Language of document : ECLI:EU:T:2011:227

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Mejju 2011 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali PEPEQUILLO – Trade marks nazzjonali u Komunitarji verbali u figurattivi preċedenti PEPE u PEPE JEANS – Restitutio in integrum – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh tal-prodotti – Artikolu 78 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009]”


Fil-Kawża T-580/08,

PJ Hungary Szolgáltató kft (PJ Hungary kft), stabbilita f’Budapest (l‑Ungerija), irrappreżentata minn H. Granado Carpenter u C. Gutiérrez Martínez, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

PEPEkillo, SL, stabbilita f’Algésiras (Spanja), irrappreżentata minn J. Garrido Pastor, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-30 ta’ April u tal-24 ta’ Settembru 2008 (it-tnejn li huma mogħtija fil-Każ R 722/2007-1), li jirrigwardaw, rispettivament, l-applikazzjoni gћal restitutio in integrum ta’ PEPEkillo, SL, u l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn PJ Hungary Szolgáltató kft (PJ Hungary kft) u PEPEkillo,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Vadapalas (Relatur) u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2009,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2009,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Lulju 2009,

wara li rat li l-partijiet ma ressqux talba għall-iffissar ta’ seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-20 ta’ Novembru 2003, M. S. L. ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali PEPEQUILLO

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 18, 25 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 18: “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u valiġġi; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”;

–        klassi 35: “Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut fil-ħwienet ta’ kwalunke oġġett; servizzi ta’ assistenza fil-ġestjoni ta’ impriża kummerċjali fir-rigward ta’ franchises; servizzi ta’ promozzjoni u ta’ bejgħ permezz ta’ netwerks informatiċi; servizzi ta’ aġenziji tal-importazzjoni/esportazzjoni”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 36/2004, tas-6 ta’ Settembru 2004.

5        L-applikazzjoni ntbagħtet sussegwentement lill-intervenjenti, Pepkillo, SL.

6        Fl-1 ta’ Diċembru 2004, kumpannija terza għamlet oppożizzjoni skont l‑Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-prodotti u servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

7        L-oppożizzjoni hija bbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1627317 tat-trade mark verbali PEPE, fl-1997;

–        reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1719159 tat-trade mark figurattiva li ġejja:

Image not found

–        reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 345496 tat-trade mark verbali PEPE, fl-20 ta’ Ottubru 1998;

–        reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1290744 tat-trade mark verbali PEPE JEANS, fl-1991;

–        reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 1807379 tat-trade mark verbali PEPE JEANS, fit-3 ta’ Awwissu 2001;

–        reġistrazzjoni fi Spanja bin-numri 1905641, 1769728 u 1769576, fl-1995 u fl-1996, tat-trade marks figurattivi li ġejjin:

–        it-trade mark figurattiva kif tidher hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva kif tidher hawn taħt:

Image not found

–        reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 287029, fis-16 ta’ Lulju 1998, tat-trade mark figurattiva kif tidher hawn taħt:

Image not found

–        reġistrazzjonijiet oħra, b’mod partikolari fi Spanja, li fihom l-espressjoni “PEPE jeans” jew il-kelma “PEPE”, bħat-trade marks PEPE JEANS PORTOBELLO (numru 1789013), PEPE JEANS WEST ELEVEN (numru 2222218), PEPE JEANS Est. 73 W11 (numri 2181476 u 2181477), PEPE JEANS M2 (numru 2096733), PEPE BETTY (numru 1193156), PEPECO (numru 1652022), PEPE JEANS VINTAGE (reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 3342649), PEPE CLOTHING (numru 1293444), PEPE F4 (numru 1704783), PEPE M3 (numru 1704784), PEPE 2XL (numru 1172266), PEPE M99 (numru 1704781).

8        It-trade marks preċedenti jirreferu għall-prodotti li ġejjin:

–        għar-reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1627317, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 18 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Prodotti tal-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda; tikketti tal-ġilda, basktijiet għall-ivvjaġġar, barżakki, kaxxetti tad-dokumenti, portmonijiet, portafolli, basktijiet ċatti, umbrelel, parasoli u bsaten”.

–        għar-reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1719159, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Konfezzjonijiet ta’ kull tip”.

–        għar-reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 345496, il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 25 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il‑klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 18: “Basktijiet, basktijiet tal-idejn, barżakki, basktijiet tal-iskola, barżakki [haversacks], duffel bags, valiġġi, hold-alls, kaxxetti, valiġetti, basktijiet tal-ivvjaġġar, portmonijiet, portafolli, basktijiet ċatti, umbrelel, parasoli”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ; ċinturini; jeans; żraben u kpiepel”.

–        għar-reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1290744, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “ Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”.

–        għar-reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 1807379, il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 18 u li jikkorrispondu, b’mod partikolari, għal kull waħda minn dawn il‑klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 3: “Fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozzjonijiet għax-xagħar, xagħar artifiċjali ta’ xfar il-għajn, kolla għat-twaħħil ta’ xagħar artifiċjali ta’ xfar il-għajn”;

–        klassi 18: “Portmonijiet, barżakki, basktijiet tal-iskola, barżakki, valiġġi, basktijiet kbar, kaxxetti, valiġetti, basktijiet tal-ivvjaġġar, portmonijiet, kartieri tad-dokumenti (tal-ġilda), umbrelel, parasoli”.

–        għar-reġistrazzjonijiet fi Spanja bin-numri 1905641, 1769728 u 1769576, il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3, 18 u 25 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 3: “Fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozzjonijiet għax-xagħar, xagħar artifiċjali ta’ xfar il-għajn, kolla għat-twaħħil ta’ xagħar artifiċjali ta’ xfar il-għajn”

–        klassi 18: “Prodotti tal-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, tikketti tal-ġilda, basktijiet tal-idejn, valiġġi, oġġetti tal-ivvjaġġar, parasoli, bsaten, basktijiet tal-iskola u barżakki, kollha tal-ġilda”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi u kpiepel”.

–        għar-reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 287029, il-prodotti li jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 18 u 25 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 18: “Basktijiet, basktijiet tal-idejn, barżakki, basktijiet tal-iskola, barżakki [haversacks], duffel bags, barżakki, valiġġi, hold-alls, kaxxetti, valiġetti, basktijiet tal-ivvjaġġar, portmonijiet, portafolli tal-but, basktijiet ċatti, umbrelel, parasoli”

–        klassi 25: “Artikoli ta’ ħwejjeġ; ċinturini; jeans; żraben u kpiepel”.

–        għar-reġistrazzjonijiet fi Spanja bin-numri 2181476, 2181477 u 1704783, il‑prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 25 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 18: “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u valiġġi; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi), kpiepel”.

