Language of document : ECLI:EU:C:2024:231

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Marzu 2024 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Proċedura fil-kontumaċja – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Artikolu 127(1) – Perjodu ta’ tranżizzjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) – Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tagħti l-ħlas tad-danni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara li dan il-ħlas jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern – Artikolu 4(3) TUE – Kooperazzjoni leali – Obbligu ta’ sospensjoni tal-proċeduri – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE – Konvenzjoni internazzjonali konkluża bejn Stati Membri u Stati terzi qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni – Il-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħra (ICSID) – Applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 267 TFUE – Qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza – Obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 108(3) TFUE – Sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-għajnuna”

Fil-Kawża C‑516/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fid-29 ta’ Lulju 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, P.‑J. Loewenthal u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M.S. Fuller, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, permezz tas-sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), tad-19 ta’ Frar 2020, fil-kawża Micula vs Romania (iktar’ il quddiem is-“sentenza inkwistjoni”), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll taħt l-Artikolu 108(3) TFUE, taħt l-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u taħt l-Artikolu 351 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”), adottat fis-17 ta’ Ottubru 2019.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Il-Ftehim dwar il-ħruġ, approvat f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 (ĠU 2020, L 29, p. 1), skont l-Artikolu 185 tiegħu, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

3        Skont kliem l-Artikolu 2(e) tal-Ftehim dwar il-ħruġ:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

e)       ‘perjodu ta’ tranżizzjoni’ tfisser il-perjodu previst fl-Artikolu 126”.

4        L-Artikolu 86 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 tiegħu:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkompli jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jsiru qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.”

5        L-Artikolu 87 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Każijiet ġodda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-Renju Unit ikun naqas li jwettaq obbligu taħt it-Trattati jew taħt ir-Raba’ Parti ta' dan il-Ftehim qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista’, fi żmien 4 snin minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 258 TFUE jew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, skont il-każ. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni f’tali każijiet.”

6        L-Artikolu 126 tal-istess ftehim, intitolat “Perjodu ta’ tranżizzjoni”, jipprevedi:

“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.”

7        L-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, intitolat “Ambitu tat-tranżizzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

[...]

3.      Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni applikabbli taħt il-paragrafu 1 għandu jipproduċi fir-rigward tar-Renju Unit u fir-Renju Unit l-istess effetti legali bħal dawk li jipproduċi fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fil-Unjoni.

[...]

6.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, inkluż kif implimentat u applikat mill-Istati Membri, għandha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit.”

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni ICSID

8        Il-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħra, konkluża f’Washington fit-18 ta’ Marzu 1965 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ICSID”), li daħlet fis-seħħ fir-rigward tar-Renju Unit fit-18 ta’ Jannar 1967 u fir-rigward tar-Rumanija fit-12 ta Ottubru 1975, tipprevedi, fl-Artikolu 53(1) tagħha:

“Id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ hija vinkolanti fuq il-partijiet u ma tistax tiġi appellata jew tkun suġġetta għal xi rimedju ieħor, bl-eċċezzjoni tar-rimedji previsti minn din il-Konvenzjoni Kull Parti għandha tirrispetta u tosserva t-termini tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ [...] ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9        L-Artikolu 54(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Kull Stat Kontraenti għandu jirrikonoxxi deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija skont din il-Konvenzjoni bħala vinkolanti u jinforza l-obbligi finanzjarji imposti b’din id-deċiżjoni fi ħdan it-territorji tiegħu daqs li kieku kienet sentenza finali ta’ qorti f’dak l-Istat. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10      L-Artikolu 64 tal-imsemmija konvenzjoni jistipula:

“Kull tilwima li tista’ tirriżulta bejn l-Istati Kontraenti dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni u li ma tkunx riżolta b’mod amikevoli għandha titressaq quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fuq talba ta’ kwalunkwe parti fit-tilwima, sakemm l-Istati kkonċernati ma jaqblux dwar metodu ieħor ta’ soluzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11      L-Artikolu 69 tal-istess konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Kull Stat Kontraenti għandu jieħu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra neċessarji sabiex jagħti effett fit-territorju tiegħu lid-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-BIT

12      It-Trattat Bilaterali ta’ Investiment, konkluż fid-29 ta’ Mejju 2002, bejn il-Gvern tar-Renju tal-Isvezja u r-Rumanija għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka ta’ Investimenti (iktar ’il quddiem it-“TBI”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003, jipprovdi, fl-Artikolu 2(3) tiegħu:

“Kull parti kontraenti għandha tiżgura f’kull mument trattament ġust u ekwu għall-investimenti ta’ investituri tal-parti kontraenti l-oħra u ma għandhiex tostakola l-amministrazzjoni, il-ġestjoni, iż-żamma, l-użu, it-tgawdija jew it-trasferiment tal-imsemmija investimenti [...] permezz ta’ miżuri mhux raġonevoli jew diskriminatorji [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13      L-Artikolu 7 tat-TBI jipprevedi li t-tilwimiet bejn l-investituri u l-pajjiżi firmatarji għandhom jiġu solvuti, b’mod partikolari, minn tribunal ta’ arbitraġġ li japplika l-Konvenzjoni ICSID.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-proċedura ta’ arbitraġġ

14      Fit-22 ta’ Frar 2005, ir-Rumanija ħassret, fid-dawl tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea, skema reġjonali ta’ għajnuna għall-investiment fil-forma ta’ inċentivi fiskali (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inkwistjoni”).

15      Fit-28 ta’ Lulju 2005, Ioan u Viorel Micula, ċittadini Svediżi, kif ukoll European Food SA, Starmill SRL u Multipack SRL (iktar ’il quddiem l-“investituri”), li huma kumpanniji kkontrollati minnhom, talbu, skont l-Artikolu 7 tat-TBI, l-istabbiliment ta’ tribunal ta’ arbitraġġ skont il-Konvenzjoni ICSID, sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li huma allegatament ġarrbu minħabba t-tħassir tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li minnha huma kienu bbenefikaw qabel dan it-tħassir.

16      Permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-11 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ arbitraġġ”), mogħtija wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, it-tribunal ta’ arbitraġġ qies li, billi ħassret l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ir-Rumanija kienet ippreġudikat l-aspettattivi leġittimi tal-investituri, li ħasbu li l-inċentivi fiskali inkwistjoni kienu ser ikunu disponibbli sal-31 ta’ Marzu 2009, ma aġixxietx b’mod trasparenti billi ma avżatx lill-investituri fi żmien xieraq u ma żguratx trattament ġust u ekwu tal-investimenti magħmula mill-investituri, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tat-TBI. Għaldaqstant, it-tribunal ta’ arbitraġġ ikkundanna lir-Rumanija tħallas lill-investituri, bħala danni, is-somma ta’ 791 882 452 leu Rumen (RON) (madwar EUR 178 miljun), fejn din is-somma ġiet stabbilita prinċipalment billi ttieħdu inkunsiderazzjoni d-danni allegatament subiti mill-investituri matul il-perijodu mit-22 ta’ Frar 2005 u l-31 ta’ Marzu 2009.

17      Mis-sena 2014, l-investituri fittxew li jiksbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fil-Belġju, fi Franza, fil-Lussemburgu, fl-Isvezja, fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti tal-Amerika. Il-Kummissjoni intervjeniet f’dawn il-proċeduri kollha biex topponi dan.

 Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni

18      Fis-26 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 3192 final (Għajnuna mill-Istat SA.38–517 (2014/NN) – Ir-Rumanija – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ Micula vs Ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013 – Ordni ta’ sospensjoni tal-għajnuna) (iktar ’il-quddiem l-“ordni ta’ sospensjoni”) li tordna lir-Rumanija tissospendi immedjatament kwalunkwe azzjoni li tista’ twassal għall-implimentazzjoni jew għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, għar-raġuni li tali azzjoni kienet tidher li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern.

19      Fl-1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/C 393/03 (Għajnuna mill-Istat – Ir-Rumanija – Għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) – L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs Ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013 – Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu 108(2) (ĠU 2014, C 393, p. 27)) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”), li permezz tagħha hija informat lir-Rumanija bil-ftuħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni parzjali mir-Rumanija tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fil-bidu tas-sena 2014 kif ukoll fir-rigward ta’ kull implimentazzjoni jew eżekuzzjoni ulterjuri tal-imsemmija deċiżjoni.

20      Fit-30 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470 tat-30 ta’ Marzu 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) et seq implimentata mir-Rumanija – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ fil-kawża Micula vs Ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2015, L 232, p. 43) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali”).

21      Taħt it-titolu “L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi mħarsa bl-Artikolu 351 tat-Trattat”, il-premessi 126 sa 129 ta’ din id-deċiżjoni, li jikkorrispondu, essenzjalment, għall-punti 51 sa 54 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, huma fformulati kif ġej:

“(126) L-Artikolu 351 [TFUE] jipprovdi li ‘[i]d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi […] għal Stati li jingħaqdu, qabel id-data tal-adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew aktar u Stat mhux membru wieħed jew aktar, m’għandhomx jintlaqtu [jiġu affettwati] mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati.’ Fil-każ preżenti, id-drittijiet u l-obbligi li jibbażaw fuqhom [l-investituri] huma dawk li joħorġu [mit-TBI].

