Language of document : ECLI:EU:T:2001:215

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Settembru 2001(*)

“Rikors għal annullament ─ Kompetizzjoni ─ Televiżjoni bi ħlas ─ Joint venture ─ Artikolu 85 tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 81 KE) ─ Artikolu 85(1) tat-Trattat ─ Negative clearence ─ Restrizzjoni anċillari ─ Regola tar-raġuni ─ Artikolu 85(3) tat-Trattat ─ Deċiżjoni ta’ eżenzjoni ─ Tul taż-żmien”

Fil-kawża T-112/99,

Métropole télévision (M6), stabbilita f’Neuilly-sur-Seine (Franza),

Suez-Lyonnaise des eaux, stabbilita f’Nanterre (Franza),

Franza Télécom, stabbilita f’Pariġi (Franza),

irrappreżentati minn D. Théophile, avocat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Télévision française 1 SA (TF1), stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn P. Dunaud u P. Elsen, avocats, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u K. Wiedner, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

CanalSatellite, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn L. Cohen-Tanugi u F. Brunet, avocats, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament ta’ l-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni 1999/242/KE tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Marzu 1999, fir-rigward ta’ proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/36.237 ─ TPS) (ĠU L 90, p. 6),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, K. Lenaerts u M. Jaeger, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġenerali tal-kawża

A –  Deskrizzjoni ta’ l-operazzjoni

1        Din il-kawża tikkonċerna d-deċiżjoni 1999/242/KE tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Marzu 1999, rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/36.237 ─ TPS) (ĠU L 90, p. 6) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tirrigwarda l-ħolqien tal-kumpannija Télévision par satellite (iktar ’il quddiem “TPS”) li għandha l-għan li tikkonċepixxi, tiżviluppa u tittrażmetti, b’mod diġitali u bis-satellita, diversi programmi u servizzi televiżivi bi ħlas intiżi għal telespettaturi Ewropej li jitkellmu bil-Franciż (punt 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Din il-kumpannija, li ġiet ikkostitwita fil-forma ta’ kumpannija en nom collectif (SNC) taħt id-dritt Franċiż minn sitt soċjetajiet Franċiżi kbar attivi fis-settur tat-televiżjoni [Métropole télévision (M6), Télévision française 1 SA (TF1), France 2 u France 3] u tat-telekommunikazzjoni u distribuzzjoni bil-kejbil (France Télécom u Suez-Lyonnaise des eaux), hija operatur ġdid fi swieq iddominati ħafna minn operatur storiku, jiġifieri l-kumpannija Canal+ u l-kumpannija sussidjarja tagħha CanalSatellite.

B –  Is-swieq rilevanti u l-istruttura ta’ dawn is-swieq

3        Skond id-deċiżjoni kkontestata, is-suq prinċipali tal-prodotti affettwat bil-ħolqien tat-TPS huwa dak tat-televiżjoni bi ħlas (punti 23 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata). L-operazzjoni taffettwa wkoll is-suq ta’ l-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni kif ukoll dik tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ stazzjonijiet televiżivi tematiċi.

4        Għal dak li jirrigwarda s-suq ġeografiku affettwat, il-Kummissjoni stqarret fid-deċiżjoni kkontestata li, fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni, dawk id-diversi swieq kellhom jiġu evalwati fuq bażi nazzjonali, sabiex b’hekk jillimitaw ruħhom fil-kawża preżenti għal Franza (punti 40 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata).

1.     Is-suq tat-televiżjoni bi ħlas fi Franza

5        Skond il-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata dan is-suq jikkostitwixxi suq ta’ prodotti distint minn dak tat-televiżjoni b’aċċess liberu (imsejħa ukoll “televiżjoni mhux kodifikata”). Kuntrarjament għal dak li jiġri f’dan is-suq ta’ l-aħħar fejn ir-relazzjoni kummerċjali tistabbilixxi ruħha bejn minn ixandar u minn jirreklama, fil-każ tas-suq tat-televiżjoni bi ħlas teżisti relazzjoni bejn minn ixandar u t-telespettatur li huwa abbonat. Il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni huma, minn hemm ’il quddiem, differenti fiż-żewġt iswieq.

6        Id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża wkoll li, fil-mument ta’ l-adozzjoni tagħha, is-suq tat-televiżjoni bi ħlas kien jinkludi tliet modalitajiet ta’ trażmissjoni (terrestri, satellitari u bil-kejbil), u li dawn it-tliet modalitajiet differenti ta’ trażmissjoni ma jikkostitwixxux swieq distinti (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        L-operatur li ilu l-iktar fis-suq tat-televiżjoni bi ħlas ġewwa Franza hija l-kumpannija Canal+, li tgawdi minn immaġini qawwija tad-ditta u li għandha konoxxenza kbira fil-materja ta’ l-amministrazzjoni (punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-grupp Canal+ jopera wkoll fis-settur tad-distribuzzjoni tal-kejbil peress li jikkontrolla n-netwerk tal-kejbil NumériCâble. Barra minn dan, permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha CanalSatellite, Canal+ toffri grupp ta’ stazzjonijiet bi ħlas permezz tas-satellita bi kwalità diġitali (minn issa ‘l quddiem il-“grupp diġitali”) (punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, “għal dal li jirrigwarda n-numru ta’ abbonati, il-grupp Canal+, inklużi l-istazzjonijiet premium Canal+, CanalSatellite u n-netwerk Numéricâble, kien jirrappreżenta, sa’ l-aħħar ta’ Ġunju 1998, bejn wieħed u ieħor 70 % tas-suq Franċiż tat-televiżjoni bi ħlas” (punt 47).

8        Operatur ieħor fis-suq tat-televiżjoni bi ħlas, il-kumpannija AB-Sat, ġie inawgurat f’April 1996 mill-grupp Franċiż AB, li l-attività tiegħu hija bbażata essenzjalment fuq il-produzzjoni ta’ programmi u d-distribuzzjoni ta’ drittijiet televiżivi. Sa l-aħħar ta’ Ġunju, AB-Sat kellha 100 000 abbonat (punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fl-aħħar nett, il-kumpannija TPS kellha 457 000 abbonat irreġistrat sa’ l-aħħar ta’ Lulju 1998 u kienet qed tbassar li ser ikollha 600 000 abbonat sa’ l-aħħar ta’ l-1998 (punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Is-suq ta’ l-akkwist ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni, partikolarment taċ-ċinema u ta’ l-isport

10      Peress li ċ­-ċinema u l-isport jikkostitwixxu ż-żewġ prodotti prinċipali tat-televiżjoni bi ħlas, l-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni għal tali programmi huwa meħtieġ sabiex tiġi offerta varjetà suffiċjentement attraenti ta’ programmi b’mod li tikkonvinċi abbonati futuri jħallsu sabiex jirċievu servizzi televiżivi (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-kompetituri prinċipali ta’ TPS fuq dak is-suq, b’mod partikolari fil-qasam tax-xiri ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni ta’ films Franċiżi u Amerikani u avvenimenti sportivi, huma Canal+ u l-istazzjonijiet tematiċi li fihom Canal+ għandu sehem (punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tispjega wkoll fid-deċiżjoni kkontestata li “il-grupp Canal+ igawdi minn pożizzjoni partikolarment b’saħħita f’dan is-suq” u li l-kumpannija AB-Sat u l-istazzjonijiet ta’ interess ġenerali huma wkoll preżenti fuqu (punt iċċitat iktar ’il fuq).

3.     Is-suq tal-kummerċjalizzazzjoni u ta’ l-operazzjoni ta’ stazzjonijiet tematiċi

12      Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li stazzjonijiet tematiċi huma essenzjali sabiex jiġu offerti servizzi tat-televiżjoni bi ħlas li jkunu attraenti u li s-suq tal-kummerċjalizzazzjoni u ta’ l-operazzjoni ta’ stazzjonijiet tematiċi qed igawdi minn tkabbir mgħaġġel fi Franza, partikolarment bl-iżvilupp tat-teknoloġija diġitali (punti 37 sa 39 u 65 sa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Għal dak li jirrigwarda l-istruttura tas-suq, id-deċiżjoni kkontestata tgħid:

“Minn meta tfaċċaw il-pjattaformi satellitari, il-kumpanniji kollha involuti fit-televiżjoni bi ħlas għandhom ishma f’stazzjonijiet tematiċi li joperaw fis-suq. In-numru ta’ ishma miżmuma fl-istazzjonijiet tematiċi huma mqassma b’mod pjuttost ibbilanċjat bejn il-parteċipanti prinċipali f’dan is-suq. Madankollu, il-grupp Canal+ huwa parteċipant importanti, peress li għandu ishma fl-istazzjonijiet li ilhom imwaqqfin l-iktar u li akkwistaw l-akbar penetrazzjoni fis-suq tal-kejbil u għandu l-ikbar numru ta’ abbonati” (punti 67 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

C –  In-notifika u l-ftehim innotifikati

14      L-ewwel darba li l-partijiet ikkuntattjaw lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din l-operazzjoni kien fis-sajf ta’ l-1996, bil-ħsieb li ssir notifika taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU 1990 L 257, p. 13), kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU 1997 L 180, p. 1) (punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, wara li ġew infurmati mill-Kummissjoni li TPS ma kinitx joint venture fis-sens ta’ impriża suġġetta għall-kontroll konġunt tal-membri tagħha, fit-18 ta’ Ottubru 1986 dawn innotifikaw l-operazzjoni lill-Kummissjoni u talbu negative clearance u/jew eżenzjoni skond ir-Regolament Nru 17 tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204) (punt iċċitat iktar ’il fuq).

15      Ġew innotifikati erba’ ftehim. Il-prinċipji bażiċi li jirregolaw it-tħaddim ta’ TPS jinsabu fil-Ftehim tal-11 u tat-18 ta’ April 1996 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”); dawn ġew espressi f’termini iktar konkreti u strutturati fil-Patt ta’ Assoċjazzjoni ffirmat fid-19 ta’ Ġunju 1996 u fl-istatuti tal-kumpannija TPS u tal-kumpannija TPSG, iffirmati fl-istess data (punt 70 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-ftehim ġew konklużi għal terminu ta’ għaxar snin (punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Tliet klawżoli li jinsabu f’dawk il-ftehim kienu s-suġġett ta’ l-attenzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma, l-ewwel, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, it-tieni, il-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi u, t-tielet, il-klawżola ta’ esklużività.

1.     Il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni

17      Din il-klawżola hija inkluża fl-Artikolu 11 tal-Ftehim u fl-Artikolu 5.3 tal-Patt ta’ Assoċjazzjoni u, fuq talba tal-Kummissjoni, l-għan tagħha ġie spjegat permezz ta’ ftehim supplementari tas-17 ta’ Settembru 1998. Dan jipprovdi kif ġej:

“Ħlief għal każijiet pendenti fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim, u ħlief għall-bejgħ ta’ programmi u servizzi ġodda li mhumiex taħt kuntratt ma’ TPS, il-partijiet jobbligaw irwieħom li bl-ebda mod ma jkunu involuti, anki indirettament, sakemm jibqgħu azzjonisti ta’ TPS, f’kumpanniji li l-attività jew l-għan tagħhom huwa t-trażmissjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ varjetà ta’ programmi u servizzi televiżivi bi ħlas li jiġu trażmessi b’mod diġitali bis-satellita lil djar fl-Ewropa fejn huwa mitkellem il-Franċiż”(punt 77 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Il-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi

18      L-Artikolu 6 tal-Ftehim (taħt it-titolu “Programmi u servizzi diġitali”) u l-Artikolu 5.4 tal-Patt ta’ Assoċjazzjoni ċċitat iktar ’il fuq, jipprovdu li TPS għandha dritt ta’ prijorità u dritt ta’ l-aħħar rifjut fir-rigward tal-produzzjoni ta’ stazzjonijiet tematiċi u servizzi televiżivi mill-azzjonisti tagħha. Il-klawżola hija fformulata kif ġej:

“Sabiex TPS tiġi pprovduta bil-programmi li hija teħtieġ, il-partijiet qablu li jagħtu lil TPS id-dritt ta’ prijorità fir-rigward ta’ programmi jew servizzi li huma stess joperaw jew li fuqhom għandhom kontroll effettiv fi ħdan il-kumpannija produttriċi, u fir-rigward tal-programmi u servizzi li huma jipproduċu. TPS għandha wkoll id-dritt ta’ l-aħħar rifjut jew ta’ aċċettazzjoni bl-aħjar kundizzjonijiet proposti minn kompetituri fir-rigward tal-programmi jew servizzi kollha li l-azzjonisti tagħha joffru lil terzi persuni. Jekk din taċċetahom, kemm jekk taħt kundizzjonijiet esklużivi jew le, TPS timplementa kundizzjonijiet finanzjarji u kuntrattwali li jkunu għall-inqas ekwivalenti għal dawk li setgħu jiġu applikati band’oħra fir-rigward tal-programmi jew servizzi.

Fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ dawn l-istazzjonijiet u servizzi, TPS għandha tiddeċiedi b’mod liberu, abbażi ta’ l-evalwazzjoni tagħha stess, jekk għandhiex taċċetta li tintegrahom jew le fil-grupp diġitali, kemm b’mod esklużiv jew mhux esklużiv; Madankollu, l-partijiet jenfasizzaw l-għan tagħhom li jkollhom programmi u servizzi fil-grupp diġitali ta’ TPS fuq bażi esklużiva” (punti 78 u 79 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.     Il-klawżola ta’ esklużività

19      Fl-aħħarnett, l-Artikolu 6 tal-Ftehim jipprovdi li stazzjonijiet ta’ interess ġenerali M6, TF1, France 2 u France 3, għandhom jiġu trażmessi esklużivament minn TPS (punt 81 tad-deċiżjoni kkontestata). TPS għandha tħallas l-ispejjeż tekniċi għat-trasport u għat-trażmissjoni tal-programmi iżda m’għandha tħallas l-ebda renumerazzjoni għalihom (punt iċċitat iktar ’il fuq).

D –  Id-deċiżjoni kkontestata

20      Fit-3 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

21      Kif jidher ċar mill-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li abbażi tal-fatti li kellha f’idejha hija ma kellha ebda raġuni għal azzjoni skond l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 81(1)KE) fir-rigward tal-ħolqien ta’ TPS.

22      Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-klawżoli kuntrattwali deskritti fil-punti 17 sa 19 hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li:

–        fir-rigward tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, ma kien hemm l-ebda bażi għal azzjoni fir-rigward ta’ dik il-klawżola matul perijodu ta’ tliet snin, jiġifieri sal-15 ta’ Diċembru 1999 (l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fir-rigward tal-klawżola ta’ l-esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal perijodu ta’ tliet snin, jiġifieri sal-15 ta’ Diċembru 1999 (l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      B’’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’’Istanza fl-10 ta’ Mejju 1999, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

24      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-5 ta’ Novembru 1999, CanalSatellite talbet li tintervjeni f’din il-kawża in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

25      B’ordni tal-31 ta’ Jannar 2000, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dan l-intervent u laqa’ parzjalment it-talba, ippreżentata mir-rikorrenti, għat-trattament kunfidenzjali ta’ xi informazzjoni fir-rikors u l-annessi tiegħu.

26      L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fl-24 ta’ Marzu 2000. Il-Kummissjoni, TFI u M6 ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota fl-4, fil-5 u fit-8 ta’ Mejju 2000 rispettivament.

27      Wara li semgħet ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skond l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċeduri tagħha, il-Qorti talbet lill-partijiet sabiex iwieġbu għal ċerti domandi bil-miktub. Dawn ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu preskritt.

28      Il-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom u wieġbu għad-domandi li għamlitilhom l-istess Qorti, matul is-seduta tat-18 ta’ Jannar 2001.

29      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’ Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti jbatu in solidum l-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors,

–        tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Fid-dritt

A –  L-ammissibiltà tar-rikors


 L-argumenti tal-partijiet

31      Il-Kummissjoni, appoġġata mill-intervenjenti, issostni li r-rikors tar-rikorrenti huwa inammissibbli. Hija ssostni li hija ġurisprudenza stabbilita li r-rikorrenti jistgħu jikkontestaw biss miżuri li jistgħu jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tagħhom. Hija tosserva wkoll li, kif jidher ċar mis-sentenzi tal-Qorti tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni (T-138/89, Ġabra p. II-2181, punt 31), u tat-22 ta’ Marzu 2000, Coca-Cola vs Il-Kummissjoni (T-125/97 u T-127/97, Ġabra p. II-1733, punt 79), biss il-parti operattiva tal-miżura tista’ toħloq effetti legali, u għalhekk, taffettwa b’mod negattiv tali interessi. Min-naħa l-oħra, il-motivi għad-deċiżjoni in kwistjoni jistgħu jkunu suġġetti għall-eżami mill-ġdid mill-qorti Komunitarja biss safejn dawn, bħala motivi ta’ att li jaffettwa b’mod negattiv l-interessi ta’ persuna, jikkostitwixxu s-sostenn meħtieġ għall-parti operattiva tiegħu.

32      Issa, skond il-Kummissjoni, il-parti operattiva ta’ deċiżjoni li tagħti negative clearance u eżenzjoni, bħal dik li ġiet ikkontestata fil-kawża preżenti, ma taffettwax b’mod negattiv lid-destinatarju tagħha. Għaldaqstant, ir-rikors tar-rikorrenti għal annullament huwa inammissibbli.

33      Il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-konklużjoni hija iktar u iktar meħtieġa għaliex, mill-15 ta’ Diċembru 1999, id-deċiżjoni kkontestata eżawriet l-effetti legali kollha li pproduċiet. Il-kawża preżenti hija għalhekk ta’ interess purament teoretiku.

34      Ir-rikorrenti jikkontestaw li l-kawża preżenti hija inammissibbli. Huma josservaw li d-deċiżjoni kkontestata għandha effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tagħhom (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9) għaliex in-negative clearance u l-eżenzjoni jiġu konċessi biss għal perijodu ta’ tliet snin. Huma josservaw, barra minn hekk, li fis-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni (T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141), li wkoll kienu jikkonċernaw rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ eżenzjoni mressaq minn persuni li lilhom ġiet konċessa dik l-eżenzjoni, ir-rikorsi ġew meqjusa bħala ammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu att jew deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament taħt l-Artikolu 173 tat-Trattat KE (issa, wara li ġie emendat, l-Artikolu 230 KE) il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi ta’ rikorrent billi jwasslu għal bidla distinta fil-pożizzjoni legali tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 9, u tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 62; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il-Kummissjoni, T-87/96, Ġabra p. II-203, punt 37, u Coca-Cola vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 31 iktar ’il fuq, punt 77).

36      Għaldaqstant, kwalunkwe persuna naturali jew legali tista’ tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja li ma tippermettix, għal kollox jew in parti, rikjesta ċara jew preċiża minn dik il-persuna li taqa’ fi ħdan il-kompetenza ta’ dik l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ talba abbażi ta’ l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1997, Metro vs Il-Kummissjoni, 26/76, Ġabra p. 1875, punt 13). F’sitwazzjoni bħal din, ir-rifjut totali jew parzjali tat-talba jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ l-awtur tagħha.

37      Għandu jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, jekk dan ir-rikors għal annullament huwiex ammissibbli.

38      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti nnotifikaw lill-Kummissjoni l-ftehim rigward il-ħolqien ta’ TPS u r-restrizzjonijiet li huma kkunsidraw li kienu anċillari għal dik l-operazzjoni, bl-għan li tinkiseb, taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 17, negative clearance, għat-tul ta’ żmien ta’ dawk il-ftehimijiet, jiġifieri għal perijodu ta’ 10 snin jew, fin-nuqqas ta’ dan, li tinkiseb eżenzjoni għall-istess terminu ta’ żmien taħt l-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-regolament.

39      Huwa evidenti mill-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata li kemm in-negative clearance rigward il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni (Artikolu 2) u l-eżenzjoni individwali rigward il-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi (Artikolu 3) jiġu mogħtija biss għal perijodu ta’ tliet snin.

40      Jirriżulta minn din il-limitazzjoni dwar it-tul ta’ żmien tan-negative clearance u ta’ l-eżenzjoni previsti fl-Artikoli 2 u 3 li r-rikorrenti jibbenefikaw għal perijodu ferm iqsar minn dak li huma inizjalment ikkalkulaw f’termini ta’ ċertezza legali li tirriżulta minn tali deċiżjonijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti sostnew, mingħajr ma ġew kontradetti mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, li din is-sitwazzjoni fattwali affettwat ukoll il-kalkolu tal-kapaċità ta’ qligħ ta’ l-investimenti inerenti fil-konklużjoni tal-kuntratti notifikati.

41      Għaldaqsatnt, din il-parti tal-parti operattiva tad-deċiżjoni tipproduċi effetti legali vinkolanti li kapaċi jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti.

42      Huwa ta’ ftit importanza f’dan ir-rigward li r-rikorrenti jistgħu, wara notifika ġdida tar-restrizzjonijiet in kwistjoni, jiksbu negative clearance ġdida jew eżenzjoni għal tul ta’ żmien li jkun inqas, ugwali, jew anki iktar minn dak li ġie mogħti inizjalment. Peress li mhumiex diġà qed igawdu miċ-ċertezza legali li huma kienu jgawdu li kieku n-negative clearance u l-eżenzjoni previsti fl-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata ngħataw għal perijodu ta’ 10 snin, l-interessi tagħhom ikunu definittivament affettwati b’din il-parti tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata.

43      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għar-rikorsi fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi NBV u NVB vs Il-Kummissjoni u Coca-Cola vs Il-Kummissjoni, iċċitati fil-punt 31 iktar ’il fuq, ir-rikors għal annullament imressaq mir-rikorrenti jirrigwarda din il-parti operattiva u mhux ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fit-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament ta’ l-Artikoli 2 u 3 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li fis-sentenza f’NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li deċiżjoni li tingħata negative clearance “kienet tissodisfa r-rikorrent, u minn natura vera tagħha, [setgħet] la tbiddel il-pożizzjoni legali tiegħu u lanqas taffettwa b’mod negattiv il-interessi tiegħu”, għandu jiġi osservat li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, in-negative clearance ġiet maħruġa għal tul ta’ żmien li kien jikkorrispondi għal dak mitlub mill-partijiet ikkonċernati. Mn-naħa l-oħra, kif ġie osservat iktar ’il fuq, fil-kawża preżenti n-negative clearance ġiet mogħtija biss għal perijodu ta’ tliet snin, filwaqt li r-rikorrenti kienu talbu li din tingħta għal perijodu ta’ 10 snin.

44      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli.

B –  Fuq il-mertu

45      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-ewwel il-motivi għall-annullament ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dawk li għandhom x’jaqsmu mal-klawżola ta’ l-esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi. Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-motiv invkat kontra l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni.

