kondizzjonijiet għal suq intern veru, billi tiġi indirizzata l-frammentazzjoni regolatorja, jiġu żgurati protezzjoni effettiva tal-konsumaturi, livell ekwu għall-partijiet kollha tas-suq u l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli, kif ukoll jipprovdu qafas regolatorju istituzzjonali aktar effettiv. ”

3        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u għanijiet”, jipprevedi li:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tan-netwerks tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi assoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali. Din tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn applikabbli, ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Unjoni [Ewropea].

2.      L-għanijiet ta’ din id-Direttiva huma li:

(a)      timplimenta suq intern għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jwassal għall-introduzzjoni u l-adozzjoni ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna, kompetizzjoni sostenibbli, interoperabbiltà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, aċċessibbiltà, sigurtà tan-netwerks u tas-servizzi u benefiċċji għall-utenti finali; u

(b)      tiżgura l-forniment fl-Unjoni kollha ta’ servizzi affordabbli, ta’ kwalità tajba u disponibbli pubblikament permezz ta’ kompetizzjoni u għażla effettivi, li tittratta ċ-ċirkostanzi fejn il-ħtiġijiet tal-utenti finali, fosthom dawk b’diżabbiltà sabiex ikunu jistgħu jiksbu aċċess għas-servizzi fuq bażi ugwali bħall-oħrajn, ma jiġux sodisfatti biżżejjed mis-suq, u tistabbilixxi d-drittijiet meħtieġa tal-utenti finali.

[...] ”

4        L-Artikolu 124 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal‑21 ta’ Diċembru 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill‑21 ta’ Diċembru 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom jinkludu dikjarazzjoni li referenzi f’liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif dik id-dikjarazzjoni tiġi fformulata. ”

 Ilproċedura prekontenzjuża u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

5        Fid‑29 ta’ Settembru 2020, ir-Repubblika tal-Latvja kkomunikat lill-Kummissjoni dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni provviżorji fid-dawl tat-traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2018/1972. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Novembru 2020, li l-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet fit‑13 ta’ Novembru 2020, dan l-Istat Membru indika li abbozz ta’ liġi dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni”), intiż sabiex jittrasponi din id-direttiva fid-dritt Latvjan, kien ġie adottat waqt il-laqgħa tas-Segretarji tal-Istat tal‑10 ta’ Settembru 2020.

6        Peress li qieset li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux jittrasponu d-Direttiva 2018/1972, peress li kienu relatati mal-kuntest ġuridiku preċedenti, u li, konsegwentement, ir-Repubblika tal-Latvja ma kinitx adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 124 tagħha, il-Kummissjoni, fit‑3 ta’ Frar 2021, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

7        Fis‑26 ta’ Marzu 2021, l-awtoritajiet Latvjani wieġbu għal din l-ittra billi evalwaw l-istat ta’ progress tal-proċess ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Latvjan. Huma ppreċiżaw, b’mod partikolari, li din it-traspożizzjoni kellha titlesta sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Novembru 2021.

8        Fl-assenza ta’ informazzjoni oħra dwar it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2018/1972, il-Kummissjoni, fit‑23 ta’ Settembru 2021, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Latvja fejn talbet lil din tal-aħħar tikkonforma ruħha ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mit‑23 ta’ Novembru 2021.

9        Fil‑5 ta’ Novembru 2021, ir-Repubblika tal-Latvja nnotifikat miżuri ġodda ta’ traspożizzjoni, li l-Kummissjoni madankollu kkunsidrat bħala relatati, huma wkoll, mal-kuntest ġuridiku preċedenti.

10      Fis‑17 ta’ Novembru 2021, l-awtoritajiet Latvjani wieġbu għall-opinjoni motivata billi indikaw li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 kienet għadha ġiet ittardjata minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-awtoritajiet ippreċiżaw, b’mod partikolari, li d-dati l-ġodda previsti għall-adozzjoni tal-abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni u tar-regolamenti ministerjali l-oħra neċessarji għat-tlestija tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kienu rispettivament fl‑1 ta’ April u fl‑1 ta’ Ġunju 2022.

11      Peress li r-Repubblika tal-Latvja ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-direttiva, il-Kummissjoni ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rikors.

12      Fit‑8 ta’ April 2022, l-awtoritajiet Latvjani nnotifikaw lill-Kummissjoni b’miżuri ġodda ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva. Fit‑12 ta’ April 2022, huma wieġbu għal talba għal kjarifiki ta’ din tal-aħħar fir-rigward ta’ dawn il-miżuri. B’mod partikolari, huma informawha li r-regolamenti ta’ implimentazzjoni kellhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni, li l-aħħar qari tiegħu fil-Parlament kien previst għall‑14 ta’ April 2022.

13      Fit‑12, it‑28 u d‑29 ta’ April 2022, dawn l-awtoritajiet innotifikaw miżuri ġodda ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 u pprovdew informazzjoni addizzjonali dwar l-istat ta’ progress ta’ din it-traspożizzjoni. B’mod partikolari, huma ppreċiżaw li l-iskeda leġiżlattiva kienet ġiet emendata minħabba l-fatt li l-Latvijas Republikas Saeima (il-Parlament tar-Repubblika tal-Latvja) kellu jittratta fl-istess ħin il-kwistjonijiet urġenti marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, iż-żieda kunsiderevoli tal-ispejjeż tal-enerġija u l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa. F’dan il-kuntest, huma żiedu li l-adozzjoni tal-abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni kienet prevista għall‑1 ta’ Ġunju 2022 u li dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni kienu qegħdin jiġu redatti.

14      Fit‑2 ta’ Ġunju 2022, il-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 (iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ traspożizzjoni”) ġiet adottata, iżda ma ġietx ippromulgata mill-President tar-Repubblika tal-Latvja u ġiet irrinvijata għal-leġiżlatur għal eżami mill-ġdid, skont il-Kostituzzjoni Latvjana.

