Language of document : ECLI:EU:T:2021:128

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

10 ta’ Marzu 2021 (*)(i)

“Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni u għal annullament – Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Użu armonizzat tal-ispektrum ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz – Sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) – Deċiżjoni 2007/98/KE – Proċedura armonizzata ta’ għażla tal-operaturi – Awtorizzazzjonijiet għall-operaturi magħżula – Deċiżjoni Nru 626/2008/KE – Talba li tittieħed azzjoni – Assenza ta’ intimazzjoni – Teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni – Inammissibbiltà – Rifjut li tittieħed azzjoni – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà – Kompetenza tal-Kummissjoni”

Fil-Kawża T‑245/17,

ViaSat, Inc., stabbilita f’Carlsbad, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn E. Righini, J. Ruiz Calzado, P. de Bandt, M. Gherghinaru u L. Panepinto, avukati,

rikorrenti

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman, bħala aġenta,

u minn

Eutelsat SA, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn L. de la Brosse u C. Barraco‑David, avukati,

intervenjenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Braun, L. Nicolae u V. Di Bucci, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

EchoStar Mobile Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn A. Robertson, QC,

u minn

Inmarsat Ventures Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn C. Spontoni, B. Amory, É. Barbier de La Serre, avukati, u A. Howard, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 265 TFUE u intiża li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset illegalment milli tieħu ċerti miżuri fil-kuntest tal-applikazzjoni armonizzata tar-regoli fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz u, sussidjarjament, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-ittri tal-Kummissjoni tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017 li permezz tagħhom hija wieġbet wara t-talba tar-rikorrenti li tittieħed azzjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, A. Kornezov, E. Buttigieg (Relatur), K. Kowalik‑Bańczyk u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: B. Lefebvre, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑26 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1        Sabiex jiġu żgurati ġestjoni u użu effikaċi tal-ispektrum tar-radju permezz tal-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u, jekk ikun il-każ, tal-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet relatati mad-disponibbiltà u mal-użu tiegħu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispektrum tar-radju [fl-Unjoni] Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 317, rettifika fil-ĠU 2018, L 243, p. 21).

2        Peress li kienu jqisu li l-konverġenza tas-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, tal-midja u tat-teknoloġiji tal-informazzjoni timplika li n-networks kollha ta’ trasmissjoni u s-servizzi assoċjati għandhom ikunu suġġetti għall-istess qafas regolamentari, il-Parlament u l-Kunsill adottaw sensiela ta’ direttivi relatati man-networks u mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Dan il-qafas regolamentari huwa kompost, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), u mid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi [networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva Qafas) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).

3        Dan il-qafas regolatorju ġie aġġornat b’mod sinjifikattiv permezz tad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8).

4        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/98/KE tal‑14 ta’ Frar 2007 dwar l-użu armonizzat ta’ l-ispektrum ta’ frekwenzi tar-radju fil-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli (ĠU 2007, L 219M, p. 216, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni”), adottata abbażi tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju, il-Kummissjoni Ewropea armonizzat il-kundizzjonijiet għall-użu u għad-disponibbiltà tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS).

5        Sabiex jippromwovu l-iżvilupp ta’ suq intern kompetittiv ta’ MSS fl-Unjoni Ewropea u sabiex jiżguraw kopertura progressiva fl-Istati Membri kollha, il-Parlament u l-Kunsill adottaw, abbażi tal-Artikolu 95 KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE), id-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (ĠU 2008, L 172, p. 15, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni MSS”)

6        B’eżekuzzjoni tal-kompetenzi mogħtija lilha bis-saħħa tal-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni MSS, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/667/UE tal‑10 ta’ Ottubru 2011 dwar il-modalitajiet għall-applikazzjoni kkoordinata tar-regoli dwar l-infurzar fir-rigward ta’ MSS (ĠU 2011, L 265, p. 25, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Infurzar”).

7        Permezz ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet tas‑7 ta’ Awwissu 2008 għal sistemi Pan-Ewropej li jipprovdu MSS (ĠU 2008, C 201, p. 4), il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ għażla, kif prevista fit-Titolu II tad-Deċiżjoni MSS.

8        Fi tmiem il-proċedura ta’ għażla inkwistjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2009/449/KE tat‑13 ta’ Mejju 2009 dwar l-għażla ta’ operaturi ta’ sistemi pan-Ewropej li jipprovdu MSS (ĠU 2009, L 149, p. 65, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Għażla), li permezz tagħha hija għażlet żewġ applikanti: Inmarsat Ventures Ltd (iktar ’il quddiem “Inmarsat”) u Solaris Mobile Ltd (li saret EchoStar Mobile Ltd, iktar ’il quddiem “EchoStar”), l-intervenjenti fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tagħha.

9        Ir-rikorrenti, ViaSat, Inc., hija, skont kliemha stess, kumpannija li tipprovdi firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet ta’ komunikazzjoni intiżi għall-impriżi, għall-individwi u għall-gvernijiet. Fil-preżent hija tipprovdi servizzi ta’ konnettività abbord permezz tas-satellita fl-Istati Uniti u tixtieq tipprovdi, b’mod partikolari, dan l-istess tip ta’ servizzi, permezz ta’ impriża komuni kkostitwita fl‑2016 ma’ Eutelsat SA, intervenjenti fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, fl-Unjoni kollha kif ukoll fuq il-linji tal-ajru prinċipali li jgħaqqdu lill-Amerika ta’ Fuq mal-Ewropa.

10      Inmarsat, waħda mill-operaturi magħżula fi tmiem il-proċedura ta’ għażla komuni għall-provvista ta’ MSS, żviluppat sistema li tippermetti l-provvista ta’ servizzi ta’ konnettività abbord inġenji tal-ajru li jtiru fuq l-Ewropa permezz ta’ sistema msejħa European Aviation Network (iktar ’il quddiem is-“sistema EAN”), li tiddependi fuq stazzjonijiet terrestri u fuq elementi satellitari.

11      Inmarsat talbet l-awtorizzazzjonijiet neċessarji mingħand l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) sabiex topera s-sistema EAN billi tuża l-frekwenza li kienet ġiet allokata lilha fid-Deċiżjoni ta’ Għażla.

12      Fit‑2 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti indirizzat lill-Kummissjoni ittra fejn talbitha tieħu azzjoni sabiex timpedixxi lill-ARN milli jagħtu lil Inmarsat l-awtorizzazzjonijiet sabiex tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-implimentazzjoni tas-sistema EAN mingħajr sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet skont proċedura ta’ għażla komuni, hekk kif prevista fl-Artikoli 3 sa 6 tad-Deċiżjoni MSS, sabiex jiġi ggarantit riżultat armonizzat. F’dan ir-rigward, hija sostniet, essenzjalment, li l-imsemmija sistema kienet tirrappreżenta użu ġdid sħiħ tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz inkwantu din riedet tilħaq skopijiet fundamentalment differenti minn dawk li kienu previsti mill-imsemmija deċiżjoni u fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ għażla komuni, jiġifieri li tipprovdi l-MSS pan-Ewropej ta’ konnettività universali.

13      Permezz ta’ posta elettronika tal‑31 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni wieġbet għall-ittra tar-rikorrenti tat‑2 ta’ Awwissu 2016 fejn indikat li hija ma kienet adottat ebda deċiżjoni dwar talba għal awtorizzazzjoni għall-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-MSS minn waħda mill-operaturi magħżula, peress li din il-kwistjoni kellha, “fi kwalunkwe każ”, tiġi ttrattata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

14      Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2016, fit‑22 ta’ Diċembru 2016 ir-rikorrenti indirizzatilha ittra fejn talbitha tieħu pożizzjoni wara t-talba magħmula fl-ittra tagħha tat‑2 ta’ Awwissu 2016 sabiex tissodisfa l-obbligu li tieħu azzjoni li hija għandha abbażi tal-Artikolu 17 TUE, tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) kif ukoll tal-premessa 22 tad-Deċiżjoni MSS, tal-Artikolu 5(2) kif ukoll tal-premessi 24 u 35 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, u tal-Artikolu 19 tad-Direttiva Qafas.

15      Il-Kummissjoni wieġbet għall-ittra tar-rikorrenti tat‑22 ta’ Diċembru 2016 permezz ta’ ittri tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017.

16      Fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni kkonfermat li, hekk kif kienet diġà indikat lir-rikorrenti fil-posta elettronika tagħha tal‑31 ta’ Ottubru 2016, hija ma kienet adottat ebda deċiżjoni dwar talba għal awtorizzazzjoni għall-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għas-sistemi li jipprovdu l-MSS minn waħda mill-operaturi magħżula, peress li din il-kwistjoni kellha, “fi kwalunkwe każ”, tiġi ttrattata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, hija indikat, minn naħa, li, għalkemm hija kienet tissupervizza l-iżvilupp tas-swieq u tal-leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Kumitat għall-Komunikazzjonijiet u tal-Grupp ta’ Xogħol tal-imsemmi kumitat dwar l-MSS, il-miżuri ta’ infurzar li jirrigwardaw is-sistemi li jipprovdu l-MSS u l-operaturi tagħhom kienu jittieħdu fuq livell nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li hija kienet biss tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri skont id-Deċiżjoni ta’ Infurzar. Hija żiedet li ebda definizzjoni mill-ġdid tal-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz, kif previst fid-Deċiżjoni MSS, ma kienet prevista u li hija ma kienet identifikat l-ebda ċirkustanza li tista’ twassal għall-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru minħabba miżuri nazzjonali reali jew possibbli fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni MSS, b’rabta mal-eżerċizzju mill-imsemmija awtoritajiet nazzjonali tal-funzjonijiet tagħhom ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ infurzar b’applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

17      Fl-ittra tagħha tal‑21 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-kuntest ġuridiku applikabbli ma kienx jagħtiha kompetenza speċifika f’dan ir-rigward u li, konsegwentement, hija ma setgħetx tieħu azzjoni sabiex tadotta deċiżjoni li timpedixxi lil Stat Membru milli jawtorizza lil Inmarsat tuża l-ispektrum tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz sabiex tipprovdi soluzzjonijiet mill-ajru għall-art għal servizzi ta’ konnettività waqt titjira.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Lulju 2017, Eutelsat talbet tintervjeni fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Settembru 2017, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġenerali awtorizza dan l-intervent. Eutelsat ippreżentat in-nota tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota fit-termini mogħtija.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Awwissu 2017, ir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi talab jintervjeni fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2017, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent. Ir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi ppreżenta n-nota tiegħu u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota fit-termini mogħtija.

21      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit‑22 ta’ Awwissu u fit‑23 ta’ Awwissu 2017, Inmarsat u EchoStar talbu jintervjenu fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digrieti tal‑11 ta’ Ottubru 2017, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dawn l-interventi. Inmarsat u EchoStar ippreżentaw in-noti tagħhom u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn in-noti fit-termini mogħtija.

22      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u minn Eutelsat, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni;

–        sussidjarjament, tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkluża fl-ittri tagħha tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni, sostnuta minn EchoStar u minn Inmarsat, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondata;

–        tiċħad it-talba għal annullament bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2019, it-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali (kompożizzjoni preċedenti) iddeċidiet li tissospendi l-kawża preżenti, abbażi tal-Artikolu 69(a) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sal-għoti tas-sentenza fil-Kawża C‑100/19. Peress li s-sentenza Viasat UK u Viasat (C‑100/19, EU:C:2020:174) ingħatat fil‑5 ta’ Marzu 2020, il-proċedura fil-kawża preżenti għaldaqstant tkompliet f’din id-data.

25      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Għaxar Awla, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata l-kawża preżenti.

26      Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

27      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-partijiet iwieġbu għall-mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet laqgħu din it-talba fit-termini mogħtija.

III. Fid-dritt

28      Prinċipalment, peress li tqis li l-Kummissjoni ma temmitx l-ommissjoni allegata, ir-rikorrenti titlob li jiġi kkonstatat nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni.

29      Sussidjarjament, peress li tqis li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ interpretazzjoni f’dak li jirrigwarda l-portata tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-MSS, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni inkluża fl-ittri tal-Kummissjoni tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017, li ġew indirizzati lilha bi tweġiba għall-ittra tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2016.

A.      Fuq it-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni

30      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni asteniet illegalment milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex timpedixxi użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz allegatament differenti minn dak li kien is-suġġett tal-proċedura ta’ għażla komuni u sabiex tiżgura l-preservazzjoni tas-suq intern armonizzat għall-MSS pan-Ewropej li jiggarantixxu konnettività universali f’din il-banda ta’ frekwenzi.

31      Prinċipalment, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni. Sussidjarjament, hija tqis li din it-talba ma hijiex fondata.

32      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni, il-Kummissjoni, sostnuta minn Inmarsat, issostni li, minn naħa, hija ħadet pożizzjoni wara t-talba tar-rikorrenti li tittieħed azzjoni, u, min-naħa l-oħra, is-suġġett ta’ din it-talba ma jikkorrispondix għal dak tal-intimazzjoni inkwantu, essenzjalment, hija ma ġietx formalment mitluba tindirizza individwalment att lil Inmarsat sabiex timpedixxiha milli tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz jew tieħu azzjoni sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern u, għaldaqstant, hija ma setgħetx tieħu pożizzjoni f’dan ir-rigward. Hija tqis li ddefinixxiet il-pożizzjoni tagħha fi kliem ċar wara t-talba tar-rikorrenti li tittieħed azzjoni anki jekk din it-tweġiba ma wasslitx għall-adozzjoni tal-miżuri li hija kienet talbet. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li t-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni hija wkoll inammissibbli sa fejn ċerti atti li hija eventwalment ikollha tadotta skont it-talba li tittieħed azzjoni jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali tagħha u sa fejn, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma hijiex ikkonċernata direttament u individwalment minn tali atti.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat x’inhuwa, f’dan il-każ, is-suġġett tat-talba tar-rikorrenti li tittieħed azzjoni. Fil-fatt, din l-intimazzjoni għandha l-effett li tiddelimita l-kuntest li fih it-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni setgħet titressaq fil-każ li Kummissjoni tkun asteniet milli tieħu pożizzjoni. Id-determinazzjoni ta’ tali suġġett tippermetti barra minn hekk li jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk il-Kummissjoni effettivament ħaditx pożizzjoni wara l-imsemmija talba li tittieħed azzjoni.

