Language of document : ECLI:EU:C:2024:263

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

21 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsum – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 3(g), Artikolu 10(2)(g) u Artikolu 23 – Spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur – Assenza ta’ indikazzjoni tal-ispejjeż rilevanti – Sanzjoni – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1), Artikolu 4(2), Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Il-punt 1(o) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 – Servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu – Klawżoli li jagħtu lil konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni għal kreditu tiegħu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment jew ta’ bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali”

Fil-Kawża C‑714/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura

S.R.G.

vs

Profi Credit Bulgaria EOOD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Profi Credit Bulgaria EOOD, minn H. Hinov, M. Voynova, advokati, u K. Vonidova-Milcheva,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Nikolova, I. Rubene u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 4(1) u (2), tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), tal-punt 1(o) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 kif ukoll tal-Artikolu 3(g) tal-Artikolu 10(2)(g) u tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, S.R.G., iddomiċiljata fil-Bulgarija u, min-naħa l-oħra, Profi Credit Bulgaria EOOD, istituzzjoni ta’ kreditu rregolata mid-dritt Bulgaru, dwar l-invalidità ta’ kuntratt ta’ kreditu u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu dwar il-ħlas lura ta’ somom dovuti bħala interessi u spejjeż imħallsa skont dan il-kuntratt.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 93/13

3        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13:

“1.      Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.      Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

3.      L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

4        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

5        L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6        L-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

7        L-Anness tad-Direttiva 93/13 huwa intitolat “Klawżoli Msemmija fl-Artikolu 3(3)”. Il-punt 1(o) ta’ dan l-anness huwa fformulat kif ġej:

“1.      Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

[...]

o)      jobbligaw lill-konsumatur li jaqdi l-obbligi tiegħu kollha fejn il-bejjiegħ jew il-fornitur ma jaqdix tiegħu stess”.

 IdDirettiva 2008/48

8        Il-premessi 19, 20, 43 u 47 tad-Direttiva 2008/48 jipprovdu:

“(19)      Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, huma għandhom jirċievu informazzjoni adegwata, li l-konsumatur jista’ jieħu miegħu biex jikkunsidraha, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, dwar il-kondizzjonijiet u l-ispiża tal-kreditu u l-obbligi tagħhom. Biex ikunu żgurati trasparenza u komparabbiltà ta’ offerti bl-aktar mod sħiħ possibbli, tali informazzjoni għandha, b’mod partikolari, tinkludi r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [(RPAI)] applikabbli għall-kreditu, u maħduma madwar il-Komunità kollha bl-istess mod. [...]

(20)      L-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur għandha tinkludi l-ispejjeż kollha, inkluż interessi, kummissjonijiet, taxxi, onorarji għall-intermedjarji ta’ kreditu u kwalunkwe onorarju ieħor li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu, minbarra l-ispejjeż notarili. [...]

[...]

(43)      Sabiex jiġu promossi t-twaqqif u l-funzjonament tas-suq intern u jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-Komunità kollha, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-komparabbiltà ta’ l-informazzjoni relatata mar-[RPAI] [fl-Unjoni] kollha. [...] Din id-Direttiva għalhekk għandha tiddefinixxi b’mod ċar u komprensiv l-ispiża totali ta’ kreditu lill-konsumatur.”

[...]

(47)      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjoniali adottati f’konformità ma’ din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Filwaqt li l-għażla tal-penali tibqa’ fid-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

9        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[...]

g)      ‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kummerċjalizzati;

[...]

(i)      ‘[RPAI]’: tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, fejn applikabbli inklużi l-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 19(2);

[...]”

10      L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[...]

g)      ir-[RPAI] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

[...]”

11      L-Artikolu 19 tal-istess direttiva, intitolat “Kalkolu tar-[RPAI]”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Għall-fini tal-kalkolu tar-[RPAI], l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur għandha tiġi determinata, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe imposta pagabbli mill-konsumatur għal nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe impenn min-naħa tiegħu stabbilit fil-ftehim ta’ kreditu u imposti barra mill-prezz tax-xiri li, għal xiri ta’ merkanzija u servizzi, hu obbligat iħallas irrispettivament minn jekk it-transazzjoni issirx permezz ta’ flus kontanti jew permezz ta’ kreditu.

L-ispejjeż biex jinżamm kont li jirreġistra kemm transazzjonijiet ta’ ħlas u kif ukoll ta’ ġbid ta’ kreditu, l-ispejjeż ta’ l-użu ta’ mezz ta’ ħlas kemm għal transazzjonijiet ta’ ħlas u kif ukoll għal ġbid ta’ kreditu, u spejjeż oħrajn relatati ma’ transazzjonijiet ta’ ħlas għandhom jiġu inklużi fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur sakemm il-ftuħ tal-kont ma jkunx obbligatorju u l-ispejjeż tal-kont ikunu ntwerew b’mod ċar u separatament fil-ftehim ta’ kreditu jew fi kwalunkwe ftehim ieħor konkluż mal-konsumatur.”

12      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, huwa fformulat kif ġej:

“[...]

3.      L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ftehim ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.

4.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumaturi ma jitilfux il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva minħabba li tintgħażel il-liġi ta’ pajjiz terz bħala l-liġi applikabbli għall-ftehim ta’ kreditu, jekk il-ftehim ta’ kreditu jkollu rabta mill-qrib mat-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.”

13      L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, intitolat “Penali”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.”

