Language of document : ECLI:EU:C:2024:268

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fil‑21 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C494/22 P

IlKummissjoni Ewropea

vs

IrRepubblika Ċeka

“Appell – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Dazji doganali – Obbligi tal-Istati Membri – Pagament lill-Kummissjoni Ewropea ta’ ammonti li jikkorrispondu għal riżorsi proprji mhux irkuprati – Investigazzjoni dwar l-evitar tad-dazji antidumping tal-lajters tal-but li joriġinaw mil-Laos – Rapport tal-missjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu – Artikoli 268 u 340 TFUE”






I.      Introduzzjoni

1.        Kif jgħidu, fuq tlieta toqgħod il-borma.

2.        Din il-kawża tirrappreżenta t-tielet darba li r-Repubblika Ċeka ppruvat tressaq quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea tilwima mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-obbligu ta’ kreditu tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Din issegwi tentattivi ta’ dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta, l-ewwel, rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE (sabiex jikkontesta l-ittra tal-Kummissjoni li titlob il-pagament) (2) u, it-tieni, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE (minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li tippreżenta azzjoni għal ksur kontrih) (3).

3.        Fil-fatt, fis-sentenza prinċipali tagħha fil-kawża Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (4), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, meta Stat Membru ma jaqbilx mal-Kummissjoni fir-rigward tal-obbligi tiegħu fil-qasam tar-riżorsi proprji, rikors għal annullament ma huwiex possibbli u l-Kummissjoni lanqas ma tista’ tkun obbligata tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Min-naħa l-oħra, l-Istat Membru jista’ jitlob kumpens minħabba l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni u jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għal dan l-għan.

4.        Għalhekk, fil-prattika, Stat Membru għandu jikkredita l-ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni inkwistjoni fil-kont tal-Kummissjoni sabiex jevita li jkollu jħallas interessi moratorji fil-każ li jitlef it-tilwima. Wara dan, meta titlob ir-rimbors ta’ dan l-ammont permezz tal-azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni, l-Istat Membru jista’ jipproduċi l-prova li l-Kummissjoni wettqet żball.

5.        Ir-Repubblika Ċeka għamlet proprju dan. Issa li ġie megħlub l-ostakolu proċedurali, il-kwistjoni sostantiva mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell hija dik dwar jekk dan l-Istat Membru jew il-Kummissjoni fehmux b’mod korrett ir-regoli baġitarji tal-Unjoni.

6.        Permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Mejju 2022, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑151/20, EU:T:2022:281; iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors tar-Repubblika Ċeka dwar arrikkiment indebitu. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li r-Repubblika Ċeka setgħet tiġi eżentata mill-obbligu tagħha li tħallas ċerti ammonti ta’ riżorsi proprji li kienu rriżultaw impossibbli li jiġu rkuprati u li hija kellha dritt tistenna rapport tal-missjoni mibgħut mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (iktar ’il quddiem l-“OLAF”) (5) qabel ma tieħu l-miżuri neċessarji sabiex iddaħħal dawn l-ammonti fil-kontijiet korrispondenti.

7.        Fl-appell, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka kienet obbligata, skont id-dritt tal-Unjoni, tħallas l-ammonti kontenzjużi kollha u li ma kienx hemm arrikkiment indebitu tal-Unjoni.

8.        Din il-kawża tqajjem għalhekk kwistjonijiet importanti ta’ prinċipju u ta’ prattika fir-rigward tal-obbligi tal-Istati Membri taħt id-dritt tal-Unjoni dwar ir-riżorsi proprji. Id-domandi prinċipali huma essenzjalment tnejn. L-ewwel waħda teżiġi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dħul tardiv fil-kontijiet minn Stat Membru jipprekludix li dan l-Istat Membru jinħeles mill-obbligi tiegħu li jagħmel disponibbli riżorsi proprji. It-tieni waħda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika Ċeka kinitx tardiva meta stabbilixxiet u daħħlet l-intitolamenti tal-Unjoni fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ peress li stenniet ir-rapport tal-missjoni tal-OLAF.

II.    Sfond

A.      Issistema tarriżorsi proprji talUnjoni u ddritt rilevanti talUnjoni

9.        L-Unjoni tibbaża ruħha fuq baġit ibbilanċjat li huwa ffinanzjat prinċipalment mir-riżorsi tagħha stess. Ir-riżorsi proprji tal-Unjoni huma essenzjalment dħul li jmur awtomatikament fil-baġit tal-Unjoni, mingħajr il-ħtieġa ta’ deċiżjoni sussegwenti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri (6).

10.      Hemm diversi tipi ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni, inklużi riżorsi proprji tradizzjonali (iktar ’il quddiem ir-“RPT”), li huma prinċipalment dazji doganali fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi (7). Ir-RPT huma sors dirett ta’ dħul għall-Unjoni, li ma jiddependix fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri (8). Huma ddefiniti b’mod sħiħ mil-leġiżlatur tal-Unjoni (9) u r-rwol tal-Istati Membri fil-kuntest tal-ġbir u tat-trasferiment tagħhom huwa purament strumentali (10).

11.      Madankollu, peress li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex il-kolletturi tat-taxxa tagħha stess, l-Istati Membri għandhom jiġbru d-dazji doganali u jħallsuhom (“jagħmluhom disponibbli” fit-terminoloġija tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni) lill-baġit tal-Unjoni billi jiddepożitawhom f’kont f’isem il-Kummissjoni (filwaqt li jistgħu jżommu ċertu perċentwal għall-ispejjeż tal-ġbir).

12.      Għalhekk, fil-qosor, ir-RPT huma flus tal-Unjoni, iżda l-Unjoni għandha toqgħod fuq l-Istati Membri sabiex tiksibhom.

13.      Konsegwentement, is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni hija rregolata minn qafas legali speċifiku tal-Unjoni (11), li huwa l-qofol ta’ din il-kawża. F’din is-sistema, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni u għandhom jagħmlu disponibbli r-riżorsi proprji skont ir-regoli (inklużi l-limiti ta’ żmien) stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-riżorsi proprji (12).

14.      Id-Deċiżjonijiet 2000/597/KE, Euratom (13) u 2007/436/EC, Euratom (14), kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000 (KE, Euratom) (15), huma rilevanti f’dan il-każ.

15.      Ir-Regolament Nru 1150/2000 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsi proprji. Dan isir fi tliet stadji. L-ewwel nett, Stat Membru għandu jistabbilixxi l-intitolamenti tal-Unjoni, li huma rregolati mill-Artikolu 2 tiegħu. It-tieni nett, dan l-Istat Membru għandu jdaħħal dawn l-intitolamenti fil-kontijiet konformement mal-Artikolu 6 tiegħu. It-tielet nett, skont l-Artikoli 9 u 10 tal-imsemmi regolament, l-Istat Membru għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammont stabbilit billi jikkredita l-kont ta’ din tal-aħħar mal-ammont korrispondenti għall-imsemmija intitolamenti.

16.      Fir-rigward tal-istabbiliment tal-intitolamenti, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jagħmel konnessjoni mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni. Huwa jipprevedi li l-intitolament tal-Unjoni għar-RPT għandu jiġi stabbilit “malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur”(16). Skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, id-data tat-twaqqif hija d-“data tad-dħul fil-kotba tal-kontijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fir-regolament doganali”.

17.      Fir-rigward tad-dħul tal-intitolamenti fil-kontijiet, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jobbliga lill-Istati Membri jżommu kontijiet speċifiċi għar-riżorsi proprji (17). Skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri għandhom, fit-terminu stabbilit (18), jinkludu r-RPT f’wieħed miż-żewġ kontijiet. F’sitwazzjoni regolari, jiġifieri meta jkunu rċevew ammonti dovuti jew ikunu rċevew garanzija mingħand id-debitur, huma għandhom jirreġistraw l-intitolament fil-kont normali, imsejjaħ “Kont A”. Madankollu, jekk l-ammonti ma jkunux ġew irkuprati mid-debitur jew garantiti, jew jekk l-ammonti garantiti jkunu ġew ikkontestati u jistgħu jiġu emendati, l-Istati Membri għandhom idaħħlu l-intitolamenti tal-Unjoni f’kont separat, imsejjaħ il-“kont B”.

18.      Dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsi proprji, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jikkreditaw ir-riżorsi proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10. Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, wara tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir, id-dħul tar-riżorsi proprji mill-kont A għall-kont tal-Kummissjoni għandu jsir f’terminu bbażat fuq id-dħul tal-intitolamenti, filwaqt li, għar-riżorsi proprji li joriġinaw mill-kont B, ir-reġistrazzjoni għandha ssir f’terminu bbażat fuq il-mument meta l-intitolamenti jkunu ġew irkuprati. Skont l-Artikolu 11 tiegħu, kull dewmien fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji lill-Kummissjoni jagħti lok għall-ħlas ta’ interessi.

