Language of document : ECLI:EU:C:2013:232

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-11 ta’ April 2013 (1)

Kawża C‑84/12

Rahmanian Koushkaki

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il‑Ġermanja)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Proċedura għall-ħruġ ta’ viżi – Dritt ta’ applikant għal viża li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul li tinħariġlu viża – Stima tar-riskju tal-immigrazzjoni illegali – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri kkonċernati”






1.        Fl-2011, inħarġu tnax-il miljun viża għal żmien qasir mill-Istati Membri li joħorġu l-viżi hekk imsejħa “Schengen” (2). Din hija l-importanza li għandha għall-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali u għaż-żona Schengen b’mod partikolari, is-sistema legali li tirregola l-ħruġ ta’ dawn il-viżi Schengen. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari illum joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni sabiex tispjega din is-sistema li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (3).

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001

2.        Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (4), “[i]ċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi elenkati fil-lista ta’ l-Anness I għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom il-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri”.

3.        Mill-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001 jirriżulta li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran tinsab fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ Stat Membru.

2.      Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

4.        Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (5), jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

5.        L-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, huwa redatt kif ġej:

“1.      Għal soġġorni li ma jeċċedux tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur, il-kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu dawn li ġejjin:

a)      ikunu fil-pussess ta’ dokument jew dokumenti validi ta’ vjaġġar li jawtorizzawhom jaqsmu l-fruntiera;

[…]

c)      jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom jew transitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’posizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment;

d)      ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-[Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS)] sabiex jiġi miċħud id-dħul;

e)      mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.

[…]”

3.      Il-Kodiċi dwar il-Viżi

6.        Il-premessa 6 tal-Kodiċi dwar il-Viżi tiddikjara li “[l]-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża għandhom jitwettqu b’mod professjonali u b’rispett u jkunu proporzjonati għall-objettivi segwiti”.

7.        Il-premessa 18 tal-Kodiċi dwar il-Viżi tipprevedi li “kooperazzjoni lokali ta’ Schengen hija kruċjali għall-applikazzjoni armonizzata tal-politika komuni dwar il-viżi u biex issir valutazzjoni tajba tar-riskji migratorji u/jew ta’ sigurtà. Minħabba d-differenzi fiċ-ċirkostanzi lokali, l-applikazzjoni operattiva ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi partikolari għandha tkun evalwata fost il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri f’postijiet individwali sabiex tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet leġislattivi biex jiġu evitati il-visa shopping u trattament differenti tal-applikanti għal viża”.

8.        Il-premessa 29 tal-Kodiċi dwar il-Viżi tistabbilixxi li “[d]an ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”.

9.        L-Artikolu 1(1) u (2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi huwa fformulat bil-mod segwenti:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jkunux ta’ iktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur.

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz, li jrid ikun fil-pussess ta’ viża meta jaqsam il-fruntieri esterni tal-Istati Membri skont ir-Regolament [Nru 539/2001], u dan mingħajr preġudizzju:

a)      għad-drittijiet ta’ moviment liberu li jgawdu minnhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni,

b)      għad-drittijiet ekwivalenti li jgawdu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-membri tal-familja tagħhom, li, taħt ftehimiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u dawn il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, igawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom”.

10.      L-Artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jirrigwarda l-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ dħul u stima tar-riskju. Dan huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fl-eżami ta’ applikazzjoni għal viża uniformi, għandu jiġi aċċertat jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari lill-istima dwar jekk l-applikant ikunx jippreżenta riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għas-sigurtà tal-Istati Membri u jekk l-applikant huwiex bi ħsiebu jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni.

[…]

3.     Fil-verifika dwar jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul, il-konsulat għandu jivverifika:

a)      li d-dokument tal-ivvjaġġar li qiegħed jiġi ppreżentat mhuwiex falz, kontrafatt jew iffalsifikat;

b)      il-ġustifikazzjoni tal-applikant tal-iskop u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn previst, u li huwa/hija għandu mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza, kemm għat-tul tas-soġġorn previst u għar-ritorn tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini jew ta’ residenza, jew għat-tranżitu lejn pajjiż terz li fih huwa żgur li jiġi ammess, jew li hu f’pożizzjoni li jikseb dawn il-mezzi skont il-liġi;

c)      jekk l-applikant huwiex persuna li fir-rigward tagħha tkun inħarġet twissija fis-[SIS] għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul;

d)      li l-applikant mhuwiex ikkunsidrat theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika kif definit fl-Artikolu 2 punt 19 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, u partikolarment fejn ma tkun inħarġet l-ebda twissija fil-bażijiet tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru għall-iskop ta’ ċaħda tad-dħul għal dawk l-istess raġunijiet;

e)      li l-applikant għandu fil-pussess tiegħu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida, fejn applikabbli.

[…]”

11.      L-Artikolu 32 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom viża għandha tiġi miċħuda. Huwa jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(1), viża għandha tinċaħad:

a)      jekk l-applikant:

i)      jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar li hu falz, kontrafatt jew iffalsifikat,

ii)      ma jipprovdix ġustifikazzjoni għall-finijiet u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn previst,

iii)      ma jipprovdix prova ta’ mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għat-tul tas-soġġorn previst jew għar-ritorn tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini jew residenza […],

iv)      ikun diġà qagħad għal tliet xhur matul il-perijodu preżenti ta’ sitt xhur […],

v)      hu persuna li nħarġitilha twissija fis-SIS għall-fini ta’ ċaħda tad-dħul,

vi)      hu meqjus bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika kif definita fl-Artikolu 2 punt 19 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, u partikolarment fejn tkun inħarġet twissija fil-bażijiet tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru għall-fini ta’ ċaħda tad-dħul għal dawk l-istess raġunijiet, jew

vii)      ma jagħtix prova li għandu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida, fejn applikabbli,

jew

b)      jekk ikun hemm dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità tad-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati mill-applikant jew dwar il-veraċità tal-kontenut tagħhom, dwar il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-applikant jew l-intenzjoni tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni.

2.      Deċiżjoni għaċ-ċaħda u r-raġunijiet li fuqhom hi bbażata għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness VI.

3.      L-applikanti li tkun inċaħditilhom viża għandu jkollhom id-dritt għall-appell. L-appelli għandhom jitmexxew kontra l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-applikanti b’informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, kif speċifikat fl-Anness VI.

[…]”

B –    Id-dritt Ġermaniż

12.      L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar is-Soġġorn, l-attività professjonali u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali [Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (Aufenthaltsgesetz) (6)] jipprovdi:

“(1)      Bl-applikazzjoni tal-[Kodiċi dwar il-Viżi], il-viżi segwenti għandhom jinħarġu lil barrani:

1.      viża għat-tranżiti jew għas-soġġorni prevvisti fit-territorju tal-Istati Schengen li ma jkunux itwal minn tliet xhur f’perijodu ta’ sitt xhur li jiddekorri mill-jum tal-ewwel dħul (viża Schengen).

[…]

(2)      Bl-applikazzjoni tal-[Kodiċi dwar il-Viżi], il-viżi jistgħu jkunu estiżi sa tul li ma jeċċedix tliet xhur f’perijodu ta’ sitt xhur li jiddekorri mill-jum tal-ewwel dħul. Viża Schengen tista’ tkun estiża bħal viża nazzjonali għal tliet xhur oħra fil-perijodu ta’ sitt xhur ikkonċernat għar-raġunijiet ipprovduti fl-Artikolu 33 tal-[Kodiċi dwar il-Viżi] għal ħarsien tal-interessi politiċi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew għal raġunijiet ibbażati fuq id-dritt internazzjonali.