15      Fis‑7 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.

16      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tiddikjara li d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 ma huwiex sinjifikattiv meta mqabbel mad-dannu li seta’ ġie kkawżat lill-kumpannija li kieku l-Gvern ma ttrattax bi prijorità l-kwistjonijiet urġenti msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, tammetti li dan id-dewmien huwa ġġustifikat minn ċirkustanzi ta’ forza maġġuri, ma timponix sanzjoni fuqu u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, u

–        sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponilha sanzjoni, tapplika l-inqas ammont possibbli, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi u l-previżjonijiet li jikkonċernaw il-prodott Domestiku Gross (PDG), kif ukoll il-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972 kienu, essenzjalment, implimentati fl-ordinament ġuridiku Latvjan qabel it-traspożizzjoni sħiħa tagħha, li tnaqqas l-ammont tas-somma f’daqqa u/jew tal-pagamenti ta’ penalità bi proporzjon mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ diġà konformi ma’ din id-direttiva qabel il-bidu tat-traspożizzjoni tagħha, jiġifieri sa 25 % tal-ammont mitlub mill-Kummissjoni.

17      Fir-risposta tagħha tal‑15 ta’ Settembru 2022, ir-Repubblika tal-Latvja kkomunikat b’mod partikolari d-dħul fis-seħħ, fid‑29 ta’ Lulju 2022, tal-liġi ta’ traspożizzjoni, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni governattivi u amministrattivi bejn l‑4 u t‑23 ta’ Awwissu 2022, kif ukoll lista ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni li kienu qegħdin jiġu adottati. Fir-replika tagħha tas‑26 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet notifika.

18      Fil-kontroreplika tagħha tas‑7 ta’ Diċembru 2022, ir-Repubblika tal-Latvja ddikjarat li kienet ikkomunikat, fis‑17 ta’ Novembru 2022, il-miżuri li ttrasponew kompletament id-Direttiva 2018/1972.

19      Fis‑7 ta’ Diċembru 2022, il-proċedura bil-miktub f’din il-kawża ngħalqet.

20      Permezz ta’ att tat‑30 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-Repubblika tal-Latvja kienet ikkomunikatilha ċerti miżuri u li hija kienet tqis li temmet it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 (iktar ’il quddiem l-“att tat‑30 ta’ Ġunju 2023”). Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn il-miżuri għadhom ma jiżgurawx traspożizzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva.

21      Fid-dawl tal-progress imwettaq mir-Repubblika tal-Latvja fit-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni adattat ukoll, permezz ta’ dan l-att, il-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tat-talba tagħha għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji fuq dan l-Istat Membru.

22      Fir-rigward tas-somma f’daqqa, fid-dawl tad-dati li fihom ir-Repubblika tal-Latvja kienet ikkomunikat miżuri intiżi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, jiġifieri d‑29 ta’ Lulju u s‑17 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni naqqset il-koeffiċjent ta’ gravità u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika, l-ewwel nett għall-perijodu mid-data ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri t‑22 ta’ Diċembru 2020, sat‑28 ta’ Lulju 2022, somma f’daqqa ta’ EUR 349 650, it-tieni nett, għall-perijodu mid‑29 ta’ Lulju 2022 sas‑16 ta’ Novembru 2022, somma f’daqqa ta’ EUR 39 480 u, it-tielet nett, fir-rigward tal-perijodu mis‑17 ta’ Novembru 2022 sa dak tat-tmiem tal-ksur jew, fin-nuqqas, f’dak tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, somma f’daqqa abbażi ta’ ammont ta’ EUR 210 għal kull jum.

23      Fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni issa tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 945 sad-data li fiha r-Repubblika tal-Latvja tikkonforma ruħha bis-sħiħ mal-obbligi previsti fl-Artikolu 124(1) tad-Direttiva.

24      Fl-‑14 ta’ Awwissu 2023, ir-Repubblika tal-Latvja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-att tat‑30 ta’ Ġunju 2023. F’dawn l-osservazzjonijiet, hija ssostni li, kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni, il-miżuri nnotifikati fis‑17 ta’ Novembru 2022 kienu jikkompletaw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Latvjan. Konsegwentement, hija titlob li ebda somma f’daqqa ma tiġi imposta fuqha minn din l-aħħar data.

25      Fil‑31 ta’ Diċembru 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja infurmat lill-partijiet bid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

26      Fl‑1 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni, minn naħa, infurmat lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-Repubblika tal-Latvja kienet, fil‑15 ta’ Awwissu 2023, innotifikatha b’ċerti miżuri addizzjonali u, min-naħa l-oħra, argumentat li, kuntrarjament għall-pożizzjoni ta’ dan l-Istat Membru, hija kienet għadha ma ttrasponietx b’mod korrett l-Artikolu 112(1) tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Latvjan. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li, inkunsiderazzjoni tal-istadju avvanzat tal-proċedura, hija ma setgħetx tevalwa mill-ġdid il-konklużjonijiet tagħha dwar is-sanzjonijiet mitluba, tali evalwazzjoni mill-ġdid mhux biss kellha ssir fuq livell tekniku mis-servizzi tal-Kummissjoni, iżda wkoll tagħti lok għal deċiżjoni mill-kulleġġ tal-kummissarji, li l-Kummissjoni ma setgħetx tikseb mingħajr ma tittardja l-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni għalhekk ħalliet f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja biex tadatta l-livell tas-sanzjonijiet finanzjarji, fid-dawl tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-miżuri addizzjonali kkomunikati mir-Repubblika tal-Latvja.

 Fuq irrikors

 Fuq innuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt lArtikolu 258 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

27      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni tad-direttivi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, fit-termini previsti minn dawn id-direttivi, u jikkomunikaw immedjatament dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

28      Il-Kummissjoni tippreċiża li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

29      Issa, f’dan il-każ, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, jew fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika tal-Latvja kienet għadha ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tittrasponi d-Direttiva 2018/1972 fid-dritt nazzjonali tagħha u, fi kwalunkwe każ, ma kkomunikathomx lill-Kummissjoni.

30      Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Latvja ma tikkontestax realment in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija akkużata bih, billi sempliċement tinvoka ċirkustanzi ta’ natura prattika u interna sabiex tiġġustifika dan in-nuqqas. Issa, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu previst minnha ma jistax jiġi ġġustifikat minn tali ċirkustanzi.

