Language of document : ECLI:EU:C:2013:862

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Regolament (KE) Nru 810/2009 — Artikoli 21(1), 32(1), u 35(6) — Proċeduri u kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-viżi uniformi — Obbligu ta’ ħruġ ta’ viża — Stima tar-riskju tal-immigrazzjoni illegali — Intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni — Dubju raġonevoli — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti”

Fil-Kawża C‑84/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

Rahmanian Koushkaki

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz, E. Juhász, A. Borg Barthet, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, G. Arestis, J. Malenovský, A. Arabadjiev, E. Jarašiūnas u C. Vajda, Imħallfin, 

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal R. Koushkaki, minn T. Kaschubs-Saeedi, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang u M. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan,, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn K. Pawłowska u M. Arciszewski, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21(1) u 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn R. Koushkaki, ċittadin Iranjan, u l-Bundesrepublik Deutschland, fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ din tal-aħħar li tirrifjuta li toħroġlu viża għal finijiet ta’ żjara ġewwa l-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

3        Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 105, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Marzu 2010 (ĠU L 85, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”), jinkludi Artikolu 5, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, li jipprovdi fil-paragrafu 1:

“Għal soġġorni li ma jeċċedux tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur, il-kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)      ikunu fil-pussess ta’ dokument jew dokumenti validi ta’ vjaġġar li jawtorizzawhom jaqsmu l-fruntiera;

(b)      ikunu fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal- 15 ta’ Marzu 2001 li jelenka pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65] […];

(ċ)      jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom jew transitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’posizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment;

(d)      ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-SIS [Sistema ta’ Informazzjoni Schengen] sabiex jiġi miċħud id-dħul;

(e)      mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.”

 Ir-Regolament VIS

4        L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, p. 60), kif emendat bil-Kodiċi dwar il-Viżi (iktar ’il quddiem ir-“Regolament VIS”) jipprovdi fl-Artikolu 12(2) tiegħu li fejn ittieħdet deċiżjoni biex tiġi rrifjutata viża, l-awtorità kompetenti tindika fl-applikazzjoni r-raġuni għar-rifjut tal-viża, minn fost lista li tikkorrispondi għal dik li ġejja fil-formola standard li tinsab fl-Anness VI tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

 Il-Kodiċi dwar il-Viżi

5        Il-premessi 3, 18 u 28 tal-Kodiċi dwar il-Viżi huma fformulati kif ġej:

“(3)      Fir-rigward tal-politika dwar il-viżi, l-istabbiliment ta’ “korp komuni” ta’ leġislazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-konsolidazzjoni l-iżvilupp tal-acquis (id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni li jimplimentaw il-Ftehim ta’ Schengen tal- 14 ta’ Ġunju 1985 […] u l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni […], huwa wieħed mill-komponenti fundamentali ta’ “aktar żvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi bħala parti minn sistema fuq ħafna livelli li għandha l-għan li tiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu u tittratta l-immigrazzjoni illegali permezz ta’ aktar armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali u tal-prattika ta’ trattament fil-missjonijiet konsulari lokali” […]

[…]

(18)      Il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen hija kruċjali għall-applikazzjoni armonizzata tal-politika komuni dwar il-viżi u biex issir valutazzjoni tajba tar-riskji migratorji u/jew ta’ sigurtà. Minħabba d-differenzi fiċ-ċirkostanzi lokali, l-applikazzjoni operattiva ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi partikolari għandha tkun evalwata fost il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri f’postijiet individwali sabiex tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet leġislattivi biex jiġu evitati il-visa shopping u trattament differenti tal-applikanti għal viża.

[…]

(28)      Ladarba l-għan dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment tal-proċeduri u kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu minn jew soġġorni previsti fit-territorju tal-Istati Membri li ma jeċċedux tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u għaldaqstant jista’ jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 [TUE] […]”

6        L-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jkunux ta’ iktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur.”

7        L-Artikolu 4(1) sa (4) ta’ dan il-kodiċi jelenka l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għall-viżi, kif ukoll sabiex jipparteċipaw fl-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet u fit-teħid ta’ deċiżjoni dwarhom.

8        Skont l-Artikolu 14(1) tal-istess kodiċi, meta japplika għal viża uniformi, l-applikant għandu jippreżenta diversi dokumenti ta’ sostenn u, b’mod partikolari, skont il-paragrafu 1(d), informazzjoni li tippermetti li ssir valutazzjoni tal-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni.