(127)      Mill-mod kif inhu miktub l-Artikolu 351 [TFUE] huwa ċar li dan ma japplikax fil-każ preżenti, billi [t-TBI] huwa trattat konkluż bejn żewġ Stati Membri tal-Unjoni, l-Isvezja u r-Rumanija, u mhux trattat ‘bejn Stat Membru wieħed jew aktar u Stat mhux membru wieħed jew aktar’. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ preżenti ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi protetti [previsti] bl-Artikolu 351 [TFUE].

(128)      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar li skont id-dritt tal-Unjoni japplikaw regoli differenti [għat-TBI] intra-UE, fuq naħa, u [t-TBI] konklużi bejn Stat Membru tal-Unjoni u pajjiż terz, fuq in-naħa l-oħra. Fil-każ [tat-TBI] intra-UE, il-Kummissjoni tqis li tali ftehimiet imorru kontra d-dritt tal-Unjoni, mhumiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-Unjoni u għalhekk għandhom jitqiesu bħala mhux validi. [...]

(129)      Ir-Rumanija hija wkoll parti għall-[Konvenzjoni ICSID], li aderiet fiha qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni. Madankollu, billi l-ebda [Stat terz li huwa ] Parti Kontraenti [...] għall-[Konvenzjoni ICSID] ma hija parti [għat-TBI] involut fil-proċedimenti preżenti, l-Artikolu 351 [TFUE] mhuwiex rilevanti għal dan il-każ.”

22      Skont kliem id-dispożittiv tagħha, id-Deċiżjoni finali tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-ħlas tad-danni mogħtija mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ lill-unità ekonomika unika magħmula mill-investituri, European Drinks, Rieni Drinks, Scandic Distilleries, Transilvania General Import-Export u West Leasing International jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li ma huwiex kompatibbli mas-suq intern.

23      Konformement mal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, ir-Rumanija hija obbligata li ma tħallas ebda għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni u li tirkupra dik li diġà tħallset lill-entitajiet li jikkostitwixxu din l-unità ekonomika kif ukoll kull għajnuna mħallsa lil dawn l-entitajiet li ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE jew kull għajnuna mħallsa wara d-data ta’ adozzjoni tal-istess deċiżjoni.

 Il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni

24      Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2019, European Food et vs Il-Kummissjoni (T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15, EU:T:2019:423), il-Qorti Ġenerali annullat, fl-intier tagħha, id-deċiżjoni finali, għar-raġuni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza ratione temporis sabiex tadottaha skont l-Artikolu 108 TFUE (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali”).

25      B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 91 u 92 ta’ dik is-sentenza li, peress li l-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni, f’dak li jirrigwarda l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, bejn dawk li jaqgħu taħt il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u dawk li jaqgħu taħt il-perijodu ta’ wara din l-adeżjoni, marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat billi applikat retroattivament il-kompetenzi li hija għandha abbażi tal-Artikolu 108 TFUE għal fatti preċedenti għall-imsemmija adeżjoni u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika l-ħlas tad-danni mogħtija mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

26      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 98 sa 111 tal-imsemmija sentenza, li, peress li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli ratione temporis u peress li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza abbażi tal-Artikolu 108 TFUE, id-deċiżjoni finali, fl-assenza ta’ distinzjoni bejn l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati skont jekk dawn kinux jaqgħu taħt il-perijodu preċedenti jew sussegwenti għall-adeżjoni inkwistjoni, hija vvizzjata b’illegalità sa fejn din tikklassifika bħala “vantaġġ” u bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-għoti tal-imsemmija danni, minn tal-inqas għall-perijodu preċedenti għad-data tad-dħul fis-seħħ tad-dritt tal-Unjoni fir-Rumanija.

27      Fis-27 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni ressqet appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiż għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

 Il-proċedura quddiem il-qrati tar-Renju Unit

28      Fis-17 ta’ Ottubru 2014, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ġiet irreġistrata mal-High Court of England and Wales (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)), skont id-dispożizzjonijiet tal-Arbitration (International Investment Disputes) Act 1966 (il-Liġi tal-1966 dwar l-Arbitraġġ (Tilwim dwar Investimenti Internazzjonali)), li timplimenta l-Konvenzjoni ICSID fir-Renju Unit.

29      Fl-20 ta’ Jannar 2017, dik il-qorti ċaħdet it-talba tar-Rumanija intiża għall-annullament ta’ din ir-reġistrazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ssospendiet l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ sakemm tintemm il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni.

30      Fis-27 ta’ Lulju 2018, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, ir-Renju Unit) iddeċidiet li l-qrati tar-Renju Unit ma setgħux, abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jordnaw l-eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ sakemm kien hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi lir-Rumanija milli tħallas id-danni mogħtija bl-imsemmija deċiżjoni. Fuq din il-bażi, dik il-qorti ċaħdet l-appell ippreżentat mill-investituri kontra s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ordnata mill-ewwel qorti.

31      Fid-19 ta’ Frar 2020, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ordnat, permezz tas-sentenza inkwistjoni, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Il-Kummissjoni pparteċipat f’dik il-proċedura bħala intervenjenti.

 Is-sentenza inkwistjoni

32      Permezz tas-sentenza inkwistjoni, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) qabelxejn ċaħdet, fil-punti 41 sa 57 tagħha, il-motiv li permezz tiegħu l-investituri sostnew li l-konsegwenza tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali kienet li l-qrati tar-Renju Unit ma kinux iktar obbligati, abbażi tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, li jissospendu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. F’dan ir-rigward, dik il-qorti ddeċidiet, fil-punt 56 ta’ dik is-sentenza hija kienet imħassba mir-riskju ta’ deċiżjonijiet potenzjalment kontradittorji li għandhom l-istess suġġett bejn l-istess partijiet, li ma kienx possibbli li hija tikkonkludi li bil-kemm kien hemm riskju ta’ kunflitt bejn dawn id-deċiżjonijiet, li jekk il-kunflitt bejn id-diversi deċiżjonijiet jimmaterjalizza ruħu, dan ikollu bħala konsegwenzi li jostakola b’mod sinjifikattiv l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u li l-eżistenza ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex jiskatta l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

33      Min-naħa l-oħra, fil-punti 58 sa 118 tas-sentenza inkwistjoni, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) laqgħet il-motiv li permezz tiegħu l-investituri sostnew li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE kien applikabbli għall-obbligi imposti fuq ir-Renju Unit mill-Konvenzjoni ICSID, b’tali mod li dawn ma humiex suġġetti għall-effetti imperattivi tad-dritt tal-Unjoni. Skont dik il-qorti, sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tapplikax f’każ partikolari, huwa neċessarju li tiġi interpretata l-konvenzjoni internazzjonali preċedenti inkwistjoni sabiex jiġi eżaminat jekk din timponix fuq l-Istat Membru kkonċernat obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom tista’ tintalab mill-Istati terzi li huma partijiet għaliha.

34      Issa, f’dan il-każ, huwa ċar li l-obbligu li r-Renju Unit jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ abbażi tal-Artikoli 54 u 69 tal-Konvenzjoni ICSID huwa impost fuqu, mhux biss fir-rigward tar-Renju tal-Isvezja, iżda wkoll fir-rigward tal-Istati kontraenti l-oħra kollha għal din il-konvenzjoni, u dan, għar-raġunijiet li ġejjin, esposti fil-punti 104 sa 107 tas-sentenza inkwistjoni:

–        l-ewwel nett, is-sistema tal-Konvenzjoni ICSID hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka u tiddependi fuq il-parteċipazzjoni tal-Istati kontraenti kollha kif ukoll fuq l-osservanza minn dawn tal-aħħar tar-regoli previsti minn din il-konvenzjoni;

–        it-tieni nett, mill-Artikoli 53, 54 u 69 tal-Konvenzjoni ICSID jirriżulta li l-obbligi li hija tipprevedi ma huma akkumpanjati minn ebda riżerva u li r-rimedju previst fl-Artikolu 64 ta’ din il-konvenzjoni huwa għad-dispożizzjoni ta’ kull Stat kontraenti;

–        it-tielet nett, l-għan imfittex mill-Konvenzjoni ICSID juri li jeżisti network ta’ obbligi ta’ eżekuzzjoni reċiproka li minnu Stat kontraenti ma jistax jidderoga espliċitament u li, jekk ikun hemm rinunzja għalih, jittrasferixxi r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni lejn Stat kontraenti ieħor,

–        ir-raba’ nett, mix-xogħlijiet preparatorji jirriżulta li, jekk Stat kontraenti jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-Konvenzjoni ICSID, l-Istati kontraenti l-oħra jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa.

