Language of document : ECLI:EU:C:2024:251

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2019/1157 – Tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea – Validità – Bażi legali – Artikolu 21(2) TFUE – Artikolu 77(3) TFUE –Regolament (UE) 2019/1157 – Artikolu 3(5) – Obbligu għall-Istati Membri li jintegraw fil-mezz ta’ ħżin tal-karti tal-identità żewġ marki tas-swaba’ f’formati diġitali interoperabbli –Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 35 – Obbligu li titwettaq valutazzjoni tal-impatt relatata mal-protezzjoni tad-data – Żamma tal-effetti ta’ regolament iddikjarat invalidu ratione temporis”

Fil-Kawża C‑61/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑1 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

RL

vs

Landeshauptstadt Wiesbaden,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan (Relatur), T. von Danwitz, F. Biltgen u Z. Csehi, Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, S. Rodin, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal RL, minn W. Achelpöhler, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.-L. Krüger, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u A. Van Baelen, bħala aġenti, assistiti minn P. Wytinck, advocaat,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Parlament Ewropew, minn G. C. Bartram, P. López-Carceller u J. Rodrigues, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. França u Z. Šustr, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg, E. Montaguti u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu (ĠU 2019, L 188, p. 67), u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(5) tiegħu.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn RL u l-Landeshauptstadt Wiesbaden (il-belt ta’ Wiesbaden, il-kapitali tal-Land, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“belt ta’ Wiesbaden”) dwar iċ-ċaħda minn din tal-aħħar tat-talba tagħha sabiex toħorġilha karta tal-identità li ma tinkludix marki tas-swaba.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IrRegolament 2019/1157

3        Il-premessi 1, 2, 4, 5, 17 sa 21, 23, 26 sa 29, 32, 33, 36, 40 sa 42 u 46 tar-Regolament 2019/1157 huma fformulati kif ġej:

“(1)      It-Trattat [UE] huwa intiż li jiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni filwaqt li jiżgura il-ħarsien u s-sigurtà tal-popli tal-Ewropa, billi jistabbilixxu spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat [UE u t-Trattat FUE].

(2)      Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni [Ewropea] tikkonferixxi fuq kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt ta’ moviment liberu, soġġett għal ċerti limitazzjonijiet u kundizzjonijiet. Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU 2004, L 158, p. 77),] tagħti effett lil dak id-dritt. L-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) jipprevedi wkoll libertà ta’ moviment u ta’ residenza. Il-libertà ta’ moviment tinvolvi d-dritt ta’ ħruġ u ta’ dħul fl-Istati Membri b’karta tal-identità jew passaport validu.

[...]

(4)      Id-Direttiva [2004/38] jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jirrifjutaw, itemmu jew jirtiraw kwalunkwe dritt konferit minn dik id-Direttiva f’każ ta’ abbuż tad-drittijiet jew frodi. Il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti jew il-preżentazzjoni falza ta’ fatt materjali li jikkonċerna l-kundizzjonijiet marbuta mad-dritt ta’ residenza ġew identifikati bħala każijiet tipiċi ta’ frodi skont dik id-Direttiva.

(5)      Jeżistu differenzi konsiderevoli bejn il-livelli ta’ sigurtà tal-karti tal-identità nazzjonali maħruġa mill-Istati Membri u l-permessi ta’ residenza għal ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor u l-membri tal-familja tagħhom. Dawk id-differenzi jżidu r-riskju ta’ falsifikazzjoni u frodi tad-dokumenti u jwasslu wkoll għal diffikultajiet prattiċi għaċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. Statistiċi min-Netwerk Ewropew tal-Analiżi tar-Riskju tal-Frodi ta’ Dokumenti juru li inċidenti ta’ karti tal-identità frodulenti żdiedu mal-mogħdija taż-żmien.

[...]

(17)      Karatteristiċi tas-sigurtà huma neċessarji biex jiġi vverifikat jekk dokument huwiex awtentiku u biex tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna. L-istabbiliment ta’ standards minimi tas-sigurtà u l-integrazzjoni ta’ data bijometrika fil-karti tal-identità u l-karti ta’ residenza ta’ membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru huma passi importanti biex l-użu tagħhom fl-Unjoni jsir aktar sigur. Jenħtieġ li l-inklużjoni ta’ dawn l-identifikaturi bijometriċi tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu.

(18)      Il-ħżin ta’ immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba’ (“data bijometrika”) fuq il-karti ta’ residenza u tal-identità, kif diġà previst fir-rigward tal-passaporti bijometriċi u l-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jirrappreżenta taħlita xierqa ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni affidabbli b’riskju mnaqqas ta’ frodi, bl-iskop li tissaħħaħ is-sigurtà tal-karti ta’ residenza u tal-identità.

(19)      Bħala prattika ġenerali, jenħtieġ li l-Istati Membri, għall-verifika tal-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur, jivverifikaw primarjament l-immaġni tal-wiċċ u, meta jkun meħtieġ biex jikkonfermaw mingħajr dubju l-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur, l-Istati Membri jenħtieġ li jivverifikaw ukoll il-marki tas- swaba’.

(20)      Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, f’każijiet meta verifika ta’ data bijometrika ma tikkonfermax l-awtentiċità tad-dokument jew l-identità tad-detentur tiegħu, kontroll manwali obbligatorju jitwettaq minn persunal ikkwalifikat.

(21)      Dan ir-Regolament ma jipprevedix bażi ġuridika għall-istabbiliment jew iż-żamma ta’ bażijiet ta’ data fil-livell nazzjonali għall-ħżin ta’ data bijometrika fl-Istati Membri, li hija kwistjoni ta’ liġi nazzjonali li trid tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jipprevedix bażi ġuridika għall-istabbiliment jew iż-żamma ta’ bażi ta’ data ċentralizzata fil-livell tal-Unjoni.

[...]

(23)      Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 tal-[Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonal (ICAO)] dwar dokumenti li jinqraw minn magna li jiżguraw interoperabbiltà globali inkluż b’rabta mal-qari tad-dokumenti minn magna u l-użu ta’ spezzjoni viżiva.

[...]

(26)      Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-istabbiliment ta’ proċeduri xierqa u effettivi għall-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi u li tali proċeduri jikkonformaw mad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950,] u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal[, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fl‑20 ta’ Novembru 1989 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1577, p. 3), u li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Settembru 1990]. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-aħjar interess tat-tfal ikun kunsiderazzjoni primarja matul il-proċedura tal-ġbir. Għal dak il-għan, il-persunal kwalifikat jenħtieġ li jirċievi taħriġ xieraq dwar prattiki adatti għat-tfal għall-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi.

(27)      Meta jinstabu diffikultajiet fil-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm stabbiliti proċeduri xierqa biex jirrispettaw id-dinjità tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, jenħtieġ li jitqiesu kunsiderazzjonijiet speċifiċi relatati mal-ġeneru u mal-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u tal-persuni vulnerabbli.

(28)      Jenħtieġ li l-introduzzjoni ta’ standards minimi ta’ sigurtà u tal-format għall-karti tal-identità tippermetti li l-Istati Membri joqgħodu fuq l-awtentiċità ta’ dawk id-dokumenti meta ċ-ċittadini tal-Unjoni jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. L-introduzzjoni ta’ standards tas-sigurtà msaħħa jenħtieġ li tipprovdi garanziji suffiċjenti lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-entitajiet privati sabiex tippermettilhom isserrħu fuq l-awtentiċità tal-karti tal-identità meta jintużaw miċ-ċittadini tal-Unjoni għal finijiet ta’ identifikazzjoni.

(29)      Sinjal ta’ distinzjoni fil-forma tal-kodiċi tal-pajjiż b’żewġ ittri tal-Istat Membru li joħroġ id-dokument stampat fin-negattiv f’rettangolu blu u mdawwar bi 12-il stilla safra, jiffaċilita l-ispezzjoni viżiva tad-dokument, b’mod partikolari meta d-detentur ikun qiegħed jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu.

[...]

(32)      L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-data bijometrika tidentifika b’mod korrett il-persuna li lilha tinħareġ karta tal-identità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi, b’mod partikolari l-immaġni tal-wiċċ, permezz ta’ reġistrazzjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali li joħorġu karti tal-identità.

(33)      Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskambjaw ma’ xulxin tali informazzjoni skont kif ikun meħtieġ għall-aċċess, l-awtentikazzjoni u l-verifika tal-informazzjoni li tinsab fil-mezz ta’ ħżin sigur. Il-formati użati għall-mezz ta’ ħżin sigur jenħtieġ li jkunu interoperabbli, inkluż fir-rigward ta’ punti awtomatizzati tal-qsim tal-fruntiera.

[...]

(36)      Jenħtieġ li dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni jinkludu informazzjoni speċifika biex jiġi żgurat li huma jiġu identifikati bħala tali fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li dan jiffaċilita r-rikonoxximent tal-użu tad-dritt ta’ moviment liberu miċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni, kif ukoll tad-drittijiet li huma inerenti għal dan l-użu, iżda jenħtieġ li l-armonizzazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa xieraq biex tiġi indirizzata d-dgħufija tad-dokumenti attwali. L-Istati Membri huma ħielsa li jagħżlu l-format li fih jinħarġu dawn id-dokumenti u jistgħu joħorġuhom f’format konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 tal-ICAO.

[...]

(40)      Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar’ il quddiem il-“GDPR”)] japplika fir-rigward tad-data personali li trid tiġi pproċessata fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Huwa neċessarju li jiġu speċifikati aktar salvagwardji applikabbli għad-data personali proċessata, u b’mod partikolari għad-data sensittiva bħall-identifikaturi bijometriċi. Jenħtieġ li s-suġġetti tad-data jkunu konxji li fid-dokumenti tagħhom jeżisti mezz ta’ ħżin li jkun fih id-data bijometrika tagħhom, inkluża l-aċċessibbiltà tiegħu mingħajr kuntatt kif ukoll l-istanzi kollha meta tintuża d-data maħżuna fil-karti tal-identità u fid-dokumenti ta’ residenza tagħhom. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li s-suġġetti tad-data jkollhom aċċess għad-data personali pproċessata fil-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza tagħhom u li jkollhom id-dritt li jirrettifikawhom permezz tal-ħruġ ta’ dokument ġdid meta tali data tkun żbaljata jew mhux kompluta. Il-mezz ta’ ħżin jenħtieġ li jkun sigur ħafna u li jipproteġi b’mod effettiv id-data personali maħżuna fuqu minn aċċess mhux awtorizzat.