1.     Fuq il-motivi għall-annullament ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata

46      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi, fejn jallegaw ksur ta’ l-Artikolu 85(1) u (3) tat-Trattat. Fl-ewwel motiv, huma jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 85(1) tat-Trattat peress li l-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni fi ħdan it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni u, sussidjarjament, li dawn il-ftehim għandhom jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet li huma anċillari għall-ħolqien ta’ TPS. Fit-tieni motiv, ir-rikorrenti jissottomettu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 85(3) tat-Trattat peress li ma applikatx b’mod korrett il-kriterji għall-eżenzjoni taħt dik id-dispożizzjoni u wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul ta’ żmien ta’ l-eżenzjoni.

a)     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat

 i) Fuq l-argument prinċipali li jgħid li l-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat

47      Ir-rikorrenti jsostnu li, meta waslet għall-konklużjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata li l-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi jikkostitwixxu restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq evalwazzjonijiet żbaljati u applikat ħażin din id-dispożizzjoni.

48      Il-Kummissjoni, appoġġjata mill-intervenjenti, issotni li dawn iż-żewġ ilmenti huma infondati.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ evalwazzjonijiet żbaljati

–       L-argumenti tal-partijiet

49      Ir-rikorrenti josservaw li, sabiex tikkonstata li l-klawżola ta’ esklużività kienet tirrestrinġi l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ppruvat turi, fil-punti 102 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istazzjonijiet tematiċi kienu attraenti għat-telespettaturi u li l-effett ta’ din il-klawżola kien li jċaħħad il-kompetituri ta’ TPS mill-aċċess għal programmi bħal dawn. Skond ir-rikorrenti, din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet żbaljati.

50      Huma jissottomettu, l-ewwel nett, li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-attrazzjoni għal stazzjonijiet ta’ interess ġenerali offruti minn TPS hija spjegata bl-eżistenza ta’ ‘żoni fid-dell’ ġewwa Franza, jiġifieri żoni li fihom ir-riċezzjoni bl-antenna ta’ dawn l-istazzjonijiet hija fqira jew ineżistenti, mhijiex korretta. Iċ-ċifri tas-sondaġġ ta’ Novembru/Diċembru 1997 li sar minn Médiamétrie rigward il-bimonthly follow-up ta’ l-inizjalizzazzjoni (iktar ’il quddiem is-“sondaġġ Médiamétrie”), iċċitati mill-Kummissjoni huma żbaljati u ma jieħdux in kunsiderazzjoni l-fatt li kważi kulħadd fi Franza jirċievi tajjeb TF1, France 2 u France 3. In sostenn ta’ din l-affermazzjoni, ir-rikorrenti ssottomettew waqt is-smigħ li, l-ewwel nett, is-sondaġġ ta’ Médiamétrie ma spjegax il-prinċipji metodoloġiċi li fuqhom ġie mfassal u, it-tieni nett, li l-kwalità tat-trażmissjoni ta’ programmi televiżivi minn stazzjonijiet televiżivi Franċiżi ġiet ivverifikata kull ħames snin mill-Conseil supérieur de l’audiovisuel fil-qafas tal-proċedura tal-liċenzjar u ta’ l-estensjoni tal-liċenzji.

51      It-tieni nett, ir-rikorrenti josservaw li, kuntrarjament għal dak li huwa indikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huwa evidenti mis-sondaġġi tas-suq li t-telespettaturi jippreferu t-TPS iktar minħabba r-rikkezza ta’ programmi offruti milli għar-riċezzjoni fi kwalità diġitali ta’ stazzjonijiet tematiċi.

52      It-tielet nett, ir-rikorrenti jissottomettu li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li ż-żewġ gruppi diġitali (CanalSatellite u AB-Sat), setgħu jiġu inawgurati b’suċċess mingħajr it-trażmissjoni esklużiva ta’ stazzjonijiet ta’ interess ġenerali huwa irrilevanti f’din il-kawża. Huma josservaw li CanalSatellite bbenefikat minn numru ta’ drittijiet esklużivi għal films u avvenimenti sportivi meta ġiet inawgurata u għad għandha drittijiet esklużivi sabiex tittrażmetti l-istazzjon Canal+ u li, min-naħa l-oħra, AB-Sat hija stabbilita f’parti differenti tas-suq.

53      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jistqarru li, kuntrarjament għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li erba’ stazzjonijiet ta’ interess ġenerali, li għandhom 90% tat-telespettaturi kollha u madwar 75 % tat-telespettaturi tat-televiżjoni bil-kejbil, jiġu trażmessi esklużivament minn TPS ma jfissirx neċessarjament li l-aċċess tal-kompetituri għall-programmi ta’ dawk l-istazzjonijiet huwa ristrett. Huma josservaw li s-suq tat-televiżjoni mhux kodifikata u t-televiżjoni bi ħlas huma żewġt iswieq separati, u għalhekk ma jistax ikun hemm tali rabta ta’ kawża u effett. Barra minn hekk, mhuwiex ċert li, li kieku l-erba’ stazzjonijiet ta’ interess ġenerali ma kienux daħlu f’impenji mal-ħolqien ta’ TPS, kienu jagħżlu li jipparteċipaw fi grupp diġitali ieħor. Minbarra dan, huma jinnutaw li, kif tixhed is-sitwazzjoni f’pajjiżi Ewropej oħrajn, fejn operatur wieħed għandu monopolju fit-televiżjoni bi ħlas, m’għadux aktar possibbli li jkun hemm parteċipant ġdid fis-suq tat-televiżjoni bi ħlas ġewwa Franza.

54      Il-Kummissjoni, appoġġjata mill-intervenjenti, ma taqbilx li l-kunsiderazzjoni tagħha, li tgħid li d-dritt esklużiv li tittrażmetti l-erba’ stazzjonijiet ta’ interess ġenerali jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni, hija bbażata fuq evalwazzjonijiet żbaljati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

55      L-elementi fattwali li fuqhom jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti sabiex juru li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-klawżola ta’ esklużività tirrestrinġi l-kompetizzjoni, hija bbażata fuq evalwazzjonijiet żbaljati, huma jew żbaljati jew irrilevanti.

56      L-ewwel nett, fin-nuqqas ta’ provi konvinċenti li jikkorraboraw dan, mhuwiex possibbli li wieħed jaqbel ma’ l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ċ-ċifri tas-sondaġġ ta’ Médiamétrie rigward l-eżistenza ta’ ‘żoni ta’ dell’ ġewwa Franza, riprodotti f’punt 104 tad-deċiżjoni kkontestata, huma żbaljati u li kważi t-telespettaturi kollha ġewwa Franza jirċievu tajjeb TF1, France 2 u France 3.

57      L-intervenjenti spjegat waqt is-smigħ, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li Médiamétrie hija l-uniku istitut ta’ riċerka li torganizza sondaġġi ta’ l-udjenzi fi Franza u li dawk is-sondaġġi huma l-punt ta’ riferiment għall-istazzjonijiet tat-televiżjoni Franċiżi kollha li jużawhom partikolarment sabiex jikkalkulaw id-dħul tagħhom mir-reklamar.

58      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-affermazzjoni tar-rikorrenti, il-kontrolli li ġew imwettqa mill-Conseil supérieur de l’audiovisuel matul il-proċedura tal-ħruġ ta’ liċenzji jew l-estensjoni ta’ liċenzji ma jagħtux prova li dawk iċ-ċifri huma żbaljati. Kif aċċettaw ukoll ir-rikorrenti waqt is-smigħ, il-kontroll mill-Conseil jirrigwarda biss il-kwalità tat-trażmissjoni ta’ l-istazzjonijiet televiżivi u mhux il-kwalità tar-riċezzjoni ta’ dawk l-istazzjonijiet mit-telespettaturi Franċiżi.

59      Għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ żoni kbar ta’ dell ġewwa Franza, kif muri mis-sondaġġi ta’ Médiamétrie, tidher li hija kkonfermata mis-sondaġġ tas-suq ippreżentat mir-rikorrenti, peress li huwa evidenti mill-istudju li […]% tal-persuni li ġew intervistati abbonaw ma’ TPS “sabiex jirċievu l-istazzjonijiet nazzjonali b’mod korrett”.

60      Barra minn hekk, il-Kummissjoni stqarret b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata li ċ-ċifri ppubblikati fis-sondaġġ ta’ Médiamétrie kienu, għaliha, “indikattivi biss … ’il għaliex minbarra l-erba’ stazzjonijiet ta’ interess ġenerali trażmessi esklużivament fuq TPS dawn jinkludu wkoll Arte u la Cinquième, li għandhom rata ta’ inizjalizzazzjoni ta’ 80.6 % tad-djar, kif ukoll is-servizz terrestri Canal+, li huwa maħsub li madwar [...] dar jirċievu ħażin” (punt 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      It-tieni nett, il-fatt li skond diversi sondaġġi tas-suq ordnati minn TPS (b’mod partikolari s-sondaġġ ta’ BVA), ir-raġuni għalfejn persuni jabbonaw ma’ TPS hija fuq kollox ir-rikkezza ta’ l-għażla offruta u mhux il-possibbiltà li jirċievu wkoll stazzjonijiet ta’ interess ġenerali, kif jissottomettu r-rikorrenti, ma tinvalidax il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni. Peress li l-programmi ta’ interess ġenerali jarrikkixxu dak li jiġi offrut minn TPS, dawk l-istazzjonijiet jikkontribwixxu sabiex dik l-offerta tkun waħda attraenti. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 59 iktar ’il fuq, huwa evidenti mill-istess sondaġġi tas-suq li porzjon sinjifikattiv mill-persuni intervistati ammettew li huma kienu ddeċidew li jabbonaw ma’ TPS sabiex jirċievu b’mod korrett l-istazzjonijiet ta’ interess ġenerali.

62      It-tielet nett, fir-rigward tal-fatt li l-argument tar-rikorrenti li CanalSatellite u AB-Sat setgħu jiġu inawgurati fis-suq mingħajr id-dritt esklużiv li jiġu trażmessi stazzjonijiet ta’ interess ġenerali huwa irrilevanti fil-kawża preżenti, irid jiġi rrilevat li dan il-fattur ġie mressaq mill-Kummissjoni sabiex jiġi muri li l-istazzjonijiet ta’ interess ġenerali “ma jikkostitwuwx kategorija separata ta’ programmi jew tip ta’ kontenut li huwa essenzjali għat-televiżjoni bi ħlas” (punt 106 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm huwa veru li dan il-fattur isir ta’ importanza relattivament sekondarja sabiex jiġi stabbilit jekk il-klawżola ta’ esklużività tirrestrinġix il-kompetizzjoni, madankollu din tistabbilixxi jekk din il-klawżola hijiex oġġettivament meħtieġa għall-ħolqien ta’ TPS biex b’hekk ma tkunx tista’ titqies bħala restrizzjoni anċillari (ara, f’dan is-sens, il-punti 118 et seq iktar ’il quddiem).

63      Fl-aħħar nett, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti fattwali ppreżentati mir-rikorrent sabiex jintwera li l-klawżola ta’ esklużività m’għandhiex l-effett, kuntrarjament għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li ċċaħħad “lill-kompetituri ta’ TPS aċċess għal programmi attraenti”.

64      Fil-fatt huwa paċifiku li, peress li TPS biss hija awtorizzata li tittrażmetti stazzjonijiet ta’ interess ġenerali minħabba drittijiet esklużivi li hija tgawdi, il-kompetituri ta’ TPS huma mċaħħda mill-aċċess għal programmi li huma kkunsidrati bħala attraenti minn bosta telespettaturi Franċiżi.

65      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ppreżentaw ebda prova sabiex isostnu l-affermazzjoni tagħhom li tgħid li huwa possibbli li stazzjonijiet ta’ interess ġenerali jirrifjutaw li jiġu trażmessi bħala parti minn gruppi diġitali oħrajn.