31      Ir-Repubblika tal-Latvja ma tikkontestax realment in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Min-naħa l-oħra, qabel kollox, hija tenfasizza li l-aġir tagħha kien leali matul il-proċedura kollha. Sussegwentement, hija tiġġustifika d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dawl tal-kumplessità ta’ din tal-aħħar, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien qasir wisq, u tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-liġi ta’ traspożizzjoni. Barra minn hekk, hija tinvoka l-forza maġġuri, marbuta, minn naħa, mal-pandemija tal-COVID-19 u mal-konsegwenzi tagħha fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, peress li l-Latvja hija wieħed mill-pajjiżi transkonfinali tar-Russja u tal-Bjelorussja, din l-invażjoni, inkluż mit-territorju ta’ dan l-aħħar pajjiż, kienet theddida iktar sinjifikattiva għas-sigurtà u d-difiża nazzjonali milli għal diversi Stati Membri oħra, b’tali mod li l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet kellha impatt sinjifikattiv fuq il-ħidma tal-Gvern Latvjan. L-Istat ta’ emerġenza ddikjarat matul l‑2021 u l‑2022 fir-rigward tar-refuġjati li jinsabu f’sitwazzjoni irregolari mill-Bjelorussja kellu impatt dirett fuq l-aġenda tal-istituzzjonijiet kompetenti u fuq il-problemi li għandhom jiġu indirizzati bi prijorità. Fl-aħħar nett, hija tqis li d-dritt Latvjan fis-seħħ kien diġà jiżgura leġiżlazzjoni suffiċjenti u kompleta tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet tal-utenti finali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat kif tirriżulta meta jiskadi t-terminu ta’ żmien preskritt fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet numru ta’ drabi li, jekk direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkunu jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew li jkunu jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att speċifiku ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kien jiskadi fit‑23 ta’ Novembru 2021. Konsegwentement, għandha tiġi evalwata l-eżistenza jew le tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’din id-data. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali)–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, fl-imsemmija data, ir-Repubblika tal-Latvja ma kinitx adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2018/1972, u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

36      Sabiex tiġġustifika l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika tal-Latvja tqajjem diversi argumenti bbażati, l-ewwel nett, fuq l-aġir leali tagħha matul il-proċedura kollha, it-tieni nett, fuq il-kumplessità tad-Direttiva 2018/1972, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien qasir wisq, u fuq il-proċedura ta’ adozzjoni tal-liġi ta’ traspożizzjoni, it-tielet nett, fuq il-forza maġġuri, marbuta, minn naħa, mal-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u, min-naħa l-oħra, mal-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa kif ukoll, ir-raba’ nett, fuq il-fatt li d-dritt Latvjan kien diġà jiżgura regolamentazzjoni suffiċjenti u kompleta tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

37      Issa, tali argumenti ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni.

38      Fil-fatt, l-ewwel nett, l-aġir leali tal-Istati Membri lejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jinkludi wkoll it-traspożizzjoni korretta u kompleta tad-direttivi, fit-termini previsti minnhom, jikkostitwixxi obbligu li jirriżulta direttament mill-Artikolu 4(3) TUE u għalhekk ma jistax ikun rilevanti sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni.

39      It-tieni nett, minn naħa, l-allegata natura kumplessa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972 ma hijiex ta’ natura li teskludi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, huwa kien jaf il-grad ta’ kumplessità tagħha u, fi kwalunkwe każ, kien biss dan il-leġiżlatur li kellu jestendi dan it-terminu u mhux l-Istati Membri li għandhom jidderogaw minnu u lanqas il-Kummissjoni li għandha tittollera tali derogi. Issa, ir-Repubblika tal-Latvja ma tallegax li ħadet l-inizjattivi neċessarji sabiex tipprova tikseb tali estensjoni.

40      Min-naħa l-oħra, l-istess japplika għall-allegata natura kumplessa tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-liġi ta’ traspożizzjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament intern ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni u lanqas, għaldaqstant, it-traspożizzjoni tardiva jew inkompleta tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (MiFID II), C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      It-tielet nett, fir-rigward tal-effetti, minn naħa, tal-pandemija tal-COVID-19, li ddikjarat ruħha fil-bidu tas-sena 2020, u, min-naħa l-oħra, tal-gwerra ta’ aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina minn Frar 2022, ma huwiex stabbilit, u lanqas allegat, li dawn jispjegaw id-dewmien kollu li bih ir-Repubblika tal-Latvja ttrasponiet id-Direttiva 2018/1972.

42      Ir-raba’ nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-fatt li d-dritt ta’ Stat Membru fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2018/1972 kien diġà konformi ma’ din id-direttiva ma huwiex suffiċjenti sabiex jeskludi l-obbligu, għal dan l-Istat Membru, li jittrasponi l-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku tiegħu u, għaldaqstant, sabiex jiġġustifika tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2018/1972 u, konsegwentement, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Latvja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 124 ta’ din id-direttiva.

 Fuq ittalbiet imressqa skont lArtikolu 260(3) TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

44      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza, minn naħa, li d-Direttiva 2018/1972 ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ twettiq mir-Repubblika tal-Latvja tal-obbligi previsti fl-Artikolu 124 ta’ din id-direttiva, minħabba l-fatt li dan l-Istat Membru ma kkomunikalhiex id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar, jikkostitwixxi manifestament assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE.

45      Il-Kummissjoni tfakkar li, fil-punti 2 u 3 tal- Komunikazzjoni tagħha 2011/C 12/01, intitolata “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, tal‑15 ta’ Jannar 2011, ĠU 2011, C 12, p. 1 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2011”), hija ppreċiżat li s-sanzjonijiet li hija ser tipproponi skont l-Artikolu 260(3) TFUE, ser jiġu kkalkolati skont l-istess metodu bħal dak użat għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont dan l-Artikolu 260(2), kif espost fil-punti 14 sa 18 tal-Komunikazzjoni SEG (2005) 1658, intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu [260 TFUE]” (iktar ’il quddiem il- “Komunikazzjoni tal‑2005”).

