Language of document : ECLI:EU:C:2024:269

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fil‑21 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawżi magħquda C498/22 sa C500/22

Novo Banco SA – Sucursal en España,

Banco de Portugal,

Fundo de Resolução

vs

C.F.O. (C498/22)

J.M.F.T.,

M.H.D.S. (C499/22) u

Proyectos, Obras y Servicios de Badajoz SL (C500/22)

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il‑Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Direttiva 2001/24/KE – Artikoli 3 u 6 – Trasferiment ta’ drittijiet, ta’ attiv jew ta’ obbligi lil stabbiliment tranżitorju – Trażmissjoni mill-ġdid lill-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għall-miżura ta’ riorganizzazzjoni – Lex concursus – Effett ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni fi Stati Membri oħra – Rikonoxximent reċiproku – Effett ta’ ksur tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 17, 21, 38 u 47 – Dritt għall-proprjetà – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Protezzjoni tal-konsumaturi – Prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll ta’ ugwaljanza u ta’ projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n‑nazzjonalità – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l‑istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (2), u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal‑Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (3), moqrija fid-dawl tal-Artikoli 17, 21, 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4) kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2.        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn Novo Banco SA – Sucursal en España (iktar ’il quddiem “Novo Banco Spanja”), sostnuta mill-Banco de Portugal (il-Bank tal-Portugall) u l-Fundo de Resolução (il-Fond ta’ Riżoluzzjoni, Portugall), u diversi klijenti ta’ Novo Banco Spanja, li kienet is-suċċessur ta’ Banco Espírito Santo SA – Sucursal en España (iktar ’il quddiem “BES Spanja”), fergħa tal-istituzzjoni ta’ kreditu Portugiża Banco Espíritu Santo SA (iktar ’il quddiem “BES”) li tagħha Novo Banco SA kienet is-suċċessur wara miżuri ta’ riorganizzazzjoni meħuda mill-Bank tal-Portugall. Dawn it-talbiet jikkonċernaw l-effett, fuq kuntratti ta’ prodotti u ta’ servizzi finanzjarji differenti, ta’ dawn il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni.

3.        L-ewwel nett, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, tiddeċiedi li l-assenza tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24, li għandha l-għan li tippermetti lil terzi jeżerċitaw azzjoni kontra l-miżura ta’ riorganizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini, ma għandha l-ebda impatt fuq l-effetti tar-rikonoxximent reċiproku ta’ din il-miżuri fl-Istati Membri ospitanti. It-tieni nett, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-individwi ma jistgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi fir‑rigward ta’ bank tranżitorju maħluq fil-qafas ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni. It-tielet nett, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-talbiet għal kumpens marbuta ma’ kuntratt jistgħu jitħallew bħala obbligi ta’ bank li huwa s-suġġett ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni bil-ħolqien ta’ bank tranżitorju li lejh huma ttrasferiti biss xi assi u obbligi.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva 93/13

4.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

2.      IdDirettiva 2001/24

5.        Il-premessi 4, 6, 7, 11, 12 u 16 tad-Direttiva 2001/24 jistipulaw:

“(4)      Ikun partikolarment mhux mixtieq li titneħħa din l-għaqda bejn istituzzjoni u l-friegħi tagħha fejn jeħtieġ li jkunu adottati miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew jinbdew proċeduri ta’ l-istralċ.

[…]

(6)      L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikollhom is-setgħa waħedhom li jiddeċiedu u jimplimentaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni provduti fil-liġi u l‑prattiċi fis-seħħ f’dak l-Istat Membru. Minħabba d-diffikultà li jkunu armonizzati l-liġijiet u l-prattiki ta’ l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jkun stabbilit rikonoxximent reċiproku minn Stati Membri tal-miżuri meħuda minnhom kollha biex jerġgħu jsiru vijabbli l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li tkun aworizzat.

(7)      Huwa essenzjali li jkun garantit li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini u l-miżuri adottati minn persuni jew korpi appuntati minn dawk l-awtoritajiet biex jamministraw dawk il‑miżuri ta’ riorganizzazzjoni, […], huma effettivi fl-Istati Membri kollha.

[…]

(11)      Jeħtieġ li terzi persuni jkunu nnotifikati bl-implimentazzjoni tal‑miżuri ta’ riorganizzazzjoni fl-Istati Membri fejn jinsabu l‑friegħi meta dawn il-miżuri jistgħu jfixklu l-eżerċizzju ta’ uħud mid-drittijiet tagħhom.

(12)      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-kredituri, fir-rigward ta’ l‑opportunitajiet miftuħa għalihom biex tittieħed azzjoni, jeħtieġ li l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini jadottaw dawk il-miżuri meħtieġa għall-kredituri fl-Istat Membru ospitanti biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jieħdu azzjoni fil-limitu taż-żmien provdut.

[…]

(16)      Trattament ugwali ta’ kredituri jeħtieġ li l-istituzzjoni tal-kreditu tkun stralċjata skond il-prinċipji ta’ l-unità u l-universalità, li jeħtieġu li l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ikollhom ġurisdizzjoni waħedhom u d‑deċiżjoniiet tagħhom jkunu rikonoxxuti u li jkunu kapaċi li jipproduċu fl-Istati Membri kollha l-oħra, mingħajr xi formalità, l‑effetti mogħtiha lilhom bil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, ħlief fejn din id-Direttiva tipprovdi mod ieħor.”

6.        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l‑friegħi tagħhom mwaqqfa fl-Istati Membri tagħhom li ma jkunux dawk fejn jinsabu l-uffiċċji prinċipali, kif definiti fil-punti (1) u (3) ta’ l‑Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/12/KE [(5)], bla ħsara għall-kondizzjonijiet u eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 2(3) ta’ dik id-Direttiva.”

7.        Skont is-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24, il‑“miżuri ta’ riorganizzazzjoni” għandhom ifissru l-“miżuri li huma maħsuba biex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li tista’ taffettwa d-drittijiet pre-eżistenti ta’ terzi, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri ta’ infurżar jew tnaqqis ta’ talbiet”.

8.        It-Titolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri ta’ riorganizzazzjoni”, jinkludi l-Artikoli 3 sa 8.

9.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni – liġi applikabbli”, jiddisponi:

“1.      L-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikunu waħedhom mogħtija s-setgħa li jiddeċiedu fuq l‑implimentazzjoni ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni jew iżjed f’istituzzjoni ta’ kreditu, inkluż friegħi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

2.      Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ikunu applikati skond il‑liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

Għandhom ikunu effettivi għal kollox skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru ġewwa [l-Unjoni Ewropea] kollha mingħajr kull formalità oħra, inkluż kontra terzi f’Istati Membri oħra, ukoll fejn ir-regoli ta’ l-Istat Membru ospitanti applikabbli għalihom ma jipprovdux għal dawk il‑miżuri jew jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom soġġetta għall‑kondizzjonijiet li ma jintlaħqux.

Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ikunu effettivi ġewwa [l‑Unjoni] kollha ladarba jidħlu fis-seħħ fl-Istat Membru fejn ikunu ittieħdu.”

10.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24, intitolat “Pubblikazzjoni”, huwa redatt kif ġej:

“1.      Fejn l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni deċiżi bis‑saħħa ta’ l-Artikolu 3(1) u (2) x’aktarx taffettwa d-drittijiet ta’ terzi persuni fi Stat Membru ospitanti u fejn appell jista’ jinġab fl-Istat Membru ta’ oriġini kontra d-deċiżjoni li tordna l-miżura, l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, l‑amministratur u kull persuna mogħtija s-setgħa li tagħmel hekk fl-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jippubblikaw estratt mid-deċiżjoni fil‑Ġurnal Uffiċjali [tal-Unjoni Ewropea (6)] u f’żewġ gazzetti nazzjonali f’kull Stat Membru ospitanti, biex jitħaffef l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell fi żmien biżżejjed.

2.      L-estratt mid-deċiżjoni provduta fil-paragrafu 1 għandu jintbagħat kemm jista’ jkun malajr, u bir-rotta l-aktar xierqa, lill-Uffiċċju għall‑Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u lil żewġ gazzetti nazzjonali f’kull Stat Membru ospitanti.

[…]

4.      L-estratt mid-deċiżjoni li għandu jkun ippubblikat għandu jispeċifika, fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ l-Istati Membri kkonċernati, partikolarment l-għan u l-bażi legali tad-deċiżjoni meħuda, it-termini għall-preżentata ta’ l-appelli, speċifikatament indikazzjoni li tiftiehem b’mod ċar tad-data ta’ l-iskadenza tat-termini, u l-indirizz sħiħ ta’ l‑awtoritajiet jew il-qorti kompetenti li tisma l-appell.

5.      Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom japplikaw irrispettivament mill-miżuri preskritti fil-paragrafi 1 sa 3 u għandhom ikunu effettivi għal kollox kontra l-kredituri, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ta’ oriġini jew il-liġi ta’ dak l-Istat li jiggverna dawk il-miżuri tipprovdi mod ieħor.”

11.      L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligu li jkunu informati l-kredituri u d-dritt li jsiru t-talbiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini teħtieġ il-preżentata ta’ talba biex tkun rikonoxxuta jew tipprovdi għan-notifika obbligatorja ta’ miżuri lill-kredituri li għandhom id-domiċilju, il-post tar-residenza tagħhom normali jew l-uffiċċji ewlieni f’dak l-Istat, l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini jew l‑amministratur għandhom jgħarrfu wkoll lill-kredituri magħrufa li għandhom id-domiċilju, il-post tar-residenza tagħhom normali jew l‑uffiċċju prinċipali f’Istat Membru ieħor, skond il-proċeduri imsemmija fl-Artikoli 14 u 17(1).”

12.      Skont l-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva, l‑implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni ma għandhiex taffettwa d-dritt ta’ kreditur li jitlob it-tpaċija tat-talba tiegħu kontra t‑talba tal-istituzzjoni ta’ kreditu, meta din it-tpaċija hija permessa bil-liġi applikabbli għat-talba tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

13.      L-Artikolu 32 tal-istess direttiva, intitolat “Kawżi pendenti”, jiddisponi:

“L-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti dwar beni jew dritt li minnhom l-impriża ta’ l‑assigurazzjoni tkun ġiet svestita għandhom ikunu iggvernati biss bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kawza hija pendenti.”

3.      IdDirettiva 2014/59/UE

14.      L-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/59/UE (7), intitolat “Obbligi proċedurali tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni”, jistipula, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

“4.      L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tippubblika jew tiżgura l‑pubblikazzjoni, jew ta’ kopja tal-ordni jew l-istrument li bih ittieħdet l‑azzjoni ta’ riżoluzzjoni, jew ta’ avviż li jagħti sommarju tal-effetti tal‑azzjoni ta’ riżoluzzjoni, u b’mod partikolari tal-effetti fuq il-klijenti bl-imnut u, jekk applikabbli, it-termini u l-perjodu ta’ sospensjoni jew restrizzjoni msemmija fl-Artikoli 69, 70 u 71, bil-mezzi li ġejjin:

(a)      fuq il-websajt uffiċjali tagħha;

(b)      fuq il-websajt tal-awtorità kompetenti, jekk differenti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, u fuq il-websajt tal-[Awtorità Bankarja Ewropea (ABE)];

(c)      fuq il-websajt tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

(d)      fejn l-ishma jew strumenti oħra ta’ sjieda jew strumenti tad-dejn tal‑istituzzjoni taħt riżoluzzjoni huma ammessi għal negozjar f’suq regolat, il-mezzi użati għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni regolata dwar l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/109/KE [(8)].