1.      Fuq is-suġġett tat-talba tar-rikorrenti li tittieħed azzjoni u l-kuntest li fih setgħet titressaq it-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni

34      Il-Kummissjoni, minn naħa, issostni li, fl-ittra tar-rikorrenti tat‑22 ta’ Diċembru 2016, din tal-aħħar talbitha tindirizza att ta’ kwalunkwe forma (deċiżjoni jew opinjoni), lill-ARN sabiex timpedixxihom milli joħorġu l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat għal ċertu użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz, filwaqt li fil-kuntest ta’ din it-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni, hija titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni naqset milli tieħu miżuri intiżi li jimpedixxu użu ieħor ta’ din il-banda ta’ frekwenzi. Skont il-Kummissjoni, din l-aħħar azzjoni tista’ teħtieġ jew att ta’ portata ġenerali jew att indirizzat individwalment lil Inmarsat, f’liema każijiet għandhom jiġu evalwati elementi differenti ħafna.

35      Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, issostni li r-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li hija wettqet ommissjoni illegali billi ma ħadet ebda miżura sabiex tippreserva l-iżvilupp ta’ suq intern armonizzat għall-MSS pan-Ewropej fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz li jiżguraw konnettività universali, minkejja li hija ma ntalbitx b’mod ċar tieħu azzjoni fuq dan il-punt. Hija tqis li l-ittra tar-rikorrenti tat‑22 ta’ Diċembru 2016 ma tinkludix l-elementi neċessarji sabiex hija tkun tista’ tieħu pożizzjoni billi tadotta deċiżjoni jew billi tipproponi abbozz ta’ deċiżjoni lill-koleġiżlaturi tal-Unjoni sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern, għaliex l-imsemmija ittra ma tinkludi ebda riferiment f’dan ir-rigward. Issa, hija r-rikorrenti li għandha tindika b’mod konkret il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni.

36      Ir-rikorrenti tqis li ma teżisti ebda kundizzjoni formali partikolari f’dak li jirrigwarda l-intimazzjoni u li dik li hija indirizzat lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2016, kienet preċiża biżżejjed sabiex tippermettilha tkun taf b’mod konkret il-kontenut tad-deċiżjoni li hija kienet qiegħda titlobha tadotta, b’mod partikolari fid-dawl tal-kliem ċar tal-ittra tagħha tat‑2 ta’ Awwissu 2016.

37      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fl-ittra tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2016, hija analizzat l-obbligi li t-Trattati kienu jimponu fuq il-Kummissjoni fil-kuntest tal-“funzjonament tajjeb tas-suq uniku” u s-setgħat tagħha sabiex “tikkoreġi l-ostakol[i]” għas-suq intern li jistgħu jirriżultaw meta, bħal f’dan il-każ, kien hemm riskju ta’ diverġenzi bejn l-ARN

38      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni ikun ammissibbli biss jekk l-istituzzjoni inkwistjoni tkun intalbet minn qabel tieħu azzjoni. Din l-intimazzjoni lill-istituzzjoni hija formalità essenzjali u għandha bħala effett, minn naħa, li jibda jiddekorri t-terminu ta’ xahrejn li fih l-istituzzjoni għandha tieħu pożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li tiddelimita l-kuntest li fih jista’ jiġi ppreżentat rikors fil-każ li l-istituzzjoni tastjeni milli tieħu pożizzjoni. Għalkemm ma hijiex suġġetta għal kundizzjoni formali partikolari, huwa, madankollu, neċessarju li l-intimazzjoni tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tkun taf b’mod konkret il-kontenut tad-deċiżjoni li hija mitluba tadotta u turi li hija intiża li tobbligaha tieħu pożizzjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 1999, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑17/96, EU:T:1999:119, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑442/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:547, punt 22).

39      Madankollu, il-kliem tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni u dawk tal-intimazzjoni ma għandhomx ikunu identiċi. Fil-fatt, fil-każ ta’ tali rikors, ir-rikorrenti ma tistax titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tadotta l-att mhux adottat, iżda biss tikkonstata, jekk ikun il-każ, li hija kisret it-Trattat billi ma adottatx il-miżuri mitluba bi ksur tal-obbligi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2000, Camar u Tico vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, T‑79/96, T‑260/97 u T‑117/98, EU:T:2000:147, punt 67). Konsegwentement, in-natura stess ta’ dan ir-rikors ma tirrikjedix li r-rikorrenti, meta tippreżenta t-talbiet tagħha lill-Qorti Ġenerali, tuża l-istess kliem bħal dawk inklużi fl-intimazzjoni indirizzata lill-Kummissjoni.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-suġġett tat-talba tar-rikorrenti li ttieħed azzjoni jirriżulta, b’mod partikolari, mit-titolu tal-ittra tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2016, ifformulat kif ġej:

“Ittra ta’ intimazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, li titlob lill-Kummissjoni […] tilqa’ t-talba tar-[rikorrenti] tat‑2 ta’ Awwissu 2016 sabiex tadotta deċiżjoni definittiva sabiex timpedixxi lill-[ARN] milli jadottaw deċiżjoni favorevoli għat-talba ta’ Inmarsat sabiex hija tiġi awtorizzata tuża l-ispektrum tal-banda [ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz] għall-provvista ta’ soluzzjonijiet mill-ajru għall-art għas-servizzi ta’ konnettività waqt titjira.”

41      Barra minn hekk, wara li indikat ir-regoli ġuridiċi kollha li abbażi tagħhom hija tqis li l-Kummissjoni għandha l-obbligu tieħu azzjoni, ir-rikorrenti ttenni t-talba inkwistjoni fil-kliem, ċertament differenti iżda sostanzjalment simili, sussegwenti:

“[Ir-rikorrenti] għalhekk talbet lill-Kummissjoni tieħu azzjoni b’kull urġenza […] sabiex timpedixxi lill-ARN milli jawtorizzaw lil Inmarsat tuża l-ispektrum tal-banda [ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz] għall-provvista ta’ konnettività waqt titjira, mingħajr sejħa għal offerti ġdida għall-għoti tad-dritt li jintuża [dan] l-ispektrum.”

42      Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti talbet espliċitament u formalment lill-Kummissjoni tilqa’ t-talba inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija ittra għandha tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi intimazzjoni fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE fir-rigward tal-elementi kollha indikati b’mod eżawrjenti fl-ittra tat‑2 ta’ Awwissu 2016 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 1999, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑17/96, EU:T:1999:119, punt 42).

43      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-intimazzjoni indirizzata lill-Kummissjoni fit‑22 ta’ Diċembru 2016 moqrija fid-dawl tal-ittra tar-rikorrenti tat‑2 ta’ Awwissu 2016 tinkludix talba li tittieħed azzjoni sabiex jiġu impediti l-użu “fundamentalment differenti” tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz u l-frammentazzjoni tas-suq intern suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tkun taf b’mod konkret il-kontenut tad-deċiżjoni li hija ntalbet tadotta u jekk minn din it-talba li tittieħed azzjoni jirriżultax li din hija intiża li tobbliga lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 iktar ’il fuq.

44      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tagħha tat‑2 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti kienet, b’mod partikolari, esprimiet l-opinjoni tagħha li, jekk l-awtorizzazzjonijiet jingħataw lil Inmarsat mill-ARN għas-sistema EAN, dan “ikun jikkostitwixxi użu fundamentalment differenti tal-banda ta’ 2 GHz minn dak previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.

45      B’hekk, meta r-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni inkwantu hija ma ħaditx miżuri sabiex “timpedixxi lill-ARN milli jawtorizzaw, mingħajr ebda koordinazzjoni, lil Inmarsat tuża il-banda ta’ 2 GHz prinċipalment għal networks mill-ajru għall-art” u sabiex “timpedixxi użu fundamentalment differenti tal-banda ta’ 2 GHz”, din it-talba ma toħroġx mill-kuntest li fih rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni seta’ jiġi ppreżentat hekk kif iddelimitat mill-intimazzjoni indirizzata lill-Kummissjoni fit‑22 ta’ Diċembru 2016 moqrija fid-dawl tal-ittra tar-rikorrenti tat‑2 ta’ Awwissu 2016, kuntrarjament għal dak li essenzjalment issostni l-Kummissjoni

46      L-istess japplika għat-talba tar-rikorrenti intiża li jiġi kkonstatat mill-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni asteniet illegalment milli “timpedixxi użu ieħor tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz”.

47      Għall-kuntrarju, hekk kif issostni l-Kummissjoni, it-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni hija inammissibbli inkwantu r-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni asteniet illegalment milli tadotta att indirizzat individwalment lil Inmarsat u intiż li jimpedixxiha milli tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għas-sistema mill-ajru għall-art tagħha li tiżgura l-konnettività abbord inġenji tal-ajru. Fil-fatt, bi tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li wieħed mill-atti li l-Kummissjoni għandha kompetenza tadotta skont it-talba li tittieħed azzjoni kien “ittra ta’ intimazzjoni” indirizzata lil Inmarsat li tipprojbixxiha milli tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-operazzjoni tas-sistema EAN. Issa, la fl-intimazzjoni indirizzata lill-Kummissjoni fit‑22 ta’ Diċembru 2016, u lanqas fl-ittra tagħha tat‑2 ta’ Awwissu 2016 li għaliha tirreferi din tal-aħħar, ir-rikorrenti ma talbet lill-Kummissjoni tadotta tali att indirizzat lil Inmarsat. Talba li tittieħed azzjoni f’dan is-sens lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-kuntest li fih l-imsemmija intimazzjoni u l-imsemmija ittra ġew indirizzati mir-rikorrenti lill-Kummissjoni, li kien jirrigwarda b’mod ċar l-adozzjoni ta’ att intiż li jimpedixxi lill-ARN milli jagħtu l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-użu ta’ din il-banda ta’ frekwenzi mhux konformi, skont ir-rikorrenti, mal-iskopijiet armonizzati u mad-Deċiżjoni ta’ Għażla.

48      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni bbażata fuq il-fatt li s-suġġett ta’ din it-talba ma jikkorrispondix għal dak tal-intimazzjoni hija parzjalment fondata.

49      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li t-talba li tittieħed azzjoni li r-rikorrenti indirizzat lill-Kummissjoni hija bbażata fuq il-premessa li din tal-aħħar għandha l-obbligu tieħu azzjoni meta jkun jeżisti riskju li tiġi affettwata l-armonizzazzjoni tas-suq intern tal-MSS. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti bbażat ruħha fuq l-Artikolu 17 TUE u fuq ir-rwol tal-Kummissjoni, bħala “gwardjana tat-Trattati”, li tiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll fuq is-setgħat li l-Kummissjoni għandha, fil-fehma tagħha, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva Qafas u l-premessa 35 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni sabiex tissorvelja l-funzjonament tas-suq intern tal-MSS.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, intimazzjoni għandha tipprovdi indikazzjonijiet dwar il-kontenut tal-att mitlub, iżda xejn ma jeżiġi li din il-formulazzjoni tasal sal-punt li tindika bl-ikbar preċiżjoni l-att mitlub (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1970, Hake vs Il‑Kummissjoni, 75/69, EU:C:1970:65, punti 4 sa 10, u tat‑22 ta’ Mejju 1985, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, 13/83, EU:C:1985:220, punti 35 sa 37).

51      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tiddeduċi mill-intimazzjoni li ġiet indirizzata lilha fl‑22 ta’ Diċembru 2016, moqrija fid-dawl tal-ittra tar-rikorrenti tat‑2 ta’ Awwissu 2016, li l-att li hija kienet mitluba tadotta mir-rikorrenti kellu jkollu bħala konsegwenza li s-suq intern tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-MSS, hekk kif kien ġie stabbilit mill-kuntest ġuridiku applikabbli, jiġi ppreservat. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamlet ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni wieġbet fl-ittra tal‑21 ta’ Frar 2017 li d-dipartimenti tagħha “[kienu] jissorveljaw l-evoluzzjoni tas-suq u tal-leġiżlazzjoni”.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-intimazzjoni kienet preċiża u ċara biżżejjed fir-rigward tal-kontenut tal-att li hija ntalbet tadotta sabiex tagħtiha l-opportunità tieħu pożizzjoni fuq l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex l-ARN jiġu impediti milli jagħtu l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat bil-għan li jiġi ppreservat is-suq intern tal-MSS.

53      Min-naħa l-oħra, it-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni hija inammissibbli inkwantu ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni asteniet illegalment milli tadotta att indirizzat individwalment lil Inmarsat u intiż li jimpedixxiha milli tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għas-sistema mill-ajru għall-art tagħha li tiżgura l-konnettività abbord inġenji tal-ajru.

2.      Fuq l-eżistenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni wara t-talba tar-rikorrenti li tittieħed azzjoni

54      Il-Kummissjoni ssostni li, fl-ittri tagħha tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017, hija ħadet pożizzjoni wara t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex hija tadotta att sabiex l-ARN jiġu impediti milli jagħtu lil Inmarsat l-awtorizzazzjonijiet sabiex tuża l-ispektrum tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz sabiex tipprovdi soluzzjonijiet mill-ajru għall-art għal servizzi ta’ konnettività waqt titjira.  Hija tqis li ddefinixxiet il-pożizzjoni tagħha fi kliem ċar wara l-imsemmija talba li tittieħed azzjoni anki jekk din it-tweġiba ma wasslitx għall-adozzjoni tal-miżuri li hija kienet talbet.

55      Fir-replika, ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni billi ssostni li t-tweġiba tagħha wara t-talba li tittieħed azzjoni, kif indikata fl-ittri tagħha tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017, kienet tekwivali għal nuqqas li tittieħed azzjoni. Madankollu, fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, hija indikat li kien “paċifiku li, fl-[imsemmija ittri], il-Kummissjoni [kienet ħadet] pożizzjoni u li din il-pożizzjoni [kienet] tekwivali għaċ-ċaħda [tat-talba tagħha li tittieħed azzjoni]”. Meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, hija kkonfermat li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta iktar li l-Kummissjoni kienet ħadet pożizzjoni wara t-talba tagħha li tittieħed azzjoni, fatt li ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbal tas-seduta.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, “[i]r-rikors ikun ammissibli biss jekk l-istituzzjoni, korp jew organu involut ikun l-ewwel ġie msejjaħ sabiex jieħu azzjoni. Jekk fi zmien xahrejn minn meta tkun ġie hekk imsejjaħ, l-istituzzjoni, korp jew organu involut ma jkunx spjega l-pożizzjoni tiegħu, ir-rikors jista’ jinġieb f’terminu ġdid ta’ xahrejn”.