(41)      L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-ipproċessar xieraq tad-data bijometrika, mill-ġbir sal-integrazzjoni tad-data fil-mezz ta’ ħżin sigur ħafna, f’konformità ma[l-GDPR].

(42)      Jenħtieġ li l-Istati Membri jeżerċitaw attenzjoni partikolari meta jikkooperaw ma’ fornitur estern tas-servizzi. Jenħtieġ li tali kooperazzjoni ma teskludi l-ebda responsabbiltà tal-Istati Membri li tinħoloq taħt id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali għall-ksur ta’ obbligi fir-rigward ta’ data personali.

[...]

(46)      Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li titjieb is-sigurtà u sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-[TUE]. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir- Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet”.

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/1157, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament isaħħaħ l-istandards tas-sigurtà applikabbli għall-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom, kif ukoll għad-dokumenti ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu”.

5        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:

“Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)      karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom stess, kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva [2004/38];

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dokumenti ta’ identifikazzjoni maħruġa fuq bażi proviżorja b’perjodu ta’ validità ta’ inqas minn sitt xhur.

(b)      ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva [2004/38] liċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru ospitanti għal aktar minn tliet xhur, u għal dokumenti li jiċċertifikaw residenza permanenti maħruġa f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva [2004/38] liċ-ċittadini tal-Unjoni malli japplikaw;

(c)      karti ta’ residenza maħruġa f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva [2004/38] lil membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u karti ta’ residenza permanenti maħruġa f’konformità mal-Artikolu 20 tad-Direttiva [2004/38] lil membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru”.

6        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Standards tas-sigurtà/format/speċifikazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafi 5 sa 7 u 10 tiegħu:

“5.      Il-karti tal-identità għandhom jinkludu mezz ta’ ħżin sigur ħafna li għandu jkun fih data bijometrika li tikkonsisti esklużivament f’immaġni tal-wiċċ tad-detentur tal-karta u żewġ marki tas-swaba’ f’formati diġitali interoperabbli. Għall-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif stabbiliti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2018)7767[, tat‑30 ta’ Novembru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-format uniformi għal permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiż terz u li tħassar id-Deċiżjoni C (2002) 3069].

6.      Il-mezz ta’ ħżin għandu jkollu biżżejjed kapaċità biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data. Id-data maħżuna għandha tkun aċċessibbli f’forma mingħajr kuntatt u miżmuma sigura kif previst fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2018)7767. L-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa biex jawtentikaw il-mezz ta’ ħżin u biex jaċċedu għad-data bijometrika msemmija fil-paragrafu 5 u jivverifikawha.

7.      It-tfal ta’ taħt it-12-il sena jistgħu ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’.

It-tfal ta’ taħt is-6 snin għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’.

Persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’ għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’.

[...]

10.      Meta l-Istati Membri jaħżnu data għas-servizzi elettroniċi, bħall-gvern elettroniku u l-kummerċ elettroniku, fil-karti tal-identità, tali data nazzjonali għandha tkun fiżikament jew loġikament separata mid-data bijometrika msemmija fil-paragrafu 5”.

7        Skont il-kliem tal-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Eliminazzjoni gradwali”:

“1.      Karti tal-identità li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3 ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sat‑3 ta’ Awwissu 2031, skont liema data minnhom tiġi l-ewwel.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1:

(a)      karti tal-identità li [...] ma jkunux jinkludu parti funzjonali li tinqara minn magna (machine-readable zone, MRZ), kif definit fil-paragrafu 3, ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sat‑3 ta’ Awwissu 2026, skont liema data minnhom tiġi l-ewwel;

[...]

3.      Għall-finijiet tal-paragrafu 2, parti funzjonali li tinqara minn magna (MRZ) għandha tfisser:

(a)      parti li tinqara minn magna konformi mal-parti 3 tad-Dokument 9303 tal-ICAO; jew

(b)      kwalunkwe parti oħra li tinqara minn magna li għaliha l-Istat Membru emittenti jinnotifika r-regoli meħtieġa għall-qari u għall-wiri tal-informazzjoni li tinsab fiha, sakemm Stat Membru ma jinnotifikax lill-Kummissjoni [Ewropea], sat‑2 ta’ Awwissu 2021, dwar in-nuqqas ta’ kapaċità tiegħu li jaqra u juri din l-informazzjoni.

[...]”.

8        L-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/1157, intitolat “Informazzjoni minima li trid tiġi indikata”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Dokumenti ta’ residenza meta jkunu maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jindikaw mill-inqas dan li ġej:

[...]

(f)      l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fiċ-ċertifikati u d-dokumenti ta’ reġistrazzjoni li jiċċertifikaw ir-residenza permanenti, maħruġa f’konformità mal-Artikoli 8 u 19 tad-Direttiva [2004/38], rispettivament;

[...]”.

9        L-Artikolu 10 ta’ dan r-regolament, intitolat “Ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi”, jipprevedi:

“1.      L-identifikaturi bijometriċi għandhom jinġabru biss minn persunal kwalifikat u debitament awtorizzat maħtur mill-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta’ karti tal-identità jew karti ta’ residenza għall-fini li jiġu integrati fil-mezz ta’ ħżin sigur ħafna previst fl-Artikolu 3(5) għall-karti tal-identità u fl-Artikolu 7(1) għall-karti ta’ residenza. B’deroga mill-ewwel sentenza, il-marki tas-swaba’ għandhom jinġabru biss minn persunal kwalifikat u debitament awtorizzat ta’ dawk l-awtoritajiet, ħlief fil-każ ta’ applikazzjonijiet sottomessi lill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari tal-Istat Membru.

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-identifikaturi bijometriċi mal-identità tal-applikant, l-applikant għandu jidher personalment mill-inqas darba matul il-proċess ta’ ħruġ għal kull applikazzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri xierqa u effettivi għall-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi u li dawk il-proċeduri jikkonformaw mad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Meta jinstabu diffikultajiet fil-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm stabbiliti proċeduri xierqa biex jirrispettaw id-dinjità tal-persuna kkonċernata.

3.      Barra meta jkun obbligatorju għall-fini ta’ pproċessar f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, l-identifikaturi bijometriċi maħżuna għall-fini tal-personalizzazzjoni tal-karti tal-identità jew tad-dokumenti ta’ residenza għandhom jinżammu b’mod sigur ħafna u biss sad-data tal-ġbir tad-dokument u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-ħruġ ta’ dak id-dokument. Wara dan il-perjodu, dawn l-identifikaturi bijometriċi għandhom jitħassru jew jinqerdu minnufih”.

10      L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, intitolat “Protezzjoni ta’ data personali u responsabbiltà”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 4 u 6 tiegħu:

“4.      Il-kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizz esterni ma għandha teskludi l-ebda responsabbiltà min-naħa tal-Istat Membru li tista’ tirriżulta taħt id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali dwar ksur ta’ obbligi fir-rigward tad-data personali.

[...]

6.      Id-data bijometrika maħżuna fil-mezz ta’ ħżin tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza għandha tintuża biss f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, mill-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-aġenziji tal-Unjoni, għall-fini li jivverifikaw:

(a)      l-awtentiċità tal-karta tal-identità jew id-dokument ta’ residenza;

(b)      l-identità tad-detentur permezz ta’ karatteristiċi komparabbli direttament disponibbli meta jkun obbligatorju bil-liġi li tintwera l-karta tal-identità jew jintwera d-dokument ta’ residenza”.

11      L-Artikolu 14 tal-istess regolament, intitolat “Speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali ”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Sabiex jiġi żgurat, meta jkun xieraq, li l-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 2 jikkonformaw ma’ standards minimi tas-sigurtà futuri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali, relatati ma’ dan li ġej:

(a)      karatteristiċi u rekwiżiti ta’ sigurtà addizzjonali, inklużi standards imsaħħa kontra l-falsifikazzjoni u l-kontrafazzjoni;

(b)      speċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-mezz ta’ ħżin tal-karatteristiċi bijometriċi msemmija fl-Artikolu 3(5) u s-sigurtà tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat u l-faċilitazzjoni tal-validazzjoni;

(c)      rekwiżiti għall-kwalità u standards tekniċi komuni għall-immaġni tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).

2.      F’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2) jista’ jiġi deċiż li l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu sigrieti u ma għandhomx jiġu ppubblikati. [...]”.

2.      IlGDPR

12      Il-premessa 51 tal-GDPR tistabbilixxi:

“Data personali, li min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. [...] L-ipproċessar ta’ ritratti m’għandhux sistematikament jitqies bħala pproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali peress li dawn ikunu koperti bid-definizzjoni ta’ data bijometrika biss meta jiġu pproċessati b’mezz tekniku speċifiku li jippermetti l-identifikazzjoni unika jew l-awtentikazzjoni ta’ persuna fiżika. Tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata, għajr jekk l-ipproċessar ikun permess f’każijiet speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’kont meħud li l-liġi tal-Istati Membri tista’ tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data sabiex tadatta l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament għal konformità ma’ obbligu legali jew għall-prestazzjoni ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Minbarra r-rekwiżiti speċifiċi għal dan l-ipproċessar, il-prinċipji ġenerali u regoli oħra ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet għal ipproċessar legali. Id-derogi mill-projbizzjoni ġenerali għall-ipproċessar ta’ tali kategoriji speċjali ta’ data personali għandhom jiġu previsti b’mod espliċitu, fost oħrajn fejn is-suġġett tad-data jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu jew tagħha jew fir-rigward ta’ ħtiġijiet speċifiċi [...]”.

13      L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

(2)       ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[...]

(7)      ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[...]”.

14      L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali ”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti”.