5.      Jekk l-istrumenti ta’ sjieda jew l-istrumenti tad-dejn mhumiex ammessi għan-negozjar fuq suq regolat, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li d-dokumenti li jagħtu prova tal-istrumenti msemmija fil-paragrafu 4 jintbagħtu lill-azzjonisti u l-kredituri magħrufa tal‑istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li huma magħrufa mir-reġistri jew mill‑bażijiet tad-data tal-istituzzjoni tħat riżoluzzjoni li huma disponibbli għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni.”

15.      L-Artikolu 117 ta’ din id-direttiva, intitolat “Emendi għad‑Direttiva [2001/24]”, jistipula, fil-punt 1 tiegħu, iż-żieda mal‑Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, ta’ paragrafu 5, li jipprevedi li “[l]‑Artikoli 4 u 7 ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw fejn japplika l-Artikolu 83 tad-Direttiva [2014/59]”.

16.      Skont l-Artikolu 130(1) tad-Direttiva 2014/59, it-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien sal‑31 ta’ Diċembru 2014.

17.      Skont l-Artikolu 131 ta’ din id-direttiva, hija daħlet fis-seħħ fl‑għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-ĠU, jiġifieri fit‑2 ta’ Lulju 2014.

B.      Iddritt Spanjol

18.      L-Artikolu 19(1) tal-Ley 6/2005 sobre saneamiento y liquidación de las entidades de crédito (il-Liġi 6/2005 dwar ir-Riorganizzazzjoni u l‑Istralċ ta’ Istituzzjonijiet ta’ Kreditu) (9), tat‑22 ta’ April 2005, li ttrasponiet id-Direttiva 2001/24 fl-ordinament ġuridiku Spanjol, jipprevedi:

“Meta miżura ta’ riorganizzazzjoni ġiet adottata jew proċedura ta’ stralċ ġiet miftuħa fil-konfront ta’ istituzzjoni ta’ kreditu approvata fi Stat Membru […] li għandha tal-inqas fergħa jew fornitur ta’ servizzi fi Spanja, din il-miżura jew proċedura tipproduċi mingħajr ebda formalità oħra l-effetti tagħha kollha fi Spanja, hekk kif tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat Membru li fih ġiet adottata l-miżura jew miftuħa l-proċedura.”

C.      Iddritt Portugiż

19.      L-Artikoli 145‑C et seq. tar-Regime Geral das Instituições de Crédito e Sociedas Financeiras (ir-Regoli Ġenerali dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u l-Kumpanniji Finanzjarji), introdotti permezz tad-Decreto‑Lei no 31‑A/2012 (id-Digriet-Liġi Nru 31‑A/2012) (10), tal‑10 ta’ Frar 2012, jirregolaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ kumpanniji finanzjarji.

III. Ilfatti talkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

A.      IlKawża C498/22

20.      Fil‑11 ta’ Diċembru 2006, C.F.O., bħala konsumatur, ikkonkluda ma’ BES Spanja self b’garanzija ipotekarja li fih klawżola ta’ rata minima ta’ interessi jew klawżola ta’ “rata minima” ta’ 2 %.

21.      Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddikjarat li tali klawżoli ta’ “rata minima” kienu inġusti minħabba nuqqas ta’ trasparenza. Fuq talba ta’ C.F.O. lil BES Spanja sabiex ma tapplikax il-klawżola ta’ “rata minima” li kienet tinsab fil-kuntratt ta’ self ipotekarju tiegħu, BES Spanja waqfet tapplika din il-klawżola b’effett mix-xahar ta’ Ġunju 2013.

22.      Skont ir-Regoli Ġenerali dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u l‑Kumpanniji Finanzjarji, u fil-kuntest ta’ diffikultajiet finanzjarji serji ta’ BES, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank tal-Portugall adotta, permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2014, emendata permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014”), miżuri msejħa “ta’ riżoluzzjoni” ta’ dan l-istabbiliment ta’ kreditu.

23.      Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Bank tal-Portugall iddeċieda li joħloq bank tranżitorju, Novo Banco, li lilu ġew ittrasferiti l-assi, l‑obbligi u elementi oħra li ma humiex patrimonjali ta’ BES deskritti fl‑anness 2 tal-imsemmija deċiżjoni.

24.      Fost l-obbligi esklużi mit-trasferiment lil Novo Banco kien hemm b’mod partikolari “kwalunkwe responsabbiltà jew perikolu, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw minn frodi jew mill-ksur ta’ dispożizzjonijiet jew ta’ deċiżjonijiet regolatorji, kriminali jew amministrattivi”.

25.      Wara dan it-trasferiment, Novo Banco Spanja saret il-kreditur ipotekarju tas-self konkluż fil‑11 ta’ Diċembru 2006 u bdiet tiffattura lil C.F.O. il-pagamenti mensili tiegħu.

26.      Fit‑3 ta’ Ottubru 2014, il-Banco de España (il-Bank ta’ Spanja) ippubblika avviż fil-Boletín Oficial del Estado li fih indika li, permezz tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, il-Bank tal-Portugall kien applika fil-konfront ta’ BES miżura ta’ riżoluzzjoni li kienet tikkonsisti fit‑trasferiment parzjali tal-attivitajiet tagħha lill-bank tranżitorju Novo Banco, li kompla mingħajr interruzzjoni l-attivitajiet ordinarji ta’ BES, u din il-miżura kienet meqjusa li hija miżura ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24.

27.      Fid‑29 ta’ Diċembru 2015, il-Bank tal-Portugall adotta żewġ deċiżjonijiet li jemendaw u jikkjarifikaw l-anness 2 tad-deċiżjoni tax‑xahar ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015”), li kienu jispjegaw b’mod partikolari li, b’effett minn dakinhar, “it-talbiet u l-kumpens marbuta mal-allegat annullament ta’ ċerti klawżoli ta’ kuntratti ta’ self li fihom BES kienet l‑entità li sellfet” ma ġewx ittrasferiti lil Novo Banco.

28.      Fix-xahar ta’ Jannar 2017, C.F.O. talab lil Novo Banco Spanja r‑rimbors tal-ammonti riċevuti minn BES Spanja bis-saħħa tal-klawżola ta’ “rata minima” tas-self ipotekarju tiegħu.

29.      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Marzu 2017, Novo Banco ċaħad din it‑talba għar-raġuni li l-bank kien aġixxa bi trasparenza fir-rigward tal‑informazzjoni relatata ma’ din il-klawżola ta’ “rata minima”, li kienet ġiet iffirmata fl‑24 ta’ Novembru 2006, jiġifieri qabel il-firma tal-att notarili ta’ self ipotekarju.

30.      Fl‑4 ta’ Mejju 2017, C.F.O. ippreżenta rikors kontra Novo Banco Spanja intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità, minħabba n-natura inġusta tagħha, tal-klawżola ta’ “rata minima” li tinsab fis-self ipotekarju konkluż ma’ BES Spanja u sabiex Novo Banco Spanja tiġi kkundannata tirrimborsah l-ammonti mħallsa indebitament abbażi ta’ din il-klawżola.

31.      Novo Banco Spanja opponiet dan ir-rikors billi qajmet eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi in judicio, peress li l-pretensjoni li setgħet titnissel favur C.F.O., li tikkonsisti fir-restituzzjoni tal-ammonti riċevuti minn BES Spanja bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-klawżola ta’ “rata minima”, ma ġietx ittrasferita lil Novo Banco permezz tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni meħuda mill-Bank tal-Portugall fir-rigward ta’ BES.

32.      Kemm il-qorti fl-ewwel istanza kif ukoll, fl-appell, l-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali, Espagne) ċaħdu l-eċċezzjoni mqajma minn Novo Banco Spanja u laqgħu t-talba ta’ C.F.O.

33.      Novo Banco Spanja appellat quddiem it-Tribunal Supremo (il‑Qorti Suprema), li laqgħet t-talba tal-Bank tal-Portugall u tal-Fond ta’ Riżoluzzjoni sabiex jintervjenu insostenn tal-appell.

34.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, minkejja li d‑deċiżjonijiet tal-Bank tal-Portugall tax-xahar ta’ Awwissu 2014 u tad‑29 ta’ Diċembru 2015 huma meqjusa miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad‑Direttiva 2001/24 (11), u minkejja li dawn jistgħu jaffettwaw terzi, ma saret l-ebda pubblikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, kuntrarjament għal dak mitlub mill-Artikolu 6(1) sa (4) ta’ din id‑Direttiva. F’dan ir-rigward, din il-qorti tenfasizza li l-informazzjoni kkomunikata mill-Bank tal-Portugall fuq is-sit internet tagħha, bl-Ingliż u bil-Portugiż, kif ukoll fil-midja Spanjola dwar il-kriżi ta’ BES u l‑ħolqien ta’ Novo Banco kienet ġenerali wisq u ma kinitx tippermetti lill-klijenti kkonċernati jidentifikaw l-obbligi esklużi mit-trasferiment tal-patrimonju u jieħdu konoxxenza tal-limitazzjoni tad‑drittijiet tagħhom li din l-esklużjoni kienet timplika. Fuq kollox, l-imsemmija qorti tirrileva li l-avviż ippubblikat mill-Banque d’Espagne, imsemmi fil‑punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, lanqas kien jissodisfa l‑kundizzjonijiet mitluba minn din id-dispożizzjoni.

35.      Din l-assenza ta’ pubblikazzjoni fit-termini mitluba mill‑imsemmija dispożizzjoni pprekludiet kważi lill-klijenti kollha ta’ BES Spanja li jirrisjedu fi Spanja milli jippreżentaw rikors kontra d‑deċiżjonijiet tal-Bank tal-Portugall u wasslithom sabiex jippreżentaw rikorsi kontra Novo Banco Spanja li matulhom din madankollu eċċepixxiet in-nuqqas ta’ locus standi in judicio minħabba li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni ma kinux ittrasferixxew l-obbligu ta’ rimbors tal‑ammonti mħallsa minn dawn il-klijenti minħabba l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta.

36.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-Artikolu 6(5) tad‑Direttiva 2001/24, li jipprevedi li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom japplikaw u jkunu effettivi irrispettivament mill-miżuri ta’ pubblikazzjoni previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ din id-dispożizzjoni, jistax ikopri assenza fit-tul tal-pubblikazzjoni, fl-Istat Membru ospitanti, tal‑limitazzjonijiet jew ta’ ċaħda ta’ drittijiet li dawn il-miżuri jimponu fuq il-klijenti tal-entità kkonċernata, kif ukoll ta’ rimedji u ta’ modalitajiet ta’ azzjoni li huma għandhom.