[…]”

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.      R. Koushkaki, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa ta’ nazzjonalità Iranjana. Fis-7 ta’ Novembru 2010, huwa talab lill-Ambaxxata Ġermaniża f’Teheran (l-Iran) il-ħruġ ta’ viża Schengen. F’din l-okkażjoni huwa ddikjara li huwa miżżewweġ, iddeskriva l-attività professjonali tiegħu bħala “free job”, stima t-tul tas-soġġorn tiegħu għal 62 jum u indika min se jospitah, li kien iddikjara li kien qed jieħu responsabbiltà għal dan is-soġġorn. Fil-mument tal-applikazzjoni, R. Koushkaki kellu fil-pussess tiegħu dokument tal-ivvjaġġar validu u dokument ta’ assigurazzjoni għas-soġġorn tiegħu.

14.      L-awtoritajiet Ġermaniżi ċaħdu din l-applikazzjoni għar-raġuni li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma pprovax li huwa kellu mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn tiegħu kif ukoll sabiex jiżgura r-ritorn tiegħu lejn l-Iran.

15.      Billi invoka b’mod partikolari x-xewqa tiegħu li jżur lil ħuh, li kellu d-dritt ta’ ażil fil-Ġermanja u li ma setax għalhekk imur l-Iran, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella din l-ewwel deċiżjoni, li wassal għas-sostituzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni b’deċiżjoni ta’ ċaħda ġdida datata 5 ta’ Jannar 2001, li din id-darba, kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ dubju predominanti rigward jekk l-applikant hux beħsiebu jirritorna lura. Minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumenti ta’ sostenn prodotti, mill-eżami li għamlet din l-ambaxxata ma rriżultatx rabta ekonomika biżżejjed sabiex tiżgura l-ħsieb li jirritorna fl-Iran.

16.      Fit-8 ta’ Frar 2011, R. Koushkaki, li jikkontesta l-legalità tat-tieni deċiżjoni ta’ rifjut tal-Ambaxxata Ġermaniża f’Teheran, ippreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju rikors intiż sabiex tinħariġlu viża.

17.      Il-qorti tar-rinviju targumenta li fl-opinjoni tagħha, il-kundizzjonijiet kollha ta’ dħul meħtieġa mill-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, li jagħmel riferiment għall-Artikolu 5(1)(a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, huma sodisfatti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li għandu dokument tal-ivvjaġġar validu, iġġustifika l-għan u l-kundizzjonijiet tas-soġġorn tiegħu fil-Ġermanja u ma nħarġitlux twissija fis-SIS. Skont din il-qorti, il-mezzi neċessarji għar-ritorn tiegħu lanqas ma jidhru li huma nieqsa u l-applikant ma jikkostitwixxix theddida għas-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Stat Membru.

18.      Dejjem skont il-qorti tar-rinviju, l-uniku dubju li jifdal huwa dak dwar jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jirrappreżentax, minħabba l-pressjoni migratorja qawwija fl-Iran invokata, fid-difiża tagħha, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-riskju tal-immigrazzjoni klandestina li l-imsemmi rikorrent jista’ jirrappreżenta, theddida għall-ordni pubbliku. Għal din ir-raġuni, il-qorti tar-rinviju, li tikkunsidra lilha nnifisha awtorizzata li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal viża tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-każ li hija tikkonkludi l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Ambaxxata Ġermaniża f’Teheran, tistaqsi dwar il-grad ta’ konvinzjoni li għandu jkollha l-qorti sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk l-applikant għal viża huwiex ser jitlaq effettivament mit-territorju Ġermaniż qabel l-iskadenza tal-validità tal-viża.

19.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-fatt, għall-applikant, li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Viżi u li ma jistax ikun ikkontestat b’ebda waħda mir-raġunijiet ta’ rifjut ta’ viża elenkati fl-Artikolu 32(1) tal-imsemmi kodiċi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’dan il-każ, dritt għall-ħruġ ta’ viża Schengen għandux ikun irrikonoxxut lir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

20.      Billi sabet ruħha f’diffikultà marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni ta’ rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2012, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, it-tliet domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-obbligu impost mill-qorti fuq il-konvenuta sabiex toħroġ viża Schengen lir-rikorrent huwa suġġett għall-kundizzjoni li, sabiex tasal għall-konvinzjoni prevista fl-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, din il-qorti għandha tikkonstata li r-rikorrent beħsiebu jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni jew inkella huwa biżżejjed li, wara l-eżami previst fl-Artikolu 32(1)(b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-qorti ma jkollhiex, minħabba ċirkustanzi partikolari, dubju raġonevoli dwar l-intenzjoni espressa tar-rikorrent li jitlaq mit-territrorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni?

2)      Il-Kodiċi dwar il-Viżi jagħti dritt, li jirriżulta minn kompetenza limitata, għall-ħruġ ta’ viża Schengen meta l-kundizzjonijiet ta’ dħul, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, ikunu sodisfatti u meta ma jkunx hemm raġuni għaċ-ċaħda tal-viża taħt l-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi?

3)      Il-Kodiċi dwar il-Viżi jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna barranija tista’ tinħarġilha, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament […] Nru 810/2009, viża għat-tranżitu jew għas-soġġorni previsti fit-territorju tal-Istati Schengen għal tul ta’ żmien li jista’ jkun sa tliet xhur f’terminu ta’ sitt xhur li jiddekorri mill-jum tal-ewwel dħul (viża Schengen)?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Il-Gvern Ġermaniż, Belġjan, Ċek, Daniż, Estonjan u Grieg, il-Konfederazzjoni Svizzera (7) kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

22.      L‑osservazzjonijiet orali ta’ R. Koushkaki, tal‑Gvern Ġermaniż, Belġjan, Ċek, Daniż, Estonjan u Pollakk kif ukoll tal-Kummissjoni nstemgħu fis‑seduta tad-29 ta’ Jannar 2013.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Kummenti preliminari

23.      Mill-bidu, għandhom jiġu fformulati żewġ settijiet ta’ kummenti, wieħed jirrigwarda r-rettifika tal-idea tat-tluq tal-qorti tar-rinviju, u l-ieħor jirrigwarda n-neċessità li jiġu riformulati u riorganizzati d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

24.      B’hekk min naħa, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-uniku punt ikkontestat li jifdal huwa dak dwar jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jippreżentax riskju ta’ immigrazzjoni illegali li jista’ jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikoli 21(3)(d) u 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Fi kliem ieħor, fil-proċedura għall-ħruġ ta’ viżi rregolata mill-Kodiċi dwar il-Viżi, ir-riskju tal-immigrazzjoni illegali li jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku biss għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont l-imsemmija qorti.