 Iddritt Bulgaru

 IlLiġi dwar lObbligi u lKuntratti

14      Iż-Zakon za zadalzhenyata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, DV Nru 275, tat‑22 ta’ Novembru 1950) jipprovdi fl-Artikolu 26(1) tiegħu:

“Il-kuntratti li jiksru l-liġi jew li jevadu l-liġi u l-kuntratti li jmorru kontra l-moralità, inklużi l-ftehimiet dwar suċċessjonijiet futuri, huma nulli.”

 ZPK

15      Iż-Zakon za potrebitelskia kredit (il-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum, DV Nru 18, tal‑5 ta’ Marzu 2010, iktar ’il quddiem iż-“ZPK”) tipprevedi, fl-Artikolu 10bis tagħha:

“(1)      Il-persuna li ssellef tista’ tiffattura lill-konsumatur spejjeż u kummissjonijiet għal servizzi anċillari marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi.

(2)      Il-persuna li ssellef ma tistax teżiġi l-ħlas ta’ spejjeż u ta’ kummissjonijiet għal attivitajiet relatati mal-ġbir jew mal-ġestjoni tal-kreditu.

(3)      Il-persuna li ssellef tista’ tiġbor darba waħda biss l-ispejjeż u/jew kummissjoni għall-istess tranżazzjoni.

(4)      Il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi għandu jiddetermina b’mod ċar u/jew preċiż it-tip u l-ammont tal-ispejjeż jew tal-kummissjonijiet, kif ukoll l-attività li għaliha dawn jiġu ffatturati.”

16      Skont l-Artikolu 11 taż-ZPK:

“1.      Il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi għandu jitfassal b’lingwaġġ li jinftiehem u għandu jinkludi:

[...]

10.      ir-[RPAI] u l-ammont totali dovut mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu; għandhom jissemmew is-suppożizzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ din ir-rata;

[...]”

17      L-Artikolu 19 taż-ZPK huwa fformulat b’dan il-mod:

“(1)      Ir-[RPAI] tal-kreditu tikkorrispondi għas-somma tal-ispejjeż tal-kreditu attwali u futuri (interessi, spejjeż diretti jew indiretti oħrajn, kummissjonijiet jew ħlasijiet ta’ kwalunkwe tip, [...]) espressa bħala perċentwali annwali tal-ammont totali ta’ kreditu.

(2)      Ir-[RPAI] tal-kreditu għandha tiġi kkalkolata permezz ta’ formula [...]

(3)      Il-kalkolu tar-[RPAI] tal-kreditu ma għandux jinkludi l-ispejjeż:

1.      li l-konsumatur iħallas f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu skont il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi;

2.      minbarra l-prezz tax-xiri tal-oġġett jew tas-servizz dovut minnu matul xiri ta’ oġġett jew ta’ provvista ta’ servizz, irrispettivament minn jekk dan isirx fi flus kontanti jew b’kreditu.

3.      taż-żamma ta’ kont b’rabta mal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi, peress li l-ispejjeż [...] jiġu indikati b’mod ċar u separat fil-kuntratt ta’ kreditu jew fi kwalunkwe kuntratt ieħor konkluż mal-konsumatur.

(4)      [...] Ir-[RPAI] ma tistax taqbeż il-ħames darbiet tal-interessi moratorji bir-rata legali f’leva Bulgari (BGN) u f’muniti barranin, iddeterminati b’digriet tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal-Bulgarija.

(5)      [...] Il-klawżoli tal-kuntratt li jaqbżu l-ispejjeż iddeterminati fil-paragrafu 4 għandhom jitqiesu li huma nulli.

(6)      [...] Meta jkunu saru ħlasijiet skont kuntratti li fihom klawżoli li ġew iddikjarati nulli skont il-paragrafu 5, l-ammont żejjed iffatturat lil hinn mil-limitu previst fil-paragrafu 4 għandu jitnaqqas mill-ħlasijiet futuri mwettqa fir-rigward tal-kreditu.”

18      L-Artikolu 21 taż-ZPK jipprovdi:

“1.      Kull klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi li għandha l-għan jew ir-riżultat li tevita r-rekwiżiti ta’ din il-liġi hija nulla.

2.      Kwalunkwe klawżola f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi b’rata fissa li tipprevedi kumpens għall-persuna li ssellef ogħla minn dik prevista fl-Artikolu 32(4) hija nulla.”

19      L-Artikolu 22 taż-ZPK jipprovdi:

“[...] Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(1), fil-punti 7 sa 12 tal-Artikolu 11(1) u fl-Artikolu 20(2), kif ukoll fil-punti 7 sa 9 tal-Artikolu 12(1), il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi ma huwiex validu.”

20      L-Artikolu 23 taż-ZPK jipprevedi:

“Meta l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi jiġi ddikjarat invalidu, il-konsumatur għandu jħallas biss il-valur nett (il-kapital) tas-self; ma huwiex responsabbli għall-ħlas tal-interessi, u lanqas għal spejjeż oħra tal-kreditu.”

21      Skont il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari taż-ZPK:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha tal-kreditu, inklużi interessi, kummissjonijiet, infiq, ir-remunerazzjoni tal-intermedjarji ta’ kreditu u t-tipi kollha ta’ spejjeż oħrajn direttament marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi li l-konsumatur għandu jħallas u li huma magħrufin mill-persuna li ssellef, inklużi l-ispejjeż relatati mas-servizzi anċillari marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu, b’mod partikolari l-primjums ta’ assigurazzjoni, jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ servizz ikun obbligatorju biex jinkiseb l-istess kreditu, jew b’applikazzjoni tal-klawżoli u tal-kundizzjonijiet kummerċjali. L-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumaturi ma għandhiex tinkludi spejjeż notarili.

[...]”

