Language of document : ECLI:EU:C:2024:254

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/26/UE – Immaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv – Entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti – Aċċess għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2000/31/KE – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Artikolu 3(3) – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Punt 11 tal-Artikolu 17 – Artikolu 56 TFUE”

Fil-Kawża C‑10/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura

Liberi editori e autori (LEA)

vs

Jamendo SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis, A. Kumin u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Frar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Liberi editori e autori (LEA), minn D. Malandrino, A. Peduto u G. M. Riccio, avvocati,

–        għal Jamendo SA, minn M. Dalla Costa, G. Donà u A. Ferraro, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn R. Guizzi, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll, G. Kunnert u F. Parapatis, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72, rettifika fil-ĠU 2022, L 245, p. 71).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Liberi editori e autori (LEA) (Edituri u awtori liberi) u Jamendo SA, fir-rigward tal-eżerċizzju, minn din tal-aħħar, tal-attività ta’ intermedjazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fit-territorju Taljan.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2000/31/KE

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.”

4        Skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.”

5        L-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(2) tagħha ma huwiex applikabbli għall-oqsma msemmija mill-Anness tal-imsemmija direttiva.

6        Skont dan l-anness, l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31 “mhuwiex applikabbli għal: [...] dritt ta’ l-awtur, drittijiet assoċjati, drittijiet li hemm referenza għalihom fid-Direttiva [tal-Kunsill 87/54/KEE tas‑16 ta’ Diċembru 1986 dwar il-protezzjoni legali tat-topografiji ta’ prodotti semikondutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 8, p. 231)] u d-Direttiva 96/9/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459)], kif ukoll drittijiet ta’ proprjetà industrijali”.

 IdDirettiva 2006/123/KE

7        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), intitolat “Suġġett”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.”

8        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. [...]”

9        L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Libertà tal-provvista ta’ servizzi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

[...]”

10      Skont l-Artikolu 17 tal-istess direttiva, intitolat “Derogi addizzjonali mill-libertà li jiġu provduti servizzi”:

“L-Artikolu 16 m’għandux japplika għal:

[...]

11)      drittijiet ta’ l-awtur, [u] drittijiet tal-viċinat [relatati.] [...]”

 IdDirettiva 2014/26

11      Il-premessi 2 sa 4, 7 sa 9, 15, 16, 19 u 55 tad-Direttiva 2014/26 jiddikjaraw:

“(2)      It-tixrid ta’ kontenut li huwa protett bi drittijiet tal-awtur u minn drittijiet, inklużi kotba, produzzjonijiet awdjoviżivi u mużika rreġistrata, u servizzi relatati magħhom, jeħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet minn detenturi differenti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, bħall-awturi, artisti, produtturi u pubblikaturi. Huwa normalment għad-detentur tad-drittijiet li jagħżel bejn l-immaniġġjar individwali jew kollettiv tad-drittijiet tiegħu, kemm-il darba l-Istat Membru ma jipprovdix mod ieħor, skont it-termini tad-dritt tal-Unjoni u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni [Ewropea] u tal-Istati Membri tagħha. L-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati jinkludi l-ħruġ ta’ liċenzji lil utenti, l-awditjar tal-utenti, il-monitoraġġ tal-użu tad-drittijiet, l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet derivat mill-isfruttament tad-drittijiet u t-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jippermettu li d-detenturi tad-drittijiet jitħallsu għall-użi li huma stess ma jkunux f’pożizzjoni jikkontrollaw jew jinfurzaw, inkluż fis-swieq mhux domestiċi.

(3)      Skont l-Artikolu 167 [TFUE], l-Unjoni għandha tqis id-diversità kulturali fl-azzjoni tagħha u tikkontribwixxi biex il-kulturi tal-Istati Membri jiffjorixxu, filwaqt li tiġi rispettata d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess ħin jiġi enfasizzat il-wirt kulturali komuni. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom u għandu jibqa’ jkollhom rwol importanti x’jaqdu bħala promoturi tad-diversità tal-espressjoni kulturali, kemm billi jagħmlu possibbli li r-repertorji żgħar u anqas popolari jkollhom aċċess għas-suq u kemm billi jipprovdu servizzi soċjali, kulturali u edukattivi għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet tagħhom u tal-pubbliku.

(4)      Meta jkunu stabbiliti fl-Unjoni, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu jistgħu jgawdu l-libertajiet ipprovduti mit-Trattati meta jkunu qed jirrappreżentaw id-detenturi tad-drittijiet li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew ikunu qed joħorġu liċenzji lill-utenti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra.

[...]

(7)      Il-protezzjoni tal-interessi tal-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, id-detenturi tad-drittijiet u l-partijiet terzi tirrikjedi li l-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-immanġġjar tad-drittijiet tal-awtur u l-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali għandhom jiġu kkoordinati fejn l-Istati Membri jippermettu dawn l-operazzjonijiet bil-għan li jkun hemm garanziji ekwivalenti madwar l-Unjoni. Għaldaqstant, din id-Direttiva għandu jkollha bħala bażi legali l-Artikolu 50(1) [TFUE].

(8)      L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tipprovdi għal koordinazzjoni tar-regoli nazzjonali li jikkonċernaw l-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, il-modalitajiet għall-governanza tagħhom, u l-qafas superviżorju tagħhom, u għalhekk għandu jkollha wkoll bħala bażi legali l-Artikolu 53(1) [TFUE]. Barra minn hekk, billi tikkonċerna settur li joffri servizzi fl-Unjoni kollha, din id-Direttiva għandu jkollha bħala bażi legali l-Artikolu 62 [TFUE].