15      L-Artikolu 35 tal-istess regolament, intitolat “Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3 u 10 tiegħu:

“1.      Fejn tip ta’ pproċessar, b’mod partikolari bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, u waqt li jittieħed kont tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, x’aktarx jirriżulta f’livell għoli ta’ riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu, qabel l-ipproċessar, iwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta’ pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali. Valutazzjoni waħda tista’ tindirizza sett ta’ operazzjonijiet tal-ipproċessar simili li jippreżentaw riskji għolja simili.

[...]

3.      Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha b’mod partikolari tkun meħtieġa fil-każ ta’:

(a)      evalwazzjoni sistematika u estensiva tal-aspetti personali relatati ma’ persuni fiżiċi, li hija bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profili, u li fuqhom huma bbażati deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali li jikkonċernaw lill-persuna fiżika jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti b’mod simili lill-persuna fiżika;

(b)      l-ipproċessar fuq skala kbira ta’ kategoriji speċjali ta’ data msemmija fl-Artikolu 9(1), jew ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10; jew

(c)      il-monitoraġġ sistematiku ta’ żona aċċessibbli għall-pubbliku fuq skala kbira.

[...]

10.      Fejn l-ipproċessar skont il-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1) ikollu bażi legali fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istat Membru li l-kontrollur huwa suġġett għaliha, u dik il-liġi tirregola l-operazzjoni jew is-sett ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar speċifiċi inkwistjoni, u tkun diġà ġiet imwettqa valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt ġenerali fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ dik il-bażi legali, il-paragrafi 1 sa 3 ma għandhomx japplikaw sakemm l-Istati Membri ma jqisux li jkun meħtieġ li ssir tali valutazzjoni qabel l-attivitajiet tal-ipproċessar”.

3.      IrRegolament (UE) 2016/399

16      L-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32), kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/458 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 (ĠU 2017, L 74, p. 1), jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Moviment transkonfini fi fruntieri esterni għandu jkun soġġett għal verifiki mill-gwardji tal-fruntiera. Il-verifiki għandhom jitwettqu skont dan il-kapitolu.

[...]

2.      Mad-dħul u mal-ħruġ, persuni li għandhom id-dritt ta’ moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għall-verifiki li ġejjin:

(a)      il-verifika tal-identità u n-nazzjonalità tal-persuna u tal-awtentiċità u l-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-qsim tal-fruntiera, inkluż billi jkunu kkonsultati l-bażijiet ta’ data rilevanti [...]

(b)      il-verifika li persuna li tgawdi d-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni mhijiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri [...]

Fejn ikun hemm dubji dwar l-awtentiċità tad-dokument tal-ivvjaġġar jew l-identità tad-detentur tiegħu, għandu jiġi vverifikat mill-anqas wieħed mill-identifikaturi bijometriċi integrati fil-passaporti u fid-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 [tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Diċembru 2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU 2006, L 153M, p. 375)]. Fejn possibbli, tali verifika għandha titwettaq ukoll fir-rigward ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li mhumiex koperti minn dak ir-Regolament.

[...]”.

4.      Id-Direttiva 2004/38

17      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ ħruġ”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.

[...]

3.      Skond il-liġijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom joħorġu jew iġeddu għaċ-ċittadini tagħhom karta ta’ l-identità jew passaport li jiddikjara ċ-ċittadinanza tagħhom”.

18      L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ dħul”, jsemmi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

L-ebda visa ta’ dħul jew formalità ekwivalenti m’għandha tiġi mposta fuq iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni”.

19      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, jistabbilixxi:

“1.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.

20      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Formalitajiet amministrattivi għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(5), għal perjodi ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jirreġistraw ma’ l-awtoritajiet rilevanti.

[...]

3.      Biex jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu biss li:

–        iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għalihom japplika l-punt (a) ta’ l-Artikolu 7(1) jippreżentaw karta’ ta’ l-identità jew passaport li huma validi, konferma ta’ tħaddim minn dak li jħaddem jew ċertifikat ta’ xogħol, jew prova li huma persuni li jaħdmu għal rashom,

–        iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għalihom japplika l-punt (b) ta’ l-Artikolu 7(1) jippreżentaw karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi u jipprovdu prova li huma jissoddisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti hemm,

–        iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għalihom jirreferi l-punt (ċ) ta’ l-Artikolu 7(1) jippreżentaw karta’ ta’ l-identità jew passaport li huma validi, jipprovdu prova ta’ dħul f’istitut akkreditat u ta’ assigurazzjoni ta’ mard komprensiva u d-dikjarazzjoni jew mezzi ekwivalenti msemmija fil-punt (ċ) ta’ l-Artikolu 7(1). L-Istati Membri jistgħu ma jeħtieġux li din id-dikjarazzjoni tirreferi għal xi ammont speċifiku ta’ riżorsi”.

5.      IlFtehim Interistituzzjonali

21      Il-punti 12 u 14 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat‑13 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 123, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Interistituzzjonali”), jistabbilixxu:

“12.      [...]

Il-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodda biex tgħin lit-tliet Istituzzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni tajba u mhumiex sostitut għal deċiżjonijiet politiċi fil-proċess demokratiku tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. [...]

Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jkopru l-eżistenza, l-iskala u l-konsegwenzi ta’ problema u l-kwistjoni dwar jekk hix meħtieġa azzjoni mill-Unjoni jew le. Huma jeħtieġ li jidentifikaw soluzzjonijiet alternattivi u, fejn possibbli, l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali fuq perijodu qasir u fit-tul, filwaqt li jivvalutaw l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali b’mod integrat u bbilanċjat u jużaw kemm l-analiżi kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità għandhom jiġu rrispettati b’mod sħiħ, hekk kif għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali. [...] Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jkunu bbażati fuq informazzjoni preċiża, oġġettiva u kompluta u li jkunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-enfasi tagħhom.

13.      Il-Kummissjoni ser tagħmel valutazzjonijiet tal-impatt tal-inizjattivi leġislattivi [...] li jkunu mistennija jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti. Bħala regola ġenerali, l-inizjattivi inklużi fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni jew fid-dikjarazzjoni konġunta ser ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt.

[...] Ir-riżultati finali tal-valutazzjonijiet tal-impatt ser ikunu disponibbli għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] u l-Parlamenti nazzjonali, u ser ikunu ppubblikati flimkien mal-opinjoni(jiet) tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju meta tiġi adottata l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

14.      Il-Parlament [...] u l-Kunsill, meta jikkunsidraw il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni, ser jieħdu kont sħiħ tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni. Għal dan l-għan, il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jiġu ppreżentati b’tali mod li jiffaċilitaw il-kunsiderazzjoni mill-Parlament [...] u l-Kunsill tal-għażliet li tkun għamlet il-Kummissjoni”.

B.      Iddritt Ġermaniż

22      L-Artikolu 5 tal-Gesetz über Personalausweise und den elektronischen Identitätsnachweis (il-Liġi dwar il-Karti tal-Identità u l-Prova tal-Identità Elettronika), tat‑18 ta’ Ġunju 2009 (BGBl. I, p. 1346), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“PAuswG”), intitolat “Mudell ta’ karta tal-identità; id-data maħżuna”, fil-paragrafu 9 tiegħu jipprovdi:

“Iż-żewġ marki tas-swaba tal-applikant [għal karta tal-identità] li għandhom jinżammu fil-mezz ta’ ħżin elettroniku skont ir-Regolament [2019/1157] għandhom jinħażnu fil-mezz ta’ ħżin u ta’ pproċessar elettroniku tal-karta tal-identità fil-forma ta’ stampa ċatta tas-swaba’ tal-indiċi tax-xellug u tal-lemin. F’każ ta’ nuqqas ta’ seba’ tal-indiċi, jekk il-kwalità tal-marka tas-swaba ma tkunx biżżejjed jew jekk il-ponta tas-seba’ jkun danneġġat, l-istampar ċatt jew tas-seba’ l-oħxon, jew tas-seba’ tan-nofs jew tas-seba’ taċ-ċurkett għandu jinħażen bħala sostitut. Il-marki tas-swaba’ ma għandhomx jinħażnu jekk it-teħid tal-marki tas-swaba’ ma jkunx possibbli għal raġunijiet mediċi li ma humiex temporanji”.

23      Skont l-Artikolu 6(1) u (2) tal-PAuswG:

“(1)      Il-karti tal-identità għandhom jinħarġu għal perjodu ta’ validità ta’ għaxar snin.

(2)      Qabel l-iskadenza tal-validità ta’ karta tal-identità, tista’ tintalab karta tal-identità ġdida jekk jista’ jkun hemm interess leġittimu għall-ħruġ ta’ karta tal-identità ġdida”.

24      L-Artikolu 9 tal-PAuswG, intitolat “Ħruġ tal-karta”, jipprovdi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-karti tal-identità kif ukoll il-karti tal-identità provviżorji għandhom jinħarġu fuq talba lill-Ġermaniżi fis-sens tal-Artikolu 116(1) tal-Liġi Fundamentali”.

25      L-Artikolu 28 tal-PAuswG, intitolat “Invalidità”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“In-nuqqasijiet li jaffettwaw il-mezz elettroniku ta’ ħażna u ta’ pproċessar ma jaffettwawx il-validità tal-karta tal-identità”.

II.    Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

26      Fit‑30 ta’ Novembru 2021, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lill-belt ta’ Wiesbaden il-ħruġ ta’ karta tal-identità ġdida, minħabba li ċ-ċippa elettronika tal-karta l-qadima tiegħu kienet difettuża. Madankollu, huwa talab li l-karta l-ġdida ma tinkludix il-marki tas-swaba’ tiegħu.

27      Il-belt ta’ Wiesbaden ċaħdet din it-talba billi bbażat ruħha fuq żewġ raġunijiet. Minn naħa, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma għandux dritt għall-ħruġ ta’ karta tal-identità ġdida peress li kien diġà fil-pussess ta’ dokument ta’ identità validu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 28(3) tal-PAuswG, karta tal-identità żżomm il-validità tagħha anki jekk iċ-ċippa elettronika tagħha tkun difettuża. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, sa mit‑2 ta’ Awwissu 2021, l-integrazzjoni ta’ żewġ marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità hija obbligatorja skont l-Artikolu 5(9) tal-PAuswG, li jittrasponi l-Artikolu 3(5) tar-Regolament 2019/1157.