66      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni qagħdet fuq evalwazzjonijiet żbaljati meta waslet għall-konklużjoni li l-klawżola ta’ esklużività rrestrinġiet il-kompetizzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

67      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat (in-nuqqas li tiġi applikata r-regola tar-raġuni)

–       L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-rikorrenti jissottomettu li l-Kummissjoni kellha tapplika l-Artikolu 85(1) tat-Trattat fid-dawl tar-regola tar-raġuni aktar milli ta’ regola astratta. Skond ir-regola tar-raġuni, prattika anti-kompetittiva taqa’ ‘l barra mill-iskop tal-projbizzjoni fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat jekk għandha iktar effetti posittivi milli negattivi fuq il-kompetizzjoni f’suq partikolari. Dawn jissottomettu li l-eżistenza ta’ regola tar-raġuni fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni diġà ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 1982, Nungesser u Eisele vs Il-Kummissjoni, 258/78, Ġabra p. 2015, u tas-6 ta’ Ottubru 1982, Coditel et, 262/81, Ġabra p. 3381, punt 20). Dawn jaffermaw ukoll li, kuntrarjament għas-sottomissjoni tal-Kummissjoni, dawk iż-żewġ sentenzi huma rilevanti fil-kawża preżenti għaliex il-ħolqien ta’ TPS seħħ ukoll f’kundizzjonijiet u f’suq li huma għal kollox partikolari.

69      Ir-rikorrenti jissottomettu li l-applikazzjoni tar-regola tar-raġuni kienet tippermetti li jiġi konkluż li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat ma kienx japplika għall-klawżola ta’ esklużività u għall-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi. Dawn josservaw li, kif jirriżulta b’mod impliċitu mir-raġunament adottat mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, dawk il-klawżoli, pjuttost milli jirristrinġu l-kompetizzjoni fuq is-suq tat-televiżjoni bi ħlas fi Franza, fil-fatt jiffavorixxu tali kompetizzjoni għax jippermettu operatur ġdid li jikseb aċċess għal suq li sadakinhar kien iddominat minn operatur wieħed, CanalSatellite u l-kumpannija ewlenija tagħha Canal+, billi s-servizz offrut minn AB-Sat ma kienx verament kompetittiv, iżda pjuttost kumplimentari għal dak ta’ Canal+).

70      Skond ir-rikorrenti, ir-raġunament dwar l-inapplikabbiltà ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat fir-rigward tal-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi huwa iktar u iktar validu fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa evidenti minn dik il-ġurisprudenza li, l-ewwel nett, klawżola li tagħti drittijiet ta’ bejgħ esklużivi għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ekonomika u ma taqax neċessarjament taħt l-Artikolu 85(1) tat-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1966, Société technique minière, 56/65, Ġabra p. 337) u li, t-tieni nett, dritt esklużiv mogħti bl-għan li jiġi ppenetrat suq ġdid ma jaqax taħt il-projbizzjoni prevista f’dan l-artikolu (sentenzi Nungesser u Eisele vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 68 iktar ’il fuq u Société technique minière, iċċitata iktar ’il fuq; b’mod iktar ġenerali, dwar l-iskop ta’ l-Artikolu 85(1) u (3) tat-Trattat, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1985, Oude Luttikhuis et, C-399/93, Ġabra p. I-4515, punt 10, u s-sentenzi tat-Tribunal ta’ l-14 ta’ Mejju 1997, VGB et vs Il-Kummissjoni, T-77/94, Ġabra p. II-759, punt 140, u European Night Services et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 136).

71      Il-Kummissjoni ma taqbilx li hija kisret l-Artikolu 85(1) tat-Trattat billi ma applikatx ir-regola tar-raġuni, kif ġie ssuġġerit mir-rikorrenti, fil-kuntest ta’ l-eżami tal-kompatibbilità tal-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi ma’ din id-dispożizzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

72      Skond ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ regola tar-raġuni fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jimplika li, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, huwa meħtieġ li jintiżnu l-effetti ta’ ftehim favur u kontra l-kompetizzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stipulata f’dan l-Artikolu. Madankollu, għandu jiġi osservat l-ewwel u qabel kollox li, kuntrarjament għall-affermazzjoni tar-rikorrenti, l-eżistenza ta’ tali regola ma ġietx, bħala tali, ikkonfermata mill-qrati Komunitarji. Għal kuntrarju, f’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġie indikat b’enfasi li l-eżistenza ta’ regola tar-raguni fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni hija dubjuża [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punt 133 (“...anki jekk ir-regola tar-raġuni kellha post fil-kuntest ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat”), u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Montedipe vs Il-Kummissjoni, T-14/89, Ġabra p. II-1155, punt 265, u tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 109].

73      Għandu jiġi osservat, sussegwentement, li interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, fil-forma ssuġġerita mir-rikorrenti, diffiċilment hija rikonċiljabbli mar-regoli preskritti f’dik id-dispożizzjoni.

74      L-Artikolu 85 tat-Trattat jipprovdi espressament fit-tielet paragrafu tiegħu l-possibbiltà li jiġu eżentati ftehim li jirrestrinġu l-kompetizzjoni meta jissodisfaw numru ta’ kundizzjonijiet b’mod partikolari fejn dawn ikunu indispensabbli għall-kisba ta’ ċerti oġġettivi u ma jipprovdux lil impriżi l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni. Huwa biss fil-qafas preċiż ta’ din id-dispożizzjoni li l-aspetti ta’ restrizzjoni favur u kontra l-kompetizzjoni jistgħu jintiżnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, Pronuptia, 161/84, Ġabra p. 353, punt 24; tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Lulju 1994, Matra Hachette vs Il-Kummissjoni, T-17/93, Ġabra p. II-595, punt 48, u European Night Services et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 34 iktar ’il fuq, punt 136). L-Artikolu 85(3) tat-Trattat kien jitlef ħafna mill-effettività tiegħu li kieku tali eżami jitwettaq qabel taħt l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

75      Huwa veru li f’numru ta’ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza kienu favur interpretazzjoni iktar flessibbli tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Société technique minière u Oude Luttikhuis et, iċċitati f’punt 70 iktar ’il fuq, Nungesser u Eisele vs Il-Kummissjoni u Coditel et, iċċitati f’punt 68 iktar ’il fuq, Pronuptia, iċċitata f’punt 74 iktar ’il fuq, u European Night Services et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 34 iktar ’il fuq, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG, C-250/92, Ġabra p. I-5641, punt 31 sa 35).

76      Dawn is-sentenzi ma jistgħux, Madankollu, jiġu interpretati bħala li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ regola tar-raġuni fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Huma pjuttost parti minn tendenza iktar wiesa’ fil-ġurisprudenza skond liema m’hemmx lok li jiġi kkunsidrat, b’mod għal kollox astratt jew mingħajr ma ssir ebda distinzjoni, li kwalunkwe ftehim li jirrestrinġi l-libertà ta’ azzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-partijiet jaqa’ taħt il-projbizzjoni stipulata mill-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Fl-evalwazzjoni ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 85(1) fir-rigward ta’ ftehim, iridu jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet attwali li fih jopera, il-prodotti u s-servizzi koperti mill-ftehim u l-istruttura attwali tas-suq ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi European Night Services et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 34 iktar ’il fuq, punt 136, Oude Luttikhuis et, iċċitata f’punt 70 iktar ’il fuq, punt 140, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C-234/89, Ġabra p. I-935, punt 31).

77      Din l-interpretazzjoni tippermetti fil-fatt, filwaqt li tosserva l-iskema sostantiva ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat u, partikolarment, l-effettività ta’ l-Artikolu 85(3), li jiġi evitat li l-projbizzjoni fl-Artikolu 85(1) testendi b’mod għal kollox astratt u mingħajr distinzjoni għall-ftehim kollha li għandhom l-effett li jirrestrinġu l-libertà ta’ azzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-partijiet. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li tali approċċ ma jimplikax li huwa meħtieġ li jintiżnu l-effetti ta’ ftehim favur u kontra l-kompetizzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

78      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għas-sottomissjoni tar-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni applikat korrettament l-Artikolu 85(1) tat-Trattat għall-klawżola ta’ esklużività u għall-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi peress li ma kinitx obbligata li tiżen l-aspetti ta’ dawk il-ftehim favur u kontra l-kompetizzjoni barra mill-qafas speċifiku ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

79      Għall-kuntrarju, hija evalwat in-natura restrittiva ta’ dawk il-klawżoli fil-kuntest ekonomiku u legali tagħhom skond il-ġurisprudenza. Għalhekk, hija kkonstatat ġustament li l-istazzjonijiet ta’ interess ġenerali ppreżentaw programmi li kienu attraenti għall-abbonati ta’ kumpannija tat-televiżjoni bi ħlas u li l-effett tal-klawżola ta’ esklużività kien li jċaħħad lill-kompetituri ta’ TPS l-aċċess għal programmi bħal dawn (punti 102 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi, il-Kummissjoni kkunsidrat li din wasslet għal limitazzjoni tal-provvista ta’ stazzjonijiet bħal dawn f’dan is-suq għal perijodu ta’ 10 snin (punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata).

80      Dan l-ilment għandu għalhekk jiġi miċħud.

 ii) Fuq l-argument, invokat sussidjarjament, li l-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi huma restrizzjonijiet anċillari

–       L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq il-kunċett ta’ restrizzjoni anċillari

81      Fir-rigward tal-kunċett ta’ restrizzjoni anċillari, ir-rikorrenti għamlu riferiment għall-XXIV Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni, ta’ l-1994) (p. 120, punt 166), skond liema “restrizzjonijiet [tal-kompetizzjoni] fil-kuntest ta’ joint ventures” huma “restrizzjonijiet imposti biss fuq il-partijiet jew il-joint venture (mhux fuq partijiet terzi) u li huma oġġettivament meħtieġa għat-tħaddim b’suċċess tal-joint venture u b’hekk, minn natura proprja tagħhom, inerenti fl-operazzjoni kkonċernata”.

82      Ir-rikorrenti jagħmlu riferiment ukoll għall-Avviż tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 1993 li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ cooperative joint ventures skond l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (ĠU 1993, C 43, p. 2, iktar ’il quddiem “l-avviż dwar il-cooperative joint ventures”), fejn il-Kummissjoni stqarret li ftehim “li huma direttament relatati mal-joint venture u meħtieġa għall-eżistenza tagħha għandhom jiġi evalwati flimkien mal-joint venture. Mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet anċillari jekk jibqgħu subordinati għall-għan prinċipali tal-joint venture” (punt 66).

83      Ir-rikorrenti josservaw ukoll li huwa evidenti mill-avviż dwar il-cooperative joint ventures li, l-ewwel nett, liċenzja għal operazzjoni esklużiva konċessa lill-joint venture mingħajr terminu ta’ żmien kienet meqjusa bħala indispensabbli għall-ħolqien u l-operazzjoni tagħha u, it-tieni nett, li t-teorija tar-restrizzjoni anċillari hija, ġeneralment, applikata fil-każ ta’ joint venture li twettaq attivitajiet ġodda fir-rigward ta’ liema l-kumpanniji ewlenin la huma kompetituri attwali u lanqas potenzjali [punt 76 ta’ l-avviz dwar il-cooperative joint ventures].

84      Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjonijiet attwali tal-Kummissjoni juru li dawk il-prinċipji ġew applikati fedelment.

85      Ir-rikorrenti jistqarru li fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/895/KE tal-15 ta’ Diċembru 1994, rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (IV/34.768 ─ International Private Satellite Partners) (ĠU L 354, p. 75, punt 61), il-Kummissjoni sostniet li l-klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni kellhom jiġu meqjusa bħala anċillari meta huma indispensabbli għall-joint venture u ma jeċċedux dak li l-ħolqien u l-operazzjoni tal-joint venture jeħtieġu [ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/39/KE tat-18 ta’ Diċembru 1996 rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (IV/35.518 ─ Iridium) (ĠU 1997, L 16, p. 87, punt 48 et seq) u, fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ April 1995 li ddikjarat li konċentrazzjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni abbażi tar-Regolament Nru 4064/89 (IV/M.564 ─ Havas Voyages vs American Express) (ĠU C 117, p. 8)].