(9)      L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tistabbilixxi rekwiżiti applikabbli għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv biex jiġi żgurat standard għoli ta’ governanza, immaniġġjar finanzjarju, trasparenza u rappurtar. Dan m’għandux, madankollu, iżomm lill-Istati Membri milli jkomplu jżommu jew milli jimponu, f’relazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorji tagħhom, standards aktar stretti minn dawk stabbiliti fit-Titolu II ta’ din id-Direttiva, sakemm tali standards aktar stretti huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

[...]

(15)      Id-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu liberi li jafdaw l-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom f’idejn entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti. Tali entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti huma entitajiet kummerċjali li huma differenti minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, fost l-oħrajn minħabba l-fatt li m’għandhomx bħala sidien id-detenturi tad-drittijiet u l-anqas ma huma kkontrollati minnhom. Madankollu, sal-punt li tali entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti jwettqu l-istess attivitajiet bħall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, huma għandhom ikunu obbligati jagħtu ċerta informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet li huma jirrappreżentaw, lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, lill-utenti u lill-pubbliku.

(16)      Il-produtturi awdjoviżivi, il-produtturi tad-diski u x-xandara jilliċenzjaw id-drittijiet tagħhom stess, f’ċerti każijiet b’mod parallel ma’ drittijiet li jkunu ġew ittrasferiti lilhom minn, pereżempju, artisti, abbażi ta’ ftehimiet innegozjati b’mod individwali, u jaġixxu fl-interess tagħhom proprju. Il-pubblikaturi tal-kotba, mużika u gazzetti jilliċenzjaw drittijiet li jkunu ġew ittrasferiti lilhom abbażi ta’ ftehimiet innegozjati b’mod individwali u jaġixxu fl-interess tagħhom proprju. Għalhekk il-produtturi awdjoviżivi, il-produtturi tad-diski u x-xandara u l-pubblikaturi m’għandhomx jitqiesu bħala ‘entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti’. Barra minn hekk, il-maniġers u l-aġenti tal-awturi u tal-artisti li jaġixxu ta’ intermedjarji u li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv m’għandhomx jitqiesu bħala ‘entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti’ peress li ma jimmaniġġjawx id-drittijiet fis-sens tal-iffissar tat-tariffi, l-għoti tal-liċenzji jew il-ġbir tal-flus mill-utenti.

[...]

(19)      B’kont meħud tal-libertajiet stabbiliti fit-TFUE, l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati jirrikjedi li detentur tad-drittijiet għandu jkun jista’ jagħżel liberament organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għall-immaniġġjar tad-drittijiet tiegħu, kemm jekk dawk id-drittijiet ikunu drittijiet ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kif ukoll drittijiet ta’ riproduzzjoni, jew kategoriji ta’ drittijiet relatati ma’ forom ta’ operat bħalma huma x-xandir, il-wirjiet teatrali jew ir-riproduzzjoni għad-distribuzzjoni onlajn, bil-kundizzjoni li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li d-detentur tad-drittijiet ikun jixtieq jagħżel tkun diġà qed timmaniġġja dawn id-drittijiet jew kategoriji ta’ drittijiet.

[...]

[...] id-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu jistgħu jirtiraw faċilment id-drittijiet jew il-kategoriji ta’ drittijiet tagħhom jew xogħlijiet individwali minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u jimmaniġġjaw dawk id-drittijiet b’mod individwali jew jafdaw jew jittrasferixxu l-immaniġġjar kollu jew parti minnhom lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew entità oħra irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbiliment tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, l-entità l-oħra jew id-detentur tad-drittijiet. Fejn Stat Membr, f’rispett għad-dritt tal-Unjoni u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jipprovdi għall-immaniġġjar kollettiv mandatarju tad-drittijiet, il-għażla tad-detenturi tad-drittijiet tkun limitata għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra.

[...]

[...]

(55)      Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tittejjeb il-kapaċità tal-membri tagħhom fl-eżerċizzju tal-kontroll fuq l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, li tiġi ggarantita trasparenza suffiċjenti mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u li jittejjeb il-ħruġ tal-liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 [TUE]. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l- Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi.”

12      Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn.”

13      L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      It-titoli I, II, IV u V bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 34(2) u 38 japplikaw għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kollha stabbiliti fl-Unjoni.

2.      It-Titolu III u l-Artikoli 34(2) u 38 japplikaw għal dawk l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fl-Unjoni li jimmaniġġjaw id-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għal użu onlajn fuq bażi multiterritorjali.

3.      Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva japplikaw għall-entitajiet li huma direttament jew indirettament ipposseduti jew ikkontrollati, b’mod sħiħ jew parzjalment, minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, kemm-il darba tali entitajiet iwettqu attività li, jekk issir minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

4.      L-Artikolu 16(1), l-Artikoli 18 u 20, il-punti (a), (b), (c), (e), (f) u (g) tal-Artikolu 21(1) u l-Artikoli 36 u 42, japplikaw għall-entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti kollha stabbiliti fl-Unjoni.”

14      L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv’ tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha, u li tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(i)      tkun ipposseduta jew ikkontrollata mill-membri tagħha;

(ii)      tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ;

(b)      ‘entità ta’ mmaniġġjar indipendenti’ tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha u li:

(i)      la tkun ipposseduta u l-anqas ikkontrollata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mid-detenturi tad-drittijiet; u

(ii)      tkun organizzata fuq bażi ta’ skop ta’ qligħ;

[...]

(j)      ‘ftehim ta’ rappreżentazzjoni’ tfisser kwalunkwe ftehim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li bih organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv waħda tawtorizza lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra biex timmaniġġja d-drittijiet li tirrappreżenta, inkluż ftehim konkluż skont l-Artikoli 29 u 30.

[...]”