28      Fl‑21 ta’ Diċembru 2021, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex il-belt ta’ Wiesbaden tiġi ordnata toħroġlu karta tal-identità mingħajr ma’ jinġabru l-marki tas-swaba’ tiegħu.

29      Il-qorti tar-rinviju esprimiet id-dubji tagħha fir-rigward tal-legalita taż-żewġ raġunijiet tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, fir-rigward tat-tieni raġuni, hija inklinata li taħseb li l-validità tar-Regolament 2019/1157 jew, tal-inqas dik tal-Artikolu 3(5) tiegħu hija dubjuża.

30      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan ir-regolament kellux jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 77(3) TFUE u, konsegwentement, fi tmiem il-proċedura leġiżlattiva speċjali prevista minn din id-dispożizzjoni, pjuttost milli abbażi tal-Artikolu 21(2) TFUE u b’applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 77(3) TFUE jirreferi speċifikament għall-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta, fost oħrajn, dispożizzjonijiet fil-qasam tal-karta tal-identità u għalhekk hija dispożizzjoni iktar speċifika mill-Artikolu 21(2) TFUE. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 2252/2004, sa fejn jistabbilixxi regoli għall-karatteristiċi bijometriċi integrati fil-passaporti, kien validament ibbażat fuq il-punt 2(a) tal-Artikolu 62 KE, li issa jikkorrispondi għall-Artikolu 77(3) TFUE.

31      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tinvoka l-eżistenza possibbli ta’ difett proċedurali li vvizzja l-adozzjoni tar-Regolament 2019/1157. Fil-fatt, kif enfasizza l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem il-“KEPD”) fl-Opinjoni 7/2018 tiegħu, tal‑10 ta’ Awwissu 2018, dwar il-Proposta għal Regolament dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u ta’ dokumenti oħra (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni 7/2018”), it-teħid u l-ħażna ta’ marki tas-swaba’ jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali li għandha tkun is-suġġett tal-valutazzjoni tal-impatt skont l-Artikolu 35(10) tal-GDPR. Issa, f’dan il-każ, tali valutazzjoni ma twettqitx. B’mod partikolari, id-dokument li jakkumpanja l-imsemmija Proposta għal Regolament, intitolat “Analiżi tal-Impatt”, ma jistax jitqies li huwa valutazzjoni tal-impatt fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

32      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar speċifiku dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament 2019/1157 mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta dwar, rispettivament, ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali. Fil-fatt, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li joħorġu karti tal-identità li l-mezz ta’ ħażna tagħhom jinkludi żewġ marki tas-swaba’ jikkostitwixxi limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet irrikonoxxuti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Karta, limitazzjoni li tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

33      Issa, minn naħa, l-imsemmija limitazzjoni tista’ ma tissodisfax għan ta’ interess ġenerali. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, fis-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670), li l-ġlieda kontra d-dħul illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Unjoni hija għan irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-karta tal-identità ma hijiex, primarjament, dokument tal-ivvjaġġar, bħall-passaport, u l-għan tagħha huwa biss li tippermetti l-verifika tal-identità ta’ ċittadin tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tiegħu kemm ma’ awtoritajiet amministrattivi kif ukoll ma’ persuni privati terzi.

34      Min-naħa l-oħra, jekk jitqies li l-imsemmi regolament isegwi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, jeżistu dubji dwar il-proporzjonalità ta’ din l-istess limitazzjoni. Fil-fatt, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670), ma tkunx trasponibbli għar-Regolament 2019/1157, peress li hija relatata mal-passaporti li ż-żamma tagħhom, kuntrarjament għall-karti tal-identità, hija fakultattiva fil-Ġermanja u li l-użu tagħhom għandu għan differenti.

35      Min-naħa l-oħra, mill-Opinjoni 7/2018 jirriżulta li l-fatt li jiġu integrati u maħżuna marki tas-swaba’ jkollu effett kunsiderevoli, li jista’ jikkonċerna sa 370 miljun ċittadin tal-Unjoni u jissuġġetta potenzjalment 85 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni għat-teħid obbligatorju ta’ marki tas-swaba’. Issa, dan l-effett kunsiderevoli, flimkien man-natura sensittiva ħafna tad-data pproċessata (immaġni tal-wiċċ flimkien ma’ marki taż-żewġ swaba’), jimplika li l-limitazzjoni magħmula għall-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li tirriżulta mill-ġbir obbligatorju tal-marki tas-swaba’ għall-finijiet tal-istabbiliment tal-karti tal-identità, hija ikbar minn dik għall-passaporti, u dan jeżiġi, min-naħa l-oħra, ġustifikazzjoni iktar b’saħħitha kif ukoll eżami bir-reqqa tal-miżura inkwistjoni skont kriterju ta’ neċessità stretta.

36      Fi kwalunkwe każ, in-neċessità li jitwettaq stħarriġ strett ta’ proporzjonalità tirriżulta wkoll mill-Artikolu 9(1) tal-GDPR li jipprovdi li l-ipproċessar ta’ tali data bijometrika huwa, bħala prinċipju, ipprojbit u jista’ jiġi awtorizzat biss f’każijiet eċċezzjonali u strettament limitati.

37      F’dan il-kuntest, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li l-użu ta’ data bijometrika jnaqqas ir-riskju li dokument jista’ jiġi ffalsifikat, hija għandha dubji dwar jekk din is-sempliċi ċirkustanza tistax tiġġustifika l-portata tal-limitazzjoni magħmula għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fid-dawl, b’mod partikolari, tar-raġunijiet li ġejjin.

38      Qabel kollox, fl-Opinjoni 7/2018 tiegħu, il-KEPD enfasizza li tekniki oħra ta’ stampar sigur tad-dokumenti tal-identifikazzjoni, bħall-ologrammi jew il-marki tal-ilma, kienu nettament inqas intrużivi filwaqt li jippermettu ukoll li tiġi evitata l-falsifikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti u li tiġi vverifikata l-awtentiċità tagħhom. Barra minn hekk, il-fatt li d-dritt Ġermaniż jammetti li karta tal-identità li ċ-ċippa elettronika tagħha hija difettuża tibqa’ valida juri li l-elementi fiżiċi, b’mod partikolari l-mikro-ritratti jew is-sovraimpożizzjoni tar-ritratti sensittivi għall-ultravjola, huma suffiċjenti sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-imsemmija karti.

39      Sussegwentement, l-Artikolu 3(7) tar-Regolament 2019/1157 jawtorizza lill-Istati Membri jeżentaw lit-tfal ta’ inqas minn tnax-il sena mill-obbligu li jagħtu l-marki tas-swaba’ tagħhom u, fi kwalunkwe każ, jimponilhom li jeżentaw lit-tfal ta’ inqas minn sitt snin minn dan l-obbligu, li juri li t-teħid ta’ żewġ marki tas-swaba’ ma huwiex strettament neċessarju.

40      Barra minn hekk, l-Artikolu 3(5) tar-Regolament 2019/1157 ma josservax il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, stabbilit fl-Artikolu 5 tal-GDPR, li minnu jirriżulta li l-ġbir u l-użu ta’ data personali għandhom ikunu adegwati, rilevanti u limitati għal dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-għanijiet li għalihom hija pproċessata. Fil-fatt, għalkemm jippermetti li tiġi ffavorita l-interoperabbiltà tad-diversi tipi ta’ sistemi, il-ġbir ta’ żewġ marki tas-swaba’ kompleti, u mhux biss tal-punti karatteristiċi ta’ dawn il-marki (l-“irqaqat”), iżid ukoll il-kwantità ta’ data personali maħżuna u għalhekk ir-riskju ta’ serq tal-identità fil-każ ta’ żvelar ta’ data. Barra minn hekk, dan ir-riskju ma huwiex negliġibbli, peress li ċ-ċipep elettroniċi użati fil-karti tal-identità jistgħu jinqraw minn scanners mhux awtorizzati.

41      Fl-aħħar u essenzjalment, il-limitazzjoni imposta fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tista’ ma tkunx leġittima peress li, fl-Opinjoni 7/2018 tiegħu, il-KEPD irrileva li, meta ġie adottat ir-Regolament 2019/1157, in-numru ta’ karti tal-identità frawdolenti kien relattivament żgħir fi proporzjon man-numru ta’ karti maħruġa (38 870 karta frawdolenti kkonstatati bejn is-sena 2013 u s-sena 2017) u li dan in-numru kien ilu li naqas għal diversi snin.

42      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-obbligu dwar l-integrazzjoni u l-ħżin ta’ marki tas-swaba’ fil-karti tal-identità skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament [2019/1157], jikser id-dritt tal-Unjoni superjuri, b’mod partikolari:

a)      kontra l-Artikolu 77(3) TFUE,

b)      kontra l-Artikoli 7 u 8 tal- [Karta]

c)      kontra l-Artikolu 35(10) tal-[GDPR]

,u għalhekk abbażi ta’ wieħed minn dawn il-motivi huwa invalidu?”

III. Fuq iddomanda preliminari

43      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dan ir-Regolament 2019/1157 huwiex invalidu, kompletament jew parzjlament, minħabba li, l-ewwel, huwa ġie adottat fuq bażi legali żbaljata, it-tieni, jikser l-Artikolu 35(10) tal-GDPR, u, it-tielet, jikser l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

A.      Fuq lewwel motiv ta’ invalidità, ibbażat fuq lużu ta’ bażi legali żbaljata

44      L-ewwel motiv ta’ invalidità imqajjem mill-qorti tar-rinviju jirrigwarda l-punt dwar jekk, wara li kkunsidrat b’mod partikolari r-referenza espliċita għall-karti tal-identità misjuba fl-Artikolu 77(3) TFUE, kif ukoll is-soluzzjoni adottata fis-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670), ir-Regolament 2019/1157 kellu jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 77(3) u b’applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva speċjali li huwa jipprevedi, u mhux, kif kien il-każ, abbażi tal-Artikolu 21(2) TFUE.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

45      Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fejn fosthom jinsabu l-iskop u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 107, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 121).