19.      L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, jirrikjedi li l-Istati Membri “jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti ta’ l-intitolament stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 2 isir magħmul disponibbli lill-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament”.

20.      Madankollu, għal intitolamenti mdaħħla fil-kont B, Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-fatti, jipprevedi li l-Istati Membri għandhom “jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 li jirriżultaw bħala irrekuperabbli minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin: (a) raġunijiet ta’ force majeure; (b) raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.”

21.      Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-ammonti ta’ intitolamenti stabbiliti għandhom jitqiesu bħala irrekuperabbli “sa mhux aktar tard, wara perjodu ta’ ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 2” jew, fil-każ ta’ appell, id-deċiżjoni finali tkun ingħatat, ġiet innotifikata jew ippubblikata. Dawn l-ammonti irrekuperabbli għandhom jitneħħew definittivament mill-kont B (19).

22.      Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3) u (4) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw lill-Kummissjoni f’każijiet fejn l-ammonti irrekuperabbli jaqbżu l-EUR 50 000 (spiss identifikati bħala rapporti ta’ tħassir). Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, sabiex tevalwa l-ġustifikazzjoni tal-iżvelar mill-Istat Membru skont l-Artikolu 17(2), kif kien il-każ f’din il-kawża.

B.      Fatti li wasslu għallproċeduri quddiem ilQorti Ġenerali

23.      Din il-kawża taqa’ fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni dwar il-kwistjoni jekk dan l-Istat Membru stabbilixxiex tardivament ċerti ammonti li jikkorrispondu għar-riżorsi proprji tal-Unjoni peress li stenna informazzjoni mill-OLAF. Li jmiss hija s-sekwenza tal-avvenimenti li taw lok għal din il-kawża.

24.      Fl‑2001, l-Unjoni imponiet dazji antidumping fuq lajters tal-but li joriġinaw miċ-Ċina (20). Konsegwentement, saru sforzi sabiex dawn id-dazji jiġu evitati u saru tentattivi sabiex jiġu importati lajters fl-Unjoni b’oriġini ddikjarata b’mod falz minn għadd ta’ pajjiżi fix-Xlokk tal-Asja, fosthom il-Laos, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

25.      BAIDE Lighter Industry (LAO) Co., Ltd. hija kumpannija fil-Laos li kienet timporta lajters tal-but fl-Unjoni permezz tal-kumpannija Ewropea tagħha, Baide International (Europe) s.r.o., fi Praga (ir-Repubblika Ċeka). Ser nirreferi kollettivament dawn il-kumpanniji bħala “Baizza”.

26.      Fit‑22 ta’ Marzu 2006, l-awtoritajiet Ċeki stabbilixxew profil tar-riskju (iktar ’il quddiem il-“profil tar-riskju”), li jindika li kien hemm suspett raġonevoli ta’ evitar tal-leġiżlazzjoni doganali f’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ lajters u kien jimponi kontrolli interni.

27.      Fit‑13 ta’ April 2006, l-awtoritajiet Ċeki bagħtu ittra lill-OLAF, li tipprovdi informazzjoni dwar il-każijiet ta’ importazzjoni ta’ lajters u ssemmi suspetti ta’ frodi mwettqa minn impriżi, fosthom Baide.

28.      Fit‑28 ta’ Awwissu 2006, l-awtoritajiet Ċeki fetħu investigazzjoni dwar Baide.

29.      Fit‑2 ta’ Novembru 2006, l-awtoritajiet Ċeki aġġornaw il-profil tar-riskju.

30.      Fl‑20 ta’ Diċembru 2006, l-OLAF fetaħ investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ lajters provenjenti mil-Laos għall-perijodu bejn l‑2004 u l‑2006.

31.      Fit‑30 ta’ April 2007, l-OLAF adotta komunikazzjoni ta’ assistenza reċiproka, li ntbagħtet lill-Istati Membri sabiex tavżahom bl-allegata frodi u titlob informazzjoni addizzjonali.

32.      Mit‑2 sas‑26 ta’ Novembru 2007, missjoni tal-Unjoni żaret il-Laos u t-Tajlandja sabiex tinvestiga l-allegat evitar tad-dazji antidumping fuq il-lajters importati mil-Laos fl-Unjoni għall-perijodu bejn l‑2004 sal‑2007 (iktar ’il quddiem il-“missjoni”). It-tim tal-missjoni tal-Unjoni kien magħmul minn uffiċjali tal-OLAF u mill-awtoritajiet doganali tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja u tar-Renju Unit, it-tliet Stati Membri meqjusa li huma prinċipalment ikkonċernati minn dan it-traffiku.

33.      Matul il-missjoni, fil‑15 ta’ Novembru 2007, il-membri tat-tim tal-missjoni tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Laos stabbilixxew u ffirmaw il-Minuti Konġunti Miftiehma (iktar ’il quddiem il-“minuti konġunti”) (21). Dawn il-minuti ddeskrivew il-kuntest u l-konklużjonijiet tal-missjoni u kienu jinkludu serje ta’ dokumenti annessi.

34.      B’mod partikolari, il-minuti konġunti kienu jirreferu għall-investigazzjoni preliminari mwettqa mill-awtoritajiet tal-Laos qabel il-missjoni, li kkonkludiet li 96 mill‑110 kunsinna fil-lista tal-importazzjonijiet tal-Unjoni kienu esportazzjonijiet mill-ġdid ta’ lajters Ċiniżi importati, filwaqt li l‑14‑il kunsinna li kien fadal kienu jikkonsistu f’lajters li joriġinaw mil-Laos. Dawn il-minuti kienu jsemmu wkoll informazzjoni u dokumenti addizzjonali miksuba mill-awtoritajiet tal-Laos kif ukoll iż-żjara fil-bini ta’ Baien fil-Laos. Huma indikaw ukoll li kien ġie miftiehem li l-awtoritajiet tal-Laos kellhom iwettqu stħarriġ ġdid dwar ċerti kunsinni addizzjonali identifikati matul il-missjoni u li t-tim tal-missjoni tal-Unjoni kien ser jissottometti talba ġdida lil ċerti awtoritajiet tal-Laos sabiex ifittxu dikjarazzjonijiet doganali dwar il-kunsinni kollha kkonċernati.

35.      Wara r-ritorn tal-missjoni, l-OLAF kien aċċetta li jikkomunika l-provi miġbura matul il-missjoni fir-Repubblika Ċeka fil-bidu tas-sena 2008. Madankollu, l-OLAF ikkomunika tardivament ir-rapport tiegħu li miegħu kienu mehmuża l-provi.

36.      Fis‑6 ta’ Mejju 2008, Baide temmet l-attivitajiet tagħha fir-Repubblika Ċeka.

37.      Fit‑30 ta’ Mejju 2008, l-OLAF adotta rapport dwar il-missjoni (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-missjoni tal-OLAF”). Dan ir-rapport kien jinkludi sommarju tal-missjoni, ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF u kien akkumpanjat minn provi miġbura matul il-missjoni.

38.      B’mod partikolari, ir-rapport tal-missjoni tal-OLAF ġabar fil-qosor l-informazzjoni riċevuta matul il-missjoni, u indika li l-informazzjoni disponibbli fil-Laos flimkien ma’ dik ipprovduta mill-Istati Membri ppermettiet lill-OLAF jipprepara rekord tal-awditjar komplut għas‑67 kunsinna importati fl-Unjoni. Dan ir-rapport ikkonkluda li Baide importat il-lajters miċ-Ċina fil-Laos u esportathom mill-ġdid fl-Unjoni permezz tat-Tajlandja, u b’hekk evadiet id-dazji antidumping.

39.      Ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF li jinsabu f’dan ir-rapport kienu jippreċiżaw fil-parti rilevanti tagħhom: “Huwa ritenut li l-provai tal-oriġini Ċiniża stabbiliti fil-kors tal-missjoni huma biżżejjed sabiex l-Istati Membri jibdew proċeduri amministrattivi għall-irkupru tad-dazji.”

40.      Fid‑9 ta’ Lulju 2008, ir-rapport tal-missjoni tal-OLAF ġie nnotifikat lir-Repubblika Ċeka.

41.      Fl‑4 ta’ Awwissu 2008, ir-Repubblika Ċeka rċeviet verżjoni bil-lingwa Ċeka tar-rapport tal-missjoni tal-OLAF bi tweġiba għat-talba tagħha.