15      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/26, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jaġixxu fl-aħjar interessi tad-detenturi tad-drittijiet li d-drittijiet tagħhom huma jirrappreżentaw u li ma jimponu l-ebda obbligu fuqhom li ma jkunx oġġettivament neċessarju għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tagħhom jew għall-immaniġġjar effettiv tad-drittijiet tagħhom.”

16      Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet għandhom id-drittijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8 u li dawk id-drittijiet huma spjegati fl-istatut jew termini ta’ adeżjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

2.      Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tal-għażla tagħhom biex timmaniġġja d-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor tal-għażla tagħhom, għat-territorji tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbilment kemm tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u kemm tad-detentur tad-drittijiet. Kemm-il darba l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma jkollhiex raġunijiet oġġettivament ġustifikati biex tirrifjuta mmaniġġjar, hija għandha tiġi obbligata timmaniġġja tali drittijiet, kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor, kemm-il darba l-immaniġġjar tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività tagħha.

3.      Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt jagħtu liċenzji għal użi mhux kummerċjali ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet, kategoriji tad-drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor li huma jistgħu jagħżlu.

4.      Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jitterminaw l-awtorizzazzjoni għall-immaniġġjar tad-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor mogħtija minnhom lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew li jirtiraw minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv kwalunkwe wieħed mid-drittijiet, kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor tal-għażla tagħhom, kif determinat skont il-paragrafu 2, għat-territorji tal-għażla tagħhom, meta jagħtu avviż fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx is-sitt xhur. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tista’ tiddeċiedi li din it-terminazzjoni jew dan l-irtirar għandu jidħol fis-seħħ biss fl-aħħar tas-sena finanzjarja.

5.      Jekk ikun hemm ammonti dovuti lil detentur tad-drittijiet għal atti ta’ sfruttament li jkunu seħħew qabel ma jkunu daħlu fis-seħħ it-terminazzjoni tal-awtorizzazzjoni jew l-irtirar ta’ drittijiet, jew skont liċenzja mogħtija qabel ma jkunu daħlu fis-seħħ din it-terminazzjoni jew dan l-irtirar, id-detentur tad-drittijiet għandu jżomm id-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 12, 13, 18, 20, 28 u 33.

6.      Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhiex tirrestrinġi l-eżerċitar tad-drittijiet previsti skont il-paragrafi 4 u 5 billi tirrikjedi, bħala kondizzjoni tal-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet, li l-immaniġġjar tad-drittijiet jew il-kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li huma suġġetti għat-terminazzjoni jew l-irtirar jiġi fdat lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra.

[...]”

17      L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regoli tal-adeżjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv”, jiddikjara, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha taċċetta lid-detenturi tad-drittijiet u lill-entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, inklużi organizzazzjonijiet ta’ mmanġġjar kollettiv u assoċjazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet oħra, bħala membri jekk dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ adeżjoni li għandhom ikunu bbażati fuq kriterji objettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji. [...]”

18      Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/26, intitolat “Ħruġ ta’ liċenzji”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jidħlu f’negozjati għall-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet in bona fede. [...]

2.      It-termini għal ħruġ ta’ liċenzji għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. [...]

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tad-drittijiet tagħhom. Tariffi għal drittijiet esklussivi u għal drittijiet ta’ rimunerazzjoni għandhom ikunu raġonevoli fir-rigward ta’, inter alia, il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-ambitu tal-użu tax-xogħol u ta’ suġġetti oħra, kif ukoll fir-rigward tal-valur ekonomiku tas-servizz provdut mill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. [...]

3.      L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jirrispondu mingħajr dewmien għat-talbiet mill-utenti, billi jindikaw inter alia l-informazzjoni meħtieġa biex l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun tista’ toffri liċenzja.

Hekk kif tirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġġjar kollettiv għandhom mingħajr dewmien żejjed, jew toffri liċenzja jew inkella tipprovdi lill-utent b’dikjarazzjoni motivata li tispjega għalfejn mhijiex beħsiebha toħroġ liċenzja għal servizz partikolari.

[...]”

19      L-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligu ta’ rappreżentazzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li ma toħroġx jew ma li toffrix li toħroġ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali fir-repertorju mużikali tagħha, titlob lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv sabiex tidħol fi ftehim ta’ rappreżentazzjoni biex tirrappreżenta dawk id-drittijiet, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hi obbligata tilqa’ din it-talba jekk diġà tkun qed tagħti jew toffri li tagħti liċenzji multiterritorjali għall-istess kategorija ta’ drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali fir-repertorju ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv waħda jew aktar.”

20      Skont l-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konformità”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva min-naħa tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorju tagħhom tiġi mmonitorjata mill-awtoritajiet kompetenti magħżula għal dak l-iskop.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti nominati għal dan il-għan ikollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet adegwati jew li jieħdu miżuri adegwati meta d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jkunux konformi magħha. Dawk is-sanzjonijiet u miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

[...]”

21      L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/26, intitolat “Notifika ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv”, jipprevedi:

“Sal-10 ta’ April 2016, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni [Ewropea], abbażi tal-informazzjoni li tinsab għad-dispożizzjoni tagħhom lista ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorji tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil f’dik il-lista.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni u żżommha aġġornata.”

22      L-Artikolu 41 ta’ din id-direttiva, intitolat “Grupp ta’ esperti”, jipprovdi:

“Għandu jiġi stabbilit grupp ta’ esperti. Dan għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-grupp ta’ esperti għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u għandu jiltaqa’ jew fuq l-inizjattiva tal-president jew fuq talba tad-delegazzjoni ta’ Stat Membru. Il-kompiti tal-kumitat għandhom ikunu kif ġej:

(a)      li jeżamina l-impatt tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva dwar il-funzjonament ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u ta’ entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti fis-suq intern u biex jiġu enfasizzati kwalunkwe tip ta’ diffikultajiet;

[...]”