25.      Madankollu mill-formulazzjoni tal-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jirriżulta b’mod ċar li l-eżami magħmul bħala regola mill-awtoritajiet konsulari (8) jirrigwarda, minn naħa, li l-applikant jirrispetta l-kundizzjonijiet ta’ dħul, fosthom dik tal-assenza ta’ theddida għall-ordni pubbliku, u min-naħa l-oħra, l-istima tar-riskju tal-immigrazzjoni illegali, tar-riskju għas-sigurtà interna tal-Istati Membri u l-intenzjoni tal-applikant li effettivament jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni. Kif innotaw ċertu numru ta’ partijiet li intervjenew matul din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, ir-riskju tal-immigrazzjoni illegali bħad-dubju dwar l-intenzjoni li titlaq mit-territorju jikkostitwixxu żewġ kriterji awtonomi meta mqabbla ma’ dak tat-theddida għall-ordni pubbliku sabiex jiggwidaw l-eżami tal-awtoritajiet konsulari.

26.      Wara li dan ġie ppreċiżat, min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li l-ewwel domanda preliminari hija fformulata b’mod ċar fis-sens li l-qorti tar-rinviju ser tkun legalment awtorizzata li tissostitwixxi l-evalwazzjoni magħmula mill-Ambaxxata Ġermaniża f’Teheran bl-evalwazzjoni tagħha tal-każ individwali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Il-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, għamel riferiment għall-eżistenza ta’ kontroversja nazzjonali li tirrigwarda preċiżament il-punt dwar jekk il-qrati Ġermaniżi għandhomx il-kapaċità, fil-kuntest ta’ rikors fil-kawża prinċipali, li jeżerċitaw stħarrig ġudizzjarju sħiħ u li jordnaw lill-awtoritajiet konsulari l-ħruġ ta’ viża.

27.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tidħol f’dan id-dibattitu, peress li ċ-ċirkustanzi li fihom l-azzjonijiet ġudizzjarji kontra deċiżjoni ta’ rifjut għall-ħruġ ta’ viża Schengen huma organizzati taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi rriformulata u kkunsidrata li hija intiża sabiex tiddetermina jekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-intenzjoni li jitlaq mit-territorju, l-awtoritajiet responsabbli mill-imsemmija evalwazzjoni għandhomx effettivament jikkonstataw l-intenzjoni tal-applikant li jirritorna jew jekk l-assenza ta’ dubju raġonevoli rigward l-eżistenza ta’ din l-intenzjoni hijiex biżżejjed sabiex tkun ikkunsidrata sodisfatta l-kundizzjoni ta’ dħul dwar l-intenzjoni li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni. L-ewwel domanda preliminari titlob għalhekk li jkunu ppreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja l-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tal-kriterju marbut mal-intenzjoni tal-applikant li jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.

28.      It-tieni u t-tielet domandi jirrigwardaw il-punt dwar jekk, b’mod iktar ġenerali, fil-każ li applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul kollha fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Viżi u ma jistax ikun prekluż minn ebda waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 32(1) tal-imsemmi kodiċi, l-awtoritajiet responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu humiex obbligati – għandhomx – joħorġu l-viża, minkejja li l-istat attwali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi biss li dawn l-awtoritajiet “jistgħu” jipproċedu bl-imsemmi ħruġ. Dawn iż-żewġ domandi ser ikunu għalhekk ittrattati flimkien.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari kif irriformulata

29.      Il-Kodiċi dwar il-Viżi jrid jilħaq b’mod espliċitu l-għan li jistabbilixxi l-proċeduri u kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi li ma jeċċedux tliet xhur (9). Barra minn hekk, l-Artikolu 14 tal-imsemmi kodiċi b’mod ċar ipoġġi l-oneru tal-prova li l-kundizzjonijiet ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru huma sodisfatti fuq l-applikant billi jindika d-dokumenti li dan tal-aħħar għandu jipproduċi fil-mument tal-applikazzjoni. Huwa għandu jipproduċi wkoll “informazzjoni li tippermetti li ssir valutazzjoni tal-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni” (10).

30.      Ladarba l-applikazzjoni għall-viża tkun ippreżentata, l-awtoritajiet responsabbli mill-eżami għandhom jivverifikaw, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, mhux biss li l-kundizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huma sodisfatti iżda wkoll l-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni. L-imsemmi Artikolu 21 ma jinkludix linji gwida ulterjuri li l-awtoritajiet għandhom isegwu fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ din l-intenzjoni li jmur fil-pajjiż tal-oriġini. L-Anness II tal-Kodiċi dwar il-Viżi biss jinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ dokumenti ta’ sostenn li jistgħu jkunu pprovduti b’mod utili mill-applikant u li jippermettu li ssir evalwazzjoni tal-intenzjoni tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri (11).

31.      L-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi dwar il-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ dħul u l-evalwazzjoni tar-riskji għandu għalhekk ikun neċessarjement moqri flimkien mal-Artikolu 32 tal-istess kodiċi dwar ir-raġunijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għall-viża. B’hekk, skont l-Artikolu 32(1)(b) tal-imsemmi kodiċi, il-viża hija miċħuda “jekk ikun hemm dubji raġonevoli dwar […] l-intenzjoni tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni” (12).

32.      Jirriżulta wkoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 32(1)(b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi li, sabiex jiċħdu viża abbażi tal-assenza tal-intenzjoni li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri, l-awtoritajiet responsabbli mill-eżami tal-imsemmija applikazzjoni għandu jkollhom dubju raġonevoli rigward l-intenzjoni reali tar-ritorn tal-applikant. Għalhekk id-dubju raġonevoli ma huwiex ta’ benefiċċju għall-applikant. Min-naħa l-oħra, sempliċi dubju ma huwiex biżżejjed (13), dan għandu jkun raġonevoli.

33.      Ċertament, id-dubju raġonevoli huwa kunċett partikolarment delikat sabiex ikun iddefinit. Wieħed jista’ madankollu jgħid li d-dubju raġonevoli huwa dak li jinsab bejn, minn naħa, il-konvinzjoni, iċ-ċertezza u, min-naħa l-oħra, id-dubju ħafif jew ipotetiku biss.

34.      Għandu jkun innotat li, fil-qasam tal-viża, ċertu numru ta’ ċirkustanzi pprekludew lil-leġiżlatur milli jikkodifika ulterjorment is-sustanza tal-kriterji li jistgħu jkunu l-bażi ta’ deċiżjoni ta’ rifjut, u għalhekk li jistabbilixxi l-elementi li jistgħu jiddeterminaw din l-intenzjoni li jitlaq mit-territorju. B’hekk, fil-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ proposta tar-Regolament li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, il-Kummissjoni indikat li, “[w]aqt li tirrikonoxxi li d-dispożizzjonijiet essenzjali tal-leġiżlazzjoni japplikaw direttament għall-Istati Membri, il-Kummissjoni hija konxja wkoll mill-fatt li minħabba d-diversità tal-każijiet u tal-kundizzjonijiet lokali, huwa diffiċli ħafna li jiġu żviluppati regoli preċiżi, validi fiċ-ċirkustanzi kollha u li jkopru s-sitwazzjonijiet kollha” (14). Madankollu, jista’ jkun utili li jiġi indikat lill-qorti tar-rinviju, sa fejn huwa possibbli, b’liema mod l-awtoritajiet responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-viża jistgħu jikkunsidraw li hemm dubju raġonevoli rigward l-intenzjoni li persuna titlaq mit-territorju tal-Istati Membri.