42.      Fil‑11 ta’ Awwissu 2008, saret laqgħa bejn l-awtoritajiet Ċeki dwar l-azzjoni li kellha tittieħed. Fl-istess jum, l-awtoritajiet Ċeki wettqu spezzjoni fil-bini ta’ Baide fi Praga u skoprew li din il-kumpannija kienet tneħħiet mir-Reġistru u ħarġet mill-bini mis‑6 ta’ Mejju 2008.

43.      Minn Settembru 2008, l-awtoritajiet Ċeki ħadu miżuri sabiex jaġġustaw u jirkupraw, bi ftit suċċess, id-dazji fi 28 każ ta’ lajters importati minn Baide fir-Repubblika Ċeka u rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera bejn is‑26 ta’ Settembru 2005 u l‑1 ta’ Marzu 2007.

44.      Bejn it‑22 ta’ Settembru 2008 u t‑18 ta’ Frar 2009, ir-Repubblika Ċeka stabbilixxiet l-intitolamenti dovuti minn Baide u daħħlet l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti iżda li għadhom ma ġewx irkuprati fir-rigward ta’ dawn il-każijiet fil-kont B skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000.

45.      Fl‑10 ta’ Diċembru 2008, l-OLAF adotta rapport tal-każ finali dwar l-investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ lajters provenjenti mil-Laos għall-perijodu mill‑2004 sal‑2006 (iktar ’il quddiem ir-“rapport finali tal-OLAF”). Huwa ġabar fil-qosor l-isfond u r-riżultati tal-missjoni u spjega l-evalwazzjoni legali u l-konklużjonijiet tal-OLAF.

46.      Bejn Novembru 2013 u Novembru 2014, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat rapporti lill-Kummissjoni għat‑28 każ li fihom dan l-Istat Membru qies li kellu jiġi eżentat mill-obbligu li jqiegħed dawn l-ammonti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 minħabba li l-irkupru kien impossibbli.

47.      Wara xi skambji ta’ informazzjoni, fl‑20 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-Repubblika Ċeka, li fiha hija esponiet il-pożizzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 ma kienux issodisfatti għat-28 każ. Il-Kummissjoni talbet lil dan l-Istat Membru jikkredita l-kont tiegħu għal ammont ta’ 53 976 340 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 2 112 708).

48.      Fis‑17 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Ċeka, wara li esprimiet xi riżervi, ħallset 75 % ta’ dan l-ammont (CZK 40 482 255, jiġifieri madwar EUR 1 584 531) fil-kont tal-Kummissjoni, wara tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir ta’ 25 % (22).

C.      Ilproċeduri quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

49.      Fis‑16 ta’ Marzu 2020, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali rikors ibbażat fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni, bl-għan li tikseb ir-rimbors ta’ dan l-ammont.

50.      Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja intervjenew insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka.

51.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors tar-Repubblika Ċeka fir-rigward ta’ parti minn dan l-ammont.

52.      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-Repubblika Ċeka setgħet tinvoka l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 sabiex tinħeles mill-obbligu tagħha li tqiegħed l-ammonti inkwistjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, irrispettivament minn jekk dak l-Istat Membru kienx naqas milli jdaħħal fil-ħin fil-kont B skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu 6(3)(b) tiegħu. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li r-Repubblika Ċeka kienet għamlet tali dħul fi żmien xieraq, peress li dawn it-termini kellhom jiġu kkalkolati mid-data li fiha l-intitolamenti ġew effettivament stabbiliti, u mhux mid-data li fiha kellhom jiġu stabbiliti (punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata).

53.      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-Repubblika Ċeka setgħet tistabbilixxi d-dazji doganali dovuti minn Baide biss wara li rċeviet ir-rapport tal-missjoni tal-OLAF, u li dan l-Istat Membru ma kienx obbligat li jagħmel dan mar-ritorn tal-missjoni. Il-Qorti Ġenerali qieset li r-Repubblika Ċeka kellha d-dritt tistenna dan ir-rapport, u mhux li titlob għall-provi miġbura matul il-missjoni minn qabel, peress li l-OLAF kien aċċetta li jikkomunikahom fil-bidu tal-2008, iżda għamel dan tardivament dan, u peress li l-OLAF kien fl-aħjar pożizzjoni sabiex janalizza u jivverifika tali provi (punti 94 sa 126 tas-sentenza appellata).

54.      It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-waqfien tal-attività ta’ Baide fir-Repubblika Ċeka kien jikkostitwixxi raġuni mhux imputabbli lil dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, li eżonerah mill-obbligu li jagħmel disponibbli l-ammonti inkwistjoni, peress li ebda attiv ma seta’ jiġi maqbud fit-territorju tiegħu (punti 127 sa 137 tas-sentenza appellata).

55.      Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali madankollu qieset li r-Repubblika Ċeka kienet obbligata, skont id-dritt tal-Unjoni, tikkostitwixxi garanzija għad-dazji antidumping dovuti minn Baide sa mill-adozzjoni tal-profil tar-riskju fit‑22 ta’ Marzu 2006. Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm arrikkiment indebitu tal-Unjoni fir-rigward ta’ 12 mit‑28 każ ta’ importazzjonijiet imwettqa qabel din id-data, iżda mhux għas‑16‑il każ sussegwenti.

D.      Proċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

56.      Permezz tal-appell tagħha ppreżentat fit‑22 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, tiċħad il-kawża u tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-motivi li għadhom ma ġewx eżaminati, fejn l-ispejjeż huma rriżervati.

57.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fit‑8 ta’ Novembru 2022, ir-Repubblika Ċeka titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

58.      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka ppreżentaw ukoll replika u kontroreplika fit‑13 ta’ Marzu 2023 u fil‑31 ta’ April 2023 rispettivament.

59.      Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

60.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jintervjeni insostenn tar-Repubblika Ċeka.

61.      Inżammet seduta fl‑10 ta’ Jannar 2024, li matulha l-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka kif ukoll il-Gvern Belġjan, Olandiż u Pollakk ippreżentaw osservazzjonijiet orali.

III. Analiżi

62.      L-azzjoni għal arrikkiment indebitu tal-Unjoni ġiet żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (23).

63.      Sabiex tirbaħ il-kawża, ir-Repubblika Ċeka, bħala rikorrenti, għandha tipproduċi l-prova ta’ arrikkiment tal-Unjoni li għalih ma teżistix bażi legali valida kif ukoll il-prova ta’ ftaqir min-naħa tagħha marbut ma’ dan l-arrikkiment (24).

64.      Ma huwiex ikkontestat f’din il-proċedura li l-Unjoni Ewropea hija arrikkita bit-telf korrelattiv tar-Repubblika Ċeka, peress li dan l-Istat Membru ħallas l-ammont kontenzjuż tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, anki jekk ma kienx jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-obbligu tiegħu li jagħmel dan. Minflok, il-qofol tat-tilwima f’din il-kawża huwa jekk kinitx teżisti bażi legali valida għal tali ħlas.

65.      Jekk ir-Repubblika Ċeka tista’ tinvoka b’suċċess l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, ma hemm l-ebda bażi legali valida li tirrikjedi l-ħlas. L-Unjoni mbagħad tiġi arrikkita indebitament u jkollha tħallas lura l-ammont inkwistjoni.

66.      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-Repubblika Ċeka setgħet tinvoka l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 sabiex titlob rimbors ta’ parti mill-ammont ikkreditat lill-baġit tal-Unjoni.

67.      Fl-appell, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka stabbilixxiet u daħħlet l-ammonti tardivament, b’tali mod li hija ma setgħetx tinvoka l-Artikolu 17(2). tar-Regolament Nru 1150/2000. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma ġiex meħlus mill-obbligu tiegħu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti kkontestati kollha u l-ebda ammont ma għandu jiġi rrimborsat.

68.      Il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, flimkien mal-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 325 TFUE.

69.      Essenzjalment, l-ewwel aggravju jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li Stat Membru jista’ jinvoka l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 anki jekk id-dħul tiegħu fil-kont B skont l-Artikolu 6(3)(b) tiegħu kien tardiv. It-tieni aggravju jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li r-Repubblika Ċeka kienet daħħlet fi żmien xieraq għaliex kellha raġun tistenna r-rapport tal-missjoni tal-OLAF.

70.      Ir-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Gvern Belġjan, Olandiż u Pollakk, titlob li l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

71.      L-ewwel ser nispjega r-raġunijiet li għalihom inqis li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Ċeka dwar l-ammissibbiltà tal-appell għandhom jiġu miċħuda (A). Sussegwentement, ser nuri għaliex nikkunsidra li l-ewwel (B) u t-tieni (C) aggravji huma fondati.