57      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, stabbiliti mill-Artikolu 265 TFUE, ma humiex issodisfatti meta l-istituzzjoni mitluba tieħu azzjoni tkun ħadet pożizzjoni wara din it-talba qabel il-preżentata tar-rikors (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Nutria vs Il‑Kummissjoni, T‑832/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:428, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-każ, mill-ittri tal-Kummissjoni tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017 jirriżulta li din tal-aħħar qieset li ma setgħetx tieħu azzjoni, minħabba nuqqas ta’ kompetenza, wara t-talba tar-rikorrenti li titlobha tieħu miżuri intiżi li jimpedixxu lill-ARN milli jagħtu l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat għall-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-operazzjoni tas-sistema EAN sabiex jiġi ppreservat is-suq intern li jirriżulta mill-armonizzazzjoni tal-użu ta’ din il-banda ta’ frekwenzi għall-MSS. Dan huwa għaldaqstant rifjut li tittieħed azzjoni.

59      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-istituzzjoni ma tkunx f’sitwazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni mhux biss meta hija tadotta att li jissodisfa lir-rikorrenti, iżda wkoll meta hija tirrifjuta li tadotta dan l-att u twieġeb għat-talba magħmula lilha billi tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li ma għandux jiġi adottat l-imsemmi att jew meta hija ma jkollhiex kompetenza sabiex tagħmel dan (ara d-digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Techniplan vs Il‑Kummissjoni, T‑853/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:928, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 1972, Nordgetreide vs Il‑Kummissjoni, 42/71, EU:C:1972:16, punt 4, u tal‑24 ta’ Novembru 1992, Buckl et vs Il‑Kummissjoni, C‑15/91 u C‑108/91, EU:C:1992:454, punti 15 u 20, u d-digriet tat‑8 ta’ Diċembru 2005, Campailla vs Il‑Kummissjoni, C‑211/05 P, mhux ippubblikat, EU:C:2005:760, punt 17).

60      Konsegwentement, ir-rifjut espress mill-istituzzjoni inkwistjoni li tieħu azzjoni konformement ma’ talba li tittieħed azzjoni jikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni li jtemm in-nuqqas li tittieħed azzjoni (digriet tal‑4 ta’ Mejju 2005, Holcim (Franza) vs Il‑Kummissjoni, T‑86/03, EU:T:2005:157, punt 36, u sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Nutria vs Il‑Kummissjoni, T‑832/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:428, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑196/12, EU:C:2013:753, punti 22 sa 31).

61      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni temmet in-nuqqas li tittieħed azzjoni li hija kienet akkużata bih qabel il-preżentata tar-rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-ilment tal-Kummissjoni li t-talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni hija inammissibbli sa fejn ċerti atti li hija eventwalment ikollha tadotta skont it-talba tar-rikorrenti li tittieħed azzjoni jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali tagħha u għalhekk ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ tali talba u sa fejn, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma hijiex ikkonċernata direttament u individwalment minn tali atti.

B.      Fuq it-talba għal annullament

63      Ir-rikorrenti tqis li, fl-ittri tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017 li l-Kummissjoni indirizzatilha, din tal-aħħar wettqet żball ta’ liġi meta qieset li kienu esklużivament l-Istati Membri li kellhom jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni ta’ operazzjoni tal-frekwenzi fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz fir-rigward tal-operaturi ta’ MSS magħżula u dwar l-infurzar ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet. Hija ssostni li l-Kummissjoni għandha l-kompetenzi sabiex tieħu l-miżuri xierqa sabiex timpedixxi lill-Istati Membri milli jagħtu l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat u sabiex tipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq intern tal-MSSS.

64      Il-Kummissjoni tqis li t-talba għal annullament hija inammissibbli, b’mod partikolari, minħabba li l-ittri tagħha tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017 ma humiex ta’ natura vinkolanti u ma jikkostitwixxux, bħala tali, atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

65      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal annullament ma hijiex fondata, minħabba li, peress li hija ma għandhiex kompetenzi sabiex tadotta l-atti mitluba mir-rikorrenti, hija ma wettqitx żball ta’ liġi meta wieġbet b’dan il-mod għat-talba li tittieħed azzjoni fl-ittri tagħha tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017.

1.      Fuq id-deċiżjoni inkluża fl-ittri tal14 u tal21 ta’ Frar 2017 u l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali

66      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Inmarsat, tqis li l-ittri tagħha tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017 ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza, hija tqis li l-imsemmija ittri jinkludu, minn naħa, sempliċi informazzjoni indirizzata lir-rikorrenti li skontha ebda deċiżjoni ma ttieħdet mill-Kummissjoni “bi tweġiba għal talba għal awtorizzazzjoni ta’ MSS” u, min-naħa l-oħra, parir legali li skontu tali deċiżjoni taqa’, fi kwalunkwe każ, taħt il-prerogattivi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, hija tqis li l-perspettiva tar-rikorrenti li dawn l-ittri jaffettwaw b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha hija purament spekulattiva, għaliex hija bbażata fuq diversi ipoteżijiet.

67      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tqis li l-ittri tal-Kummissjoni tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017 jinkludu deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Fil-fehma tagħha, dawn l-ittri jinkludu pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, li tikkonsisti f’rifjut li tieħu azzjoni wara t-talba tar-rikorrenti sabiex tieħu miżuri intiżi li jimpedixxu lill-ARN milli jagħtu l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat għall-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-operazzjoni tas-sistema EAN sabiex jiġi ppreservat is-suq intern li jirriżulta mill-armonizzazzjoni tal-użu ta’ din il-banda ta’ frekwenzi għall-MSS.

68      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ terzi billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 42; tat‑2 ta’ Marzu 1994, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑316/91, EU:C:1994:76, punt 8; u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 36).

69      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jew deċiżjoni li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom jipproduċux tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tagħhom (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9), kif ukoll għall-intenzjoni tal-awturi tagħhom sabiex dawn l-atti jiġu kklassifikati (sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 42, u tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52). Min-naħa l-oħra, il-forma li fiha att jew deċiżjoni jiġu adottati hija, bħala prinċipju, irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni,60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tas‑7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il‑Parlament, C‑208/03 P, Ġabra p. I‑6051, punt 46).

70      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punti 58 sa 60 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, permezz tal-ittri tagħha tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017, ħadet pożizzjoni wara t-talba tar-rikorrenti li tittieħed azzjoni li talbitha tieħu miżuri intiżi li jimpedixxu lill-ANR milli jagħtu l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat għall-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-operazzjoni tas-sistema EAN sabiex jiġi ppreżervat is-suq intern li jirriżulta mill-armonizzazzjoni tal-użu ta’ din il-banda ta’ frekwenzi għall-MSS, billi qieset li hija ma setgħetx tieħu azzjoni minħabba nuqqas ta’ kompetenza f’dan ir-rigward. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-imsemmija ittri ma fihomx sempliċi informazzjoni jew parir legali, iżda għandhom jitqiesu bħala rifjut li tieħu azzjoni.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li rifjut espress mill-istituzzjoni inkwistjoni li tieħu azzjoni konformement ma’ talba jikkostitwixxi, bħala prinċipju, att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Mejju 2005, Holcim (Franza) vs Il‑Kummissjoni, T‑86/03, EU:T:2005:157, punt 36; is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Nutria vs Il‑Kummissjoni, T‑832/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:428, punt 44; u d-digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Techniplan vs Il‑Kummissjoni, T‑853/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:928, punt 20).

72      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, meta att tal-Kummissjoni jkun jammonta għal ċaħda, bħal f’dan il-każ, dan għandu jiġi evalwat abbażi tan-natura tat-talba li għaliha dan jikkostitwixxi tweġiba (sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 1972, Nordgetreide vs Il‑Kummissjoni, 42/71, EU:C:1972:16, punt 5; tal‑24 ta’ Novembru 1992, Buckl et vs Il‑Kummissjoni, C‑15/91 u C 108/91, EU:C:1992:454, punt 22; u digriet tat‑13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, C‑150/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:164, punt 22). B’mod partikolari, rifjut huwa att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, meta l-att li l-istituzzjoni tirrifjuta li tadotta seta’ jiġi kkontestat bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1996, Salt Union vs Il‑Kummissjoni, T‑330/94, EU:T:1996:154, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digrieti tat‑13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, C‑150/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2007:164, punt 23, u tat‑22 ta’ Jannar 2010, MakhteshimAgan Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑69/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:37, punt 46).

73      Għalhekk, sabiex jiġi evalwat jekk it-talba għal annullament kontra r-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni wara t-talba tar-rikorrenti li titlobha tieħu miżuri intiżi li jimpedixxu lill-ANR milli jagħtu l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat għall-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-operazzjoni tas-sistema EAN sabiex jiġi ppreservat is-suq intern li jirriżulta mill-armonizzazzjoni tal-użu ta’ din il-banda ta’ frekwenzi għall-MSS hijiex ammissibbli, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-att li l-Kummissjoni kienet mitluba tadotta jikkostitwixxix huwa stess att li l-legalità tiegħu tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, C‑150/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2007:164, punt 23).

74      Din il-kwistjoni hija, f’dan il-każ, marbuta ma’ dik dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex kompetenzi sabiex tadotta tali att. Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-att li l-Kummissjoni rrifjutat li tadotta minħabba l-allegat nuqqas ta’ kompetenza tagħha jistax huwa stess jiġi kkontestat skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 iktar ’il fuq, għandha, b’mod partikolari, tiġi ddeterminata n-natura ta’ dan l-att abbażi tal-kompetenzi allegati mir-rikorrenti. Dan jimplika, għalhekk, qabel kollox li jiġu eżaminati l-kompetenzi tal-Kummissjoni sabiex tadotta att skont it-talba li tittieħed azzjoni. Sussegwentement, jekk hija għandha l-kompetenzi meħtieġa, għandu jiġi eżaminat, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 iktar ’il fuq, jekk il-legalità tal-att li hija għandha kompetenza tadotta tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali. Jekk it-tweġiba għal waħda minn dawn il-mistoqsijiet tkun fin-negattiv, f’dan il-każ jekk il-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza jew jekk ir-rikorrenti ma tistax tippreżenta rikors għal annullament kontra att li l-Kummissjoni għandha kompetenza tadotta, it-talba għal annullament għandha tiġi miċħuda jew, fl-ewwel każ, bħala infondata, jew, fit-tieni każ, bħala inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, jekk il-Kummissjoni għandha kompetenza sabiex tadotta att li għandu l-kontenut mitlub mir-rikorrenti li din tal-aħħar tista’ titlob l-annullament tiegħu skont l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għandu jiġi milqugħ sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tieħu azzjoni billi qieset li ma għandhiex kompetenza.

75      B’hekk il-legalità tar-rifjut li tieħu azzjoni inkluż fl-ittri tal-Kummissjoni tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017 ser tiġi eżaminata fl-istess ħin bħall-ammissibbiltà tat-talba għal annullament kontra tali rifjut li tieħu azzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑325/91, EU:C:1993:245, punt 11).

76      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fuq il-mertu mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikors għal annullament u bbażata fuq nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti jew ta’ locus standi tagħha għall-annullament ta’ att mitlub fit-talba li tittieħed azzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52). F’dan il-każ, fid-dawl tar-rabta li teżisti bejn l-ammissibbiltà u l-fondatezza tar-rikors, il-Qorti Ġenerali tqis li qabel kollox għandha tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza tal-kompetenzi tal-Kummissjoni sabiex tadotta att wara t-talba li tittieħed azzjoni li r-rikorrenti għamlitilha, bla ħsara għall-punti 107 sa 112 u 164 sa 180 iktar ’il quddiem.

2.      Fuq l-argument tar-rikorrenti dwar kull waħda mill-kompetenzi tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-atti mitluba wara t-talba tagħha li tittieħed azzjoni

77      Għandu jitfakkar li, fl-ittra tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti talbet espliċitament u formalment lill-Kummissjoni tilqa’ t-talba tagħha magħmula fl-ittra tagħha tat‑2 ta’ Awwissu 2016 li tieħu azzjoni sabiex timpedixxi lill-ARN milli jagħtu l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat għall-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-operazzjoni tas-sistema EAN sabiex jiġi ppreservat is-suq intern li jirriżulta mill-armonizzazzjoni tal-użu ta’ din il-banda ta’ frekwenzi għall-MSS.

78      Tliet tweġibiet għat-talba tar-rikorrenti li tittieħed azzjoni jirriżultaw, essenzjalment, mill-ittri tal-Kummissjoni tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017. L-ewwel, il-Kummissjoni indikat li d-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għal awtorizzazzjoni u l-miżuri ta’ infurzar li jirrigwardaw l-MSS u l-operaturi tagħhom kienu jittieħdu fuq livell nazzjonali. It-tieni, hija sostniet li hija kienet biss tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri skont id-Deċiżjoni ta’ Infurzar u indikat li ebda definizzjoni mill-ġdid tal-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz ma kienet prevista. It-tielet, hija qieset li l-kuntest ġuridiku applikabbli ma kienx jagħtiha kompetenzi speċifiċi sabiex tieħu azzjoni sabiex timpedixxi lil Stat Membru milli jagħti l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat sabiex tuża l-ispektrum tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz sabiex tipprovdi soluzzjonijiet mill-ajru għall-art għal servizzi ta’ konnettività waqt titjira.

79      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u minn Eutelsat, tqis li, permezz tal-ittri tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni ċaħdet, b’mod żbaljat, li għandha kompetenzi sabiex tieħu azzjoni wara t-talba li saritilha. Hija tikkontesta wkoll li ma tistax tressaq talba għal annullament kontra l-atti li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza tadotta.

80      F’dan ir-rigward, preliminarjament, fir-rigward tan-natura tal-att li l-Kummissjoni hija meħtieġa, fil-fehma tagħha, tadotta wara t-talba tagħha li tittieħed azzjoni, ir-rikorrenti indikat, essenzjalment, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, li l-azzjoni tal-Kummissjoni tista’ tieħu l-forma ta’ att indirizzat individwalment lil Inmarsat u intiż li jipprojbixxiha milli tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għat-tnedija tas-sistema EAN, li allegatament hija inkompatibbli mal-qafas regolamentari relatat mal-MSS, ta’ att li jirtiralha l-benefiċċju tad-Deċiżjoni ta’ Għażla, ta’ att indirizzat individwalment lill-ARN intiż li jimpedixxihom milli jagħtu l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat għall-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-imsemmija tnedija jew ta’ att ta’ portata ġenerali intiż li jippreserva l-armonizzazzjoni tal-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz u li għandu bħala konsegwenza li jimpedixxi lill-ARN milli jagħtu tali awtorizzazzjoni lil Inmarsat.