46      Konsegwentement, id-determinazzjoni tas-sanzjoni għandha tkun ibbażata, fl-ewwel lok, fuq il-gravità tal-ksur, fit-tieni lok, fuq it-tul tiegħu u, fit-tielet lok, fuq in-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni stess sabiex jiġu evitati r-reċidivi.

47      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-gravità tal-ksur, konformement mal-punt 16 tal-Komunikazzjoni tal‑2005 u mal-Komunikazzjoni tal‑2011, il-Kummissjoni tiffissa l-koeffiċjent ta’ gravità billi tieħu inkunsiderazzjoni żewġ parametri, jiġifieri, minn naħa, l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li huma s-suġġett tal-ksur u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tagħhom għall-interessi ġenerali u partikolari inkwistjoni.

48      Għalhekk, minn naħa, il-Kummissjoni tirrileva li d-Direttiva 2018/1972 hija l-att leġiżlattiv prinċipali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-ewwel nett, il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (iktar ’il quddiem il-“KEKE”) jimmodernizza l-qafas regolatorju tal-Unjoni dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi billi jsaħħaħ l-għażliet u d-drittijiet tal-konsumaturi, billi jiggarantixxi standards ogħla ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, jippromwovi l-investiment f’netwerks b’kapaċità għolja ħafna u jippromwovi l-aċċess bla fili għall-konnettività b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni kollha. It-tieni nett, il-KEKE tistabbilixxi regoli għall-organizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-istruttura istituzzjonali u l-governanza ta’ din tal-aħħar. Id-dispożizzjonijiet tiegħu jsaħħu r-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali billi jistabbilixxu sett minimu ta’ kompetenzi għal dawn l-awtoritajiet fl-Unjoni kollha kif ukoll billi jsaħħu l-indipendenza tagħhom, billi jistabbilixxu kriterji għall-ħatriet, u l-obbligi fil-qasam tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, il-KEKE tiżgura wkoll ġestjoni effikaċi u effettiva tal-ispektrum tar-radju (iktar ’il quddiem l-“ispektrum”). Dawn id-dispożizzjonijiet isaħħu l-konsistenza tal-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tal-aspetti essenzjali tal-awtorizzazzjonijiet relatati mal-ispektrum. L-imsemmija dispożizzjonijiet kienu jippromwovu l-kompetizzjoni bejn l-infrastrutturi u l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni kollha. Fl-aħħar nett, il-KEKE tirregola diversi aspetti tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-obbligi ta’ servizz universali, ir-riżorsi ta’ numerazzjoni u d-drittijiet tal-utenti finali. It-tisħiħ ta’ dawn ir-regoli għandu l-għan li jżid is-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawn is-servizzi bi prezz affordabbli.

49      Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Latvjan, l-ewwel nett, jippreġudika l-prattiki regolatorji fl-Unjoni kollha f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispektrum u r-regoli ta’ aċċess għas-suq. Konsegwentement, l-impriżi la jibbenefikaw minn proċeduri iktar koerenti u prevedibbli għall-għoti jew għat-tiġdid tad-drittijiet ta’ użu tal-ispektrum eżistenti u lanqas mill-prevedibbiltà tar-regolamentazzjoni li tirriżulta mit-tul minimu ta’ 20 sena tal-liċenzji għall-użu tal-ispektrum. Tali nuqqasijiet għandhom influwenza diretta fuq id-disponibbiltà u l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna fi ħdan l-Unjoni. It-tieni nett, il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn sensiela ta’ vantaġġi tanġibbli mogħtija lilhom minn din id-direttiva, bħal soluzzjonijiet relatati mal-aċċess għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet affordabbli, ir-rekwiżit li jipprovdulhom informazzjoni ċara dwar il-kuntratti, l-obbligu li japplikaw tariffi trasparenti, is-simplifikazzjoni tal-bidla tal-fornituri ta’ networks sabiex jippromwovu prezzijiet bl-imnut iktar affordabbli u l-obbligu, għall-operaturi, li joffru lill-utenti finali b’diżabbiltà aċċess ekwivalenti għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

50      Peress li r-Repubblika tal-Latvja kkomunikat lill-Kummissjoni atti tad-dritt sekondarju, li, skont l-awtoritajiet Latvjani, huma neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, il-Kummissjoni tqis li tali komunikazzjoni tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

51      Konsegwentement, il-koeffiċjent ta’ gravità xieraq u proporzjonat f’dan il-każ huwa ta’ 9. Tali koeffiċjent għandu, skont il-Kummissjoni, jitnaqqas progressivament għal 4, għall-perijodu bejn id‑29 ta’ Lulju u s‑16 ta’ Novembru 2022, u għal 3, għall-perijodu wara s‑17 ta’ Novembru 2022, fid-dawl tal-miżuri kkomunikati mir-Repubblika tal-Latvja, imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

52      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ssostni li dan jikkorrispondi għall-perijodu mid-data ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, jiġifieri t‑22 ta’ Diċembru 2020, sad-data li fiha n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonċernat intemm. Peress li r-Repubblika tal-Latvja kkomunikat parzjalment miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, it-tul ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ta’ 555 jum għall-parti tal-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkluż bejn it‑22 ta’ Diċembru 2020 u t‑28 ta’ Lulju 2022, ta’ 141 jum għall-parti tiegħu bejn id‑29 ta’ Lulju u s‑16 ta’ Novembru 2022 u jibqa’ parzjalment tal-istess nuqqas fir-rigward tal-miżuri li l-Kummissjoni tqis li għad għandha tirċievi l-komunikazzjoni dwarhom.

53      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika tal-Latvja, il-Kummissjoni applikat il-fattur “n” previst mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummisssjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, C 70, p. 1). Dan il-fattur jieħu inkunsiderazzjoni żewġ elementi, jiġifieri l-PDG u l-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, irrappreżentat min-numru ta’ siġġijiet attribwiti lil dan l-Istat Membru lill-Parlament Ewropew.