A.      Ammissibbiltà

72.      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li ż-żewġ aggravji huma inammissibbli, peress li ma josservawx ir-rekwiżiti proċedurali kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-ċarezza u l-preċiżjoni tal-appell u tal-punti kkontestati tas-sentenza appellata (25). Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li ċerti argumenti tal-Kummissjoni huma ġodda u ma ġewx eżaminati fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (26). B’mod partikolari, kif enfasizzat ir-Repubblika Ċeka waqt is-seduta, il-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha u ressqet argumenti ġodda bbażati fuq il-minuti konġunti, li hija ma ressqitx quddiem il-Qorti Ġenerali.

73.      Fil-fehma tiegħi, l-argumenti tar-Repubblika Ċeka għandhom jiġu miċħuda.

74.      L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat Membru, iż-żewġ aggravji jindikaw b’mod preċiż il-punti kkontestati tas-sentenza appellata u jesponu r-raġunijiet li għalihom dawn il-punti huma, skont il-Kummissjoni, ivvizzjati bi żball ta’ liġi, li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tagħhom.

75.      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni ma qajmitx aggravji ġodda fl-appell. F’dan ir-rigward, mill-punti 94, 95 u 104 tas-sentenza appellata, kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Ċeka fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (27), jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-minuti konġunti sabiex issostni quddiem il-Qorti Ġenerali li r-Repubblika Ċeka kellha informazzjoni suffiċjenti sabiex tistabbilixxi, sa mhux iktar tard mir-ritorn tagħha mill-missjoni, id-dejn doganali. Sa fejn, permezz tal-argument tagħha fl-istadju tal-appell, il-Kummissjoni tipprova turi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li r-Repubblika Ċeka setgħet tistenna li tistabbilixxi l-ammonti sal-kunsinna tar-rapport tal-missjoni tal-OLAF, dan huwa l-amplifikazzjoni ta’ motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, u mhux motiv ġdid imqajjem għall-ewwel darba fl-appell.

76.      Għaldaqstant, inqis li l-appell huwa ammissibbli.

B.      Fuq lewwel aggravju

77.      Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat l-Artikoli 6(3) u 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000.

78.      Il-qofol tal-argument tal-Kummissjoni huwa li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li Stat Membru seta’ jinvoka l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 anki jekk huwa daħħal l-intitolamenti fil-kont B skont l-Artikolu 6(3) tardivament.

79.      Ir-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Gvern Belġjan, Olandiż u Pollakk, issostni li l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 6(3)(b) u l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 ma hijiex sostnuta mill-formulazzjoni u l-objettivi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont dawn l-Istati Membri, dħul tardiv fil-kont B ma jistax ikollu awtomatikament l-effett li jeskludi Stat Membru milli jistrieħ fuq l-Artikolu 17(2). Dan imur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li fuqha hija bbażata din id-dispożizzjoni.

80.      Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 6(3)(b) u l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 jiddependi fuq id-determinazzjoni tal-mument li fih jiddaħħal l-intitolament meqjus bħala tardiv. Jekk id-dħul isir tard meta Stat Membru ma jagħmlux qabel minħabba n-nuqqas tiegħu stess, ma hemm l-ebda raġuni sabiex dan l-Istat Membru jiġi awtorizzat jinvoka l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, Stat Membru jista’ jinħeles mill-obbligu li jikkredita l-baġit tal-Unjoni biss jekk l-irkupru tad-dejn jirriżulta irrekuperabbli għal raġunijiet mhux imputabbli lil dan l-Istat Membru (28).

81.      L-ewwel ser nanalizza l-kwistjoni dwar f’liema mument Stat Membru għandu jiġi kkunsidrat bħala li daħħal intitolament tardivament u li għalhekk kiser id-dispożizzjoni tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000. Imbagħad ser nindirizza r-relazzjoni bejn l-Artikolu 6(3)(b) u l-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament, u neżamina jekk dħul tardiv jipprekludix lil Stat Membru milli jinvoka l-Artikolu 17(2) sabiex jinħeles mill-obbligi tiegħu.

1.      Meta huwa Stat Membru tard biddħul talintitolamenti?

82.      Skont il-Kummissjoni, id-dħul huwa tardiv jekk ikun sar wara l-iskadenza tat-terminu kkalkolat mill-mument li fih l-Istat Membru kellu jistabbilixxi l-intitolament. Min-naħa l-oħra, skont ir-Repubblika Ċeka u l-Istati Membri intervenjenti, it-terminu għad-dħul tal-intitolament jista’ jibda jiddekorri biss mill-mument li fih l-Istat Membru jkun effettivament stabbilixxa l-intitolament.

83.      Qabelxejn, mit-test tar-Regolament Nru 1150/2000 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-istabbiliment u d-dħul tal-intitolamenti huma marbuta mill-qrib (29).

84.      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 1150/2000 jirriżulta li l-intitolamenti għandhom jiddaħħlu fil-kont xieraq mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d‑19‑il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament. It-terminu għad-dħul tal-intitolament jibda jiddekorri għalhekk mill-mument li fih l-intitolament jiġi stabbilit.

85.      Jekk, matul dan it-terminu, l-Istat Membru jiġbor id-dazji jew jikseb garanzija fir-rigward tagħhom, dawn l-intitolamenti għandhom jiddaħħlu fil-kont A. Jekk, għall-kuntrarju, l-Istat Membru ma jirnexxilux jirkupra d-dejn jew jekk id-dejn huwa kkontestat, tali intitolamenti jiddaħħlu fil-kont B. Mill-mument tad-dħul tal-intitolament fil-kont B, l-Istat Membru għandu, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġi rkuprat id-dejn u li l-ammont korrispondenti jkun disponibbli għall-Kummissjoni.

86.      It-terminu għad-dħul tal-intitolamenti jew fil-kont A jew fil-kont B hija l-istess u tibda tiddekorri mix-xahar li fih l-intitolament ikun ġie stabbilit. Dan it-terminu jiddependi għalhekk mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000, li jistabbilixxi l-mument li fih għandhom jiġu stabbiliti l-intitolamenti.

87.      Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji għandu jiġi stabbilit “malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur.” Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 217(1) il-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti, jipprovdi li d-dazji doganali għandhom jiġu “kalkolat[i] mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji” (30).

88.      Skont il-ġurisprudenza, l-intitolament huwa għalhekk stabbilit meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru jkunu f’pożizzjoni, minn naħa, li jikkalkolaw l-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dejn doganali u, min-naħa l-oħra, li jiddeterminaw id-debitur (31).

89.      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li Stat Membru huwa tardiv bid-dħul fil-kont rilevanti (A jew B) u b’hekk jikser l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000, jekk huwa jkun stabbilixxa l-intitolament tardivament. L-Istat Membru, min-naħa tiegħu, ikun tard fl-istabbiliment tal-intitolament jekk ikollu informazzjoni suffiċjenti (sabiex jikkalkula l-ammont u jidentifika d-debitur), iżda ma jkunx stabbilixxa d-dazju.

90.      Konsegwentement, il-formulazzjoni u l-istruttura tar-Regolament Nru 1150/2000 jissuġġerixxu li l-interpretazzjoni korretta hija dik proposta mill-Kummissjoni, jiġifieri li Stat Membru huwa tardiv bid-dħul tal-intitolamenti jekk ma jkunx osserva t-terminu kkalkolat mill-mument li fih huwa kellu jistabbilixxi dawn l-intitolamenti, u mhux mill-mument meta huwa effettivament stabbilixxiehom.

91.      Il-Gvern Pollakk isostni li tali approċċ jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet arbitrarji. Skont dan l-Istat Membru, data ipotetika li fiha l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jistabbilixxu id-dejn doganali hija impossibbli li tiġi osservata fil-prattika.

92.      Jiena ma naqbilx mal-opinjoni tal-Gvern Pollakk li d-deċiżjoni meta l-Istat Membru kellu jistabbilixxi l-intitolament hija arbitrarja. Din hija bbażata fuq jekk l-awtoritajiet tal-Istat Membru kellhomx biżżejjed informazzjoni (dwar l-ammont u dwar id-debitur) meta jiġi allegat li l-Istat Membru kellu jistabbilixxi d-dazju. Jekk l-Istat Membru ma jkollux jew ma setax ikollu informazzjoni suffiċjenti, ma huwiex obbligat li jistabbilixxi l-intitolament, peress li l-obbligu jitnissel biss ladarba l-Istat Membru jkollu informazzjoni suffiċjenti.

93.      Madankollu, jekk jista’ jintwera li Stat Membru kellu, jew seta’ kellu, li kieku aġixxa b’mod proattiv, l-informazzjoni kollha neċessarja, iżda ma aġixxiex, ikun hemm dewmien fl-istabbiliment, u għalhekk anki fid-dħul, tal-intitolament. Jekk l-Istat Membru jibqa’ passiv sabiex jikseb l-informazzjoni neċessarja, huwa ma jistax isostni li huwa ma setax jistabbilixxi l-intitolament iktar kmieni.