46      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta fit-Trattati tkun teżisti dispożizzjoni iktar speċifika li tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali tal-att inkwistjoni, dan għandu jkun ibbażat fuq din id-dispożizzjoni (sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑490/10, EU:C:2012:525, punt 44, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u l‑Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fl-aħħar, jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan għandu diversi skopijiet jew li għandu diversi komponenti u jekk wieħed minn dawn l-skopijiet jew minn dawn il-komponenti jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-oħrajn huma biss anċillari jew għandhom biss portata estremament limitata, il-bażi legali sabiex jiġi adottat dan l-att għandha tiġi ddeterminata skont dan l-iskop jew komponent prinċipali. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB Antartiku), C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 77, kif ukoll l-Opinjoni 1/19 (Konvenzjoni ta’ Istanbul), tas‑6 ta’ Ottubru 2021, EU:C:2021:832, punt 286).

2.      Fuq ilkampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi talArtikolu 21(2) TFUE u talArtikolu 77(3) TFUE

48      L-Artikolu 21(2) TFUE jipprovdi li, jekk tidher neċessarja azzjoni tal-Unjoni sabiex tiggarantixxi lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, u sakemm it-Trattati ma jkunux ipprevedew setgħat ta’ azzjoni għal dan l-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

49      Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Unjoni kompetenza ġenerali sabiex tadotta d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, imsemmi fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE, bla ħsara għas-setgħat ta’ azzjoni previsti għal dan l-għan mit-Trattati.

50      Issa, b’differenza mill-Artikolu 21(2) TFUE, l-Artikolu 77(3) TFUE jipprevedi espliċitament tali setgħat ta’ azzjoni f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ miżuri dwar passaporti, dwar karti tal-identità, dwar permessi ta’ residenza jew dwar kull dokument simili ieħor maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt, imsemmi fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE, ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri.

51      Huwa minnu li l-Artikolu 77(3) TFUE jinsab fit-Titolu V ta’ dan it-trattat, iddedikat għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u, b’mod iktar preċiż, fil-Kapitolu 2 ta’ dan it-titolu, intitolat “Politika dwar kontrolli fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni”. Madankollu, skont l-Artikolu 77(1) TFUE, l-Unjoni għandha tiżviluppa politika intiża li tiżgura kemm l-assenza ta’ kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni, kif ukoll il-kontroll tal-persuni u s-sorveljanza effettiva tal-qsim tal-fruntieri esterni, kif ukoll li tistabbilixxi progressivament sistema integrata ta’ ġestjoni ta’ dawn il-fruntieri. Issa, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-passaporti, il-karti tal-identità, il-permessi ta’ residenza jew kull dokument simili ieħor imsemmija fil-bażi ta’ kompetenza previst f’dan l-Artikolu 77(3) jagħmlu parti integrali minn tali politika tal-Unjoni. Fil-fatt, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, dawn id-dokumenti jippermettulhom b’mod partikolari li jikkonfermaw il-kwalità tagħhom ta’ benefiċjarji tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri u għalhekk li jeżerċitaw dan id-dritt. Għaldaqstant, l-imsemmi Artikolu 77(3) jista’ jservi ta’ bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri relatati mal-imsemmija dokumenti jekk tali azzjoni tidher neċessarja sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt, previst fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE.

52      Din l-interpretazzjoni tal-portata materjali tal-Artikolu 77(3) TFUE la tista’ tiġi invalidata mill-iżvilupp storiku li t-trattati kellhom fil-qasam tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta miżuri dwar passaporti, dwar karti tal-identità, dwar permessi ta’ residenza u dwar kull dokumenti simili oħra, li jirreferu għalihom il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u lanqas mill-fatt, invokat mill-Gvern Ġermaniż, li din id-dispożizzjoni tipprevedi li hija tiġi applikata “biss jekk it-Trattati jkunu pprovdew is-setgħat meħtieġa”.

53      Ċertament, it-Trattat ta’ Lisbona ħassar id-dispożizzjoni preċedentement stabbilita fl-Artikolu 18(3) KE, li kienet teskludi espressament il-possibbiltà għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrikorri għall-Artikolu 18(2) KE (li sar l-Artikolu 21(2) TFUE) bħala bażi legali għall-adozzjoni kemm ta’ “disposizzjonijiet rigward passaporti, karti ta’ l-identità, permessi ta’ residenza jew xi dokumenti oħra bħalhom”, kif ukoll ta’ “disposizzjonijiet dwar sigurtà soċjali jew protezzjoni soċjali”. Madankollu, dan it-trattat ta, fl-istess ħin, espressament lill-Unjoni setgħa ta’ azzjoni f’dawn iż-żewġ oqsma, jiġifieri, minn naħa, fl-Artikolu 21(3) TFUE fir-rigward tas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 77(3) TFUE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-passaporti, il-karti tal-identità, il-permessi ta’ residenza jew kull dokument simili ieħor, u ssuġġetta l-adozzjoni tal-miżuri fl-imsemmija oqsma għal proċedura leġiżlattiva speċjali, u b’mod partikolari għal vot unanimu fil-Kunsill.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-imsemmi tħassir tad-dispożizzjoni preċedentement stabbilita fl-Artikolu 18(3) KE, ma jistax jiġi dedott li minn issa ’l quddiem huwa possibbli li jiġu adottati “disposizzjonijiet rigward passaporti, karti ta’ l-identità, permessi ta’ residenza jew xi dokumenti oħra bħalhom” abbażi tal-Artikolu 21(2) TFUE. Għall-kuntrarju, mill-evoluzzjoni storika jirriżulta li l-awturi tat-Trattati, permezz tal-Artikolu 77(3) TFUE, kellhom l-intenzjoni li jagħtu lill-Unjoni kompetenza iktar speċifika għall-adozzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet intiżi li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, iggarantit fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE, mill-kompetenza iktar ġenerali prevista f’dan l-Artikolu 21(2).

55      Barra minn hekk, l-indikazzjoni li tinsab fl-Artikolu 77(3) TFUE li tipprovdi li din id-dispożizzjoni tapplika “biss jekk it-Trattati jkunu pprovdew is-setgħat meħtieġa” għandha tinftiehem, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tat-Trattat FUE, fis-sens li s-setgħat ta’ azzjoni hekk imsemmija ma humiex dawk mogħtija minn dispożizzjoni li għandha portata iktar ġenerali, bħall-Artikolu 21(2) TFUE, iżda minn dispożizzjoni iktar speċifika.

56      Għaldaqstant, l-adozzjoni tar-Regolament 2019/1157 setgħet tkun ibbażata fuq l-Artikolu 21(2) TFUE biss bil-kundizzjoni li l-iskop jew il-komponent prinċipali jew predominanti ta’ dan ir-regolament ikun jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-Artikolu 77(3) TFUE, jiġifieri l-ħruġ ta’ passaporti, ta’ karti tal-identità, ta’ permessi ta’ residenza jew ta’ kull dokument simili ieħor, sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE.

3.      Fuq liskop jew ilkomponent prinċipali jew predominanti tarRegolament 2019/1157

57      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-iskop tar-Regolament 2019/1157, l-Artikolu 1 tiegħu jistabbilixxi li huwa għandu bħala għan it-tisħiħ tal-istandards tas-sigurtà applikabbli għall-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom, kif ukoll għad-dokumenti ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

58      Fl-istess sens, il-premessa 46 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li l-għanijiet ta’ dan tal-aħħar huma li “titjieb is-sigurtà” ta’ dawn id-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità “sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom”, kif jikkonfermaw ukoll il-premessi 1, 2, 5, 17, 28, 29 u 36 tal-imsemmi regolament.

59      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontenut tar-Regolament 2019/1157, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar jinkludi 16-il artikolu. L-Artikoli 1 u 2 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxu, rispettivament, is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni. L-Artikoli 3 u 4 kif ukoll 6 u 7 tal-imsemmi regolament, li jikkostitwixxu l-komponenti prinċipali, jistabbilixxu, fost oħrajn, ir-rekwiżiti f’termini ta’ sigurtà, ta’ kontenut, ta’ format jew ta’ speċifikazzjonijiet li l-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri għandhom josservaw, filwaqt li l-Artikoli 5 u 8 tal-istess regolament jipprevedu t-tneħħija progressiva tal-karti tal-identità u tal-karti ta’ residenza li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li huwa jistabbilixxi. Fl-aħħar, l-Artikoli 9 sa 16 tar-Regolament 2019/1157 jippreċiżaw il-mod li bih għandhom jiġu implimentati l-obbligi li huwa jipprevedi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi u l-protezzjoni tad-data personali.

60      Ċertament, l-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/1157 jindika li dan japplika mhux biss għall-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom stess, iżda wkoll għaċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38 liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu ilhom residenti għal iktar minn tliet xhur fi Stat Membru ospitanti u għad-dokumenti li jiċċertifikaw ir-residenza permanenti maħruġa skont l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, liema ċertifikati u dokumenti ma jistgħux jiġu assimilati mal-karti tal-identità, mal-passaporti jew mal-permessi ta’ residenza. Madankollu, ir-Regolament 2019/1157 ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li tirregola dawn iċ-ċertifikati u huwa limitat biex jindika, fl-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6, li d-dokumenti ta’ residenza maħruġa mill-Istat Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jinkludu l-informazzjoni li għandha tidher fiċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni u fid-dokumenti li jagħtu prova tal-permanenza tar-residenza skont, rispettivament, l-Artikoli 8 u 19 tad-Direttiva 2004/38. Bħala konsegwenza, l-iskop u l-komponent ta’ dan ir-regolament li huma marbuta ma’ dawn iċ-ċertifikati għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom portata estremament limitata, tali li l-bażi legali tal-imsemmi regolament ma tistax tiġi determinata fir-rigward ta’ dan l-iskop jew ta’ dan il-komponent.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-iskop u mill-komponenti prinċipali tar-Regolament 2019/1157 jirriżulta li dan jinsab fost l-atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-Artikolu 77(3) TFUE, kif identifikat fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza.

62      Konsegwentement, billi adotta r-Regolament 2019/1157 abbażi tal-Artikolu 21(2) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser l-Artikolu 77(3) TFUE u uża proċedura leġiżlattiva mhux xierqa.

