Language of document : ECLI:EU:C:2024:256

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

21 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60/KE – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ – Punt 1.2.2 tal-Anness V – Definizzjonijiet tal-istati ekoloġiċi ‘għoli’, ‘tajjeb’ u ‘moderat’ fir-rigward tal-lagi – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika ‘fish fauna’”

Fil-Kawża C‑671/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l‑Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

T GmbH

vs

Bezirkshautpmannschaft Spittal an der Drau

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T GmbH, minn V. Rastner, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn M. A. Posch, J. Schmoll u M. Kopetzki, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce, D. O’Reilly u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn J. Doherty, SC, u minn E. McGrath, SC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn T GmbH u l-Bezirkshauptmannschaft Spittal an der Drau (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Spittal an der Drau, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Amministrattiva”), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l‑awtorizzazzjoni li tibni kamra għaż-żamma tad-dgħajjes fuq lag.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessa 25 tad-Direttiva 2000/60 hija fformulata kif ġej:

“Definizzjonijiet komuni tal-istat ta’ l-ilma f’termini ta’ kwalità u, fejn hu relevanti għall-iskop tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, ta’ kwantità, iridu jkunu mwaqqfa Għandhom ikunu ffissati għanijiet ambjentali biex jiżguraw stat tajjeb fl-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ fil-Komunità u li tkun imwaqqfa d-deterjorazzjoni fl-istat tal-ilmijiet f’livell Komunitarju.”

4        L‑Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:

a)      jipprevjeni aktar deterjorazzjoni u jipproteġi u jżid l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi u, bil-konsiderazzjoni tal-ħtiġiet tagħhom ta’ l-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi;

[...]”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[...]

17) ‘Stat ta’ l-ilma tal-wiċċ’ hija l-espressjoni ġenerali ta’ stat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, stabbilit mill-ifqar stat ekoloġiku u tal-istat kimiku tiegħu.

18) ‘Stat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ’ ifisser l-istat milħuq mill-korp ta’ l-ilma tal-wiċċ meta l-istat ekoloġiku u l-istat kimiku tiegħu huma għall-inqas ‘tajbin’.

[...]

21) ‘Stat ekoloġiku’ hija espressjoni tal-kwalità ta’ struttura u funzjoni ta’ ekosistemi akkwatiċi assoċjati ma’ l-ilma tal-wiċċ, klassifikati skond l-Anness V.

22) ‘Stat ekoloġiku tajjeb’ huwa l-istat ta’ korp tal l-ilma tal-wiċċ, kif klassifikat skond l-Anness V.

[...]”

6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jipprovdi:

“1.      Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

a)      għall-ilma tal-wiċċ

i)      L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafu 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

ii)      L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għallapplikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi ta’ l-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

[...]”

7        Il-punt 1.2 tal-Anness V ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet normattivi ta’ klassifikazzjonijiet ta’ stat ekoloġiku”, jistipula:

“Tabella 1.2. Definizzjoni ġenerali għal xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta

[It-test segwenti jagħti definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika. Għall‑finijiet tal-klassifikazzjoni, il-valuri tal-elementi ta’ kwalità tal‑istat ekoloġiku ta’ kull kategorija ta’ ilma tal-wiċċ huma dawk indikati fit-tabelli 1.2.1 sa 1.2.4 segwenti.]

Elememnti

Stat għoli

Stat tajjeb

Stat moderat

Ġenerali

Mhemmx, jew hemm biss ftit alterazzjonijiet antropoġeni, għall-valuri ta’ l-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fisiko-kimika tat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ minn dawk
normalment assoċjati ma’ dak it-tip taħt kundizzjonijiet mhux disturbati.

Il-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għal korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jirriflettu dawk normalment assoċjati ma’ dak it-tip taħt kundizzjonijiet mhux disturbati, u li ma’ jurul-ebda evidenza jew tfixkil, jew huma minuri.

Dawn huma l-komunitajiet u kundizzjonijiet ta’ tip speċifiku.

Il-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ juru livelli baxxi ta’ tfixkil li jirriżultaw [mill-attività umana, iżda li joħorġu ftit biss] minn dawk normalment normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati.