9        L-Artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, intitolat “Verifika tal-kondizzjonijiet ta’ dħul u stima tar-riskju”, jiddisponi fil-paragrafi 1, 7 u 8:

“1.      Fl-eżami ta’ applikazzjoni għal viża uniformi, għandu jiġi aċċertat jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari lill-istima dwar jekk l-applikant ikunx jippreżenta riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għas-sigurtà tal-Istati Membri u jekk l-applikant huwiex bi ħsiebu jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni.

[…]

7.      L-eżami ta’ applikazzjoni għandu jkun ibbażat b’mod partikolari fuq l-awtentiċità u l-affidabbiltà tad-dokumenti ppreżentati u fuq il-veraċità u l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-applikant.

8.      Waqt l-eżami ta’ applikazzjoni, il-konsulati jistgħu jsejħu lill-applikant għal intervista u jitolbu dokumenti addizzjonali.”

10      L-Artikolu 23(4) tal-Kodiċi dwar il-Viżi huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm l-applikazzjoni ma tkunx ġiet irtirata, għandha tittieħed deċiżjoni sabiex:

(a)      tinħareġ viża uniformi, skont l-Artikolu 24,

(b)      tinħareġ viża b’validità territorjali limitata, skont l-Artikolu 25,

(c)      tinħareġ viża uniformi, skont l-Artikolu 32,

[…]”

11      L-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Ċaħda ta’ viża”, jippreċiża fil-paragrafi 1, 2 u 5:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(1), viża għandha tinċaħad:

(a)      jekk l-applikant:

(i)      jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar li hu falz jew iffalsifikat;

(ii)      ma jipprovdix ġustifikazzjoni għall-finijiet u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn previst;

(iii) ma jipprovdix prova ta’ mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għat-tul tas-soġġorn previst jew għar-ritorn tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini jew residenza, jew għat-tranżitu lejn pajjiż terz li fih huwa żgur li jiġi ammess, jew mhuwiex f’pożizzjoni li jikseb dawn il-mezzi skont il-liġi;

(iv)      ikun diġà qagħad għal tliet xhur matul il-perijodu attwali ta’ sitt xhur fit-territorju tal-Istati Membri abbażi ta’ viża uniformi jew viża b’validità territorjali limitata;

(v)      hu persuna li nħarġitilha twissija fis-SIS għall-fini ta’ ċaħda tad-dħul;

(vi)      hu meqjus bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika kif definita fl-Artikolu 2 punt 19 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, u partikolarment fejn tkun inħarġet twissija fil-bażijiet tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru għall-fini ta’ ċaħda tad-dħul għal dawk l-istess raġunijiet;

(vii) ma jagħtix prova li għandu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida, fejn applikabbli;

jew

(b)      jekk ikun hemm dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità tad-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati mill-applikant jew dwar il-veraċità tal-kontenut tagħhom, dwar il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-applikant jew l-intenzjoni tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni.

2.      Deċiżjoni għaċ-ċaħda u r-raġunijiet li fuqhom hi bbażata għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness VI.

[…]

5.      L-informazzjoni dwar il-viża miċħuda għandha tiddaħħal fil-VIS skont l-Artikolu 12 tar-Regolament VIS.”

12      L-Artikolu 32(2) u (3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi huwa applikabbli, skont l-Artikolu 58(5) tiegħu, mill-5 ta’ April 2011.

13      L-Artikolu 34 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“1.      Viża għandha tiġi annullata fejn isir evidenti li l-kondizzjonijiet għall-ħruġ tal-viża ma ġewx sodisfatti fiż-żmien tal-ħruġ tagħha, b’mod partikolari jekk hemm raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li l-viża nkisbet b’mod frodulenti. Fil-prinċipju, viża għandha tiġi annullata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża. Viża tista’ tiġi revokata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor […]

2.      Viża għandha tkun revokata meta jsir evidenti li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħha m’għadhomx ikunu sodisfatti. Viża fil-prinċipju għandha tkun revokata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jkun ħariġha. Viża tista’ tiġi annullata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor […]

[…]

6.Deċiżjoni dwar l-annullament jew ir-revoka ta’ viża u r-raġunijiet li fuqhom hi bbażata għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness VI.

[…]”

14      L-Artikolu 35 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jipprovdi:

“1.      F’każijiet eċċezzjonali, il-viżi jistgħu jinħarġu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      l-applikant ma kienx f’pożizzjoni li japplika għal viża minn qabel u jippreżenta, fejn meħtieġ, dokumenti ta’ sostenn li jissostanzjaw ir-raġunijiet imprevedibbli u imperattivi għad-dħul, u

[…]

6.      Minbarra r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-viża previsti fl-Artikolu 32(1) viża għandha tkun miċħuda fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera, jekk il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu ma jkunux sodisfatti.