 IlGPK

22      Il-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, DV Nru 59 tal‑20 ta’ Lulju 2007, iktar ’il quddiem il-“GPK”) jipprovdi, fl-Artikolu 7(3) tiegħu:

“[...] Il-qorti għandha tistħarreġ ex officio l-preżenza ta’ klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur. Hija tagħti lill-partijiet l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet.”

23      Skont l-Artikolu 78 tal-GPK:

“(1)      It-tariffi mħallsa mir-rikorrent, l-ispejjeż u l-onorarji ta’ avukat, jekk ikun tqabbad wieħed, għandhom jiġu sostnuti mill-konvenut b’mod proporzjonali mal-parti tar-rikors li tkun intlaqgħet.

(2)      Meta l-konvenut ma jkunx, bl-aġir tiegħu, ta bidu għall-proċedura u jirrikonoxxi l-fondatezza tat-talba, l-ispejjeż għandhom jiġu aġġudikati lir-rikorrent.

(3)      Il-konvenut għandu wkoll id-dritt li jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti minnu, pro rata għall-parti tat-talba li tkun ġiet miċħuda.

(4)      Il-konvenut għandu wkoll dritt għall-ispejjeż fil-każ li l-kawża tiġi miċħuda.

[...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

24      Fl‑10 ta’ Ottubru 2019, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li kellu bħala suġġett is-self tas-somma ta’ BGN 5 000 (madwar EUR 2 500) għal perijodu ta’ 36 xahar, suġġett għal rata ta’ interessi annwali ta’ 41 % u għal RPAI ta’ 49.02 %. L-ammont totali li għandu jitħallas lura skont dan il-kuntratt kien jammonta għal BGN 8 765.02 (madwar EUR 4 400).

25      L-imsemmi kuntratt kien jipprevedi li l-klijent kellu l-possibbiltà li jakkwista servizz anċillari wieħed jew iktar li r-regoli tal-użu tagħhom kienu ddettaljati fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-istess kuntratt. Għalhekk, skont il-punt 15 ta’ dawn tal-aħħar, il-klijent seta’ jagħżel li ma jixtrix servizz anċillari jew li jixtri servizz anċillari wieħed jew iktar. Il-punt 15.1 ta’ dawn il-kundizzjonijiet kien jiddeskrivi s-servizz “Fast” bħala li jagħti lill-klijent li jixtri dan is-servizz prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi, li kellu jsir fi żmien 24 siegħa minn meta l-persuna li ssellef tirċievi l-kuntratt ta’ kreditu ffirmat. Fil-punt 15.2 tal-imsemmija kundizzjonijiet, is-servizz “Flexi” kien deskritt bħala li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-bidla tal-pjan ta’ rimbors inizjali. Dan l-aħħar servizz kien jagħti l-possibbiltà li l-ħlas ta’ pagamenti mensili jiġi ttrasferit ’il quddiem fil-każ, b’mod partikolari, ta’ inkapaċità għax-xogħol, ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol, ta’ leave mingħajr ħlas, ta’ telf jew ta’ deterjorament ta’ beni wara katastrofi jew ta’ mewt tal-persuna li tikkontribwixxi għad-dħul tal-familja. Skont il-punt 15.2.2.1 tal-istess kundizzjonijiet, sabiex wieħed jibbenefika minn dan is-servizz “Flexi”, kellu jiġi ffirmat ftehim addizzjonali għall-kuntratt.

26      S.R.G. għażlet li tixtri s-servizzi anċillari “Fast” u “Flexi” rispettivament bil-prezzijiet ta’ BGN 1 250 (madwar EUR 625) u ta’ BGN 2 500 (madwar EUR 1 250). Peress li dawn il-prezzijiet ġew inklużi fil-pjan ta’ rimbors bħala komponenti tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, huma żiedu l-ammont totali li għandu jitħallas lura fuq il-bażi ta’ dan tal-aħħar għal BGN 12 515.02 (madwar EUR 6 257).

27      Skont il-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li dawn is-servizzi anċillari ntalbu liberament waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, mingħajr ma ġie allegat li S.R.G. kienet ġiet żgwidata dwar in-natura ta’ dan il-kuntratt u li Profi Credit Bulgaria ma kinitx tagħti l-kunsens tagħha għall-għoti tal-imsemmi kreditu li kieku l-imsemmija servizzi ma kinux inxtraw.

28      S.R.G. adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’azzjoni għal konstatazzjoni negattiva intiża sabiex jiġi ddikjarat li hija ma hijiex responsabbli għall-ħlas fil-konfront ta’ Profi Credit Bulgaria ta’ ammont totali ta’ BGN 7 515.02 (madwar EUR 3 775), li minnu BGN 3 765.02 (madwar EUR 1 900) jikkorrispondu għall-ammont akkumulat tal-interessi kuntrattwali, inkluża r-rata ta’ interessi annwali u r-RPAI għat-tul kollu tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, u BGN 3 750 (madwar EUR 1 875) għas-somom kollha dovuti għas-servizzi anċillari “Fast” u “Flexi”.