Il-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ joħorġu moderatament minn dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux-disturbati. Il-valuri juru sinjali moderati ta’ tfixkil li jirrizulta minn attività umana u huma
sinifikament aktar disturbati minn taħt kundizzjonijiet ta’ stat tajjeb.


Ilmijiet li jiksbu stat inqas minn moderat iridu jiġu kklassifikati bħala fqar jew ħżiena.

Ilmijiet li juru evidenza ta’ alterazzjoni maġġuri għall-valuri ta’ elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ u fejn il-komunitajiet bioloġiċi relevanti joħorġu sostanzjalment minn dawk assoċjati normalment mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux imfixkla, iridu jiġu klassifikati bħala fqar.

Ilmijiet li juru evidenza ta’ alterazzjonijiet kbar għall-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ u fejn partijiet kbar tal-Komunitajiet bioloġiċi relevanti normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux imfixxkla huma nieqsa, iridu jiġu klassifikati bħala ħżiena.

[...]

1.2.2. . Definizzjonijiet ta’ stat ekoloġiku għoli, tajjeb u moderat fil-lagi

Elementi ta’ kwalità bioloġika

Elementi

Stat għoli

Stat tajjeb

Stat moderat

[...]

[...]

[...]

[...]

Fish Fauna

Kompożizzjoni u abbundanza tal-ispeċi tikkorrispondi totalment jew kważi totalment ma’ kundizzjonijiet mhux disturbati.

L-ispeċi ta’ disturbanza-sensittiva u ta’ tip-speċifiku kollha huma preżenti.

L-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut juru sinjal żgħir ta’ disturbanza antropoġenika u mhumiex indikattivi ta’ nuqqas fil-produzzjoni jew żvilupp ta’ xi speċi partikolari.

Hemm ftit bdil f’kompożizzjoni u abbundanza tal-ispeċi mil-komunitajiet tat-tip-speċifiku attribwibbli għal impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u
fiżiko-kimika.

L-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut juru sinjali ta’ disturbanzi attributabbli għal impatti antropoġeniċi fuq elemnti ta’ kwalità idromorfoloġika jew fiżiko-kimika, u, fi
ftit mumenti, huma indikattivi minn nuqqas fir-riproduzzjoni u żvilupp ta’ speċi partikolari, għall-estent ta’ xi wħud mill-klassijiet tal-età jistgħu ikunu neqsin.

Il-kopmpożizzjoni u abbundanza ta’ speċi tal-ħut jinbidlu moderatament mill-komunitajiet tat-tip speċifiku attributabbli għal impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromofoloġikali jew fiżiko-kimiku.

L-istruttura tal-età tal-komunitajiet tal-ħut turi sinjali maġġuri ta’ disturbanzi antropoġeniċi, għall-estent li parti moderata tal-ispeċi tat-tip-speċifiku huma nieqsa jew ta’ abbundanza vera baxxa.

[...]”

 Iddritt Awstrijak

8        L-Artikolu 30a(1) tal-Wasserrechtsgesetz 1959 (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ilma tal‑1959), tas‑16 ta’ Ottubru 1959 (BGBl., 215/1959), fil-verżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2018 (BGBl  I, 73/2018) (iktar ’il quddiem il-“WRG”), jipprevedi, essenzjalment, li l-ilmijiet tal-wiċċ għandhom jiġu protetti, imtejba u msaħħa sabiex l-istat tagħhom ma jiddeterjorax u li l-aħjar stat ta’ ilma tal-wiċċ jintlaħaq meta l-korp tal-ilma tal-wiċċ ikollu stat ekoloġiku u stat kimiku għall-inqas tajjeb.

9        Skont il-punt 1(b) tal-Artikolu 104a(1) tal-WRG, il‑proġetti li għalihom, minħabba bidliet fil-karatteristiċi idromorfoloġiċi ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew minħabba bidliet fil-livell ta’ ilma ta’ korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, huwa probabbli li l-istat ta’ korp tal-ilma tal‑wiċċ jew ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art jiddeterjora, huma fi kwalunkwe każ proġetti li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-interessi ta’ natura pubblika.