37.      Għalhekk, hija tistaqsi dwar il-fatt li l-obbligu ta’ rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati fl-Istat Membru ta’ oriġini, stipulat fl-Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 2001/24, jistax ikun konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, prevista fl-Artikolu 21(2) tagħha, u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li tali miżuri ma ġewx ippubblikati skont kif mitlub mill-Artikolu 6(1) sa (4) ta’ din id-direttiva.

38.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-risposta ta’ Novo Banco Spanja għat-talba ta’ C.F.O. ma tikkontestax it-trasferiment ta’ responsabbiltà tal-obbligi, b’mod partikolari, tal-obbligu ta’ rimbors tal‑ammonti mħallsa minn C.F.O. lil BES Spanja, skont il-klawżola ta’ “rata minima”, li sussegwentement ġiet kkunsidrata li hija inġusta. Għall‑kuntrarju, Novo Banco Spanja rrispondiet fuq il-mertu, billi enfasizzat li l-“bank aġixxa bi trasparenza sħiħa”, fil-mument li fih huwa kien ikkontrollat mill-Fond ta’ Riżoluzzjoni, li kien huwa stess entità pubblika dipendenti tal-Bank tal-Portugall. Konsegwentement, C.F.O. bdiet il-proċedura ġudizzjarja tagħha billi qieset, b’fiduċja sħiħa, li Novo Banco Spanja, bħala fergħa ta’ stabbiliment bankarju kkontrollat minn awtorità pubblika li taġixxa skont id-dritt tal-Unjoni, kellha r-rwol ta’ entità li ssellef fil-kuntratt ta’ self ipotekarju.

39.      Għalhekk, din il-qorti tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni fejn konsumatur, li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, setax jibbaża l-aspettattivi leġittimi tiegħu fl-aġir tal-bank tranżitorju, ikkontrollat minn awtorità pubblika tal‑Istat Membru ta’ oriġini, l-obbligu ta’ rikonoxximent tal-effetti tal‑miżuri ta’ riorganizzazzjoni, stipulat fl-Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 2001/24, huwiex konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

40.      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-legalità, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 93/13, tal-frammentazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali li tirriżulta mill-miżuri ta’ riorganizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri li l-konsumatur isib ruħu marbut mill-obbligi tiegħu fir-rigward ta’ Novo Banco Spanja, billi jħallas lil din tal-aħħar il‑pagamenti mensili tas-self ipotekarju inizjalment konkluż ma’ BES Spanja, filwaqt li, fl-istess ħin, Novo Banco Spanja hija meħlusa mill‑obbligu ta’ rimbors tal-ammonti li ġew riċevuti minn BES Spanja bis-saħħa tal-klawżola ta’ “rata minima”, li jwassal sabiex dan il‑konsumatur ikun marbut minn din il-klawżola inġusta, peress li ma jistax jirkupra dawn l-ammonti mingħand BES, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ insolvabbiltà ta’ din tal-aħħar. Din is-sitwazzjoni tista’ tikkostitwixxi interferenza sproporzjonata fid-dritt għall-proprjetà ta’ dan il‑konsumatur, bi ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta.

41.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk id‑drittijiet tal‑konsumaturi jipprevalux fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (12).

42.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2001/24], li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ma ġietx ippubblikata fit-termini meħtieġa mill‑Artikolu 6(1) sa (4) [ta’ din id-direttiva] hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-[Karta], mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità previst fl‑Artikolu 21(2) tal-Karta?

2)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li eskludiet ċerti obbligi u responsabbiltajiet mit-trasferiment lil ‘bank tranżitorju’ tal-attività ordinarja u ta’ ċertu numru ta’ elementi patrimonjali tal-bank li huwa suġġett għall-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, meta l-aġir ulterjuri tal-‘bank tranżitorju’, ikkontrollat minn awtorità pubblika li tapplika d-dritt tal-Unjoni, nissel fil-klijenti tal-Istat Membru ospitanti aspettattivi leġittimi fil‑fatt li l-bank tranżitorju kien ukoll assuma l-passif li jikkorrispondi għar-responsabbiltajiet u għall-obbligi li l-bank li huwa s-suġġett tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni kellu fil-konfront tal-klijenti tiegħu, hija konformi mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?

3)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tittrasferixxi lil ‘bank tranżitorju’ l-pożizzjoni ta’ kreditur fil‑kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, iżda li tħalli lill-bank mhux vijabbli l-obbligu li jirrimborsa lill-konsumatur li jissellef is‑somom miġbura minħabba l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta f’dan il-kuntratt, hija konformi mad-dritt fundamentali għall‑proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta, mal-prinċipju ta’ protezzjoni għolja tal-konsumaturi previst fl-Artikolu 38 tal-Karta, mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13] u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?”

B.      IlKawża C499/22

43.      J.M.F.T. u M.H.D.S. fetħu kont ta’ titoli u kkonkludew kuntratt ta’ ġestjoni ta’ portafoll ta’ investimenti ma’ BES Spanja. Fit‑3 ta’ Ottubru 2007, huma kkonkludew kuntratt finanzjarju atipiku (iktar ’il quddiem il-“KFA”) ma’ BES Spanja li skada fil‑11 ta’ Ottubru 2014, data li fiha hija ġie xolta u likwidata minn Novo Banco, li, sadattant, kienet is‑suċċessur ta’ BES. Fit‑28 ta’ April 2008, huma kkonkludew ukoll ma’ BES Spanja, kuntratt relatat ma’ prodott finanzjarju strutturat li skada fit‑28 ta’ April 2013 u li ġie likwidat b’telf minn BES Spanja.

44.      Fix-xahar ta’ Awwissu 2014, J.M.F.T. irċieva diversi komunikazzjonijiet mingħand Novo Banco li jirreferu, wara d‑deċiżjonijiet meħuda mill-Bank tal-Portugall fir-rigward ta’ BES, għall-kontinwità tar-relazzjonijiet bankarji bejn il-klijenti ta’ BES Spanja u l-entità l-ġdida Novo Banco Spanja, kif ukoll l-istqarrija tal-istat finanzjarju tal-KFA.

45.      Fis‑17 ta’ April 2017, J.M.F.T. u M.H.D.S. ippreżentaw rikors kontra Novo Banco intiż, prinċiparjament, għall-annullament taż-żewġ kuntratti finanzjarji abbażi ta’ kunsens ivvizzjat, minħabba informazzjoni żbaljata li ngħatatilhom minn BES, kif ukoll ir-restituzzjoni reċiproka tal‑ammonti riċevuti minn kull parti, bl-interessi mid-data ta’ kull pagament u, sussidjarjament, il-kumpens tat-telf subit meta akkwistaw iż‑żewġ prodotti finanzjarji, bl-interessi kkalkolati bir-rata ta’ interessi legali min-notifika tar-rikors.

46.      Novo Banco Spanja opponiet ir-rikors billi qajmet eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi in judicio, minħabba li l‑pretensjoni li setgħet titnissel favur J.M.F.T. u M.H.D.S., li tikkonsisti fir‑restituzzjoni tal-ammonti mħallsa minnhom bis-saħħa tal-prodotti finanzjarji minħabba possibbiltà ta’ nullità ta’ kuntratti jew tal-kumpens ta’ telf subit mill-fatt li dawn il-klijenti ma kinux informati bir-riskji tal‑istrumenti finanzjarji inkwistjoni, ma kinitx ġiet ittrasferita lil Novo Banco permezz tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni meħuda mill-Bank tal‑Portugall fir-rigward ta’ BES.

47.      Ir-rikors ġie milqugħ fl-ewwel istanza.

48.      Wara l-appell ippreżentat minn Novo Banco Spanja, l-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali) laqgħet l-appell inkwantu kien jirrigwarda l-kuntratt konkluż fit‑28 ta’ April 2008, minħabba li dan il‑kuntratt kien ġie likwidat minn BES Spanja fit‑28 ta’ April 2013, jiġifieri qabel il-ħolqien ta’ Novo Banco fil-kuntest tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni ta’ BES. Din kienet għalhekk tranżazzjoni li eżawrixxiet l-effetti tagħha qabel dawn il-miżuri, b’tali mod li l-ebda obbligu jew responsabbiltà li tirriżulta minn dan il-kuntratt ma ġie ttrasferiet lil Novo Banco.

49.      Min-naħa l-oħra, l-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali) ċaħdet l-appell f’dak li jirrigwarda l-KFA, li l-ġestjoni u l-likwidazzjoni tiegħu fix-xahar ta’ Ottubru 2014 ġew iġġestiti minn Novo Banco. Din il-qorti indikat ukoll li d-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014 kienet teskludi mit-trasferiment mhux prodott strutturat bħall-KFA, iżda l‑istrumenti ta’ dejn maħruġa mill-istituzzjonijiet ta’ BES. Hija żiedet li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mid-deċiżjonijiet sussegwenti tal-Bank tal‑Portugall kienu mingħajr effett peress li l-kuntratt kien ġie ddikjarat skadut u likwidat preċedentement.

50.      Adita minn appelli kontra din is-sentenza ppreżentati minn J.M.F.T. u M.H.D.S., minn naħa, u minn Novo Banco Spanja, sostnuta mill-Bank tal-Portugall u mill-Fond ta’ Riżoluzzjoni, min-naħa l‑oħra, it‑Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tiġġustifika t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari bl-istess mod bħal fil-Kawża C‑498/22 (13).

51.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2001/24] li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ma ġietx ippubblikata fit-termini meħtieġa mill-Artikolu 6(1) sa (4) [ta’ din id-direttiva], hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl‑Artikolu 47 tal-[Karta], mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità previst fl-Artikolu 21(2) tal-Karta?

2)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li eskludiet ċerti obbligi u responsabbiltajiet mit-trasferiment lil ‘bank tranżitorju’ tal-attività ordinarja u ta’ ċertu numru ta’ elementi patrimonjali tal-bank li għalih japplikaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, meta l-aġir ulterjuri tal-‘bank tranżitorju’ nnifsu, ikkontrollat minn awtorità pubblika li tapplika d-dritt tal-Unjoni, nissel fil-klijenti tal-Istat Membru ospitanti aspettattivi leġittimi fil‑fatt li l-bank tranżitorju kien ukoll assuma l-passif li jikkorrispondi għar-responsabbiltajiet u għall-obbligi li l-bank li huwa s-suġġett tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni kellu fil-konfront tal-klijenti tiegħu, hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?

3)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tittrasferixxi lil ‘bank tranżitorju’ l-pożizzjoni ta’ kreditur fir‑relazzjonijiet kuntrattwali li kienu ġew miftiehma mal-bank li huwa s-suġġett tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, iżda li tħalli lill‑bank mhux vijabbli l-obbligu li jirrimborsa lill-klijent is-somom imħallsa minnu skont kuntratti li ġew annullati minħabba żball fil‑kunsens dovut għall-insuffiċjenza tal-informazzjoni pprovduta mill-bank, hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għall-proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta, mal-prinċipju ta’ protezzjoni għolja tal-konsumaturi previst fl-Artikolu 38 tal-Karta u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?”