35      Fil-fehma tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), peress li l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, il-qrati tar-Renju Unit ma humiex obbligati jirrinunzjaw milli jiddeċiedu dwar il-kwistjoni tal-effetti tal-Konvenzjoni ICSID billi jissospendu l-proċedura nazzjonali fl-istennija tal-eżitu tal-proċedura pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni jew billi jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, u dan, għar-raġunijiet li ġejjin, esposti fil-punti 112 sa 114 tas-sentenza inkwistjoni:

–        l-ewwel nett, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, kwistjonijiet dwar l-eżistenza u l-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet preċedenti b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma humiex irriżervati għall-qrati tal-Unjoni. Dawn il-kwistjonijiet ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni aħjar minn qorti nazzjonali sabiex issolvihom;

–        it-tieni nett, il-kwistjoni mqajma quddiemha mill-investituri abbażi tal-Artikolu 351 TFUE ma hijiex perfettament identika għal dik imqajma quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, quddiem dawn tal-aħħar, l-investituri sostnew, b’mod partikolari, li l-Artikolu 351 TFUE kien jagħti supremazija lill-obbligi internazzjonali preeżistenti tar-Rumanija imposti fuqha mill-TBI u mill-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni ICSID. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-proċedura mibdija fir-Renju Unit, il-kwistjoni legali rilevanti kienet dik dwar l-obbligi tar-Renju Unit li jimplimenta l-Konvenzjoni ICSID u li jirrikonoxxi u jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ b’applikazzjoni tal-Artikoli 54 u 69 tal-Konvenzjoni ICSID. Peress li hija speċifika għat-tilwima li qamet fir-Renju Unit, din il-kwistjoni ma tqajmitx quddiem il-qrati tal-Unjoni,

–        it-tielet nett, il-probabbiltà li qorti tal-Unjoni tiddeċiedi dwar jekk l-Artikolu 351 TFUE japplikax għall-obbligi tar-Rumanija preċedenti għall-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ICSID, f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ hija dgħajfa ħafna. Il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-motiv ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE u l-appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa, konsegwentement, limitat għal kwistjonijiet oħra. Għaldaqstant, jekk l-appell jiġi miċħud, il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma tiġix eżaminata mill-qorti tal-Unjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, l-appell jintlaqa’, il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li hemm il-possibbiltà li din il-kwistjoni, fir-rigward tal-obbligi tar-Rumanija, tiġi eżaminata mill-qorti tal-Unjoni.

 Il-proċedura prekontenzjuża

36      Fit-3 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju Unit ittra ta’ intimazzjoni dwar is-sentenza inkwistjoni, li permezz tagħha hija allegat li dan tal-aħħar kien wettaq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikolu 108(3), tal-ewwel u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kif ukoll tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ.

37      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ April 2021, ir-Renju Unit wieġeb għal din l-ittra ta’ intimazzjoni billi kkontesta l-ksur kollha allegati mill-Kummissjoni.

38      Fil-15 ta’ Lulju 2021, peress li qieset li l-argumenti mqajma f’din it-tweġiba ma kinux suffiċjenti sabiex jibdlu l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni motivata tagħha lir-Renju Unit, li permezz tagħha hija kkonkludiet li, minħabba s-sentenza inkwistjoni, ir-Renju Unit kien kiser id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha.

39      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Awwissu 2021, ir-Renju Unit talab lill-Kummissjoni tagħtih terminu addizzjonali sabiex iwieġeb għall-opinjoni motivata, talba li ntlaqgħet mill-Kummissjoni. Madankollu, finalment ir-Renju Unit ma weġibx għall-opinjoni motivata.

 L-iżviluppi sussegwenti għall-opinjoni motivata

40      Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, għar-raġuni, li tirriżulta mill-punti 115 sa 136 ta’ dik is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti ratione temporis sabiex tadotta d-deċiżjoni finali abbażi tal-Artikolu 108 TFUE, peress li d-dritt għall-għajnuna mill-Istat ikkonċernat minn din id-deċiżjoni kien ingħata mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tesponi, fil-punti 137 sa 145 tal-istess sentenza, li, barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158) hija rrilevanti f’dan il-każ, peress li s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji prevista mit-Trattati UE u FUE ssostitwixxiet il-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni b’effett minn din l-adeżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar il-motivi u l-argumenti mqajma quddiemha li fir-rigward tagħhom ma kinitx ingħatat deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dik il-kawża, irreġistrata bin-numri T‑624/15 RENV, T‑694/15 RENV u T‑704/15 RENV, hija pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

41      Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Settembru 2022, Romatsa et (C‑333/19, EU:C:2022:749), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 42 u 43 tiegħu, li mis-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), u tal-25 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50), kien jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienet inkompatibbli mal-Artikoli 267 u 344 TFUE, b’tali mod li din ma tista’ tipproduċi l-ebda effett. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 44 tal-imsemmi digriet, li qorti ta’ Stat Membru adita bl-eżekuzzjoni forzata ta’ din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ għandha twarrabha u, għaldaqstant, fl-ebda każ ma tista’ tipproċedi bl-eżekuzzjoni tagħha sabiex tippermetti li l-benefiċjarji tagħha jiksbu l-ħlas tad-danni li hija tagħtihom.

42      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Novembru 2022, European Food et (C‑333/19 REC, EU:C:2022:936), il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ċaħdet it-talba għall-irtirar jew għar-rettifika tad-digriet f’dik il-kawża u għat-tħassir tal-Kawża C‑333/19.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

43      Fid-29 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.

44      Peress li r-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar għal dan l-għan ġie nnotifikat b’mod regolari lir-Renju Unit, iżda dan tal-aħħar ma ppreżentax risposta, fis-sens tal-Artikolu 124(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-iskadenza tat-terminu mogħti sabiex tingħata risposta għalih, stabbilit għall-14 ta’ Ottubru 2022, u peress li b’mod informali kkonferma mar-Reġistru li huwa ma kellux l-intenzjoni li jipparteċipa fil-proċedura f’dan l-istadju, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu 152(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, telqa’ t-talbiet tagħha.

45      Fl-14 ta’ Frar 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-Kummissjoni jekk, fid-dawl tal-kuntest partikolari ta’ din il-kawża, hija kinitx lesta li taċċetta li r-Renju Unit jingħata terminu ġdid għall-preżentata tar-risposta tiegħu, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija kienet ser tapplika l-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura biss jekk, insegwitu għal dan it-terminu l-ġdid, ma jkun hemm ebda reazzjoni mir-Renju Unit.

46      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, hija ma kinitx topponi li r-Renju Unit jingħata terminu ġdid sabiex jippreżenta risposta, u żiedet li dan it-teħid ta’ pożizzjoni fl-ebda każ ma kellu jikkostitwixxi preċedent għal kawżi oħra.

47      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, indikat lir-Renju Unit li, jekk huwa xtaq juża l-opportunità, offruta bi qbil mal-Kummissjoni, li jippreżenta risposta minkejja l-assenza ta’ tali preżentata fit-terminu inizjali, din l-istituzzjoni ma hijiex ser titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi din il-kawża fil-kontumaċja, skont l-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja informat lir-Renju Unit li huwa seta’ jippreżenta risposta f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din l-ittra, miżjud bit-terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 51 ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, filwaqt li fl-istess ħin talbet lir-Renju Unit, fil-każ li jiddeċiedi li ma jużax din l-opportunità, li jinformaha kemm jista’ jkun malajr, f’liema każ il-proċedura bil-miktub terġa’ tingħalaq u l-proċedura fil-kontumaċja titkompla b’mod normali.

48      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2023, ir-Renju Unit ikkonferma mal-Qorti tal-Ġustizzja li huwa ma kellux l-intenzjoni li jippreżenta risposta f’din il-kawża, minkejja t-terminu l-ġdid li ngħatalu.

49      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fil-kontumaċja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura. Peress li ma hemm l-ebda dubju dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk, skont l-imsemmi Artikolu 152(3), tivverifika jekk it-talbiet tal-Kummissjoni jidhrux fondati.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 87(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi mressqa quddiemha mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 258 TFUE matul il-perijodu ta’ erba’ snin wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, li, skont l-Artikolu 2(e) ta’ dan il-ftehim, moqri flimkien mal-Artikoli 126 u 185 tal-imsemmi ftehim, kien mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Diċembru 2020 (iktar’ il quddiem il-“perijodu ta’ tranżizzjoni”), meta hija tqis li r-Renju Unit naqas milli jwettaq obbligu tiegħu taħt it-Trattati qabel it-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

51      Konsegwentement, peress li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Renju Unit permezz ta’ dan ir-rikors jirriżulta, kif jirriżulta mill-punt 1 ta’ din is-sentenza, mis-sentenza inkwistjoni, mogħtija fid-19 ta’ Frar 2020, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, u peress li dan ir-rikors ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Lulju 2022, matul il-perijodu ta’ erba’ snin wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-imsemmi rikors.

 Fuq il-mertu

52      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem erba’ lmenti, ibbażati fuq ksur, mir-Renju Unit, għall-ewwel wieħed, tal-Artikolu 4(3) TUE, għat-tieni wieħed, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, għat-tielet wieħed, tal-ewwel u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kif ukoll, għar-raba’ wieħed, tal-Artikolu 108(3) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, fejn kull wieħed minn dan il-ksur jirriżulta, skont din l-istituzzjoni, mis-sentenza inkwistjoni.