54      Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat–Ferronickel) (C‑51/20, EU:C:2022:36), diġà kkontestat ir-rilevanza kemm ta’ dan it-tieni element kif ukoll tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 previsti minn din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni madankollu ddeċidiet li tapplika f’dan il-każ il-kriterji previsti minnha, fl-istennija tal-adozzjoni ta’ komunikazzjoni ġdida li tieħu inkunsiderazzjoni din il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

55      Għalhekk, konformement mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni  2022/C/74/02, intitolata “L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-penali li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2022, C 74, p.2) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2022”), il-fattur “n” għar-Repubblika tal-Latvja huwa ta’ 0.14. Madankollu, fl-att tagħha tat‑30 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni applikat il-fattur “n” tal‑0.07 issa previst għal dan l-Istat Membru fl-Anness I tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2023, C 2, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2023”).

56      Skont il-Komunikazzjoni 2017/C 18/02 tagħha, intitolata “Id-Dritt tal-[Unjoni]: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar” (ĠU 2017, C 18, p. 10), il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Repubblika tal-Latvja, minn naħa, pagamenti ta’ penalità għall-perijodu mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sa dik tal-eżekuzzjoni sħiħa tagħha u, min-naħa l-oħra, somma f’daqqa għall-perijodu bejn id-data ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-Direttiva 2018/1972 u dik li fiha dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu b’mod sħiħ mal-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva jew dik ta’ din id-deċiżjoni.

57      Fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-punt 18 tal-Komunikazzjoni tal‑2005,l-ammont tagħhom għandu jkollu l-effett li s-sanzjoni tkun kemm proporzjonata kif ukoll dissważiva. Għal dawn il-finijiet, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum jiġi kkalkolat billi l-ammont bażiku b’rata fissa uniformi jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent ta’ gravità u b’koeffiċjent ta’ tul, imbagħad bil-fattur “n” applikabbli għall-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, għalkemm, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni kienet irreferiet għall-komunikazzjoni tagħha tal‑2022, fl-att tagħha tat‑30 ta’ Ġunju 2023, hija issa tirreferi għall-Komunikazzjoni tal‑2023. Issa, is-“somma f’daqqa tal-pagamenti ta’ penalità” hija, skont il-punt 1 tal-Anness I ta’ din il-komunikazzjoni tal-aħħar, ta’ EUR 3 000 kuljum. Il-koeffiċjenti ta’ gravità u tul ta’ żmien proposti mill-Kummissjoni huma ta’ 3 u ta’ 1.5 rispettivament. Kif ġie rrilevat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-fattur “n” applikat mill-Kummissjoni għar-Repubblika tal-Latvja huwa ta’ 0.07. Għalhekk, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum propost mill-Kummissjoni huwa ta’ EUR 945, mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sa dik tal-osservanza sħiħa tal-obbligi previsti fl-Artikolu 124(1) tad-Direttiva 2018/1972.

58      Fir-rigward tas-somma f’daqqa, mill-punt 20 tal-Komunikazzjoni tal‑2005 jirriżulta li din għandu jkollha tal-inqas bażi minima fissa, li tirrifletti l-prinċipju li kull każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni persistenti tad-dritt tal-Unjoni jirrappreżenta fih innifsu, indipendentement minn kull ċirkustanza aggravanti, ksur tal-prinċipju ta’ legalità f’komunità ta’ dritt li teħtieġ sanzjoni reali. Skont il-Komunikazzjoni tal‑2022, is-somma f’daqqa minima għar-Repubblika tal-Latvja hija ta’ EUR 316 000.

59      Skont il-metodu stabbilit fil-Komunikazzjonijiet tal‑2005 u tal‑2011, jekk ir-riżultat tal-kalkolu tas-somma f’daqqa kien jaqbeż din is-somma f’daqqa minima, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina s-somma f’daqqa permezz tal-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ kuljum bin-numru ta’ ġranet li matulhom il-ksur ikkonċernat ippersista bejn id-data ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni u dik li fiha jintemm dan il-ksur jew, fin-nuqqas ta’ dan, dik tal-għoti tas-sentenza mogħtija skont l-Artikolu 260(3) TFUE. Għalhekk, l-ammont ta’ kuljum tas-somma f’daqqa għandu jiġi kkalkolat billi l-ammont bażiku uniformi applikabbli għall-kalkolu tal-ammont ta’ kuljum tas-somma f’daqqa jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent ta’ gravità u bil-fattur “n”. Issa, dan l-ammont bażiku uniformi huwa, skont il-punt 2 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023, ta’ EUR 1 000. F’dan il-każ, il-koeffiċjent ta’ gravità huwa ta’ 9, għall-ewwel 555 jum tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri bejn it‑22 ta’ Diċembru 2020 u t‑28 ta’ Lulju 2022, ta’ 4 għall‑161 jum ta’ wara, jiġifieri bejn id‑29 ta’ Lulju u s‑16 ta’ Novembru 2022, u, fl-aħħar nett, ta’ 3 għall-perijodu li beda fis‑17 ta’ Novembru 2022. il-fattur “n” huwa ta’ 0.07. Minn dan jirriżulta li l-ammont tas-somma f’daqqa huwa ta’ EUR 349 650 għall-perijodu bejn it‑22 ta’ Diċembru 2020 u t‑28 ta’ Lulju 2022, ta’ EUR 39 480 għall-perijodu bejn id‑29 ta’ Lulju u s‑16 ta’ Novembru 2022 u ta’ EUR 210 għal kull jum għall-perijodu mis‑17 ta’ Novembru 2022 sad-data li fiha r-Repubblika tal-Latvja tikkonforma ruħha b’mod sħiħ mal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2018/1972 jew ma’ dik tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża.

60      Ir-Repubblika tal-Latvja ssostni, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-gravità tal-ksur, li l-kuntest leġiżlattiv eżistenti diġà kien suffiċjenti u komplet. Id-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 la kkawża direttament telf u lanqas ma ppreġudika s-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

61      B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Latvja tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hija ma pprovatx tevita li tittrasponi d-Direttiva 2018/1972 u li hija informat regolarment lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-ħidma leġiżlattiva ta’ traspożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, din id-direttiva essenzjalment ittejjeb il-qafas legali diġà eżistenti mingħajr ma temendah b’mod sostanzjali.