–        għar-reġistrazzjonijiet fi Spanja bin-numri 1704781, 1704784 u 2222218, il‑prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ, żraben (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi), kpiepel”.

–        għar-reġistrazzjonijiet fi Spanja bin-numri 1172266, 1193156, 1293444 u 1652022, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ, żraben, kpiepel”.

–        għar-reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1789013, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ, żraben tal-isport (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi), kpiepel”.

–        għar-reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 2096733, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ prêt-à-porter, ċinturini (tal-ilbies); jeans; żraben u kpiepel”.

–        għar-reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 3342649, il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 25 u li jikkorrispondu, b’mod partikolari, għal kull waħda minn dawn il‑klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 18: “Artikoli tal-ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal, mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u valiġġi; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ; basktijiet, portmonijiet, barżakki, portafolli, wallets, hold-alls, kaxxetti inklużi fil-klassi 18, serviettes,  basktijiet tal-ivvjaġġar, portafolli (tal-but)”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, ħwejjeġ prêt-à-porter, ċinturini, jeans, żraben u kpiepel”.

9        Dawn ir-reġistrazzjonijiet intbagħtu sussegwentement lir-rikorrenti, PJ Hungary Szolgáltató kft (PJ Hungary kft).

10      Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009].

11      Fid-9 ta’ Marzu 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħat l-oppożizzjoni għall-prodotti u s-servizzi kollha li kontrihom din kienet saret u rrifjutat li tirreġistra t‑trade mark li għaliha saret applikazzjoni, billi qieset li, fl-użu tal-imsemmija trade mark, l-intervenjenti kienet ser tapprofitta mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti PEPE u PEPE JEANS.

12      Fl-10 ta’ Mejju 2007, l-intervenjenti appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

13      L-intervenjenti ressqet ir-raġunijiet tal-appell tagħha quddiem l-UASI fit-13 ta’ Lulju 2007, jiġifieri ġurnata wara d-data ta’ skadenza tat-12 ta’ Lulju 2007 għall-preżentata ta’ dawn ir-raġunijiet. Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tad-19 ta’ Lulju 2007, l-UASI informa lill-intervenjenti li r-raġunijiet tal-appell tagħha kienu waslu wara d-data ta’ skadenza u li l-appell seta’ jiġi miċħud bħala inammissibbli.

14      L-intervenjenti ppreżentat għalhekk quddiem l-UASI applikazzjoni gћal restitutio in integrum, fit-12 ta’ Settembru 2007, skont l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 207/2009), li tesponi li hija aġixxiet b’attenzjoni u li d-dewmien fil-preżentata tar-raġunijiet ma setax jiġi imputat lilha, sa fejn dan kien ir-responsabbiltà tal-impriża ta’ kunsinna.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-applikazzjoni għal restitutio in integrum tal-intervenjent u, konsegwentement, iddeċieda li “ir‑raġunijiet tal-appell għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ġew ippreżentati fit-terminu stabbilit mir-Regolament Nru 40/94”.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni fuq il-mertu”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell ippreżentat mill-intervenjenti, u b’deċiżjoni annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni tar-rikorrenti. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li, minn naħa, ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u li, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament ma kinux japplikaw għal dan il-każ, billi t-trade marks kunfliġġenti ma kinux simili.

17      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod partikolari li t-trade marks kienu differenti fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali, li ma ntweriex li s-sinjali preċedenti jifformaw familja ta’ trade marks (u mhux biss familja “ta’ reġistrazzjoni”) u fl-aħħar nett, li l-argument dwar il-fama u l-karattru partikolarment distintiv tas-sinjali preċedenti ma jistax jiġi aċċettat f’dan il-każ.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum;

–        tannulla d-deċiżjoni fuq il-mertu;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll dawk tal-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI.

19      L-UASI u l-intervenjenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq id-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

21      Fl-anness mar-rikors, ir-rikorrenti pproduċiet kopja ta’ artiklu, ippubblikat fit-22 ta’ April 2008 f’ġurnal ta’ kuljum Spanjol, li jittratta l-iktar għaxar kelmiet użati fil-lingwaġġ kurrenti Spanjol, u li b’mod partikolari jirreferi għall-kelma “quillo”, bħala taqsira tal-kelma “chiquillo”.

22      Dawn id-dokumenti, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009), b’mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali mhijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu skartati mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR U FELICIE), T-346/04, Ġabra p. II-4891, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq l-ewwel kap tat-talbiet

23      Insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet li bihom qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti ma aġixxietx bl-attenzjoni dovuta skont l‑Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 u li, għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma kellux raġun jilqa’ t-talba tagħha għal restitutio in integrum.

25      Skont ir-rikorrenti, l-intervenjenti, fl-ewwel lok, użat kemm setgħet iż-żmien li kellha sabiex tippreżenta r-rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI, fit-tieni lok, hija la semmiet u lanqas tat lill-impriża ta’ kunsinna l-informazzjoni kollha tad-destinatarja, fit-tielet lok, hija ma segwietx il‑kunsinna tagħha u, fir-raba’ lok, hija ma ppreżentatx in-nota li tispjega r‑raġunijiet tal-appell bil-faks minkejja d-dewmien li bih hija bagħtitha.

26      B’hekk, kif irrikonoxxa l-UASI fir-risposta tiegħu, l-intervenjenti wriet attenzjoni minima filwaqt li l-Artikolu 78(1) tar-regolament Nru 40/94 jeżiġi li tkun ingħatat l-attenzjoni kollha neċessarja mill-persuna li tkun qed titlob ir-restitutio in integrum.

27      Ir-rikorrenti żżid li, jekk l-UASI u l-intervenjenti kienu qed jinvokaw żball tal-impriża ta’ kunsinna sabiex jispjegaw il-preżentata tardiva tar-raġunijiet tal-appell, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni minn dan li obbligu ta’ viġilanza jaqa’ fuq ir-rappreżentant tal-intervenjenti, li kellha, għaldaqstant, tibgħat ir-raġunijiet tal-appell bil-faks u li kellha timla aħjar l-avviż tan-notifika tan-nota li tispjega r‑raġunijiet tal-appell li ġiet trażmessa lis-servizz ta’ kunsinna.

28      Fl-aħħar nett, ir-rappreżentant tal-intervenjenti kellu jivverifika l-iktar affarijiet elementari dwar il-preċiżjoni tal-informazzjoni li tidher fl-avviż tan-notifika tan-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell li ġie trażmess lis-servizz ta’ kunsinna, b’mod partikolari minħabba li kellu l-obbligu li jagħti l-indirizz u l-istruzzjonijiet it-tajba lis-servizz ta’ kunsinna.