7.      Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-ġustifikazzjoni u n-notifika taċ-ċaħdiet u d-dritt tal-appell stabbilit fl-Artikolu 32(3)u l-Anness VI.”

15      L-Anness II tal-Kodiċi dwar il-Viżi jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti tad-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jiġu ppreżentati mill-applikanti għal viża skont l-Artikolu 14 ta’ dan il-kodiċi.

16      L-Anness VI tal-istess kodiċi huwa kkostitwit minn formola standard għan-notifika u għall-motivazzjoni ta’ rifjut, ta’ annullament jew ta’ revoka ta’ viża. Din il-formola b’mod partikolari tinkludi serje ta’ ħdax-il kaxxa li għandhom jiġu użati mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jimmotivaw id-deċiżjoni ta’ rifjut, ta’ annullament jew ta’ revoka ta’ viża.

 Id-dritt Ġermaniż

17      Il-Liġi dwar is-Soġġorn, l-attività professjonali u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali [Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (Aufenthaltsgesetz)], tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), jiddisponi fl-Artikolu 6 tiegħu:

“(1)      Bl-applikazzjoni tal-[Kodiċi dwar il-Viżi], il-viżi segwenti għandhom jinħarġu lil barrani:

1.      viża għat-tranżiti jew għas-soġġorni prevvisti fit-territorju tal-Istati Schengen li ma jkunux itwal minn tliet xhur f’perijodu ta’ sitt xhur li jiddekorri mill-jum tal-ewwel dħul (viża Schengen).

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Fis-7 ta’ Novembru 2010, R. Koushkaki talab lill-Ambaxxata Ġermaniża f’Teheran (l-Iran) il-ħruġ ta’ viża uniformi.

19      Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda minħabba li R. Koushkaki ma pprovax li huwa kellu mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn kif ukoll sabiex jiżgura r-ritorn tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini.

20      Insegwitu, R. Koushkaki appella minn din l-ewwel deċiżjoni u fil-5 ta’ Jannar 2011 l-Ambaxxata Ġermaniża f’Teheran issostitwiet din id-deċiżjoni b’deċiżjoni ta’ ċaħda ġdida tal-applikazzjoni għal viża minħabba li l-eżami taċ-ċirkustanzi dwar din kienu jħallu dubji importanti rigward l-intenzjoni tal-applikant li jirritorna lura lejn il-pajjiż tiegħu ta’ oriġini qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni. F’din it-tieni deċiżjoni ta’ ċaħda, ġie b’mod partikolari kkunsidrat li r-rabta ekonomika ta’ R. Koushkaki mal-pajjiż tiegħu ta’ oriġni ma ġietx ipprovata biżżejjed.

21      Fit-8 ta’ Frar 2011, R. Koushkaki, ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż sabiex il-Bundesrepublik Deutschland ikollha tiddeċiedi mill-ġdid dwar l-applikazzjoni tiegħu u toħroġlu viża uniformi.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a), (c) u (d) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li għalihom jirreferi l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

23      Skont il-Verwaltungsgericht Berlin, l-uniku punt ikkontestat huwa dak jekk R. Koushkaki jikkostitwixxix theddida għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 5(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen minħabba f’riskju eventwali ta’ immigrazzjoni illegali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kundizzjoni għall-ħruġ ta’ viża dwar l-assenza ta’ riskju għall-ordni pubbliku hijiex issodisfatta meta teżisti l-konvinzjoni li l-applikant ser jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel id-data ta’ skadenza tal-viża li għaliha saret l-applikazzjoni jew jekk huwiex biżżejjed li ma hemm l-ebda dubju raġonevoli fuq l-intenzjoni tal-applikant li jitlaq minn dan it-territorju fi żmien xieraq.

24      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi ġuridiċi li għandhom, skont il-każ, jirriżultaw mill-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi huma ssodisfatti u li ma teżisti l-ebda raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-Artikolu 32(1) ta’ dan il-kodiċi.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-obbligu impost mill-qorti fuq il-konvenuta sabiex toħroġ viża Schengen lir-rikorrent huwa suġġett għall-kundizzjoni li, sabiex tasal għall-konvinzjoni prevista fl-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, din il-qorti għandha tikkonstata li r-rikorrent beħsiebu jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni jew inkella huwa biżżejjed li, wara l-eżami previst fl-Artikolu 32(1)(b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-qorti ma jkollhiex, minħabba ċirkustanzi partikolari, dubju raġonevoli dwar l-intenzjoni espressa tar-rikorrent li jitlaq mit-territrorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni?