86      Ir-rikorrenti jsostnu, barra minn hekk, li d-deċiżjonijiet u sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni huma, b’mod ġenerali, irrilevanti għall-kawża preżenti.

87      Ir-rikorrenti jistqarru li s-sentenza Pronuptia (iċċitata f’punt 74 iktar ’il fuq) u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni (42/84, Ġabra p. 2545), jikkonċernaw il-kriterji għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) u (3) tat-Trattat, iżda ma jagħmlu l-ebda riferiment għall-problema tar-restrizzjonijiet anċillari. Huma jsemmu, imbagħad, li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 87/100/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1986, rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.340 ─ Mitchell Cotts vs Sofiltra) (ĠU 1987, L 41, p. 31, punt 23), ma żżid xejn ġdid. Rigward id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/410/KEE tat-13 ta’ Lulju 1990, rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/32.009 ─ Elopak vs Metal Box-Odin) (ĠU L 209, p. 15, punt 31), fl-opinjoni tar-rikorrenti, din id-deċiżjoni tikkonferma aktar milli tikkontradixxi l-prinċipju li huwa prominenti fid-deċiżjonijiet li saret riferiment għalihom.

88      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jissottomettu li, kuntrarjament għas-sottomissjoni tal-Kummissjoni u ta’ l-intervenjenti, il-klassifikazzjoni ta’ klawżola bħala restrizzjoni anċillari m’għandhiex tirriżulta minn analiżi astratta tar-restrizzjoni imma minn analiżi profonda tas-suq.

89      Ir-rikorrenti jissottomettu, barra minn hekk, li l-Kummissjoni wettqet tali eżami fid-deċiżjoni kkontestata. Huma jistqarru wkoll li d-deċiżjonijiet u s-sentenzi ċċitati mill-intervenjenti jagħtu prova tal-fatt li l-kuntest tas-suq jiġi kkunsidrat meta tingħata l-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjonijiet anċillari”. Għalhekk, fis-sentenza Remia et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 87 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja irrifjutat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, li tikklassifika klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni għal terminu li jeċċedi l-erba’ snin bħala restrizzjoni anċillari. Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/329/KE tat-12 ta’ April 1999 rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim ŻEE (IV/D-1/30.373 ─ P & I Clubs, IGA u IV/D-1/37.143 ─ P & I Clubs, Pooling Agreement) (ĠU L 125, p. 12), ġie deċiż, wara eżami tal-prezzijiet u tat-termini tal-bejgħ tas-suq ta’ l-assigurazzjoni mill-ġdid, li x-xiri konġunt ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni mill-ġdid kien, fil-każ partikolari, restrizzjoni anċillari. Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/574/KE tas-27 ta’ Lulju 1999, rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ZEE (IV/36.581 ─ Télécom développement) (ĠU L 218, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Télécom développement”), il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-pożizzjoni ekonomika u kompetittiva tal-kumpannija Télécom développement fis-suq tat-telefonija vokali u kkonkludiet li l-klawżoli nnotifikati kellhom jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni anċillari. Fl-aħħar nett, fid-Deċiżjoni 97/39, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikklassifika l-klawżoli nnotifikati bħala restrizzjonijiet anċillari, għal darb’oħra fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dak il-każ.

90      Il-Kummissjoni, appoġġjata mill-intervenjenti, tikkontesta l-interpretazzjoni tar-rikorrenti tal-kunċett ta’ restrizzjoni anċillari.

–       Fuq il-konsegwenzi tal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni anċillari

91      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li jirriżulta kemm miż-żewġ pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll mid-deċiżjonijiet preċedenti li l-impenji kklassifikati bħala restrizzjonijiet anċillari għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-operazzjoni prinċipali.

92      Ir-rikorrenti josservaw li fl-XXIV Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni tagħha, il-Kummissjoni stqarret li r-restrizzjonijiet anċillari ma jiġux evalwati separatament taħt l-Artikolu 85(1) jekk il-joint venture nnifisha ma tiksirx l-Artikolu 85(1) jew tiġi eżentata taħt l-Artikolu 85(3). Filwaqt li restrizzjonijiet anċillari normalment jiġu aċċettati biss għal perijodu limitat ta’ żmien, fil-kuntest ta’ joint ventures dawn normalment jitħallew għat-tul ta’ żmien kollu tal-joint venture”. Bl-istess mod, huma josservaw li fl-avviż dwar il-cooperative joint ventures, il-Kummissjoni stqarret li “jekk joint venture ma taqax taħt l-Artikolu 85(1), bl-istess mod lanqas il-ftehim addizzjonali ma jagħmlu dan peress illi, għalkemm jirrestrinġu l-kompetizzjoni, huma anċillari għall-joint ventures bil-mod deskritt iktar ’il fuq” (punt 67) u li dawn “għandhom jiġu evalwati flimkien mal-joint venture” (punt 66).

93      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni applikat dawn il-prinċipji fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha. B’hekk, f’punt 62 tad-Deċiżjoni 94/895, il-Kummissjoni sostniet li peress li l-joint ventures ma kienux jaqgħu fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, lanqas il-klawżoli in kwistjoni ma kienu jagħmlu dan (ara wkoll id-Deċiżjoni 97/39, punt 48).

94      Il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm huwa veru li l-konsegwenzi legali ta’ l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni anċillari twassal sabiex klawżoli kuntrattwali li huma a priori restrittivi għall-kompetizzjoni u li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifittaiv il-kummerċ bejn Stati Membri jaqgħu barra mill-iskop ta’ l-Artikolu 85(1), dan ma jfissirx li dawk il-klawżoli jibbenefikaw neċessarjament minn negative clearance għall-istess perijodu ta’ żmien bħall-operazzjoni prinċipali. Kif jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza Remia vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 87 iktar ’il fuq, u mid-deċiżjoni kkontestata, it-tul ta’ żmien ta’ restrizzjoni jista’ jkun kriterju essenzjali sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex anċillari jew le.

–       Fuq il-klassifikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużività bħala restrizzjoni anċillari

95      Ir-rikorrenti jsostnu li m’hemmx dubju li l-Kummissjoni kellha tikklassifika l-klawżola ta’ esklużività bħala restrizzjoni anċillari.

96      Huma jsostnu li, fil-fatt, fid-dawl tal-pożizzjoni dominanti ta’ Canal+, partikolarment fis-suq tad-drittijiet ta’ trażmissjoni ta’ films Franċiżi u Amerikani, din l-esklużività kienet l-uniku mod kif tidħol fis-suq tat-televiżjoni bi ħlas fi Franza u li tibqa’ fih billi jżomm varjetà attraenti ta’ programmi. In-natura għal kollox partikolari ta’ dan il-vantaġġ huwa evidenti wkoll mill-fatt li ġie konċess lil TPS mill-azzjonisti tagħha, mingħajr ħlas fuq kull naħa, sabiex jiġi assigurat s-suċċess tagħha fis-suq.

97      Skond ir-rikorrenti, l-argument prinċipali tal-Kummissjoni sabiex tikkontesta n-natura anċillari tal-klawżola ta’ esklużività, jiġifieri li l-ħolqien ta’ impriża li hija attiva fis-settur tat-televiżjoni diġitali permezz tas-satellita huwa konċepibbli anki mingħajr id-dritt esklużiv li jiġu trażmessi l-erba’ stazzjonijiet ta’ interess ġenerali, huwa żbaljat. Huma jsostnu li ma kellhomx – u għad għandhom ftit li xejn – drittijiet esklużivi li jittrażmettu films u avvenimenti sportivi meta ddeċidew li jiffurmaw it-TPS, biex b’hekk l-unika arma kompetittiva kienet (u għadha sa issa) id-dritt esklużiv li jittrażmettu stazzjonijiet ta’ interess ġenerali. Din il-klawżola kienet għalhekk direttament marbuta mal-ħolqien ta’ TPS u hija meħtieġa għat-tħaddim xieraq tagħha.

98      Il-Kummissjoni ma taqbilx li hija wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha meta ma kklassifikatx il-klawżola ta’ esklużività bħala restrizzjoni anċillari.

–       Fuq il-klassifikazzjoni tal-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi bħala restrizzjoni anċillari

99      Ir-rikorrenti jissottomettu li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni meta naqset milli tikklassifika l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi bħala restrizzjoni anċillari.

100    Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni fil-fatt ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li din il-klawżola kienet indispensabbli għall-ħolqien u l-operazzjoni ta’ TPS, peress li dak l-aċċess privileġġjat għall-istazzjonijiet u programmi ta’ l-azzjonisti tagħha u d-dritt għall-aħħar rifjut kien l-uniku mezz li bih TPS setgħet tassigura l-akkwist ta’ stazzjonijiet tematiċi, fid-dawl b’mod partikolari tal-pożizzjoni speċjalment b’saħħitha tal-grupp Canal+ fis-suq ta’ dawn l-istazzjonijiet.

101    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jsostnu li huwa xieraq li jsir riferiment għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/573/KE tal-Kummissjoni, ta’ l-20 ta’ Mejju 1999, rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE (IV/36.592 ─ Cégétel +4) (ĠU L 218, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Cégétel”), u għad-deċiżjoni Télécom développement. Dawk id-deċiżjonijiet jikkonċernaw sitwazzjonijiet kompetittivi li huma pjuttost simili għall-każ preżenti (swieq iddominati minn operatur stabbilit għal ħafna żmien) u f’dawk id-deċiżjonijiet l-analiżi tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda klawżoli simili għall-klawżoli dwar l-istazzjonijiet tematiċi, billi l-klawżola fid-deċiżjoni Télécom développement ipprovvdiet għal aċċess preferenzjali għal infrastruttura u dik fid-deċiżjoni Cégétel ipprovvdiet għal xiri preferenzjali mill-joint venture mingħand l-azzjonisti tagħha. Ir-rikorrenti josservaw li, kuntrarjament għall-kawża preżenti, il-Kummissjoni ma eżitatx li tikklassifika dawk il-klawżoli bħala restrizzjonijiet anċillari u li tittrattahom eżattament bl-istess mod bħall-joint venture (ara wkoll id-Deċiżjoni 1999/329).

102    Il-Kummissjoni ma taqbilx li hija għamlet xi żball ta’ evalwazzjoni meta ma kklassifikatx il-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi bħala restrizzjoni anċillari.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

103    Huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi ddefinit x’jikkostitwixxi “restrizzjoni anċillari” fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u li jiġu indikati l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni bħala “anċillari”. Sussegwentement, għandhom jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti b’dan il-mod għall-klawżola ta’ esklużività u għall-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi sabiex jiġi stabbilit jekk, kif ir-rikorrenti jaffermaw, il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta ma kklassifikatx dawk l-impenji bħala restrizzjonijiet anċillari.

–       Fuq il-kunċett ta’ “restrizzjoni anċillari”

104    Fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni l-kunċett ta’ “restrizzjoni anċillari” ikopri kwalunkwe restrizzjoni li hija direttament relatata u meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ l-operazzjoni prinċipali [ara, f’dan is-sens, l-Avviż tal-Kummissjoni ta’ l-14 ta’ Awwissu 1990 dwar restrizzjonijiet anċillari għal konċentrazzjonijiet (ĠU 1990, C 203, p. 5, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar ir-restrizzjonijiet anċillari”, punt I), l-avviż dwar il-cooperative joint ventures (punt 65) u l-Artikolu 6(1)(b) u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89).