81      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat, hekk kif jirriżulta mill-punt 47 iktar ’il fuq, li t-talba li tittieħed azzjoni li r-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni ma kinitx tinkludi talba sabiex jiġi adottat att li għandu jiġi indirizzat individwalment lil Inmarsat u intiż li jipprojbixxiha milli tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-operazzjoni tas-sistema EAN. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax validament tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni inkluża fl-ittri tal-Kummissjoni tal‑14 u tal‑21 ta’ Frar 2017 f’dan ir-rigward. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni ma ġietx mitluba mir-rikorrenti tadotta dan l-att, hija neċessarjament ma setgħetx tadotta deċiżjoni f’dan ir-rigward.

82      Sussegwentement, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tadotta att individwali li għandu jiġi indirizzat lill-ANR jew att ta’ portata ġenerali billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, jew billi interpretat b’mod żbaljat, il-kompetenzi li jirriżultaw fir-rigward tagħha l-ewwel, mill-kuntest ġuridiku relatat mal-ġestjoni tal-ispektrum tar-radju u mal-MSS, it-tieni, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi, it-tielet, mill-obbligu li hija għandha li tevita l-frammentazzjoni tas-suq intern sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tal-inizjattiva ta’ armonizzazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz iddedikata għall-MSS kif ukoll, ir-raba’, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE. Fl-aħħar, hija tqis li dawn il-kompetenzi huma ta’ natura impliċita.

a)      Fuq l-eżistenza tal-kompetenzi espliċiti tal-Kummissjoni

1)      Fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni taħt il-kuntest ġuridiku relatat mal-ġestjoni tal-ispektrum tar-radju u mal-MSS

83      Skont ir-rikorrenti, is-sistema EAN li tipproponi s-soluzzjonijiet mill-ajru għall-art għall-konnettività waqt titjira, li għaliha hija qiegħda titlob l-awtorizzazzjonijiet lill-ARN, la tikkorrispondi għad-definizzjoni tal-iskopijiet tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz fid-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni, u lanqas tikkorrispondi għall-impenji meħuda minn Inmarsat fil-kuntest tal-proċedura ta’ għażla u li hija kienet intgħażlet għall-implimentazzjoni tagħhom, jiġifieri li tipprovdi l-MSS li jiżguraw konnettività universali.

84      Ir-rikorrenti tqis li, filwaqt li l-kompetenzi li jingħataw l-awtorizzazzjonijiet huma mogħtija mid-Deċiżjoni MSS lill-ARN, il-kompetenzi li jikkonsistu fid-determinazzjoni tal-frekwenzi ddedikati għall-MSS, fid-definizzjoni tal-iskopijiet li għalihom il-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz ser tintuża u fl-għażla tal-operaturi skont il-proċedura komuni, huma esklużivament tal-Kummissjoni b’applikazzjoni, b’mod partikolari, tat-Titolu II tad-Deċiżjoni MSS. Fil-fehma tagħha, sostnuta minn Eutelsat, awtorizzazzjoni mogħtija minn Stat Membru li tippermetti lil Inmarsat tibdel l-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz favur in-network mill-ajru għall-art tikkostitwixxi użu ħażin manifest ta’ dawn il-kompetenzi rriżervati għall-Kummissjoni u definizzjoni mill-ġdid tal-kunċetti “sistemi mobbli permezz tas-satellita” u “komponenti terrestri komplementari”, hekk kif iddefiniti fid-deċiżjoni MSS kif ukoll fil-kundizzjonijiet u l-obbligi imposti mill-Kummissjoni fis-sejħa għall-applikazzjonijiet u fid-Deċiżjoni ta’ Għażla.

85      Skont ir-rikorrenti, inkwantu hija l-Kummissjoni li adottat id-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni u d-Deċiżjoni ta’ Għażla, hija kellha tikkontrolla l-applikazzjoni korretta tagħhom u, f’dan il-kuntest, tiddeċiedi li l-użu tal-ispektrum tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-MSS fuq network prinċipalment terrestri, hekk kif propost minn Inmarsat, kien jikkostitwixxi bidla fundamentali fl-użu armonizzat ta’ din il-banda ta’ frekwenzi fuq il-livell tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kien imissha, fl-opinjoni tar-rikorrenti u ta’ Eutelsat, informat lill-ARN, l-ewwel, li dan l-użu l-ġdid previst ma kienx jaqa’ taħt il-portata tal-użu tal-imsemmi spektrum allokat lil Inmarsat fi tmiem il-proċedura ta’ għażla b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni MSS u, it-tieni, li kull deċiżjoni dwar użu differenti ta’ dan l-ispektrum kellha tiġi adottata skont “proċedura tal-Unjoni”, jiġifieri wara sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet.

86      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni ta’ Infurzar, adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni MSS u li l-Kummissjoni rreferiet għaliha fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2017 fejn sostniet li l-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-miżuri ta’ infurzar fir-rigward ta’ operatur awtorizzat kienu limitati għall-kontroll tal-azzjonijiet meħuda f’dan ir-rigward fuq livell nazzjonali, tapplika biss għall-ksur eventwali tal-kundizzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk ma tikkonċernax l-istadju ta’ “awtorizzazzjoni”, deskritt fit-Titolu III tal-imsemmija deċiżjoni.

87      Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet meħtieġa tieħu azzjoni sabiex tipprevjeni r-riskju ta’ devjazzjoni fid-dawl tal-portata u tal-kriterji ddefiniti tal-użu esklużiv tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz awtorizzat bis-saħħa tal-proċess ta’ armonizzazzjoni u tal-proċedura ta’ għażla li rriżultat minnu.

88      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Inmarsat u minn EchoStar, issostni li l-kuntest ġuridiku tal-Unjoni applikabbli għas-sistemi li jipprovdu MSS ma jagħtihiex kompetenzi fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet li għandhom jingħataw lill-operaturi għal użu partikolari ta’ banda ta’ frekwenzi. Din il-kompetenza hija rriżervata esklużivament għall-ARN li huma l-uniċi kompetenti sabiex jagħtu awtorizzazzjonijiet lill-kandidati magħżula u sabiex jadottaw miżuri ta’ infurzar sabiex jiżguraw l-osservanza tal-kundizzjonijiet komuni.

89      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-qafas regolamentari dwar il-ġestjoni tal-ispektrum tar-radju u l-MSS jipprevedi tqassim ċar tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

90      Minn naħa, mill-qafas regolamentari dwar il-ġestjoni tal-ispektrum tar-radju u l-MSS jirriżulta li l-Kummissjoni għandha, hekk kif tirrileva r-rikorrenti, ċerti kompetenzi sabiex tadotta atti li għandhom effetti legali vinkolanti. Fil-fatt, l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju ta lill-Kummissjoni kompetenza sabiex tiddetermina d-disponibbiltà u l-iskop ta’ użu tal-frekwenzi, kompetenza li hija eżerċitat, f’dak li jirrigwarda l-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għas-sistemi li jipprovdu MSS, billi adottat id-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni.

91      Il-Kummissjoni għandha wkoll, skont it-Titolu II tad-Deċiżjoni MSS, hekk kif issostni r-rikorrenti, il-kompetenza esklużiva sabiex tagħżel l-operaturi ta’ MSS fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz skont proċedura ta’ għażla komuni. Hekk kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ għażla komuni, hija tiddetermina, b’mod partikolari, jekk is-sistema proposta fil-kuntest tat-tweġiba għas-sejħa għall-applikazzjonijiet tissodisfax id-definizzjoni ta’ sistema li tipprovdi MSS hekk kif din tirriżulta mill-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta minn dan it-titolu, il-Kummissjoni torganizza proċedura ta’ għażla komparattiva għall-għażla tal-operaturi tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita. Huwa b’eżekuzzjoni ta’ din il-kompetenza esklużiva li l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Għażla, li permezz tagħha hija għażlet lil Inmarsat u lil Solaris (li saret EchoStar) bħala operaturi tas-sistemi li jipprovdu MSS fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

92      Min-naħa l-oħra, il-qafas regolamentari applikabbli għall-MSS jagħti ċerti kompetenzi esklużivi lill-Istati Membri. B’hekk, fl-ewwel lok, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li, skont it-Titolu III tad-Deċiżjoni MSS, jagħtu lill-operaturi magħżula mill-Kummissjoni l-awtorizzazzjonijiet neċessarji sabiex jużaw il-frekwenzi tar-radju allokati bil-għan tal-operazzjoni tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita.

93      Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni MSS, huma l-Istati Membri biss li għandhom jiżguraw li l-applikanti magħżula għandhom id-dritt li jużaw il-frekwenzi tar-radju speċifiċi identifikati fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u d-dritt li joperaw sistema mobbli permezz tas-satellita. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jagħtu, lill-applikanti magħżula skont it-Titolu II tal-imsemmija deċiżjoni u awtorizzati jużaw l-ispektrum skont l-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni, l-awtorizzazzjonijiet neċessarji għall-provvista ta’ komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita fit-territorju tagħhom.

94      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni MSS jirriżulta li l-għoti tal-awtorizzazzjoni taħt l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet huwa suġġett għal kundizzjoni unika, jiġifieri li l-operatur li jitlob din l-awtorizzazzjoni jkun applikant magħżul skont it-Titolu II tal-imsemmija deċiżjoni, filwaqt li l-awtorizzazzjoni skont it-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet, li jipprovdu li, minbarra li jkollu l-kwalità ta’ operatur magħżul, min jitlob l-awtorizzazzjoni għandu wkoll ikun awtorizzat juża l-ispektrum tar-radju inkwistjoni skont l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Viasat UK u Viasat, C‑100/19, EU:C:2020:174, punt 46).

95      Konsegwentement, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni MSS twassal għall-konklużjoni li awtorizzazzjoni abbażi ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax tiġi rrifjutata minn ARN għar-raġuni li s-sistema li għaliha hija mitluba l-awtorizzazzjoni ma hijiex sistema mobbli permezz tas-satellita jew minħabba li l-operatur ikkonċernat ma onorax l-impenn meħud matul il-proċedura ta’ għażla (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Viasat UK u Viasat, C‑100/19, EU:C:2020:174, punt 49). F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, hekk kif jirriżulta mill-punt 91 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni tevalwa, qabel ma tadotta d-Deċiżjoni ta’ Għażla, li s-sistema proposta minn operatur bi tweġiba għas-sejħa għall-applikazzjonijiet hija sistema mobbli permezz tas-satellita.

96      Minn dan isegwi li l-ARN ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-għoti tal-awtorizzazzjonijiet, b’tali mod li dawn ma jistgħux jirrifjutawhom jekk it-talba toriġina minn operatur magħżul mill-Kummissjoni, fatt li huwa aċċettat mir-rikorrenti.

97      Ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li tali fatt jimplika li l-Kummissjoni hija meħtieġa tieħu azzjoni sabiex “tipproteġi” l-kompetenzi esklużivi tagħha u għaldaqstant sabiex timpedixxi li l-awtorizzazzjonijiet jingħataw mill-ARN fil-każ fejn is-sistema li għall-operazzjoni tagħha operatur magħżul jitlob l-awtorizzazzjoni tkun inbidlet, hekk kif huwa l-każ, f’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda s-sistema EAN, meta mqabbla ma’ dik li għall-implimentazzjoni tagħha huwa kien ġie magħżul mill-Kummissjoni, u fejn is-sistema l-ġdida ma tissodisfax l-iskopijiet previsti fid-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni u fid-Deċiżjoni MSS, u lanqas l-impenji meħuda mill-operatur inkwistjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ għażla komuni.

98      F’dan ir-rigward, fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-kompetenza ta’ monitoraġġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet komuni previsti rispettivament fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni MSS, li l-awtorizzazzjonijiet huma suġġetti għalihom, u tal-impenji meħuda mill-operatur inkwistjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ għażla, kif ukoll il-kompetenza sabiex jiġi ssanzjonat ksur eventwali, ingħatat lill-Istati Membri, peress li l-Kummissjoni għandha biss kompetenza ta’ koordinazzjoni f’dan ir-rigward.

99      Fil-fatt, l-ewwel, l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni MSS jipprevedi sistema ta’ monitoraġġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet komuni li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-ARN huma suġġetti għalihom u l-proċedura ta’ infurzar fil-każ tan-nuqqas ta’ osservanza mill-operatur magħżul u awtorizzat tal-imsemmija kundizzjonijiet komuni. Il-kompetenzi f’dan ir-rigward huma mogħtija mid-Deċiżjoni MSS fl-ewwel lok lill-Istati Membri.

100    Għalhekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni MSS, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-monitoraġġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet komuni li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija huma suġġetti għalihom b’applikazzjoni tal-Artikoli 7 u 8 tal-imsemmija deċiżjoni u għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-deċiżjoni jindika li r-regoli ta’ infurzar nazzjonali għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 10 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

101    Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, l-ARN jivverifikaw u jissupervizzaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet li l-awtorizzazzjoni ġenerali jew id-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju jistgħu jkunu suġġetti għalihom. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jawtorizzaw lill-ANR, b’mod partikolari, jimponu, fuq l-impriżi li jonqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom li josservaw dawn l-awtorizzazzjonijiet ġenerali jew dawn il-kundizzjonijiet għall-użu, sanzjonijiet finanzjarji dissważivi jew ordnijiet sabiex iwaqqfu jew idewmu l-provvista ta’ servizz jew ta’ numru ta’ servizzi li, jekk jitkomplew, ikunu ta’ natura li jostakolaw il-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv.

102    Id-dispożizzjonijiet previsti fil-punti 99 sa 101 iktar ’il fuq għandhom jinqraw fid-dawl tal-premessa 21 tad-Deċiżjoni MSS, li tipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija għal MSS jew komponenti terrestri komplementari minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi għandhom jiġu infurzati fuq livell nazzjonali.