2)      Il-Kodiċi dwar il-Viżi jagħti dritt, li jirriżulta minn kompetenza limitata, għall-ħruġ ta’ viża Schengen meta l-kundizzjonijiet ta’ dħul, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, ikunu sodisfatti u meta ma jkunx hemm raġuni għaċ-ċaħda tal-viża taħt l-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi?

3)      Il-Kodiċi dwar il-Viżi jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna barranija tista’ tinħarġilha, skont id-dispożizzjonijiet [tal-Kodiċi dwar il-Viżi], viża għat-tranżitu jew għas-soġġorni previsti fit-territorju tal-Istati Schengen għal tul ta’ żmien li jista’ jkun sa tliet xhur f’terminu ta’ sitt xhur li jiddekorri mill-jum tal-ewwel dħul (viża Schengen)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

26      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jirrifjutaw il-ħruġ ta’ viża uniformi lil applikant li jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dħul imsemmija fl-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi u li fir-rigward tiegħu ebda raġuni għal rifjut ta’ viża elenkati fl-Artikolu 32(1) ta’ dan il-kodiċi ma jistgħu jitressqu. Hija tistaqsi wkoll jekk dawn l-awtoritajiet jibbenefikawx minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni matul l-eżami tat-talba tal-viża uniformi.

27      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li hekk kif indikat fit-titolu, l-Artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandu l-għan li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ stima tar-riskji matul l-eżami ta’ applikazzjoni għal viża uniformi.

28      Għalhekk, l-Artikolu 21(1) jindika l-elementi li għandhom jiġu vverifikati jew li għandhom jingħataw attenzjoni partikolari qabel kwalunkwe deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal viża uniformi, mingħajr ma tistabbilixxi lista preċiża tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali viża. Il-paragrafi l-oħra tal-istess artikolu jiddettaljaw, fir-rigward tagħhom, il-metodi li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat biex twettaq il-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ stima tar-riskji, skont is-sitwazzjonijiet li jaffaċċaw.

29      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

30      Fil-fatt, dan l-artikolu jinsab taħt il-Kapitolu III tat-Titolu III ta’ dan il-kodiċi, li jirregola l-istadji varji tal-eżami ta’ applikazzjoni għal viża uniformi, u mhux fil-Kapitolu IV ta’ dan l-istess titolu, li, kif jindika l-Artikolu 23(4) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jadottaw id-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ viża uniformi jew, skont il-każ, ħruġ ta’ viża uniformi b’validità territorjali limitata.

31      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jistabbilixxi lista ta’ raġunijiet għalfejn l-applikazzjoni għal viża uniformi għandha tiġi miċħuda.

32      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, filwaqt li l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw jew jagħmlu stima ta’ ċerti elementi, l-Artikolu 32(1) ta’ dan il-kodiċi jispeċifika l-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw minn din il-verifika u minn din l-istima, fid-dawl tar-raġunijiet għal rifjut elenkati f’dan l-aħħar artikolu.

33      Konsegwentement, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, huwa xieraq li jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħux jirrifjutaw l-ħruġ ta’ viża uniformi lill-applikant li fir-rigward tiegħu l-ebda waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ viża elenkati fl-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi ma jistgħu jitressqu.

34      F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg, C‑466/07, Ġabra p. I‑803, punt 37, u tat-13 ta’ Diċembru 2012, Maatschap L. A. en D. A. B. Langestraat en P. Langestraat-Troost, C‑11/12, punt 27).

35      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ifformular tal-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għandu jiġi kkonstatat li, skont din id-dispożizzjoni, il-viża hija miċħuda fil-preżenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-istess artikolu jew fil-każ ta’ dubju raġonevoli fuq wieħed mill-elementi stabbiliti fil-paragrafu (b).

36      Madankollu, l-ifformular ta’ dan l-Artikolu 32(1), ma jippermettix, fih innifsu, li jiddetermina jekk il-lista ta’ raġunijiet għal rifjut li jistabbilixxi hija eżawrjenti, jew jekk, għall-kuntrarju, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw il-ħruġ ta’ viża uniformi billi jibbażaw fuq raġuni mhux prevista mill-Kodiċi dwar il-Viżi.

37      It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li fih tal-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għandu jingħad li l-Artikolu 23(4)(c) ta’ dan jippreċiża li deċiżjoni ta’ rifjut tal-ħruġ ta’ viża hija magħmula “skont l-Artikolu 32” ta’ dan il-kodiċi, li jimplika li d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ viża uniformi għandhom jiġu adottati fil-kuntest stabbilit minn dan l-aħħar artikolu.