 Iddritt Taljan

23      L-Artikolu 180 tal-legge n. 633 – Protezione del diritto d’autore e di altri diritti connessi al suo esercizio (il-Liġi Nru 633, dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur u ta’ Drittijiet Oħra Relatati mal-Eżerċizzju Tiegħu), tat‑22 ta’ April 1941 (GURI Nru 166 tas‑16 ta’ Lulju 1941), kif emendata bid-decreto legge n. 148 – Disposizioni urgenti in materia finanziaria e per esigenze indifferibili (id-Digriet Liġi Nru 148 dwar Dispożizzjonijiet Urġenti f’Materji Finanzjarji u għal Ħtiġijiet Imperattivi), tas‑16 ta’ Ottubru 2017 (GURI Nru 242, tas‑16 ta’ Ottubru 2017 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur”), jipprovdi:

“L-attività ta’ intermedjarju, kemm jekk implimentata fi kwalunkwe forma diretta jew indiretta ta’ intervent, medjazzjoni, mandat, rappreżentanza kif ukoll fil-forma ta’ ċessjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ rappreżentanza, eżekuzzjoni, reċitazzjoni, xandir, inkluża l-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ satellita, u ta’ riproduzzjoni mekkanika u ċinematografika tax-xogħlijiet protetti, hija rriżervata esklużivament lis-Società italiana degli autori ed editori (SIAE, Soċjetà Taljana tad-Drittijiet tal-Awturi u tal-Edituri) u l-organizzazzjonijiet l-oħra ta’ mmaniġġar kollettiv imsemmija mid-[decreto legislativo n. 35 –Attuazione della direttiva 2014/26/UE sulla gestione collettiva dei diritti d’autore e dei diritti connessi e sulla concessione di licenze multiterritoriali per i diritti su opere musicali per l’uso online nel mercato interno (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 35, li Jittrasponi d-[Direttiva 2014/26/UE]) tal‑15 ta’ Marzu 2017 (GURI Nru 72 tas‑27 ta’ Marzu 2017, iktar ’il quddiem id-‘Digriet Leġiżlattiv Nru 35/2017’)].

Din l-attività tiġi eżerċitata għall-finijiet ta’:

1)      l-għoti, f’isem u fl-interess tal-aventi kawża, ta’ liċenzji u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ xogħlijiet protetti;

2)      il-ġbir ta’ dħul minn tali liċenzji u awtorizzazzjonijiet;

3)      id-distribuzzjoni ta’ dan id-dħul fost l-aventi kawża.

L-attività tas-[SIAE] hija wkoll eżerċitata konformement mar-regoli stabbiliti permezz ta’ regolament fil-pajjiżi barranin li fihom hija għandha rappreżentanza organizzata.

Din l-esklużività ta’ setgħat hija mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-awtur, tas-suċċessuri tiegħu, jew tal-aventi kawża, li jeżerċitaw direttament id-drittijiet tagħhom irrikonoxxuti minn din il-liġi.

[...]”

24      Skont l-Artikolu 4(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 35/2017:

“Id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jafdaw lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv jew entità ta’ mmaniġġar indipendenti tal-għażla tagħhom bl-immaniġġar tad-drittijiet tagħhom, tal-kategoriji korrispondenti jew tipi ta’ xogħlijiet u oġġetti oħra protetti, għat-territorji li jindikaw, irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbiliment tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv, tal-entità ta’ mmaniġġar indipendenti jew tad-detentur tad-drittijiet, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 180 tal-[Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur], fir-rigward tal-attività ta’ intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur.”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

25      LEA hija organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv irregolata mid-dritt Taljan u awtorizzata għall-intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Italja.

26      Jamendo, kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż, hija entita ta’ mmaniġġar indipendenti li ilha teżerċita l-attività tagħha fl-Italja mis-sena 2004.

27      LEA ppreżentat quddiem it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors għal mandat ta’ inibizzjoni kontra Jamendo, sabiex din tal-aħħar tiġi ordnata tieqaf mill-attività tagħha ta’ intermedjazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur fl-Italja. Insostenn ta’ din it-talba, LEA tinvoka l-fatt li Jamendo twettaq illegalment din l-attività fl-Italja għar-raġuni, l-ewwel, li ma hijiex irreġistrata fuq il-lista ta’ organizzazzjonijiet awtorizzati għall-intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Italja, it-tieni, li ma tissodisfax ir-rekwiżiti speċifiċi previsti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 35/2017 u, it-tielet, li ma informatx lill-Ministeru għat-Telekomunikazzjoni qabel ma bdiet twettaq l-imsemmija attività, bi ksur tal-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv.

28      Quddiem il-qorti tar-rinviju, Jamendo ssostni li d-Direttiva 2014/26 ġiet trasposta b’mod mhux korrett fid-dritt Taljan, billi tgħid li l-leġiżlatur Taljan naqas milli jikkonferixxi lill-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti d-drittijiet previsti minn din id-direttiva.

29      F’dan ir-rigward, Jamendo tindika li, bis-saħħa tal-Artikolu 180 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur, l-attività ta’ intermedjazzjoni fl-Italja hija rriżervata esklużivament għas-SIAE u għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv l-oħra msemmija hemmhekk biss, li għandu l-effett li jipprekludi lill-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti milli joperaw fl-Italja fil-qasam tal-intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u li jġegħelhom jidħlu fi ftehimiet ta’ rappreżentanza mas-SIAE jew organizzzazzjonijiet oħra ta’ mmanniġġar kollettiv awtorizzati.