103    It-tieni, fost il-kundizzjonijiet komuni li l-awtorizzazzjonijiet huma suġġetti għalihom taħt l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni MSS, u li l-osservanza tagħhom għandha tiġi żgurata mill-Istati Membri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-deċiżjoni, hemm, b’mod partikolari, dik, prevista fl-Artikolu 7(2)(a) tal-istess deċiżjoni, li tipprovdi li l-kandidati magħżula għandhom jużaw il-frekwenzi tar-radju allokati għall-provvista ta’ MSS. Din l-aħħar dispożizzjoni, moqrija flimkien mad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija deċiżjoni, tipprevedi b’hekk il-kontroll mill-Istati Membri tal-osservanza tal-iskop ta’ allokazzjoni tal-frekwenza għall-provvista tal-MSS u, konsegwentement, il-monitoraġġ li s-sistema li għall-operazzjoni tagħha tintuża l-imsemmija frekwenza hija sistema mobbli permezz tas-satellita li tipprovdi MSS, fatt li, essenzjalment, huwa aċċettat mir-rikorrenti meta hija ssostni li l-iskop tal-armonizzazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz huwa li “sistemi mobbli permezz tas-satellita” jipprovdu MSS.

104    Barra minn hekk, l-awtorizzazzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni MSS huma wkoll suġġetti għall-kundizzjoni komuni prevista fl-Artikolu 7(2)(ċ) ta’ din id-deċiżjoni, li abbażi tagħha l-applikanti magħżula għandhom jonoraw l-impenji kollha li huma jieħdu fl-applikazzjoni tagħhom u matul il-proċedura ta’ għażla organizzata mill-Kummissjoni.

105    Iktar minn hekk, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-ARN taħt l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni MSS huma suġġetti, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni komuni prevista fl-Artikolu 8(3)(a) ta’ din id-deċiżjoni, li abbażi tagħha l-operaturi għandhom jużaw il-frekwenzi tar-radju allokati għall-provvista tal-komponenti terrestri komplementari ta’ sistema mobbli permezz tas-satellita, kif ukoll għal dik prevista fl-Artikolu 8(3)(b) tal-imsemmija deċiżjoni, li abbażi tagħha l-komponenti terrestri komplementari jagħmlu parti integrali mis-sistema mobbli permezz tas-satellita u huma kkontrollati mill-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tar-riżorsi u tan-networks satellitari. Dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2)(b) tal-istess deċiżjoni, jippermettu li jiġu żgurati l-kontroll u l-monitoraġġ mill-Istati Membri tal-osservanza mill-operatur magħżul, b’mod partikolari, tar-rwol tal-komponenti terrestri komplementari fis-sistema mobbli permezz tas-satellita awtorizzata skont l-Artikolu 7(1) tad-deċiżjoni inkwistjoni.

106    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni MSS tipprevedi proċedura ta’ kontroll fir-rigward ta’ sistema li għaliha l-awtorizzazzjonijiet jingħataw mill-ARN u l-monitoraġġ tal-użu, konformement mal-iskop armonizzat għall-provvista tal-MSS, tal-frekwenza allokata lill-operatur magħżul u awtorizzat, u b’hekk tal-osservanza minnu tal-kuntest ġuridiku applikabbli għall-MSS b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni nnifisha tas-sistema mobbli permezz tas-satellita u tal-impenji meħuda matul il-proċedura ta’ għażla. Il-kompetenzi deċiżjonali f’dan ir-rigward huma mogħtija lill-Istati Membri.

107    It-tielet, fir-rigward tal-kompetenzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar, mill-premessa 22 tad-Deċiżjoni MSS jirriżulta li, anki jekk il-monitoraġġ tal-użu tal-ispektrum tar-radju mill-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita magħżula u awtorizzati titwettaq u jekk kull miżura ta’ infurzar meħtieġa tittieħed fil-livell nazzjonali, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tiddefinixxi l-modalitajiet ta’ proċedura kkoordinata ta’ monitoraġġ jew ta’ infurzar. Kull meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà tqajjem problemi ta’ infurzar relatati mal-osservanza, mill-operaturi, tal-kundizzjonijiet komuni għal awtorizzazzjoni.

108    B’hekk, minn naħa, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni MSS, “[i]l-Kummissjoni tista’, bl-assistenza tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni [stabbilit bl-Artikolu 22 tad-Direttiva [Qafas]], teżamina kwalunkwe allegazzjoni ta’ ksur speċifiku tal-kondizzjonijiet komuni”. Barra minn hekk, skont l-istess dispożizzjoni, “[m]eta Stat Membru jinforma lill-Kummissjoni dwar ksur partikolari, il-Kummissjoni għandha teżamina l-allegazzjoni ta’ ksur”. Din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax in-natura tal-att li l-Kummissjoni tista’ tadotta abbażi tagħha jew l-effetti legali ta’ eżami li l-Kummissjoni tista’ jew, jekk ikun il-każ, għandha twettaq.

109    Madankollu, mill-interpretazzjoni kuntestwali tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni MSS jirriżulta li, b’eżekuzzjoni tal-kompetenzi mogħtija lilha minn din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ jew, l-iktar l-iktar, għandha, fil-kuntest tax-xogħol tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni, tifformula rakkomandazzjoni jew opinjoni fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, mill-Artikolu 9(2) tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw l-osservanza tal-kundizzjonijiet komuni u li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità (ara l-punt 100 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-“eżami” li l-Kummissjoni tista’ jew għandha twettaq skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-deċiżjoni jista’ biss ikun intiż li jipprovdi lill-Istati Membri assistenza sabiex jiddeċiedu jekk kienx hemm jew le ksur tal-kundizzjonijiet komuni u, jekk ikun il-każ, dwar is-sanzjoni li għandha tiġi applikata għal tali ksur, mingħajr madankollu ma jagħti lill-Kummissjoni kompetenza deċiżjonali f’dan ir-rigward.

110    Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 68 u 69 iktar ’il fuq, għandhom jitqiesu bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens l-Artikolu 263 TFUE id-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjoni, irrispettivament mill-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt54).

111    Għall-kuntrarju, kull att li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti, bħall-atti preparatorji, l-atti konfermattivi u l-atti ta’ pura infurzar, is-sempliċi rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet, kif ukoll, bħala prinċipju, l-istruzzjonijiet interni, ma huwiex suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2012, Sepracor Pharmaceuticals (Ireland) vs Il‑Kummissjoni, C‑477/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:292, punt 52).

112    Konsegwentement, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 72 iktar ’il fuq, dan ir-rikors huwa inammissibbli inkwantu dan jirrigwarda rifjut mill-Kummissjoni li tadotta att b’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni MSS.

113    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kompetenza li l-Kummissjoni għandha skont l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni MSS sabiex tadotta deċiżjoni li tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-infurzar tal-kundizzjonijiet komuni relatati mal-provvista tal-MSS, il-Kummissjoni aċċettat, bi tweġiba għall-argument ta’ Eutelsat u għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li din id-dispożizzjoni tagħtiha kompetenzi sabiex tadotta modalitajiet oħra xierqa għall-applikazzjoni kkoordinata tar-regoli ta’ infurzar, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet komuni marbuta mal-użu tal-komponenti terrestri komplementari.

114    Madankollu, għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamlet il-Kummissjoni, li l-kompetenza mogħtija lilha bis-saħħa tal-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni MSS hija biss kompetenza ta’ koordinazzjoni tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li madankollu għandhom il-kompetenza sħiħa f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ infurzar. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandha ebda kompetenza, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, la sabiex tikkonstata b’mod vinkolanti l-eżistenza ta’ ksur tal-kundizzjonijiet komuni, u lanqas sabiex tadotta att li permezz tiegħu hija tista’ timpedixxi lill-imsemmija awtoritajiet nazzjonali milli jagħtu awtorizzazzjoni, jew tobbligahom jirtirawha jew jissospenduha fil-każ fejn huma jikkonstataw l-eżistenza ta’ ksur.

115    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-Deċiżjoni MSS ma tagħtix lill-Kummissjoni kompetenzi espliċiti sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tas-sistema EAN mad-Deċiżjoni ta’ Għażla jew mal-qafas regolamentari applikabbli għall-MSS, u lanqas sabiex sussegwentement tadotta att intiż li jimpedixxi lill-ARN milli jagħtu l-awtorizzazzjonijiet lil Inmarsat jew li jobbligahom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet mogħtija, li jista’ jiġi kkontestat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

116    Fit-tielet lok, sa fejn l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-ilment għandhom jinftiehmu fis-sens li hija ssostni l-eżistenza ta’ kompetenzi impliċiti tal-Kummissjoni sabiex tadotta att kuntrarju billi tirtira jew temenda d-Deċiżjoni ta’ Għażla tal-operaturi minħabba li l-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz allokata lil Inmarsat la jikkorrispondi għall-iskopijiet stabbiliti mid-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni u lanqas għall-kriterji li abbażi tagħhom Inmarsat kienet intgħażlet, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.

117    Skont prinċipju ġenerali tad-dritt, il-korp li għandu kompetenza sabiex jadotta ċertu att ġuridiku għandu wkoll kompetenza, bħala prinċipju, sabiex iħassru jew jemendah permezz tal-adozzjoni ta’ actus contrarius, sakemm dispożizzjoni espliċita ma tagħtix din il-kompetenza lil korp ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il‑Kummissjoni, T‑251/00, EU:T:2002:278, punt 130, u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑808/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:734, punt 40).

118    F’dan il-każ, sa fejn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jingħataw mill-ARN biss lill-operaturi magħżula mill-Kummissjoni (ara l-punt 94 iktar ’il fuq), l-irtirar tad-Deċiżjoni ta’ Għażla kien ikollu bħala konsegwenza, għall-operatur, it-telf tal-istatus tiegħu ta’ operatur magħżul, u, skont l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni MSS, l-ARN ma kinux ikunu iktar jistgħu jagħtuh awtorizzazzjonijiet.

119    F’dan ir-rigward, ma huwiex eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, il-Kummissjoni jkollha kompetenza sabiex tħassar jew temenda d-Deċiżjoni ta’ Għażla li hija tkun adottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Viasat UK u Viasat, C‑100/19, EU:C:2020:174, punt 47).

120    Madankollu, ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ tali kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tirtira d-Deċiżjoni ta’ Għażla jew sabiex temendaha għar-raġuni li, wara l-adozzjoni tagħha, l-operatur magħżul ikun bidel is-sistema tiegħu, b’tali mod li din ma tkunx iktar konformi mal-kuntest ġuridiku applikabbli għall-MSS jew mal-impenji meħuda matul il-proċedura ta’ għażla, ikun kuntrarju għas-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, għaliex dan jippreżupponi li l-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà tas-sistema inkwistjoni mal-kuntest ġuridiku u mal-imsemmija deċiżjoni filwaqt li jirrendi inutli l-proċedura ta’ infurzar li taqa’ taħt il-kompetenzi deċiżjonali esklużivi tal-Isati Membri. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 106 iktar ’il fuq, fil-kuntest tas-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li tirriżulta mid-Deċiżjoni MSS, huma dawn tal-aħħar li għandhom jivverifikaw, bl-għajnuna tal-Kummissjoni li f’dan ir-rigward għandha kompetenzi ta’ koordinazzjoni, tali kompatibbiltà fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet komuni li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-operatur magħżul huma suġġetti għalihom. Għalhekk, il-kompetenza f’dan ir-rigward ingħatat espliċitament mid-dispożizzjonijiet espliċiti tad-Deċiżjoni MSS lil korp li ma huwiex il-Kummissjoni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 117 iktar ’il fuq.

121    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv favorevoli huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti. Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm kull istituzzjoni tal-Unjoni li tikkonstata li l-att li hija tkun għadha kif adottat huwa vvizzjat b’illegalità għandha tiġi rrikonoxxuta d-dritt li tirtirah f’terminu raġonevoli b’effett retroattiv, dan id-dritt jista’ jkun limitat min-neċessità li jiġu osservati l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta’ jafda fuq il-legalità tiegħu (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ April 1997, de Compte vs Il‑Parlament, C‑90/95 P, EU:C:1997:198, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Mejju 2011, Région Nord‑Pas‑de‑Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-irtirar ta’ att li joħloq drittijiet huwa suġġett għall-osservanza ta’ tliet kundizzjonijiet: l-ewwel, id-deċiżjoni li toħloq dritt għandha tkun illegali, it-tieni, l-irtirar għandu jseħħ f’terminu raġonevoli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata u, it-tielet, l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, tosserva l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tad-deċiżjoni li seta’, in bona fide, jafda fuq il-legalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Eklund vs Il‑Kummissjoni, F‑57/11, EU:F:2012:145, punti 69 sa 72). Issa, ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument sabiex turi li t-tieni u t-tielet kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq huma ssodisfatti f’dan il-każ.

122    Minn dan isegwi li dan l-ilment ma jistax jirnexxi.

2)      Fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi

123    Filwaqt li tirreferi għad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU ĠU 2015, L 275, p. 68), u għad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17), ir-rikorrenti, sostnuta minn Eutelsat, issostni li l-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni jirriżulta wkoll mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, li abbażi tagħhom l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tiżgura l-osservanza tal-obbligi u tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tissanzjona d-“devjazzjonijiet manifesti” fir-rigward tal-portata tal-użu awtorizzat u tal-bażi li fuqha ġiet organizzata l-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

124    Il-Kummissjoni tikkonfuta dawn l-argumenti.

125    Għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti tidher li ssostni, essenzjalment, li, fid-dawl tal-“bidla fundamentali” fl-iskop ta’ użu minn Inmarsat tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz meta mqabbel ma’ dak li għalih hija kienet intgħażlet, il-Kummissjoni kellha l-obbligu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ għażla jew torganizza proċedura ta’ għażla ġdida sabiex tkun tista’ tevalwa mill-ġdid, fil-kuntest ta’ tali proċedura ġdida, is-sistema EAN.

126    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Għażla, il-Kummissjoni għażlet l-operaturi li għandhom ikunu awtorizzati jużaw, f’kull Stat Membru, ċerti frekwenzi fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-MSS, iżda ma tatx konċessjonijiet fis-sens tad-Direttiva 2014/23 jew ma organizzatx proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku skont id-Direttiva 2014/24. Fil-fatt, il-proċedura ta’ għażla taqa’ taħt ir-regoli speċjali li abbażi tagħhom din ġiet organizzata, jiġifieri t-Titolu II tad-Deċiżjoni MSS. Konsegwentement, skont il-massima lex specialis derogat lex generalis, id-Direttivi invokati mir-rikorrenti ma japplikawx f’dan il-każ.