38      Il-fatt li l-Artikolu 32 tal-istess kodiċi jistabbilixxi lista ta’ raġunijiet speċifiċi li fuq il-bażi tagħhom deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża hija meħuda, filwaqt li jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li r-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni għandhom ikunu kkomunikati lill-applikant permezz tal-formola standard fl-Anness VI tal-Kodiċi dwar il-Viżi, jikkostitwixxi element favur l-interpretazzjoni li tgħid li l-lista ta’ raġunijiet għal rifjut elenkati fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni hija eżawrjenti.

39      Il-formola standard prevista f’dan l-Anness VI tinkludi wkoll għaxar kaxxi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmarkaw sabiex jikkomunikaw lill-applikant għal viża r-raġunijiet tad-deċiżjoni ta’ rifjut mressqa kontrihom. L-ewwel disa’ kaxex jikkorrispondu kull wieħed għal wieħed mir-raġunijiet għal rifjut elenkati fl-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Min-naħa tagħha, l-għaxar kaxxa speċifikament tirreferi għar-raġuni għal rifjut previst fl-Artikolu 35(6) tal-Kodiċi, moqri flimkien mal-paragrafu 1(b) tal-istess artikolu, li jippreċiża li applikazzjoni għal viża magħmula mingħajr ġustifikazzjoni fil-fruntieri esterni hija miċħuda.

40      Barra minn hekk, l-Artikolu 32(5) ta’ dan il-kodiċi jobbliga lill-Istati Membri li jirreġistraw l-informazzjoni dwar il-viża miċħuda, li għandha tiddaħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), skont l-Artikolu 12 tar-Regolament VIS.

41      Jirriżulta mill-Artikolu 12(2) ta’ dan l-aħħar regolament li, mar-reġistrazzjoni fil-VIS, l-awtorità kompetenti li rrifjutat il-viża għandha żżid mal-fajl tal-applikazzjoni r-raġuni jew ir-raġunijiet għal rifjut ta’ viża mressqa fil-konfront tal-applikant. Din l-istess dispożizzjoni tistabbilixxi lista ta’ raġunijiet għar-rifjut li fosthom għandhom jiġu magħżula r-raġuni jew ir-raġunijiet għal rifjut irreġistrati fil-VIS. Din il-lista tikkorrispondi għal dik prevista fl-Artikoli 32(1) u 35(6) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, li hija riprodotta fil-formola standard fl-Anness VI tiegħu.

42      Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 34(6) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jipprovdi li d-deċiżjonijiet ta’ annullament jew ta’ tħassir għandhom ukoll jiġu kkomunikati lill-applikant permezz tal-formola standard fl-Anness VI ta’ dan il-kodiċi, jidher li l-awtorità kompetenti għandha tindika lill-applikant li l-viża tiegħu hija annullata jew irrevokata liema hija l-kundizzjoni għall-ħruġ tal-viża li ma hijiex jew ma hijiex iktar issodisfatta billi tirreferi għal waħda mir-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikoli 32(1) u 35(6) ta’ dan il-kodiċi u elenkati fl-Anness VI tiegħu.

43      Barra minn hekk, il-koinċidenza li tirriżulta mill-Artikolu 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi bejn ir-raġunijiet għal rifjut ta’ viża u dawk li jiġġustifikaw l-annullament jew it-tħassir tagħha timplika li l-ammissjoni tal-possibbiltà, għal Stat Membru, li jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha għandhom jirrifjutaw viża għal raġuni mhux mistennija f’dan il-kodiċi għandu jwassal ukoll sabiex jiġi ammess li dan l-Istat jipprovdi li dawn tal-aħħar huma mitluba li jannullaw jew iħassru l-viżi għal raġuni simili, sabiex tkun żgurata konsistenza f’sistema li fiha l-assenza ta’ kundizzjoni għall-ħruġ ta’ viża topponi l-validità tiegħu.

44      Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 34(1) u (2) ta’ dan il-kodiċi li viża tista’ tiġi annullata jew irrevokata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għajr l-Istat tal-ħruġ tal-viża.

45      Tali sistema teħtieġ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-viżi uniformi, li teskludi l-eżistenza ta’ differenzi bejn l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut ta’ tali viżi.

46      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali armonizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tagħhom tipprovdi raġunijiet għal rifjut, annullament u tħassir mhux inklużi fil-Kodiċi dwar il-Viża għandhom jannullaw viżi uniformi maħruġa minn Stat Membru ieħor fuq il-bażi ta’ raġuni li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-ħruġ ma jistgħux iressqu kontra l-applikant matul l-eżami tal-applikazzjoni għal viża.