62      Sussegwentement, fir-rigward tat-tul tal-ksur, ir-Repubblika tal-Latvja tqis li dan ma jistax jitqies li huwa rilevanti, peress li d-dewmien fit-traspożizzjoni, minn dan l-Istat Membru, tad-Direttiva 2018/1972 ma kellux konsegwenzi negattivi.

63      Fl-aħħar nett, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq ir-Repubblika tal-Latvja ma għandhiex effett dissważiv, iżda għall-kuntrarju tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku dwar il-fatt li l-prijorità hija li jiġu ttrattati kwistjonijiet formali li għalihom l-Istat jista’ jiġi ssanzjonat, pjuttost milli jiġu ttrattati kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali u soċjetali intrinsika, bħall-ġlieda kontra t-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, peress li l-influss ta’ refuġjati mit-territorju Belarussu ppreċeda l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa, iż-żieda fl-ispiża tar-riżorsi tal-enerġija u s-soluzzjoni tal-problemi urġenti li jirriżultaw minn din l-invażjoni. Hija żżid li, wara din tal-aħħar, il-previżjonijiet ta’ żieda fil-PDG għas-sena 2022 u għas-sena 2023 tnaqqsu b’mod sinjifikattiv għal 1.8 % u għal 3.2 % rispettivament.

64      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tirribatti li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, ikkontestat mir-Repubblika tal-Latvja, jirriskja li jostakola l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u, għaldaqstant, għandu ċertu livell ta’ gravità, anki jekk ma jipproduċix effetti negattivi. Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 2018/1972 tinkorpora diversi dispożizzjonijiet preeżistenti, hija timmodernizza wkoll il-qafas leġiżlattiv, b’mod partikolari billi tintroduċi regoli ġodda dwar l-installazzjoni tan-networks 5G, l-introduzzjoni ta’ networks fissi ġodda b’kapaċità għolja u s-soluzzjonijiet il-ġodda sabiex il-konsumaturi jiġu protetti aħjar.

65      Il-Kummissjoni tfakkar li l-għan prinċipali tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 260(3) TFUE huwa li tiġi żgurata t-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fit-termini stabbiliti minnha u li jiġi prekluż li dan it-tip ta’ ksur jerġa’ jseħħ. It-traspożizzjoni ta’ direttiva fit-termini stabbiliti minnha ma hijiex sempliċi kwistjoni formali, iżda obbligu fundamentali impost fuq l-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni.

66      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja żżomm il-pożizzjoni tagħha u żżid li, mill-adozzjoni tal-miżuri li hija nnotifikat lill-Kummissjoni fis‑17 ta’ Novembru 2022, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Latvjan tlestiet.

67      Min-naħa l-oħra, fl-att tagħha tat‑30 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-miżuri ma jittrasponux ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972 u li jittrasponu b’mod inkomplet dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva.

68      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar dan l-att, ir-Repubblika tal-Latvja tafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha li l-imsemmija miżuri jixtru kompletament it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Latvjan.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69      Peress li, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Latvja ma kinitx ikkomunikat lill-Kummissjoni l-miżuri li jiggarantixxu t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2018/1972 fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

70      Il-Kummissjoni titlob li jiġu applikati pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa.

71      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn iż-żewġ miżuri tiddependi mill-kapaċità ta’ kull waħda minnhom li tissodisfa l-għan li għandu jintlaħaq skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Filwaqt li l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità tkun tidher partikolarment xierqa sabiex Stat Membru jiġi mħeġġeġ itemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, x’aktarx jibqa’ jippersisti, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa tiddependi pjuttost fuq l-evalwazjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b'mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista għal perijodu twil (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C-658/19, EU:C:2021:138, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq it-talba għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità

72      Fir-rigward, tal-opportunità li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità f’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ tali pagamenti ta’ penalità bħala prinċipju hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li dawn il-pagamenti ta’ penalità jkunu intiżi li jissanzjonaw sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punti 55 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73      Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tistax tiġi prevista, għandu jiġi eżaminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, ippersistix sad-data ta’ għeluq il-proċedura, li seħħ fis‑7 ta’ Diċembru 2022.

74      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kliem “obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu”, li jinsabu fl-Artikolu 260(3) TFUE, jirrigwardaw l-obbligu tal-Istati Membri li jittrażmettu informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ ċertezza legali u jiżguraw it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva fit-territorju kollu kkonċernat, l-Istati Membri huma obbligati, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jindikaw, għal kull dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Ladarba ssir din il-komunikazzjoni, fejn xieraq akkumpanjata mill-preżentazzjoni ta’ tabella ta’ korrispondenza, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, bil-ħsieb li titlob l-impożizzjoni fuq l-Istat Membru kkonċernat ta’ sanzjoni pekunjarja prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE, li ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni huma manifestament assenti jew ma jkoprux it-territorju sħiħ tal-Istat Membru kkonċernat, billi ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, li teżamina jekk il-miżuri nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni jiżgurawx traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUENetworks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punti 51 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fis‑17 ta’ Novembru 2022, ir-Repubblika tal-Latvja kkomunikat ċerti miżuri lill-Kummissjoni. Fil-kontroreplika tiegħu, dan l-Istat Membru afferma espressament li, fil-fehma tiegħu, dawn il-miżuri kienu jixtru t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Latvjan.

76      Min-naħa l-oħra, fl-att tagħha tat‑30 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni sempliċement affermat li r-Repubblika tal-Latvja ma kinitx għadha, f’din id-data, ikkomunikat miżuri ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 1(4), tal-Artikolu 35(7) u (9), tal-Artikolu 48(2), tal-Artikolu 49(3), tal-Artikolu 69(4), tal-Artikolu 96(4) kif ukoll tal-Artikoli 100 u 112 tad-Direttiva 2018/1972. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 61(4), l-Artikolu 62(2), it-tieni sentenza tal-Artikolu 80(3) u l-Artikolu 102(2) ta’ din id-direttiva ma ġewx trasposti kompletament fl-ordinament ġuridiku Latvjan.