29      Skont S.G.R., il-klawżoli kuntrattwali li jistabbilixxu l-obbligu li jitħallsu dawn l-interessi u dawn is-servizzi huma nulli peress li jmorru kontra l-moralità. Minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-imsemmija servizzi, li fir-rigward tagħhom qiegħed jintalab bħala remunerazzjoni ammont li jaqbeż in-nofs tal-ammont misluf, jaqgħu fir-realtà taħt l-attività ta’ ġestjoni ta’ kreditu. Issa, skont l-Artikolu 10bis(2) taż-ZPK, il-persuna li ssellef ma tistax teżiġi l-ħlas ta’ spejjeż u ta’ kummissjonijiet għal din l-attività. Min-naħa l-oħra, hija tallega li l-prezz tal-istess servizzi kellu jiġi inkluż fir-RPAI, peress li jirrappreżenta spiża inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u fil-pjan ta’ rimbors inkwistjoni. Issa, il-persuna li ssellef deliberatament naqset milli tinkludi dan il-prezz fir-RPAI sabiex tevita l-Artikolu 19(4) taż-ZPK, li jipprovdi li r-RPAI ma tistax teċċedi l-ħames darbiet tal-interessi moratorji bir-rata legali f’BGN u f’muniti barranin.

30      Għall-kuntrarju, Profi Credit Bulgaria tafferma li S.R.G. għażlet li tixtri s-servizzi anċillari “Fast” u “Flexi” b’għarfien tal-informazzjoni li hija kienet ipprovditilha qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni u li S.R.G. kienet aċċettat dawn is-servizzi. F’dak li jirrigwarda r-rati ta’ interessi u l-kalkolu tar-RPAI, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li dan il-kuntratt ta’ kreditu kien jistipula li dan il-kalkolu kellu jsir abbażi tal-ammonti inizjali tal-interessi u tal-ispejjeż l-oħra u li dan kien ġie applikat sa tmiem it-tul tal-imsemmi kuntratt.

31      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/48, b’mod partikolari dwar id-determinazzjoni tar-RPAI, dwar il-konsegwenzi ta’ indikazzjoni ineżatta ta’ din ir-rata f’kuntratt ta’ kreditu kif ukoll dwar in-natura proporzjonali tas-sanzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Bulgara fil-każ ta’ indikazzjoni ineżatta tal-imsemmija rata.

32      F’dan ir-rigward, din il-qorti ssostni li, konformement mal-Artikolu 22 taż-ZPK, moqri flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 11(1) u mal-Artikolu 23 taż-ZPK, kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li ma jindikax ir-RPAI huwa null u bla effett, peress li l-konsumatur huwa responsabbli biss għall-valur nett tas-self, mingħajr interessi jew spejjeż. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, f’dan il-każ, ir-remunerazzjoni miftiehma għas-servizzi anċillari “Fast” u “Flexi” tikkostitwixxix spiża li kellha tiġi inkluża fil-formula ta’ kalkolu tar-RPAI, konformement mal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, u jekk l-indikazzjoni ineżatta ta’ din ir-rata fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni setgħetx tiġi assimilata ma’ assenza ta’ indikazzjoni tal-imsemmija rata. Hija tistaqsi, barra minn hekk, dwar in-natura proporzjonata, fis-sens ta’ din id-direttiva, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona b’nullità kuntratt li jindika RPAI żbaljata u, minħabba f’hekk, iċaħħad lill-persuna li ssellef mid-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż previsti minn dan il-kuntratt.

33      Fit-tieni lok, billi ssemmi l-obbligu tagħha li tistħarreġ in-natura inġusta tal-klawżoli fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni ta’ jekk klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu li jirrigwardaw servizzi anċillari bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li biha hija adita jaqgħux taħt is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu u, jekk ikun il-każ, jekk dawn humiex ta’ natura inġusta.

34      Fit-tielet u fl-aħħar lok, dejjem fid-dawl tad-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar it-tqassim tal-ispejjeż, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni ta’ jekk obbligu eventwali, għal S.R.G., li tbati parti mill-ispejjeż jekk tintlaqa’ parzjalment it-talba tagħha jippreġudikax l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3(g) tad-Direttiva [2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari, miftiehma fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi, bħalma huma t-tariffi li jippermettu d-differiment u t-tnaqqis tal-ħlasijiet, jikkostitwixxu parti mir-[RPAI]?

(2)      L-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni żbaljata tar-[RPAI] f’kuntratt ta’ kreditu, konkluż bejn negozjant u konsumatur debitur, għandha titqies daqslikieku ma ġietx indikata r-[RPAI] fil-kuntratt ta’ kreditu u l-qorti nazzjonali għandha tapplika l-konsegwenzi previsti fid-dritt nazzjonali tagħha fil-każ li ma tkunx ġiet indikata r-[RPAI] fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi?

(3)      L-Artikolu [22(4)] tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi, prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li twassal sabiex ikollu jitħallas lura l-kapital imsellef biss, hija sanzjoni proporzjonata f’dawk il-każijiet fejn il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi ma jkunx fih indikazzjoni preċiża tar-[RPAI]?

(4)      L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva [93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż marbuta ma’ sett ta’ servizzi anċillari, li jkunu previsti f’kuntratt addizzjonali għall-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi, li jkun ġie konkluż separatament minn u addizzjonalment għall-kuntratt prinċipali, għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt u għalhekk ma jkunux jistgħu jiġu suġġetti għal evalwazzjoni dwar in-natura inġusta?

(5)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrat flimkien mal-punt 1(o) tal-Anness tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li hija inġusta klawżola, f’kuntratt dwar servizzi anċillari għall-kreditu għall-konsumaturi, li tipprevedi l-possibbiltà astratta għall-konsumatur li jiddiferixxi jew jibdel il-ħlasijiet, possibbiltà li għaliha jħallas imposta, u dan anki jekk ma jużax tali possibbiltà?