53      Għall-finijiet tal-eżami ta’ dawn l-ilmenti, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 127(6) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, ir-Renju Unit, anki jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa akkużat bih huwa sussegwenti, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni, filwaqt li huwa preċedenti għall-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, għandu jitqies, għall-finijiet tal-eżami tal-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha, bħala “Stat Membru”, u mhux bħala Stat terz, peress li l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 127 jippreċiża, barra minn hekk, li d-dritt tal-Unjoni kien applikabbli għar-Renju Unit matul dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

54      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu tal-Istati Membri li josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE japplika għall-awtoritajiet kollha tagħhom, inklużi, fil-qafas tal-kompetenzi tagħhom, għall-awtoritajiet ġudizzjarji. Għalhekk, nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu jista’, bħala prinċipju, jiġi kkonstatat skont l-Artikolu 258 TFUE irrispettivament mill-organu tal-Istat li l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu jkunu l-kawża tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, anki jekk tkun istituzzjoni kostituzzjonalment indipendenti (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Direttiva dwar il-ġlieda kontra d-dewmien fil-ħlas), C‑122/18, EU:C:2020:41, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Il-fondatezza tal-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, billi jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, it-tieni wieħed minn dawn l-ilmenti.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ

 L-argumenti tar-rikorrenti

56      Il-Kummissjoni tallega li r-Renju Unit kiser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, sa fejn, billi interpreta u applika b’mod żbaljat il-kunċetti ta’ “drittijiet [ta’] Stat terz wieħed jew iktar” u “affettwati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati”, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet, fis-sentenza inkwistjoni, li d-dritt tal-Unjoni ma kienx japplika għall-obbligu tar-Renju Unit li jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, abbażi tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ICSID.

57      Fil-fatt, minn naħa, dan l-obbligu ma jimplika ebda dritt ta’ Stat terz wieħed jew iktar, peress li din il-kawża tikkonċerna biss Stati Membri u ċ-ċittadini tagħhom. Min-naħa l-oħra, ebda obbligu impost fuq ir-Renju Unit abbażi tal-Konvenzjoni ICSID ma ġie affettwat mit-Trattati tal-Unjoni, sa fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha ta’ din il-konvenzjoni jistgħu jiġu interpretati b’mod li tiġi ggarantita l-assenza ta’ kunflitt mar-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali konklużi qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni bejn Stat Membru wieħed jew iktar, minn naħa, u Stat terz wieħed jew iktar, min-naħa l-oħra, ma humiex affettwati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

59      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE huwa li jippreċiża li, konformement mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-applikazzjoni tat-Trattati tal-Unjoni ma taffettwax l-impenn tal-Istat Membru kkonċernat li josserva d-drittijiet tal-Istati terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni internazzjonali preċedenti u li josserva l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minnhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa, 812/79, EU:C:1980:231, punt 8, u tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 61). Din id-dispożizzjoni għandha portata ġenerali, fis-sens li tapplika għall-konvenzjonijiet internazzjonali kollha, irrispettivament mis-suġġett tagħhom, li jistgħu jaffettwaw it-Trattati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Levy, C‑158/91, EU:C:1993:332, punt 11).

60      Għalhekk, l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE huwa li jissalvagwardja d-drittijiet tal-Istati terzi (sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 500), billi jippermetti li l-Istati Membri kkonċernati josservaw l-impenji tagħhom li jirriżultaw minn konvenzjoni internazzjonali preċedenti (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 61).

61      Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tawtorizzax lill-Istati Membri jinvokaw drittijiet li jirriżultaw minn tali konvenzjonijiet fir-relazzjonijiet interni tagħhom fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑473/93, EU:C:1996:263, punt 40, u tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C‑147/03, EU:C:2005:427, punt 58).

62      Minn dan isegwi li, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, il-kliem “drittijiet u obbligi” jirreferu, fir-rigward tad-“drittijiet”, għad-drittijiet tal-Istati terzi u, fir-rigward tal-“obbligi”, għall-obbligi tal-Istati Membri (sentenzi tas-27 ta’ Frar 1962, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 10/61, EU:C:1962:2, p. 22, u tat-2 ta’ Awwissu 1993, Levy, C‑158/91, EU:C:1993:332, punt 12).

63      Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk regola tad-dritt tal-Unjoni tistax tiġi nnewtralizzata minn konvenzjoni internazzjonali preċedenti b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din timponix fuq l-Istat Membru kkonċernat obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom għadha tista’ tintalab mill-Istati terzi li huma partijiet għal din il-konvenzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Levy, C‑158/91, EU:C:1993:332, punt 13, u tal-15 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑264/09, EU:C:2011:580, punt 42).

64      Għalkemm regola tad-dritt tal-Unjoni tista’, għaldaqstant, tiġi nnewtralizzata minn konvenzjoni internazzjonali, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, dan huwa biss bil-kundizzjoni doppja li din tkun konvenzjoni konkluża qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattati tal-Unjoni fl-Istat Membru kkonċernat u li l-Istat terz ikkonċernat jislet, minn din il-konvenzjoni, drittijiet li huwa jista’ jeżiġi l-osservanza tagħhom minn dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port, C‑364/95 u C‑365/95, EU:C:1998:95, punt 61).

65      Għaldaqstant l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw din id-dispożizzjoni meta, fil-każ inkwistjoni, id-drittijiet tal-Istati terzi ma jkunux inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta Settembru 1988, Deserbais, 286/86, EU:C:1988:434, punt 18, u tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punt 84).

66      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni lment, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tallega li r-Renju Unit kiser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE minħabba li, fis-sentenza inkwistjoni, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) interpretat u applikat din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat.

67      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, permezz ta’ dik is-sentenza, l-imsemmija qorti ddeċidiet, essenzjalment, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE kien applikabbli għall-obbligu tar-Renju Unit, skont il-Konvenzjoni ICSID, b’mod partikolari l-Artikolu 54 tagħha, li jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, b’tali mod li, peress li ma huwiex applikabbli, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikoli 107 u 108 TFUE, li l-Kummissjoni applikat fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni fl-ordni ta’ sospensjoni, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ u fid-deċiżjoni finali, ma setax jipprekludi lill-qrati interni tal-Istati Membri milli jeżegwixxu l-imsemmija deċiżjoni.

68      Sabiex jiġi evalwat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, tali interpretazzjoni u tali applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE humiex żbaljati, għandu, fl-ewwel lok, jiġi kkonstatat li huwa stabbilit li l-Konvenzjoni ICSID, li l-Unjoni ma hijiex parti għaliha u li għalhekk ma tagħmilx parti mid-dritt tal-Unjoni, hija trattat multilaterali li ġie konkluż mir-Renju Unit qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni kemm ma’ Stati Membri kif ukoll ma’ Stati terzi u li, għaldaqstant, din il-konvenzjoni internazzjonali tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, li huwa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tipprovdi interpretazzjoni definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika tal-Moldavja, C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 45).

69      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punti 59 sa 65 ta’ din is-sentenza, is-sempliċi fatt li konvenzjoni internazzjonali preċedenti tkun ġiet konkluża minn Stat Membru ma’ Stati terzi madankollu ma huwiex biżżejjed sabiex tiskatta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li tali konvenzjonijiet internazzjonali jistgħu jiġu invokati fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri biss meta dawn l-Istati terzi jisiltu, mill-imsemmija konvenzjoni u fiċ-ċirkustanzi tal-każ, drittijiet li huma jistgħu jeżiġu l-osservanza tagħhom mill-Istat Membru kkonċernat.

70      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-Konvenzjoni ICSID, f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, timponix fuq ir-Renju Unit obbligi li dan tal-aħħar huwa marbut bihom fil-konfront ta’ Stati terzi u li dawn għandhom id-dritt li jinvokaw fil-konfront tar-Renju Unit, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, tribunal ta’ arbitraġġ stabbilit fil-kuntest tal-Konvenzjoni ICSID, b’applikazzjoni tal-klawżola ta’ arbitraġġ prevista mit-TBI konkluż bejn ir-Renju tal-Isvezja u r-Rumanija qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, ikkundanna lir-Rumanija tħallas danni lill-investituri, liċ-ċittadini Svediżi u lill-kumpanniji kkontrollati minnhom, bħala kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minn dawn tal-aħħar minħabba t-tħassir mir-Rumanija, bi ksur allegat ta’ dan it-TBI, ta’ skema reġjonali ta’ għajnuna, qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

72      Issa, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali trattat bilaterali għandu, sa mill-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, jiġi kkunsidrat bħala li huwa trattat li jikkonċerna żewġ Stati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punti 97 u 98).

73      Minn dan isegwi li t-tilwima mressqa f’dan il-każ quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) mill-investituri kienet intiża li timponi fuq Stat Membru, jiġifieri r-Renju Unit, l-obbligu li jeżegwixxi, skont il-Konvenzjoni ICSID, deċiżjoni ta’ arbitraġġ sabiex jiżgura l-osservanza minn Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Rumanija, tal-obbligi tiegħu taħt it-TBI fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri r-Renju tal-Isvezja.

74      Minn dan jirriżulta li din it-tilwima kienet tikkonċerna l-allegat obbligu, għar-Renju Unit, li jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ICSID, fir-rigward tar-Renju tal-Isvezja u taċ-ċittadini tiegħu u, korrelattivament, l-allegat dritt ta’ dawn tal-aħħar li jeżiġu li r-Renju Unit josserva dawn id-dispożizzjonijiet.

75      Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li hemm Stat terz li għandu d-dritt li jista’ jeżiġi mir-Renju Unit, skont il-Konvenzjoni ICSID, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti mill-Avukat Ġenerali fil-punti 133 sa 137 tal-konklużjonijiet tiegħu, u kif sostniet il-Kummissjoni insostenn ta’ dan l-ilment, din il-konvenzjoni internazzjonali, minkejja n-natura multilaterali tagħha, għandha l-għan li tirregola r-relazzjonijiet bilaterali bejn il-partijiet kontraenti b’mod analogu għal trattat bilaterali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika tal-Moldavja, C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 64).