29      L-UASI jsostni li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni dwar restitutio in integrum għandha tiġi ddikarata inammissibbli jew, f’kull każ, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

30      L-intervenjenti tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

31      Ir-rikors għal restitutio in integrum huwa rregolat mill-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94, li jimponi bħala waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti tar-restitutio in integrum il-fatt li min jitlobha jkun “[wera l-attenzjoni meħtieġa] miċ-ċirkustanzi”.

32      Għandu għaldaqstant jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-intervenjenti effettivament werietx l-attenzjoni kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi biex tosserva t‑terminu li ngħata lilha sabiex tippreżenta l-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, it-terminu mogħti lill-intervenjenti għall-preżentata tar-raġunijiet tal-appell kien prattikament wasal fi tmiemu, peress li hija użat l-impriża ta’ kunsinna lejliet il-ġurnata tal-iskadenza tat-terminu u li, min-naħa l-oħra, is-sedi tal-UASI, tal-intervenjenti u tal-konsulent tagħha jinsabu f’ibliet differenti, rispettivament f’Alicante (Spanja), f’Algésiras (Spanja), Cadice (Spanja) u f’Madrid (Spanja).

34      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument imressaq mir-rikorrenti li jgħid li l‑intervenjenti użat kemm setgħet it-terminu għall-preżentata tal-appell, dan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn it-termini jiġu stabbiliti, bħala regola, sabiex jiġu użati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2006, Il-Ġreċja vs Il-Kummissjoni, T-251/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 53).

35      Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-nuqqas allegat ta’ indikazzjoni tal-koordinati tal-UASI fl-avviż tan-notifika tan-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell li ġiet trażmessa lis-servizz ta’ kunsinna, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fid-dawl tal-provi prodotti quddiemu mill-intervenjenti (ara l‑punt 25 tad-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum), l-imsemmi avviż ma mteliex mill-intervenjenti, imma mill-impriża ta’ kunsinna.

36      Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-UASI li għaliha tirreferi r-rikorrenti fil-punt 9 tar-replika, jiġifieri d-deċiżjoni tar-raba’ Bord tal-Appell tas-6 ta’ April 2005 dwar il‑Każ R 636/2003-4, SimpleTech, Inc., hija ma hijiex rilevanti għal dan il-każ, għaliex f’dan il-każ, ir-rappreżentant tar-rikorrenti kien ta l-koordinati antiki tal-UASI. Issa, ma hemm xejn minn dan kollu f’din il-kawża u huwa bir-raġun li, fil-punt 25 tad-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum, il-Bord tal-Appell iddeċieda li “huwa t-trasportatur (u mhux min bagħat) li mela l-avviż tan-notifika, b’tali mod li ma jista’ jiġi imputat l-ebda żball lill-[intervenjenti]”.

37      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas mill-intervenjenti li ssegwi t-trażmissjoni tagħha, hemm lok li jiġi rrilevat, kif ġustament għamel il-Bord tal-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum, li l-intervenjenti għażlet il-“metodu ta’ notifika xieraq”, sa fejn is‑servizz li hija użat, jiġifieri n-notifika SEUR 10, żguralha t-trażmissjoni tan-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell sal-għada fl-10 ta’ filgħodu.

38      Fi kliem ieħor, l-intervenjenti għażlet notifika li kienet tiżguralha li n-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell kienet ser tasal fil-ħin. Jidher għaldaqstant leġittimu li l-intervenjenti ma segwietx il-progress tat-trażmissjoni tagħha, peress li, kif osservat ir-rikorrenti fil-punt 5 tar-rikors, ir-rappreżentant tagħha kien normalment jinqeda b’din l-impriża ta’ kunsinna. Ir-rappreżentant tal-intervenjenti kellu għaldaqstant fiduċja suffiċjenti fl-impriża ta’ kunsinna sabiex ma jivverifikax jekk in-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell tasalx fil-ħin.

39      Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ trażmissjoni bil-faks tan-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell, biżżejjed jingħad li din it-trażmissjoni ma hijiex obbligatorja.

40      Fl-aħħar nett, anki jekk, fil-punt 20 tar-risposta tiegħu, l-UASI jindika li “[l‑intervenjenti] [w]riet, fil-kuntest ta’ dan il-każ, l-attenzjoni minima meħtieġa miċ-ċirkustanzi”, hemm kull lok li wieħed jaħseb li dan kien żball tal-pinna, għaliex mhux biss l-UASI jindika, fil-punt 21 tal-imsemmija risposta, li l‑intervenjenti wriet kull diliġenza dovuta, imma wkoll, li hija l-pożizzjoni adottata mill-Bord tal-Appell sabiex jagħti r-restitutio in integrum (ara, f’dan is-sens, il-punt 15 tad-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum).

41      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-motiv uniku bbażat fuq ksur tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 huwa infondat u għandu jitwarrab. Hemm għaldaqstant lok li jiġi miċħud l-ewwel kap tat-talbiet, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq it-tieni kap tat-talbiet

42      Insostenn tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, li bih hija qed titlob l-annullament tad-deċiżjoni fuq il-mertu, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

–       L-argumenti tal-partijiet

43      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni fuq il-mertu, il-Bord tal-Appell kiser, permezz ta’ interpretazzjoni żbaljata, l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi qies li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni PEPEQUILLO u l-familja ta’ trade marks preċedenti PEPE li tagħha hija l-proprjetarja.

44      L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li d-deċiżjoni fuq il-mertu applikat korrettament l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn it-trade marks preċedenti u t‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jixxibhux u li, minħabba f’hekk, ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni fis-suq.

Fuq it-tqabbil tas-sinjali

45      Ir-rikorrenti ssostni li fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-tqabbil viżiv tas-sinjali inkwistjoni, dan kellu jitwettaq bejn, minn naħa, il-familja ta’ trade marks preċedenti PEPE u, min-naħa l-oħra, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PEPEQUILLO.

46      Dan it-tqabbil kien jippermetti li jiġi kkonstatat li l-kelma “PEPE” hija inkluża kollha kemm hi fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li tagħha hija tokkupa l-“parti dominanti”, jiġifieri l-bidu tal-imsemmija trade mark. Minn dan, iż-żewġ sinjali jixxiebhu, peress li l-kelma “PEPE” tiddomina waħedha l‑immaġini li l-pubbliku rilevanti jista’ jżomm fil-memorja tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PEPEQUILLO.

47      Barra minn hekk, kontra dak li afferma l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni fuq il‑mertu, il-kelma “PEPE”, minkejja li hija laqam użat ħafna fi Spanja, għandha karattru distintiv għoli, u dan għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, din il-kelma ma hijiex milquta minn raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni, bħal dak li jirriżulta minn karattru ġeneriku jew deskrittiv tat-trade mark, u, min-naħa l-oħra, ir-reputazzjoni tat-trade mark PEPE tagħti lil din il-kelma karattru distintiv għoli.

48      Il-grad ta’ xebh viżiv bejn is-sinjali inkwistjoni huwa għaldaqstant ta’ 50 %, peress li t-trade mark PEPEQUILLO tieħu l-kelma “PEPE” kollha kemm hi.

49      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, it-tqabbil kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, għandha ssir distinzjoni skont is-suq li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. B’hekk, fir-rigward tal-pubbliku rrappreżentat mill-konsumatur Komunitarju medju, bl-eċċezzjoni tal-konsumatur medju Spanjol, ma huwiex neċessarju li jsir dan it-tqabbil, peress li l-kelmiet “PEPE” u “quillo” ma għandhom l-ebda sinjifikat għalih. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-pubbliku rrappreżentat mill-konsumatur medju Spanjol, dawn is-sinjali huma kunċettwalment identiċi fir-rigward tal-kelma “PEPE”. Fir-rigward tal-kelma “quillo”, din hija taqsira familjari u ta’ affett tal-kelma Spanjola “chiquillo”, li tfisser minuri jew tifel żgħir li hija użata ħafna fi Spanja.

50      Għaldaqstant, u peress li huwa magħruf li, fi Spanja, il-kelma “quillo” hija taqsira ta’ “chiquillo”, il-konsumatur medju Spanjol jipperċepixxi t-trade mark PEPEQUILLO bħala li tfisser “PEPE ż-żgħiru”, “PEPE ż-żgħir” jew “PEPE t‑tifel”.

51      Konsegwentement, is-sinjali inkwistjoni għandhom grad ta’ xebh għoli mil-lat viżiv, fonetiku u kunċettwali, u grad ta’ xebh medju mil-lat grafiku.

52      L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li, kontra dak li tafferma r-rikorrenti, is-sinjali inkwistjoni ma jixxibhux.

53      Billi tafferma li l-kelma “PEPE” hija l-element dominanti tas-sinjal PEPEQUILLO, ir-rikorrenti qed taqsam arbitrarjament l-imsemmi sinjal f’żewġ partijiet, jiġifieri l-element “PEPE”, minn naħa, u l-element “quillo”, min-naħa l‑oħra, u b’hekk issostni li l-imsemmi sinjal isir derivazzjoni tal-isem PEPE. Madankollu, l-ebda raġuni bbażata fuq argumenti loġiċi jew lingwistiċi ma tippermetti li wieħed jikkonkludi li l-konsumaturi jidentifikaw naturalment il‑kelmiet “PEPE” u “quillo” fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u mhux, pereżempju, il-kelmiet “pe” u “pequillo”.

54      Barra minn hekk, skont l-UASI, jekk tqabbil tas-sinjali inkwistjoni fuq livell viżiv jippermetti li wieħed jikkonkludi li jeżisti ċertu xebh mill-fatt li s-sinjal PEPE jinsab “inkluż kompletament” fil-parti inizjali tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, hemm lok li wieħed iqis, fir-rigward ta’ sinjali relattivament qosra, li l-elementi ċentrali huma importanti daqs l-elementi tal-bidu u tal-aħħar tal-imsemmija sinjali.

55      L-intervenjenti tqis, fir-rigward tagħha, li l-istruttura tas-sinjali inkwistjoni hija inkontestabbilment differenti, għaliex jekk is-sinjal PEPEQUILLO huwa kompost minn erba’ sillabi, is-sinjali preċedenti huma komposti minn mhux iktar minn tliet sillabi.

56      Barra minn hekk, minkejja li hija setgħet tirrikonoxxi r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti PEPE, l-intervenjenti ssostni li din ma tikkontradixxix il-fatt li l‑kelma “PEPE”, almenu fi Spanja, għandha karattru distintiv dgħajjef ab initio, għaliex hija d-diminuttiv tal-isem José.

57      Issa, ir-reputazzjoni tal-kelma “PEPE” għal ħwejjeġ tal-jeans ma toħloqx awtomatikament ix-xebh tas-sinjali kollha inkwistjoni, kemm jekk ikunu sempliċi jew kumplessi, li jkollhom din il-kelma, anki jekk jidhru fil-parti inizjali tagħhom.

58      Barra minn hekk, fir-rigward tat-tqabbil tas-sinjali inkwistjoni fuq livell kunċettwali, għandha ssir distinzjoni bejn il-konsumatur medju Komunitarju, li għalih dan it-tqabbil ma huwiex rilevanti, u l-konsumatur medju Spanjol. F’dan l‑aħħar każ, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti ma hijiex ġustifikata li taqsam is-sinjal PEPEQUILLO. Fil-fatt, dan huwa sinjal sempliċi, mingħajr sinjifikat partikolari, li s-Sur M.S.L. kien ħoloq u vvinta.

59      Fit-tieni lok, anki jekk kien possibbli li jiġi rrikonoxxut li l-kelma “quillo” hija t‑taqsira tal-kelma “chiquillo” u jekk, effettivament, il-kelmiet “PEPE” u “quillo”, meħuda separatament, setgħu jkollhom is-sinjifikat tagħhom, ma jistax madankollu jiġi konkluż li huma neċessarjament kellhom sinjifikat ladarba ngħaqdu.

60      Fl-aħħar nett, mil-lat fonetiku, l-aċċent toniku ma jirrigwardax l-istess sillabi, peress jinsab fl-ewwel sillaba fil-każ tas-sinjal PEPE u fit-tielet sillaba fil-każ tas-sinjal PEPEQUILLO.

Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

61      Ir-rikorrenti ssostni li, fil-punt 24 tad-deċiżjoni fuq il-mertu, il-Bord tal-Appell wettaq żball serju meta qies li l-familja ta’ trade marks PEPE kienet biss familja ta’ reġistrazzjoni peress li l-użu tagħhom fis-suq ma kienx ġie pprovat.

62      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li diversi dokumenti li hija pproduċiet quddiem l-UASI matul il-fażi ta’ oppożizzjoni, bħall-attestazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ uffiċjali l-iktar importanti ta’ Spanja, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji kif ukoll il-publikazzjonijiet li dehru fl-istampa, juru mhux biss ir-reputazzjoni, imma wkoll l-intensità tal-użu tal-familja ta’ trade marks PEPE.

63      Barra minn hekk, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni stess irrikonoxxiet, fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2007 (paġni 9 u 10), li l-prova tal-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks fi Spanja kienet ġiet prodotta.

64      Minn dan, kien hemm riskju manifest li l-konsumatur medju seta’ jaħseb li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PEPEQUILLO hija trade mark derivata ta’ trade mark prinċipali PEPE u li hija l-isem ta’ firxa speċifika li kienet “parti mill-familja ta’ trade marks PEPE”.

65      Konsegwentement, meta injora l-karattru distintiv għoli tat-trade mark PEPE, il‑Bord tal-Appell wettaq żball, liema żball huwa ikbar peress li r-reputazzjoni tat-trade mark PEPE kienet ġiet irrikonoxxuta mill-intervenjenti u mill-UASI, u b’hekk naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu kif previst mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009).

66      L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fid-dawl tar-reputazzjoni tal-familja ta’ trade marks preċedenti, ikun suffiċjenti li jingħad li l-eżistenza ta’ din il-familja ta’ trade marks, barra mir-reġistrazzjoni, ma ġietx ipprovata mir-rikorrenti. Peress li t-trade marks kollha preċedenti ma jintużawx fis-suq, ma huwiex possibbli li l-konsumaturi medji Ewropej jaħsbu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PEPEQUILLO tkun parti mill-familja ta’ trade marks PEPE.

67      Barra minn hekk, l-allegata fama fi Spanja tas-sinjal PEPE, jew ukoll tal-familja ta’ trade marks PEPE, hija wisq insuffiċjenti sabiex il-konsumaturi medji Spanjoli jkunu jistgħu jassoċjaw is-sinjali inkwistjoni, u dan sa fejn, fid-dawl ta’ dak li ntqal, jidher ftit probabbli li l-imsemmija konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw, b’mod artifiċjali, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, element analogu għad-“dritt preċedenti li fil-konfront tiegħu l-vis atractiva tar-reputazzjoni setgħet tiġi eżerċitata”.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

68      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn din it‑trade mark u t-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minn dawn iż-żewġ trade marks, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009], trade mark preċedenti għandha tfisser trade mark li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fi Stat Membru, li tagħha d-data tal-preżentata tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

69      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-riskju li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi li għandhom konnessjoni ekonomika, jikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurispudenza ċċitata].

70      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi jew identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità tal-prodotti jew tas-servizzi indikati minnhom. Dan jirrigwarda kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T-316/07, Ġabra p. II-43, punt 42, u l-ġursprudenza ċċitata].

71      Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, hemm lok li jitqies, kif intqal mill-partijiet fil-kawża, li dan huwa kompost mill-konsumatur medju Komunitarju, inkluż il‑konsumatur medju Spanjol, sa fejn il-prodotti f’dan il-każ huma prodotti ta’ konsum ġenerali [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 41]. Il‑konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

72      Fir-rigward tat-tqabbil tal-prodotti inkwistjoni, il-partijiet fil-kawża ma jikkontestawx il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tidher fil-punt 15 tad-deċiżjoni fuq il-mertu, li tgħid li l-imsemmija prodotti huma identiċi jew jixxiebhu.

Fuq it-tqabbil tas-sinjali

73      Hemm lok li jitfakkar li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali ta’ din il-probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju jipperċepixxi normalment trade mark fit-totalità tagħha u ma jeżaminax id-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Xorta waħda, fil-perċezzjoni ta’ sinjal verbali, huwa jaqsam dan f’elementi verbali li, għalih, jissuġġerixxu tifsira konkreta jew li tixbaħ kliem li huwa jaf [ara s‑sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Krafft (VITAKRAFT),T-356/02, Ġabra p. II-3445, punt 51, u tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra p. II-449, punt 57].

75      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda t-tqabbil ta’ sinjali fuq livell viżiv, għandu jitfakkar li ma hemm xejn li jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ toħloq impressjoni viżiva [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2005, Chum vs UASI – Star TV (STAR TV), T-359/02, Ġabra p. II-1515, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata].

76      F’dan il-każ, fil-punt 20 tad-deċiżjoni fuq il-mertu, il-Bord tal-Appell jindika li “t‑trade mark PEPEQUILLO tiddistingwi ruħha [mit-trade mark preċedenti PEPE] kemm fuq livell viżiv kif ukoll fuq livell fonetiku, għaliex hija ħafna itwal u l‑aċċent toniku jaqa’ fuq it-[tielet] sillaba”.

77      Hemm lok li jiġi rrilevat li l-kelma “PEPE” tidher fil-bidu tas-sinjal PEPEQUILLO. Barra minn hekk, għalkemm is-sinjal PEPEQUILLO jiddistingwi ruħu mis-sinjal preċedenti PEPE minħabba l-aħħar żewġ sillabi tiegħu, li huma itwal mill-ewwel żewġ sillabi, u mis-sinjali preċedenti kollha minħabba li huwa jikkostitwixxi kelma waħda relattivament twila, filwaqt li s-sinjali preċedenti l‑oħra huma ġeneralment komposti minn kelma qasira, bħas-sinjal PEPE, jew minn żewġ kelmiet, bħas-sinjal PEPE JEANS, għandu madankollu jiġi rrilevat li dan ma huwiex determinanti sabiex jitneħħa kull xebh viżiv, għaliex skont ġurisprudenza stabbilita, il-konsumatur ġeneralment jagħti iktar attenzjoni lill-bidu ta’ trade mark milli lit-tmiem tagħha [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Settembru 2006, Meric vs UASI – Arbora & Ausonia (PAM-PIM’S BABY-PROP), T-133/05, Ġabra p. II-2737, punt 51, u tal-25 ta’ Marzu 2009, L’Oréal vs UASI – Spa Monopole (SPA THERAPY), T-109/07, Ġabra p. II-675, punt 30]. Barra minn hekk, fost is-sinjali preċedenti, is-sinjal preċedenti PEPECO huwa kompost mill-kelma “PEPE” li miegħu tqiegħed is-suffiss “co”, li jagħtiha struttura li tixxiebah ma’ dik tas-sinjal PEPEQUILLO. Għalhekk, hemm lok li jitqies li l-impressjoni viżiva mogħtija mit-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni hija analoga għal dik mogħtija mit-trade marks preċedenti.

78      Għaldaqstant, fuq livell viżiv, għandu jiġi rrikonoxxut grad medju ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni.

79      F’dak li jirrigwarda t-tqabbil tas-sinjali inkwistjoni fuq livell fonetiku, hemm lok li jitfakkar li l-fatt li n-numru ta’ sillabi huwa differenti ma huwiex bizzejjed biex tiġi skartata l-eżistenza ta’ xebh fonetiku bejn is-sinjali [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2010, Farmeco vs UASI – Allergan (BOTUMAX), T‑131/09, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Issa, f’dan il-każ, l-ewwel żewġ sillabi tas-sinjali inkwistjoni huma identiċi u jiġu ppronunċjati bl-istess mod. Ċertament, l-aċċent toniku jaqa’ fuq it‑tielet sillaba fis-sinjal PEPEQUILLO u fuq l-ewwel fis-sinjali preċedenti, imma dan ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi skartat kull xebh fonetiku.

80      Minn dan, hemm lok li jitqies li jeżisti almenu grad dgħajjef ta’ xebh bejn is‑sinjali inkwistjoni mil-lat fonetiku.

81      F’dak li jirrigwarda t-tqabbil tas-sinjali inkwistjoni fuq livell kunċettwali, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-pubbliku medju Komunitarju, bl-eċċezzjoni tal-konsumatur medju Spanjol, parti tal-pubbliku rilevanti li għalih dan it-tqabbil ma huwiex rilevanti sa fejn il-kelmiet “PEPE” u “quillo” ma għandhom l-ebda sinjifikat, u, min-naħa l-oħra, il-konsumatur medju Spanjol, li għalih huma jistgħu jkollhom sinjifikat.

82      Minkejja li s-sinjal PEPEQUILLO huwa, fih innifsu, bla sinjifikat, għaliex ma huwiex isem kurrenti, huwa possibbli li l-konsumatur medju Spanjol jaqsamhom f’żewġ kelmiet li jagħtu għalih sinjifikat, jiġifieri l-kelmiet “PEPE” u “quillo”, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, dawn iż‑żewġ kelmiet, meħuda separatament, għandhom sinjifikat preċiż għall-konsumaturi Spanjoli : il-kelma “PEPE” hija d-diminuttiv tal-isem José u l-kelma “quillo” hija t-taqsira familjari tal-kelma “chiquillo”. Għalhekk, anki jekk, kif jindika l-Bord tal-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjoni fuq il-mertu, id-diminuttivi kurrenti ta’ “PEPE” huma l-kelmiet “pepito” u “pepillo”, ma jistax jiġi eskluż li l‑konsumatur medju Spanjol jista’ jaħseb li s-sinjal PEPEQUILLO jfisser “PEPE ż-żgħiru”.

83      Għalhekk għandu jiġi konkluż li s-sinjali inkwistjoni ma jixxibhux fuq livell kunċettwali. Isegwi li l-konsumatur medju Spanjol jitwassal jaħseb li sar logħob bil-kliem sabiex issir it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mid-diminuttiv PEPE, bħalma huwa l-każ tat-trade marks preċedenti. Għalhekk, hemm lok li jitqies li s-sinjali inkwistjoni jixxiebhu fuq livell kunċettwali.

84      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li s-sinjali inkwistjoni għandhom xebh fuq il-livelli viżivi, fonetiċi u kunċettwali.

Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

85      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, ix‑xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, livell żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 17, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’rigal et), T-81/03, T-82/03 u T-103/03, Ġabra p. II-5409, punt 74].

86      Il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat suffiċjentement skont il‑liġi l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks preċedenti tagħha u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PEPEQUILLO. Fil-fatt, fl-ewwel lok, ma kinitx teżisti familja ta’ trade marks PEPE jew PEPE JEANS fis-suq u, f’kull każ, it-trade mark PEPEQUILLO ma kellhiex l-istess struttura tat-trade marks preċedenti. Fit-tieni lok, ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti ma timplikax li kull trade mark li għandha l-kelma “PEPE” ser twassal għal konfużjoni fis-suq u, barra minn hekk, għandu jintqal li l-imsemmija kelma tkun l-element dominanti tat-trade mark PEPEQUILLO, li ma huwiex hekk f’dan il-każ.

87      Kif jirriżulta mis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94 (li sar it-tmien premessa tar-Regolament Nru 207/2009), l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tiddependi minn numru ta’ fatturi, u b’mod partikolari mill-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade mark fis-suq inkwistjoni. Hekk kif il-probabbiltà ta' konfużjoni hija ikbar meta l-karattru distintiv ta’ trade mark ikun importanti, it‑trade marks li għandhom karattru distintiv qawwi, kemm intrinsikament kif ukoll minħabba l-għarfien li għandu l-pubbliku, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar dgħajjef (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 24 ; Canon, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 18, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 20).

88      L-eżistenza ta’ karattru iktar distintiv minn dak normali, minħabba l-għarfien li l‑pubbliku għandu ta’ trade mark fis-suq, tippresupponi neċessarjament li din it‑trade mark tkun magħrufa għall-inqas mill-parti l-kbira tal-pubbliku kkonċernat, mingħajr ma huwa neċessarju li jkollha reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Ma jistax jiġi stabbilit b’mod ġenerali, pereżempju billi wieħed jirrikorri għal perċentwali speċifiċi dwar il-livell ta’ għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade mark f’postijiet ikkonċernati, li trade mark għandha karattru distintiv qawwi minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu tagħha. Madankollu, wieħed għandu jirrikonoxxi ċerta interdipendenza bejn l-għarfien li l-pubbliku għandu ta’ trade mark u l-karattru distintiv tagħha fis-sens li, iktar ma t-trade mark tkun magħrufa mill-pubbliku kkonċernat, iktar il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark ikun qawwi. Sabiex jiġi eżaminat jekk trade mark għandhiex karattru distintiv qawwi minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti inkwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq miżmum mit-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tagħha, l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjon tal-pubbliku kkonċernat li bis-saħħa tat-trade mark jidentifikaw il-prodotti jew servizzi bħala li jkunu ġejjin minn impriża speċifika, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet oħra professjonali [ara s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T-277/04, Ġabra p. II‑2211, punti 34 u 35, u l-ġurisprudenza ċċitata].

89      F’dan il-każ, bħala anness mar-rikors, ir-rikorrenti pproduċiet tabella li tindika l‑investimenti ta’ reklamar magħmula fi Spanja kif ukoll tabella li tindika l-bejgħ fi Spanja, it-tnejn bis-sinjal PEPE JEANS LONDON, sabiex tiġi pprovata r‑reputazzjoni tat-trade mark tagħha.

90      Barra minn hekk, bħala anness mar-rikors, ir-rikorrenti pproduċiet ukoll varji dokumenti li juru r-reputazzjoni tat-trade marks PEPE u PEPE JEANS, li f’isimhom wieħed isib attestazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ Spanjoli kif ukoll ta’ deċiżjonijiet ta’qrati Spanjoli.

91      Minn dan, it-trade mark PEPE tgawdi minn ċerta reputazzjoni, almenu għall-parti Spanjola tal-pubbliku kkonċernat, u setgħet b’hekk tikseb karattru distintiv għoli. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, jekk it-trade mark preċedenti ma jkollhiex karattru distintiv bil-kwalitajiet intrinsiċi tagħha, hija tkun tista’ tiksbu permezz tar-reputazzjoni tagħha [ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Novembru 2003, Diaz vs UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T-85/02, Ġabra p. II-4835, punti 43 u 44, u tal-15 ta’ Settembru 2009, Royal Appliance International vs UASI – BSH Bosch und Siemens Hausgeräte (Centrixx), T-446/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 58]. Issa, f’dan il-każ, jekk huwa veru li l-kelma “PEPE” hija relattivament kurrenti fi Spanja u ma għandhiex fiha nnifisha karattru distintiv importanti, ir-reputazzjoni tat-trade mark, min-naħa l-oħra, ippermettilha tikseb karattru distintiv għoli. Barra minn hekk, ir-reputazzjoni tat-trade mark PEPE ġiet irrikonoxxuta espliċitament mill-intervenjenti fir-risposta tagħha u ġiet irrikonoxxuta mill-UASI f’numru ta’ deċiżjonijiet ippreżentati bħala annessi mar-rikors.

92      Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha kienet tali li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is‑sinjali inkwistjoni, għandu madankollu jitfakkar li, jekk ir-reputazzjoni ta’ trade mark tikkostitwixxi element li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, hija ma tippermettix, waħedha, li tiġi stabbilita din il-probabbiltà. Hija tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ix-xebh bejn is-sinjali jew bejn il-prodotti u servizzi huwiex suffiċjenti sabiex tinħoloq probabbiltà ta’ konfużjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2006, Torres vs UASI – Bodegas Muga (Torre Muga), T-247/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 72, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, Torres vs UASI – Bodegas Peñalba López (Torre Albéniz), T-287/06, Ġabra p. II-3817, punt 75].

93      Issa, f’dan il-każ, ġie stabbilit fil-punti 72 u 84 li s-sinjali inkwistjoni kienu jixxiebhu u jikkonċernaw prodotti identiċi jew li jixxiebhu. Minn dan, teżisti sewwa probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti ma jagħmel xejn ħlief isaħħaħ.

94      Fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni marbuta mal-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks PEPE, għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, imposti mill‑ġurisprudenza, sabiex tiġi stabbilita. L-ewwel nett, il-proprjetarju ta’ serje ta’ reġistrazzjonijiet preċedenti għandu jagħti l-prova tal-użu tat-trade marks li huma parti minn serje jew, almenu, ta’ numru ta’ trade marks li jistgħu jikkostitwixxu familja u, it-tieni nett, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha mhux biss tkun analoga mat-trade marks li jifformaw parti mill-familja, imma għandhom ukoll ikollhom karatteristiċi li jistgħu jidentifikawhom mal-familja [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs UASI – Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE), T-194/03, Ġabra p. II-445, punti 126 u 127].

95      F’dan il-każ, jekk ir-rikorrenti pprovat l-użu tat-trade marks PEPE u PEPE JEANS, hija ma rnexxilhiex tipprova, kif osserva l-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni fuq il-mertu, l-użu tat-trade marks preċedenti l-oħra li jifformaw parti mill-allegata familja ta’ trade marks, bħal PEPE F4, PEPE 2XL, PEPE M99.

96      F’kull każ, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk teżistix jew le familja ta’ trade marks PEPE ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni li tgħid li t-trade marks PEPE u PEPE JEANS igawdu minn karattru distintiv tali li x-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti u l-identiċità tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni huma suffiċjenti biex joħolqu probabbiltà ta’ konfużjoni.

97      Għaldaqstant hemm lok li dan il-motiv jintlaqa’.

 Fuq it-tieni motiv, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

–       L-argumenti tal-partijiet

98      Ir-rikorrenti tqis, minn naħa, li ma hemmx differenzi viżivi, fonetiċi jew kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni li jopponu l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u li ma kienx hemm “dritt” għar-reġistrazzjoni tat-trade mark PEPEQUILLO.

99      Jeżisti b’hekk riskju manifest u reali li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade marks PEPE billi tagħti b’mod qarrieqi x’jifhem lill-konsumaturi li s-sinjal PEPEQUILLO huwa trade mark barra minn hekk tal-familja ta’ trade marks PEPE.

100    Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda analiżi tax-xebh jew tal-identiċità fid-dawl tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u sempliċement aċċetta analiżi tal-applikabbiltà tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament. Issa, l‑Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament jeżiġi rabta bejn is-sinjali kunfliġġenti u mhux probabbiltà ta’ konfużjoni, kif osservat l-intervenjenti fir-risposta tagħha.

101    Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma mmotivax suffiċjentement id-deċiżjoni tiegħu u kiser ukoll l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 meta ddikjara li l‑probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks preċedenti u s-sinjal PEPEQUILLO kien ineżistenti, b’mod li l-kundizzjoni ta’ xebh bejn is-sinjali indikata fl-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament ma kienx sodisfatt.

102    L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma nkisirx, sa fejn it-trade marks preċedenti u s-sinjal PEPEQUILLO ma jixxibhux.

103    Barra minn hekk, ir-rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti ma ġiex stabbilit mir-rikorrenti u din tal-aħħar ma spjegatx sa fejn kien hemm riskju ta’ ħsara għall-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti tagħha, jew riskju ta’ ħsara għar-reputazzjoni tagħha jew ukoll riskju ta’ vantaġġ inġust mir-reputazzjoni jew mill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

104    Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti fis-sens tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tiġilha rrifjutata r-reġistrazzjoni jekk hija tkun identika jew tixbah lit-trade mark preċedenti u jekk hija tkun trid tiġi rreġistrata għal prodotti jew għal servizzi li ma jkollhomx xebh ma’ dawk li għalihom it-trade mark preċedenti tiġi rreġistrata, meta, fil-każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, hija tgawdi minn reputazzjoni fil-Komunità u, fil-każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, hija tgawdi minn reputazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, u li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li lilhom tikkawża ħsara.

105    L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 japplika wkoll meta l-prodotti jew servizzi jkunu jixxiebhu. Fil-fatt, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li trade mark b’reputazzjoni għandha tkun tista’ tibbenefika, fil-każ ta’ użu ta’ sinjal għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu, minn protezzjoni almenu daqstant wiesgħa daqs il-każ ta’ użu ta’ sinjal għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI – Elleni Holding (VIPS), T-215/03, Ġabra p. II-711, punt 32, ara wkoll, b’analoġija, is‑sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, Davidoff, C-292/00, Ġabra p. I-389, punti 24 sa 26, u tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C-408/01, Ġabra p. I-12537, punti 19 sa 22].