47      L-analiżi tal-kuntest tal-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi tindika għalhekk li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw il-ħruġ ta’ viża uniformi bbażata fuq raġunijiet oħra minbarra dawk ipprovduti minn dan il-kodiċi.

48      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-għanijiet imfittxija minn dan il-kodiċi, għandu jiġi kkonstatat li jikkorrobora din l-interpretazzjoni.

49      Fil-fatt, jirriżulta mill-premessa 28 tal-Kodiċi dwar il-Viżi u tal-Artikolu 1(1) ta’ dan, li dan il-kodiċi b’mod partikolari jfittex li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-viżi uniformi, li ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u li għalhekk jista’ jintlaħaq b’mod aħjar fil-livell tal-Unjoni.

50      L-interpretazzjoni li tgħid li l-Kodiċi dwar il-Viżi huwa limitat li jirregola l-proċeduri għall-ħruġ tal-viżi u li jobbliga lill-Istati Membri li jirrifjutaw il-ħruġ ta’ viżi f’sitwazzjonijiet speċifiċi mingħajr ma jistabbilixxu kundizzjonijiet armonizzati għall-ħruġ tal-viżi, hija għalhekk inkompatibbli mal-għan stess ta’ dan il-kodiċi.

51      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Kodiċi dwar il-Viżi jirregola l-kundizzjonijiet għall-ħruġ, għall-annullament jew għat-tħassir tal-viżi uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2012, Vo, C‑83/12 PPU, punt 42).

52      Barra minn hekk, l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar effettwat b’mod leġittimu, li jirreferi għalih il-premessa 3 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, jiġu kompromessi jekk Stat Membru jista’ jiddeċiedi, fid-diskrezzjoni tiegħu, li jirrifjuta viża lil applikant li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għall-ħruġ stabbiliti mill-Kodiċi dwar il-Viżi billi jżidu raġuni għal rifjut ma’ dawk elenkati fl-Artikoli 32(1) u 35(6) ta’ dan il-kodiċi, anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kkunsidrax li tali raġuni tippermetti l-projbizzjoni taċ-ċittadini ta’ Stati terzi milli jiksbu viża uniformi.

53      Barra minn hekk, l-użu ta’ tali prattika minn Stat Membru jħajjar lill-applikanti għal viżi sabiex jindirizzaw, bħala prijorità, lil dawk l-Istati Membri l-oħra biex jiksbu viża uniformi. L-għan stabbilit fil-premessa 18 tal-Kodiċi dwar il-Viżi li tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi sabiex jevitaw “visa shopping” tipprekludi wkoll tali interpretazzjoni tal-Artikolu 32(1) ta’ dan il-kodiċi.

54      Bl-istess mod, l-għan li jiġi evitat trattament mhux ugwali tal-applikanti għal viża li huwa wkoll stabbilit fil-premessa 18, ma jistax jintlaħaq jekk il-kriterji għall-ħruġ ta’ viżi uniformi jistgħu jvarjaw skont l-Istat Membru fejn ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal viża.

55      Jirriżulta wkoll minn dawn id-diversi elementi li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jirrifjutaw applikazzjoni għal viża uniformi ħlief fil-każ fejn waħda mir-raġunijiet għal rifjut elenkati fl-Artikoli 32(1) u 35(6) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jistgħu jitressqu fil-konfront tal-applikant.

56      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali ta’ applikant għal viża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni ma tkunx kontra raġuni għal rifjut, timplika evalwazzjonijiet kumplessi bbażati partikolarment fuq il-personalità ta’ dan l-applikant, dwar l-inklużjoni tagħhom fil-pajjiż fejn huma jirrisjedu, dwar is-sitwazzjoni politika, soċjali u ekonomika ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll dwar it-theddida potenzjali li tikkostitwixxi l-wasla ta’ dan l-applikant għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà interna, għas-saħħa pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri.

57      Tali evalwazzjonijiet kumplessi jimplikaw l-elaborazzjoni ta’ previżjonijiet dwar l-imġiba mistennija ta’ dan l-applikant u b’mod partikolari għandhom jibbażaw fuq għarfien tajjeb tal-pajjiż ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll fuq l-analiżi tad-dokumenti differenti, li tagħhom għandha tiġi vverifikata l-awtentiċità u l-eżattezza tal-kontenut, u d-dikjarazzjonijiet tal-applikant, li l-affidabbiltà tiegħu għandha tiġi evalwata kif ipprovdut fl-Artikolu 21(7) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

58      F’dan ir-rigward, id-diversità ta’ dokumenti ta’ sostenn li jistgħu jinvokaw l-awtoritajiet kompetenti, inkluża lista mhux eżawrjenti fl-Anness II ta’ dan il-kodiċi, u l-varjetà ta’ metodi li dawn l-awtoritajiet għandhom, inkluż it-twettiq ta’ intervista mal-applikant taħt l-Artikolu 21(8) ta’ dan il-kodiċi, tikkonferma l-kumplessità tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal viża.