C.      IlKawża C500/22

52.      Fis‑17 ta’ Novembru 2014, il-kumpannija Proyectos, Obras y Servicios de Badajoz SL (iktar ’il quddiem “POSB”) xtrat, fis-suq sekondarju, bond ipprivileġġjata “Senior Bond NB 6.875 % maturity July 2016”, li timmatura fil‑15 ta’ Lulju 2016.

53.      Din il-bond kienet inħarġet minn BES, iżda, fil-mument tax-xiri tagħha minn POSB, permezz ta’ impriża ta’ investiment, dan l-istrument ta’ dejn mhux subordinat kien jagħmel parti mill-patrimonju ta’ Novo Banco, li lilu ġie ttrasferit bis-saħħa tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014.

54.      Fix-xahar ta’ Lulju 2015, Novo Banco ħallas lil POSB dħul minn rendimenti ta’ bonds għas-sena 2014‑2015.

55.      Meta l-bond skadiet fil‑15 ta’ Lulju 2016, Novo Banco la ħallas ir‑rendimenti ta’ bonds għas-sena 2015‑2016 u lanqas irrestitwixxa l‑valur nominali ta’ din il-bond lil POSB.

56.      Bħala risposta għat-talba għal dan tal-aħħar, Novo Banco indika li r-rifjut ta’ ħlas kien ibbażat fuq id-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 li kienu “ittrasferixxew mill-ġdid” il-passiv marbut ma’ din il-bond ta’ Novo Banco lil BES. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet kienu jipprevedu b’mod partikolari t-“trasferiment mill-ġdid” ta’ bonds mhux subordinati ta’ Novo Banco lil BES, li d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom jirriżultaw, fost l-oħrajn, minn “Senior Bond NB 6.875 % maturity July 2016”.

57.      Fil‑25 ta’ Ġunju 2017, POSB introduċiet rikors kontra Novo Banco intiż għall-ħlas ta’ rendimenti tal-bond għas-sena 2015‑2016 u għar-restituzzjoni tal-ammont li jikkorrispondi mal-valur nominali tal‑bond.

58.      Novo Banco oppona r-rikors billi qajjem eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi in judicio minħabba li l-passiv marbut ma’ dan il-bond kien ġie “ittrasferiet mill-ġdid” lil BES.

59.      Kemm il-qorti adita fl-ewwel istanza kif ukoll, fl-appell, l‑Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali) ċaħdu l-eċċezzjoni mqajma minn Novo Banco u laqgħu r-rikors.

60.      Adita minn appell ippreżentat minn Novo Banco Spanja, sostnuta mill-Bank tal-Portugall u mill-Fond ta’ Riżoluzzjoni, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tirrileva, b’mod partikolari, li l-pussess ta’ titolu ta’ dejn mhux subordinat jagħti lil POSB il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-proprjetà rrikonoxxut fl-Artikolu 17 tal-Karta. It‑“trasferiment mill-ġdid” lil BES ta’ responsabbiltajiet u ta’ obbligi marbuta ma’ dan it-titolu ta’ dejn iwassal, fil-prattika, għal ċaħda tad-dritt għall-proprjetà tagħha, peress li BES huwa bank mhux vijabbli, mingħajr l-attiv tiegħu. Din iċ-ċaħda, mingħajr kumpens ġust fi żmien utli, tista’ wkoll tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (14).

61.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2001/24], li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ma ġietx ippubblikata fit-termini meħtieġa mill‑Artikolu 6(1) sa (4) [ta’ din id-direttiva], hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-[Karta], mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità previst fl‑Artikolu 21(2) tal-Karta?

2)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ttrasferixxiet mill-ġdid lill-bank mhux vijabbli li għalih ġew applikati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni l-obbligi u r-responsabbiltajiet li jirriżultaw minn titolu ta’ dejn mhux subordinat li nxtara minn terz meta dawn l-obbligi u responsabbiltajiet kienu fil-patrimonju tal‑‘bank tranżitorju’ hija konformi mad-dritt fundamentali għall‑proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?”

62.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Settembru 2022, il-Kawżi C‑498/22, C‑499/22 u C‑500/22 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas‑sentenza.

63.      C.F.O., J.M.F.T. u M.H.D.S., Novo Banco Spanja, il-Bank tal‑Portugall, il-Gvern Spanjol u dak Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

64.      C.F.O., POSB, Novo Banco Spanja, il-Bank tal-Portugall, il‑Gvern Spanjol u dak Portugiż, kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew ipparteċipaw fis-seduta li saret fis‑26 ta’ Ottubru 2023, li matulha huma wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ tweġibiet orali.

IV.    Analiżi

A.      Fuq lewwel domandi filKawżi C498/22, C499/22 u C500/22

65.      F’kull waħda mit-tliet kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 2001/24 li timplika r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ma ġietx ippubblikata fit-termini meħtieġa mill-Artikolu 6(1) sa (4) ta’ din id-direttiva hijiex konformi mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva prevista fl‑Artikolu 47 tal-Karta, mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali kif ukoll mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità msemmija l-Artikolu 21(2) tal‑Karta.

66.      Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf x’inhuma l-effetti tan-nuqqas tal-pubblikazzjoni, prevista f’dan l-Artikolu 6, tal-estratt tad‑deċiżjoni nazzjonali li ordnat il-miżura ta’ riorganizzazzjoni mill‑awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal‑Istat Membru ta’ oriġini, l-amministratur jew kwalunkwe persuna oħra awtorizzata għal dan il-għan fl-Istat Membru ta’ oriġini, fil-ĠU u f’żewġ ġurnali nazzjonali ta’ kull Stat Membru ospitanti.

67.      Qabel xejn, għandu jiġi spjegat li, l-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2001/24 jistipula li din il-pubblikazzjoni għandha sseħħ f’każ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, il-miżura ta’ riorganizzazzjoni għandha tkun tista’ taffettwa d-drittijiet ta’ terzi fi Stat Membru ospitanti u, min-naħa l-oħra, għandu jkun hemm il-possibbiltà ta’ rimedju fl-Istat Membru ta’ oriġini kontra d-deċiżjoni li ordnat il‑miżura. Iż-żewġ kundizzjonijiet jidhru ssodisfatti f’dan il-każ, peress li fil-Portugall hemm azzjoni legali kontra l-miżura ta’ riorganizzazzjoni (15) u r‑rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kredituri affettwati minn din il‑miżura.

68.      Sussegwentement, mill-kliem stess ta’ dan l-Artikolu 6(1) jirriżulta li din il-pubblikazzjoni hija intiża sabiex tipproteġi d-dritt ta’ azzjoni legali ta’ kredituri fl-Istati Membri ospitanti kontra l-miżura ta’ riorganizzazzjoni quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini, peress li jispiċċa bil-kliem: “biex jitħaffef l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell fi żmien biżżejjed”.

69.      Fl-aħħar nett, l-użu tal-plural, u l-kliem tal-premessi 11 u 12 tad‑Direttiva 2001/24, seta’ jagħti x’jifhem li l-azzjonijiet legali kollha tal‑kredituri, mhux biss kontra l-miżura ta’ riorganizzazzjoni fiha nnifisha, iżda anki kontra d-debitur tagħhom, għandhom jiġu protetti. Madankollu, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ azzjoni legali kontra l‑miżura ta’ riorganizzazzjoni ma tippermettix li jkun hemm viżjoni wiesgħa tad-dritt għal azzjoni legali li l-pubblikazzjoni hija intiża tipproteġi. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni ma hijiex obbligatorja meta ma jkunx hemm azzjoni legali kontra l-miżura ta’ riorganizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini. Issa, f’dan il-każ, il-kredituri xorta għandhom id-dritt tagħhom għal azzjoni legali kontra d-debitur. Barra minn hekk, in-natura tal-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, jiġifieri estratt tad-deċiżjoni li jsemmi “l-għan u l-bażi legali tad-deċiżjoni meħuda, it‑termini għall-preżentata ta’ l-appelli, speċifikament indikazzjoni li tiftiehem b’mod ċar tad-data ta’ l‑iskadenza tat-termini, u l-indirizz sħiħ ta’ l-awtoritajiet jew il-qorti kompetenti li tisma l-appell”, issaħħaħ l-interpretazzjoni li l-azzjonijiet inkwistjoni huma dawk indirizzati kontra l-miżura ta’ riorganizzazzjoni u mhux l-azzjonijiet kollha possibbli tal-kredituri kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu jew il-bank tranżitorju.

70.      Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li tista’ tiżgura koerenza mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 6(5) tad‑Direttiva 2001/24. Minn din l-ewwel dispożizzjoni jirriżulta li l‑miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ikunu effettivi għal kollox mingħajr kull formalità oħra, inkluż kontra terzi, fl-Unjoni kollha hekk kif jipproduċu l-effetti tagħhom fl-Istat Membru li fih ġew meħuda. It‑tieni dispożizzjoni tistipula li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom japplikaw b’mod indipendenti mill-pubblikazzjonijiet previsti fl‑Artikolu 6(1) sa (3) ta’ din id-direttiva u jipproduċu l-effetti kollha tagħhom fir-rigward tal-kredituri.

71.      Dawn il-prinċipji jirriflettu b’mod konkret l-għan li għandu jiġi segwit mid-Direttiva 2001/24 li hija direttiva ta’ rikonoxximent reċiproku tal-effetti ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni meħuda fi Stat membru ta’ oriġini fl-Istati Membri ospitanti l-oħra, li fihom huma stabbiliti fergħat, flimkien ma’, bħala konsegwenza, l-applikazzjoni tal‑prinċipji ta’ unità u ta’ universalità tal-proċedura (qorti waħda għandha ġurisdizzjoni u dritt uniku applikabbli, dawk tal-Istat Membru ta’ oriġini) (16), ħlief eċċezzjonijiet, b’mod partikolari f’każ ta’ proċeduri pendenti fl-Istat Membru ospitanti li jibqgħu esklużivament rregolati mil‑liġi tal-Istat Membru ospitanti (17).

72.      Barra minn hekk, in-notifika individwali lill-kredituri ma hijiex prevista, fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, ħlief jekk il-leġiżlazzjoni tal‑Istat Membru ta’ oriġini tirrikjedi l-preżentata ta’ talba biex tkun irrikonoxxuta jew tipprovdi għan-notifika obbligatorja tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni lil kredituri li għandhom id-domiċilju tagħhom, il-post tar-residenza tagħhom normali jew l-uffiċċji prinċipali f’dan l-Istat. Minn dan jirriżulta, kif diġà indikajt fil-punti 68 u 69 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, li din in-notifika ma għandhiex bħala għan li tipproteġi l-azzjonijiet legali kollha tal-kredituri kontra d-debitur, iżda sabiex tiżgura li dawn il-kredituri jistgħu jsostnu d-drittijiet tagħhom fil-konfront ta’ din il-miżura skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini.