10      Skont l-Artikolu 105(1) tal-WRG, talba għal awtorizzazzjoni ta’ proġett tista’ tiġi miċħuda fl-interess pubbliku meta jkun hemm riskju ta’ deterjorament sinjifikattiv tal-istat ekoloġiku tal-ilmijiet jew meta jkun ikkonstatat preġudizzju sostanzjali għall-għanijiet li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

11      Fis‑7 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat applikazzjoni għal awtorizzazzjoni quddiem l-Awtorità Amministrattiva sabiex tibni kamra għaż-żamma tad-dgħajjes ta’ daqs ta’ 7 m x 8.5 m fuq il-lag Weißensee (l-Awstrija). Dan il-lag ta’ oriġini naturali, li jinsab fil-Land ta’ Kärnten, għandu superfiċji ta’ 6.53 km².

12      Peress li din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il‑Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten, l-Awstrija), li, permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Frar 2020, ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ ċaħda. Din il-qorti qieset li l-istat ġenerali tal-ilmijiet tal-wiċċ tal-lag kien “fqir” minħabba l-kwalità tal-fish fauna. Hija kkunsidrat li għalkemm l-elementi kollha ta’ kwalità idromorfoloġika u fiżiko-kimiċi kif ukoll l-elementi ta’ kwalità bijoloġika “fitoplankton” u “makrofiti” kienu fi stat tajjeb ħafna, hija kellha tagħmel evalwazzjoni globali tal-elementi ta’ kwalità u tadotta, bħala kriterju determinanti ta’ klassifikazzjoni, l-element li għandu l-ifqar stat. L-istat fqir tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” jirriżulta minn ġestjoni ħażina tar-riżorsi tas-sajd, peress li ċ-ċensiment attwali tal-popolazzjonijiet tal-ħut ippermetta li jiġi kkonstatat li, mit-tmien speċi inizjali ta’ ħut, sitta biss kienu għadhom preżenti, filwaqt li kienu żdiedu disa’ speċi ta’ ħut li ma humiex indiġeni.

13      Skont il-Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten), l-obbligu ta’ titjib tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ u l-obbligu li jintlaħaq stat tajjeb ta’ dawn l-ilmijiet, li huma imposti fuq l-Istati Membri skont id-Direttiva 2000/60, jipprojbixxuhom milli jadottaw kull miżura li tista’ tostakola titjib jew li ma għandhiex l-għan li tikkontribwixxi għal titjib. Din il-qorti tippreċiża li jekk il-kostruzzjoni ta’ kamra għaż-żamma tad-dgħajjes qrib xtut tal-lag ma twassalx għal bidla fl-istat ġenerali tal-ilmijiet tal-lag, din ma twassalx għal titjib tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ tiegħu peress li hija ser tippreġudika il-postijiet naturali eżistenti fejn ibid il-ħut.

14      Adita b’appell fuq punt ta’ liġi ppreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2020, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, tqis li d-Direttiva 2000/60 ma timponix li tiġi rrifjutata l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li, għalkemm ma jwasslux għal deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma, ma jikkontribwixxux għall-istat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ, iżda tistipula biss li tiġi rrifjutata l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati.

15      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari l-punt 51 tas-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433), l-Istati Membri huma obbligati, bla ħsara għall-għoti ta’ deroga, li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari meta dan jista’ jipprovoka deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal‑wiċċ jew meta jkkomprometti l-kisba ta’ stat tajjeb ta’ ilmijiet tal-wiċċ jew ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb ta’ tali ilmijiet. Din il-qorti tfakkar ukoll il-ġurisprudenza li tgħid li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati, meta jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ programm jew ta’ proġett partikolari mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni konsegwenzi negattivi temporanji ta’ dawn il-programmi jew proġetti fuq il-kwalità tal-ilmijiet, sakemm dawn il-konsegwenzi ma jkollhomx biss manifestament ftit impatt fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati.