59      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-eżami mwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jirċievi applikazzjoni għal viża għandu jkun partikolarment preċiż milli permess mill-ħruġ potenzjali ta’ viża uniformi lill-applikant li jidħol fit-territorju tal-Istati Membri, fil-limiti stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

60      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (4) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jibbenefikaw, matul l-eżami tal-applikazzjonijiet għal viża, minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikoli 32(1) u 35(6) ta’ dan il-kodiċi, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-raġunijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu l-ħruġ tal-viża li għaliha saret l-applikazzjoni.

61      L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa lil dawn l-awtoritajiet jirriżulta, mill-kliem tal-Artikoli 21(1) u 32(1) ta’ dan il-kodiċi, f’dispożizzjonijiet li jobbligaw dawn l-awtoritajiet jipproċedu għal “stima tar-riskju tal-immigrazzjoni illegali” tal-applikant, f’li tingħata “attenzjoni speċjali” għal ċerti aspetti tas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar u f’li jiddeterminaw jekk hemmx “dubji raġonevoli” fuq dawn l-elementi.

62      Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti jiddisponu minn dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari meta jevalwaw jekk jeżistix dubju raġonevoli dwar l-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni, biex jiddeterminaw jekk hemmx lok ta’ oġġezzjoni għal dan l-applikant tal-aħħar waħda mir-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 32(1)(b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

63      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 23(4), 32(1), u 35(6) tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu biss jirrifjutaw, wara eżami ta’ applikazzjoni għal viża uniformi, il-ħruġ ta’ tali viża lil applikant fil-każ fejn waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ viża elenkati f’dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tiġi mressqa fil-konfront ta’ dan l-applikant. Dawn l-awtoritajiet jiddisponu, matul l-eżami ta’ din l-applikazzjoni, minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk waħda mir-raġunijiet ta’ rifjut tista’ tiġi mressqa fil-konfront tal-applikant.

 Fuq l-ewwel domanda

64      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, moqri flimkien mal-Artikolu 21(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għall-ħruġ ta’ viża uniformi huwa suġġett għall-eżistenza ta’ konvinzjoni ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni jew inkella huwa biżżejjed li ma jkunx hemm dubju raġonevoli dwar l-intenzjoni f’dan ir-rigward.

65      Jirriżulta mir-risposta għat-tieni domanda li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (4) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jistgħu biss jirrifjutaw ħruġ ta’ viża uniformi fil-każ li waħda mir-raġunijiet għal rifjut elenkati fl-Artikoli 32(1) u 35(6) ta’ dan il-kodiċi tista’ tiġi mressqa fil-konfront tal-applikant.

66      Fost dawn ir-raġunijiet għal rifjut, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn ir-raġuni bbażata fuq it-theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika ta’ wieħed mill-Istati Membri li jista’ jikkostitwixxi l-applikant, previst taħt l-Artikolu 32(1)(a)(vi) ta’ dan il-kodiċi, minn dak dwar l-eventwali assenza tal-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni, previst fl-istess paragrafu 1(b).

67      F’dak li jirrigwarda din l-aħħar raġuni ta’ rifjut ta’ viża, l-Artikolu 32(1)(b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi b’mod partikolari jipprovdi li l-viża hija rrifjutata jekk ikun hemm dubju raġonevoli fuq l-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni.

68      Għalhekk ma hemm l-ebda ħtieġa li l-awtoritajiet kompetenti, sabiex jiddeterminaw jekk ikunu meħtieġa li joħorġu viża, ikunu ċerti mill-intenzjoni tal-applikant li jitlaq jew li ma jitlaqx mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni. Madankollu, hija r-responsabbiltà tagħhom li jiddeterminaw jekk hemmx dubju raġonevoli dwar din l-intenzjoni.

69      Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu eżami individwali tal-applikazzjoni għal viża, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż ta’ residenza tal-applikant u, min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi speċifiċi għal dan tal-aħħar, b’mod partikolari s-sitwazzjoni tal-familja tiegħu, is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika, l-eżistenza eventwali ta’ xi soġġorni legali jew illegali preċedenti f’wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll ir-rabtiet tiegħu fil-pajjiż ta’ residenza u fl-Istati Membri.