63      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv ta’ invalidità invokat mill-qorti tar-rinviju, ibbażat fuq il-fatt li r-Regolament 2019/1157 ġie adottat b’mod żbaljat abbażi tal-Artikolu 21(2) TFUE u b’applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, huwa ta’ natura li jwassal għall-invalidità ta’ dan ir-regolament.

B.      Fuq ittieni motiv ta’ invalidità, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza talArtikolu 35(10) talGDPR

64      It-tieni motiv ta’ invalidità invokat mill-qorti tar-rinviju huwa ppreżentat bħala li huwa bbażat fuq il-fatt li r-Regolament 2019/1157 kien ġie adottat mingħajr ma twettqet valutazzjoni tal-impatt relatata mal-protezzjoni tad-data, bi ksur tal-Artikolu 35(10) tal-GDPR.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 35(1) tal-GDPR jipprovdi li, meta tip ta’ pproċessar, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda, u fid-dawl tan-natura, tal-portata, tal-kuntest u tal-għanijiet tal-ipproċessar, ikun jista’ joħloq riskju għoli għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu jwettaq, qabel l-ipproċessar, valutazzjoni tal-impatt tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali. L-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li tali valutazzjoni hija meħtieġa fil-każ ta’ pproċessar fuq skala kbira ta’ kategoriji partikolari ta’ data msemmija fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, bħad-data bijometrika sabiex tiġi identifikata persuna fiżika b’mod uniku.

66      Peress li, f’dan il-każ, ir-Regolament 2019/1157 ma jwettaq huwa stess ebda operazzjoni applikata għal data jew għal settijiet ta’ data personali, iżda sempliċement jipprevedi t-twettiq mill-Istati Membri ta’ ċertu pproċessar fil-każ ta’ talba għal karta tal-identità, għandu jiġi kkonstatat li l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament ma kinitx suġġetta għat-twettiq minn qabel ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar previsti, fis-sens tal-Artikolu 35(1) tal-GDPR. Issa, l-Artikolu 35(10) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi deroga mill-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament.

67      Minn dan isegwi li, peress li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 35(1) tal-GDPR ma kienx intiż li jiġi applikat fil-waqt tal-adozzjoni tar-Regolament 2019/1157, din l-adozzjoni ma setgħetx tikser l-Artikolu 35(10) tar-Regolament 2016/679.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 35(10) tal-GDPR, ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-invalidità tar-Regolament 2019/1157.

C.      Fuq ittielet motiv ta’ invalidità, ibbażat fuq l-inkompatibbiltà talArtikolu 3(5) tar-Regolament 2019/1157 mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

69      It-tielet motiv ta’ invalidità tar-Regolament 2019/1157 invokat mill-qorti tar-rinviju jirrigwarda l-punt dwar jekk l-obbligu li jiġu integrati żewġ marki tas-swaba’ kompleti fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri, previst fl-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament, jinvolvix limitazzjoni mhux iġġustifikata tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

1.      Fuq leżistenza ta’ limitazzjoni

70      L-Artikolu 7 tal-Karta jipprevedi, b’mod partikolari, li kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħha. Skont l-Artikolu 8(1) tagħha, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha. Minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, jirriżulta li, bħala prinċipju, kull ipproċessar tad-data personali minn terz jista’ jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet imsemmija (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 25).

71      F’dan il-każ, l-Artikolu 3(5) tar-Regolament 2019/1157 jipprovdi li l-mezz ta’ ħażna sigur ħafna li għandu jintegra l-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom stess għandu jkun fih data bijometrika, jiġifieri immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba’ f’formati diġitali interoperabbli.

72      Issa, tali data personali tippermetti l-identifikazzjoni preċiża tal-persuni fiżiċi kkonċernati u għandha sensittività partikolari minħabba riskji sinjifikattivi għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali li l-użu tagħha jista’ jippreżenta, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 51 tal-GDPR, regolament li japplika għad-data inkwistjoni, kif tfakkar il-premessa 40 tar-Regolament 2019/1157.

73      Konsegwentement, l-obbligu li jiġu integrati żewġ marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità, previst fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament 2019/1157, jikkostitwixxi limitazzjoni kemm tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata kif ukoll tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

74      Barra minn hekk, dan l-obbligu jimplika t-twettiq minn qabel ta’ żewġ operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali suċċessivi, jiġifieri l-ġbir tal-imsemmija marki tas-swaba’ mingħand il-persuna kkonċernata u sussegwentement il-ħażna provviżorja tagħhom għall-finijiet tal-personalizzazzjoni tal-karti tal-identità, liema operazzjonijiet huma rregolati mill-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament. L-imsemmija operazzjonijiet jikkostitwixxu wkoll limitazzjonijiet għad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

2.      Fuq ilġustifikazzjoni tallimitazzjoni

75      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti rispettivament fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, SpaceNet u Telekom Deutschland, C‑793/19 u C‑794/19, EU:C:2022:702, punt 63).

76      Għaldaqstant, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet, sakemm, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn ikunu previsti mil-liġi u jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet. Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk dawn ikunu neċessarji u jkunu jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew ikunu jissodisfaw il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(2) tal-Karta jippreċiża li d-data personali għandha, b’mod partikolari, tiġi pproċessata “għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi”.

a)      Fuq losservanza talprinċipju ta’ legalità 

77      Fir-rigward tar-rekwiżit, stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi, għandu jitfakkar li dan ir-rekwiżit jimplika li l-att li jippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandu jiddefinixxi huwa stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat, filwaqt li huwa ppreċiżat, minn naħa, li dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata f’termini suffiċjentement miftuħa sabiex tkun tista’ tiġi adattata għal każijiet differenti kif ukoll għall-bidliet fis-sitwazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tippreċiża, permezz ta’ interpretazzjoni, il-portata konkreta tal-limitazzjoni fir-rigward kemm tat-termini stess tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll tal-istruttura ġenerali tagħha u tal-għanijiet imfittxija minnha, kif interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 114).

78      F’dan il-każ, il-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżultaw mill-obbligu li jiġu integrati żewġ marki tas-swaba’ kompleti fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-portata ta’ dawn il-limitazzjonijiet huma ddefiniti b’mod ċar u preċiż mill-Artikolu 3(5) u mill-Artikolu 10(1) u (3) tar-Regolament 2019/1157, adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u li l-effetti tagħhom ser jinżammu permezz ta’ din is-sentenza.

79      Konsegwentement, l-imsemmija limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta jissodisfaw il-prinċipju ta’ legalità msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

b)      Fuq irrispett talkontenut essenzjali taddrittijiet fundamentali ggarantiti flArtikoli 7 u 8 talKarta

80      Għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta mill-marki tas-swaba’ ma tippermettix, waħedha, li tingħata deskrizzjoni tal-ħajja privata u tal-familja tal-persuni kkonċernati.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-limitazzjoni li jinvolvi l-obbligu li jiġu integrati żewġ marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri, previst fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament 2019/1157, ma tippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 120).

c)      Fuq losservanza talprinċipju ta’ proporzjonalità

82      Kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, sabiex ikunu jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti minnha b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawn il-limitazzjonijiet għandhom ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

83      B’mod iktar speċifiku, id-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, peress li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża minn dawn. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jiġi leġittimament segwit mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa għandu jkun irrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura inkwistjoni, u dan billi jinstab bilanċ bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din il-miżura ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa. Għalhekk, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata limitazzjoni għad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandha tiġi evalwata billi titkejjel il-gravità tal-indħil li tinvolvi tali limitazzjoni u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali segwit minn din il-limitazzjoni hija marbuta ma’ din il-gravità (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84      Konsegwentement, sabiex jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, l-indħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta mill-obbligu li jiġu integrati żewġ marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità, previst fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament 2019/1157, josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel, jekk din il-miżura ssegwix għan wieħed jew iktar ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni u hijiex effettivament adatta sabiex tilħaq dawn l-għanijiet, it-tieni, jekk l-indħil li jirriżulta minn dan huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, fis-sens li l-imsemmija għanijiet ma jistgħux raġonevolment jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li jippreġudikaw inqas dawn id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, u, it-tielet, jekk l-imsemmi ndħil ma huwiex sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet, li jimplika b’mod partikolari bbilanċjar ta’ dawn l-għanijiet u tal-gravità tal-imsemmi ndħil (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 66, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 42).

1)      Fuq ittfittxija ta’ wieħed jew ta’ iktar millgħanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti millUnjoni u lkapaċità talmiżura li tilħaq dawn lgħanijiet

i)      Fuq innatura ta’ interess ġenerali tal-għanijiet imfittxija millmiżura inkwistjoni

85      Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament 2019/1157 għandu l-għan li jsaħħaħ l-istandards ta’ sigurtà applikabbli, b’mod partikolari, għall-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

86      B’mod iktar speċifiku u kif jirriżulta mill-premessi 4, 5, 17 sa 20, u 32 tar-Regolament 2019/1157, l-integrazzjoni tad-data bijometrika, li tinkludi żewġ marki tas-swaba’ kompleti, fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità hija intiża li tiggarantixxi l-awtentiċità tal-imsemmija karti kif ukoll li tippermetti l-identifikazzjoni affidabbli tad-detentur tagħhom, filwaqt li tikkontribwixxi, konformement mal-premessi 23 u 33 kif ukoll mal-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament, għall-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni, bl-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ falsifikazzjoni u ta’ frodi tad-dokumenti.

87      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi, fir-rigward tal-ħruġ tal-passaporti (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punti 36 sa 38) kif ukoll tal-istabbiliment ta’ fajl ta’ identifikazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, A et, C‑70/18, EU:C:2019:823, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li l-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti, li tinkludi, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-produzzjoni ta’ karti tal-identità foloz u kontra s-serq tal-identità, tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni.

88      Fir-rigward tal-għan ta’ interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni, dan għandu wkoll tali natura peress li, kif jirriżulta mill-premessa 17 tar-Regolament 2019/1157, dan jikkontribwixxi sabiex jiffaċilita l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tad-dritt rrikonoxxut lilhom mill-Artikolu 20 TFUE li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

ii)    Fuq lkapaċità talmiżura inkwistjoni sabiex tissodisfa effettivament lgħanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija

89      F’dan il-każ, l-integrazzjoni ta’ żewġ marki tas-swaba’ kompleti fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali tal-ġlieda kontra l-produzzjoni ta’ karti tal-identità foloz u s-serq tal-identità kif ukoll tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika, imressqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiġġustifika din il-miżura.