76      F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi osservat li, għalkemm is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ikkonkludiet, fil-punti 104 sa 108 tas-sentenza inkwistjoni, li jeżisti tali dritt li jista’ jiġi invokat minn Stati terzi fir-rigward tar-Renju Unit, xorta jibqa’ l-fatt li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 147 sa 149 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-qorti nazzjonali tillimita ruħha, essenzjalment, sabiex turi li l-Istati terzi li kkonkludew il-Konvenzjoni ICSID jista’ jkollhom interess li Stat Membru, bħar-Renju Unit, josserva l-obbligi tiegħu fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor billi jipproċedi, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Issa, tali interess purament fattwali ma jistax jiġi assimilat ma’ “dritt”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, li jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

77      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza inkwistjoni, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) baqgħet ma eżaminatx il-kwistjoni fundamentali dwar sa fejn Stat terz jista’, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 64 tal-Konvenzjoni ICSID, idaħħal fis-seħħ ir-responsabbiltà internazzjonali tar-Renju Unit minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tiegħu taħt din il-konvenzjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija wara tilwima bejn l-Istati Membri.

78      Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE huwa regola li tista’, meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha jkunu ssodisfatti, tippermetti derogi mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż tad-dritt primarju (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Għalhekk, din id-dispożizzjoni jista’ jkollha effett kunsiderevoli fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, peress li tippermetti, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 140 u 175 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jkun hemm deroga mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith, C‑324/93, EU:C:1995:84, punti 26 sa 28), li hija waħda mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika tal‑Moldova (C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, jekk ikollha tiġi segwita s-sentenza inkwistjoni, l-Istati Membri kollha li kkonkludew il-Konvenzjoni ICSID qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni, li huwa l-każ tal-parti l-kbira fosthom, jistgħu, billi jibbażaw ruħhom fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, ikunu f’pożizzjoni li jieħdu tilwim li jikkonċerna d-dritt tal-Unjoni mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni billi jafdawhom lit-tribunali arbitrali stabbiliti fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif sanċita bis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), jirriżulta li s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji prevista mit-Trattati UE u FUE ssostitwixxiet il-proċeduri ta’ arbitraġġ stabbiliti bejn l-Istati Membri (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 145).

81      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għandu għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi interpretat b’mod strett sabiex ir-regoli ġenerali previsti mit-Trattati tal-Unjoni ma jiġux imċaħħda mis-sustanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 120).

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienet, fi kwalunkwe każ, obbligata, qabel ma tasal għall-konklużjoni li tgħid li d-dritt tal-Unjoni, b’effett tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, ma huwiex applikabbli għall-obbligu tar-Renju Unit, abbażi tal-Konvenzjoni ICSID, li jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li teżamina fil-fond jekk tali obbligu, minkejja l-fatt li jirrigwarda sentenza li tikkonstata l-ksur minn Stat Membru ta’ trattat bilaterali konkluż ma’ Stat Membru ieħor, jimplikax ukoll drittijiet li Stati terzi jistgħu jinvokaw fil-konfront tagħhom.

83      Issa, tali eżami fil-fond, li jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju li kull eċċezzjoni għas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett, huwa nieqes fis-sentenza inkwistjoni, li ma tistax, għaldaqstant, tikkonfuta l-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mill-punti 73 sa 75 ta’ din is-sentenza.

84      Għaldaqstant, għandu jitqies, saħansitra mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-portata tal-espressjoni “[affettwati] mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati”, li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz tas-sentenza inkwistjoni, interpretat u applikat din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat billi tatha portata wiesgħa, fis-sens li hija kienet applikabbli għall-obbligu tar-Renju Unit, skont il-Konvenzjoni ICSID, li jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, b’tali mod li d-dritt tal-Unjoni, peress li ma kienx applikabbli, ma setax jostakola din l-eżekuzzjoni.

85      Issa, ma jistax jiġi aċċettat li qorti ta’ Stat Membru, inqas u inqas qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali, bħal, f’dan il-każ, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), tkun tista’ tadotta interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni li s-suġġett u l-effett tagħha huwa li teskludi deliberatament l-applikazzjoni tad-dritt kollu tal-Unjoni.

86      Fil-fatt, tali interpretazzjoni, li, hekk kif jirriżulta diġà mill-punti 78 u 79 ta’ din is-sentenza, twassal sabiex il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li huwa wieħed mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu, jiġi eskluż, hija ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-koerenza, l-effett sħiħ u l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura nnifisha tad-dritt stabbilit bit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika tal-Moldavja, C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Għalhekk, minn dan jirriżulta li, permezz tas-sentenza inkwistjoni, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ippreġudikat b’mod serju l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

88      B’konsegwenza ta’ dan, it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, għandu jiġi milqugħ.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ

 L-argumenti tar-rikorrenti

89      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Renju Unit kiser l-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, minħabba li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz tas-sentenza inkwistjoni, tat deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE u dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, filwaqt li l-kwistjoni dwar din l-interpretazzjoni kienet ġiet deċiża permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni u kienet pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni.

90      Meta qorti nazzjonali tkun adita b’kawża li tkun diġà s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati tal-Unjoni, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jimponi fuq dik il-qorti nazzjonali l-obbligu li tissospendi l-proċeduri quddiemha, sakemm ma jkun hemm kważi l-ebda riskju ta’ kunflitt bejn is-sentenza futura tagħha u l-att futur tal-Kummissjoni jew id-deċiżjoni futura tal-qrati tal-Unjoni.

91      Issa, permezz tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni mibdija, f’dan il-każ, mill-investituri fir-Renju Unit, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ġiet adita b’rikors li jeħtieġ interpretazzjoni tal-istess dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-istess miżura bħal dik li dwarha l-Kummissjoni kienet diġà ddeċidiet u li dwarha l-qrati tal-Unjoni kienu ġew mitluba jiddeċiedu.

92      Filwaqt li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ammettiet, għall-ewwel, li l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali kien għadu japplika, fid-dawl tal-appell ippreżentat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, fl-istennija tas-sentenza finali tal-qrati tal-Unjoni, hija finalment ikkonkludiet li dan l-obbligu ma huwiex applikabbli f’dan il-każ billi bbażat ruħha fuq motivi żbaljati, u b’hekk tat lok għal riskju ta’ kunflitt bejn is-sentenza tagħha u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u/jew tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istess kwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93      Għandu jitfakkar li, skont it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma obbligati, minn naħa, li jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni.

94      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sanċit f’din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri, u b’mod partikolari l-qrati nazzjonali, huma meħtieġa li jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi li tinvolvi s-sottoevalwazzjoni) C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 584).

95      B’mod partikolari, l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, previsti fl-Artikoli 107 u 108 TFUE, hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tagħha kull waħda taġixxi fil-limiti tar-rwol mogħti lilha mit-Trattat (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il-Kummissjoni, C‑586/18 P, EU:C:2020:152, punt 89).

96      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jiġu aditi b’kawżi li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ “għajnuna”, previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiddeterminaw jekk ġietx stabbilita miżura statali bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali ma għandhomx il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il-Kummissjoni, C‑586/18 P, EU:C:2020:152, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Fil-kuntest tal-kooperazzjoni neċessarja li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u għandhom joqogħdu lura milli jieħdu dawk li jistgħu jqiegħdu f’perikolu l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE (sentenza tat-12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 77). Huma għandhom, b’mod partikolari, joqogħdu lura milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki jekk din id-deċiżjoni tkun ta’ natura provviżorja (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 41).

98      B’konsegwenza ta’ dan, meta s-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali tiddependi fuq il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha, sabiex tevita li tieħu deċiżjoni li tmur kontra dik tal-Kummissjoni, tissospendi l-proċedura sakemm il-qrati tal-Unjoni jagħtu deċiżjoni definittiva dwar ir-rikors għal annullament, ħlief jekk hija tqis li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun iġġustifikat li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità dejjem sakemm ma jkunux ġew annullati jew irtirati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u r-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmi temporanji ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 139).

100    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, permezz tad-deċiżjoni finali, adottata fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE wara l-ordni ta’ sospensjoni u d-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni qieset li l-ħlas tad-danni mogħtija mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li hija inkompatibbli mas-suq intern.

101    Għal dan l-għan, il-Kummissjoni, kemm fil-premessi 51 sa 54 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ kif ukoll fil-premessi 126 sa 129 tad-deċiżjoni finali, qieset, hekk kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma kienx jipprekludi li l-Artikoli 107 u 108 TFUE jiġu applikati għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għad-danni mogħtija minn din id-deċiżjoni ma tistax taffettwa d-drittijiet u l-obbligi previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, peress li, minn naħa, it-TBI huwa trattat konkluż bejn żewġ Stati Membri u, min-naħa l-oħra, ebda Stat terz li ffirma u rratifika l-Konvenzjoni ICSID ma huwa parti għat-TBI li huwa s-suġġett tal-proċedura inkwistjoni.

102    Insostenn tar-rikorsi tagħhom intiż għall-annullament tad-deċiżjoni finali li huma ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 263 TFUE, l-investituri, permezz tal-ewwel motivi tagħhom fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15 u permezz tat-tielet motiv tagħhom fil-Kawża T‑704/15, sostnew li dan ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa żbaljat. Madankollu, il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza tagħha, annullat din id-deċiżjoni għal raġuni oħra, jiġifieri, li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza ratione temporis abbażi tal-Artikolu 108 TFUE, mingħajr ma ddeċidiet dwar dawn il-motivi.