70      F’dan ir-rigward, kif ippreċiżat fl-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-riskju tal-immigrazzjoni illegali li, meta sseħħ, għandha twassal lill-awtoritajiet kompetenti li jirrifjutaw il-viża bbażata fuq l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli dwar l-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li bis-saħħa tal-Artikolu 14(1)(d) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, meta l-applikant jippreżenta applikazzjoni għal viża uniformi huwa għandu jippreżenta informazzjoni li tippermetti li ssir evalwazzjoni tal-intenzjoni tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni.

72      Minn dan isegwi li huwa l-applikant għal viża li għandu jipprovdi informazzjoni, li l-kredibbiltà tagħha għandha tiġi stabbilita minn dokumenti rilevanti u affidabbli, li tista’ tneħħi d-dubji dwar l-intenzjoni tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni, li b’mod partikolari tista’ twassal sabiex toħloq, sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż tar-residenza tiegħu jew l-eżistenza ta’ flussi magħrufa ta’ migrazzjoni bejn dan il-pajjiż u l-Istati Membri.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, moqri flimkien mal-Artikolu 21(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għall-ħruġ ta’ viża uniformi huwa suġġett għall-kundizzjoni li ma jkunx hemm dubju raġonevoli dwar l-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż ta’ residenza tal-applikant u tal-karatteristiċi speċifiċi għalih, stabbiliti fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn dan tal-aħħar.

 Fuq it-tielet domanda

74      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Kodiċi dwar il-Viżi għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, meta l-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn dan il-kodiċi jkunu ssodisfatti, l-awtoritajiet kompetenti jiddisponu minn setgħa għall-ħruġ ta’ viża uniformi lill-applikant, mingħajr ma jkun ippreċiżat li huma meħtieġa joħorġu din il-viża.

75      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali li tagħti lid-dritt nazzjonali, sa fejn possibbli, interpretazzjoni skont l-eżiġenzi tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, X, C‑60/02, Ġabra p. I‑651, punt 59, kif ukoll tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punt 68).

76      Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali li huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat peress li jippermetti lill-qorti nazzjonali li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività kompleta tad-dritt tal-Unjoni meta tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha, jirrikjedi li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali fl-intier tiegħu sabiex tevalwa sa fejn dan jista’ jiġi applikat mingħajr ma jwassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe, C‑239/09, Ġabra p. I‑13083, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, hija l-qorti tar-rinviju, sa fejn possibbli, li tinterpreta d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont l-Artikoli 23(4), 32(1) u 35(6) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu biss jirrifjutaw ħruġ ta’ viża uniformi lil applikant fil-każ li waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ viża previsti f’dawn l-artikoli tista’ tiġi mressqa fil-konfront ta’ dan l-applikant.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Kodiċi dwar il-Viżi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, meta l-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn dan il-kodiċi jkunu ssodisfatti, l-awtoritajiet kompetenti jiddisponu minn setgħa għall-ħruġ ta’ viża uniformi lill-applikant, mingħajr ma jkun ippreċiżat li huma meħtieġa joħorġu din il-viża, sakemm tali dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikoli 23(4), 32(1), u 35(6) ta’ dan il-kodiċi.

 Fuq l-ispejjeż

79      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 23(4), 32(1), u 35(6) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu biss jirrifjutaw, wara eżami ta’ applikazzjoni għal viża uniformi, il-ħruġ ta’ tali viża lil applikant fil-każ fejn waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ viża elenkati f’dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tiġi mressqa fil-konfront ta’ dan l-applikant. Dawn l-awtoritajiet jiddisponu, matul l-eżami ta’ din l-applikazzjoni, minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk waħda mir-raġunijiet ta’ rifjut tista’ tiġi mressqa fil-konfront tal-applikant.

2)      L-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 810/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 21(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għall-ħruġ ta’ viża uniformi huwa suġġett għall-kundizzjoni li ma jkunx hemm dubju raġonevoli dwar l-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż ta’ residenza tal-applikant u tal-karatteristiċi speċifiċi għalih, stabbiliti fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn dan tal-aħħar.

3)      Ir-Regolament Nru 810/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, meta l-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, l-awtoritajiet kompetenti jiddisponu minn setgħa għall-ħruġ ta’ viża uniformi lill-applikant, mingħajr ma jkun ippreċiżat li huma meħtieġa joħorġu din il-viża, sakemm tali dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikoli 23(4), 32(1), u 35(6) ta’ dan ir-regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.