106    Il-protezzjoni estiża mogħtija lit-trade mark preċedenti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 tippreżumi għalhekk l-għaqda ta’ numru ta’ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, it-trade mark preċedenti allegatament ta’ reputazzjoni għandha tkun irreġistrata. Fit-tieni lok, din tal-aħħar u t-trade mark li ntalbet l-invalidità tagħha għandhom ikunu identiċi jew simili. Fit-tielet lok, it‑trade mark preċedenti għandha jkollha reputazzjoni fil-Komunità, fil-każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, jew fl-Istat Membru kkonċernat, fil-każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti. Fir-raba’ lok, l-użu mingħajr dritt tat-trade mark Komunitarja għandu jwassal għal probabbiltà li jista’ jittieħed vantaġġ inġust mill‑karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li tista’ ssir ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex tirrendi l-imsemmija dispożizzjoni inapplikabbli [sentenzi tal-Qorti Ġenerali VIPS, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Mülhens vs UASI – Minoronzoni (TOSCA BLU), T-150/04, Ġabra p. II‑2353, punti 54 u 55].

107    F’dan il-każ, it-trade marks allegatament ta’ reputazzjoni li huma PEPE u PEPE JEANS huma s-suġġett ta’ reġistrazzjoni kemm nazzjonali kif ukoll Komunitarja (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kif stabbilixxiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 83 iktar ’il fuq, is-sinjali inkwistjoni jixxiebhu.

108    Fid-dawl tal-provi prodotti mir-rikorrenti u kif stabbilit fil-punti 88 sa 90 iktar ’il fuq, it-trade marks preċedenti jgawdu minn reputazzjoni almenu fi Spanja.

109    Għalhekk, il-kwistjoni li tqum hija dik li jiġi ddeterminat jekk l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwiex ta’ natura li joħloq riskju ta’ vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li tiġi kkawżata ħsara lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

110    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li hemm riskju li t-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade marks PEPE, filwaqt li ma hemmx “dritt” għar-reġistrazzjoni tat-trade mark PEPEQUILLO.

111    Hemm lok li jitfakkar li l-kunċett ta’ vantaġġ li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jinkludi l-każijiet fejn ikun hemm sfruttament jew parassitiżmu manifesti ta’ trade mark famuża jew tentattiv li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tagħha. Fi kliem ieħor, dan jirrigwarda l‑probabbiltà li l-immaġni tat-trade mark li għandha reputazzjoni jew il‑karatteristiċi li din tal-aħħar tirrifletti jiġu ttrasferiti fuq il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’tali mod li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tiġi ffaċċilitata b’din l-assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni (ara s-sentenza VIPS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

112    Barra minn hekk, kif osservat ir-rikorrenti (ara l-punt 100 tas-sentenza), għandha ssir distinzjoni bejn il-probabbiltà ta’ konfużjoni, indikata fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94, u l-konnessjoni bejn is-sinjali inkwistjoni previst mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

113    Fil-fatt, jekk il-probabbiltà ta’ konfużjoni hija ddefinita bħala l-probabbiltà li l‑pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża bħal dawk tat-trade mark preċedenti jew, skont il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, min‑naħa l-oħra, fil-każijiet stipulati fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni, jiġifieri jistabbilixxi rabta, bejn it‑trade marks kunfliġġenti mingħajr, madankollu, ma jħawwadhom. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma hijiex kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza VIPS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Għalhekk, il-probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni jikseb vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tissussisti meta l-konsumatur, mingħajr ma neċessarjament jikkonfondi l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni, ikun attirat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni stess u jixtri l-prodott jew is-servizz kopert minnha minħabba li għandu din it-trade mark, li hija identika jew simili għal trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni (sentenza VIPS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

115    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-għan tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 huwa, b’mod partikolari, li jippermetti lill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni li jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jistgħu jippreġudikaw ir-reputazzjoni jew il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, jew li jittieħed vantaġġ inġust minn din ir-reputazzjoni jew minn dan il-karattru distintiv. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat jagħti prova tal-eżistenza ta’ preġudizzju effettiv u attwali għat-trade mark tiegħu. Madankollu, huwa għandu jressaq il-provi li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi konkluż li prima facie teżisti probabbiltà futura, li ma tkunx ipotetika, ta’ vantaġġ inġust jew preġudizzju (ara s‑sentenza VIPS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tindika li dan ir-riskju jirriżulta mill-fatt li l-konsumaturi jiġu mġiegħla jemmnu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun trade mark oħra tal-familja ta’ trade marks PEPE.

117    Kif diġà ġie deċiż fil-punti 93 u 94 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-fatti tal-każ, ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks PEPE. Madankollu, ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti PEPE fil-qasam tal-artikoli ta’ ħwejjeġ u ta’ aċċessorji oħra ta’ ħwejjeġ ġie stabbilit sewwa.

118    Barra minn hekk, il-konsumatur ser jixtri prodott tat-trade mark PEPEQUILLO mhux biss għax ikun jixtieq jixtri qalziet tal-jeans jew basket, imma wkoll għar-raġuni li jkollu din it-trade mark li tixxiebah mat-trade marks preċedenti ta’ reputazzjoni PEPE.

119    Issa, il-prodotti msemmija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jixxiebhu. Minn dan il-fatt u fid-dawl tax-xebh tas-sinjali inkwistjoni, il‑konsumaturi Spanjoli jistgħu jistabbilixxu rabta bejn it-trade marks preċedenti PEPE u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

120    Għalhekk, it-trade mark PEPEQUILLO jirriskja li jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti billi jiġbed lill-konsumaturi li jfittxu jixtru prodotti li jkollhom trade mark li tixxiebah mat-trade marks preċedenti ta’ reputazzjoni PEPE.

121    Għaldaqstant hemm lok li dan il-motiv jintlaqa’.

122    Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni kap tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni fuq il-mertu.

 Fuq l-ispejjeż

123    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef għandha tiġi kkundanata għall-ispejjeż, jekk issir talba f’dan is-sens. Jekk diversi partijiet jitilfu, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi t-tqassim tal-ispejjeż. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, peress li l-UASI u l-intervenjenti essenzjalment tilfu fit-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li huma jbatu l-ispejjeż tagħhom u l-ispejjeż tar-rikorrenti, san-nofs għal kull wieħed minnhom.

124    Ir-rikorrenti talbet il-kundanna tal-UASI għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu, l-istess ma jgħoddx għall-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem l-eżaminatur. Għaldaqstant, it‑talba tar-rikorrenti li l-UASI, peress li tilef il-kawża, jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI tista’ tintlaqa’ biss għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-24 ta’ Settembru 2008 (Każ R 722/2007-1) hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-UASI għandha tbati l-ispejjeż tagħha, nofs l-ispejjeż ta’ PJ Hungary Szolgáltató kft (PJ Hungary kft), kif ukoll l-ispejjeż indispensabbli sostnuti minn PJ Hungary kif ukoll għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem l-ewwel Bord tal-Appell tal-UASI.

4)      PEPEkillo, SL, għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż ta’ PJ Hungary kft.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Mejju 2011 .

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.