73.      B’hekk, b’mod ġenerali, id-Direttiva 2001/24 ma tittrattax azzjonijiet legali individwali tal-kredituri kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu jew il-bank tranżitorju, fil-każ ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni, ħlief jekk ikun hemm ċerti kuntratti jew drittijiet (b’mod partikolari kuntratt ta’ impjieg, drittijiet fuq proprjetà immobbli rreġistrata f’reġistru pubbliku, ċerti drittijiet reali, drittijiet ibbażati fuq klawżola ta’ riżerva ta’ proprjetà (18)) jew jekk tkun kawża pendenti li tibqa’ rregolata mil-liġi tal‑Istat Membru ospitanti li fih din il-kawża hija pendenti (19).

74.      Fil-kawżi prinċipali, huwa stabbilit li l-pubblikazzjoni mitluba mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ma saritx u, għalhekk, tqum il‑kwistjoni tas-sanzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni.

75.      Tressqu diversi ipoteżi mill-intervenjenti differenti quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja. Uħud isostnu li, fl-assenza ta’ pubblikazzjoni, il‑miżura ta’ riorganizzazzjoni ma kellhiex effetti lil hinn mill-Istat Membru ta’ oriġini. Il-Kummissjoni ssostni li din is-sanzjoni ma għandhiex tapplika ħlief wara ċertu terminu marbut ma’ limitazzjonijiet inerenti mat-termini ta’ pubblikazzjoni fil-ĠU. Oħrajn isostnu li l-assenza ta’ pubblikazzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24 ma kellhiex effett, peress li kienet saret pubblikazzjoni skont l-Artikolu 83 tad‑Direttiva 2014/59.

76.      Inqis li l-ewwel ipoteżi relatata mal-assenza ta’ effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni fl-Istati Membri ospitanti tmur kontra l-kliem tad‑Direttiva 2001/24 u ma tikkorrispondix mal-għan tagħha li huwa li jiġi żgurat rikonoxximent reċiproku ta’ dawn il-miżuri, flimkien, bħala konsegwenza, mal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ unità u ta’ universalità tal-proċeduri. Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li jkollhom effetti immedjati, iżda li jkunu fis-seħħ biss għal matul “ċertu terminu”, iż‑żmien neċessarju għall-pubblikazzjoni fil-ĠU. Fil-fatt, fl-assenza ta’ pubblikazzjoni jew f’każ ta’ pubblikazzjoni tardiva, ikun impossibbli li tiġi stabbilita d-data li fiha r-rikonoxximent tardiv ma jibqax jipproduċi l-effetti tiegħu. Għalhekk, dan it-terminu approssimattiv imur direttament kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2001/24 biex jerġgħu jsiru vijabbli l‑istituzzjonijiet ta’ kreditu (20).

77.      Fir-rigward tat-tieni ipoteżi li l-pubblikazzjoni prevista fl‑Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24 tiġi ssostitwita minn dik prevista fl‑Artikolu 83(4) tad-Direttiva 2014/59, jidhirli li din lanqas ma hija kompatibbli mal-Artikolu 117 ta’ din id-direttiva li jemenda l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/24 sabiex jiġi spjegat, fil-paragrafu 5 ġdid li “[l]‑Artikoli 4 u 7 ta’ din id-direttiva m’għandhomx japplikaw fejn japplika l-Artikolu 83 tad-Direttiva [2014/59]”. Minn dan jirriżulta li, a contrario, il-pubblikazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24 għandha ssir anki jekk il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 83 tad‑Direttiva 2014/59 tkun saret. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2014/59 hijiex applikabbli ratione temporis f’dan il-każ ma għandha l-ebda impatt.

78.      Barra minn hekk, fl-assenza ta’ preċiżjoni ta’ natura proċedurali prevista mid-dritt tal-Unjoni sabiex tissanzjona dritt, u skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn ir-regoli ma għandhomx ikunu inqas favorevoli mir-rimedji simili ta’ natura interna (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (21).

79.      Kif diġà spjegajt, il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2001/24 tiżgura l-protezzjoni tad-dritt li tiġi kkontestata l‑miżura ta’ riorganizzazzjoni quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini minħabba r-rikonoxximent reċiproku li din id-direttiva timplimenta. Fil-każ fejn tali rikors jinbeda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti Portugiża għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza tal-pubblikazzjoni prevista f’dan l-Artikolu 6 sabiex tevalwa jekk din l‑assenza għamlitx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l‑eżerċizzju ta’ din l-azzjoni legali fid-dawl tar-regoli nazzjonali relatati mat‑terminu għall-eżerċizzju ta’ azzjonijiet legali kontra dan it-tip ta’ deċiżjoni.

80.      Din l-analiżi hija kkorroborata mill-analiżi tal-ġenesi tal‑Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24. Fil-fatt, fl-abbozz inizjali tal‑Kunsill (22), l-ewwel nett, il-pubblikazzjoni fil-ĠU u n-notifiki individwali tħallew għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal‑pajjiż tas-sede tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernat. It-tieni nett, kien indikat li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom japplikaw irrispettivament mill-miżuri ta’ pubbliċità u jipproduċu l-effetti kollha tagħhom fil-konfront tal-kredituri. It-tielet nett, ħlief fil-każ ta’ notifika individwali, it-termini għal azzjoni legali kienu jibdew jiddekorru b’effett mill‑pubblikazzjoni fil-ĠU. B’hekk, kuntrarjament għall-abbozz inizjali, il-punt tat-tluq tat-terminu għal azzjoni legali tħalla fid-diskrezzjoni tal‑Istati Membri fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, iżda bl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

81.      Il-Kunsill u l-Parlament intervjenew waqt is-seduta sabiex ifakkru li d-Direttiva 2001/24 kienet ir-riżultat ta’ ħmistax-il sena ta’ negozjati u li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni dehru biss fid-Direttiva 2014/59. Huma żiedu, minn naħa, li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku implimentat kellu bħala għan li jippermetti l-implimentazzjoni rapida u koerenti ta’ miżuri ta’ urġenza intiżi sabiex jiġu evitati effetti indiretti u tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja (23), b’mod partikolari l-kontinwità ta’ funzjonijiet essenzjali tal-bank u l-protezzjoni tal-fondi pubbliċi, u, min‑naħa l-oħra, li huma l-Istati Membri li għandhom jagħtu pubbliċità suffiċjenti għall-miżuri meħuda. Huma spjegaw li l-pubbliċità stabbilita permezz tal-Artikolu 83(4) ta’ din id-direttiva kienet adegwata sabiex tinforma lit-terzi ta’ Stati Membri oħra. L-intervent tagħhom kellu l-għan li juri l-kompatibbiltà tal-mekkaniżmi stabbiliti bid-Direttiva 2001/24 mad-dritt primarju.

82.      L-interpretazzjoni li qed nipproponi tal-Artikoli 3 u 6 tad‑Direttiva 2001/24 turi din il-kompatibbiltà (24).

83.      Anki jekk il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2001/24 ma hijiex intiża sabiex tipproteġi d-drittijiet għal azzjoni legali apparti dik indirizzata kontra l-miżura ta’ riorganizzazzjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinsabu f’sitwazzjoni li taqa’ fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, ir-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni implimentat minn din id-direttiva wassal sabiex jiġu estiżi l-effetti tal-ħolqien tal-bank tranżitorju Novo Banco fil-Portugall għall-fergħa tiegħu Spanjola, peress li dan il-ħolqien kien akkumpanjat minn trasferiment parzjali biss tal-attiv u l-passiv ta’ BES lill-bank tranżitorju u l-fergħat tiegħu. F’dan is-sens, id-drittijiet tar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali ġew affettwati, peress li l-allegati talbiet tagħhom ma ġewx ittrasferiti, in fine, lill-fergħa Spanjola, Novo Banco Spanja, tal‑bank tranżitorju. Konsegwentement, huma jistgħu jagħmlu użu mid‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stabbilita mill‑Artikolu 47 tal-Karta, mill-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u mill-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità kif mitluba mill‑Artikolu 21(2) tal-Karta.

84.      Dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tirrikjedi, b’mod partikolari, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal‑kunsiderazzjonijiet kollha involuti, jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni b’azzjoni diretta kontra entità partikolari (25).

85.      Fl-assenza ta’ sanzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni minħabba assenza ta’ pubblikazzjoni kif prevista fl-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2001/24 li, infakkar, ma għandhiex l-għan li tinforma lill‑kredituri kollha bil-modalitajiet tal-azzjonijiet legali tagħhom kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu, hija l-qorti li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha u tikkunsidra l-informazzjoni kollha disponibbli b’tali mod li tiċċara l-għażla tal-kreditur fil-limiti imposti mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

86.      Qabelxejn, kif indika l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu, dispożizzjoni tad-dritt Spanjol tistipula pubblikazzjoni fil-Boletín Oficial del Estado f’każ ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni li tkopri stabbiliment ta’ kreditu li għandu fergħa fi Spanja (26). Sussegwentement, il-klijenti fil-Kawżi C‑498/22 u C‑499/22 ġew informati bil-ħolqien tal-bank tranżitorju permezz tal-korrispondenza mibgħuta minn Novo Banco li ħabritilhom it-tkomplija tar-relazzjoni kummerċjali ma’ bank meħlus mill-perikoli li kienu jheddu s‑sostenibbiltà ta’ BES. Fl-aħħar nett, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2014/59 hijiex applikabbli f’dan il-każ, il-qorti nazzjonali għandha tqis informazzjoni ppubblikata skont l-Artikolu 83(4) ta’ din id-direttiva sabiex tevalwa l-kapaċità tal-parti fil-kawża li tiddeċiedi teżerċitax azzjoni legali.

87.      Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza f’kawża oħra dwar il-ħolqien tal-bank tranżitorju Novo Banco, li tikkonċerna proċedura pendenti fil-jum li fih it-talba kkonċernata mill-kawża inkwistjoni ġiet “ittrasferita mill-ġdid” lil BES, b’effett retroattiv għal data preċedenti għal dik li fih inbdiet il‑proċedura, permezz tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015, hija ddeċidiet li l-parti fil-kawża kellha, fl‑4 ta’ Frar 2015, l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tieħu konjizzjoni sħiħa ta’ deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta’ tali kawża kif ukoll sabiex tidentifika b’ċertezza l-persuna li kontriha din tal-aħħar kellha tiġi diretta (27). F’din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll il‑possibbiltà li l‑Istat Membru ta’ oriġini jemenda, anki b’effett retroattiv, is-sistema legali applikabbli għall-miżuri ta’ riorganizzazzjoni (28). Hija kkonkludiet madankollu li l-Artikolu 3(2) u l‑Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24, moqrija fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu r-rikonoxximent, mingħajr kundizzjoni oħra, tal-effetti tat‑tieni miżura ta’ riorganizzazzjoni li “ittrasferixxiet mill-ġdid” it-talba lil BES, peress li tali rikonoxximent iwassal lil BES li titlef, b’effett retroattiv, il-locus standi in judicio tagħha għall-finijiet tal-proċedura pendenti, u għalhekk iqiegħed fid-dubju deċiżjonijiet ġudizzjarji diġà mogħtija favur ir-rikorrenti (29).