(6)      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali taqa’ fuq il-konsumatur fil-każ ta’ [, l-ewwel,] sodisfazzjon parzjali ta’ pretensjoni li somma ma hijiex dovuta minħabba li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali […] [, it-tieni,] impossibbiltà prattika jew diffikultà eċċessiva fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt tal-konsumaturi li jkunu jafu l-ammont preċiż tal-pretensjoni[, it-tielet,] fil-każijiet kollha fejn ikun hemm klawżola inġusta, inkluż fil-każ li l-eżistenza tal-klawżola inġusta ma jkollhiex impatt dirett fuq l-ammont kollu tal-pretensjoni tal-kreditur, jew fuq parti minnu, jew fil-każ li ma jkollhiex rabta diretta mas-suġġett tat-tilwima?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

36      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju sempliċement issemmi s-servizz, anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jippermetti d-differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-problema mqajma minn din id-domanda tirrigwarda ż-żewġ servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

37      Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli u kompleta lil din il-qorti, għandu jitqies li l-imsemmija domanda tirrigwarda dawn iż-żewġ servizzi anċillari u li, permezz tagħha, l-imsemmija qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, taħt dak ta’ “RPAI”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(i).

38      Skont l-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur” jinkludi l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ spejjeż oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’rabta mal-kuntratt ta’ kreditu u li huma magħrufin mill-persuna li ssellef, ħlief spejjeż notarili. B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, dawn l-ispejjeż jinkludu wkoll l-ispejjeż relatati mas-servizzi anċillari relatati mal-kuntratt ta’ kreditu, sakemm il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew b’applikazzjoni tal-klawżoli u l-kundizzjonijiet kummerċjali.

39      Skont l-Artikolu 3(i) tad-Direttiva 2008/48, ir-RPAI tikkorrispondi mal-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur, espressa bħala perċentwali annwali tal-ammont totali tal-kreditu, b’teħid inkunsiderazzjoni, skont il-każ, tal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 19(2) ta’ din id-direttiva.

40      Sabiex tiġi żgurata protezzjoni wiesgħa tal-konsumaturi, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea adotta definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur” (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Soho Group, C‑686/19, EU:C:2020:582, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tindika l-ispejjeż kollha li l-konsumatur għandu jħallas għall-kuntratt ta’ kreditu u li huma magħrufin mill-persuna li ssellef (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 84).

41      Barra minn hekk, sabiex jiggarantixxi din il-protezzjoni, l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/48 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ma jkunux jistgħu jiġu evitati minħabba l-formulazzjoni tal-kuntratti (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor, C‑383/18, EU:C:2019:702, punt 30).

42      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk l-akkwist tas-servizzi anċillari kkonċernati jikkostitwixxix kundizzjoni għall-kisba stess tal-kreditu jew huwiex obbligatorju skont il-klawżoli kuntrattwali u l-kundizzjonijiet kummerċjali u, min-naħa l-oħra, jekk dawn humiex realment servizzi anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mhux skema intiża sabiex taħbi l-ispiża reali ta’ dan il-kreditu, kif essenzjalment tafferma S.R.G..

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, qabel kollox, li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali eżami billi tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li hija għandha. Waqt dan l-eżami, din il-qorti ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li s-servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntalbu liberament waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu jew li, kif sostniet Profi Credit Bulgaria waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-ammonti dovuti skont l-imsemmi kuntratt u l-ispejjeż relatati ma’ dawn is-servizzi kienu indikati separatament fil-pjan ta’ rimbors inizjali.

44      L-imsemmija qorti għandha wkoll tirreferi għad-dispożizzjonijiet kollha tal- kuntratt ta’ kreditu fil-kawża prinċipali u tal-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu kif ukoll għall-kuntest ġuridiku u għaċ-ċirkustanzi fattwali li jagħmel parti minnhom dan il-kuntratt sabiex jiġi stabbilit jekk il-konklużjoni ta’ dan tal-aħħar kinitx ikkundizzjonata mill-akkwist tas-servizzi anċillari kkonċernati jew magħmula obbligatorja minn dawn id-dispożizzjonijiet u minn dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jew minn kundizzjonijiet kummerċjali u jekk arranġament kuntrattwali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienx intiż, fir-realtà, sabiex ir-remunerazzjoni tas-somma mislufa tkun parzjalment esternalizzata permezz ta’ dispożizzjonijiet relatati ma’ dawn is-servizzi anċillari, b’tali mod li ma tidhirx kompletament fl-imsemmi kuntratt u, konsegwentement, la taqa’ taħt il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur” u lanqas taħt dak ta’ “RPAI”, fis-sens tad-Direttiva 2008/48.

45      B’mod partikolari, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-prezz tal-imsemmija servizzi anċillari fir-RPAI kienx intiż, fir-realtà, sabiex tiġi evitata l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 19(4) taż-ZPK, li jipprevedi li din ir-rata ma tistax teċċedi l-ħames darbiet l-interessi moratorji bir-rata legali f’BGN u f’muniti barranin iddeterminati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal-Bulgarija.

46      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, taħt dak ta’ “RPAI”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(i), meta l-akkwist tal-imsemmija servizzi jkun obbligatorju għall-kisba tal-kreditu kkonċernat jew meta dawn jikkostitwixxu skema intiża sabiex taħbi l-ispiża reali ta’ dan il-kreditu.

 Fuq ittieni u ttielet domanda

47      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-qorti tar-rinviju rreferiet, fit-tielet domanda tagħha, għall-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2008/48, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ippreċiżata minn din il-qorti, jirriżulta li d-dubji tagħha jirrigwardaw l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva.

48      Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, billi tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-imsemmija qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-risposta għat-tielet domanda għandha tingħata fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 23.