30      Sussidjarjament, Jamendo ssostni li l-attività tagħha ma taqax taħt l-immaniġġar kollettiv iżda taħt immaġinar dirett tad-drittijiet tal-awtur, fejn f’dan ir-rigward tinvoka l-premessa 16 tad-Direttiva 2014/26, li minnha jirriżulta li l-entitajiet li jagħtu liċenzji fuq id-drittijiet li ġew ittrasferiti fuq il-bażi ta’ ftehim innegozjat “individwalment” ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “entità ta’ mmaniġġar indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 3(b) ta’ din id-direttiva.

31      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tqis li l-attività ta’ Jamendo ma tidhirx li tista’ tiġi kkategorizzata bħala “mmaniġġar dirett”, peress li din tagħti liċenzji u subliċenzji, tirċievi remunerazzjoni skont in-numru ta’ utenti tax-xogħlijiet u tiġbor royalties iddeterminati f’perċentwali tal-ammonti rċevuti. Il-kuntratti li Jamendo tissottometti lill-membri tagħha lanqas ma jidhru li huma r-riżultat ta’ negozjati individwali u l-għażla bejn possibbiltajiet differenti ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni l-kategorizzazzjoni ta’ dawn il-kuntratti bħala “kuntratti ta’ adeżjoni”, liema fatt jipprekludi li kull wieħed mill-imsemmija kuntratti jiġi kkunsidrat bħala r-riżultat ta’ negozjat speċifiku.

32      Min-naħa l-oħra, din il-qorti tosserva li l-Artikolu 180 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur ma jippermettix lill-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti jeżerċitaw l-attività ta’ intermedjarju għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ rappreżentanza, eżekuzzjoni, reċitazzjoni, xandir, inkluża l-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ satellita, u ta’ riproduzzjoni mekkanika u ċinematografika tax-xogħlijiet protetti.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva [2014/26], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-aċċess għas-suq tal-intermedjar tad-drittijiet tal-awtur, jew, fi kwalunkwe każ, il-konċessjoni ta’ liċenzji lill-utenti, biss lill-persuni li jistgħu jiġu kklassifikati, skont id-definizzjoni tal-istess direttiva, bħala organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, bl-esklużjoni ta’ dawk li jistgħu jiġu kklassifikati bħala entità ta’ mmaniġġar indipendenti, stabbiliti kemm fl-istess Stat kif ukoll fi Stati Membri oħrajn?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

34      Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Taljan eċċepixxa l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija ta’ natura fittizja.

35      Skont dan il-gvern, il-fatt li, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali jsostnu pożizzjonijiet konverġenti intiżi, essenzjalment, biex tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana, li tirriżerva l-aċċess għall-attività ta’ intermedjazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur biss għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, b’esklużjoni tal-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, huwa biżżejjed biex tiġi stabbilita n-natura artifiċjali tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, adita bil-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING, C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING, C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, jeħtieġ, ċertament, li jiġi osservat li, quddiem il-qorti tar-rinviju, LEA titlob li Jamendo tiġi ordnata tieqaf milli teżerċita l-attività tagħha ta’ intermedjazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur fl-Italja minħabba li dan l-eżerċizzju jikser il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub li hija ssottomettiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, LEA ssostni, essenzjalment, li din il-leġiżlazzjoni Taljana ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

39      Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, din iċ-ċirkustanza, kif ukoll dik li fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha l-partijiet fil-kawża prinċipali jinsabu fi qbil, ma hijiex suffiċjenti biex taffettwa r-realtà tat-tilwima fil-kawża prinċipali u lanqas, sussegwentement, biex taffettwa l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-assenza ta’ element li jindika b’mod manifest li din it-tilwima hija ta’ natura artifiċjali jew fittizja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, EU:C:2005:709, punti 37 sa 39, kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punti 31 sa 34).

40      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tirreferi, fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari tagħha, għall-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, “stabbiliti kemm fl-istess Stat kif ukoll fi Stati Membri oħrajn”. Issa, Jamendo hija stabbilita fil-Lussemburgu u ebda element mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti lil wieħed jaħseb li l-kawża prinċipali tirrigwarda xi tip ta’ entità ta’ mmaniġġar indipendenti stabbilita fl-Italja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn tirrigwarda l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, id-domanda preliminari hija ta’ natura ipotetika.

41      Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fl-Italja.

 Fuq iddomanda preliminari

42      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2014/26 għandhiex tiġi interpretat fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi b’mod ġenerali u assolut il-possibbiltà għall-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jipprovdu s-servizzi tagħhom ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur f’dan l-ewwel Stat Membru.

43      Kif jirriżulta mill-premessi 7, 8 u 55 ta’ din id-direttiva, din hija intiża biex tikkoordina r-regoli nazzjonali dwar l-aċċess tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, il-modalitajiet ta’ governanza ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, il-qafas superviżorju tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet mużikali għall-użu tagħhom online, bil-għan li jiġu protetti l-interessi tal-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, tad-detenturi tad-drittijiet u tat-terzi billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn garanziji ekwivalenti fl-Unjoni kollha.

44      Għal dan il-għan, l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 9 tagħha, jipprevedi li l-istess direttiva tistabbilixxi, b’mod partikolari, rekwiżiti applikabbli għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv bil-għan li jiġi żgurat standard għoli ta’ governanza, ta’ mmaniġġar finanzjarju, ta’ trasparenza u ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni.

45      Billi qies, kif tiddikjara l-premessa 15 tad-Direttiva 2014/26, li l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, minkejja li huma entitajiet kummerċjali differenti minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li ma humiex miżmuma jew ikkontrollati mid-detenturi tad-drittijiet, jeżerċitaw l-istess attivitajiet bħall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li kien jeħtieġ li dawn jiġu ssuġġettati għall-obbligu li tiġi kkomunikata ċerta informazzjoni.