94.      Tali interpretazzjoni hija konformi man-neċessità li jiġu interpretati b’mod strett l-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-istabbiliment u mad-dħul tal-intitolamenti tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji minħabba l-vulnerabbiltà tas-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni, li tiddependi kompletament fuq il-kooperazzjoni proattiva tal-Istati Membri (32).

95.      L-interpretazzjoni li t-terminu għal Stat Membru sabiex idaħħal l-intitolamenti għar-riżorsi proprji għandu jiġi kkalkolat mill-mument meta l-intitolamenti kellhom jiġu stabbiliti, u mhux mill-mument meta kienu fil-fatt stabbiliti, hija sostnuta wkoll mill-ġurisprudenza bikrija (33). F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk żball tal-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jkollu l-effett li d-debitur ma jkunx meħtieġ iħallas l-ammont tad-dazji doganali kkonċernati, dan ma jaffettwax l-obbligu tal-Istat Membru inkwistjoni li jħallas id-dazji li jmisshom ġew stabbiliti fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji (34). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (35) li r-Renju Unit ma kienx daħħal fil-kontijiet id-dazji doganali dovuti kollha u lanqas, konsegwentement, ma kien la stabbilixxa u lanqas qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji kollha relatati ma’ dawn l-importazzjonijiet fil-mument meta dawn kellhom jiġu stabbiliti u mqiegħda għad-dispożizzjoni (36).

96.      Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ meta Stat Membru jkun daħħal l-intitolamenti tardivament, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-interpretazzjoni mressqa mill-Kummissjoni li t-terminu għad-dħul tal-intitolament jibda jiddekorri mill-mument li fih l-Istat Membru kellu jistabbilixxi l-intitolament, u mhux mill-mument li fih huwa effettivament stabbilixxieh.

2.      Jista’ Stat Membru jinvoka lArtikolu 17(2) tarRegolament Nru 1150/2000 jekk ikun daħħal lintitolament tardivament?

97.      Sabiex issostni l-argument tagħha li Stat Membru ma jistax jinvoka l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 jekk stabbilixxa u daħħal b’mod tardiv l-intitolament, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (37). Il-Kummissjoni tqis li minn din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 17(2) huwa applikabbli biss jekk il-proċedura doganali kollha tkun ġiet implimentata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li t-termini għall-istabbiliment tad-dazji doganali u d-dħul tagħhom fil-kont B jiġu osservati.

98.      Ir-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Gvern Belġjan, Olandiż u Pollakk, issostni li s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li kienet tirriżulta minn ċirkustanzi differenti.

99.      Jiena intendi li naqbel ma’ dawn l-Istati Membri li l-konklużjoni proposta mill-Kummissjoni ma tirriżultax direttament mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja.

100. Din is-sentenza oriġinat minn sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet doganali Taljani kienu taw awtorizzazzjonijiet bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, li kienet wasslet għal miżapproprijazzjoni ta’ riżorsi proprji li jammontaw għal iktar minn EUR 22 miljun. Ir-Repubblika Taljana daħħlet dan l-ammont fil-kont B skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000 u sussegwentement ipprovat tinvoka l-Artikolu 17(2) tiegħu, minħabba li l-ksur ma kienx imputabbli lilha (38).

101. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Italja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi ma qegħditx l-ammonti inkwistjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, fil-punt 65 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex Stat Membru jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jqiegħed għad-dispożizzjoni intitolamenti stabbiliti, jeħtieġ mhux biss li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 jiġu ssodisfatti, iżda wkoll li dawn l-intitolamenti jkunu ddaħħlu regolarment fil-kont B. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 68 ta’ dik is-sentenza, id-dħul fil-kont B tirrifletti sitwazzjoni eċċezzjonali. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, li, “sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tali sitwazzjoni eċċezzjonali, huwa neċessarju li d-dħul tal-intitolamenti stabbiliti fil-Kont B jkun sar mill-Istati Membri b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni” (39).

102. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, li kieku l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali kien konformi mad-dritt tal-Unjoni, l-intitolamenti kienu jiġu stabbiliti u mdaħħla fil-kont A. B’hekk, l-Italja ma setgħetx issostni li l-kundizzjonijiet għad-dħul fil-kont B kienu ssodisfatti minħabba li billi naqset milli tistabbilixxi l-intitolamenti, l-Italja stess kienet ikkawżat il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000. Peress li l-awtoritajiet Taljani, b’mod irregolari, daħħlu r-riżorsi proprji fil-kont B, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 ma japplikawx għalihom (40).

103. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja tirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 tqies inapplikabbli minħabba li l-intitolamenti kienu ddaħħlu b’mod żbaljat fil-kont B meta kellhom jiddaħħlu fil-kont A, u mhux għaliex l-intitolamenti kienu ddaħħlu tardivament fil-kont B (41).

104. F’dan il-każ, ma huwiex ċert li, kieku r-Repubblika Ċeka kienet stabbilixxiet l-intitolamenti iktar kmieni, hija kienet tkun tista’ tinkludihom fil-kont A. Huwa probabbli ħafna li kien ikollha xorta waħda ddaħħal l-intitolamenti fil-kont B. Madankollu, dak li jirrendi d-dħul tiegħu fil-Kont B tardiv, huwa li dan l-Istat Membru baqa’ passiv fil-mument meta kien possibbli li tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għall-istabbiliment tal-intitolamenti.

105. Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx speċifikament jekk, “b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni” fil-punt 69 ta’ din is-sentenza indirizzatx is-sitwazzjoni li fiha l-intitolament huwa mdaħħal korrettament fil-kont B, iżda d-dħul stess setax iseħħ qabel. Għaldaqstant, din is-sentenza ma twassalx, waħedha, għall-konklużjoni li dħul tardiv jimpedixxi awtomatikament lil Stat Membru milli jinvoka l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000.

106. Madankollu, is-sens tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, jissuġġerixxi li interpretazzjoni korretta tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 huwa li Stat Membru ma jistax jistrieħ fuq l-Artikolu 17(2) jekk huwa jistabbilixxi u jdaħħal l-intitolament tardivament.

107. Ir-Repubblika Ċeka ssostni li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 tmur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillibera lil Stat Membru meta ma jkunx il-kawża tal-impossibbiltà li jiġu rkuprati d-dazji u ma setax jipprevjeniha.

108. Fil-fehma tiegħi, l-intenzjoni wara l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 huwa bbażat fuq il-fatt li d-dazji doganali huma sors dirett tal-baġit tal-Unjoni, dovut mill-importaturi, u mhux mill-Istati Membri. Dawn tal-aħħar huma biss l-intermedjarju tal-ġbir ta’ dan id-dħul. Għalhekk, jekk l-impossibbiltà li jiġi rkuprat id-dejn tkun imputabbli lill-importatur, u mhux lill-Istat Membru tal-importazzjoni, il-baġit tal-Unjoni ikollu jaċċetta t-telf.

109. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 17(2) ma jikkonċernax sitwazzjoni fejn l-impossibbiltà li jiġi rkuprat id-dejn tkun imputabbli lill-Istat Membru, inkluż minħabba n-nuqqas ta’ impenn proattiv sabiex jiġi stabbilit u rkuprat id-dejn fil-ħin.

110. Kif diġà spjegajt, l-istabbiliment u d-dħul tardivi huma imputabbli lill-Istat Membru. L-istabbiliment tardiv ifisser preċiżament li Stat Membru ma stabbilixxiex l-intitolament, anki jekk seta’ jagħmel dan. L-Istat Membru ma jistax jallega li huwa ma setax jistabbilixxi l-intitolament iktar kmieni jekk baqa’ passiv sabiex jikseb l-informazzjoni neċessarja.

111. Għalhekk, interpretazzjoni li Stat Membru ma jistax jistrieħ fuq l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 jekk huwa stabbilixxa u daħħal l-intitolament tardivament ma jmurx kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif mifhuma mir-Repubblika Ċeka.

112. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħelsien mill-obbligi kif previst fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 huwa, min-natura tiegħu stess, eċċezzjonali, u Stat Membru jista’ jistrieħ fuqu biss għal raġuni mhux imputabbli lilu (42). Interpretazzjoni daqshekk stretta tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li l-Istati Membri jiġu inċentivati jistabbilixxu u jiġbru b’mod proattiv ir-riżorsi proprji tal-Unjoni, peress li dan id-dħul jiddependi kompletament fuq l-aġir kooperattiva tal-Istati Membri (ara wkoll il-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

113. Barra minn hekk, il-Kummissjoni issostni li kieku Stat Membru kien intitolat jistrieħ fuq l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 anki jekk l-assenza tal-istabbiliment ta’ intitolament imputabbli lilu, dan ikollu konsegwenzi dannużi għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

114. Ir-Repubblika Ċeka u l-Istati Membri intervenjenti jsostnu li ma jista’ jkun hemm l-ebda konsegwenza dannuża ta’ dan it-tip; jekk in-nuqqas ta’ rkupru tad-dejn doganali jirriżulta minn stabbiliment tardiv tad-dazji doganali imputabbli lill-awtoritajiet nazzjonali, allura l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 ma humiex issodisfatti. B’hekk, il-baġit tal-Unjoni ma jsofri l-ebda dannu.