49      Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(g) u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, meta kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jsemmix RPAI li tinkludi l-ispejjeż kollha previsti fl-Artikolu 3(g) ta’ din id-direttiva, dan il-kuntratt jitqies eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż, b’tali mod li l-annullament tiegħu jwassal biss għall-ħlas lura, mill-konsumatur ikkonċernat, tal-kapital misluf.

50      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 iwettaq armonizzazzjoni totali fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu inklużi b’mod obbligatorju f’kuntratt ta’ kreditu (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 56). Għal dan l-għan, l-Artikolu 10(2)(g) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, ir-RPAI u l-ammont totali dovut mill-konsumatur, ikkalkolati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.

51      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-riferiment għar-RPAI fil-kuntratt ta’ kreditu huwa ta’ importanza essenzjali, b’mod partikolari sa fejn jippermetti lill-konsumatur jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 67 u 70).

52      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 47 tagħha, jirriżulta li, għalkemm l-għażla tas-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati konformement ma’ din id-direttiva titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, is-sanzjonijiet hekk previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dan jimplika li l-ħruxija tal-imsemmija sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li jissanzjonaw, b’mod partikolari, billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 61 sa 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fid-dawl tal-importanza essenzjali li l-indikazzjoni tar-RPAI f’tali kuntratt għandha għall-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali tista’ tapplika ex officio leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-assenza ta’ din l-indikazzjoni għandha bħala konsegwenza li l-kreditu mogħti jitqies eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 77).

54      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’sitwazzjoni fejn kuntratt ta’ kreditu kien isemmi RPAI stmata, fejn l-ammont eżatt tiegħu kellu jiġi speċifikat wara l-għoti tal-kreditu, tali sanzjoni ta’ dekadenza tal-persuna li ssellef tad-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż kellha titqies li hija proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 18 u 69 sa 71).

55      F’dan il-każ, fid-dawl tan-natura essenzjali tal-informazzjoni tar-RPAI f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom kif ukoll fid-dawl tar-rekwiżit li jiġu inklużi fil-kalkolu ta’ din ir-rata l-ispejjeż kollha msemmija fl-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, għandu jitqies li l-indikazzjoni ta’ RPAI li ma tirriflettix b’mod fidil dawn l-ispejjeż kollha ċċaħħad lill-konsumatur mill-possibbiltà li jiddetermina l-portata tal-impenn tiegħu, bl-istess mod bħall-assenza ta’ indikazzjoni ta’ din ir-rata. Konsegwentement, sanzjoni ta’ dekadenza tal-persuna li ssellef tad-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż, fil-każ ta’ indikazzjoni ta’ RPAI li ma tinkludix l-imsemmija spejjeż kollha, tirrifletti l-gravità ta’ tali ksur u għandha natura dissważiva u proporzjonata.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(g) u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, meta kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jsemmix RPAI li tinkludi l-ispejjeż kollha previsti fl-Artikolu 3(g) ta’ din id-direttiva, dan il-kuntratt jitqies eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż, b’tali mod li l-annullament tiegħu jwassal biss għall-ħlas lura, mill-konsumatur ikkonċernat, tal-kapital misluf.

 Fuq irraba’ domanda

57      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżoli li jirrigwardaw servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, jaqgħu taħt is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma jistgħux jiġu suġġetti għal evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tagħhom.

58      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm, skont il-formulazzjoni ta’ din id-domanda, is-servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu previsti fi ftehim anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu kkonċernat, tali indikazzjoni ma tirriżultax ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, peress li l-klawżoli li jirrigwardaw dawn is-servizzi huma intrinsikament marbuta ma’ dan il-kuntratt, huma ma jistgħux jeżistu b’mod awtonomu, fl-assenza ta’ dan il-kuntratt, u l-ispejjeż relatati mal-imsemmija servizzi huma inklużi fil-pjan ta’ rimbors tas-self. Dawn il-klawżoli għandhom, għalhekk, jiġu analizzati fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt u fid-dawl tas-suġġett tiegħu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk humiex inklużi fil-kuntratt stess jew fi ftehim aċċessorju għal dan tal-aħħar.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti, kif previst fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implimentata minn din id-direttiva, u li, għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fir-rigward tal-kategorija tal-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-klawżoli għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-provvisti essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Għall-kuntrarju, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-rapport kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61      L-obbligi essenzjali ta’ kuntratt ta’ kreditu huma li l-persuna li ssellef tobbliga ruħha, prinċipalment, li tqiegħed għad-dispożizzjoni lill-persuna li tissellef ċertu ammont ta’ flus, u din tal-aħħar tobbliga ruħha, min-naħa tagħha, prinċipalment li tħallas lura, bħala regola ġenerali bl-interessi, dan l-ammont fl-iskadenzi previsti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Fid-dawl tal-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ remunerazzjoni għas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti u mal-ipproċessar tas-self jew ta’ servizzi simili oħra inerenti għall-attività tal-persuna li ssellef ikkawżat mill-għoti tas-self ma jistax jitqies li jaqa’ taħt is-servizzi essenzjali li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu kif identifikati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self ), C‑565/21, EU:C:2023:212, punti 22 u 23).

63      Għandu jitfakkar ukoll li l-klawżoli indikati f’din id-dispożizzjoni jaħarbu mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom fil-każ biss li l-qorti nazzjonali kompetenti tqis, wara eżami individwali ta’ kull każ, li dawn tfasslu mill-bejjiegħ jew fornitur b’mod ċar u li jinftiehem (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2019, GT, C‑38/17, EU:C:2019:461, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan il-każ, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-klawżoli dwar l-ispejjeż relatati mas-servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn is-servizzi jirrigwardaw il-prijorità mogħtija lill-konsumatur li jixtri dawn tal-aħħar fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom.