46      F’dan is-sens, l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2014/26 jagħmel applikabbli lill-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-direttiva, dwar il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lid-detenturi ta’ drittijiet irrappreżentati minn dawn l-entitajiet, lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, lill-utenti u lill-pubbliku.

47      Madankollu, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li tagħti lid-detenturi ta’ drittijiet, fil-paragrafu 2 tiegħu, id-dritt li jagħżlu l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv inkarigata milli tirrappreżentahom, ikun liema jkun l-Istat Membru ta’ nazzjonalità, ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv jew tad-detentur tad-drittijiet, ma jagħmilx parti mid-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2(4) tal-imsemmija direttiva.

48      Barra minn hekk, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2014/26 ma tirregola l-aċċess ta’ dawn l-entitajiet għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur.

49      Huwa minnu li l-premessa 19 tad-Direttiva 2014/26 tiddikjara, b’mod partikolari, li d-detenturi ta’ drittijiet għandhom ikunu jistgħu jirtiraw faċilment id-drittijiet tagħhom minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv u jimmaniġġaw dawk id-drittijiet b’mod individwali jew jafdaw l-immaniġġar tad-drittijiet lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv oħra jew lil entità oħra irrispettivament mill-Istat Membru tan-nazzjonalità, residenza jew stabbiliment tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv ikkonċernat, tal-entità l-oħra jew tad-detentur tad-drittijiet.

50      Madankollu, minn naħa, il-possibbiltà għad-detenturi ta’ drittijiet li jirtiraw l-immaniġġar tad-dritt minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv, stabbilita fl-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva ma timplikax obbligu għall-Istati Membri li jaraw li dawn id-detenturi jkollhom id-dritt li jawtorizzaw entità ta’ mmaniġġar indipendenti tal-għażla tagħhom biex timmaniġġa d-drittijiet tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbiliment ta’ din l-entità.

51      Min-naħa l-oħra, il-premessa 19 tal-imsemmija direttiva ma tistax twassal għal interpretazzjoni tal-Artikolu 2(4) u tal-Artikolu 5(2) tagħha li tkun inkompatibbli mal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jippreċiża l-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att u jipprovdi elementi ta’ interpretazzjoni li huma ta’ natura li jiċċaraw ir-rieda tal-awtur tal-imsemmi att, huwa madankollu ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet innifishom tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Konsegwentement, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2014/26 jiddikjara b’mod eżawrjenti d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, l-Artikolu 5(1), (2) u (4) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 19 tagħha, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi lill-Istati Membri jħarsu li d-detenturi ta’ drittijiet ikollhom id-dritt li jawtorizzaw lil entità ta’ mmaniġġar indipendenti tal-għażla tagħhom timmaniġġa d-drittijiet tagħhom irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbiliment tal-entità ta’ mmaniġġar indipendenti jew tad-detentur ta’ drittijiet ikkonċernati.

53      Fl-assenza, fid-Direttiva 2014/26, ta’ tali obbligu u, b’mod iktar ġenerali, ta’ dispożizzjoni li tirregola l-aċċess ta’ dawn l-entitajiet għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din id-direttiva ma tarmonizzax il-kundizzjonijiet ta’ tali aċċess u, għalhekk, li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi b’mod ġenerali u assolut il-possibbiltà għall-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti fi Stat Membru ieħor li jipprovdu f’dan l-ewwel Stat Membru s-servizzi tagħhom ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur.

54      Madankollu, minn dan la jista jiġi dedott li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tevita d-dritt tal-Unjoni fl-intier tiegħu u lanqas, a fortiori, li din hija konformi ma’ dan id-dritt.

55      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata minn sitwazzjoni li għandha rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri, fejn Jamendo, kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż, hija prekluża, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana, milli tipprovdi, fl-Italja, servizzi ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-kapaċità tagħha bħala entità ta’ mmaniġġar indipendenti. B’hekk dawn l-elementi juru li, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, tinterpreta dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

56      Fil-fatt, peress li tirregola sitwazzjonijiet li għandhom rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri, tali leġiżlazzjoni tista’ taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Konsegwentement, anki jekk, mill-perspettiva formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari tad-dritt tal-Unjoni, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. Għal dan il-għan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Barra minn hekk, miżura nazzjonali relatata ma’ qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fid-dawl ta’ dawk tad-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 52).

59      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2014/26, ċertament ma pproċedietx għal armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess tal-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, konformement mal-fehma tal-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, jeħtieġ ulterjorment li jiġi eżaminat jekk is-servizzi ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati mogħtija minn entità ta’ mmaniġġar indipendenti bħal Jamendo jistgħux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/31 jew taħt dak tad-Direttiva 2006/123.

60      F’dan ir-rigward, jeħtieġ qabel kollox li jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/31, din tirregola speċifikament is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Issa, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123, din tal-aħħar ma tkunx applikabbli jekk id-dispożizzjonijiet tagħha jidħlu f’kunflitt ma’ dispożizzjoni ta’ att ieħor tal-Unjoni li jirregola aspetti speċifiċi tal-aċċess għal attività ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħha f’setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi.

61      Għalhekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk l-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur eżerċitata mill-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti hijiex irregolata mid-Direttiva 2000/31 u, fin-nuqqas ta’ dan, jekk din l-attività taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

 Fuq lapplikabbiltà tadDirettiva 2000/31

62      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

63      Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu ma humiex applikabbli għall-“oqsma” msemmija fl-Anness tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda, b’mod partikolari, “id-dritt tal-awtur” u “d-drittijiet assoċjati [relatati]”.