115. L-argument imressaq minn dawn l-Istati Membri jippermetti li jiġi konkluż li l-fatt li Stat Membru jista’ jinvoka jew le l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 jekk kien tardiv bl-istabbiliment u d-dħul tal-intitolamenti ma jbiddel xejn, peress li, f’tali sitwazzjoni, l-Istat Membru ma setax jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jqiegħed l-ammont rilevanti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, hija tistaqsi dwar ir-raġunijiet li għalihom Stat Membru, li stabbilixxa l-intitolament iktar tard milli missu għamel, għandux jitħalla jinvoka l-Artikolu 17(2), jekk huwa diġà magħruf minn qabel li l-kundizzjonijiet imposti minn din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti.

116. Fil-fehma tiegħi, li kieku kellha tiġi aċċettata l-interpretazzjoni li Stat Membru jkun jista’ jinvoka l-Artikolu 17(2) anki jekk ikun tardiv, dan jista’ jaffettwa l-effettività tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, peress li dan jippermetti eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu u jdaħħlu l-intitolamenti fil-ħin.

117. Bħala argument addizzjonali kontra l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni, il-Gvern Belġjan u dak Olandiż jenfasizzaw li l-emendi ulterjuri tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 609/2014, li ssostitwixxa l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 (43) jappoġġjaw il-pożizzjoni li dħul tardiv ma jistax awtomatikament jipprekludi Stat Membru milli jistrieħ fuq il-ħelsien tiegħu.

118. Dan l-argument ma jikkonvinċinix lanqas.

119. L-Artikolu 13(2) tar-Regolament 609/2014 introduċa sitwazzjoni addizzjonali fejn Stat Membru jista’ jinħeles mill-obbligi tiegħu fir-rigward tar-riżorsi proprji. Fil-parti rilevanti tiegħu, huwa jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom bl-istess mod jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 fejn jagħtu prova li żball li twettaq mill-Istat Membru wara l-istabbiliment ta’ dawn l-intitolamenti, bħal żball li jwassal għal entrata tardiva fil-kontijiet separati, ma kellu ebda influwenza fuq l-irrekuperabbiltà tal-ammont li jikkorrispondi għall-intitolamenti skont l-Artikolu 2.” (44)

120. Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tirrigwarda żbalji amministrattivi mwettqa wara l-istabbiliment korrett tal-intitolamenti. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tidher li tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik f’din il-kawża, li tirrigwarda l-istabbiliment fi żmien utli.

121. Konsegwentement, dan l-argument ma jinvalidax il-konklużjoni li Stat Membru li jistabbilixxi u jdaħħal l-intitolamenti tardivament ma jistax jistrieħ fuq l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000.

122. Għaldaqstant, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-ewwel aggravju huwa fondat.

C.      Fuq ittieni aggravju

123. Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tilmenta li fil-punti 94 sa 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, flimkien mal-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 325 TFUE, billi qieset li r-Repubblika Ċeka kellha d-dritt tistenna r-rapport tal-missjoni tal-OLAF qabel ma tipproċedi għall-istabbiliment u d-dħul tal-intitolamenti inkwistjoni.

124. Skont il-Kummissjoni, il-provi annessi mal-minuti konġunti kienu suffiċjenti sabiex jippermettu lir-Repubblika Ċeka jistabbilixxu d-dejn doganali sa mhux iktar tard mir-ritorn tagħha mill-missjoni. Peress li ma ntalbux il-provi mill-OLAF mar-ritorn tal-missjoni, id-dejn doganali ġie stabbilit tardivament u l-ammonti li jikkorrispondu għal dan id-dejn iddaħħlu tard fil-kont B.

125. Ir-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Gvern Belġjan, Olandiż u Pollakk, issostni li hija setgħet leġittimament tistenna li l-OLAF josserva l-impenji tiegħu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, u ma tistax tkun responsabbli għad-dewmien tal-OLAF. Skont dan l-Istat Membru, l-OLAF kien jaf li r-Repubblika Ċeka kienet qed tistenna l-evalwazzjoni tal-OLAF u t-trażmissjoni tal-provi miġbura matul il-missjoni. Għalhekk, ir-Repubblika Ċeka ma tistax tiġi kkritikata talli ma talbitx dawn il-provi qabel.

126. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli meta kkunsidrat li r-Repubblika Ċeka setgħet tistenna r-rapport tal-missjoni tal-OLAF sabiex tistabbilixxi l-intitolamenti tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

127. Kif indikat il-Kummissjoni, l-Artikoli 2(1) u 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, flimkien mal-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali, jobbligaw l-Istati Membri jieħdu, malajr kemm jista’ jkun, il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jistabbilixxu l-intitolamenti tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji.

128. Skont l-Artikolu 325(1) TFUE, li fuqu tistrieħ ukoll il-Kummissjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu l-irkupru effettiv u sħiħ tad-dazji u għalhekk tal-ammonti korrispondenti ta’ riżorsi proprji (45).

129. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-obbligu tal-istabbiliment tal-intitolamenti jaqa’ fuq l-Istati Membri.

130. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma tali pożizzjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni hija fdata lill-Istati Membri u taqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva ta’ dawn tal-aħħar.” (46)

131. Huwa minnu li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jorbot lill-Istati Membri u lill-OLAF jikkooperaw bejniethom (47).

132. Madankollu, il-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni (48), l-OLAF għandu jinforma lill-Istati Membri (u lill-Parlament Ewropew) u jirrapporta u li dawn ir-rapporti jikkostitwixxu provi ammissibbli fl-Istati Membri, ma jbiddilx ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fis-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

133. Għalhekk, il-fatt li l-OLAF ma bagħatx lir-Repubblika Ċeka l-informazzjoni neċessarja kif imwiegħda ma jistax jiskuża n-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni proattiva minn dan l-Istat Membru u jitlob din l-informazzjoni mingħand l-OLAF.

134. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OLAF issostni din il-pożizzjoni.

135. Ir-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi li “t-tqassim u l-bilanċ ta’ responsabbilitajiet preżenti bejn il-livelli nazzjonali u tal-Komunità għandhom jinżammu” u li dan ir-regolament “b’ebda mod ma jnaqqas il-poteri u r-responsabbilitajiet ta’ l-Istati Membri li jieħdu passi sabiex jikkumbattu frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni]”(49).

136. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi li l-OLAF “jista’ f’kull ħin jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri nteressati l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni.” (50)

137. Bl-istess mod, l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 515/97 jindika li l-informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-missjonijiet għandha titwassal mill-OLAF lill-awtoritajiet nazzjonali “jekk dawn jitolbu hekk”.

138. Il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jimmilitaw favur interpretazzjoni li Stat Membru ma jistax jiġi skużat talli jkun tardiv għaliex stenna b’mod passiv li l-informazzjoni tiġi trażmessa mill-OLAF.

139. Din il-pożizzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza. Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (51), dwar il-frodi doganali fuq il-prodotti tessili u ż-żraben li joriġinaw miċ-Ċina, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Renju Unit kien naqas, inter alia, milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tar-riżorsi proprji tal-Unjoni li jqiegħed ir-RPT għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni tad-dritt doganali tal-Unjoni hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, li huma l-uniċi responsabbli għalih, ir-Renju Unit kien obbligat japplika l-miżuri xierqa sabiex jistabbilixxi korrettament dawn il-valuri u għalhekk ma setax jibbenefika min-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu sabiex jiġġustifika l-assenza ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji. L-informazzjoni pprovduta mill-OLAF tista’ l-iktar l-iktar tikkostitwixxi għodda addizzjonali, iżda ma tissostitwix l-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jiksbu (52).

140. Dan iwassalni sabiex nikkonkludi li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, ir-Repubblika Ċeka ma tistax tiġi skużata tal-istabbiliment u d-dħul tardiv tal-intitolamenti għar-riżorsi proprji fl-istennija tar-rapport ta’ missjoni tal-OLAF qabel ma tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tistabbilixxi l-intitolamenti dovuti minn Baide.

141. Għandu jitfakkar li, skont is-sekwenza tal-avvenimenti esposti fil-punti 26 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet:

— Ir-Repubblika Ċeka adottat il-profil ta’ riskju fl‑2006, b’tali mod li hija kienet taf bil-frodi preżunta tad-dazji antidumping tal-Unjoni.

