Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (l-Awstrija) fl-1 ta’ Frar 2021 – FK

(Kawża C-58/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FK

Konvenut: Rechtsanwaltskammer Wien

Domandi preliminari

Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 1 , minn perspettiva kwantitattiva, meta l-qofol tal-interess tal-attività ta’ persuna jinsab fi Stat li ma huwiex Stat Membru li fih dik il-persuna hija wkoll residenti, u din il-persuna teżerċita attività wkoll f’żewġ Stati Membri (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Awstrija), bl-attività tkun imqassma fiż-żewġ Stati Membri b’tali mod li l-parti b’mod ċara predominanti sseħħ fi Stat Membru wieħed (f’dan il-każ speċifiku fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja)?

Fil-każ li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirriżulta f’ġurisdizzjoni għall-Awstrija, issir id-domanda li ġejja:

Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu aa tal-punt 2(c) tal-Artikolu 50(2) tar-Rechtsanwaltsordnung (il-Liġi dwar l-Avukati) 2 u d-dispożizzjonijiet tal-punt 8 tal-Artikolu 26(1) tas-Satzung Teil A 2018 (l-Istatut Parti A 2018) ibbażati fuqu, huma ammissibbli jew jiksru d-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, peress li għall-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija jeħtieġu r-rinunzja għall-eżerċizzju tal-professjoni legali fi u barra mill-pajjiż (is-subparagrafu aa tal-punt 2(c) tal-Artikolu 50(2)) jew f’kull post ieħor (il-punt 8 tal-Artikolu 26(1) tal-Istatut Parti A 2018)?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.

2     RGBl. Nr. 96/1868 kif emendata bir-BGBl I Nr. 10/2017.