127    It-tieni, l-applikazzjoni tad-Direttivi 2014/23 u 2014/24 b’analoġija għaċ-ċirkustanzi tal-każ tmur kontra l-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 5 TUE (ara l-punt 201 iktar ’il quddiem), hekk kif issostni l-Kummissjoni.

128    Għalhekk dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

129    Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-Kummissjoni kienet meħtieġa tassisti lill-ANR fit-twettiq tal-missjonijiet li jirriżultaw fir-rigward tagħhom mit-Trattati u li tipprovdilhom il-linji gwida dwar l-implimentazzjoni, permezz tad-Deċiżjoni MSS, tad-dispożizzjonijiet armonizzati. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kienet meħtieġa tipprovdi, skont l-imsemmi prinċipju, linji gwida jew rakkomandazzjonijiet sabiex tassistihom fit-twettiq tal-missjoni tagħhom.

130    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 110 u 111 iktar ’il fuq, li linja gwida jew rakkomandazzjoni li ma hijiex ta’ natura vinkolanti ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. Konsegwentement, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 72 iktar ’il fuq, dan ir-rikors, sa fejn ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata l-eżistenza ta’ ommissjoni illegali min-naħa tal-Kummissjoni li tadotta tali rakkomandazzjoni, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

131    Barra minn hekk, fuq il-preżunzjoni li, permezz ta’ tali argument, ir-rikorrenti ssostni li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-Kummissjoni kien imissha indirizzat lill-ARN att individwali ta’ natura vinkolanti sabiex tassistihom fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom relatati mal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet lill-operatur magħżul, għandu jiġi rrilevat li r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma rregolati, skont l-Artikolu 4(3) TUE, minn tali prinċipju. Dan il-prinċipju mhux biss jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha adatti sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, iżda jimponi wkoll fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali mal-Istati Membri (digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88 IMM, EU:C:1990:315, punt 17). Dan id-dmir ta’ kooperazzjoni leali huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jiddependix min-natura esklużiva jew le tal-kompetenza tal-Unjoni kkonċernata (sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 71).

132    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti titlaq mill-premessa żbaljata li l-ARN għandhom jevalwaw il-kompatibbiltà tas-sistema ta’ Inmarsat mal-kuntest ġuridiku applikabbli u, b’mod partikolari, mad-Deċiżjoni ta’ Għażla, adottata mill-Kummissjoni, qabel ma jagħtu l-awtorizzazzjonijiet. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 94 iktar ’il fuq, l-unika kundizzjoni li l-ARN għandhom jevalwaw fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar it-talbiet għal awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni MSS, u waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li għandhom jiġu evalwati sabiex jingħataw l-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni, fejn it-tieni waħda hija l-pussess diġà tal-awtorizzazzjonijiet skont l-imsemmi Artikolu 7, hija l-kwalità ta’ min jitlob l-awtorizzazzjonijiet li jkun “operatur magħżul”. Din il-kwalità, fil-każ ta’ Inmarsat, tirriżulta mingħajr ebda ambigwità mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Għażla, li ma jeħtieġ ebda interpretazzjoni.

133    Il-kwistjonijiet tal-osservanza tal-iskop li għalih il-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz ġiet allokata lil Inmarsat kif ukoll tal-kompatibbiltà tas-sistema EAN mal-kuntest ġuridiku applikabbli, u b’mod partikolari mal-impenji meħuda matul il-proċedura ta’ għażla, jaqgħu taħt il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar previst fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni MSS. Issa, din tal-aħħar tipprevedi l-mekkaniżmu ta’ assistenza speċifika li jirrifletti l-kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Fil-fatt, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija deċiżjoni, meta Stat Membru jinforma lill-Kummissjoni dwar ksur partikolari, il-Kummissjoni għandha teżamina l-ksur allegat bl-assistenza tal-Kumitat għall-Komunikazzjonijiet. L-obbligu li jkollha, f’dak il-mument, il-Kummissjoni jirrifletti l-ispirtu tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Din il-kooperazzjoni hija msaħħa bid-Deċiżjoni ta’ Infurzar, adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni MSS, li tistabbilixxi proċess ta’ eżami u ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-livell tal-Unjoni u li l-Kummissjoni hija responsabbli għalih.

134    Ebda obbligu awtonomu ieħor li jagħti l-kompetenza lill-Kummissjoni sabiex taġixxi skont it-talba li kienet indirizzatilha r-rikorrenti abbażi biss tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ma jista’ jiġi impost fuq il-Kummissjoni.

135    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

4)      Fuq il-kompetenzi marbuta mal-obbligu li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tal-inizjattiva ta’ armonizzazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz iddedikata għall-MSS

136    Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-obbligu tal-Kummissjoni li tadotta, bi tweġiba għat-talba tagħha li tittieħed azzjoni, att intiż li jippreżerva s-suq intern tal-MSS, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u minn Eutelsat, tqis li l-Kummissjoni għandha tassew kompetenzi awtonomi intiżi li jimpedixxu l-frammentazzjoni tas-suq intern li sseħħ jekk l-ARN jiddeċiedu, fuq inizjattiva tagħhom stess, li jawtorizzaw lil Inmarsat tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għal skop ġdid. Hija tqis li dawn il-kompetenzi jirriżultaw mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni MSS, mill-Artikolu 19 tad-Direttiva Qafas, mill-premessa 35 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u mill-Artikolu 114 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u mal-premessi 5, 12 u 14 tad-Deċiżjoni MSS.

137    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kompetenzi esklużivi fdati espliċitament lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ġestjoni tal-MSS, li jikkonsistu f’li tarmonizza l-iskopijiet tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz u f’li tagħżel l-operaturi skont il-proċedura komuni sabiex jużaw din il-banda ta’ frekwenzi skont l-iskopijiet hekk armonizzati, jagħmlu parti minn kuntest regolamentari usa’ li l-għan tiegħu huwa li jinħoloq suq uniku għall-użu armonizzat ta’ ċerti frekwenzi tar-radju, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas u mill-Artikolu 8 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Hekk kif jirriżulta mill-premessi 11 sa 13 tad-Deċiżjoni MSS, in-natura transkonfinali intrinsika tal-MSS li jiżguraw il-komunikazzjonijiet permezz tas-satellita ġġustifikat li jiġu fdati, eċċezzjonalment, dawn il-kompetenzi esklużivi speċifikament lill-Kummissjoni.

138    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamlet ir-rikorrenti, li mill-Artikolu 1(1) kif ukoll mill-premessi 5, 12 u 14 tad-Deċiżjoni MSS jirriżulta, essenzjalment, li l-għan prinċipali tal-inizjattiva intiża li jiġi armonizzat l-użu tal-ispektrum tar-radju fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-MSS kien l-istabbiliment ta’ suq intern tal-MSS pan‑Ewropej li jiżguraw konnettività universali, filwaqt li l-għanijiet l-oħra previsti, imressqa mill-Kummissjoni kif ukoll minn Inmarsat u minn EchoStar, huma dawk li tiżdied il-kompetizzjoni, li jiġu inkoraġġuti l-investimenti profitabbli u li jsir kontribut għall-kompetittività tas-settur Ewropew tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet skont l-għanijiet tal-Istrateġija mġedda ta’ Lisbona. Il-proċedura ta’ għażla komuni organizzata mill-Kummissjoni, li fi tmiemha hija allokat din il-frekwenza, b’mod partikolari, lil Inmarsat, waqet taħt il-kuntest ta’ dawn l-għanijiet.

139    Huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li għandha tiġi eżaminata l-eżistenza tal-kompetenzi tal-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni wara t-talba tar-rikorrenti sabiex tadotta att intiż li jimpedixxi dannu għas-suq intern tal-MSSS pan‑Ewropej u b’hekk li jippreserva l-effett utli tal-armonizzazzjoni li, skont ir-rikorrenti, jitqiegħed inkwistjoni minħabba l-bidla minn Inmarsat fl-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz.

i)      Fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni li jirriżultaw mid-Direttiva Qafas

140    Ir-rikorrenti, sostnuta minn Eutelsat, tqis li l-kompetenzi tal-Kummissjoni intiżi li jimpedixxu l-frammentazzjoni tas-suq intern li sseħħ jekk l-ARN jiddeċiedu, fuq inizjattiva tagħhom stess, li jawtorizzaw lil Inmarsat tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għal skop ġdid jirriżultaw mill-Artikolu 19 tad-Direttiva Qafas.

141    Fil-fehma tar-rikorrenti, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li l-mandat fdat lill-Kummissjoni mid-Direttiva Qafas fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-iskopijiet tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz jinkludi wkoll l-obbligu li ssegwi l-iżvilupp ta’ dan is-settur u, jekk ikun il-każ, li taġġorna d-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni tagħha.

142    Il-Kummissjoni ssostni li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas invokati mir-rikorrenti, u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva, ma tagħtiha kompetenzi ta’ infurzar fir-rigward tal-operaturi jew tal-ARN f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet marbuta mal-użu tal-frekwenzi tar-radju.

143    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva Qafas hija intiża li tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-ġestjoni tal-frekwenzi tar-radju. L-imsemmija direttiva tipprevedi li huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw il-ġestjoni effikaċi tal-frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fit-territorju tagħhom u li għandhom jippromwovu l-armonizzazzjoni tal-użu tagħhom sabiex jiżguraw li dawn jintużaw b’mod effikaċi u effettiv. L-Artikolu 8a tagħha jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw bejniethom u mal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-ippjanar strateġiku, il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispektrum tar-radju fl-Unjoni.

144    Id-Direttiva Qafas torganizza mekkaniżmu ta’ sorveljanza mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri armonizzati mill-ARN. Fil-fatt, skont l-Artikolu 19(1) tagħha “[f]ejn il-Kummissjoni ssib li d-diverġenzi fl-implimentazzjoni mill-[ARN] tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi jistgħu joħolqu barriera għas-suq intern, il-Kummissjoni tista’, wara li tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-[Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC)], toħroġ rakkomandazzjoni jew deċiżjoni dwar l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi sabiex ikomplu jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 [tagħha]”.

145    L-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas huma, b’mod partikolari, dawk li tiġi promossa l-kompetizzjoni fil-provvista tan-networks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u tar-riżorsi u tas-servizzi assoċjati, kif ukoll li jsir kontribut għall-iżvilupp tas-suq intern.

146    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva Qafas, kompetenzi intiżi li jippreżervaw l-eżistenza ta’ suq intern.

147    Madankollu, minn naħa, rakkomandazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tadotta abbażi tal-Artikolu 19 tad-Direttiva Qafas ma hijiex ta’ natura vinkolanti u għalhekk ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 110 u 111 iktar ’il fuq. Issa, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 72 iktar ’il fuq, rifjut li tittieħed azzjoni huwa att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, meta l-att li l-istituzzjoni tirrifjuta li tadotta seta’ jiġi kkontestat bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE. Minn dan isegwi li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata l-eżistenza ta’ ommissjoni illegali min-naħa tal-Kummissjoni li tadotta tali rakkomandazzjoni.

148    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza tadotta skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva Qafas, li huma ta’ natura vinkolanti, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 19(3), dawn għandhom kontenut ristrett. Fil-fatt, dawn jistgħu jinkludu biss l-identifikazzjoni ta’ strateġija armonizzata jew ikkoordinata bl-iskop li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet fl-imsemmi Artikolu 19(3). Issa, fost dawn il-kwistjonijiet, ma hemmx dik dwar approċċ armonizzat fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet li għandhom jingħataw lil operatur magħżul skont il-proċedura komuni wara li l-użu ta’ frekwenza jkun ġie armonizzat.

149    L-Artikolu 19 tad-Direttiva Qafas għalhekk ma jistax jikkostitwixxi bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżura mitluba mir-rikorrenti fl-intimazzjoni.

150    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni għandha kompetenza, bis-saħħa tad-Direttiva Qafas, sabiex tipproponi reviżjoni tal-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ GHz 2 huwa marbut ma’ dak li permezz tiegħu hija tilmenta li l-Kummissjoni ma użatx is-setgħat ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha u ser jiġi eżaminat fil-punti 191 et seq iktar ’il quddiem.

151    Fl-aħħar, sa fejn dan l-argument għandu jinftiehem fis-sens li r-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni għandha hija stess tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz inkwantu hija għandha kompetenzi esklużivi sabiex tiddetermina dan l-iskop armonizzat, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni, li tipprevedi l-iskop armonizzat tal-imsemmi użu għall-MSS, ġiet adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju, u mhux abbażi ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Direttiva Qafas.

152    Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti fir-rigward tal-kompetenzi intiżi li jibdlu l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz, mogħtija lill-Kummissjoni bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju.

ii)    Fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni intiżi li jibdlu l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz

153    Mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju jirriżulta li l-għan ta’ din id-deċiżjoni huwa li jiġi stabbilit qafas ta’ gwida u kuntest ġuridiku fl-Unjoni sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni tal-politika u, jekk ikun il-każ, l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet dwar id-disponibbiltà u l-użu effikaċi tal-ispektrum tar-radju neċessarja għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern f’oqsma tal-politika tal-Unjoni bħall-komunikazzjonijiet elettroniċi, it-trasport kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp.

154    Skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju, sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat tal-Ispektrum tar-Radju miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni xierqa sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet dwar id-disponibbiltà u l-użu effikaċi tal-ispektrum tar-radju kif ukoll dwar id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar l-użu tal-ispektrum tar-radju. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(2) tal-istess deċiżjoni jagħti lill-Kummissjoni kompetenza sabiex tagħti mandati speċifiċi lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) bil-għan li jiġu mfassla miżuri tekniċi ta’ implementazzjoni, bħall-armonizzazzjoni tal-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju. Skont l-Artikolu 4(3) tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk ix-xogħlijiet imwettqa bis-saħħa tal-Artikolu 4(2) għandhomx japplikaw fl-Unjoni u għandha tiddetermina t-termini għall-implimentazzjoni fl-Istati Membri.

