Language of document : ECLI:EU:F:2010:32

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

26 ta’ April 2010

Kawża F-7/08 DEP

Peter Schönberger

vs

Il-Parlament Ewropew

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett: Talba għat-tassazzjoni tal-spejjeż li jistgħu jinġabru skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura.

Deċiżjoni:      L-ammont ta’ spejjeż li jistgħu jinġabru mir-rikorrent huwa stabbilit għal EUR 12 750.

Sommarju

1.      Proċedura — Spejjeż — Tassazzjoni — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura — Spejjeż — Tassazzjoni — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż sostnuti taħt il-proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 86 u 92)

1.      L-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall‑finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet. Barra minn hekk, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-provi li jistgħu jistabbilixxu l-ispejjeż reali li tagħhom ikun qed jitlob ir-rimbors.

(ara l-punt 23)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Lulju 2004, De Nicola vs BEI, T‑7/98 DEP, T‑208/98 DEP u T‑109/99 DEP, ĠabraSP p. I‑A‑219 u II‑973, punt 42; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, X vs Il‑Parlament, F‑14/08 DEP, ĠabraSP p. I‑A‑1‑425 u II‑A‑1‑2303, punt 21

2.      Il-Qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti li tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, imma li tistabbilixxi l-ammont korrispondenti għar-remunerazzjonijiet li jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it‑talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-Qorti tal-Unjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-membri tal-persunal jew il-konsulenti tagħha. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, il-qorti għandha tevalwa liberament il-fatti tal-kawża, hija u tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n‑natura tal‑kawża, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l‑proċedura kontenzjuża setgħet ħolqot lill-membri tal-persunal jew lill-konsulenti involuti u l‑interessi ekonomiċi li l-partijiet kellhom fil-kawża.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar inkorsi mill-avukat, bħala prinċipju, huma biss l-ispejjeż għall-ivvjaġġar sostnuti mill-avukat biex jivvjaġġa mill-uffiċċju tiegħu sas-seduta tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Lussemburgu li jistgħu jkunu suġġetti għal rimbors.

Madankollu ma huwiex eskluż li fil-mument li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiffissa d-data tas-seduta l-avukat ikun diġà daħal għal impenji professjonali f’belt differenti minn dik li fiha jkollu l-uffiċċju tiegħu. Issa, il-professjoni ta’ avukat tgawdi mid-dritt ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni. Huwa għalhekk li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar sabiex jippreżenta ruħu għas-seduta fil-Lussemburgu mill-belt li fiha jkollu l-imsemmi impenn professjonali jistgħu jitqiesu lil huma spejjeż indispensabbli. Huwa l-avukat, madankollu, f’dan il-każ, li għandu juri l-impenn professjonali fil-belt barra min dik tal-uffiċċju tiegħu kif ukoll l-ispejjeż reali taċ-ċaqliq lejn il-Lussemburgu li jirriżultaw.

(ara l-punti 24, 25, 36 u 37)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: X vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 23

3.      L-Artikolu 92 tal-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dwar il-proċedura ta’ kontestazzjoni fuq l-ispejjeż, ma jipprevedix, b’differenza mill-Artikolu 86 tal-imsemmija regoli, li tittieħed deċiżjoni dwar l-ispejjeż fis-sentenza jew fid-digriet li jaqtgħu l-kawża. Fil-fatt, jekk il-qorti tal-Unjoni, li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ rikors imressaq taħt l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, dwar il-kontestazzjoni fuq l-ispejjeż ta’ istanza prinċipali, tiddeċiedi dwar l-ispejjeż li jkunu s-suġġett tal-kontestazzjoni u, separatament, dwar l-ispejjeż il-ġodda indikati fil-kuntest ta’ rikors li jikkontesta l-ispejjeż, hija tkun tista’, jekk ikun il-każ, terġa’ tintalab tieħu konjizzjoni ta’ kontestazzjoni ġdida tal-ispejjeż il-ġodda. Għaldaqstant ma hemmx lok li tieħu deċiżjoni separatament dwar l-ispejjeż u l-onorarji indikati għall-finijiet tal-proċedura ta’ tassazzjoni tal-ispejjeż quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Madankollu, hija l-qorti tal-Unjoni, meta tistabbilixxi l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni tad-digriet tat-tassazzjoni tas-ispejjeż.

(ara l-punti 45 sa 47)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: X vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata