Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta’ April 2021 mill-Parlament Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża), fit-3 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-17/19, Il-Parlament Ewropew vs Giulia Moi

(Kawża C-246/21 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: S. Seyr, M. Windisch, T. Lazian, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Giulia Moi

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja,

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi definittivament it-tilwima mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, billi tilqa’ t-talbiet imressqa mill-Parlament Ewropew fil-proċedura fl-ewwel istanza;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż kollha tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju, li jallega li l-Qorti Ġenerali eċċediet is-setgħa tagħha u ddeċidiet ultra petita peress li inkludiet, fis-suġġett tat-tilwima, id-deċiżjoni tal-president tal-Parlament Ewropew li tikkonferma l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ fastidju u annullat lil dik id-deċiżjoni (punti 34, 37, 38 u 76 tas-sentenza appellata);

It-tieni aggravju, li jallega li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Parlament (punti 35 u 36 tas-sentenza appellata);

It-tielet aggravju, li jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 263(6) TFUE peress li injorat it-terminu stabbilit fih biex jitressaq rikors għal annullament u inkludiet fis-suġġett tat-tilwima d-deċiżjoni, li sadanittant saret res judicata, tal-President tal-Parlament Ewropew li tikkonferma l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ fastidju (punti 76 u 77 tas-sentenza appellata);

Ir-raba’ aggravju, li jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 232 TFUE peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-setgħa tal-Parlament Ewropew li jorganizza liberament il-metodi ta’ funzjonament tiegħu stess, kif stabbilit mir-regoli interni dwar il-proċedura dwar il-fastidju għall-każijiet li jinvolvu lil Membri tal-Parlament u mir-Regoli tal-Parlament, b’mod partikolari mill-Artikoli 166 u 167, li kienu japplikaw fiż-żmien meta seħħew il-fatti, fuq l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet (punti 12, 13, 63, 66, 129 u 132 tas-sentenza appellata).

____________