155    Huwa għaldaqstant, billi eżerċitat il-kompetenzi tagħha tal-“amministrazzjoni teknika ta’ l-ispektrum tar-radju” (ara l-premessa 11 tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju) mogħtija lilha bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju, li l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni li fiha hija pproċediet, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 mill-premessa 6 tagħha, bl-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li jiggarantixxu d-disponibbiltà u l-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għas-sistemi li jipprovdu MSS.

156    Huwa għalhekk għall-użu tal-imsemmija banda ta’ frekwenzi skont dan l-iskop li l-operaturi, inkluża Inmarsat, intgħażlu mill-Kummissjoni skont il-proċedura komuni.

157    Ir-rikorrenti tqis li bidla fl-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz meta mqabbel ma’ dak previst fid-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni għandha ssir bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni segwita minn sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet relatata mal-allokazzjoni ta’ din il-banda ta’ frekwenzi.

158    Mill-argumenti tar-rikorrenti jista’ jiġi dedott li hija tqis li tali deċiżjoni timponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tirtira d-Deċiżjoni ta’ Għażla jew li torganizza proċedura ta’ għażla ġdida sabiex talloka l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz skont l-iskop armonizzat il-ġdid, li r-rikorrenti tista’ tipparteċipa fiha.

159    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma ċaħditx li għandha kompetenzi sabiex tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz, fatt li hija kkonfermat waqt is-seduta bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li insistiet madankollu fuq in-natura “teknika” ta’ tali armonizzazzjoni.

160    Għandu jiġi rrilevat li tali kompetenza tal-Kummissjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju inkwantu l-Kummissjoni tista’, fuq din il-bażi, tadotta deċiżjoni ġdida li tipprevedi l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-użu u għad-disponibbiltà tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-iskopijiet għajr l-operazzjoni tas-sistemi li jipprovdu MSS billi tħassar b’hekk id-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni attwalment fis-seħħ.

161    Fil-fatt, skont il-prinċipju ġenerali tad-dritt imfakkar fil-punt 117 iktar ’il fuq, il-korp li għandu kompetenza sabiex jadotta ċertu att ġuridiku, f’dan il-każ id-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni, għandu wkoll kompetenza, bħala prinċipju, sabiex iħassru jew jemendah. Peress li ebda dispożizzjoni tal-qafas regolamentari applikabbli ma tagħti tali kompetenza lil korp ieħor, il-Kummissjoni għandha wkoll kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni intiża li temenda d-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni, skont il-proċedura mfakkra fil-punt 154 iktar ’il fuq.

162    Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni, moqri flimkien mal-premessa 12 tal-imsemmija deċiżjoni, jagħti lill-Kummissjoni kompetenzi sabiex tirrevediha. Fil-fatt, din il-premessa tipprevedi li, fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-suq u tal-progress tekniku, jista’ jkun neċessarju, fil-futur, li jiġu eżaminati mill-ġdid il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, abbażi ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-użu tal-baned ta’ frekwenzi kkonċernati u għandhom jirrapurtaw lill-Kummissjoni dwar dan sabiex, jekk ikun meħtieġ, tkun tista’ ssir reviżjoni tal-istess deċiżjoni.

163    Fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2017 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li ma kienet ġiet prevista ebda “definizzjoni mill-ġdid” tal-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma ċaħditx li għandha kompetenzi sabiex tibdel dan l-iskop, fatt li hija kkonfermat, essenzjalment, waqt is-seduta, iżda hija indikat lir-rikorrenti li hija ma kellhiex l-intenzjoni tipproċedi b’tali bidla.

164    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li mill-punti 159 sa 162 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni għandha kompetenzi sabiex tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz, ir-rikorrenti ma tistax, fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq, tikkontesta d-deċiżjoni li l-Kummissjoni rrifjutat li tadotta, jiġifieri deċiżjoni ta’ armonizzazzjoni ġdida abbażi tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju li b’hekk tħassar id-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni fis-seħħ jew reviżjoni tagħha b’mod konformi mal-Artikolu 4 tagħha.

165    Fil-fatt, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

166    F’dan il-każ, id-deċiżjoni li tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz ma hijiex indirizzata lir-rikorrenti, iżda lill-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti tista’ tippreżenta rikors għal annullament kontra l-imsemmija deċiżjoni biss jekk din tikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ infurzar jew jekk din tikkonċernaha direttament u individwalment.

167    Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni li l-Kummissjoni rrifjutat li tadotta tikkostitwixxix att regolatorju, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

168    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ att regolatorju fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jinftiehem bħala li jkopri kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi (digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 56).

169    F’dan il-każ, il-bażi legali tad-deċiżjoni li tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz, kemm fil-każ ta deċiżjoni ta’ armonizzazzjoni ġdida li tħassar dik fis-seħħ kif ukoll fil-każ ta’ reviżjoni tagħha, hija l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju. Dan l-artikolu jipprevedi li miżura adottata mill-Kummissjoni abbażi tiegħu għandha tiġi adottata skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 3(3) tal-imsemmija deċiżjoni, li jirreferi huwa stess għall-proċedura prevista fl-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124). Għaldaqstant, id-deċiżjoni li tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz hija adottata mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju ta’ kompetenzi ta’ infurzar, u mhux fl-eżerċizzju ta’ kompetenzi leġiżlattivi.

170    Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz hija ta’ portata ġenerali, inkwantu din tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt. Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjoni hija intiża li tarmonizza l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu d-disponibbiltà u l-użu l-ġdid tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz.

171    Minn dan jirriżulta li hemm lok li jitqies li d-deċiżjoni li tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz tikkostitwixxi att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, skont din l-aħħar dispożizzjoni, ir-rikorrenti tista’ titlob l-annullament ta’ tali deċiżjoni jekk din kienet tikkonċernaha direttament u jekk l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx tinvolvi miżuri ta’ infurzar.

172    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-inċidenza diretta fir-rigward tar-rikorrenti, hemm lok li jitfakkar li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, hekk kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    F’dan ir-rigward, l-ewwel, fir-rigward tal-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tad-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni fis-seħħ jirriżulta li, mill‑1 ta’ Lulju 2007, l-Istati Membri għandhom jindikaw u jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għas-sistemi inkwistjoni. B’hekk jirriżulta b’mod partikolari minn din id-dispożizzjoni li d-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni l-ġdida li tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħha.

174    It-tieni, fir-rigward tal-effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li mill-premessa 11 tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju jirriżulta li “[l]-amministrazzjoni teknika ta’ l-ispektrum tar-radju tinkludi l-armonizzazzjoni u l-allokazzjoni ta’ l-[imsemmi spektrum]”, iżda “ma tkoprix l-assenjament u l-proċeduri ta’ liċenzi, lanqas deċiżjoni jekk għandhom jintużaw proċeduri kompetittiva ta’ għażla għall-assenjar tal-frekwenzi tar-radju”.

175    Dan jirriżulta wkoll mill-premessa 8 tad-Deċiżjoni MSS, li tipprevedi li l-ġestjoni teknika tal-ispektrum tar-radju, hekk kif organizzata mid-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju b’mod ġenerali u mid-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni b’mod partikolari, ma tikkonċernax il-proċeduri ta’ allokazzjoni u ta’ għoti tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju.

176    Sussegwentement, minn naħa, mill-premessa 9 tad-Deċiżjoni MSS jirriżulta li l-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita jintgħażlu u jiġu awtorizzati fuq livell nazzjonali u, min-naħa l-oħra, mill-premessa 11 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li għandhom jiġu armonizzati l-kriterji ta’ għażla tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita b’mod li l-proċess ta’ għażla jippermetti li l-istess numru ta’ MSS jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fl-Ewropa kollha. Huwa għalhekk li huwa essenzjalment stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni li din toħloq proċedura ta’ għażla komuni tal-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita li jużaw, skont id-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni, il-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz.

177    B’hekk jirriżulta b’mod ċar li proċedura ta’ għażla tal-operaturi ta’ tali sistemi għandha sussegwentement tiġi organizzata sabiex tiġi allokata l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz skont l-iskop armonizzat previst fid-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni. Dan huwa ammess mir-rikorrenti stess, hekk kif jirriżulta mill-punti 157 u 158 iktar ’il fuq. Fil-fatt, hija ssostni li deċiżjoni li tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz timponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tirtira d-Deċiżjoni ta’ Għażla jew li torganizza proċedura ta’ għażla ġdida sabiex tiġi allokata l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz skont l-iskop armonizzat il-ġdid, proċedura li fiha hija tista’ tipparteċipa.

178    Għalhekk minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni li tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz li l-Kummissjoni rrifjutat li tadotta ma tistax tipproduċi, waħedha, effetti immedjati u konkreti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, peress li din tiddetermina biss d-disponibbiltà u l-iskop tal-imsemmi użu, u la tikkonċerna l-proċeduri ta’ allokazzjoni u ta’ għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, u lanqas id-deċiżjoni ta’ użu ta’ proċeduri ta’ għażla kompetittivi għall-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju li r-rikorrenti tista’ tipparteċipa fihom. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta prevista fl-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma hijiex issodisfatta.

179    Għalhekk, sa fejn il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-eventwali eżistenza ta’ miżuri ta’ infurzar. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kontra deċiżjoni li tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz adottata abbażi tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju.

180    Issa, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 72 iktar ’il fuq, rifjut li tittieħed azzjoni huwa att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament meta l-att li l-istituzzjoni tirrifjuta li tadotta seta’ jiġi kkontestat bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE. Minn dan jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata l-eżistenza ta’ ommissjoni illegali min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tadotta tali deċiżjoni li tibdel l-iskop tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz u li l-ilment tar-rikorrenti għandu għalhekk jiġi miċħud.

iii) Fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni li jirriżultaw mid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni

181    Ir-rikorrenti tinvoka l-premessa 35 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni sabiex issostni li l-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-MSS.

182    Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni hija intiża li tistabbilixxi suq intern tan-networks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi billi jiġu armonizzati u ssemplifikati r-regoli u l-kundizzjonijiet fir-rigward tal-awtorizzazzjoni, sabiex tiġi ffaċilitata l-provvista tagħhom fl-Unjoni kollha. L-aċċess għall-ispektrum tar-radju għandu għalhekk ikun iffaċilitat sabiex tiżdied l-effiċjenza tiegħu, tiġi inkoraġġuta l-innovazzjoni u tiżdied l-għażla proposta lill-utenti u lill-konsumaturi. Sabiex jasal għal dan, l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li d-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u ta’ numri għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati.

183    Skont l-Artikolu 8 u l-premessa 24 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, meta l-allokazzjoni armonizzata tal-frekwenzi tar-radju lil impriżi partikolari tkun ġiet aċċettata fuq il-livell tal-Unjoni, u b’mod partikolari meta dawn l-impriżi li lilhom il-frekwenzi tar-radju jkunu ġew allokati jkunu ntgħażlu skont ir-regoli tal-Unjoni, hekk kif huwa l-każ f’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta’ użu ta’ dawn il-frekwenzi tar-radju skont dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom kompetenza limitata sabiex jimponu kundizzjonijiet, kriterji jew proċeduri addizzjonali oħra.

184    Il-premessa 35 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni tipprevedi, hekk kif issostni r-rikorrenti, li l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku abbażi tas-sistemi ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali previsti f’din id-direttiva għandu jiġi ssorveljat mill-Kummissjoni.

185    L-interpretazzjoni sistematika tal-premessa 35 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, li fuqha tibbaża ruħha r-rikorrenti, moqrija flimkien mal-Artikolu 8 u mal-premessa 24 tal-imsemmija direttiva kif ukoll mad-Deċiżjoni MSS, timplika li jitqies li s-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet relatati mal-MSS hija rregolata, prinċipalment, mill-imsemmija deċiżjoni. Għalhekk, il-kompetenzi tal-ARN relatati mal-awtorizzazzjonijiet huma prinċipalment dawk previsti mid-Deċiżjoni MSS, u mhux dawk previsti mid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Konsegwentement, il-kompetenzi eventwali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni mill-ARN tas-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet hekk previsti jaqgħu taħt din id-deċiżjoni u jikkonsistu fil-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar tal-kundizzjonijiet komuni li l-awtorizzazzjonijiet huma suġġetti għalihom, hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mill-Artikolu 9 tal-istess deċiżjoni.

186    Barra minn hekk, id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma timponix lill-Kummissjoni, fl-ambitu tas-“sorveljanza” li jsir riferiment għaliha fil-premessa 35 tagħha, tadotta atti ta’ natura vinkolanti fir-rigward tal-ARN. Issa, l-interpretazzjoni sistematika tal-applikazzjoni tal-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni mill-imsemmija direttiva f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet addizzjonali, li, skont il-każ, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni MSS huma suġġetti għalihom, timponi li jiġi kkonstatat li dawn il-kompetenzi huma biss kompetenzi ta’ koordinazzjoni, bħall-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 9 tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tal-monitoraġġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet komuni previsti minn din id-deċiżjoni.

187    Konsegwentement, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni għandha, skont id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, kompetenzi sabiex tadotta att ta’ natura vinkolanti sabiex jiġi evitat riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq intern tal-MSS li sseħħ jekk l-ARN jiddeċiedu li jawtorizzaw lil Inmarsat tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għas-sistema EAN.

188    Għalhekk dan l-ilment huwa infondat.

iv)    Fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 114 TFUE

189    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni għandha kompetenzi intiżi li jimpedixxu l-frammentazzjoni tas-suq intern tal-MSS pan‑Ewropej fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz li sseħħ jekk l-ARN jiddeċiedu, fuq inizjattiva tagħhom stess, li jawtorizzaw lil Inmarsat tuża din il-banda ta’ frekwenzi għal skop ġdid, skont l-Artikolu 114 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u l-premessi 5, 12 u 14 tad-Deċiżjoni MSS.

190    Il-Kummissjoni ssostni li hija għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi li tippreżenta proposta ta’ att leġiżlattiv skont l-Artikolu 114 TFUE, fatt li għandu bħala konsegwenza li hija ma kinitx meħtieġa tadotta att mitlub mir-rikorrenti.

191    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 114 TFUE jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala suġġett l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

192    Hekk kif tfakkar fil-punt 138 iktar ’il fuq, mill-Artikolu 1(1) kif ukoll mill-premessi 5, 12 u 14 tad-Deċiżjoni MSS, invokati mir-rikorrenti, jirriżulta essenzjalment li l-għan prinċipali tal-inizjattiva intiża għall-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispektrum tar-radju fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-MSS kien l-istabbiliment ta’ suq intern tal-MSS pan‑Ewropej li jiżguraw konnettività universali.