88.      Madankollu, l-azzjonijiet ġudizzjarji, fil-kawżi prinċipali, ġew introdotti quddiem il-qorti Spanjola f’kuntest differenti ferm, peress li inbdew wara d-determinazzjoni tad-debitur tal-allegati talbiet permezz tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni (inkluż permezz tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015) u, konsegwentement, f’qafas ġuridiku stabbilit u rilevanti. Konsegwentement, kellhom ikunu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jistabbilixxu jekk hux Novo Banco Spanja jew BES Spanja li kienu d-debitur tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni disponibbli kemm bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll bis‑saħħa tal-applikazzjoni volontarja tal-Artikolu 83(4) tad‑Direttiva 2014/59.

89.      Fir-realtà, il-miżura ta’ riorganizzazzjoni ma bidlitx l-identità tad‑debitur tagħhom, iżda s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, li minħabba fiha ttieħdet din il-miżura, ikkawżat preġudizzju għall-valur tal-allegata talba tagħhom. Barra minn hekk, dawn ir-rikorrenti ma jispjegawx kif proċedura kontra BES Spanja kienet tkun impossibbli. Id-dritt tagħhom għal azzjoni legali għalhekk ma ġiex ikkontestat mill-miżura ta’ riorganizzazzjoni.

90.      Dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stipulat mill-Artikolu 21 tal-Karta, ma huwiex allegat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’dan il-każ japplikaw b’mod differenti skont jekk il-parti fil-kawża hijiex ta’ nazzjonalità jew oħra.

91.      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l‑individwi u l-impriżi. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu konsegwentement (30).

92.      F’dan il-każ, huwa ċar, skont id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2001/24, li hemm rikonoxximent fi Spanja tal-effetti tal‑miżura ta’ riorganizzazzjoni meħuda fil-Portugall u li hija l-parti fil‑kawża li għandha tivverifika d-dispożizzjonijiet preċiżi tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni sabiex tivverifika min huwa d-debitur tagħha wara t‑trasferiment parzjali tal-passiv lill-bank tranżitorju li kien għadu kemm inħoloq.

93.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21(2) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom ikunu interpretati fis-sens li ma jopponux, fl‑assenza tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id‑direttiva, ir-rikonoxximent, fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru ta’ oriġini, ta’ effetti ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni li ħolqot bank tranżitorju bi trasferiment parzjali ta’ obbligi u responsabbiltajiet, qabel l-introduzzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja intiża sabiex tikseb ir‑rikonoxximent u l-pagament ta’ pretensjoni inizjali fil-konfront tal‑istituzzjoni bankarja li kienet is-suġġett ta’ din il-miżura ta’ riorganizzazzjoni, sakemm il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jkunu osservati, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

B.      Fuq ittieni domandi filKawżi C498/22 u C499/22

94.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24 li timplika r‑rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal‑awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li eskludiet ċerti obbligi u responsabbiltajiet mit-trasferiment lil bank tranżitorju tal‑attività ordinarja u ta’ ċertu numru ta’ elementi patrimonjali tal-bank koperta mill-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, meta l-aġir sussegwenti tal‑bank tranżitorju stess, ikkontrollat minn awtorità pubblika skont id‑dritt tal-Unjoni, nisslet fi ħdan il-klijenti tal-Istat Membru ospitanti aspettattivi leġittimi bil-fatt li l-bank tranżitorju kien assuma legalment il-passiv korrispondenti għar-responsabbiltajiet u għall-obbligi li l-bank li kien is-suġġett tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni kellu fil-konfront ta’ dawn il-klijenti, hijiex konformi mad-dritt fundamentali għall‑protezzjoni ġudizzjarja effettiva prevista fl-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

95.      Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ li, qabel kollox, tiġi eżaminata l-possibbiltà għar-rikorrenti prinċipali li jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi favur tagħhom.

96.      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni (31). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li d-dritt li tinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi huwa d-dritt ta’ kull parti fil‑kawża li taħseb li meta istituzzjoni tal-Unjoni, meta tatha assigurazzjonijiet preċiżi, tkun ħolqot, fir-rigward tagħha, tamiet fondati. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl‑assenza tal-imsemmija assigurazzjonijiet (32). Hija ddikjarat ukoll li l-imsemmi prinċipju għandu jiġi osservat mill-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (33), inkluż permezz ta’ awtoritajiet amministrattivi nazzjonali (34).

97.      F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li, minn naħa, il-kontroll ta’ Novo Banco, fil-mument tal-ħolqien tiegħu, mill-Bank tal-Portugall, li wassal għall-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-ispjegazzjoni tal-korrispondenza mibgħuta minn Novo Banco dwar it-tkomplija tar-relazzjonijiet kuntrattwali li huma kellhom ma’ BES setgħu joħolqu fihom aspettattivi leġittimi relatati mal-portata tal-obbligi ta’ Novo Banco Spanja fil-konfront tagħhom.

98.      Madankollu, il-kunsiderazzjoni ta’ Novo Banco Spanja bħala awtorità amministrattiva li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, minkejja li, fl‑ewwel lok, il-kontroll eżerċitat mill-Bank tal-Portugall huwa temporanju u jikkostitwixxi l-miżura ta’ riorganizzazzjoni li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ bank tranżitorju u, fit-tieni lok, huwa ġie maħluq bħala istituzzjoni ta’ kreditu tad-dritt privat nieqes minn kull setgħa speċjali tad-dritt komuni sabiex iwettaq missjoni ta’ servizz pubbliku, tmur lil hinn minn dak aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ aspettattivi leġittimi (35). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li operatur ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-konfront tal-fornitur tiegħu sabiex jinvoka dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input (36).

99.      Fi kwalunkwe każ, minn naħa, il-korrispondenza mibgħuta lill‑klijenti ta’ BES li kienet tindika li Novo Banco kien l-istess bank bħal BES u li r-relazzjoni mal-bank ma kienet ser tinbidel xejn u, min-naħa l‑oħra, l-aġir ta’ Novo Banco Spanja, li fl‑2017 wieġbet lir-rikorrent fil‑kawża prinċipali fil-Kawża C‑498/22 li ma kienx eliġibbli għar‑rimbors mitlub minħabba l-assenza tan-natura inġusta tal-klawżola kkontestata u peress li wieħed miż-żewġ kuntratti li kellhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑499/22 kien ġie likwidat, ma humiex suffiċjenti sabiex jiffurmaw assigurazzjonijiet preċiżi li jistgħu jkunu l‑bażi ta’ aspettattivi leġittimi bil-fatt li Novo Banco Spanja kienet ser tassumi l-passiv kollu ta’ BES Spanja, f’termini ta’ responsabbiltà kuntrattwali u prekuntrattwali.

100. Fil-fatt, il-korrispondenza kienet tħabbar biss it-tkomplija tar‑relazzjoni kummerċjali bejn il-klijenti u l-bank, filwaqt li tispjega li l‑perikoli li kienu jheddu s-sostenibbiltà ta’ BES kienu twarrbu u li l-bank kien meħlus mill-attiv problematiku ta’ BES. Barra minn hekk, il-fatt li tiġi kkontestata n-natura inġusta ta’ klawżola ma tfissirx li qed taċċetta li tieħu r-responsabbiltà relatata ma’ dik il-klawżola. Bl-istess mod, il-ħlas ta’ pagament ta’ KFA ma jistax jagħti l-assigurazzjoni li l-bank ser jassumi r-responsabbiltà prekuntrattwali relatata ma’ dan il-kuntratt. F’dan is-sens, naqbel mal-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża Banco de Portugal et (37) dwar il-ħolqien ta’ Novo Banco, li “is-sempliċi fatt li [din] (mill-inqas parzjalment) kienet is-suċċessur ta’ BES fit-titolu […] u kompliet timmaniġġja l-portafoll tal‑azzjonijiet tar-rikorrenti ma setax, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika kwalunkwe fiduċja li Novo Banco sejra tassumi wkoll ir-responsabbiltà għal parir dwar investiment żbaljat minn BES, li kienet teżisti qabel ma ttieħdet din ir-relazzjoni ta’ negozju”.

101. Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-leġittimità tal‑assigurazzjonijiet mogħtija, għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest tal‑ħolqien ta’ bank tranżitorju intiż bħala rimedju għad-diffikultajiet ta’ BES. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki fil-preżenza ta’ sitwazzjoni li tista’ toħloq aspettattivi leġittimi, interess pubbliku perentorju jista’ jopponi l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji għal sitwazzjonijiet li jinqalgħu qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolamenti l‑ġodda, iżda li għadhom qegħdin jevolvu u li l-għan li tiġi żgurata l‑istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li jiġi evitat infiq pubbliku eċċessiv u jiġu mminimizzati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi interess pubbliku prevalenti ta’ din ix-xorta (38). Minn dan hija ddeduċiet li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi seta’ jiġi invokat insostenn tal-kontestazzjoni ta’ komunikazzjoni tal‑Kummissjoni fir-rigward tas-settur bankarju, iżda li ma kienx jopponi ċerti punti ta’ din il-komunikazzjoni relatati ma’ kundizzjoni ta’ qsim tal‑ispejjeż bejn l-azzjonisti u l-kredituri subordinati bil-għan tal‑approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat (39).

102. Minn dawn il-punti kollha jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jallegaw ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ Novo Banco Spanja.

103. Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tieni domandi fil-Kawżi C‑498/22 u C‑499/22 li l-Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 2001/24, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal‑prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li individwi ma jistgħux jużaw il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ bank tranżitorju, organu tad-dritt privat li ma għandux setgħat speċjali tad-dritt komuni, maħluq b’miżura ta’ riorganizzazzjoni ta’ bank li inizjalment kienu l-klijenti tiegħu sabiex jinvolvu r-responsabbiltà ta’ dan il-bank tranżitorju bis-saħħa ta’ obbligi prekuntrattwali u kuntrattwali marbuta mal-kuntratti konklużi mal-bank li kien is-suġġett tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni.

C.      Fuq ittielet domandi filKawżi C498/22 u C499/22 u ttieni domanda filKawża C500/22

104. Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24 li timplika r-rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti li tistipula l-ħolqien ta’ bank tranżitorju u li tħalli lill-bank mhux vijabbli l-obbligu li jirrimborsa l-interessi riċevuti bis-saħħa ta’ klawżola inġusta u li jħallas l-ammonti dovuti skont responsabbiltà prekuntrattwali jew kuntrattwali mad-dritt għall-proprjetà kif stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, mal‑prinċipju ta’ ċertezza legali, mal-prinċipju ta’ protezzjoni għolja tal‑konsumaturi kif stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Karta u mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

105. Preliminarjament, nixtieq insemmi li, fil-Kawża C‑499/22, ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-kwalità tal‑informazzjoni prekuntrattwali mogħtija minn BES Spanja qabel il‑firma tal-KFA, peress li l-qorti tal-appell qieset li l-kuntratt l-ieħor, iffirmat fit‑28 ta’ April 2008, kien ġie fi tmiemu qabel il-ħolqien ta’ Novo Banco u li għalhekk l-ebda responsabbiltà marbuta ma’ dan il-kuntratt ma setgħet tiġi ttrasferita.