90      Fil-fatt, qabelxejn, l-integrazzjoni ta’ data bijometrika, bħal marki tas-swaba’ diġitali, fil-karti tal-identità tista’ tirrendi iktar diffiċli l-produzzjoni ta’ karti tal-identità foloz, sa fejn, b’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament 2019/1157, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, tali data għandha tinħażen skont speċifikazzjonijiet tekniċi preċiżi u tista’ tinżamm sigrieta.

91      Sussegwentement, l-integrazzjoni ta’ tali data bijometrika tikkostitwixxi mezz li jippermetti, konformement mal-Artikolu 11(6) u mal-premessi 18 u 19 tar-Regolament 2019/1157, li tiġi vverifikata, b’mod affidabbli, l-awtentiċità tal-karta tal-identità u l-identità tad-detentur tal-karta, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ frodi.

92      Fl-aħħar, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi l-integrazzjoni tal-marki tas-swaba’ kompluti tidher ukoll li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika tal-karti tal-identità peress li l-użu tal-marki tas-swaba’ kompleti jippermetti li tiġi żgurata kompatibbiltà mas-sistemi awtomatizzati kollha ta’ identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ użati mill-Istati Membri, minkejja li tali sistemi ma jużawx neċessarjament l-istess mekkaniżmu ta’ identifikazzjoni.

93      Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-Artikolu 3(7) tar-Regolament 2019/1157 jawtorizza, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, lill-Istati Membri jeżentaw mill-ġbir tal-marki tas-swaba’ tagħhom b’mod partikolari t-tfal ta’ inqas minn tnax-il sena u jimponilhom ukoll, fit-tieni subparagrafu tiegħu, li jeżentaw lit-tfal ta’ inqas minn sitt snin minn din il-ġabra.

94      Ċertament, leġiżlazzjoni tkun adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat biss jekk il-miżuri li hija tipprevedi jirrispondu verament għar-rieda li dan jintlaħaq u jekk dawn jiġu implimentati b’mod koerenti u sistematiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nordic Info, C‑128/22, EU:C:2023:951, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Madankollu, ir-Regolament 2019/1157 jissodisfa dan ir-rekwiżit minkejja li jipprevedi eżenzjonijiet għall-obbligu li jipproċedi għall-ġbir tal-marki tas-swaba’ tat-tfal, peress li, kif jirriżulta mill-premessa 26 tiegħu, dawn l-eżenzjonijiet huma intiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tat-tfal.

96      L-istess japplika fir-rigward tar-regola stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament 2019/1157, li tgħid li l-karti tal-identità li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jitilfu l-validità tagħhom biss meta jiskadu jew sa mhux iktar tard mit‑3 ta’ Awwissu 2031. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jqis li tali perijodu tranżitorju kien xieraq sabiex jiġi evitat għall-Istati Membri l-obbligu li joħorġu karti tal-identità ġodda għall-persuni kkonċernati kollha f’perijodu qasir ħafna, mingħajr madankollu ma jqiegħed inkwistjoni l-effikaċja fit-tul tal-miżuri previsti minn dan ir-regolament.

97      Fir-rigward tal-fatt li ċerti Stati Membri jipprevedu fil-leġiżlazzjoni tagħhom li l-karti tal-identità li huma joħorġu jibqgħu validi minkejja n-natura difettuża tal-mezz elettroniku ta’ ħażna, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali leġiżlazzjonijiet huma kompatibbli mar-Regolament 2019/1157 biss sa fejn il-perijodu tranżitorju msemmi fil-punt preċedenti jkun għadda.

2)      Fuq innatura neċessarja talużu talmiżura inkwistjoni sabiex jintlaħqu lgħanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija

98      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju stess li jiġu integrati marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità, għandu jitfakkar li l-marki tas-swaba’ jikkostitwixxu mezzi affidabbli u effikaċi sabiex tiġi stabbilita b’ċertezza l-identità ta’ persuna u li l-proċess użat għall-finijiet tal-ġbir ta’ dawn il-marki tas-swaba’ huwa sempliċi biex jiġi implimentat.

99      B’mod partikolari, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tagħha, is-sempliċi inklużjoni ta’ immaġni tal-wiċċ tikkostitwixxi mezz ta’ identifikazzjoni inqas effikaċi mill-inklużjoni, minbarra din l-immaġni, ta’ żewġ marki tas-swaba’, peress li x-xjuħija, il-mod ta’ ħajja, il-marda jew intervent kirurġiku estetiku jew ta’ rikostruzzjoni jistgħu ibiddlu l-karatteristiċi anatomiċi tal-wiċċ.

100    Huwa minnu li l-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni li takkumpanja l-proposta għal regolament li wassal għar-Regolament 2019/1157 indikat li kellha tingħata prijorità lill-għażla li ma ssirx obbligatorja l-integrazzjoni ta’ żewġ marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità.

101    Madankollu, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni stess għażlet li ma żżommx din l-għażla fil-proposta leġiżlattiva tagħha, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Ftehim Interistituzzjonali jipprevedi, fil-punt 14 tiegħu, li, waqt l-eżami tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, dan l-istess ftehim jindika, fil-punt 12 tiegħu, li tali valutazzjonijiet “huma għodda biex tgħin lit-tliet Istituzzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni tajba u mhumiex sostitut għal deċiżjonijiet politiċi fil-proċess demokratiku tat-teħid ta’ deċiżjonijiet”. Konsegwentement, minkejja li huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill ma humiex marbuta bil-kontenut tagħhom, b’mod partikolari, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 159, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

102    Konsegwentement, is-sempliċi fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta miżuri differenti u, skont il-każ, iktar vinkolanti minn dawk rrakkomandati fl-aħħar tal-valutazzjoni tal-impatt ma huwiex tali li juri li huwa eċċeda l-limiti ta’ dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 65).

103    F’dan il-każ, l-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni kkonstatat li l-għażla li tirrendi obbligatorja l-integrazzjoni tal-marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità kienet l-iktar effettiva sabiex jintlaħaq l-għan speċifiku tal-ġlieda kontra l-produzzjoni ta’ karti tal-identità foloz u ta’ titjib tal-awtentikazzjoni tad-dokumenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għażla li tikkonsisti f’li ma ssirx obbligatorja tali integrazzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tqiegħed inkwistjoni n-neċessità, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, tal-miżura adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

104    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-integrazzjoni taż-żewġ marki tas-swaba’ kompleti pjuttost milli biss ta’ wħud mill-punti karatteristiċi ta’ dawn il-marki (l-“irqaqat”), minn naħa, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tagħha, l-irqaqat ma għandhomx l-istess garanziji bħal marka kompleta. Min-naħa l-oħra, l-integrazzjoni ta’ marka kompleta hija neċessarja għall-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika tad-dokumenti tal-identifikazzjoni, li huwa wieħed mill-għanijiet essenzjali mfittxija. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 47 tal-Opinjoni 7/2018 u kif tenfasizza wkoll il-qorti tar-rinviju, l-Istati Membri jużaw teknoloġiji differenti għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’, b’tali mod li l-fatt li jiġu integrati fil-mezz ta’ ħażna tal-karta tal-identità biss ċerti karatteristiċi ta’ marki tas-swaba’ jkollu l-effett li jikkomprometti l-kisba tal-għan tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni imfittxija mir-Regolament 2019/1157.

105    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-limitazzjonijiet imposti fuq id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżultaw mill-obbligu li jiġu integrati żewġ marki tas-swaba’ kompleti fil-mezz ta’ ħażna jidhru li josservaw il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

3)      Fuq leżistenza ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, ilgravità talindħil vis-a-vis iddrittijiet fundamentali preżenti u, minnaħa l-oħra, lgħanijiet imfittxija minn din ilmiżura

i)      Fuq ilgravità talindħil ikkawżat milllimitazzjoni għalleżerċizzju taddrittijiet iggarantiti flArtikoli 7 u 8 talKarta

106    L-evalwazzjoni tal-gravità tal-indħil li jikkawża limitazzjoni għad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta timplika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tad-data personali kkonċernata, b’mod partikolari n-natura possibbilment sensittiva ta’ din id-data, kif ukoll in-natura u l-modalitajiet konkreti tal-ipproċessar tad-data, b’mod partikolari n-numru ta’ persuni li għandhom aċċess għal din id-data u l-modalitajiet ta’ aċċess għal din tal-aħħar. Jekk ikun il-każ, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-eżistenza ta’ miżuri intiżi sabiex jipprevjenu r-riskju li din id-data tkun is-suġġett ta’ ipproċessar abbużiv.

107    F’dan il-każ, il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li tirriżulta mir-Regolament 2019/1157 ċertament tista’ tikkonċerna numru kbir ta’ persuni, peress li dan in-numru ġie evalwat mill-Kummissjoni fl-valutazzjoni tal-impatt tagħha għal 370 miljun abitant fuq l-440 miljun abitant li kellha l-Unjoni. Il-marki tas-swaba’, bħala data bijometrika, għandhom, min-natura tagħhom, sensittività partikolari, li tgawdi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 51 tal-GDPR, minn protezzjoni speċifika fid-dritt tal-Unjoni.

108    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-ġbir u l-ħażna ta’ żewġ marki tas-swaba’ kompluti huma awtorizzati mir-Regolament 2019/1157 biss sabiex dawn il-marki tas-swaba’ jiġu integrati fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità.

109    Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 10(3) tiegħu, jirriżulta li, ladarba titwettaq din l-integrazzjoni u l-karta tal-identità tinħareġ lill-persuna kkonċernata, il-marki tas-swaba’ miġbura jinżammu biss fil-mezz ta’ ħażna tal-imsemmija karta, li huwa, bħala prinċipju, fiżikament miżmum minn din il-persuna.