65      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx għalhekk li l-imsemmija servizzi jirrigwardaw l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali kkonċernata, jiġifieri, minn naħa, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ somma flus mill-persuna li ssellef u, min-naħa l-oħra, il-ħlas lura ta’ din is-somma, bħala regola ġenerali bl-interessi, skont l-iskadenzi previsti, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

66      Barra minn hekk, jekk, wara l-eżami li hija għandha twettaq fil-kuntest tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-ispejjeż relatati mas-servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu inklużi fl-“ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, u, għaldaqstant, fir-RPAI, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(i), dan ma jfissirx li l-klawżoli li jirrigwardaw dawn l-ispejjeż jaqgħu awtomatikament taħt l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

67      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 47 tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127), il-portata eżatta tal-kunċett ta’ “suġġett prinċipali” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ma tistax tiġi ddeterminata permezz tal-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48. Għalhekk, il-fatt li tipi differenti ta’ spejjeż huma inklużi fl-ispiża totali ta’ kreditu għall-konsum ma huwiex determinanti sabiex jiġi stabbilit li dawn l-ispejjeż jaqgħu taħt l-obbligi essenzjali tal-kuntratt ta’ kreditu kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 69).

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżoli li jirrigwardaw servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk għandhom ikunu suġġetti għall-evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tagħhom.

 Fuq ilħames domanda

69      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(o) tal-Anness ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jiddiferixxi jew jagħmel bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali, minkejja li ma huwiex ċert li dan il-konsumatur ser jagħmel użu minn din il-possibbiltà, hija ta’ natura inġusta.

70      L-Anness tad-Direttiva 93/13, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati bħala inġusti, li fosthom hemm, fil-punt 1(o) ta’ dan l-anness, dawk li għandhom bħala suġġett u bħala effett li jeħtieġu lill-konsumatur iwettaq l-obbligi tiegħu minkejja li l-bejjiegħ jew fornitur ma jeżegwix l-obbligi tiegħu.

71      Mill-formulazzjoni ta’ dan il-punt 1(o) jirriżulta li dan ma jkoprix klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jiddiferixxi jew jagħmel bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali, sa fejn tali klawżola tipprevedi obbligu eventwali li l-bejjiegħ jew fornitur huwa, bħala prinċipju, obbligat jeżegwixxi, bħala korrispettiv għall-ispejjeż li jikkorrispondu għal flessibbiltà ikbar mogħtija lill-konsumatur fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

72      Madankollu, dan ma jfissirx li tali klawżola ma tistax titqies li hija inġusta, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, jekk din ma tkunx ġiet innegozjata individwalment u jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, tkun toħloq għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt.

73      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk klawżola kuntrattwali partikolari hijiex inġusta jew le, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-oġġetti jew servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u b’riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha eżistenti mal-konklużjoni tiegħu, kif ukoll tal-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

74      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, fl-evalwazzjoni tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-klawżola skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika matul l-eżami ta’ klawżoli kuntrattwali fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, A (Sullokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali), C‑738/19, EU:C:2020:687, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-klawżola li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jiddiferixxi jew jagħmel bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali, indipendentement mill-fatt jekk dan il-konsumatur ikunx effettivament għamel użu minn tali servizzi, għandhiex titqies li hija inġusta fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha eżistenti mal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.

76      Għal dan l-għan, kemm in-natura trasparenti ta’ din il-klawżola, kif meħtieġ mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑609/19, EU:C:2021:469, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-persuna li ssellef fil-kuntest ta’ talba għal bidla tal-pjan ta’ ħlas lura tal-kreditu jikkostitwixxu kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, u b’mod partikolari tal-eventwali żbilanċ kuntrattwali maħluq minnha.

77      F’dan l-aħħar rigward, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tibbilanċja l-ammont tal-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-akkwist tas-servizz ikkonċernat u l-ammont tas-self mogħti, billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ispejjeż kollha marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva turi żbilanċ sinjifikattiv, dan jista’ jiġi kkonstatat mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati elementi oħra. Fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu, tali konstatazzjoni tista’ b’mod partikolari ssir jekk is-servizzi pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż esklużi l-interessi ma jaqgħux b’mod raġonevoli taħt is-servizzi mwettqa fil-kuntest tal-konklużjoni jew tal-ġestjoni ta’ dan il-kuntratt, jew jekk l-ammonti imposti fuq il-konsumatur bħala spejjeż ta’ għoti u ta’ ġestjoni ta’ self jidhru manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont misluf (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Provident Polska, C‑321/22, EU:C:2023:911, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jiddiferixxi jew jagħmel bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali, minkejja li ma jkunx ċert li dan il-konsumatur ser jagħmel użu minn din il-possibbiltà, tista’ tkun ta’ natura inġusta meta, b’mod partikolari, dawn l-ispejjeż ikunu manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont tas-self mogħti.

 Fuq issitt domanda

79      Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li konsumatur jiġi obbligat ibati parti mill-ispejjeż tal-proċedura meta, wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, it-talba tiegħu għall-ħlas lura tal-ammonti li jkun ħallas indebitament skont din il-klawżola tintlaqa’ biss parzjalment.

80      B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk l-interpretazzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 99 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), tapplikax biss meta jkun impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt ta’ konsumatur għall-ħlas lura ta’ somom li huwa jkun ħallas abbażi ta’ klawżola ddikjarata inġusta jew jekk din l-interpretazzjoni tapplikax ukoll fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom it-talba tiegħu għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom tintlaqa’ biss parzjalment.