35.      Sabiex isir dan, għandu jsir riferiment għall-Manwal dwar it-trattament tal-applikazzjonijiet għall-viża u l-modifikazzjoni tal-viżi maħruġa stabbilit mill-Kummissjoni (15) u li jinkludi l-istruzzjonijiet dwar l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi (16), li għalkemm ma humiex vinkolanti, jistgħu jitfgħu dawl. Il-punt 7.12 tal-imsemmi manwal, jindika lill-awtoritajiet responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-viża numru ta’ punti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex issir evalwazzjoni tal-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju. Minn dan jirriżulta li hemm żewġ settijiet ta’ kriterji li jimmeritaw li jiġu eżaminati, jiġifieri kriterji dwar is-sitwazzjoni “oġġettiva” tal-Istat tal-oriġini tal-applikant u kriterji li jiena nikkwalifika iktar “suġġettivi” peress li jirrelataw għas-sitwazzjoni individwali tal-applikant. Huwa espressament irrikonoxxut li dawn l-aħħar kriterji “jistgħu jvarjaw skont il-pajjiż tar-residenza tal-applikant” (17), li jħallu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjoni. Madankollu, fi kwalunkwe każ, id-dubju raġonevoli jista’ jqum biss wara li “l-elementi kollha jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tkun żgurata l-oġġettività tal-valutazzjoni” (18) u “kull applikazzjoni trid tkun evalwata skont il-karatteristiċi tagħha” (19). B’hekk, dubju raġonevoli ma jistax ikun ibbażat unikament fuq sempliċi preżunzjoni jew fuq l-eżami tal-kriterji msejħa “oġġettivi” dwar is-sitwazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini biss.

36.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi l-ewwel domanda preliminari kif irriformulata minni, fis-sens li l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi moqri flimkien mal-Artikolu 32(1)(b) tal-imsemmi kodiċi, sabiex tiġi miċħuda applikazzjoni għall-viża minħabba l-assenza tal-intenzjoni tar-ritorn tal-applikant, għandu jqum dubju raġonevoli fi ħdan l-awtoritajiet responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni dwar l-intenzjoni vera tar-ritorn tal-applikant wara li jkunu ħadu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha neċessarji sabiex jiżguraw evalwazzjoni oġġettiva, li jinkludu kemm elementi marbuta mas-sitwazzjoni proprja tal-pajjiż tal-oriġini kif ukoll elementi relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-applikant u mad-dokumenti ta’ sostenn li huwa pproduċa.

C –    Fuq it-tieni u t-tielet domandi

37.      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk il-Kodiċi dwar il-Viżi jistabbilixxix xi forma ta’ dritt suġġettiv għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi billi jobbliga lill-awtoritajiet responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni li joħorġu viża għal terminu qasir lill-applikant meta dan jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Viżi u ma jistax ikun prekluż minn ebda raġuni elenkata fl-Artikolu 32(1) tal-imsemmi kodiċi. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi biss il-possibbiltà li tinħareġ viża meta l-kundizzjonijiet li jiena ser niddeskrivi jkunu sodisfatti, hijiex kompatibbli mal-Kodiċi dwar il-Viżi.

38.      Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż ippreċiża li r-rifjut kontra R. Koushkaki kien ibbażat biss fuq raġuni previsti fl-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi u sostna li kienu preċiżament id-dubji dwar l-assenza tal-intenzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jitlaq mill-Ġermanja qabel ma tiskadi l-viża li għaliha huwa applika li wasslu lill-awtoritajiet konsulari Ġermaniżi biex adottaw deċiżjoni ta’ rifjut. Il-qorti tar-rinviju, minn naħa tagħha, tqis li R. Koushkaki jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul tal-Artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Viżi u ma jistax ikun prekluż abbażi ta’ xi raġuni ta’ rifjut tal-Artikolu 32(1) tal-imsemmi kodiċi. Jiena madankollu nnotajt iktar kmieni (20) li l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju fiha xi żbalji. Għalhekk ma huwiex eskluż li, ladarba l-iżball ta’ interpretazzjoni tal-qorti a quo jiġi rrettifikat, din tikkonkludi li l-awtoritajiet konsulari Ġermaniżi jistgħu, ġustament, jopponu lir-rikorrent fil-kawża prinċipali b’deċiżjoni ta’ rifjut minħabba l-assenza tal-intenzjoni tiegħu li jitlaq mit-territorju. Għandu għalhekk ikun ippreċiżat li huwa biss fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju, wara li tkun ikkunsidrat il-fatt li l-assenza tal-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tikkostitwixxi, fis-sens tal-Kodiċi dwar il-Viżi, raġuni ta’ rifjut awtonoma meta mqabbla mat-theddida għall-ordni pubbliku, issostni li l-imsemmi applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul previsti fl-Artikolu 21 tal-imsemmi kodiċi u ma jistax ikun prekluż abbażi ta’ xi raġuni ta’ rifjut fost dawk previsti fl-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi li risposta għat-tieni u t-tielet domandi tibqa’ utili.

39.      Dawn id-domandi jqajmu, b’mod impliċitu, il-problema dwar jekk il-Kodiċi dwar il-Viżi ġabx armonizzazzjoni kompleta fil-qasam tal-ħruġ tal-viżi għal terminu qasir għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi bil-konsegwenza li, minn naħa, ebda raġuni ta’ rifjut ma tista’ tkun unilateralment miżjuda mill-Istat Membru ma’ dawk diġà previsti fl-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom fuq kollox, fil-każ fejn ir-rekwiżiti tal-Artikoli 21 u 32(1) tal-imsemmi kodiċi jkunu sodisfatti, joħorġu lill-applikant viża għal terminu qasir li għaliha għandu dritt, dritt li jista’ jinvoka direttament kontra l-Istat Membru li quddiemu ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu.

40.      Sabiex nirrispondi, jiena ser nipproċedi l-ewwel nett għal analiżi testwali tal-Kodiċi dwar il-Viżi, u dwar dan nixtieq nenfasizza li huwa jillimita ruħu biss sabiex jikkunsidra l-aġir li kull Stat Membru għandu jkollu fil-konfront tal-applikant. Għalhekk ser nevalwa s-sistema li ġiet stabbilita għal dan il-għan. Imbagħad ser inkompli l-evalwazzjoni tiegħi b’verifika tal-konformità tar-riżultati bbażati fuq l-analiżi preċedentement imsemmija mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-imsemmi kodiċi. Fl-aħħar, jiena nerġa’ niddedika xi kummenti konklużivi dwar il-valur miżjud tiegħu.

1.      Analiżi testwali

41.      Fl-ewwel lok, jidher li l-Kodiċi dwar il-Viżi ma jinkludi ebda dispożizzjoni li timponi xi obbligu fuq l-Istati Membri li joħorġu viża għal terminu qasir liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħmlu din l-applikazzjoni u li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mill-Artikoli 21 u 32(1) tal-imsemmi kodiċi. B’hekk, jekk il-Kapitolu IV tal-Kodiċi dwar il-Viżi huwa effettivament intitolat “Il-ħruġ tal-viża”, id-dispożizzjonijiet li huwa jinkludi bl-ebda mod ma jitrattaw il-kwistjoni dwar jekk jeżistix dritt għall-ħruġ, iżda jikkonċernaw pjuttost il-kundizzjonijiet sabiex jiġi stabbilit il-perijodu tal-validità jew tat-tul tas-soġġorn (21), il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jagħtu viża b’validità territorjali limitata (22), il-kundizzjonijiet tal-validità u t-tul ta’ viża għal tranżitu fl-ajruport (23) kif ukoll dettalji dwar l-isticker tal-viża (24). Dan il-Kapitolu IV jinkludi, barra minn hekk, l-Artikolu 30 iddedikat għad-drittijiet li jirriżultaw mill-ħruġ ta’ viża, li mhux talli ma jagħtix dritt suġġettiv, iżda jippreċiża li “[i]s-sempliċi pussess ta’ viża uniformi jew viża b’validità territorjali limitata ma jikkonferix dritt awtomatiku ta’ dħul”.