105    Fl-avviż tagħha dwar restrizzjonijiet anċillari l-Kummissjoni ġustament stqarret li restrizzjoni “direttament relatata” ma’ l-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali għandha tinftiehem li hija kwalunkwe restrizzjoni li hija subordinata għall-implementazzjoni ta’ dik l-operazzjoni u li għandha rabta evidenti magħha (punt II 4).

106    Il-kundizzjoni li restrizzjoni trid tkun neċessarja timplika eżami minn żewġ aspetti. Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, l-ewwel nett, jekk ir-restrizzjoni hijiex oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni ta’ l-operazzjoni prinċipali u, t-tieni, jekk hijiex proporzjonali għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Remia et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 87 iktar ’il fuq, punt 20; ara bl-istess mod punti II 5 u II 6 ta’ l-avviż dwar ir-restrizzjonijiet anċillari).

107    Fir-rigward tan-neċessità oġġettiva ta’ restrizzjoni, għandu jiġu osservat li billi, kif ġie muri fil-punt 72 et seq iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ regola tar-raġuni fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi kkonfermata, ikun żbaljat meta, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjonijiet anċillari, ir-rekwiżit ta’ neċessità oġġettiva jiġi interpretat bħala li jimplika l-bżonn li jintiżnu l-effetti ta’ ftehim favur u kontra l-kompetizzjoni. Analiżi bħal din tista’ sseħħ biss fil-qafas speċifiku ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

108    Din il-pożizzjoni hija ġġustifikata mhux biss sabiex tinżamm l-effettività ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, imma anki għal raġunijiet ta’ konsistenza. Peress li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat ma jeħtieġx analiżi ta’ l-effetti pożittivi u negattivi ta’ restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni, l-istess kunsiderazzjoni hija meħtieġa fir-rigward ta’ l-analiżi tar-restrizzjonijiet li jakkumpanjawhom.

109    Konsegwentement, kif il-Kummissjoni sostniet b’mod korrett, l-eżami tan-neċessità oġġettiva ta’ restrizzjoni fir-rigward ta’ l-operazzjoni prinċipali ma tistax ma tkunx relattivament astratta. Mhijiex kwistjoni li jiġi analizzat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq rilevanti, ir-restrizzjoni hijiex indispensabbli għas-suċċess kummerċjali ta’ l-operazzjoni prinċipali imma sabiex jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest speċifiku ta’ l-operazzjoni prinċipali, ir-restrizzjoni hijiex meħtieġa sabiex tiġi implementata dik l-operazzjoni. Jekk mingħajr ir-restrizzjoni l-operazzjoni prinċipali hija diffiċli jew anki impossibbli biex tiġi implementata, ir-restrizzjoni tista’ tiġi meqjusa bħala oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tagħha.

110    Għaldaqstant, fis-sentenza tagħha Remia et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 87 iktar ’il fuq (punt 19), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienet oġġettivament meħtieġa għat-trasferiment b’suċċess ta’ impriżi, peress illi, mingħajr klawżola bħal din, “u jekk ix-xerrej u l-bejjiegħ jibqgħu kompetituri wara t-trasferiment, huwa evidenti li l-ftehim għat-trasferiment ta’ impriża ma setax jingħata effett. Il-bejjiegħ, bl-għarfien dettaljat tiegħu ta’ l-impriża ttrasferita, xorta waħda jkun f’pożizzjoni li jirbaħ lura l-klijenti preċedenti tiegħu immedjatament wara t-trasferiment u b’hekk jieħu n-negozju ta’ l-impriża.”

111    Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkunsidrat li numru ta’ restrizzjonijiet kienu oġġettivament meħtieġa sabiex jiġu implementati ċerti operazzjonijiet. Fin-nuqqas ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, l-operazzjoni in kwistjoni “ma setgħetx tiġi implementata jew setgħet tiġi implementata biss taħt kundizzjonijiet iktar inċerti, jew bi spejjeż sostanzjalment iktar għoljin, matul perijodu ħafna itwal jew bi probabbilità kunsiderevolment inqas’ ta’ suċċess (punt II 5 ta’ l-avviż dwar ir-restrizzjonijiet anċillari; ara wkoll, per eżempju, id-Deċiżjoni 90/410, punti 22 et seq)

112    Kuntrarjament għat-talba tar-rikorrenti, l-ebda waħda mid-diversi deċiżjonijiet li għalihom jagħmlu riferiment turi li l-Kummissjoni wettqet analiżi tal-kompetizzjoni meta kklassifikat il-klawżoli rilevanti bħala restrizzjonijiet anċillari. Għal kuntrarju, dawk id-deċiżjonijiet juru li l-analiżi tal-Kummissjoni kienet relattivament astratta. B’hekk, il-punt 77 tad-Deċiżjoni 1999/329 jipprovdi kif ġej:

“Fil-fatt, ftehim ta’ taqsim ta’ talbiet ma jistax jiffunzjona sew mingħajr ma almenu jkun hemm qbil bejn il-partijiet fuq livell wieħed ta’ kopertura li ser jiġi offrut. Ir-raġuni hija li l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun disposta li taqsam talbiet ġejjin minn klabbs oħrajn li l-ammont tagħhom ikun ogħla minn dak li hija stess tkun tista’ tissottometti lill-kollettiv”.

113    Fejn restrizzjoni hija oġġettivament meħtieġa sabiex timplementa operazzjoni prinċipali, huwa xorta waħda meħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-tul ta’ żmien tagħha u l-iskop materjali u ġeografika tagħha ma jeċċedux dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi implementata dik l-operazzjoni. Jekk it-tul ta’ żmien jew l-iskop tar-restrizzjoni jeċċedu dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi implementata l-operazzjoni, din għandha tiġi evalwata separatament taħt l-Artikolu 85(3) tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 1992, Dansk Pelsdyravlerforening vs Il-Kummissjoni, T-61/89, Ġabra p. II-1931, punt 78).

114    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, safejn l-evalwazzjoni tan-natura anċillari ta’ ftehim partikolari fir-rigward ta’ operazzjoni prinċipali tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mill-Kummissjoni, eżami ġudizzjarju mill-ġdid ta’ dik l-evalwazzjoni tkun limitata għall-verifika ta’ jekk ir-regoli proċedurali rilevanti ġewx osservati, jekk id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għad-deċiżjoni hijiex adegwata, jekk il-fatti ġewx iddikjarati b’mod preċiż u jekk kienx hemm żball manifest fl-evalwazzjoni jew abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tat-terminu permissibbli ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, Remia vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 87 iktar ’il fuq, punt 34).

–       Fuq il-konsegwenza tal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni anċillari

115    Jekk jiġi stabbilit li restrizzjoni hija direttament relatata u meħtieġa sabiex tinkiseb operazzjoni prinċipali, il-kompatibbiltà ta’ dik ir-restrizzjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tiġi eżaminata ma’ dik ta’ l-operazzjoni prinċipali.

116    Għaldaqstant, jekk l-operazzjoni prinċipali ma taqax fi ħdan l-iskop tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat, l-istess jgħodd għar-restrizzjonijiet direttament relatati u meħtieġa għal dik l-operazzjoni (ara, f’dan is-sens, Remia vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 87 iktar ’il fuq, punt 20). Jekk, min-naħa l-oħra, l-operazzjoni prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 85(1) iżda tibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, dik l-eżenzjoni tkopri wkoll l-imsemmija restrizzjonijiet anċillari.

117    Barra minn hekk, fejn ir-restrizzjonijiet huma direttament relatati u meħtieġa għal konċentrazzjoni skond it-tifsira ta’ Regolament Nru 4064/89, isegwi kemm mill-Artikolu 6(1)(b) u mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament li dawn ir-restrizzjonijiet huma koperti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-operazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.

–       Fuq il-klassifikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużività bħala restrizzjoni anċillari

118    Għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-prinċipji stipulati f’punti 103 sa 114 iktar ’il fuq, jekk fil-każ preżenti l-Kummissjoni kkommettietx żball manifest fl-evalwazzjoni meta ma kklassifikatx il-klawżola ta’ esklużività bħala restrizzjoni li kienet anċillari għall-ħolqien ta’ TPS.

119    Ir-rikorrenti jissottomettu li l-klawżola ta’ esklużività hija anċillari għall-ħolqien ta’ TPS peress li l-klawżola hija indispensabbli sabiex tħalli lil TPS tippenetra s-suq tat-televiżjoni bi ħlas fi Franza peress illi hija ma tgawdi minn ebda drittijiet esklużivi għal films u avvenimenti sportivi ta’ l-ikbar importanza.

120    Madankollu, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-fatt li l-klawżola ta’ esklużività hija meħtieġa sabiex tippermetti lil TPS sabiex tistabbilixxi ruħha f’dan is-suq fuq perijodu ta’ żmien twil mhuwiex rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ l-imsemmija klawżola bħala restrizzjoni anċillari.

121    Kif ġie stipulat fil-punt 106 iktar ’il fuq, tali kunsiderazzjonijiet, rigward in-natura indispensabbli tar-restrizzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq rilevanti, mhumiex parti minn analiżi tan-natura anċillari tar-restrizzjonijiet. Dawn jistgħu jiġu kkunsidrati biss fil-qafas ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat (ara, f’dan ir-rigward, Pronuptia, iċċitata f’punt 74 iktar ’il fuq, punt 24, u Dansk Pelsdyravlerforening vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 113 iktar ’il fuq, punt 78).

122    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li għalkemm, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti kienu kapaċi jistabbilixxu suffiċjentement skond id-dritt li l-klawżola ta’ esklużività kienet direttament relatata ma’ l-istabbiliment ta’ TPS, min-naħa l-oħra, huma ma wrewx li t-trażmissjoni esklużiva ta’ stazzjonijiet ta’ interess ġenerali kienet oġġettivament meħtieġa għal dik l-operazzjoni. Kif il-Kummissjoni stqarret ġustament, kumpannija fis-settur tat-televiżjoni bi ħlas tista’ tiġi inawgurata ġewwa Franza mingħajr ma jkollha drittijiet esklużivi għall-istazzjonijiet ta’ interess ġenerali. Dik hija s-sitwazzjoni għal CanalSatellite u AB-Sat, iż-żewġ operaturi l-oħrajn f’dak is-suq.

123    Anki jekk il-klawżola ta’ esklużività kienet oġġettivament meħtieġa għall-ħolqien ta’ TPS, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta waslet għall-konklużjoni li din ir-restrizzjoni ma kinitx proporzjonata ma’ dan l-objettiv.

124    Il-klawżola ta’ esklużività hija għal perijodu inizjali ta’ għaxar snin. Kif il-Kummissjoni kkonstatat f’punt 134 tad-deċiżjoni kkontestata, tali perijodu huwa meqjus bħala eċċessiv peress li “TPS [għandha] tistabbilixxi lilha nnifisha fis-suq qabel it-tmiem ta’ dak il-perijodu (ara, f’dan is-sens, il-punt 133 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li t-trażmissjoni esklużiva ta’ l-istazzjonijiet ta’ interess ġenerali, għalkemm hija intiża fil-bidu li ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ TPS fis-suq tat-televiżjoni bi ħlas tista’ fl-aħħar mill-aħħar tippermettilha, wara xi snin, li telimina l-kompetizzjoni minn dak is-suq.

125    Barra minn hekk, il-klawżola ta’ esklużività hija wkoll sproporżjonata safejn l-effett tagħha huwa li jċaħħad lil kompetituri attwali u potenzjali minn kwalunkwe aċċess għall-programmi li huma kkunsidrati attraenti minn numru kbir ta’ telespettaturi Franċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Oude Luttikhuis et, iċċitata f’punt 70 iktar ’il fuq, punt 16). Din in-natura eċċessiva ta’ l-impenn hija msaħħa wkoll bl-eżistenza ta’ “żoni ta’ dell”. It-telespettaturi li jgħixu f’dawn iz-żoni li jixtiequ jabbonaw għal kumpannija tat-televiżjoni bi ħlas li tittrażmetti wkoll stazzjonijiet ta’ interess ġenerali jistgħu jduru biss fuq TPS.