81      Skont l-imsemmija qorti, jekk hija ma tilqax kompletament it-talba ta’ S.R.G., billi tiddeċiedi jew li l-klawżoli li jirrigwardaw is-servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, jew li l-ispejjeż relatati ma’ dawn is-servizzi ma għandhomx jiġu inklużi fir-RPAI skont id-Direttiva 2008/48, jew li t-talba dwar id-dekadenza tal-persuna li ssellef tad-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż għandha tintlaqa’ biss parzjalment, hija għandha wkoll tiddeċiedi dwar it-tqassim tal-ispejjeż, skont l-Artikolu 78 tal-GPK.

82      Għandu jitfakkar li t-tqassim tal-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati nazzjonali jaqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC, C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Għalkemm il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix, b’mod ġenerali, li l-konsumatur ibati ċerti spejjeż legali meta jippreżenta rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Caixabank, C‑385/20, EU:C:2022:278, punt 51), għandu jiġi osservat ukoll li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur dritt li jadixxi qorti sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha, dritt li n-natura effettiva tiegħu għandha tiġi ppreżervata. Għaldaqstant, is-sistema ta’ tqassim tal-ispejjeż ta’ tali proċedura ma għandhiex tiddisswadi lill-konsumatur milli jeżerċita dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC, C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Fil-punt 99 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali tiġi imposta fuq il-konsumatur skont l-ammont tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, peress li tali sistema toħloq ostakolu sostanzjali li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali kif stabbilit mid-Direttiva 93/13.

85      Is-sistema proċedurali tal-intaxxar tal-ispejjeż ikkonċernata mill-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kienet tippermetti, kif jirriżulta mill-punt 94 ta’ din tal-aħħar, li ma jiġix ikkundannat il-bejjiegħ jew fornitur għall-ispejjeż kollha meta tintlaqa’ kompletament l-azzjoni għal nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta mressqa minn konsumatur, iżda meta tintlaqa’ biss parzjalment l-azzjoni għall-ħlas lura tas-somom imħallsa skont din il-klawżola.

86      Mill-ġurisprudenza li tirriżulta mill-imsemmija sentenza jirriżulta li, fis-sitwazzjoni li fiha t-talbiet li jirrigwardaw l-annullament ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha huma kompletament ammessi, is-sempliċi fatt li l-ħlas lura tas-somom imħallsa b’applikazzjoni ta’ din il-klawżola huwa biss parzjali, minħabba l-eżistenza ta’ prattika kontradittorja ta’ natura li tipprekludi lill-konsumatur milli jikkwantifika korrettament it-talba tiegħu għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom, ma jippermettix li parti mill-ispejjeż proċedurali tiġi imposta fuqu, skont l-ammont tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu.

87      Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li konsumatur jista’ jkollu jbati parti mill-ispejjeż li huwa jkun sostna sabiex jippreżenta azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali fil-każ ta’ ammissjoni parzjali, wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ din il-klawżola, tat-talba tiegħu għall-ħlas lura tas-somom li jkun ħallas indebitament bis-saħħa ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari, meta dan il-konsumatur jeżerċita d-drittijiet tiegħu għal ħlas lura b’mala fide. Madankollu, jekk, wara li tintlaqa’ l-azzjoni għal nullità, tintlaqa’ biss parzjalment it-talba għal ħlas lura, minħabba li fil-prattika huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli, għall-imsemmi konsumatur, li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt tiegħu għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom, sistema proċedurali li permezz tagħha l-istess konsumatur għandu jbati parti mill-ispejjeż relatati ma’ tali proċedura tista’ tiddisswadih milli jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13.

88      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li konsumatur jiġi obbligat ibati parti mill-ispejjeż proċedurali meta, wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, tintlaqa’ biss parzjalment it-talba tiegħu għall-ħlas lura ta’ somom li huwa ħallas indebitament skont din il-klawżola, minħabba li fil-prattika huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt ta’ dan il-konsumatur għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom.

 Fuq lispejjeż

89      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, taħt dak ta’ “RPAI”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(i), meta l-akkwist tal-imsemmija servizzi jkun obbligatorju għall-kisba tal-kreditu kkonċernat jew meta dawn jikkostitwixxu skema intiża sabiex taħbi l-ispiża reali ta’ dan il-kreditu.

2)      L-Artikolu 10(2)(g) u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li, meta kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jsemmix rata ta’ imposta perċentwali fis-sena li tinkludi l-ispejjeż kollha previsti fl-Artikolu 3(g) ta’ din id-direttiva, dan il-kuntratt jitqies eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż, b’tali mod li l-annullament tiegħu jwassal biss għar-restituzzjoni, mill-konsumatur ikkonċernat, tal-kapital misluf.

3)      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

klawżoli li jirrigwardaw servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk għandhom ikunu suġġetti għall-evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tagħhom.

4)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jiddiferixxi jew jagħmel bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali, minkejja li ma jkunx ċert li dan il-konsumatur ser jagħmel użu minn din il-possibbiltà, tista’ tkun ta’ natura inġusta, meta, b’mod partikolari, dawn l-ispejjeż ikunu manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont tas-self mogħti.

5)      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li konsumatur jiġi obbligat ibati parti mill-ispejjeż proċedurali, meta, wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, tintlaqa’ biss parzjalment it-talba tiegħu għall-ħlas lura ta’ somom li huwa ħallas indebitament skont din il-klawżola, minħabba li fil-prattika huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt ta’ dan il-konsumatur għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.