— Il-missjoni ta’ Novembru 2007 kkonfermat l-eżistenza ta’ frodi doganali u, kif jirriżulta mill-minuti konġunti, matul din il-missjoni, l-awtoritajiet Ċeki ġew informati b’dokumenti li juru li Baide kienet evitat dazji antidumping tal-Unjoni għal diversi importazzjonijiet ta’ lajters tal-but.

— Ir-Repubblika Ċeka stenniet li tirċievi r-rapport tal-missjoni tal-OLAF f’Lulju 2008 u l-verżjoni bil-lingwa Ċeka f’Awwissu 2008. Kif ikkonfermat ir-Repubblika Ċeka waqt is-seduta, hija ma kkomunikatx mal-OLAF sabiex tipprova tikseb id-dokumenti iktar kmieni. Ir-Repubblika Ċeka ma għamlet xejn, peress li l-OLAF wiegħed li l-informazzjoni kienet ser tiġi trażmessa.

— Ir-Repubblika Ċeka bdiet taġixxi biss f’Awwissu 2008, jiġifieri madwar disa’ xhur wara l-missjoni ta’ Novembru 2007.

— Ir-Repubblika Ċeka stabbilixxiet u daħħlet l-intitolamenti tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji biss mix-xahar ta’ Settembru 2008, jiġifieri kważi għaxar xhur wara l-missjoni ta’ Novembru 2007.

142. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirlix li huwa oġġettivament raġonevoli għal Stat Membru li jistenna mill-inqas disa’ xhur wara li jkun ikkonferma l-eżistenza ta’ frodi.

143. Għalhekk, ir-Repubblika Ċeka effettivament stabbilixxiet u daħħlet tardivament l-intitolamenti tal-Unjoni għar-riżorsi proprji minħabba s-sempliċi fatt li hija stenniet b’mod passiv li l-informazzjoni tiġi pprovduta mill-OLAF.

144. Dan ma jiskużax lill-OLAF talli ma bagħatx l-informazzjoni mwiegħda. Nista’ naqbel mal-argumenti tal-Gvern Belġjan li s-servizzi tal-Kummissjoni, bħall-OLAF, ma għandhomx jitħallew ikunu laxki fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

145. Madankollu, il-ksur mill-OLAF tal-obbligi tiegħu ma jeżentax lil Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jagħmel dak kollu li huwa neċessarju sabiex jistabbilixxi u jdaħħal fil-ħin l-intitolamenti għar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

146. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, l-impenji meħuda mill-OLAF huma irrilevanti, peress li ma jissostitwixxux ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri li jagħmlu dak kollu li huwa possibbli.

147. Għaldaqstant, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li t-tieni aggravju huwa fondat.

IV.    Konsegwenzi

148. Fil-fehma tiegħi, l-ewwel u t-tieni aggravju huma fondati. Konsegwentement, il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat.

149. Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Inqis li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

150. Mill-analiżi tiegħi tal-ewwel aggravju jirriżulta li Stat Membru ma jistax jinvoka l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 jekk jistabbilixxi u jdaħħal l-intitolamenti tardivament. Mill-analiżi tiegħi tat-tieni aggravju jirriżulta wkoll li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka stabbilixxiet u daħħlet tardivament l-intitolamenti inkwistjoni. Konsegwentement, ir-Repubblika Ċeka ma tistax tinvoka l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, sabiex tinħeles mill-obbligu tagħha li tqiegħed l-ammonti inkwistjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, u li kellu jikkredita l-kont tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, kienet teżisti bażi legali valida għall-ħlas, u ma kienx hemm arrikkiment indebitu tal-Unjoni f’dan il-każ. Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors għal arrikkiment indebitu tal-Unjoni ppreżentat mir-Repubblika Ċeka quddiem il-Qorti Ġenerali.

V.      Spejjeż

151. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn l-appell huwa fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

152. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-parti li tirbaħ. Peress li l-Kummissjoni talbet li jitħallsu l-ispejjeż, u r-Repubblika Ċeka tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza u fil-proċedura tal-appell.

153. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, hemm lok li r-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell, filwaqt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċedura tal-appell.

VI.    Konklużjoni

154. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–      tikkonstata li l-ewwel u t-tieni aggravju huma fondati;

–      tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Mejju 2022, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑151/20, EU:T:2022:281);

–      tiċħad ir-rikors għal arrikkiment indebitu tal-Unjoni ppreżentat mir-Repubblika Ċeka quddiem il-Qorti Ġenerali;

–      tordna lir-Repubblika Ċeka tħallas l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fl-ewwel istanza u fil-proċedura tal-appell;

–      tikkundanna lir-Renju tal-Belġju u lir-Repubblika tal-Polonja jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell u tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati mal-proċedura tal-appell.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara d-digriet tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑147/15, mhux ippubblikat, EU:T:2018:395), li fih il-Qorti Ġenerali ddikjarat dan ir-rikors inammissibbli; dan ġie kkonfermat fl-appell permezz tas-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530).


3      Ara d-digriet tat‑30 ta’ Settembru 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑13/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:455), li permezz tiegħu r-Repubblika Ċeka rrinunzjat għal dan ir-rikors.


4      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020 (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punti 52 sa 84).


5      L-OLAF huwa servizz jew dipartiment fi ħdan il-Kummissjoni. Dan inħoloq fl‑1999 sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll il-premessi 1 sa 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat‑28 ta’ April 1999, li Twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 110).


6      Il-Kummissjoni Ewropea, European Union Public Finance, ir-raba’ edizzjoni, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Lussemburgu, 2008, p. 135.


7      Kategoriji oħra ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni huma dawk ibbażati fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), fuq l-introjtu nazzjonali gross (iktar ’il quddiem l-“ING”) u fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat (introdott fl‑2021).


8      Ir-RPT irrappreżentaw madwar 16 % tad-dħul tar-riżorsi proprji fl‑2022, b’valur ta’ EUR 23.5 biljun. Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri, Il-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, COM (2023) 391 finali, 28 ta’ Ġunju 2023, punt 5.1, p. 25 u punt 3.6.1, p. 149.


9      Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 70/243 KEFA, KEE, Euratom, tal‑21 ta’ April 1970, dwar is-sostituzzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri bir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU 1970, L 94, p. 19).


10      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:142, punt 11). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawżi Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja et (C‑284/05, C‑294/05, C‑372/05, C‑387/05, C‑409/05, C‑461/05 u C‑239/06, EU:C:2009:67, punt 72, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 39), li jenfasizzaw li d-dazji doganali huma “[i]nklużi bid-definizzjoni indikattiva ta’ riżorsi proprji ‘tradizzjonali’ jew ‘min-natura’, billi jidħlu esklużivament mill-politika Komunitarja u mhux mir-rieda tal-Istati.”


11      Matul is-snin, il-Kunsill adotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu s-sistema tar-riżorsi proprji, li, abbażi ta’ dak li issa sar it-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE, għandhom jiġu approvati mill-Istati Membri konformement mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu implimentati permezz ta’ regolamenti li l-Kunsill jadotta bil-kunsens tal-Parlament Ewropew abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE jew wara konsultazzjoni mal-Parlament u mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi tal-Artikolu 322(2) TFUE.


12      Fis-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 62), u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi tas-Sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 345), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni hija fdata lill-Istati Membri u li l-obbligi ta’ ġbir, ta’ stabbiliment u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni huma imposti direttament fuqhom skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-riżorsi proprji.


13      Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad‑29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 3 p. 200).


14      Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/EC, Euratom tas‑7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17).


15      Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000 (KE, Euratom) tat‑22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169 kif emendat fiż-żmien tal-fatti bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2028/2004 (KE, Euratom) tas‑16 ta’ Novembru 2004 (ĠU 2006, L 153M, p. 162), u bir-Regolament tal-Kunsill Nru 105/2009 (KE, Euratom) tas‑26 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, L 36, p. 1). Ir-Regolament Nru 1150/2000 ġie sussegwentement imħassar bir-Regolament tal-Kunsill Nru 609/2014 (UE, Euratom) tas‑26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU 2014, L 168, p. 39), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill 2022/615 (UE, Euratom) tal‑5 ta’ April 2022 sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà għall-Istati Membri u biex jiġu ċċarati l-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u l-ING (ĠU 2022, L 115, p. 51).


16      Artikolu 217(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307; iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti, kien jipprevedi: “Kull ammont ta' dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ ‘ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).” Dan ir-regolament kien imħassar iktar tard mir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 269, p. 1), li jinkludi dispożizzjonijiet simili f’dan ir-rispett (ara l-Artikolu 101(1) u 104(1) tiegħu).