42.      Fit-tieni lok, għandu jkun innotat li l-Kodiċi dwar il-Viżi qatt ma jsemmi li huwa ser jipproċedi b’armonizzazzjoni kompleta. B’hekk il-premessa 3 tiegħu tistabbilixxi li “l-istabbiliment ta’ ‘korp komuni’ ta’ leġislazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-konsolidazzjoni l-iżvilupp tal-acquis [id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni li jimplimentaw il-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 [ĠU 2000, L 239, p. 19] u l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni] […], huwa wieħed mill-komponenti fundamentali ta’ ‘aktar żvilupp ta’ politika komuni dwar il-viżi bħala parti minn sistema fuq ħafna livelli li għandha l-għan li tiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu u tittratta l-immigrazzjoni illegali permezz ta’ aktar armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali u tal-prattika ta’ trattament fil-missjonijiet konsulari lokali’” (25). Barra minn hekk, l-applikazzjoni armonizzata tal-Kodiċi dwar il-Viżi hija ppreżentata bħala waħda mill-għanijiet li jridu jintlaħqu (26) u mhux bħala stat ta’ fatt li diġà jirriżulta mill-implementazzjoni tas-sistema permezz tal-imsemmi kodiċi biss.

43.      Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jitfakkar li r-raġunijiet ta’ rifjut imsemmija fl-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi huma fformulati b’mod partikolarment wiesa’, preċiżament minħabba “d-differenzi fiċ-ċirkostanzi lokali” (27), b’tali mod li l-leġiżlatur tal-Unjoni konxjament ħalla l-applikazzjoni konkreta ta’ ċerti dispożizzjonijiet leġiżlattivi għall-evalwazzjoni tal-awtoritajiet konsulari tal-Istati Membri fil-postijiet individwali “sabiex tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet leġislattivi biex jiġu evitati l-visa shopping u trattament differenti tal-applikanti għal viża” (28). Hawnhekk ma nistax ma nikkonstatax kontradizzjoni kurjuża bejn ir-rikonoxximent tad-diversi realtajiet lokali u l-ambizzjoni ta’ applikazzjoni armonizzata li tħalliet, fl-aħħar mill-aħħar, għall-evalwazzjoni tal-awtoritajiet konsulari.

44.      Għalhekk, għal dak li jirrigwarda t-test tal-Kodiċi dwar il-Viżi, ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-mument tal-abbozzar tal-imsemmi kodiċi kienet espliċitament li jagħti dritt suġġettiv għall-ħruġ ta’ viża għal terminu qasir lill-applikanti ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Madankollu f’qasam sensittiv bħal dan, wieħed ma jistax jieqaf bl-argument li l-imsemmi leġiżlatur kien kuntent li jagħti dan id-dritt b’mod impliċitu biss.

45.      Jonqos li jiġi vverifikat jekk din il-konklużjoni hijiex ikkorroborata bl-analiżi sistematika tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

2.      Analiżi sistematika

46.      L-adozzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi saret fil-perspettiva tal-kostruzzjoni progressiva ta’ politika ta’ viżi partikolari fuq livell tal-Unjoni, kostruzzjoni mibdija minn ċerti Stati Membri u bejn Stati Membri fil-kuntest tal-ftehim ta’ Schengen, tal-konvenzjoni tal-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim u ta’ struzzjonijiet konsulari komuni. Mal-evoluzzjoni tat-trattati, il-qasam tal-viżi kompla jiżviluppa b’mod progressiv fil-Komunità.

47.      Madankollu, ma għandux jintesa l-grad għoli ta’ sensibbiltà li tirrappreżenta, għall-Istati Membri, il-kwistjoni tal-ħruġ tal-viżi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Fil-fatt, jekk huwa prinċipju tad-dritt internazzjonali meqjus bħala wieħed mill-karatteristiċi li timmanifesta s-sovranità statali, huwa skont dan li l-Istati għandhom id-dritt li jikkontrollaw id-dħul ta’ dawk li ma humiex ċittadini fit-territorju tagħhom (29). Madankollu, jekk l-Istati Membri qablu b’mod ċar li jirrinunzjaw għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadini Ewropej li l-libertà ta’ moviment tagħhom hija ggarantita mill-“Karta Kostituzzjonali bażika” tal-Unjoni (30), is-sitwazzjoni tidher ħafna inqas ċara għal dak li jirrigwarda l-aċċess għat-territorji tal-Istati Membri minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, speċjalment meta ebda rabta stretta familjari ma’ ċittadin tal-Unjoni ma hija invokata (31).

48.      Għalhekk, il-kooperazzjoni mibdija fil-kuntest tal-ftehim ta’ Schengen u illum ikkodifikata bil-Kodiċi dwar il-Viżi ma għandhiex ixxejjen l-isfidi internazzjonali tal-preżent. F’dan ir-rigward, jidher opportun li jitfakkar li, fil-kuntest tal-Programm ta’ Stokkolma stabbilit fl-2010 (32) – jiġifieri wara l-adozzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi – il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex “issaħħaħ l-isforzi tagħha biex jiġi żgurat il-prinċipju tar-reċiproċità tal-viża u l-prevenzjoni tar-(ri)introduzzjoni tar-rekwiżiti ta’ viża minn pajjiżi terzi lejn kwalunkwe Stat Membru, u biex tidentifika miżuri li jkunu jistgħu jintużaw qabel ma jiġi impost il-mekkaniżmu tar-reċiproċità tal-viża lejn dawk il-pajjiżi terzi” (33). Il-Kunsill Ewropew kompla billi indika li, “[b]il-ħsieb li joħloq il-possibbiltà li wieħed jimxi għal stadju ġdid fl-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viża, filwaqt li jittieħed kont tal-kompetenzi tal-Istati Membri f’dan il-qasam, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta studju dwar il-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu Ewropew komuni għall-ħruġ ta’ viżi għal terminu qasir” (34).

49.      In-natura awtomatika tal-għoti ta’ viża li tirriżulta mir-rikonoxximent ta’ dritt suġġettiv diffiċli li tiġi rikonċiljata ma’ dawn il-preokkupazzjonijiet marbuta mar-reċiproċità fil-każ, pereżempju, ta’ ssikkar sinjifikattiv, minn naħa ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001, tal-politika tiegħu tal-ħruġ ta’ viżi fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni.