193    Jekk, fid-dawl b’mod partikolari tat-talba li hija għamlet lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni bħala gwardjana tat-Trattati abbażi tal-Artikolu 17(2) TUE (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li hija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma użatx is-setgħat ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha sabiex tippreżenta proposta ta’ att li għandu jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 114 TFUE intiż li tiġi ppreżervata l-eżistenza tas-suq intern tal-MSS, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(2) TUE, “[l]-atti leġislattivi ta’ l-Unjoni ma jistgħux jiġu adottati ħlief fuq proposta tal-Kummissjoni, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor. L-atti l-oħrajn għandhom jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni meta t-Trattati jipprovdu hekk”.

194    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li rikors ippreżentat kontra rifjut tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta ta’ emenda ta’ att leġiżlattiv għandu, bħala prinċipju, jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba n-natura purament intermedja u preparatorja tiegħu (digrieti tat‑22 ta’ Jannar 2010, Makhteshim‑Agan Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑69/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:37, punt 46, u tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, T‑369/03, EU:T:2005:458, punt 66, ikkonfermat fl-appell permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, C‑150/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2007:164, punti 23 u 24).

195    Għall-kuntrarju, tali soluzzjoni ma tistax tkun applikabbli jekk ir-rifjut li tiġi ppreżentata proposta jew emenda ta’ att kien jikkostitwixxi t-tmiem ta’ proċedura speċifika mibdija u mmexxija mir-rikorrenti abbażi ta’ att li jipprevedi tali proċedura u jekk, bħala tali, dan ir-rifjut kien jesprimi pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, u jekk barra minn hekk hija ma kellhiex setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi dwar jekk kienx opportun li tiddeċiedi dwar it-talba mressqa quddiemha, iżda kienet meħtieġa tiddeċiedi dwarha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 1998, Lillu Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑120/96, EU:T:1998:141, punti 50 sa 56, 59 u 61 sa 63, u tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punti 76, 77 u 86).

196    F’dan il-każ, it-talba li rikorrenti indirizzat lill-Kummissjoni sabiex hija tippreżenta, skont l-Artikolu 17(2) TUE, proposta ta’ att intiż li jimpedixxi frammentazzjoni tas-suq intern tal-MSS ma taqa’ fil-kuntest ta’ ebda proċedura partikolari li hija prevista mid-dispożizzjonijiet speċifiċi u li għaliha l-Kummissjoni hija meħtieġa twieġeb.

197    Minn dan isegwi li dan ir-rikors għal annullament, sa fejn jirrigwarda rifjut tal-Kummissjoni li tippreżenta, wara t-talba tar-rikorrenti li tittieħed azzjoni, proposta ta’ att leġiżlattiv jew ta’ emenda ta’ att eżistenti bil-għan li jiġi ppreżervat is-suq intern tal-MSS, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

b)      Fuq l-eżistenza tal-kompetenzi impliċiti tal-Kummissjoni

198    Ir-rikorrenti, sostnuta minn Eutelsat, issostni li mill-kompetenzi esklużivi tal-Kummissjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz, u b’mod partikolari mill-fatt li hija meħtieġa tiddefinixxi l-iskopijiet li għalihom dawn il-frekwenzi għandhom jintużaw u li tagħżel l-operaturi li lilhom l-Istati Membri huma meħtieġa jagħtu l-awtorizzazzjonijiet korrispondenti ta’ użu ta’ dan l-ispektrum tar-radju, jirriżulta li hija neċessarjament ingħatat il-kompetenzi sabiex issegwi l-“evoluzzjonijiet tas-settur” u, meta jkun neċessarju, sabiex tieħu azzjoni b’mod li tipprevjeni r-riskju ta’ devjazzjoni fir-rigward tal-portata u tal-kriterji ddefiniti b’mod ċar tal-użu esklużiv tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz awtorizzat bis-saħħa tal-proċess ta’ armonizzazzjoni u tal-proċedura ta’ għażla li tirriżulta minnu.

199    Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li, fid-dawl tal-għan ta’ din l-inizjattiva ta’ armonizzazzjoni, jiġifieri dak li jiġi stabbilit suq intern ta’ MSS pan‑Ewropej li jiżguraw konnettività universali, u sa fejn, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ngħatat il-kompetenzi sabiex taġixxi meta jkun hemm riskju li diverġenzi relatati mal-implimentazzjoni mill-ARN tal-kompiti regolatorji jostakolaw dan is-suq u sabiex teżamina kull ksur allegat tal-“kundizzjonijiet komuni”, u sabiex jiġi ggarantit l-effett utli ta’ din il-missjoni u tal-għan tagħha, hija għandha wkoll is-setgħat indispensabbli kollha sabiex twettaq din il-missjoni, anki jekk dawn ma humiex espliċitament previsti mil-leġiżlazzjoni

200    Il-Kummissjoni tikkonfuta dawn l-argumenti.

201    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5 TUE, konformement mal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattat (sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Planet vs Il‑Kummissjoni, T‑320/09, EU:T:2015:223, punt 57).

202    Il-qrati tal-Unjoni rrikonoxxew li setgħat mhux espressament previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati jistgħu jintużaw jekk dawn kienu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti minn dawn tal-aħħar. Meta artikolu tat-Trattat jafda lill-Kummissjoni b’missjoni speċifika u preċiża, għandu jiġi rrikonoxxut, taħt piena li jitneħħa kull effett utli lil din id-dispożizzjoni tat-Trattat, li dan jagħtiha impliċitament, permezz tal-istess, is-setgħat indispensabbli sabiex twettaq din il-missjoni. B’hekk hemm lok li jiġi rrikonoxxut li d-dispożizzjonijiet stabbiliti minn Trattat jimplikaw li jistgħu jiġu adottati r-regoli li mingħajrhom dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati utilment jew raġonevolment. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-setgħat leġiżlattivi tal-istituzzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tas-sens ġenerali ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑240/04, EU:T:2007:290, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

203    Skont ġurisprudenza stabbilita l-eżistenza ta’ setgħa impliċita, li tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ta’ għoti stabbilit mill-Artikolu 5(1) TUE, għandha tiġi evalwata b’mod strett. Għaldaqstant, huwa biss b’mod eċċezzjonali li tali setgħat impliċiti huma rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza u, sabiex dawn jiġu rrikonoxxuti, dawn għandhom ikunu neċessarji sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew tar-regolament bażiku kkonċernat (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2009, MTZ Polyfilms vs Il‑Kunsill, T‑143/06, EU:T:2009:441, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Planet vs Il‑Kummissjoni, T‑320/09, EU:T:2015:223, punt 60).

204    Din il-kundizzjoni ta’ neċessità għandha tiġi ssodisfatta mhux biss f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet sostantivi tal-att, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda l-forma tiegħu u n-natura vinkolanti tiegħu (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑240/04, EU:T:2007:290, punt 38).

205    F’dan il-każ, ebda kompetenza impliċita sabiex tieħu azzjoni ma tista’ tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni, indipendentement min-natura tal-att li hija għandha, skont ir-rikorrenti, tadotta b’eżekuzzjoni tal-kompetenzi tagħha.

206    Fil-fatt, ċertament, hekk kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ġiet fdata b’missjoni speċifika u preċiża fir-rigward tal-MSS, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 90 u 91 iktar ’il fuq. Hija wettqet din il-missjoni billi adottat, minn naħa, id-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni billi eżerċitat il-kompetenzi esklużivi li kienu mogħtija lilha bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni tal-Ispektrum tar-Radju kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni ta’ Għażla tal-operaturi ta’ MSS fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz skont proċedura tal-Unjoni, b’applikazzjoni tat-Titolu II tad-Deċiżjoni MSS.

207    Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta mill-iżviluppi fil-punti 93 u 98 iktar ’il fuq, il-kompetenzi li jingħataw l-awtorizzazzjonijiet lill-operaturi magħżula u dawk tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ infurzar fir-rigward tal-operaturi awtorizzati fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet komuni li dawn l-awtorizzazzjonijiet huma suġġetti għalihom huma mogħtija espliċitament bis-saħħa tad-Deċiżjoni MSS lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Kummissjoni għandha biss kompetenzi espliċiti ta’ koordinazzjoni sabiex tiżgura l-koerenza tal-applikazzjoni, mill-ARN, tar-regoli ta’ infurzar relatati mal-MSS (ara l-punt 107 iktar ’il fuq).

208    Minn dawn iċ-ċirkustanzi jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi rrikonoxxuta kompetenzi impliċiti li jirrigwardaw l-awtorizzazzjonijiet, bir-riskju li jiġu mhedda dawk espliċitament mogħtija mil-leġiżlatur lill-Istati Membri, u lanqas ma tista’ tiġi rrikonoxxuta kompetenzi impliċiti li jmorru lil hinn mill-kompetenzi ta’ koordinazzjoni mogħtija espliċitament lilha fir-rigward tal-miżuri ta’ infurzar. Fil-fatt, tali kompetenzi impliċiti jmorru kontra l-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi previst fl-Artikolu 5 TUE.

209    Barra minn hekk, huwa ċertament possibbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 202 u 203 iktar ’il fuq, li ssir deroga, eċċezzjonalment, minn dan il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi meta l-kompetenzi impliċiti jkunu neċessarji sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet li jikkonferixxu missjoni partikolari lill-istituzzjoni. Madankollu, f’dan il-każ, din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.

210    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ma hemmx lakuna legali f’dak li jirrigwarda l-garanzija tal-effett utli tal-missjoni tal-Kummissjoni, li għandha tiġi rrimedjata, skont ir-rikorrenti, permezz tar-rikonoxximent ta’ kompetenzi impliċiti lill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-leġiżlatur esprima b’mod ċar ir-rieda tiegħu li jafda lill-Istati Membri s-setgħa ta’ monitoraġġ, permezz tal-proċedura kkoordinata ta’ infurzar wara l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet, tal-iżvilupp tas-sistema mill-operatur magħżul u, jekk ikun il-każ, ta’ adozzjoni ta’ sanzjonijiet li jwasslu sal-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet li mingħajrhom l-operatur inkwistjoni ma jistax iktar jopera s-sistema tiegħu. Għalhekk, l-effett utli tal-missjoni fdata lill-Kummissjoni, hekk kif imfakkra fil-punt 206 iktar ’il fuq, huwa żgurat permezz tal-eżistenza tal-proċedura koordinata ta’ infurzar li taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri. Barrra minn hekk, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE invokat mir-rikorrenti (ara l-punt 129 iktar ’il fuq) isostni din il-konklużjoni sa fejn, skont l-imsemmi prinċipju, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jieħdu l-miżuri kollha adatti sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 131 iktar ’il fuq.

211    Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li Inmarsat bidlet is-sistema EAN bejn il-mument li fih il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħtiha d-dritt li tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għal sistema pan‑Ewropea li tipprovdi MSS u l-mument li fih l-awtorizzazzjonijiet neċessarji għandhom jingħataw mill-ARN skont it-Titolu III tad-Deċiżjoni MSS għall-operazzjoni ta’ din is-sistema, b’tali mod li s-sistema l-ġdida la tissodisfa l-iskopijiet previsti fid-Deċiżjoni ta’ Armonizzazzjoni u fid-Deċiżjoni MSS u lanqas l-impenji li hija kienet ħadet fil-kuntest tal-proċedura ta’ għażla komuni, huma l-Istati Membri li għandhom jibdew proċeduri ta’ infurzar kontriha sabiex jobbligawha tosserva l-kundizzjonijiet komuni, inkluża dik dwar l-obbligu li tuża l-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-MSS u dik li tirrigwarda l-osservanza tal-impenji meħuda waqt il-proċedura ta’ għażla, taħt piena li jiġu rtirati l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lilha.

212    Ċertament, tali sistema, li fiha l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jagħtu l-awtorizzazzjonijiet lil operatur magħżul mill-Kummissjoni (ara l-punti 94 sa 96 iktar ’il fuq), iżda jistgħu biss, jekk ikun il-każ, jibdew proċeduri ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ infurzar minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, minn tali operatur, tal-kundizzjonijiet komuni li l-awtorizzazzjonijiet kienu suġġetti għalihom, tista’ tidher ftit li xejn effikaċi mill-perspettiva tal-ekonomija tal-proċedura.

213    Madankollu, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, tali konsegwenzi huma inerenti għas-sistema ta’ ġestjoni tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-MSS hekk kif imfassla mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li ffavorixxa approċċ ikkonċentrat madwar proċeduri kkoordinati ta’ infurzar wara l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet fdati lill-Istati Membri, li fihom il-Kummissjoni għandha rwol ta’ koordinatur. Huwa l-imsemmi leġiżlatur u mhux il-Qorti Ġenerali li għandu jemenda, jekk ikun il-każ, is-sistema attwalment imfassla.

214    Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li l-assenza ta’ kompetenzi, kemm jekk kompetenzi espliċiti kif ukoll jekk kompetenzi impliċiti, tal-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni sabiex timpedixxi lill-ARN milli jagħtu l-awtorizzazzjonijiet għal sistema allegatament inkompatibbli mal-kuntest ġuridiku ma jċaħħadx lil kompetituri, bħar-rikorrenti, minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, kemm id-deċiżjonijiet meħuda mill-ARN li jirrigwardaw l-awtorizzazzjonijiet kif ukoll l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ infurzar mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, li jistgħu jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ fejn huma jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni relatat mal-MSS, fatt li huwa muri mid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Viasat UK u Viasat (C‑100/19, EU:C:2020:174), kif ukoll fil-kuntest tal-Kawża C‑515/19, Eutelsat SA, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

215    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tat-talba għal annullament u bbażata fuq nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti jew ta’ locus standi tagħha għall-annullament ta’ att mitlub fit-talba li tittieħed azzjoni.

IV.    Fuq l-ispejjeż

216    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

217    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li Eutelsat u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, kif ukoll EchoStar u Inmarsat, intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-konvenuta, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      ViaSat, Inc. hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Eutelsat SA, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, EchoStar Mobile Ltd u Inmarsat Ventures Ltd huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

van der Woude

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Marzu 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


i Fil-kliem prinċipali u s-suġġett ta’ dan it-test saru modifiki ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.