126    Għandu għalhekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest meta ma kklassifikatx il-klawżola ta’ esklużività bħala restrizzjoni li kienet anċillari għall-ħolqien ta’ TPS.

127    Għaldaqstant, din il-parti ta’ l-argument tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-klassifikazzjoni tal-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi bħala restrizzjoni anċillari

128    Għandu jiġi eżaminat ukoll, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-punti 103 sa 114 hawn fuq, jekk, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kklassifikatx il-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi bħala restrizzjoni anċillari.

129    F’dan ir-rigward, irid jiġi rrilevat li fid-deċiżjoni kkontestata (punt 101), il-Kummissjoni stqarret:

“L-obbligu fuq il-membri li jagħtu lil TPS prijorità fuq l-istazzjonijiet tematiċi tagħhom jista’ possibbilment jitqies bħala anċillari għall-inawgurazzjoni tal-pjattaforma; dan l-obbligu, li huwa impost għal perijodu ta’ għaxar snin, Madankollu jirriżulta f’limitazzjoni għall-provvista ta’ stazzjonijiet tematiċi u servizzi televiżivi. F’dan ir-rigward, il-klawżola in kwistjoni taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu 85(1)”.

130    Huwa evidenti mill-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata li r-raġuni prinċipali għalfejn il-Kummissjoni rrifjutat li tikklassifika l-klawżola bħala restrizzjoni anċillari kienet dik li din kellha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ta’ terzi persuni fuq perijodu pjuttost fit-tul.

131    Ir-rikorrenti, minkejja li kellhom l-oneru tal-prova f’dak ir-rigward, ma ġabu ebda prova sabiex jinvalidaw dik l-evalwazzjoni.

132    Huma sempliċement jaffermaw li minħabba l-politika ta’ esklużività operata minn CanalSatellite, l-istazzjonijiet tematiċi operati jew iffurmati minnhom huma l-uniċi stazzjonijiet li għalihom TPS għandha aċċess, biex b’hekk il-klawżola in kwistjoni hija indispensabbli għas-sopravivenza tagħha. Anki jekk jiġi aċċettat li tali affermazzjoni hija korretta, kunsiderazzjoni ta’ dik ix-xorta rigward is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ TPS ma tistax tiġi kkunsidrata għall-iskopijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dik il-klawżola bħala restrizzjoni anċillari. Kif ġie spjegat f’punti 107 sa 112 iktar ’il fuq, in-natura neċessarjament oġġettiva tal-klawżola hija stabbilita mingħajr ma jsir riferiment għas-sitwazzjoni kompetittiva.

133    Barra minn hekk, peress li s-suq għall-operazzjoni ta’ stazzjonijiet tematiċi qed igawdi minn tkabbir qawwi (punt 65 tad-deċiżjoni kkontestatata), il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta waslet għall-konklużjoni li l-obbligu fuq l-azzjonisti ta’ TPS, għal perijodu ta’ 10 snin, li joffru l-ewwel l-istazzjonijiet tematiċi tagħhom lil TPS kien jeċċedi dak li kien meħtieġ għall-ħolqien ta’ TPS.

134    Fl-aħħar nett, kif ġie sostnut korrettament mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti huma żbaljati meta jagħmlu riferiment għad-deċiżjonijiet Cégétel u Télécom développement peress li dawk id-deċiżjonijiet jikkonċernaw sitwazzjonijiet fattwali differenti. Għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ TPS ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik ta’ parteċipant ġdid f’suq iddominat minn kumpannija b’monopolju għal snin twal u li jeħtieġ aċċess għall-infrastruttura essenzjali. Canal+ ma tgawdix minn monopolju għal snin twal fis-suq għall-operazzjoni ta’ stazzjonijiet tematiċi u d-dħul f’dak is-suq ma kienx jeħtieġ aċċess għal infrastruttura essenzjali. Barra minn hekk, f’Cégétel u Télécom développement, l-effett tal-klawżoli kkunsidrati ma kienx li jċaħħad terzi persuni minn kwalunkwe possibbiltà ta’ aċċess għas-servizzi ta’ l-azzjonisti. Din kienet sempliċement kwistjoni ta’ trattament preferenzjali.

135    Għalhekk għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kklassifikatx il-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi bħala restrizzjoni li kienet anċillari għall-ħolqien ta’ TPS.

136    Għaldaqstant, din il-parti ta’ l-argument sussidjarju tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 iii) Konklużjoni

137    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, dan ii-motiv għandu jiġi miċħuda bħala infondat.

b)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat

 i) Fuq l-argument ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ eżenzjoni stipulati fl-Artikolu 85(3) tat-Trattat


 L-argumenti tal-partijiet

138    Ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 85(3) tat-Trattat billi kkunsidrat, meta applikat din id-dispożizzjoni, evalwazzjonijiet rigward il-kompetizzjoni fis-suq tat-televiżjoni bi ħlas li skond ir-rikorrenti jaqgħu fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu 85(1).

139    Sussegwentement, ir-rikorrenti josservaw li skond il-ġurisprudenza (sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Métropole télévision et vs Il-Kummissjoni, T-528/93, T-542/93, T-543/93 u T-546/93, Ġabra p. II-649, punt 114), l-elementi li ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni meta applikat l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għandhom ikunu rilevanti u jirrelataw ma’ dak l-Artikolu. Skond ir-rikorrenti, minflok ma ġie eżaminat jekk il-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi, li l-Kummissjoni kkunsidrat li kienu jmorru kontra l-Artikolu 85(1), jissodisfawx il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni stipulati fl-Artikolu 85(3), hija fil-fatt analizzat jekk il-ħolqien ta’ TPS fuq is-suq issodisfax dawn il-kundizzjonijiet.

140    Il-Kummissjoni ma taqbilx li hija applikat ħażin l-kriterji ta’ eżenzjoni stipulati fl-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

141    Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni hija taħt obbligu, meta tapplika l-Artikolu 85(1) tat-Trattat u mhux l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, li tiżen l-effetti ta’ restrizzjoni favur u kontra l-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet ippreżentati iktar ’il fuq f’punt 72 et seq.

142    Għal dak li jirrigwarda d-domanda dwar jekk il-Kummissjoni vverifikatx b’mod korrett jekk il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni ġewx sodisfatti fir-rigward tal-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għall-affermazzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni eżaminat jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-klawżoli.

143    Għalhekk, fir-rigward tal-kundizzjoni li għandu jkun hemm kontribut għat-titjib tal-produzzjoni jew distribuzzjoni ta’ oġġetti jew l-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku, il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-kundizzjoni ġiet sodisfatta billi “bil-faċilitazzjoni ta’ l-inawgurazzjoni b’suċċess ta’ pjattaforma ġdida fis-suq tat-televiżjoni bi ħlas [il-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi] jagħmluha possibbli għall-operatur ġdid biex jibda jopera u jżid il-varjetà ta’ servizzi ta’ televiżjoni bi ħlas disponibbli għal telespettaturi Franċiżi (punt 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

144    Dawn il-klawżoli huma ta’ benefiċċju wkoll għall-konsumaturi peress li jwasslu għal “żieda fil-varjetà ta’ servizzi offruti u għall-iżvilupp ta’ servizzi ġodda bbażati fuq l-użu ta’ teknoloġija ġdida” (punt 118 tad-deċiżjoni kkontestata) u “għal kompetizzjoni estremament akkanita li żviluppat hekk kif ġiet iffurmata TPS bejn din il-pjattaforma u l-CanalSatellite/Canal+” (punt 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

145    Rigward l-indispensabbiltà tal-klawżoli in kwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li “mingħajr aċċess preferenzjali għal dawk l-istazzjonijiet [tematiċi], TPS kien ikollha tipproduċi hija stess numru kbir ta’ stazzjonijiet, li kien iżid bil-bosta l-ispejjeż li kienu diġà estremament għoljin ta’ l-inawgurazzjoni tal-pjattaforma (punt 122 tad-deċiżjoni kkontestata) u li “it-trażmissjoni esklużiva ta’ stazzjonijiet ta’ interess ġenerali, billi għamlet l-offerta ta’ TPS attraenti għall-konsumaturi u distinta minn servizzi oħrajn, hija indispensabbli għall-penetrazzjoni tagħha fis-suq Franċiż tat-televiżjoni bi ħlas” (punt 132 tad-deċiżjoni kkontestata).

146    Huwa veru li, għal dak li jirrigwarda r-raba’ kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 85(3) tat-Trattat, jiġiferi r-rekwiżit li ma jkun hemm ebda possibbiltà li tiġi eliminata l-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni, il-Kummissjoni m’għamlet ebda riferiment espliċitu għall-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi. Hija kkunsidrat sempliċement li “mhux talli eliminaw il-kompetizzjoni, iżda l-ftehim TPS jiffavorixxu l-kompetizzjoni” (punt 135 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, jirriżulta b’mod impliċitu mill-analiżi tal-Kummissjoni li, meta waslet għal dik il-konklużjoni, hija kkunsidrat dawn il-klawżoli u sabet li dawn kienu indispensabbli għas-suċċess ta’ TPS.

147    Fit-tieni lok, huwa xieraq li wieħed jirrileva, għalkemm il-Kummissjoni ikkunsidrat b’mod korrett li l-klawżola ta’ esklużività u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi ma setgħux jitqiesu bħala restrizzjonijiet anċillari għall-ħolqien ta’ TPS għar-raġunijiet stipulati fil-punti 118 sa 137 ta’ hawn fuq, li dawn ir-restrizzjonijiet huma, madankollu, direttament marbuta ma’ din l-operazzjoni. L-analiżi ta’ jekk id-diversi kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 85(3) tat-Trattat ġewx sodisfatti għalhekk kellhom isiru fid-dawl ta’ l-operazzjoni prinċipali li magħhom dawk il-klawżoli kienu marbutin.

148    Għandu jiġi osservat ukoll li l-argument tar-rikorrenti f’dak ir-rigward huwa kontradittorju. Huma jaffermaw li l-Kummissjoni kellha tqis dawk il-klawżoli bħala restrizzjonijiet anċillari għall-ħolqien ta’ TPS u, min-naħa l-oħra li din kellha tivverifika, mingħajr ma tagħmel riferiment għall-operazzjoni prinċipali, jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 85(3) tat-Trattat ġewx sodisfatti fir-rigward tagħhom.

149    Din il-kontradizzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “restrizzjoni anċillari”. Skond ir-rikorrenti, fejn restrizzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari, din għandha neċessarjament tiġi analizzata separatament. Madankollu, kif ġie msemmi f’punt 147 iktar ’il fuq, tali argument ma jieħux in kunsiderazzjoni l-fatt li fejn ċerti restrizzjonijiet li huma marbuta direttament ma’ operazzjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet anċillari għaliex mhumiex oġġettivament meħtieġa u lanqas proporżjonali mal-kisba ta’ l-operazzjoni prinċipali, dawn Madankollu jibqgħu marbutin ħaġa waħda ma’ dik l-operazzjoni. Għalhekk, huwa normali li dawn għandhom jiġu analizzati billi jiġi kkunsidrat il-kuntest ekonomiku u legali ta’ din ta’ l-aħħar.