16      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li, fit-tilwima pendenti quddiemha, huwa neċessarju, l-ewwel nett, li jiġu evalwati l-miżuri intiżi sabiex jintlaħaq stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ u, fit-tieni lok, li jiġi evalwat jekk dan il-proġett għandux konsegwenzi sinjifikattivi fuq dawn il-miżuri. Hija tippreċiża li tali evalwazzjoni tippreżupponi li l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ inkwistjoni jiġi kklassifikat f’livell inferjuri għal-livell “stat tajjeb”. Minħabba f’hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-disturb tal-fish fauna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-fehma tagħha, jirriżulta biss mill-miżuri meħuda mill-industrija tas-sajd u mhux mill-effetti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi jew idromorfoloġiċi, iwassalx sabiex l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ jiġi kklassifikat f’livell inferjuri għal-livell “stat tajjeb”.

17      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm kawżi oħra minbarra l-effetti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-istat ekoloġiku tal-ilmijiet tal-wiċċ, l-istat tal-ilma tal-lag inkwistjoni għandu jiġi kklassifikat fil-livell “fqir”. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-mod kif għandu jiġi kklassifikat l-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” u dwar il-livell ta’ klassifikazzjoni li jista’ jiġi attribwit lilu.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-punt 1.2.2 (Definizzjonijiet ta’ stat ekoloġiku għoli, tajjeb u moderat fil-lagi) tal-Anness V tad-Direttiva [2000/60] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘kundizzjonijiet disturbati’ fit-tabella ‘Elementi ta’ kwalità bioloġika’, fil-linja ‘Fish fauna’, fil-kolonna “Stat għoli” għandhom jinftiehmu esklużivament bħala kundizzjonijiet antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiċi-kimiċi u idromorfoloġiċi?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li bidla minn stat għoli għall-element ta’ kwalità bioloġika ‘fish fauna’, li hija dovuta għal kundizzjonijiet disturbati li ma humiex influwenzi antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiċi-kimiċi u idromorfoloġiċi, twassal sabiex l-element ta’ kwalità bijoloġika għal ‘fish fauna’ ukoll ma jistax jiġi kklassifikat bħala ta’ ‘stat tajjeb’ jew ta’ ‘stat moderat’?”

 Fuq lammissibbiltà

19      Preliminarjament, il-Kummissjoni Ewropea tirrileva, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tippreżumi li l-iżbalji fil-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u “l-impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika jew fiżiko-kimiċi” fis-sens tal-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, huma żewġ impatti antropoġeniċi differenti. Hija tenfasizza li d-domandi preliminari jkunu irrilevanti jekk dawn l-iżbalji, li l-qrati Awstrijaċi jikkunsidraw bħala l-kawża tal-klassifikazzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ ikkonċernati fil-livell “fqir”, kellhom jiġu kkunsidrati bħala “impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fiżiko-kimiċi”, fis-sens ta’ dan il-punt 1.2.2 tal-Anness V.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li għalhekk l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2023, WertInvest Hotelbetrieb, C‑575/21, EU:C:2023:425, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Minbarra dan, hemm lok li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza wkoll stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll li għandha tiddetermina l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, mingħajr ma tkun tista’ tikkontesta jew tivverifika l-eżattezza tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Real Vida Seguros, C‑449/20, EU:C:2021:721, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li s-sajd jista’ jkollu effetti fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u possibbilment idromorfoloġiċi tal-ilmijiet tal-wiċċ, minn ebda element tal-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ma jirriżulta li l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd jikkostitwixxu, fi kwalunkwe każ, miżuri li għandhom effetti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi tal-ilmijiet tal-wiċċ.

23      Konsegwentement, id-domandi magħmula, li ma jidhrux bħala li huma irrilevanti, huma ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

24      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1.2.2. tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” id-“disturbi antropoġeniċi” fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut meta mqabbla mal-komunitajiet ta’ tip speċifiku, fis-sens ta’ dan il-punt, jistgħu jirriżultaw biss mill-“impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġiċi jew fiżiko-kimiċi” tal-lagi u mhux minn effetti antropoġeniċi oħra bħal miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd. Jekk le, hija tixtieq tkun taf jekk, għall-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-“fish fauna”, il-kawżi kollha ta’ disturbi humiex rilevanti.