103    Huwa f’dan il-kuntest li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ġiet adita mill-investituri b’talba intiża għall-eżekuzzjoni, fir-Renju Unit, tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-rigward tar-Rumanija u, għaldaqstant, sabiex id-danni mogħtija minn din id-deċiżjoni jitħallsu, li fiha ġie sostnut, insostenn ta’ din it-talba, li la l-proċeduri pendenti quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE u lanqas l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma kienu jikkostitwixxu ostakolu għal tali eżekuzzjoni.

104    Minn dan jirriżulta li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċeduri pendenti quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienu jirrigwardaw l-istess kwistjoni, jiġifieri, essenzjalment, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fl-Unjoni, kienu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-istess dispożizzjonijiet, b’mod partikolari, l-Artikoli 107 u 108 TFUE kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, u kienu jirrigwardaw il-validità jew l-effettività tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikoli 107 u 108 TFUE sabiex tiġi prekluża tali eżekuzzjoni.

105    Għalhekk, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) innifisha tosserva, fil-punt 51 tas-sentenza inkwistjoni, li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali “ma taffettwax l-investigazzjoni eżistenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat”, b’tali mod li “l-effetti tad-deċiżjoni tal-ftuħ jibqgħu fis-seħħ”, u li hija “ma tistax tkun ċerta” li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali teskludi l-possibbiltà li l-Kummissjoni “tfassal mill-ġdid l-investigazzjoni tagħha f’din il-kawża sabiex tevita l-iżbalji li wasslu għall-annullament tad-deċiżjoni finali”.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tenfasizza, fil-punt 56 tas-sentenza inkwistjoni, kif diġà ġie indikat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li hija “mħassba mir-riskju ta’ deċiżjonijiet potenzjalment kontradittorji li għandhom l-istess suġġett bejn l-istess partijiet”, sa fejn “ma kienx possibbli li hija tikkonkludi li bil-kemm kien hemm riskju ta’ kunflitt” u li, jekk dan ir-riskju jimmaterjalizza ruħu, dan ikollu bħala konsegwenzi li “jostakola b’mod sinjifikattiv l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, għalkemm “l-eżistenza ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bi probabilitajiet reali ta’ suċċess, hija, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex jiskatta l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali”.

107    Għalhekk jidher li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienet kompletament konxja mill-fatt li, li kieku kellha tawtorizza l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-Renju Unit, l-effett ta’ tali deċiżjoni kellu jkun it-tfixkil kemm tal-proċedura amministrattiva mibdija quddiem il-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE kif ukoll tal-proċedura ġudizzjarja mibdija quddiem il-qrati tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

108    Ċertament, fil-mument meta s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet fis-sentenza inkwistjoni, id-deċiżjoni finali kienet ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

109    Madankollu, tali annullament ma għandu ebda effett fuq l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kellha abbażi tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ.

110    Minn naħa, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, l-annullament tad-deċiżjoni finali la kellu l-effett li jikkontesta l-ordni ta’ sospensjoni u lanqas li jikkontesta d-deċiżjoni ta’ ftuħ. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji, peress li l-proċedura intiża li tissostitwixxi l-att annullat tista’, bħala prinċipju, titkompla mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Riva Fire vs Il-Kummissjoni, C‑89/15 P, EU:C:2017:713, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Issa, f’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni finali minħabba li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza ratione temporis abbażi tal-Artikolu 108 TFUE, dan kien wara li rrilevat, fil-punt 108 ta’ dik is-sentenza, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx għamlet distinzjoni, f’dak li jirrigwarda l-ammonti tad-danni li għandhom jiġu rkuprati, bejn dawk li jaqgħu taħt il-perijodu preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u dawk li jaqgħu taħt il-perijodu ta’ wara din l-adeżjoni.

112    Minn dan jirriżulta li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma kinitx tipprekludi lill-Kummissjoni, hekk kif is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) innifisha, kif diġà ġie indikat fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, irrilevat fil-punt 51 tas-sentenza inkwistjoni, milli tkompli l-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, billi tillimita ruħha għad-danni relatati mal-perijodu ta’ wara l-imsemmija adeżjoni.

113    F’din il-perspettiva, id-deċiżjoni ta’ ftuħ, li teskludi r-rilevanza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, baqgħet għalhekk tipproduċi l-effetti tagħha, fatt li ukoll ġie rrikonoxxut mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fl-imsemmi punt 51.

114    Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Kummissjoni kienet ippreżentat, qabel ma ngħatat is-sentenza inkwistjoni, appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, u anki jekk, konformement mal-Artikolu 278 TFUE, appell ma għandux effett sospensiv, il-qorti tal-Unjoni kienet għadha ma tat ebda deċiżjoni definittiva dwar il-validità tad-deċiżjoni finali fil-mument meta s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet fis-sentenza inkwistjoni.

115    Fil-fatt, ma setax jiġi eskluż li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla, min-naħa tagħha, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u li tibgħat il-kawża lura quddiem din tal-aħħar sabiex teżamina l-motivi l-oħra ta’ annullament tad-deċiżjoni finali, fosthom dawk ibbażati fuq il-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. Barra minn hekk, din hija s-sitwazzjoni li seħħet wara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50), mogħtija wara s-sentenza inkwistjoni u wara l-opinjoni motivata.

116    Għalhekk, minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-data li fiha s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tat is-sentenza inkwistjoni, il-kwistjoni tal-effett tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE fuq l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienet is-suġġett ta’ eżami provviżorju mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha, li fil-kuntest tagħha, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, din kienet eskludiet l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, u kienet għadha tista’ tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja abbażi tal-Artikolu 263 TFUE intiża għall-annullament tad-deċiżjoni finali.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument li fih is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet fis-sentenza inkwistjoni, kien jeżisti riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji, riskju li effettivament ikkonkretizza ruħu, peress li dik is-sentenza kkonkludiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE kien applikabbli u li kien hemm l-obbligu, skont il-Konvenzjoni ICSID, ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, filwaqt li d-deċiżjoni ta’ ftuħ kienet ikkonkludiet kompletament l-oppost, l-istess bħad-deċiżjoni finali, li l-legalità tagħha kienet suġġetta għal appell fid-data li fiha ngħatat dik is-sentenza.

118    Din il-konklużjoni ma tista’ tiġi kkonfutata minn ebda wieħed mill-motivi mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) intiżi għall-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali f’dan il-każ, kif indikati fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

119    L-ewwel nett, fir-rigward tal-motiv li jgħid li l-kwistjonijiet dwar l-eżistenza u l-portata, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, tal-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali preċedenti, li għalihom l-Unjoni ma hijiex parti, ma humiex irriżervati għall-qrati tal-Unjoni, jew saħansitra ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, għandu, qabel kollox, jiġi ppreċiżat li l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali impost fuq il-qrati nazzjonali abbażi tal-Artikolu 4(3) TUE bl-ebda mod ma huwa bbażat fuq il-premessa li ċerti kwistjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Unjoni jew tal-qrati nazzjonali, iżda tippreżumi, għall-kuntrarju, li l-istess kwistjoni tista’ fl-istess ħin taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ kull waħda minnhom, b’tali mod li jeżisti riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji.

120    Issa, il-kwistjoni li tressqet, f’dan il-każ, kemm, minn naħa, quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) u, min-naħa l-oħra, quddiem il-Kummissjoni kif ukoll quddiem il-qrati tal-Unjoni, kienet relatata mal-portata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, li huwa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li l-interpretazzjoni definittiva tiegħu taqa’, kif diġà ġie indikat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li s-sentenza mogħtija minnha abbażi tal-Artikolu 267 TFUE torbot lill-qrati nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 33).

121    B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri jew għad-dritt internazzjonali, b’tali mod li l-espressjonijiet inklużi f’din id-dispożizzjoni għandhom jitqiesu li huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Il-Venezwela vs Il-Kunsill (Inċidenza għal Stat terz) C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Minn dan isegwi li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeterminaw jekk konvenzjoni internazzjonali preċedenti konkluża minn Stati Membri ma’ Stati terzi, bħall-Konvenzjoni ICSID, timponix fuq l-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ, ir-Renju Unit, obbligi li l-osservanza tagħhom tista’ tintalab minn Stat terz u jekk dawn id-drittijiet u dawn l-obbligi humiex affettwati mit-Trattati tal-Unjoni, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.

123    Dan huwa l-każ, kif tirrikonoxxi s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fil-punt 99 tas-sentenza inkwistjoni, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE jew ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE. Fil-fatt, taħt piena li tippreġudika l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-qorti tal-Unjoni, sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ argument ibbażat fuq ksur, skont il-każ, minn istituzzjoni tal-Unjoni jew minn Stat Membru, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE fir-rigward ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti, għandha neċessarjament teżamina l-portata ta’ din il-konvenzjoni sabiex tiddeċiedi r-rikors ippreżentat quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punt 84, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑264/09, EU:C:2011:580, punti 40 u 42).

124    L-istess japplika, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fl-istess punt 99 tas-sentenza inkwistjoni, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE.