50.      Fi kwalunkwe każ, jirriżulta minn strumenti ta’ dritt sekondarju li l-viża ma hijiex mogħtija bħala dritt, iżda bħala obbligu impost fuq dak li jixtieq jagħmel soġġorn qasir fit-territorju ta’ Stat Membru jiġifieri bħala pre-rekwiżit għad-dħul fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament Nru 539/2001 jiddefinixxi l-viża bħala “l-awtorizzazzjoni maħruġha minn Stat Membru jew b’deċiżjoni meħudha minn tali Stat li tkun meħtieġa […] [għ]ad-dħul għal soġġorn intiż f’dak l-Istat Membru jew f’diversi Stati Membri ta’ mhux aktar minn total ta’ tlett xhur” (35). Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipperċepixxi l-viża bl-istess mod (36). Fir-rigward tal-Kodiċi dwar il-Viżi, dan qatt ma jagħmel riferiment espliċitu, bħal ma jiena enfasizzajt iktar kmieni, għall-eżistenza ta’ dritt għall-ħruġ, iżda jfakkar f’diversi okkażjonijiet, għall-kuntrarju, li dan huwa obbligu li għalih huma suġġetti ċ-ċittadini ta’ Stati terzi kkonċernati (37), u jiddefinixxi wkoll il-viża bħala “awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru” (38).

51.      Il-fatt li l-viża hija prevista bħala obbligu impost fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati, u mhux bħala dritt, huwa spjegat b’mod partikolari mill-funzjoni proprja tal-viża. Din tal-aħħar, intiża bħala awtorizzazzjoni minn qabel għad-dħul f’territorju, hija mezz ta’ kontroll tad-dħul, u għalhekk tal-influss migratorju, u tista’ wkoll tkun strument tal-politika barranija u ta’ sigurtà. Issa, l-azzjoni meħuda fuq livell tal-Unjoni fil-qasam tal-viżi trid tilħaq b’mod ċar għan tat-tip pjuttost difensiv, jiġifieri l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali (39) u li jiġi evitat il-“visa shopping” (40) jiġifieri jiġi evitat li Stat Membru jadotta politika tal-viżi magħrufa li hija iktar favorevoli għall-applikanti, liema politika għalhekk potenzjalment tirrappreżenta riskju ta’ nuqqas ta’ stabbilita fiż-żona Schengen minħabba l-assenza ta’ kontroll tal-fruntieri interni.

52.      Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Kodiċi dwar il-Viżi jistabbilixxi obbligu ta’ rifjut ta’ viża meta l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-applikant ma jiġux sodisfatti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li r-rifjut awtomatiku rikjest mill-Istati li huma parti mill-konvenzjoni tal-applikazzjoni tal-ftehim ta’ Schengen fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-applikant tal-kundizzjonijiet ta’ dħul “jirrifletti l-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati kontraenti, li jifforma l-bażi ta’ l-acquis ta’ Schengen u li huwa indispensabbli biex tkun tista’ taħdem sistema ta’ tmexxija integrata intiża sabiex tiggarantixxi livell għoli u uniformi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza fil-fruntieri esterni flimkien mal-qsim liberu tal-fruntieri ġewwa ż-żona Schengen” (41).

53.      Ir-rekwiżiti marbuta mal-kontroll tal-fruntieri esterni jinsabu fil-bażi legali tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Fil-fatt, jekk il-Kodiċi dwar il-Viżi huwa effettivament ibbażat fuq l-Artikolu 62(2)(b)(ii) KE li jipprovdi l-intervenzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar “viżi għal soġġorni li ma jeċċedux it-tliet xhur, b’mod partikolari […] il-proċeduri u kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi mill-Istati Membri”, l-Artikolu 62(2)(a) KE ukoll isemmi bħala bażi legali tar-regolament ikkonċernat, intiż għall-adozzjoni ta’ “miżuri dwar il-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri li jistabbilixxu […] l-istandards u l-modalitajiet li magħhom għandhom jikkonformaw l-Istati Membri sabiex iwettqu l-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni”.

54.      Għandi dubju qawwi li, bl-adozzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi taħt il-forma ta’ regolament, l-Istati Membri taw il-kunsens de facto tagħhom għal qabża ’l quddiem ta’ kwalità hekk fundamentali bħal dik tal-obbligu fuq l-Istati Membri li jirrifjutaw il-ħruġ ta’ viża, kif organizzat taħt l-acquis ta’ Schengen, għall-għoti ta’ dritt suġġettiv għall-ħruġ li minnu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jinvokaw, peress li ebda element ta’ natura testwali jew sistematika ma jidher li jikkorrobora dan l-argument.

55.      Fl-aħħar nett, inżid punt tal-aħħar li fl-opinjoni tiegħi juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma fassalx il-Kodiċi dwar il-Viżi bħala strument li jagħti dritt suġġettiv għall-ħruġ ta’ viża. Fost l-avvanzi kbar li ġew introdotti mill-imsemmi kodiċi – avvanzi li għalihom ser nirritorna iktar tard – hemm l-introduzzjoni tad-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut għall-ħruġ ta’ viża (42). Għalkemm il-leġiżlatur ma tax b’mod espliċitu dritt ta’ appell tat-tip ġudizzjarju (43) u billi pproċeda b’rinviju għad-drittijiet nazzjonali, ħalla d-definizzjoni tal-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dan l-appell fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Barra minn hekk, terminu addizzjonali ġie mogħti lill-Istati Membri sabiex konsegwentement jorganizzaw is-sistemi nazzjonali tagħhom u d-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi dan id-dritt ta’ appell ġiet differita għall-5 ta’ April 2011 (44). Mir-rapport annwali tal-Aġenzija tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-2011 (45) jirriżulta li l-appell kontra d-deċiżjonijiet tar-rifjut ta’ viża Schengen huma ppreżentati, skont l-Istat Membru kkonċernat, jew quddiem awtorità amministrattiva, jew quddiem korp kważi-ġudizzjarju jew quddiem qorti. Dawn id-differenzi li jirriżultaw kemm mir-reżistenza tal-Istati Membri milli jintrabtu ulterjorment fir-rigward tal-garanziji proċedurali offruti lill-applikanti għall-viża kif ukoll mid-diffikultajiet konkreti li jippreżenta l-istabbiliment ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward ta’ persuni li ma għandhomx aċċess għat-territorju nazzjonali, għal darb’oħra huma diffiċli li jkunu kompatibbli mal-idea li tipprovdi li ġie mogħti dritt suġġettiv.

3.      Verifika tal-konformità tar-riżultati miksuba mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Kodiċi dwar il-Viżi

56.      Sabiex issir il-verifika tal-konformità tar-riżultati tal-analiżi testwali u sistematika magħmulin iktar ’il fuq mal-għanijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għandu jkun ikkunsidrat il-fatt li dan ma jridx jilħaq biss l-għan li jistabbilixxi aġir partikolari tal-Istati Membri li jipparteċipaw fiż-żona Schengen fir-rigward tal-applikanti għall-viża b’mod li jirrendi l-proċedura li huma għandhom isegwu u l-kundizzjonijiet li għandhom japplikaw iktar viżibbli u ċari għall-applikant sabiex jiġi żgurat lilu trattament denju u li jirrispetta l-umanità u d-dinjità tiegħu.

57.      Il-Kodiċi dwar il-Viżi għandu wkoll għan ieħor marbut mal-fatt li huwa sar fil-kuntest tal-kooperazzjoni u tal-kollaborazzjoni bejn l-Istati li jipparteċipaw fiż-żona Schngen, li ddeċidew li jistabbilixxu solidarjetà reali tat-tip li l-effetti ta’ deċiżjoni meħuda minn Stat Membru ma jkunux limitati biss għat-territorju ta’ dak l-Istat Membru (46), iżda, għall-kuntrarju, jikkonċernaw din iż-żona kollha.