64      Hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deroga prevista mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/31 hija fformulata b’mod wiesa’, fejn tirrigwarda b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jaqgħu taħt il-“qasam” tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

65      Barra minn hekk, xejn, f’din id-direttiva, ma jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi adotta din id-deroga, xtaq jeskludi mill-portata ta’ din tal-aħħar is-servizzi ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

66      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-immaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, li, kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva 2014/26, jinkludi, b’mod partikolari, il-ħruġ ta’ liċenzji lil utenti, il-monitoraġġ tal-użu tad-drittijiet, l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, il-ġbir tad-dħul mill-isfruttament tad-drittijiet u t-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, jaqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/13, moqri flimkien mal-Anness tagħha.

67      Din l-interpretazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bil-fatt li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/31, bħala deroga mir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Fil-fatt, għalkemm minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jidderogaw minn libertà fundamentali għandhom jiġu interpretati b’mod strett, xorta waħda jeħtieġ li jiġu ssalvagwardati l-effett utli tad-deroga stabbilita u li jiġi osservat l-għan tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 162 u 163).

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31 ma humiex applikabbli għas-servizzi ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

 Fuq lapplikabbiltà tadDirettiva 2006/123

69      Bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/123, din tal-aħħar hija intiża b’mod partikolari li tiffaċilita l-eżerċizzju tal-moviment liberu tas-servizzi filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi.

70      Għal dan il-għan, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jipprovdu servizzi fi Stat Membru minbarra dak li fih huma stabbiliti.

71      Madankollu, bis-saħħa tal-punt 11 tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 16 tagħha ma huwiex applikabbli għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

72      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li l-attività ta’ mmaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur kienet eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 65).

73      Fil-fatt, din id-deroga, bħalma jipprevedi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/31, hija fformulata b’mod wiesa’, fejn tinkludi b’mod ġenerali d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, b’tali mod li mill-punt 11 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/123 ma jistax jiġi inferit li hemm xi tip ta’ intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeskludi s-servizzi ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deroga.

74      Minn dan jirriżulta li s-servizzi ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123.

75      Peress li l-aċċess tal-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur ma huwiex suġġett, hekk kif jirriżulta mill-punti 53, 68 u 74 ta’ din is-sentenza, minn armonizzazzjoni eżawrjenti fuq livell tal-Unjoni, id-determinazzjoni tar-regoli f’dan il-qasam tibqa’ għalhekk kompetenza tal-Istati Membri, suġġett għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, u b’mod partikolari ta’ dawn dwar il-libertajiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju, f’dan il-każ l-Artikolu 56 TFUE.

 Fuq ilkonformità talmiżura inkwistjoni filkawża prinċipali mallibertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita flArtikolu 56 TFUE

76      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni fir-rigward tan-nazzjonalità, hija ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita minn dan l-artikolu tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp, C‑407/19 u C‑471/19, EU:C:2021:107, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din ma tippermettix lill-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor jipprovdu fl-Italja s-servizzi tagħhom ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, b’tali mod li ġġegħilhom jikkonkludu ftehimiet ta’ rappreżentanza ma’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv awtorizzata f’dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi manifestament restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita fl-Artikolu 56 TFUE.

78      Madankollu, din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ interess pubbliku kkonċernat u sa fejn din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 70).

 Fuq leżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika rrestrizzjoni kkonċernata

79      Bis-saħħa ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Għalhekk, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkun iġġustifikata fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

 Fuq ilproporzjonalità tarrestrizzjoni kkonċernata

81      Fir-rigward tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni kkonċernata, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk ir-restrizzjoni, li tikkonsisti fl-esklużjoni, mill-attività ta’ intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, tal-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor, hijiex xierqa biex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali marbut mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li tali miżura tfittex li tilħaq.

82      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti, għall-immaniġġar tad-drittijiet tal-awtur relatati ma’ kategorija ta’ xogħlijiet protetti, monopolju fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat lil soċjetà ta’ ġestjoni, għandha titqies li hija tali li tipproteġi d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali peress li hija tali li tippermetti mmaniġġar effikaċi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati kif ukoll kontroll effikaċi tar-rispett tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 72).

83      F’dan il-każ, madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tagħtix il-monopolju tal-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv. Fil-fatt, l-Artikolu 180 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur jippermetti li din l-attività tiġi eżerċitata fit-territorju Taljan mhux biss mi-SIAE, iżda wkoll mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv imsemmija mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 35/2017, li l-Artikolu 4(2) tiegħu jipprevedi li d-detenturi ta’ drittijiet jistgħu jagħtu lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv jew entità ta’ mmaniġġar indipendenti tal-għażla tagħhom l-immaniġġar tad-drittijiet tagħhom, u dan “irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbiliment tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv, tal-entità ta’ mmaniġġar indipendenti jew tad-detentur tad-drittijiet” ikkonċernati, filwaqt li tippreċiża li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għal dik tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 180 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur.

84      Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-imsemmija dispożizzjoni għandha bħala effett li tipprekludi lill-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jeżerċitaw l-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur fl-Italja, filwaqt li tippermetti lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv stabbiliti fi Stati Membri oħra jeżerċitaw tali attività.

85      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun xierqa biex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq biss jekk verament tkun tissodisfa l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Konsegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat jekk it-trattament iddifferenzjat li għalih il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta, minn naħa, lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv u, min-naħa l-oħra, lill-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, jissodisfax tali rekwiżit.

87      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, b’differenza tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, li kienu suġġetti għal armonizzazzjoni estiża li tikkonċerna l-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, il-modalitajiet ta’ governanza kif ukoll il-qafas tas-sorveljanza, l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti huma, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2014/26, suġġetti biss għal numru limitat tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u li, għalhekk, bosta mir-rekwiżiti previsti minnha ma humiex applikabbli għal dawn l-entitajiet.