1.      Fuq ilkompatibbiltà maddritt għallproprjetà kif protett blArtikolu 17 talKarta

106. Dwar il-kompatibbiltà mad-dritt għall-proprjetà kif protett bl‑Artikolu 17 tal-Karta, kwistjoni mqajma fit-tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat il‑kompatibbiltà tal-ħolqien tal-bank tranżitorju Novo Banco u tal‑konsegwenzi tiegħu ma’ dan l-artikolu fil-każ ta’ azzjonisti u ta’ proprjetarji ta’ bonds subordinati (40).

107. Infakkar li, skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi l-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil‑liġi sa fejn ikun meħtieġ għall‑interess pubbliku. B’konformità mar‑rabta maħluqa permezz tal‑Artikolu 52(3) tal-Karta bejn id-drittijiet li hija tistipula u dawk protetti mill-Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (41), meta jikkorrispondu, l-Artikolu 17 tal-Karta għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem relatata mal-Artikolu 1 tal‑Protokoll Nru 1 tal-KEDB li jistabbilixxi l-protezzjoni tad-dritt għall‑proprjetà, bħala livell ta’ protezzjoni minima (42).

108. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-protezzjoni mogħtija mill‑Artikolu 17 tal-Karta tirrigwarda drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku kkonċernat, pożizzjoni legali miksuba li tippermetti eżerċizzju awtonomu ta’ dawn id-drittijiet minn u favur il-proprjetarju tagħhom (43). Hija tislet minnha l-konklużjoni li l-bonds negozjabbli fis-swieq tal-kapital kienu tali drittijiet li jistgħu jibbenefikaw minn din il-protezzjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB (44).

109. Għalhekk, jidhirli li l-kriterju rilevanti sabiex tiġi analizzata din il‑kwistjoni fir-rigward tad-dritt għall-proprjetà hija dik li jkun magħruf jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni f’kull kawża tirrigwardax dritt li minnu jirriżulta pożizzjoni legali miksuba li tippermetti eżerċizzju awtonomu ta’ dawn id-drittjiet minn u favur il-proprjetarju tagħhom.

110. Kif diġà indikajt, fil-punt 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet, bond negozjabbli, inkluż bond ipprivileġġjat bħal fil-Kawża C‑500/22, jikkostitwixxi skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dritt li jista’ jibbenefika mill‑protezzjoni offruta mill-Artikolu 17 tal-Karta.

111. Jidhirli li l-istess japplika għat-talba inkwistjoni fil-Kawża C‑498/22. Fil-fatt, din it-talba marbuta mal-obbligu għal bank li jirrestitwixxi l-interessi riċevuti bis-saħħa ta’ klawżola ta’ “rata minima” li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju, obbligu li jirriżulta minn ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja bbażata fuq l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 (45), tikkostitwixxi dritt li minnu tirriżulta b’mod ċar pożizzjoni legali miksuba, peress li l-effetti restitutorji ma jistgħux ikunu limitati ratione temporis għall-perijodu ta’ wara d-dikjarazzjoni ta’ natura inġusta ta’ din il-klawżola. Din l-analiżi hija konformi wkoll mal‑kriterji użati mill‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, peress li l-kunċett ta’ “beni” li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà, previst fl-Artikolu 1  tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, jista’ jkopri kemm “beni attwali” kif ukoll valuri patrimonjali, inkluż talbiet, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent jista’ jippretendi li għandu mill-inqas “aspettattivi leġittimi” li jikseb it-tgawdija effettiva ta’ dritt għall‑proprjetà (46). F’dan il-każ, il-klawżoli ta’ “rata minima” ġew ikklassifikati bħala inġusti u l‑effett restitutorju għandu jkun sħiħ mingħajr ma jkun limitat ratione temporis skont il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja.

112. Minn naħa l-oħra, għat-talba invokata fil-Kawża C‑499/22, jiġifieri kumpens minħabba assenza ta’ informazzjoni prekuntrattwali, għandi dubji kemm rikorrent li juża tali talba jista’ jibbenefika mill‑protezzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta. Fil-fatt, din l-allegata talba ma tikkorrispondix ma’ pożizzjoni legali miksuba, peress li l-assenza ta’ informazzjoni prekuntrattwali għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ġudizzjarja.

113. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem, talba għal kumpens jista’ jkollha valur patrimonjali jekk jintwera li din għandha bażi suffiċjenti fid-dritt intern, pereżempju li hija kkonfermata minn ġurisprudenza stabbilita tal-qrati (47). Iżda xorta huwa meħtieġ li l-persuna li tużah jista’ jkollha aspettattivi leġittimi. Il-ġurisprudenza ta’ din il-qorti, minn naħa, tindika li r‑rikorrenti ma għandhomx “aspettattivi leġittimi” peress li ma jistax jitqies li huma kellhom b’mod suffiċjentement stabbilit talba li għandha titħallas immedjatament u, min-naħa l-oħra, ma tikkunsidrax l-eżistenza ta’ “kontestazzjoni reali” jew ta’ “talba li tista’ tiġi difiża” bħala kriterju li permezz tiegħu tista’ tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “aspettattivi leġittimi” protetta mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 (48). Hija tispjega li sempliċi tama ma tikkostitwixxix tama leġittima fl-assenza ta’ res judicata (49). L‑allegata talba fil-Kawża C‑499/22 ma jidhirx li tissodisfa dawn il‑kundizzjonijiet u l-eventwali detenturi tagħha ma jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-proprjetà stabbilita mill-Artikolu 17 tal‑Karta.

114. Peress li huma biss it-talbiet inkwistjoni fil-Kawżi C‑498/22 u C‑500/22, miksuba legalment, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 17 tal-Karta, għandu jiġi eżaminat jekk il-protezzjoni mogħtija minn dan l-artikolu tistax tapplika għal dawn it-talbiet.

115. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal‑miżura ta’ riorganizzazzjoni ta’ BES, jiġifieri t-trasferiment parzjali ta’ attiv u ta’ passiv lil bank tranżitorju li għadu kif inħoloq, adottata skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-Artikolu 17 tal‑Karta, billi ddeċidiet li din il-miżura ta’ riorganizzazzjoni għandha tkun analizzata bħala leġiżlazzjoni tal-użu tal-proprjetà li tilħaq għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni skont l-Artikolu 52(1) tal‑Karta, bħal li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal‑euro kollha kemm hi u li jiġi evitat riskju sistematiku (50).

116. F’dan il-każ, ma hijiex il-miżura nazzjonali nnifisha ta’ ħolqien tal-bank tranżitorju u t-trasferiment ta’ attiv li tagħha l-kompatibbiltà qed tiġi kkontestata, iżda l-fatt li fi Spanja sar applikabbli, bis-saħħa tar‑rikonoxximent reċiproku ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni meħuda fil‑Portugall, it-trasferiment għall-passiv tal-bank mhux vijabbli, minn naħa waħda, tal-obbligu ta’ restituzzjoni tal-interessi riċevuti bis-saħħa ta’ klawżola ta’ “rata minima” f’self ipotekarju (Kawża C‑498/22) u, min-naħa l-oħra, ta’ obbligi u responsabbiltajiet marbuta ma’ bond ipprivileġġjata (Kawża C‑500/22).

117. Madankollu, inqis li jista’ jiġi segwit l-istess argument. B’hekk, fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku ma għandux effett fuq l‑allegat preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà. Barra minn hekk, id‑deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ trasferiment ta’ dawn it-talbiet għall-passiv tal‑bank tranżitorju ma tikkwalifikax bħala ċaħda tad-dritt għall-proprjetà (peress li t-telf fil-valur ta’ dawn l-allegati talbiet fi ħdan il-BES jirriżulta min-nuqqas tiegħu u mhux mill-miżura ta’ riorganizzazzjoni), iżda bħala leġiżlazzjoni li tirregola l-użu tagħha (51).

118. Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni seħħitx sa fejn meħtieġ għall-interess pubbliku skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

119. Dwar l-obbligu ta’ restituzzjoni ta’ interessi, minn naħa, il-miżura ta’ riorganizzazzjoni li tinvolvi din ir-restrizzjoni għad-dritt għall‑proprjetà ġiet deċiża b’mod konformi mal-liġi Portugiża u tissodisfa l-istess interess ġenerali bħal dak li wassal għall-miżura ta’ ħolqien ta’ bank tranżitorju li tagħmel sens biss jekk issir għażla bejn il‑passiv u l‑attiv tal-bank mhux vijabbli sabiex tinżamm l-istabbiltà tas‑sistema finanzjarja u jiġi evitat riskju sistematiku. Għalhekk ma jidhirlix li, fil-qafas tal-marġni diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri, il-miżura ta’ riorganizzazzjoni tmur lil hinn mill-miżura neċessarja għall‑interess ġenerali. Dwar il-bond ipprivileġġjata, min-naħa l-oħra, tista’ ssir l-analiżi li biha pproċediet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza BPC Lux 2 et dwar id-detenturi tal-bonds (52).

120. Konsegwentement, l-argument relatat mal-preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà għandu jiġi miċħud għall-kredituri kollha.

2.      Fuq ilkompatibbiltà malprinċipju ta’ ċertezza legali

121. Dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fakkart, fil-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal‑Ġustizzja tagħti lil dan il-prinċipju. Barra minn hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà spjegat li l-prinċipju ta’ ċertezza legali japplika b’rigorożità partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi konsegwenzi finanzjarji (53).

122. Madankollu, inqis li l-prinċipju stess tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ bank tranżitorju jippresupponi li jkun hemm għażla bejn il-passiv u l-attiv ittrasferiti lejn l-istruttura l-ġdida. Fil-fatt, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni ddefiniti fis‑seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24 huma dawk intiżi sabiex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ stabbiliment ta’ kreditu u li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet preeżistenti ta’ terzi, inkluż il-miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ tnaqqis ta’ talbiet.

123. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti Portugiża għażlet li ma tittrasferixxix ċerti obbligi (Kawża C‑500/22) u ċerti perikoli legali (Kawżi C‑498/22 u C‑499/22). Ċertament, hija rraġunat minn perspettiva ta’ kontabbiltà u mhux minn perspettiva legali, iżda dan kien awtorizzat mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li kienet tippermetti “trasferiment mill-ġdid” tal-passiv lil BES, tranżazzjoni aċċettata mill-Qorti tal‑Ġustizzja (54).

3.      Fuq ilkompatibbiltà malprinċipju ta’ protezzjoni talkonsumaturi u lArtikolu 6(1) tadDirettiva 93/13

124. Dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi kif stipulat fl-Artikolu 38 tal-Karta (Kawżi C‑498/22 u C‑499/22) u fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 (Kawża C‑498/22), inqis li l-ammissibbiltà tal-kwistjoni fil-Kawża C‑499/22 li tirrigwarda l‑applikazzjoni biss tal-Artikolu 38 tal-Karta ma tikkawżax diffikultà. Fil-fatt, kif spjegajt fil-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinsabu f’sitwazzjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mill-mument li jsibu kontra tagħhom, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, l-effetti tar-rikonoxximent reċiproku tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni deċiża fil-Portugall.