17      Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1150/2000 tipprevedi: “Kontijiet separati għandhom jinżammu għal intitolamenti li ma jkunux ġew irkuprati. Dawn il-kontijiet u s-sottomissjoni ta’ stqarrija ta’ kull tliett xhur ta’ dawn il-kontijiet għandhom jiffaċilitaw lill-Kummissjoni biex tissorvelja aktar mill-qrib l-azzjoni meħudha minn Stati Membri biex jiġbru r-riżorsi tagħha, u partikolarment dawk kompromessi bi frodi jew irregolaritajiet.”


18      “mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d‑19-il jum tat-tieni xahar tax-xahar ta’ wara li matulu l-intitolament ikun stabbilit.”


19      Ara l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000.


20      Dawn kienu lajters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew u li jistgħu jerġgħu jimtlew. Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1824/2001 tat‑12 ta’ Settembru 2001 li jimponi dazju definittiv kontra x-xiri taħt il-prezz (dumping) fuq l-importazzjoni ta’ lighters zgħar tal-gass u żnied, li ma jimtlewx li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u kunsinnati minn jew joriġinaw mit-Tajwan u fuq l-importazzjoni ta’ ċertu lighters zgħar taż-żnied li jimtlew li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u kunsinnati minn jew joriġinaw mit-Tajwan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 038, p 143).


21      Minuti Komuni Miftiehma, Vientiane, 15 ta’ Novembru 2007, “Community Mission of administrative co-operation for the Verification of origin of flint operated lighters exported from Lao P.D.R. to the European Community”, Lao P.D.R., 6 sas‑16 ta’ Novembru 2007.


22      Sussegwentement, fit‑22 ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika Ċeka ħallset lill-Kummissjoni 5 % iktar minn dan l-ammont, li kien jikkorrispondi għat-tnaqqis tar-rata tal-ispejjeż tal-ġbir minn 25 % għal 20 %, wara emenda retroattiva tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti. Ir-Repubblika Ċeka sussegwentement irrinunzjat għat-talba tagħha għar-rimbors ta’ dan l-ammont addizzjonali, b’tali mod li ma hijiex inkwistjoni f’din il-proċedura. Ara l-punti 15 u 29 tas-sentenza appellata.


23      Għall-ewwel darba, fis-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punti 44 sa 50), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ azzjoni għal arrikkiment indebitu tal-Unjoni sabiex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, b’mod partikolari l-punti 81 sa 84), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali rikors seta’ jintuża f’sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża. Ara Bačić Selanec, N., “A (more) complete system of remedies: Effective judicial protection of EU Member States in Czech Republic v. Commission”, Common Market Law Review, Vol. 49, No. 1, 2022, p. 171. Ara, b’mod iktar ġenerali, Nowak, J., “On the incompleteness of the system of remedies established by the EU Treaties and how to proceed”, EU Law Live weekend edition, 13 ta’ Ġunju 2020.


24      Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punti 82 u 83).


25      Ara, f’dan ir-rigward, pereżempju, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u Il‑BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 35), u tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 52).


26      Għall-ġurisprudenza li tikkonferma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina motivi ġodda fl-istadju tal-appell, ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2019, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑587/17 P, EU:C:2019:75, punti 39 u 40), u tad‑9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal + vs Il-Kummissjoni (C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 28).


27      F’dan ir-rigward, nirreferi għar-risposta tal-Kummissjoni (punti 70 sa 72), għar-replika tar-Repubblika Ċeka (punti 50 u 52), għall-kontroreplika tal-Kummissjoni (punti 36, 37, 40 u 44), għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nota ta’ intervent tal-Belġju (punt 19), għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nota ta’ intervent tal-Polonja (punti 7, 10 u 16) u għall-osservazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka dwar in-nota ta’ intervent tal-Belġju (punt 18).


28      Din il-pożizzjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza li tgħid li Stat Membru li ma jistabbilixxix ir-riżorsi proprji tal-Unjoni fuq u ma jagħmilx l-ammont korrispondenti disponibbli għall-Kummissjoni, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-ebda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 68), u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 67).


29      Skont il-ġurisprudenza, teżisti “rabta indissoċjabbli” bejn l-obbligu li jiġu stabbiliti r-riżorsi proprji tal-Unjoni, dak li jiġu kkreditati fil-kont tal-Kummissjoni fit-terminu stabbilit u, dak li jitħallsu interessi fil-każ ta’ dewmien. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (68/88, EU:C:1989:339, punt 17), u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi u s-Sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 399).


30      Emfasi miżjuda minni. Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet u n-nota ta’ qiegħ il-paġna li takkumpanjah.


31      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683, punti 58 sa 61 u 68), u tal‑1 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑442/08, EU:C:2010:390, punt 76).


32      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:142, punt 58). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (54/87, mhux ippubblikati, EU:C:1988:537, punt 4) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja et (C‑284/05, C‑294/05, C‑372/05, C‑387/05, C‑409/05, C‑461/05 u C‑239/06, EU:C:2009:67, punt 94).


33      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 1980, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (267/78, EU:C:1980:6, punt 15). Għal ħarsa ġenerali lejn il-ġurisprudenza f’dan il-qasam, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:142, b’mod partikolari l-punti 53 sa 59).


34      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 63); tad‑19 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑275/07, EU:C:2009:169, punt 100); tas‑17 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160, punt 60); u tat‑3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑60/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:219, punt 45).


35      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi u s-Sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 347).


36      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:142, punt 56) l-Avukat Ġenerali Geelhoed irrileva wkoll li d-determinazzjoni tad-data li minnha ġew effettivament stabbiliti l-intitolamenti minflok il-mument meta dawn kellhom jiġu stabbiliti hija inkompatibbli mas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.


37      Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010 (C‑334/08, EU:C:2010:414).


38      Ara Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punti 13 sa 19.


39      Enfasi miżjuda minni.


40      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414, punti 70 sa 73). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:187, punti 68 sa 78, b’mod partikolari l-punt 76) (“id-dħul fil-Kont B huwa eskluż meta l-Istat Membru stess ikun ħoloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dħul fil-Kont B. Dan ir-raġunament isegwi l-prinċipju legali li jipprovdi li ħadd ma jista’ jislet benefiċċju mill-aġir illegali tiegħu stess.”)


41      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑60/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:219, b’mod partikolari l-punti 51 sa 54), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-punti 61 u 65 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja sabiex tikkonkludi li l-Italja ma setgħetx tinvoka l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 f’sitwazzjoni fejn dan l-Istat Membru kien għadu ma daħħalx l-intitolamenti fil-kont B.


42      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi u s-Sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 381).


43      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Enfasi miżjuda minni.


45      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 51 u 52), kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi u s-Sottovalutazzjoni)  (C‑213/19, EU:C:2022:167, punti 346 u 359).


46      Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi u s-Sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167) (C‑213/19 P, punt 345). Enfasi miżjuda minni.


47      Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 huwa espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑105/02, EU:C:2005:637, punt 87), u tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑377/02, EU:C:2006:638, punt 93). L-istess japplika għall-Artikolu 325(3) TFUE, li jistieden lill-Istati Membri sabiex “jikkordinaw l-azzjoni tagħhom li tkun immirata sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni kontra l-frodi. Għal dan l-għan huma għandhom jorganizzaw, flimkien mal-Kummissjoni, koperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti.” Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi u s-Sotto-evalwazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 261).


48      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat‑13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Vol. 8, p. 217-232); l-Artikolu 9 u l-premessi 13 u 16 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 (KE) tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 3, p. 91-97). Dan l-aħħar regolament sussegwentement tħassar bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1).


49      Premessi 3 u 21 tar-Regolament Nru 1073/1999. Termini simili jinsabu rispettivament fil-premessi 2 u 49 tar-Regolament Nru 883/2013. Ara wkoll il-premessa 2 tad-Deċiżjoni 1999/352, li tfakkar li “l-allokazzjoni u l-bilanċ kurrenti kif jinsabu bejn il-livelli nazzjonali u tal-[Unjoni] għandhom jinżammu”.


50      Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1073/1999. Termini simili jinsabu rispettivament fl-Artikolu 12(1) u l-premessa 35 tar-Regolament Nru 883/2013.


51      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi u s-Sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, b’mod partikolari l-punti 404 u 533).


52      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi u s-Sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, C‑213/19, punti 374, 377, 378 u 392 sa 394). Ara wkoll il-punt 322 ta’ din is-sentenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-azzjonijiet ta’ kontrolli doganali mwettqa fil-livell tal-Unjoni huma ċertament intiżi sabiex isostnu lill-Istati Membri, iżda ma jistgħux jissostitwixxu l-azzjoni ta’ kontroll u ta’ protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni imposta fuqhom.”