88      L-ewwel nett, fil-fatt, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv biss huma suġġetti għall-obbligu li jingħataw liċenzji fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji bis-saħħa tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26, fejn l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti huma marbuta biss li jinnegozjaw in bona fide l-għoti ta’ liċenzji konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u li jikkondividu kull informazzjoni neċessarja f’dan is-sens. B’applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 16(2), l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv biss huma suġġetti għall-obbligu li jagħtu lid-detenturi ta’ drittjiet li jirrappreżentaw remunerazzjoni xierqa bħala korrispettiv għall-użu tad-drittijiet tagħhom. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv huma wkoll marbuta japplikaw tariffi raġonevoli, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-portata tal-użu tax-xogħlijiet u ta’ oġġetti oħra, kif ukoll fir-rigward tal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv, filwaqt li l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti huma liberi japplikaw it-tariffi li jixtiequ.

89      B’differenza tal-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv għandhom barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 16(3) ta’ din id-direttiva, iwieġbu mingħajr dewmien indebitu t-talbiet tal-utenti u jipproponulhom liċenzja jew, fin-nuqqas ta’ dan, jispjegaw b’mod motivat ir-raġunijiet għalfejn huma ma għandhomx l-intenzjoni jagħtu liċenzja għal servizz b’mod partikolari.

90      It-tieni, kuntrarjament għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti ma għandhomx obbligu jammettu bħala membri lid-detenturi ta’ drittijiet meta jissodisfaw ir-rekwiżiti marbuta mal-affiljazzjoni, liema rekwiżiti għandhom jistrieħu fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji, konformement mal-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva.

91      It-tielet, l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti huma marbuta jimmaniġġaw id-drittijiet tad-detenturi li jitolbuhom jagħmlu dan, kif timponi t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/26 għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, biss għal raġunijiet oġġettivament iġġustifikati, meta l-immaniġġar tagħhom jaqa’ taħt il-qasam ta’ attività tagħhom, li jimplika li għandhom il-libertà li jagħżlu l-kategoriji ta’ drittijiet l-iktar finanzjarjament vijabbli u li jħallu lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv ir-responsabbiltà li jimmaniġġaw lill-oħrajn. Dawn l-entitajiet lanqas ma huma suġġetti għall-obbligu, previst fl-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, li jirrispettaw il-libertà tad-detenturi ta’ drittijiet li jxolju l-awtorizzazzjoni li jimmaniġġaw id-drittijiet, kategoriji ta’ drittijiet jew tipi xogħlijiet tagħhom jew li jirtiraw drittijiet għal ċerti territorji.

92      Ir-raba’, kuntrarjament għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti ma humiex marbuta bid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni, il-modalitajiet ta’ governanza u ta’ sorveljanza kif ukoll il-kunflitti ta’ interess, imsemmija fl-Artikoli 6 sa 10 tad-Direttiva 2014/26, u lanqas ma huma marbuta bid-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri ta’ lmenti u ta’ soluzzjoni tat-tilwim li jinsabu fl-Artikoli 33 sa 35 tagħha.

93      Il-ħames, dawn l-entitajiet ma humiex suġġetti għar-rekwiżiti fil-qasam ta’ mmaniġġar tad-dħul minn drittijiet previsti fl-Artikoli 11 sa 15 tad-Direttiva 2014/26, li tippermettilhom jimmassimizzaw il-profitti tagħhom.

94      Is-sitt, fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi imposti minn din id-direttiva fil-qasam tat-trasparenza, huwa biss l-Artikolu 20 u ċerti dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tagħha li huma applikabbli għall-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti. B’mod partikolari, kuntrarjament għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti ma humiex suġġetti għall-obbligi previsti fil-Kapitolu 5 tad-Direttiva 2014/26, b’mod partikolari għall-obbligu li jiġi ppreparat rapport annwali ta’ trasparenza, previst fl-Artikolu 22 tagħha.

95      Is-seba’, fl-aħħar nett, it-Titolu III tad-Direttiva 2014/26 dwar il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet online fuq xogħlijiet mużikali lanqas ma huwa applikabbli għall-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-trattament iddifferenzjat, applikat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, tal-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, meta mqabbel mal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, jissodisfa l-ħsieb li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur b’mod koerenti u sistematiku, ġaladarba d-Direttiva 2014/26 tissuġġetta lill-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti għal livell ta’ rekwiżit inqas minn dak għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv fir-rigward, b’mod partikolari, tal-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, tal-ħruġ ta’ liċenzji, tal-modalitajiet ta’ governanza kif ukoll tal-kuntest tas-sorveljanza li għaliha huma suġġetti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali trattament iddifferenzjat jista’ jitqies li huwa tali li jiggarantixxi li dan l-għan jintlaħaq.

97      Madankollu, fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni li tikkonsisti fl-esklużjoni tal-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti mill-attività ta’ intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali marbut mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, jeħtieġ li jiġi osservat li miżura inqas inġerenti fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Istat Membru kkonċernat għal rekwiżiti ta’ natura regolatorja partikolari li jkunu ġġustifikati fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tikkonsisti fil-preklużjoni, b’mod assolut, ta’ kull entità ta’ mmaniġġar indipendenti, ikunu liema jkunu r-rekwiżiti ta’ natura regolatorja li għalihom din hija suġġetta bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih hija stabbilita, milli teżerċita libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE, tidher li tmur lil hinn milli huwa neċessarju sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-awtur.

99      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mad-Direttiva 2014/26, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi b’mod ġenerali u assolut il-possibbiltà għall-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jipprovdu s-servizzi tagħhom ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur f’dan l-ewwel Stat Membru.

 Fuq lispejjeż

100    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi b’mod ġenerali u assolut il-possibbiltà għall-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jipprovdu s-servizzi tagħhom ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur f’dan l-ewwel Stat Membru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.