125. Dwar il-mertu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑498/22 jislet argument mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkontestat il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fid‑9 ta’ Mejju 2013 li, fid-dawl tad-diffikultajiet tas-settur bankarju, illimitat ratione temporis l-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur biss għall-ammonti mħallsa indebitament skont tali klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li kkonstatat ġudizzjarjament din in-natura inġusta (55). Fil-fatt, fis-sentenza Gutiérrez Naranjo et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jopponi tali ġurisprudenza nazzjonali (56).

126. Għandu jiġi rrilevat li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, skont l-Artikolu 38 tal-Karta li jistabbilixxi prinċipju ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li, minħabba n-natura u l-importanza tal‑interess pubbliku li sserraħ fuqhom il-protezzjoni tal-konsumaturi, id‑Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri (57). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll, fl‑imsemmija sentenza, li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex assoluta (58).

127. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-għanijiet li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja u finanzjarja kif ukoll li jiġi evitat riskju sistematiku jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni (59). Iktar minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddeċidiet li, għalkemm hemm interess ġenerali ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti ta’ investituri, azzjonisti jew kredituri, dan l-interess ma jistax jitqies bħala li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha fuq l-interess ġenerali li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (60).

128. Konsegwentement, għandu jiġi evalwat sa fejn l-interess ġenerali li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jista’ jew ma jistax itellef il-protezzjoni tal-konsumatur fil-każijiet bħal dawk sottomessi lill-qorti tar-rinviju.

129. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-qorti tar-rinviju jsostnu li, peress li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ibbażat ruħha fuq id-diffikultajiet finanzjarji tal-banek sabiex tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Gutiérrez Naranjo et, b’mod impliċitu iżda neċessarju, ħadet inkunsiderazzjoni effetti finanzjarji fuq is-sistema bankarja sabiex tipprevali l-protezzjoni tal‑konsumatur.

130. Madankollu, jiena ma nistax insegw l-istess raġunament, peress li, fil-kawżi prinċipali, id-diffikultajiet ikkonkretizzaw ruħhom fil-forma ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni li r-rikonoxximent reċiproku tagħha fl‑Istati Membri l-oħra ġie implimentat bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni u li konsegwentement, għandu jkun hemm evalwazzjoni ġdida.

131. Fit-tieni lok, jidhirli li l-każijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma differenti ferm mill-każ li wassal għas-sentenza Gutiérrez Naranjo et, peress li dan kien jirrigwarda biss konsumatur wieħed. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-miżura ta’ riorganizzazzjoni ttieħdet sabiex tippermetti li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u għalhekk, in fine, il‑protezzjoni sistematika tal-konsumaturi l-oħra kollha, tal-klijenti tal‑bank u b’mod iktar wiesa’ tas-sistema bankarja.

132. Fit-tielet lok, il-protezzjoni tal-konsumatur ma twassalx sal-punt li tiżgura r-restituzzjoni tal-interessi riċevuti żejda f’każ ta’ stralċ tal-bank debitur, li huwa suġġett differenti minn dak marbut mal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti restitutorji.

133. Bħala konklużjoni, inqis li, f’dan il-każ, il-protezzjoni tal‑konsumaturi ma tistax tipprevali fuq l-interess ġenerali li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

134. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha kkunsidrat li t-talba għal interessi eċċessivi riċevuti mingħand ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑498/22 setgħet tkun is-suġġett ta’ kumpens bl-ammont ta’ ħlasijiet mensili li kienu għadhom iħallsu lil Novo Banco Spanja skont l-Artikolu 23(1) tad‑Direttiva 2001/24, li jistipula li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni ma għandhiex taffettwa d-dritt ta’ kreditur li jitlob it-tpaċija tat-talbiet tiegħu kontra t‑talbiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu, fejn din it-tpaċija hija permessa bil‑liġi applikabbli għat-talba tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tidhirx li hija applikabbli f’dan il-każ, peress li, minn naħa, fid-data tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni, it-talba għal interessi eċċessivi riċevuti ma kinitx teżisti, peress li s-sentenza Gutiérrez Naranjo et kienet għadha ma ngħatatx, u, min-naħa l-oħra, id-debitur tat-talba għal interessi skaduti, mhux ittrasferiti lil Novo Banco Spanja, ma huwiex l‑istess bħall-kreditur tal-pagamenti mensili.

135. Fid-dawl ta’ dawn il-punti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-Artikoli 17 u 38 tal-Karta u tal‑prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, għandhom jiġu interpretati fis‑sens li ma jopponux ir-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal‑effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tistipula, bis-saħħa ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni, il-ħolqien ta’ bank tranżitorju u li tħalli lill-bank mhux vijabbli l-obbligu li jirrimborsa l-interessi riċevuti bis-saħħa ta’ klawżola inġusta jew li jħallas l-ammonti dovuti skont responsabbiltà prekuntrattwali jew kuntrattwali.

V.      Konklużjoni

136. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) bil-mod segwenti:

1)      L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l‑istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21(2) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jopponux, fl-assenza tal-pubblikazzjoni prevista fl‑Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, ir-rikonoxximent, fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru ta’ oriġini, ta’ effetti ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni li ħolqot bank tranżitorju bi trasferiment parzjali ta’ obbligi u responsabbiltajiet, qabel l‑introduzzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja intiża sabiex tikseb ir‑rikonoxximent u l-pagament ta’ pretensjoni inizjali fil-konfront tal‑istituzzjoni bankarja li kienet is-suġġett ta’ din il-miżura ta’ riorganizzazzjoni, sakemm il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jkunu osservati.

2)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, moqri fid-dawl tal‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

individwi ma jistgħux jużaw il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ bank tranżitorju, organu tad‑dritt privat li ma għandux setgħat speċjali tad-dritt komuni, maħluq b’miżura ta’ riorganizzazzjoni ta’ bank li inizjalment kienu l-klijenti tiegħu sabiex jinvolvu r-responsabbiltà ta’ dan il-bank tranżitorju bis-saħħa ta’ obbligi prekuntrattwali u kuntrattwali marbuta mal-kuntratti konklużi mal-bank li kien is-suġġett tal‑miżura ta’ riorganizzazzjoni.

3)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24 u l-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal‑Artikoli 17 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal‑prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jopponux ir-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tistipula, bis-saħħa ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni, il-ħolqien ta’ bank tranżitorju u li tħalli lill-bank mhux vijabbli l-obbligu li jirrimborsa l-interessi riċevuti bis-saħħa ta’ klawżola inġusta jew li jħallas l-ammonti dovuti skont responsabbiltà prekuntrattwali jew kuntrattwali.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.


4      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 272).


6      Iktar ’il quddiem il-“ĠU”.


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d‑Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).


8      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 2004 dwar l‑armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU 2004, L 390, p. 38).


9      BOE Nru 97, tat‑23 ta’ April 2005, p. 13912.


10      Diário da República, Supplement 1, l‑1 serje, Nru 30, tal‑10 ta’ Frar 2012.


11      Hija tirreferi għas-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et (C‑504/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Banco de Portugal et”, EU:C:2021:335).


12      Hija tirreferi għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gutiérrez Naranjo et”, EU:C:2016:980), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ġurisprudenza tat‑Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li tillimita l-effetti restitutorji tal‑annullament ta’ klawżoli ta’ “rata minima” fil-kuntratti konklużi minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Spanjola, li dakinhar kienet għaddejja minn kriżi serja, tikser l-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 93/13.


13      Ara l-punti 34 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14      Ara l-punti 34 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet għall-ġustifikazzjoni tal-ewwel domanda preliminari.


15      Ara l-Artikolu 145 N tar-Regoli Ġenerali dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u l‑Kumpaniji Finanzjarji.


16      Ara l-premessi 4 u 16 tad-Direttiva 2001/24, u s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 49), u s-sentenza Banco de Portugal et (punt 33).


17      Ara l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24.


18      Ara l-Artikoli 20 sa 27 tad-Direttiva 2001/24.


19      Ara l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 u s-sentenza Banco de Portugal et.


20      Ara l-premessa 6 tad-Direttiva 2001/24.


21      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 62 u l‑ġurisprudenza ċċitata), u tal‑20 ta’ Settembru 2018, Rudigier (C‑518/17, EU:C:2018:757, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Proposta ta’ direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirrigwardaw ir-riorganizzazzjoni u l‑istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu [COM(85) 788 finali].


23      Huma rreferew, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 68 u 69).


24      Ara l-punti 78 u 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Ara s-sentenza Banco de Portugal et (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara l-Artikolu 19 tal-Liġi 6/2005 dwar ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.


27      Ara s-sentenza Banco de Portugal et (punt 53).


28      Ara s-sentenza Banco de Portugal et (punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara s-sentenza Banco de Portugal et (punt 66 u d-dispożittiv).


30      Ara s-sentenza Banco de Portugal et (punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle (C‑545/11, EU:C:2013:169, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et (C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 178, u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, EU:C:2002:435, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2022, Admiral Gaming Network et (C‑475/20 sa C‑482/20, EU:C:2022:714, punt 62), u tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms (C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms (C‑443/21, EU:C:2022:899), għal Aġenzija għall-Finanzjament tal-Investimenti Rurali u Aġenzija tal-Pagamenti u tal-Interventi fl-Agrikoltura.


36      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Kreuzmayr (C‑628/16, EU:C:2018:84, punt 47).


37      C‑504/19, EU:C:2020:943, punt 82.


38      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 68 u 69).


39      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 40 u 80).


40      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, iktar ’il quddiem is‑“sentenza BPC Lux 2 et”, EU:C:2022:346).


41      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


42      Ara s-sentenza BPC Lux 2 et (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara s-sentenza BPC Lux 2 et (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara s-sentenza BPC Lux 2 et (punti 40 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo et.


46      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Mejju 2013, Panteliou-Darne u Blantzouka vs Il‑Greċja, (CE:ECHR:2013:0502JUD002514308, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Draon vs Franza (CE:ECHR:2005:1006JUD000151303, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Draon vs Franza (CE:ECHR:2005:1006JUD000151303, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Ara d-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Caisse régionale de crédit agricole mutuel Nord de France vs Franza (CE:ECHR:2004:1019DEC005886700).


50      Ara s-sentenza BPC Lux 2 et (punti 44 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Ara s-sentenza BPC Lux 2 et (punt 48).


52      Ara l-punti 50 sa 57 ta’ din is-sentenza.


53      Ara s-sentenza Banco de Portugal et (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Ara s-sentenza Banco de Portugal et (punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


55      Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo et (punt 46).


56      Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo et (punt 75 u d-dispożittiv).


57      Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo et (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo et (punt 68).


59      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular) (C‑410/20, EU:C:2022:351, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


60      Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 91), fir-rigward tal-investituri, u tat‑8 ta’ Novembru 2016, Dowling et (C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 54), fir-rigward tal-azzjonisti u l-kredituri.