25      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fl-ipoteżi fejn dawn id-disturbi għandhom jitqiesu bħala li jistgħu jiġu kkawżati minn miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, l-istat ekoloġiku tal-ilmijiet tal-lag inkwistjoni għandu jiġi kklassifikat fil-livell “fqir”. Jekk dan kellu jkun il-każ, hija tqis neċessarju, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġi ddeterminat jekk, sabiex jinkiseb stat tajjeb globali tal-ilmijiet tal-lag, l-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” għandux ikollu “stat tajjeb” jew “stat għoli” ekoloġiku. Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-konsegwenzi, għall-klassifikazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ disturb li ma jirriżultawx minn effetti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi jew idromorfoloġiċi. Hija tistaqsi jekk dan l-element jistax għalhekk jiġi kklassifikat aħjar milli fil-livell “fqir” jew, għall-kuntrarju, fil-livelli kollha, peress li l-kawżi kollha għall-bidla meta mqabbla mal-“istat għoli” huma f’dan il-każ rilevanti.

26      Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2015, Surmačs, C‑127/14, EU:C:2015:522, punt 28, u tas‑16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Austria), C‑2/15, EU:C:2016:880, punt 19).

27      Fl-ewwel lok, skont il-kliem tal-punt 1.2.2. tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku ta’ lag skont il-livell “għoli”, “tajjeb” jew “moderat” tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” tiddependi, b’mod partikolari, mil-livell ta’ differenza li teżisti bejn il-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut li jinsabu fil-lag u fil-komunitajiet ta’ tip speċifiku. Dan il-punt jippreċiża li l-kompożizzjoni u l-abbundanza ta’ dawn l-ispeċi huma, skont il-każ, eżentati minn “disturbanza antropoġenika” jew mibdula meta mqabbla mal-komunitajiet ta’ tip speċifiku minħabba “impatti antropoġeniċi”.

28      Għalhekk, ir-riferiment għal kawżi antropoġeniċi, sabiex jitkejlu d-differenzi li dehru fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut meta mqabbla mal-komunitajiet ta’ tip speċifiku, japplika għad-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi kollha. L-istati ekoloġiċi “tajba” u “moderati”, iddefiniti fir-rigward tal-kobor ta’ dawn id-differenzi, madankollu jippreċiżaw li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kawżi ta’ ċerta natura. Fil-fatt, mid-definizzjoni ta’ dawn iż-żewġ stati ekoloġiċi jirriżulta li d-differenzi ħfief jew moderati tal-ispeċi preżenti f’lag meta mqabbla mal-komunitajiet ta’ tip speċifiku ta’ dan il-lag għandhom ikunu dovuti għal “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi”.

29      Għalhekk, minn interpretazzjoni testwali tal-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jista’ jirriżulta li huma biss l-effetti ta’ tali natura li jkunu determinanti sabiex issir il-klassifikazzjoni f’wieħed jew l-ieħor minn dawn l-istati. F’tali ipoteżi, bidliet fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi, ikkawżati minn miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd jew minn kwalunkwe miżura mhux dovuta għal effetti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi, ma humiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk għandux jiġi kkunsidrat li korp ta’ ilma tal-wiċċ jinsab fi stat ekoloġiku “tajjeb” jew “moderat”.

30      Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-iskop tagħha ma tistax ikollha bħala riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Mensing, C‑180/22, EU:C:2023:565, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 27 sa 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 ma huwiex nieqes minn ambigwità.

32      Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tal-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 ma tistax tkun ibbażata biss fuq il-formulazzjoni tiegħu, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-kuntest u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva.