58.      Għalhekk, il-Kodiċi dwar il-Viżi ma stabbilixxix biss sett ta’ obbligi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ applikant għall-viża Schengen iżda wkoll l-għan li jistabbilixxi dmir ta’ kull Stat Membru fir-rigward tal-Istati Membri l-oħra fiż-żona Schengen li jirrifjuta viża fil-każ tal-assenza tal-kundizzjonijiet previsti minn dan il-kodiċi, minħabba l-effetti li huwa suppost jipproduċi f’dawn l-Istati kollha. F’dan ir-rigward huwa possibbli li jkun ipperċepit li l-użu tal-verb “tista’” fl-Artikolu 24(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandu sens ulterjuri meta mqabbel ma’ dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni testwali u sistematika ta’ dan il-kodiċi. Huwa possibbli li wieħed jaħseb li l-leġiżlatur tal-Unjoni stess attribwixxa sinjifikat marbut mal-għan imfakkar iktar ’il fuq, jiġifieri dak ta’ possibbiltà (li tirriżulta mill-użu tal-verb jista’) li jingħata lil kull Stat taż-żona Schengen viża li jkollha effetti erga omnes biss meta jkun hemm il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi kodiċi.

59.      Dan il-qari teleoloġiku tal-Kodiċi dwar il-Viżi jista’ jikkonferma l-assenza tal-istabbiliment ta’ dritt suġġettiv għall-ħruġ ta’ viża Schengen.

4.      Il-valur miżjud tal-Kodiċi dwar il-Viżi

60.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni u iktar preċiżament il-Kodiċi dwar il-Viżi, ebda dritt għall-ħruġ ta’ viża Schengen ma jista’ jkun irrikonoxxut lill-applikanti. Madankollu, l-Istati Membri ma humiex liberi li jitrattaw kif iridu l-applikazzjonijiet għall-viża li jsiru lilhom u, anki jekk l-istabbiliment tad-dritt suġġettiv fir-rigward tal-applikant ma jagħmilx parti mit-twettiq tal-Kodiċi dwar il-Viżi, dan tal-aħħar ikkontribwixxa madankollu b’mod sinjifikattiv għat-titjib tal-garanziji offruti lilu.

61.      Ipproċeda b’armonizzazzjoni tal-proċedura tal-applikazzjoni għall-viża, b’mod partikolari, billi stabbilixxa l-ammont tat-tariffi tal-viża (47), billi ppropona tip ta’ formola għall-applikazzjoni għall-viża Schengen (48), billi kkjarifika l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-applikazzjoni (49) u billi stabbilixxa obbligu għall-Istati Membri, li jiddeċiedu fuq l-applikazzjoni fi żmien qasir (50), li jimmotivaw id-deċiżjonijiet ta’ rifjut tagħhom (51) u li jipprovdu possibbiltà ta’ appell fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva (52).

62.      Barra li għaqqad id-dispożizzjonijiet vinkolanti li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura fil-qasam tal-ħruġ ta’ viżi f’test wieħed, il-Kodiċi dwar il-Viżi ġab ukoll progress konkret fil-politika fil-qasam billi kabbar il-kjarezza, il-viżibbiltà u l-koerenza tagħha (53).

63.      L-armonizzazzjoni essenzjali, kif rajna, fiha ċerti nuqqasijiet u xxejjen l-avvanzi ta’ armonizzazzjoni proċedurali tant li huwa minnu li, fl-assenza ta’ definizzjoni preċiża, fuq livell tal-Unjoni, tal-kundizzjonijiet ta’ dħul, tal-istima tar-riskji u tar-raġunijiet ta’ rifjut previsti fl-Artikoli 21 u 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, l-arbitraġġ jista’ jerġa’ jqum matul il-proċedura għall-ħruġ ta’ viża.

64.      Jidher għalhekk essenzjali li jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprova jikkontrolla dawn l-iżvantaġġi billi stabbilixxa l-Kodiċi dwar il-Viżi fuq skala tad-drittijiet fundamentali (54) u, b’mod partikolari, tad-dinjità tal-bniedem. B’hekk fl-estensjoni tal-provvedimenti tiegħu fil-premessi 6 u 7 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, , l-Artikolu 39 ta’ dan jimponi fuq l-Istati Membri li jilqgħu lill-applikanti “b’korteżija” (55) u jistieden lill-persunal konsulari tagħhom jirrispettaw “b’mod sħiħ id-dinjità tal-bniedem” u jieħdu kwalunkwe miżura b’mod “proporzjonata għall-objettivi segwiti minn dawn il-miżuri” (56) u b’osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (57).

65.      B’hekk, ikun x’ikun l-ispazju li tħalla lill-Istati Membri fl-evalwazzjoni essenzjali tal-kundizzjonjiet u tar-raġunijiet previsti fl-Artikoli 21 u 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, din l-evalwazzjoni hija kkaretterizzata b’mod imperattiv mir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-applikant, li fl-ewwel post minnhom hemm id-dinjità tiegħu, u mill-prinċipji ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni.

66.      Fl-aħħar nett, iktar milli dritt suġġettiv għall-ħruġ ta’ viża, il-Kodiċi dwar il-Viżi jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw, barra l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex l-viża tipproduċi effetti fir-rigward tal-Istati Membri kollha li jappartjenu liż-żona Schengen, li l-iżvolġiment tal-proċedura tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-applikant, li jimplika, kif jiena diġà indikajt, il-ħtieġa li kull applikazzjoni għall-viża tkun eżaminata, mhux abbażi ta’ sempliċi preżunzjonijiet, iżda billi jipproċedu, għall-kuntrarju, għall-evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni billi debitament jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest personali u uman tas-sitwazzjoni individwali fil-bażi ta’ kull applikazzjoni.

67.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għat-tieni u t-tielet domandi preliminari meħuda flimkien għandha tkun li l-Kodiċi dwar il-Viżi ma jistax ikun interpretat bħala li jistabbilixxi dritt suġġettiv favur l-applikanti, li tinħarġilhom viża Schengen. L-imsemmi kodiċi jimponi madankollu fuq l-Istati Membri li jiddeċiedu fuq l-applikazzjonijiet għal viża Schengen wara evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni, li debitament jieħdu inkunsiderazzjoni, barra l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-viża tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward tal-Istati Membri kollha li jappartjenu liż-żona Schengen, il-kuntest personali u uman tas-sitwazzjoni individwali fil-bażi ta’ kull applikazzjoni, u proċedura li tirrispetta b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, fl-ewwel post id-dinjità tal-bniedem, imwettqa b’konformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni.

V –    Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgericht Berlin:

1)      Fis-sens tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, moqri flimkien mal-Artikolu 32(1)(b) tal-imsemmi regolament, sabiex tiġi miċħuda applikazzjoni għall-viża minħabba l-assenza tal-intenzjoni tar-ritorn tal-applikant, għandu jqum dubju raġonevoli fi ħdan l-awtoritajiet responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni dwar l-intenzjoni vera tar-ritorn tal-applikant wara li jkunu ħadu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha neċessarji sabiex jiżguraw evalwazzjoni oġġettiva, li jinkludu kemm elementi marbuta mas-sitwazzjoni proprja tal-pajjiż tal-oriġini kif ukoll elementi relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-applikant u mad-dokumenti ta’ sostenn li huwa pproduċa.