125    Ċertament, f’tali kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika liema huma l-obbligi imposti, bis-saħħa ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti, fuq l-Istat Membru kkonċernat u li tistabbilixxi l-limiti tagħhom b’tali mod li tiddetermina sa fejn dawn l-obbligi jostakolaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Levy, C‑158/91, EU:C:1993:332, punt 21, u tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com, C‑124/95, EU:C:1997:8, punt 58).

126    Madankollu, din il-ġurisprudenza, li tirrifletti r-rwoli distinti mogħtija, bħala prinċipju, lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma tistax tinftiehem fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja hija, minħabba f’hekk, imċaħħda minn kull ġurisdizzjoni sabiex teżamina, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, il-portata tad-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjoni internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ICSID, sabiex tiddetermina jekk din tistax taqa’ taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.

127    Dan huwa inqas u inqas il-każ meta, bħal fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għal tali konvenzjoni internazzjonali tista’ teżerċita effett determinanti fuq l-eżitu ta’ rikors dirett parallel li bih ġew aditi l-qrati tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, bħad-deċiżjoni finali, li, bħad-deċiżjoni ta’ ftuħ, ikkonkludiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma kienx applikabbli għall-obbligu tar-Renju Unit li jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont il-Konvenzjoni ICSID.

128    Fil-fatt, peress li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni hija mitluba tiddeċiedi dwar il-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, huwa konformi mat-tqassim tar-rwoli bejn il-qrati nazzjonali u l-qorti tal-Unjoni li tkun biss il-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-konvenzjoni internazzjonali preċedenti rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jipprekludix jew le l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-imsemmi att, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (sentenza tat-22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-motiv li jgħid li l-kwistjonijiet imqajma f’dan il-każ quddiem il-qrati nazzjonali u l-qrati tal-Unjoni ma jaqblux fir-rigward tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Konvenzjoni ICSID u tal-Istati Membri involuti, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, kemm il-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE u l-proċedura mibdija quddiem il-qrati tal-Unjoni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-proċedura li biha kienu aditi l-qrati tar-Renju Unit kienet tikkonċerna l-eżekuzzjoni minn Stat Membru, abbażi ta’ din il-konvenzjoni, tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fil-konfront ta’ Stat Membru ieħor u kienu jqajmu l-istess kwistjoni dwar sa fejn l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE seta’, f’tali kuntest, jeskludi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li dawn l-Istati Membri kollha kkonkludew l-imsemmija konvenzjoni qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni.

130    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li dispożizzjonijiet differenti tal-Konvenzjoni ICSID, jiġifieri, l-Artikolu 53 jew l-Artikolu 54 tagħha, kienu ġew invokati quddiem il-qrati nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew li Stat Membru differenti jkun inkwistjoni, jiġifieri, skont il-każ, ir-Renju Unit jew ir-Rumanija, li huma Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ICSID, peress li dawn il-proċeduri setgħu jwasslu għal deċiżjonijiet kontradittorji.

131    Fi kwalunkwe każ, is-sentenza inkwistjoni tissuġġerixxi b’mod żbaljat li l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ICSID ma huwiex inkwistjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-premessi 31 u 32 tad-deċiżjoni finali jirriżulta li l-investituri talbu l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-Rumanija abbażi ta’ dan l-artikolu, b’tali mod li, mhux biss l-Artikolu 53 ta’ din il-konvenzjoni, iżda wkoll l-Artikolu 54 tagħha huma invokati quddiem il-Qorti Ġenerali, fatt li, barra minn hekk, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tirrileva hija stess fil-punt 113 tas-sentenza inkwistjoni.

132    It-tielet nett, fir-rigward tal-motiv li jgħid li l-probabbiltà li qorti tal-Unjoni tiddeċiedi dwar jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE japplikax għall-obbligi preċedenti għall-adeżjoni li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ICSID fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ hija dgħajfa ħafna, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fil-każ li l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali kellu jiġi milqugħ, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew tiddeċiedi definittivament hija stess il-kawża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, li jimplika, fiż-żewġ każijiet, li l-qrati tal-Unjoni għandhom jeżaminaw il-motivi mressqa fl-ewwel istanza bbażati fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. F’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u bagħtet lura l-kawża quddiemha, dawn il-motivi huma għalhekk pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

133    Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ ċaħda ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni kienet tkun obbligata tkompli l-proċedura dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE għall-ħlas tad-danni stabbiliti mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u, f’dan il-kuntest, tevalwa mill-ġdid il-kwistjoni tal-effett tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE u, għaldaqstant, tal-Konvenzjoni ICSID, fuq din il-proċedura, bla ħsara għall-preżentata sussegwenti ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE quddiem il-qorti tal-Unjoni.

134    Għalhekk, minn dan jirriżulta li, irrispettivament mill-eżitu tal-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, ma setax jitqies, fid-data li fiha s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tat is-sentenza inkwistjoni, li l-probabbiltà li qorti tal-Unjoni teżamina l-kwistjoni dwar jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE huwiex applikabbli għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont il-Konvenzjoni ICSID kienet dgħajfa.

135    B’konsegwenza ta’ dan, hemm lok li l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, jiġi milqugħ.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-ewwel u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ

 L-argumenti tar-rikorrenti

136    Il-Kummissjoni tallega li r-Renju Unit kiser l-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, sa fejn is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tat is-sentenza inkwistjoni mingħajr ma ressqet, minn qabel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari dwar, minn naħa, il-validità tal-ordni ta’ sospensjoni kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ ftuħ u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, li la huwa acte clair u lanqas acte éclairé.

137    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-assenza ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, il-Kummissjoni ssostni li l-effett tas-sentenza inkwistjoni kien li kemm l-ordni ta’ sospensjoni kif ukoll id-deċiżjoni ta’ ftuħ isiru ineffettivi. Fil-fatt, billi rrifjutat li tagħti effett lil dawn id-deċiżjonijiet, li kienu jeżiġu, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, is-sospensjoni tal-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienet aġixxiet daqslikieku dawn id-deċiżjonijiet kienu invalidi. Issa, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinvalida atti tad-dritt tal-Unjoni.

138    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-assenza ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għal interpretazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienet adita, bħala qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, b’żewġ domandi li kellhom iwassluha sabiex tqis li hija kienet obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, minn naħa, il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE fid-dawl tal-obbligi previsti minn konvenzjonijiet multilaterali li għalihom huma partijiet kontraenti kemm l-Istati Membri kif ukoll l-Istati terzi u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali u tal-qrati tal-Unjoni sabiex jinterpretaw din id-dispożizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

139    Qabel kollox għandu jiġi osservat li, abbażi tal-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkompli jkollha l-ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jitressqu qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Issa, kif diġà ġie indikat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, is-sentenza inkwistjoni ngħatat matul dan il-perijodu.

140    Għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta tqum kwistjoni ta’ interpretazzjoni f’kawża pendenti quddiem qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali, kif huwa l-każ tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), dik il-qorti għandha tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

141    Madankollu, l-awtorità ta’ interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE tista’ tneħħi l-iskop tal-obbligu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u b’dan il-mod ixxejjen il-kontenut tiegħu, b’mod partikolari meta l-kwistjoni mqajma tkun materjalment identika għal kwistjoni li diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari f’kawża analoga jew, a fortiori, fil-kuntest tal-istess kawża nazzjonali, jew meta ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, irrispettivament min-natura tal-proċeduri li taw lok għal din il-ġurisprudenza, anki jekk il-kwistjonijiet fit-tilwima ma jkunux strettament identiċi (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 36).

142    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali tista’ tastjeni milli tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ssolviha taħt ir-responsabbiltà tagħha meta l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. Qabel ma tikkonkludi li teżisti tali sitwazzjoni, il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza għandha tkun konvinta li anki l-qrati l-oħra tal-aħħar istanza tal-Istati Membri u l-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ukoll iqisu li tali interpretazzjoni hija ovvja, u dan, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi għad-dritt tal-Unjoni, tad-diffikultajiet partikolari li l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar toħloq u tar-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 39 sa 41).

143    B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward enfasizzat li, meta l-eżistenza ta’ linji ta’ ġurisprudenza diverġenti – fi ħdan qrati tal-istess Stat Membru jew bejn qrati ta’ Stati Membri differenti – fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali tinġieb għall-attenzjoni tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, din għandha tkun partikolarment attenta fl-evalwazzjoni tagħha dwar eventwali assenza ta’ dubju raġonevoli fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għan tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari li huwa dak li tiġi żgurata l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 49).

144    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-kwistjoni dwar jekk l-eżekuzzjoni, minn Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta arbitraġġ mogħtija fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ICSID, li ġiet konkluża mill-parti l-kbira tal-Istati Membri li kienu partijiet kontraenti għaliha qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni u li għalhekk tikkostitwixxix, għalihom, konvenzjoni internazzjonali preċedenti, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, jimplika li dawn l-Istati Membri għandhom “obbligi” fir-rigward tal-Istati terzi li kkonkludew din il-konvenzjoni, b’tali mod li dawn tal-aħħar jisiltu minnha “drittijiet” korrelattivi li huma “affettwati” mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija kwistjoni ġdida fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

145    Fil-fatt, għalkemm, hekk kif jirriżulta mill-punti 58 sa 65 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet tippreċiża l-portata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni ICSID, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ minn Stat kontraenti għal din il-konvenzjoni tistax tintalab, mhux biss mill-Istati kontraenti involuti direttament fit-tilwima kkonċernata, iżda wkoll mill-Istati kontraenti l-oħra kollha għall-imsemmija konvenzjoni, hija kwistjoni ta’ ċerta kumplessità li kienet għadha ma ġietx indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja meta s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet fis-sentenza inkwistjoni.