33      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat il-kuntest ta’ dan il-punt 1.2.2 u b’mod partikolari, it-tabelli differenti li jinsabu fil-punt 1.2 u fil-punti sussidjarji segwenti tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60. Dan il-punt 1.2, espost fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, jinkludi tabella 1.2 intitolata “Definizzjoni ġenerali għal xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta”, li tikkaratterizza b’mod globali t-tliet stati ekoloġiċi – “għoli”, “tajjeb” u “moderat” ta’ dawn l-ilmijiet kif ukoll tliet paragrafi li jiddefinixxu dak li għandu jinftiehem b’klassifikazzjonijiet “fqar” u “ħżiena” tal-imsemmija ilmijiet. Il-punti 1.2.1. sa 1.2.4. ta’ dan l-anness jinkludu definizzjonijiet speċifiċi tal-istati ekoloġiċi, rispettivament, tax-xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta. Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istat ekoloġiku ta’ kull tip ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni tliet kategoriji ta’ elementi ta’ kwalità, jiġifieri l-elementi ta’ kwalità bijoloġika, l-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika, fejn kull wieħed minn dawn l-elementi ta’ kwalità jinkludi parametri speċifiċi.

34      Għalhekk, din it-tabella 1.2, meta tiddefinixxi b’mod ġenerali l-“istat għoli” tal-ilmijiet tal-wiċċ, tirreferi għall-fatt li “[i]l-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għal korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jirriflettu dawk normalment assoċjati ma’ dak it-tip taħt kundizzjonijiet mhux disturbati, u li ma’ juru l-ebda evidenza jew tfixkil, jew huma minuri” u tippreċiża li “[d]awn huma l-komunitajiet u kundizzjonijiet ta’ tip speċifiku”.

35      F’dak li jirrigwarda l-“istat tajjeb” ekoloġiku, l-imsemmija tabella 1.2 tipprevedi li “[i]-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ juru livelli baxxi ta’ tfixkil li jirriżultaw [mill-attività umana, iżda li joħorġu ftit biss] minn dawk normalment normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati” , filwaqt li, għall-istat ekoloġiku “moderat”, din tindika li dawn il-valuri “juru sinjali moderati ta’ tfixkil li jirrizulta minn attività umana u huma sinifikament aktar disturbati minn taħt kundizzjonijiet ta’ stat tajjeb” u li huma “joħorġu moderatament minn dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux-disturbati”.

36      Għaldaqstant, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika tal-ilmijiet tal-wiċċ ma tirreferix għal disturbi marbuta ma’ kawżi speċifiċi, bħall-alterazzjonijiet antropoġeniċi tal-valuri tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi.

37      B’hekk, għall-kategorija dwar l-“istat għoli” ekoloġiku, ma jirriżultax mid-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika, li tinsab fit-tabella 1.2. tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, u lanqas mid-definizzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, li tinsab fit-tabella 1.2.2. ta’ dan l-anness li l-alterazzjonijiet antropoġeniċi, id-disturbi antropoġeniċi jew it-tfixkil li għalihom isir riferiment jikkonċernaw biss l-elementi ta’ kwalità bħala fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi.

38      Bl-istess mod, għall-kategoriji dwar l-“istat tajjeb” ekoloġiku u l-istat tajjeb “moderat”, peress li huma ddefiniti, f’dawn iż-żewġ tabelli, abbażi tal-istess indikaturi bħal stat “għoli” ekoloġiku, skont id-differenza kkonstatata mal-valuri normali, ikun kontradittorju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jittieħed inkunsiderazzjoni kull disturb fl-evalwazzjoni ta’ dan l-aħħar stat u ma jittiħdux inkunsiderazzjoni wħud minn dawn id-disturbi meta għandha titkejjel id-differenza bejn l-imsemmi stat u l-istat “tajjeb” u l-istat “moderat”.

39      Tali interpretazzjoni hija, fit-tielet lok, konformi mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2000/60. Fil-fatt, interpretazzjoni stretta tal-kriterju “taħt kundizzjonijiet mhux disturbati” fis-sens tat-tabella 1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li twassal, waqt il-klassifikazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni ċerti effetti antropoġeniċi, bħal miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, tkun kontra l-għan aħħari tad-Direttiva 20006/60, hekk kif jirriżulta mill-premessa 25 u mill-Artikolu 1(a) tagħha, li jikkonsisti li jintlaħaq, permezz ta’ azzjoni kkoordinata, l-“istat tajjeb” tal-ilmijiet tal-wiċċ kollha tal-Unjoni Ewropea fl-orizzont tas-sena 2015 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punti 35 sa 37).