2)      Ir-Regolament Nru 810/2009 ma jistax ikun interpretat bħala li jistabbilixxi dritt suġġettiv favur l-applikanati, li tinħarġilhom viża Schengen. Madankollu, dan ir-regolament jimponi fuq l-Istati Membri li jiddeċiedu fuq l-applikazzjonijiet għal viża Schengen wara evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni, li debitament jieħdu inkunsiderazzjoni, barra l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-viża tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward tal-Istati Membri kollha li jappartjenu liż-żona Schengen, il-kuntest personali u uman tas-sitwazzjoni individwali fil-bażi ta’ kull applikazzjoni, u proċedura li tirrispetta b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, fl-ewwel post id-dinjità tal-bniedem, imwettqa b’konformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-funzjonament tal-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen matul l-ewwel sentejn tal-implemetazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi [COM(2012) 648 finali].


3 – ĠU L 243, p. 1.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 4 p. 65.


5 – ĠU L 105, p. 1.


6 – BGBl. I tal-25 ta’ Frar 2008, p. 162.


7 – Skont l-Artikolu 8(2) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera għall-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU 2008 L 53, p. 52).


8 – Għall-konvenjenza u koerenza mal-Kodiċi dwar il-Viżi, ser isir riferiment, matul dawn il-konklużjonijiet kollha, għal dawn l-awtoritajiet konsulari bħala li jinkludu kemm il-missjonijiet diplomatiċi kif ukoll il-postijiet konsulari tal-Istati Membri.


9 – Ara l-premessa 28 u l-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


10 – Artikolu 14(1)(d) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


11 – Anness II, punt B, tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Jista’ jinkludi b’mod partikolari l-produzzjoni tal-biljett tal-ajru tar-ritorn, provi rigward il-pussess ta’ beni jew dwar l-integrazzjoni tal-applikant fil-pajjiż tal-oriġini.


12 – Korsiv miżjud minni.


13 – Jekk fl-abbozz ta’ proposta tar-Regolament tal-Kummissjoni kien sar sempliċi riferiment għal “dubju” (ara l-Artikolu 18(7) tal-abbozz ta’ proposta tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi [COM(2006) 403 finali]), tad-19 ta’ Lulju 2006], fit-test finali, kien hemm preferenza għal riferiment iktar b’saħħtu, jiġifieri dubju raġonevoli.


14 – Abbozz ta’ proposta tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq, punt 3.3.


15 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2010 li tistabbilixxi l-Manwal dwar it-trattament tal-applikazzjonijiet għall-viża u l-modifikazzjoni tal-viżi maħruġa [C(2010) 1620 finali], kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Awwissu 2011 [C(2011) 5501 finali].


16 – Ara l-Artikolu 51 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


17 – Manwal dwar it-trattament tal-applikazzjonijiet għall-viża u l-modifikazzjoni tal-viżi maħruġa iċċitat iktar ’il fuq (punt 7.12).


18Ibidem.


19Ibidem.


20 – Ara l-punti 24 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21 – Ara l-Artikolu 24 tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Wieħed jinnota b’mod partikolari li din id-dispożizzjoni hija fformulata fis-sens li “viża tista’ tinħareġ għal numru ta’ dħul li jista’ jkun wieħed, tnejn jew aktar” (korsiv miżjud minni).


22 – Ara l-Artikolu 25 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


23 – Ara l-Artikolu 26 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


24 – Ara l-Artikoli 27 sa 29 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


25 – Korsiv miżjud minni.


26 – Ara b’mod partikolari l-premessi 18 u 22 tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ April 2012, Vo (C‑83/12 PPU, punt 36).


27 – Premessa 18.


28Ibidem.


29 – Dan il-prinċipju kien irrikonoxxut ukoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b’mod partikolari, l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza N vs Il‑Finlandja tas-26 ta’ Lulju 2005, rikors Nru 38885/02, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, Ġabra p. 1339, punt 23).


31 – F’dan il-każ, ara l-Artikolu 1(2)(a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


32 – Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU 2010, C 115, p. 1).


33 – Ara l-punt 5.2 ta’ dan il-pogramm.


34Ibidem. Korsiv miżjud minni.


35 – Artikolu 2 tar-Regolament Nru 539/2001.


36 – Ara b’mod partikolari l-Artikoli 5(1)(b) u 7(3)(a)(i) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


37 – Ara l-premessi 4 u 5, l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 3 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


38 – Artikolu 2(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


39 – Ara l-premessa 5 tar-Regolament Nru 539/2001 kif ukoll il-premessi 3, 5 u 6 tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Jekk l-għan li tiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu huwa wkoll invokat fil-premessa 3 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, bilfors għandu jkun ikkonstatat li l-għan tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina hija ferm iktar tqila mill-acquis ta’ Schengen bħal fl-imsemmi kodiċi [ara, b’mod partikolari, il-punt V tal-istruzzjonijiet konsulari komuni mibgħuta lill-pożizzjonijiet ta’ missjonijiet diplomatiċi u konsulari (ĠU 2005, C 326, p. 1)].


40 – Premessi 14 u 18 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


41 – Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, Ġabra p. I‑1097, punt 37). Dwar l-obbligu li tiġi rrifjutata viża, ara wkoll il-katalogu li aġġorna r-rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni korretta tal-acquis ta’ Schengen u ta’ prattika aħjar: parti dwar il-ħruġ ta’ viżi, tal-Grupp tal-abbozzar responsabbli mill-aġġornar tal-katalogu Schengen għal dak li jirrigwarda l-ħruġ ta’ viżi (dok. 12099/09 tal-10 ta’ Lulju 2009, p. 10).


42 – Ara l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


43 – Hawnhekk għandu jkun irrilevat li la l-Kummissjoni fl-abbozz ta’ proposta tar-regolament tagħha, iċċitat iktar ’il fuq, u lanqas il-Parlament Ewropew fir-rapport tiegħu fuq l-imsemmi abboz tar-regolament (rapport Lax tal-18 ta’ April 2008, A6‑0161/2008), ma nnotaw l-assenza tal-ippreċiżar tan-natura ġudizzjarja, jew le, tal-appell.


44 – Ara l-Artikolu 58(5) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


45 – Aġenzija tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Rapport annuel 2011– Les droits fondamentaux: défis et réussites en 2011, p. 89 sa 91.


46 – Bl-eċċezzjoni ta’ viżi maħruġa abbażi tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


47 – Artikolu 16 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


48 – Anness I tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


49 – Artikoli 18 et seq tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


50 – Artikolu 23 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


51 – Artikolu 32(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. L-Anness VI ta’ dan il-kodiċi jipproponi tip ta’ formola għan-notifika u motivazzjoni tar-rifjut, l-annullament u t-tħassir ta’ viża. Fis-sens tal-imsemmi kodiċi, madankollu, il-motivazzjoni hija relattivament qasira għaliex issir permezz ta’ marka ta’ kaxxa fost ħdax-il raġuni ta’ rifjut, annullament jew tħassir previst.


52 – Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


53 – Ara, ukoll, l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ proposta tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq.


54 – Ara l-premessa 29 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


55 – Artikolu 39(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


56 – Artikolu 39(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.


57 – Artikolu 39(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.