77      Għalhekk, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda element li jippermetti li jitqies li l-miżuri li ġew ikkomunikati lilha fis‑17 ta’ Novembru 2022 mir-Repubblika tal-Latvja ma kinux jittrasponu manifestament id-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Latvjan jew ma kinux ikopru t-territorju kollu ta’ dan l-Istat Membru.

78      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-att tat‑30 ta’ Ġunju 2023, ir-Repubblika tal-Latvja mhux biss affermat mill-ġdid li, fil-fehma tagħha, sa mill-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 kienet kompleta, iżda hija indikat ukoll ir-raġunijiet li għalihom id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva msemmija fil-punt 76 ta’ din is-sentenza kellhom jitqiesu li ġew trasposti b’mod sħiħ fid-dritt Latvjan.

79      Bl-istess mod, fl-ittra tagħha tal‑1 ta’ Frar 2024, imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni sempliċement tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja bir-riżultat tal-analiżi tagħha tal-miżuri li kienet irċeviet fil‑15 ta’ Awwissu 2023 u tirrapporta nuqqas ta’ qbil bejnha u r-Repubblika tal-Latvja dwar it-traspożizzjoni ta’ L-Artikolu 112(1) tad-Direttiva 2018/1972.

80      Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 260(3) TFUE, li għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk tali miżuri jiżgurawx traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

81      Meta l-Kummissjoni tqis li miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva kkomunikati minn Stat Membru ma jiżgurawx traspożizzjoni korretta ta’ din id-direttiva, sanzjoni pekunjarja tista’ tiġi imposta fuq dan l-Istat Membru biss wara rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE - Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punti 55 sa 57.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi, fis‑17 ta’ Novembru 2022, ikkomunikat lill-Kummissjoni l-miżuri li permezz tagħhom hija kienet tqis li kkonformat ruħha kompletament mal-obbligi imposti fuqha mid-Direttiva 2018/1972, ir-Repubblika tal-Latvja temmet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

83      Għaldaqstant, it-talba tal-Kummissjoni intiża għall-kundanna tar-Repubblika tal-Latvja għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-metodoloġija tal-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa

84      Fir-rigward tal-opportunità li tiġi imposta somma f’daqqa f’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari sabiex tipprevjeni r-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali –– Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata)

85      F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-fatt li r-Repubblika tal-Latvja kkooperat mas-servizzi tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża kollha u li hija żammet lil dawn tal-aħħar informati bir-raġunijiet li ostakolawha milli tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, fid-dritt Latvjan, il-punti ta’ liġi u l-punti ta’ fatt kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, jiġifieri l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u anki fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–– Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata)

86      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-Repubblika tal-Latvja espost fil-punti 60 sa 63 ta’ din is-sentenza.

87      Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-allegat fatt li l-qafas leġiżlattiv preeżistenti kien diġà suffiċjenti, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, jekk direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkunu jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew li jkunu jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att speċifiku ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni.

88      It-tieni nett, għalkemm il-fatt li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza ma kellux konsegwenzi negattivi, jekk jitqies li huwa stabbilit, jista’ jkun rilevanti sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ dan in-nuqqas għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tas-somma f’daqqa, dan ma jistax, min-naħa l-oħra, ikun rilevanti sabiex tiġi evalwata l-opportunità li tiġi imposta tali sanzjoni.

89      It-tielet nett, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva ma hijiex kwistjoni formali. Fil-fatt, l-obbligu tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali ta’ Stati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata)

90      Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa xieraq li tiġi imposta somma f’daqqa fuq ir-Repubblika tal-Latvja.

91      Għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma f’daqqa, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam hekk kif iddefinita mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa li Stat Membru jista’ jiġi kkundannat iħallas bis-saħħa tal-Artikolu 260(3) TFUE, b’tali mod li dan jiġi, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat għall-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm, b’mod partikolari, elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan in-nuqqas ikun ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata)

92      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, l-obbligu tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali ta’ Stati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies bħala ta’ gravità ċerta.

93      f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, jiġifieri fit‑23 ta’ Novembru 2021, ir-Repubblika tal-Latvja naqset milli twettaq l-obbligi ta’ traspożizzjoni tagħha taħt id-Direttiva 2018/1972, b’tali mod li l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni ma ġietx żgurata.

94      Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-Direttiva 2018/1972 hija l-att leġiżlattiv prinċipali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

95      B’mod partikolari, qabel kollox, skont l-Artikolu 1(1), tad-Direttiva 2018/1972 “tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tan-netwerks tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi assoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali. Din tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn applikabbli, ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Unjoni”.

96      Sussegwentement, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, din hija intiża, minn naħa, li timplimenta suq intern ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jwassal għall-introduzzjoni u l-penetrazzjoni ta’ networks ta’ kapaċità għolja ħafna, il-ħolqien ta’ kompetizzjoni sostenibbli, l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-aċċessibbiltà, is-sigurtà tan-networks u tas-servizzi, filwaqt li tagħti benefiċċji lill-utenti finali, u, min-naħa l-oħra, jiżguraw il-forniment ta’ servizzi disponibbli għall-pubbliku ta’ kwalità tajba u affordabbli fl-Unjoni kollha permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u għażla, jittrattaw każijiet fejn il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jiġux issodisfati b’mod adegwat mis-suq, inklużi l-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità sabiex ikunu jistgħu jaċċedu għas-servizzi fuq bażi ugwali ma’ utenti oħra, u jiddefinixxu d-drittijiet li jeħtieġ li jingħataw lill-utenti finali.

97      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 3 tal-imsemmija direttiva, din temenda l-qafas regolatorju fis-seħħ qabel l-adozzjoni tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji u tas-suq.

98      Ċertament, kif tirrileva r-Repubblika tal-Latvja, il-qasam inkwistjoni huwa diġà rregolat minn atti oħra tad-dritt tal-Unjoni li din id-direttiva temenda jew tissostitwixxi.