40      Fil-fatt mill-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li din għandha bħala għan li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li jipprevjeni iktar deterjorament u li jipproteġi u jżid l-istat tal-ekosistemi akkwatiċi u, bil-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom tal-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuqhom.

41      L-għanijiet ambjentali li l-Istati Membri huma obbligati jilħqu fir-rigward tal-ilmijiet tal-wiċċ huma ppreċiżati fl-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva, dispożizzjoni li, bħalma ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, timponi żewġ għanijiet distinti, għalkemm intrinsikament marbuta. Minn naħa, konformement mal-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ (obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament). Min-naħa l-oħra, skont il-punti (ii) u (iii) tal-imsemmija dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jsaħħu l-korpi kollha ta’ ilma tal-wiċċ sabiex jintlaħaq “stat tajjeb” ta’ dawn il-korpi tal-ilma sa mhux iktar tard mit‑22 ta’ Diċembru 2015 (obbligu ta’ titjib) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 39).

42      Kemm l-obbligu ta’ titjib kif ukoll l-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma huma intiżi sabiex jitwettqu l-għanijiet kwalitattivi mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri l-preżervazzjoni jew it-tisħiħ ta’ stat tajjeb, ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 41).

43      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jillimitax ruħu li jistabbilixxi, skont formulazzjoni programmatika, għanijiet sempliċi ta’ ppjanar ta’ ġestjoni, iżda jipproduċi effetti vinkolanti, ladarba jiġi stabbilit l-istat ekoloġiku ta’ korp tal-ilma, f’kull stadju tal-proċedura stipulata minn din id-direttiva. Għalhekk din id-dispożizzjoni ma tinkludix biss obbligi ta’ prinċipju, iżda tikkonċerna wkoll proġetti partikolari (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ), C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, u għalhekk qabel it-teħid ta’ deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huma obbligati, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60, li jivverifikaw jekk dan il-proġett jistax ikollu effetti negattivi fuq l-ilma li jkunu kuntrarji għall-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament u ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ), C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Issa, il-protezzjoni tal-istat ekoloġiku tal-ekosistemi akwatiċi ma tistax tiġi żgurata jekk, waqt l-evalwazzjoni tal-istat tal-fish fauna tal-lagi, ikun permess li jiġu injorati d-disturbi antropoġeniċi fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut jew disturbi oħrajn li ma jirriżultawx minn alterazzjoni tal-elementi ta’ kwalità fisiko-kimiċi u idromorfoloġiċi.

46      Barra minn hekk, interpretazzjoni stretta tal-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li tgħid li l-istat ekoloġiku “għoli” tal-fish fauna ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni ċerti alterazzjonijiet antropoġeniċi, iċċaħħad lill-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” stess minn kwalunkwe rilevanza. Fil-fatt, fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2000/60, ikun kuntrarju għal dawn tal-aħħar li jiġi kkunsidrat li ċertu deterjorament tal-fish fauna, bħal, jekk ikun il-każ, deterjorament tal-istokkijiet tal-ħut, ma jaffettwax il-klassifikazzjoni tal-kwalità tal-fish fauna skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Anness V ta’ din id-direttiva.

47      Hekk kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet rilevanti tikkonferma li, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna, għandhom jiġu kkunsidrati d-disturbi kollha fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi tal-ħut kif ukoll fl-istrutturi tal-età ta’ dawn il-komunitajiet.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 1.2.2. tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, b’“disturb antropoġeniku” fis-sens ta’ dan il-punt, għandu jinftiehem kull disturb li għandu bħala oriġini attività umana, inkluż kull bidla li tista’ taffettwa l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut, u, min-naħa l-oħra dawn id-disturbi kollha huma rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-“fish fauna”.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

minn naħa, fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, b’“disturb antropoġeniku” fis-sens ta’ dan il-punt, għandu jinftiehem kull disturb li għandu bħala oriġini attività umana, inkluż kull bidla li tista’ taffettwa l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi tal-ħut, u, min-naħa l-oħra dawn id-disturbi kollha huma rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-“fish fauna”.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.