150    Għaldaqstant, din il-parti ta’ l-argument tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 ii) Fuq l-argument ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tul ta’ żmien ta’ eżenzjoni individwali


 L-argumenti tal-partijiet

151    Ir-rikorrenti jissottomettu li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni meta waslet għall-konklużjoni fid-deċiżjoni kkontestata li t-tul ta’ żmien ta’ l-eżenzjoni fir-rigward tal-klawżola ta’ esklużività kellu jiġi limitat għal tliet snin. Ir-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni, jiġifieri li r-restrizzjoni hija indispensabbli għal TPS biss matul il-perijodu ta’ inawgurazzjoni u l-indispensabbiltà tagħha tonqos matul iż-żmien peress li TPS tkun tista’ taċċetta abbonati, tikseb esperjenza fis-settur tat-televiżjoni bi ħlas u b’hekk ittejjeb l-offerta tagħha, huma żbaljati.

152    Huma jistqarru li l-indispensabbiltà ta’ l-esklużività ma tonqosx iżda, għall-kuntrarju, tiżdied meta jiġu kkunsidrati l-pożizzjonijiet inattakkabbli li l-grupp Canal+ għandu fis-suq. Huma josservaw li mingħajr drittijiet esklużivi sabiex jittrażmettu l-istazzjonijiet ta’ interess ġenerali l-vijabbiltà ta’ TPS tkun fil-periklu.

153    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li huwa meħtieġ li jsir riferiment għad-deċiżjoni Cégétel, fejn klawżola għad-distribuzzjoni esklużiva ta’ ċerti servizzi telefoniċi kienet eżenti għal perijodu ta’ 10 snin, b’mod partikolari għar-raġuni li Cégétel ma tkunx tista’ tagħmel qligħ mill-investimenti permissibbli fis-servizzi tat-telekommunikazzjoni qabel ma jkun għadda perijodu estremament twil.

154    Ir-rikorrenti jissottomettu wkoll li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta rrestrinġiet għal tliet snin, jiġifieri għall-perijodu ta’ inawgurazzjoni, it-tul ta’ żmien ta’ l-eżenzjoni għall-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi. Huma jsostnu li din il-klawżola hija indispensabbli mhux biss matul il-perijodu ta’ inawgurazzjoni, kif tafferma l-Kummissjoni, iżda anki matul il-perijodu ta’ l-operazzjoni ta’ TPS peress li dik il-klawżola hija, għal TPS, l-uniku mezz sabiex tassigura l-provvista tagħha ta’ stazzjonijiet tematiċi.

155    Il-Kummissjoni ma taqbilx li hija wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta stabbilit l-eżenzjoni għall-perijodu ta’ tliet snin.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

156    Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżerċizzju tal-poteri tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 85(3) neċessarjament jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi dwar materji ekonomiċi, li jfisser li eżami ġudizzjarju mill-ġdid ta’ dawk l-evalwazzjonijiet trid tillimita ruħha għal eżami tar-rilevanza tal-fatti u l-konsegwenzi legali li l-Kummissjoni tiddeduċi minnhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 501, u s-sentenza Matra Hachette vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 74 iktar ’il fuq, punt 104).

157    Dan il-prinċipju japplika speċjalment fir-rigward tad-determinazzjoni mill-Kummissjoni tat-terminu li matulu restrizzjoni tkun ikkunsidrata bħala indispensabbli (sentenza Remia et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 87 iktar ’il fuq, punt 34).

158    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li f’Matra Hachette vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 74 iktar ’il fuq (punt 104), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “hija r-responsabbiltà ta’ l-impriżi notifikanti li jipprovdu l-Kummissjoni bi provi li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 85(3) ġew osservati [sentenza tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19], liema obbligu, fil-proċeduri legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irid jiġi evalwat fid-dawl ta’ l-oneru li jaqa’ fuq ir-rikorrent li jipprovdi informazzjoni sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni”.

159    Madankollu, ir-rikorrenti jaffermaw sempliċement li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni peress li, skond huma, l-indispensabbiltà ta’ l-esklużività ser tiżdied u mhux tonqos, meta jiġu kkunsidrati l-pożizzjonijiet inattakkabbli li l-grupp Canal+ għandu fis-suq. Rigward il-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi, huma jsostnu li din hija meħtieġa sabiex tiġi assigurata l-provvista lil TPS ta’ stazzjonijiet ta’ dak it-tip. Madankollu, dawn ma ppreżentaw ebda prova konvinċenti sabiex juru li din l-affermazzjoni hija korretta, affermazzjoni li, barra minn hekk, ma tikkunsidrax l-iżviluppi fis-suq. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jikkontestaw l-ebda wieħed mill-fatti li abbażi tiegħu l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-indipensabbiltà ta’ dawk il-klawżoli maż-żmien tispiċċa tonqos u ddeċidiet li tliet snin kien il-perijodu minimu li matulu dawn kienu indispensabbli għal TPS (punt 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

160    Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti huma żbaljati meta jagħmlu riferiment għad-deċiżjoni Cégétel. Kif il-Kummissjoni sostni korrettament, id-distribuzzjoni esklużiva biss ta’ ċerti prodotti kienet is-suġġett ta’ eżenzjoni f’dik id-deċiżjoni u d-distribuzzjoni ta’ dawk il-prodotti kienet sempliċement parti żgħira ta’ l-attivitajiet ta’ Cégétel, filwaqt li d-dritt esklużiv sabiex tittrażmetti stazzjonijiet ta’ interess ġenerali huwa element essenzjali tas-servizzi offruti minn TPS.

161    Għalhekk għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta llimitat il-perijodu ta’ eżenzjoni għal tliet snin.

162    Għaldaqstant, din il-parti ta’ l-argument tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 iii) Konklużjoni

163    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq il-motiv li jirrigwarda l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali


 L-argumenti tal-partijiet

164    Ir-rikorrenti jissottomettu li, bil-ħruġ ta’ negative clearance għal perijodu limitat ta’ tliet snin peress li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni setgħet tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari għall-ħolqien ta’ TPS matul il-perijodu ta’ inawgurazzjoni biss, il-Kummissjoni ma kkonformatx ruħha mar-regoli li kienet stabbiliet fl-XXIV Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni tagħha. Huma josservaw li l-Kummissjoni stqarret f’dan id-dokument, li bih hija marbuta, li, fil-kuntest ta’ joint ventures, [ir-restrizzjonijiet anċillari] huma normalment permessi għat-tul ta’ żmien kemm iddum il-joint venture’ (p. 120, punt 166).

165    Skond ir-rikorrenti, huwa evidenti mill-ġurisprudenza (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, u ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Hüls vs Il-Kummissjoni, T-9/89, Ġabra p. II-499), li meta naqset milli tosserva din ir-regola fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

166    Ir-rikorrenti josservaw li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża preżenti hija iktar u iktar miftuħa għall-kritika għaliex ir-regola għadha minkejja kollox kurrenti, kif jidher ċar mid-deċiżjonijiet Cégétel u Télécom développement. F’dawn id-deċiżjonijiet, żewġ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ġew ikklassifikati bħala restrizzjonijiet anċillari u ġew ittrattati bl-istess mod bħall-joint venture.

167    Il-Kummissjoni ma taqbilx li hija kisret il-prinċipju taċ-ċertezza legali jew li wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta waslet għall-konklużjoni li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienet restrizzjoni anċillari biss matul il-perijodu ta’ inawgurazzjoni, jiġifieri matul l-ewwel tliet snin.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

168    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li jidher ċar mis-sentenza ta’ l-XXIV Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni ċċitata mir-rikorrenti, jiġifieri li “ir-restrizzjonijiet anċillari huma normalment permessi għat-tul ta’ żmien kollu sakemm iddum l-joint venture” u mill-kuntest speċifiku li fih tinsab (l-analiżi ta’ l-istabbiliment ta’ ħames joint ventures fis-settur tar-riċerka u żvilupp) li l-parti tar-rapport li fih tinsab dik is-sentenza ma timponix regoli stretti li l-Kummissjoni allegatament imponiet fuqha nnifisha fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ ftehim bħala restrizzjoni anċillari. Hija pjuttost sempliċi deskrizzjoni ta’ numru ta’ prinċipji li l-Kummissjoni normalment issegwi meta tevalwa ċerti klawżoli li hija tikkunsidra bħala anċillari għal operazzjoni prinċipali.

169    Kuntrarjament għall-affermazzjoni tar-rikorrenti, il-kawża preżenti ma tistax għalhekk tiġi mqabbla mal-kawża li wasslet għas-sentenza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata f’punt 165 iktar ’il fuq. F’dik il-kawża, il-Kummissjoni kienet fil-fatt ikkomunikat, permezz tar-rapport annwali tagħha dwar il-politika tal-kompetizzjoni, numru ta’ regoli li kienet imponiet fuqha nnifisha rigward l-aċċess għall-inkartament fi proċeduri ta’ kompetizzjoni.

170    Jidher ċar ukoll mis-sentenza mill-XXIV Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni ċċitata mir-rikorrenti li din sempliċement tirriproduċi, kważi litteralment, il-prinċipji stabbiliti mill-Kummissjoni f’punt 67 ta’ l-avviz dwar il-cooperative joint ventures. Madankollu, kif jagħmilha ċara dan l-avviż, dan għandu biss valur indikattiv fir-rigward tal-mod li bih il-Kummissjoni tapplika t-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari fil-prattika.

171    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza msemmija iktar ’il fuq sabiex juru li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju taċ-ċertezza legali fir-rigward tagħhom.

172    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

173    Peress li l-motivi kollha invokati mir-rikorrenti huma infondati, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

174    Skond l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż tal-Kummissjoni u ta’ l-intervenjenti, kif mitluba minn dawn ta’ l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti.

Azizi

Lenaerts

Jaeger

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Settembru 2001.

H. Jung

 

      J. Azizi

Werrej


Kuntest ġenerali tal-kawża

A –  Deskrizzjoni ta’ l-operazzjoni

B –  Is-swieq rilevanti u l-istruttura ta’ dawn is-swieq

1.  Is-suq tat-televiżjoni bi ħlas fi Franza

2.  Is-suq ta’ l-akkwist ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni, partikolarment taċ-ċinema u ta’ l-isport

3.  Is-suq tal-kummerċjalizzazzjoni u ta’ l-operazzjoni ta’ stazzjonijiet tematiċi

C –  In-notifika u l-ftehim innotifikati

1.  Il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni

2.  Il-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi

3.  Il-klawżola ta’ esklużivitŕ

D –  Id-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

A –  L-ammissibiltà tar-rikors

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq il-mertu

1.  Fuq il-motivi għall-annullament ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata

a)  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat

i) Fuq l-argument prinċipali li jgħid li l-klawżola ta’ esklużivitŕ u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ evalwazzjonijiet żbaljati

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat (in-nuqqas li tiġi applikata r-regola tar-raġuni)

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

ii) Fuq l-argument, invokat sussidjarjament, li l-klawżola ta’ esklużivitŕ u l-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi huma restrizzjonijiet anċillari

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Fuq il-kunċett ta’ restrizzjoni anċillari

–  Fuq il-konsegwenzi tal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni anċillari

–  Fuq il-klassifikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużivitŕ bħala restrizzjoni anċillari

–  Fuq il-klassifikazzjoni tal-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi bħala restrizzjoni anċillari

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Fuq il-kunċett ta’ “restrizzjoni anċillari”

–  Fuq il-konsegwenza tal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni anċillari

–  Fuq il-klassifikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużivitŕ bħala restrizzjoni anċillari

–  Fuq il-klassifikazzjoni tal-klawżola dwar l-istazzjonijiet tematiċi bħala restrizzjoni anċillari

iii) Konklużjoni

b)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat

i) Fuq l-argument ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ eżenzjoni stipulati fl-Artikolu 85(3) tat-Trattat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.