110    Fl-aħħar, ir-Regolament 2019/1157 jipprevedi sett ta’ garanziji intiżi li jillimitaw ir-riskji li, fl-implimentazzjoni tiegħu, tinġabar jew tintuża data personali għal finijiet oħra minbarra t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnu, u dan mhux biss fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali li dan ir-regolament jagħmel obbligatorji, iżda wkoll fir-rigward tal-ipproċessar prinċipali li għalih jistgħu jkunu suġġetti l-marki tas-swaba’ integrati fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità.

111    Għalhekk, fir-rigward, l-ewwel, tal-ġbir tad-data, l-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament 2019/1157 jistabbilixxi li l-identifikaturi bijometriċi jinġabru “biss minn persunal kwalifikat u debitament awtorizzat” u li dan il-persunal għandu jikkonforma ruħu ma’ “proċeduri xierqa u effettivi għall-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi”, peress li dawn il-proċeduri għandhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji stabbiliti fil-Karta, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 3(7) ta’ dan ir-regolament jinkludi regoli speċjali għat-tfal ta’ inqas minn tnax-il sena (l-ewwel u t-tieni subparagrafi) kif ukoll għall-persuni li huwa fiżikament impossibbli li jittieħdulhom l-marki tas-swaba’ (it-tielet subparagrafu), peress li dawn l-aħħar persuni huma “eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’”.

112    It-tieni, fir-rigward tal-ħżin tad-data, minn naħa, ir-Regolament 2019/1157 jobbliga lill-Istati Membri jwettqu l-ħażna, bħala data bijometrika, ta’ immaġni tal-wiċċ u ta’ żewġ marki tas-swaba’. F’dan ir-rigward, il-premessa 21 ta’ dan ir-regolament espressament tippreċiża li ma jipprovdix “bażi ġuridika għall-istabbiliment jew iż-żamma ta’ bażijiet ta’ data fil-livell nazzjonali għall-ħżin ta’ data bijometrika fl-Istati Membri, li hija kwistjoni ta’ liġi nazzjonali li trid tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data” u lanqas ma jipprovdi “bażi ġuridika għall-istabbiliment jew iż-żamma ta’ bażi ta’ data ċentralizzata fil-livell tal-Unjoni”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament jipprevedi li dawn l-“identifikaturi bijometriċi [...] għandhom jinżammu [...] biss sad-data tal-ġbir tad-dokument u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-ħruġ ta’ dak id-dokument” u jippreċiża li, “[w]ara dan il-perjodu, dawn l-identifikaturi bijometriċi għandhom jitħassru jew jinqerdu minnufih”.

113    B’mod partikolari jirriżulta li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament 2019/1157 ma jippermettix lill-Istati Membri jipproċessaw id-data biometrika għal skopijiet oħra minbarra dawk previsti f’dan ir-regolament. Barra minn hekk, din l-istess dispożizzjoni tipprekludi żamma ċentralizzata ta’ marki tas-swaba’ li tmur lil hinn mill-ħażna provviżorja ta’ dawn il-marki għall-finijiet tal-personalizzazzjoni tal-karti tal-identità.

114    Fl-aħħar, l-Artikolu 11(6) tar-Regolament 2019/1157 isemmi l-possibbiltà li d-data bijometrika li tinsab fil-mezz ta’ ħażna sigur tkun tista’ tintuża, konformement mad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt nazzjonali, mill-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-aġenziji tal-Unjoni.

115    Fir-rigward tal-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, dan jawtorizza l-użu ta’ data biometrika maħżuna fuq il-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità u tad-dokumenti ta’ residenza għall-finijiet tal-verifika tal-awtentiċità tal-karta tal-identità jew tad-dokument ta’ residenza.

116    Fir-rigward tal-punt (b) tal-imsemmija dispożizzjoni, dan jipprevedi li d-data bijometrika maħżuna fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità u tad-dokumenti ta’ residenza tista’ tintuża sabiex tiġi vverifikata l-identità tad-detentur “permezz ta’ karatteristiċi komparabbli direttament disponibbli meta jkun obbligatorju bil-liġi li tintwera l-karta tal-identità jew jintwera d-dokument ta’ residenza”. Issa, tali pproċessar jista’ jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, biss għal finijiet strettament limitati għall-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata u f’kundizzjonijiet iddefiniti b’mod preċiż mil-liġi li jeħtieġu l-preżentazzjoni tal-karta tal-identità jew tad-dokument ta’ residenza.

117    F’dak li jirrigwarda, it-tielet, il-konsultazzjoni tad-data bijometrika rreġistrata fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa 19 tar-Regolament 2019/1157 tistabbilixxi ordni ta’ prijorità fl-użu tal-mezzi ta’ verifika tal-awtentiċità tad-dokument u tal-identità tad-detentur, billi tipprevedi li l-Istati Membri għandhom “jivverifikaw primarjament l-immaġni tal-wiċċ” u, jekk neċessarju, sabiex jikkonfermaw mingħajr dubju l-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur, “jivverifikaw [...] il-marki tas-swaba’”.

118    Fir-rigward, ir-raba’, tar-riskju ta’ aċċess mhux awtorizzat għad-data maħżuna, l-Artikolu 3(5) u (6) tar-Regolament 2019/1157 jipprevedi, sabiex dan ir-riskju jiġi limitat kemm jista’ jkun, li l-marki tas-swaba’ għandhom jinħażnu f’“mezz ta’ ħżin sigur ħafna”, li għandu “biżejjed kapaċità biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data”. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament li, “[m]eta l-Istati Membri jaħżnu data għas-servizzi elettroniċi, bħall-gvern elettroniku u l-kummerċ elettroniku, fil-karti tal-identità, tali data nazzjonali għandha tkun fiżikament jew loġikament separata”, b’mod partikolari, mill-marki tas-swaba’ miġbura u maħżuna abbażi tal-imsemmi regolament. Fl-aħħar, mill-premessi 41 u 42 kif ukoll mill-Artikolu 11(4) tal-istess regolament jirriżulta li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-ipproċessar korrett tad-data bijometrika, inkluż meta jikkooperaw ma’ fornituri esterni ta’ servizzi.

ii)    Fuq limportanza talgħanijiet imfittxija

119    Kif ġie mfakkar fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, l-integrazzjoni ta’ żewġ marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità hija intiża sabiex tiġġieled kontra l-produzzjoni ta’ karti tal-identità foloz u s-serq tal-identità kif ukoll sabiex tiżgura l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni. Issa, f’dan ir-rigward, hija ta’ natura li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, għall-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu.

120    Barra minn hekk, tali miżura tippermetti li jiġi ssodisfatt il-bżonn, għal kull ċittadin tal-Unjoni, li jkollu mezzi sabiex jidentifika ruħu b’mod affidabbli u, għall-Istati Membri, li jiżguraw li l-persuni li jinvokaw id-drittijiet irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni jkunu detenturi tagħhom. Hija tikkontribwixxi ukoll, b’mod partikolari, għall-iffaċilitar tal-eżerċizzju miċ-ċittadini tal-Unjoni tad-dritt tagħhom għall-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, li jikkostitwixxi wkoll dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 45 tal-Karta. Għaldaqstant, l-għanijiet mfittxija mir-Regolament 2019/1157, b’mod partikolari permezz tal-integrazzjoni taż-żewġ marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità, għandhom importanza partikolari mhux biss għall-Unjoni u l-Istati Membri, iżda wkoll għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

121    Ulterjorment, il-leġittimità u l-importanza ta’ dawn l-għanijiet ma humiex kkontestati mill-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-Opinjoni 7/2018 kienet issemmi, fil-paragrafi 24 sa 26 tagħha, li 38 870 każ biss ta’ karti tal-identità frawdolenti ġew identifikati bejn is-sena 2013 u s-sena 2017 u li din iċ-ċifra kienet ilha tonqos għal diversi snin.

122    Fil-fatt, anki jekk jitqies li n-numru ta’ użu ta’ karti tal-identità frawdolenti huwa żgħir, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx obbligat jistenna li dan in-numru jiżdied sabiex jadotta miżuri intiżi sabiex jipprevjenu r-riskju ta’ użu ta’ tali karti, iżda seta’, b’mod partikolari fl-interess tal-kontroll tar-riskji, jantiċipa tali żvilupp, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jkunu osservati.

iii) Ibbilanċjar

123    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li tirriżulta mill-integrazzjoni ta’ żewġ marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħażna tal-karti tal-identità ma tidhirx, fid-dawl tan-natura tad-data inkwistjoni, tan-natura u tal-modalitajiet tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar kif ukoll tal-mekkaniżmi ta’ salvagwardja previsti, li hija ta’ gravità li hija sproporzjonata meta mqabbla mal-importanza tal-għanijiet differenti li din il-miżura ssegwi. Għalhekk, tali miżura għandha titqies li hija bbażata fuq evalwazzjoni bbilanċjata bejn, minn naħa, dawn l-għanijiet u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali inkwistjoni.

124    Konsegwentement, il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’tali mod li t-tielet motiv ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-invalidità tar-Regolament 2019/1157.

125    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-Regolament 2019/1157 huwa invalidu biss sa fejn dan ġie adottat abbażi tal-Artikolu 21(2) TFUE.

IV.    Fuq iżżamma ratione temporis taleffetti tarRegolament 2019/1157

126    L-effetti ta’ att iddikjarat invalidu jistgħu jinżammu għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tas-sentenza li tikkonstata din l-invalidità jwasslu għal konsegwenzi negattivi serji għall-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 67).

127    F’dan il-każ, l-invalidazzjoni tar-Regolament 2019/1157 b’effett immedjat tista’ tipproduċi konsegwenzi negattivi serji għal numru kbir ta’ ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari għas-sigurtà tagħhom fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

128    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-effetti ta’ dan ir-regolament għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż sentejn mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara d-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ regolament ġdid, ibbażat fuq l-Artikolu 77(3) TFUE, maħsub biex jissostitwih.

V.      Fuq lispejjeż

129    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, huwa invalidu.

2)      L-effetti tar-Regolament 2019/1157 jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż sentejn mill1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara d-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ regolament ġdid, ibbażat fuq l-Artikolu 77(3) TFUE, maħsub biex jissostitwih.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.