146    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-portata tal-espressjoni “[affettwati] mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati”, li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, għadha ma ġietx ippreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

147    Issa, kif ġie osservat fil-punti 78 u 79 ta’ din is-sentenza, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, sa fejn jippermetti li l-Istati Membri jeskludu l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, li jidderogaw mill-prinċipju ta’ supremazija tiegħu, li huwa wieħed mill-karatteristiċi essenzjali tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jkollu effett kunsiderevoli fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni billi jippreġudika l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

148    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 21 u 101 ta’ din is-sentenza, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ u fid-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni adottat interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE li tikkontradixxi dik adottata mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fis-sentenza inkwistjoni.

149    L-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni hija, barra minn hekk, ikkontestata mill-investituri insostenn tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni finali, minkejja li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma annullatx din id-deċiżjoni minħabba li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE kien jeskludi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda minħabba li l-imsemmija deċiżjoni kienet tikser l-Artikolu 108 TFUE. Fid-dawl tal-appell ippreżentat kontra din is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni tal-effett tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE fuq l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ għadha, għalhekk, pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni.

150    Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, hekk kif ġie osservat mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fil-punti 29, 32, 91 u 94 tas-sentenza inkwistjoni, kemm il-High Court of England and Wales (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)) kif ukoll il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell), aditi preċedentement mill-investituri, kienu rrifjutaw, f’din il-kawża, li jiddeċiedu dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għar-raġuni li din il-kwistjoni kienet pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni u li għalhekk kien jeżisti riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji.

151    Fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat li d-Nacka tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Nacka, l-Isvezja), permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Jannar 2019, invokata mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fil-kuntest tal-proċedura quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), iddeċidiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma kienx japplika għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u, għaldaqstant, irrifjutat li teżegwixxi l-imsemmija deċiżjoni fl-Isvezja, għar-raġuni li, l-istess bħalma hija ma tistax, mingħajr ma tikser l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE, teżegwixxi deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li tagħti danni lill-investituri, hija lanqas ma tista’ teżegwixxi deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tagħti lil dawn tal-aħħar tali danni.

152    Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, kif jirriżulta mid-digriet tal-21 ta’ Settembru 2022, Romatsa et (C‑333/19, EU:C:2022:749), kienet pendenti quddiem il-qrati Belġjani fil-mument meta s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet, fatt li l-Kummissjoni kienet enfasizzat ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha sottomessi lil din tal-aħħar.

153    Għalhekk, minn dak li ġie espost iktar ’il fuq irriżulta li, f’dan il-każ, kien hemm biżżejjed elementi ta’ natura li jqajmu dubji dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, li, fid-dawl tal-effett ta’ din id-dispożizzjoni fuq waħda mill-karatteristiċi essenzjali tad-dritt tal-Unjoni u tar-riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji fi ħdan l-Unjoni, kellhom iwasslu sabiex is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tqis li l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex tant evidenti li ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli.

154    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan l-ilment, għandu jiġi kkonstatat li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), bħala qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali, kellha tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, sabiex tevita r-riskju ta’ interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni, interpretazzjoni żbaljata li hija effettivament adottat, hekk kif jirriżulta mill-punti 71 sa 84 ta’ din is-sentenza, fis-sentenza inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn), C‑416/17, EU:C:2018:811, punt 113).

155    B’konsegwenza ta’ dan, għal din ir-raġuni waħedha, it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-ewwel u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, għandu jiġi milqugħ.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ

 L-argumenti tar-rikorrenti

156    Il-Kummissjoni tallega li s-sentenza inkwistjoni kisret l-Artikolu 108(3) TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, billi ordnat lir-Rumanija tisker l-obbligi tagħha abbażi tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ordni ta’ sospensjoni u mid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

157    Fil-fatt, bit-tneħħija tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ordnata mill-qrati inferjuri tar-Renju Unit li kienu ddeċidew dwar il-kawża inkwistjoni, din id-deċiżjoni ssir eżekuttiva. Għalhekk, l-effett tas-sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kien li tagħmilha possibbli li jitwettaq il-ħlas tad-danni stabbiliti fl-imsemmija deċiżjoni. Dan l-effett huwa f’kontradizzjoni diretta mal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, kif sanċit fl-ordni ta’ sospensjoni u fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

158    Is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kisret ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif tirriżulta mis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, (C‑119/05, EU:C:2007:434, punti 62 u 63), li tgħid li l-projbizzjoni li tingħata għajnuna mill-Istat li ma ġietx debitament awtorizzata tista’ tiġi invokata sabiex tiġi prekluża l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi definittivi ta’ qrati nazzjonali li jiksru din il-projbizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

159    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif imfakkra fil-punti 95 u 97 ta’ din is-sentenza, peress li l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni, dawn il-qrati għandhom jastjenu ruħhom milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, anki jekk din id-deċiżjoni hija ta’ natura provviżorja.

160    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull miżura intiża li tistabbilixxi jew li timmodifika għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma jimplimentawx tali miżura, konformement mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar l-imsemmija miżura (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 56).

161    Skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura ta’ għajnuna implimentata bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni hija illegali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni tal-proġetti ta’ għajnuna stipulata fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE għandha effett dirett u li n-natura immedjatament applikabbli tal-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni hija estiża għal kull għajnuna li tkun ġiet implimentata mingħajr ma ġiet innotifikata (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 88)

163    Konsegwentement, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jisiltu l-konsegwenzi kollha tal-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom, kemm fir-rigward tal-validità tal-atti li jinvolvu implementazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    Il-qrati nazzjonali huma għalhekk kompetenti sabiex jimponu l-irkupru ta’ għajnuna illegali mingħand il-benefiċjarji tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    Barra minn hekk, fil-każ fejn huma aditi b’talba intiża għall-ħlas ta’ għajnuna illegali, il-qrati nazzjonali għandhom, bħala prinċipju, jiċħdu din it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 121).

166    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni qieset li l-ħlas tad-danni mogħtija mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li ma kinitx ġiet innotifikata lilha, kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Għalkemm huwa minnu li din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li appell minn din is-sentenza kien pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-mument meta s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tat is-sentenza inkwistjoni.

167    Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 110 sa 113ta’ din is-sentenza, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma affettwatx il-legalità tal-ordni ta’ sospensjoni u tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li permezz tagħhom il-Kummissjoni kienet qieset ukoll li l-ħlas tad-danni mogħtija mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern u kienet ordnat lir-Rumanija ma teżegwixxix din id-deċiżjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tagħha.

168    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, billi tordna l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, is-sentenza inkwistjoni teżiġi li r-Rumanija tħallas id-danni mogħtija minn din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ bi ksur tal-obbligu stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE.

169    Minn dan isegwi li r-Rumanija hija għalhekk ikkonfrontata b’deċiżjonijiet kontradittorji f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, is-sentenza inkwistjoni mhux biss talli ma żguratx l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 163 sa 165 ta’ din is-sentenza, iżda talli tikser l-imsemmija dispożizzjoni billi tordna lil Stat membru ieħor jiksirha.

170    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE timponi obbligu fuq l-“Istat Membru interessat”, jiġifieri, bħala prinċipju, fuq l-Istat Membru li jħallas l-għajnuna, f’dan il-każ, ir-Rumanija.

171    Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE, li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, kien jimponi fuq ir-Renju Unit, u, b’mod partikolari, fuq il-qrati nazzjonali tiegħu, l-obbligu li jiffaċilita l-osservanza mir-Rumanija tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 108(3) TFUE, taħt piena li din id-dispożizzjoni tiġi mċaħħda mill-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci, 235/87, EU:C:1988:460, punt 19).

172    Din il-konklużjoni lanqas ma tista’ tiġi invalidata mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ saret definittiva. Fil-fatt, ir-regola tal-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern tapplika fl-ordinament ġuridiku nazzjonali bħala konsegwenza tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Issa, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata tostakola lill-qrati nazzjonali milli jisiltu l-konsegwenzi kollha tal-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punti 62 u 63, kif ukoll tal-4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il-Kummissjoni, C‑586/18 P, EU:C:2020:152, punti 94 u 95).

173    Fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, dan lanqas ma huwa ta’ natura li jostakola l-applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE, peress li, kif jirriżulta mill-punti 71 sa 84 ta’ din is-sentenza, dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 ma kienx applikabbli għat-tilwima li biha kienet adita s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), b’tali mod li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma setgħux jiġu esklużi minħabba l-effett ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

174    B’konsegwenza ta’ dan, hemm lok li r-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, jiġi milqugħ.

175    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju Unit, permezz tas-sentenza inkwistjoni, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll taħt l-Artikolu 108(3), taħt l-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ.

 Fuq l-ispejjeż

176    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, permezz tas-sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), tad-19 ta’ Frar 2020, fil-kawża Micula vs Romania, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll taħt l-Artikolu 108(3), taħt l-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, adottat fis-17 ta’ Ottubru 2019.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.