99      Madankollu, l-imsemmija direttiva ma tillimitax ruħha li tikkodifika dawn l-atti. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika tal-Latvja, il-KEKE ssaħħaħ b’mod partikolari l-għażliet u d-drittijiet tal-konsumaturi, billi tiggarantixxi standards ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni ogħla, kif ukoll ir-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, billi tistabbilixxi sett minimu ta’ kompetenzi għal dawn l-awtoritajiet u billi ssaħħaħ l-indipendenza tagħhom, billi tistabbilixxi kriterji għall-ħatriet, u l-obbligi fil-qasam tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, il-KEKE tirregola aspetti differenti tal-provvista tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-obbligi ta’ servizz universali, ir-riżorsi tan-numerazzjoni u d-drittijiet tal-utenti finali. It-tisħiħ tar-regoli tal-organizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika stabbiliti mill-KEKE għandu l-għan li jżid is-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawn is-servizzi bi prezz affordabbli.

100    Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 mir-Repubblika tal-Latvja, l-ewwel nett, jippreġudika l-prattiki regolatorji fl-Unjoni kollha f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispektrum u r-regoli ta’ aċċess għas-suq. Għalhekk, l-impriżi la għandhom proċeduri iktar konsistenti u prevedibbli għall-għoti jew it-tiġdid tad-drittijiet eżistenti għall-użu tal-ispektrum u lanqas mill-prevedibbiltà regolatorja li tirriżulta mit-tul minimu ta’ 20 sena tal-liċenzji għall-użu tal-ispektrum. Tali nuqqasijiet għandhom influwenza diretta fuq id-disponibbiltà u l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni. It-tieni nett, il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn sensiela ta’ vantaġġi tanġibbli mogħtija lilhom minn din id-direttiva, bħal soluzzjonijiet relatati mal-aċċess għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet affordabbli, ir-rekwiżit li jipprovdulhom informazzjoni ċara dwar il-kuntratti, l-obbligu li japplikaw tariffi trasparenti, is-simplifikazzjoni tal-bidla tal-fornituri tan-networks sabiex jippromwovu prezzijiet bl-imnut iktar affordabbli u l-obbligu tal-operaturi li joffru lill-utenti finali b’diżabbiltà aċċess ekwivalenti għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

101    Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tas-somma f’daqqa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li, matul il-proċedura, ir-Repubblika tal-Latvja kkomunikat lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ numru kbir ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2018/1972 u li, fis‑17 ta’ Novembru 2022, dan l-Istat Membru kkomunikalha l-miżuri li permezz tagħhom huwa qies li kkonforma ruħu b’mod sħiħ mal-obbligi imposti fuqu minn din id-direttiva.

102    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li dan għandu, bħala prinċipju, jiġi evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u li din l-evalwazzjoni tal-fatti għandha titqies li seħħet fid-data tal-għeluq tal-proċedura. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali–Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    F’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’differenza mill-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C-549/18, EU:C:2020:563, punt 79, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 90).

104    f’dan il-każ, ma huwiex validament ikkontestat li, fid-data ta’ traspożizzjoni prevista fl-Artikolu 124 tad-Direttiva 2018/1972, jiġifieri l‑21 ta’ Diċembru 2020, ir-Repubblika tal-Latvja ma kinitxx adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, ma kinitx ikkomunikat il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħha lill-Kummissjoni.

105    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 82 ta’ din is-sentenza, fis‑17 ta’ Novembru 2022, ir-Repubblika tal-Latvja temmet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

106    Minn dan isegwi li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kompla matul il-perijodu ta’ bejn it‑22 ta’ Diċembru 2020 u s‑16 ta’ Novembru 2022, jiġifieri perijodu ta’ 694 jum, li jikkostitwixxi perijodu twil ħafna.

107    Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li dan it-tul seta’ jirriżulta parzjalment minn ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta, mal-pandemija tal-COVID-19, imbagħad, mal-gwerra ta’ aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li dawn iċ-ċirkustanzi, imprevedibbli u indipendenti mir-rieda tagħha, dewmu l-proċess leġiżlattiv neċessarju għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 u, konsegwentement, tawlu l-perijodu li matulu baqa’ jippersisti l-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

108    F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG ta’ dan l-Istat Membru, kif ikun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C-549/18, EU:C:2020:563, punt 85, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 97).

109    Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni tipproponi li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-PDG tar-Repubblika tal-Latvja, il-piż istituzzjonali tagħha fl-Unjoni kif espress bin-numru ta’ siġġijiet li dan l-Istat Membru għandu fi ħdan il-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tqis ukoll li għandu jintuża koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 sabiex tiġi ggarantita n-natura proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet li hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq dak l-Istat Membru.

110    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ippreċiżat b’mod ċar ħafna, minn naħa, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma jidhirx li huwa indispensabbli sabiex tiġi ggarantita dissważjoni suffiċjenti u jwassal lil dan l-Istat Membru jbiddel l-aġir attwali jew futur tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma wrietx il-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom hija ffissat il-valur tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5. [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat–Ferronickel), C‑51/20, C‑93/20, EU:C:2022:36, punti 115 sa 117.

111    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li, fir-rigward tas-somma f’daqqa li l-ħlas tagħha hija timponi, din ma tistax teċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, hemm lok li jitqies li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 124 tad-Direttiva 2018/680 u li jaffettwa l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 300 000.

112    Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Latvja għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tammonta għal EUR 300 000.

 Fuq lispejjeż

113    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

114    F’dan il-każ, iċ-ċaħda tat-talba tal-Kummissjoni intiża għall-kundanna tar-Repubblika tal-Latvja għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità marbuta mal-attitudni ta’ dan l-Istat Membru, peress li dan tal-aħħar adotta u kkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri li permezz tagħhom huwa qies li kkonforma ruħu b’mod sħiħ mal-obbligi imposti fuqu mid-Direttiva 2018/1972 biss wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li ma tistax tistabbilixxi distinzjoni rilevanti bejn l-ispejjeż relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza u dawk relatati maċ-ċaħda ta’ din it-talba, ir-Repubblika tal-Latvja għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-implimentazjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, u, fi kwalunkwe każ, billi ma informatx lill-Kummissjoni Ewropea dwar dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika tal-Latvja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva.

2)      Ir-Repubblika tal-Latvja hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa li tammonta għal EUR 300 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Ir-Repubblika tal-Latvja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.