Language of document : ECLI:EU:T:2021:587

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Settembru 2021 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea PALLADIUM HOTELS & RESORTS – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Artikolu 53(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l‑Artikolu 60(4) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Artikolu 56(3) tar‑Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 63(3) tar-Regolament 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑207/20,

Residencial Palladium, SL, stabbilita f’Ibiza (Spanja), irrappreżentata minn D. Solana Giménez, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Palladium Gestión, SL, stabbilita f’Ibiza, irrappreżentata minn J. Rojo García‑Lajara, avukat, ammessa sabiex tissostitwixxi lil Fiesta Hotels & Resorts, SL,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal‑Appell tal-EUIPO tat‑12 ta’ Frar 2020 (Każ R 231/2019‑4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Residencial Palladium u Fiesta Hotels & Resorts,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, O. Spineanu‑Matei (Relatriċi) u R. Mastroianni, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ April 2020,

wara li r-rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Lulju 2020,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Awwissu 2020,

wara li rat id-digriet tat‑22 ta’ Marzu 2021 li jawtorizza sostituzzjoni tal-partijiet,

wara li rat il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑23 ta’ Marzu 2021 u r‑risposti tal-EUIPO u tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit‑8 u fis‑6 ta’ April 2021,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑30 ta’ Ottubru 2002, il-predeċessur legali ta’ Fiesta Hotels & Resorts, SL, li l‑intervenjenti, Palladium Gestión, SL, ġiet awtorizzata tissostitwixxi, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Is-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 43 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Servizzi għall-provvista ta’ ikel u xorb; Akkomodazzjoni temporanja”.

4        Fis‑26 ta’ Settembru 2005 ġiet irreġistrata t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni taħt in-Numru 2915304. Hija ġiet imġedda sat‑30 ta’ Ottubru 2022.

5        Fit‑2 ta’ Marzu 2006, Residencial Palladium, SA ressqet talba quddiem l-EUIPO intiża sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi kollha li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata (proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità 1544C) (iktar ’il quddiem l-“ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”).

6        Ir-raġunijiet għal invalidità invokati insostenn ta’ din it-talba kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 52(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 53(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, li sar l-Artikolu 60(1)(a) u (c) tar-Regolament 2017/1001).

7        Fis‑27 ta’ Marzu 2006, l-EUIPO ntalab jittrasferixxi r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata għall-benefiċċju tal-predeċessur legali tal-intervenjenti, li rċeviet notifika ta’ dan it-trasferiment fit‑3 ta’ April 2006.

8        Fit‑18 ta’ April 2006, fit-terminu mogħti sabiex tirrimedja ċerti irregolaritajiet ikkonstatati, Residencial Palladium informat lill-EUIPO li hija kienet ser tirtira l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2006, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għalqet il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità 1544C.

10      Wara bidla fil-forma ġuridika, Residencial Palladium saret Residencial Palladium, SL, ir-rikorrenti f’din il-kawża.

11      Fl‑20 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ressqet talba quddiem l-EUIPO intiża sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi kollha li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata (proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità 15119C) (iktar ’il quddiem it-“tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”).

12      Ir-raġunijiet għal invalidità invokati insostenn ta’ din it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu dawk imsemmija, minn naħa, fl-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001), sa fejn it-trade mark tal-Unjoni Ewropea kienet ġiet irreġistrata b’mala fide, u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2018, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, minħabba li din ma kinitx fondata skont l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 u kienet inammissibbli sa fejn din kienet tirrigwarda r-raġuni msemmija fl-Artikolu 60(1)(c) tar-Regolament 2017/1001. F’dan ir-rigward, hija tqis, essenzjalment, li, konformement mal-Artikolu 60(4) tar-Regolament 2017/1001, ir-rikorrenti ma setgħetx tippreżenta talba ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq drittijiet preċedenti oħra li hija setgħet tinvoka insostenn tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

14      Fid‑29 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, filwaqt li ppreċiżat li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta ċ-ċaħda tat-talba tagħha sa fejn din kienet ibbażata fuq l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

15      Permezz tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad ir-rikors tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-portata tiegħu, huwa rrileva li dan kien intiż biss sabiex jevalwa jekk id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kinitx ikkonstatat ġustament l-inammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi applikat l-Artikolu 60(4) tar-Regolament 2017/1001. Wara li fakkar il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, huwa ddeduċa minn dan li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet inammissibbli meta jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, meta l-applikant għal talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jkun preċedentement ressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra l-istess trade mark tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, meta t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ġdida tkun ibbażata fuq l-istess dritt preċedenti jew fuq dritt differenti minn dak li kien jikkostitwixxi l-bażi tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali, meta din setgħet tiġi validament invokata matul din it-talba inizjali. Peress li kkunsidrat li dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti f’dan il-każ, hija ddikjarat it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inammissibbli.

 Talbiet

16      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-EUIPO sabiex ikompli bl-eżami tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

17      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod letterali l-Artikolu 60(4) tar-Regolament 2017/1001, tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 60(4) tar-Regolament 2017/1001, billi naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni r-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni skont interpretazzjoni teleoloġika, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundannah għall-ispejjeż.

18      L-intervenjenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tat-tieni kap tattalbiet tar-rikorrenti

19      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tordna lill-EUIPO jkompli bl-eżami tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti ordnijiet kontra istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il‑Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P, EU:C:1995:360, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2018, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/16, EU:T:2018:597, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Minn dan isegwi li t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, li permezz tiegħu hija titlob lill-Qorti Ġenerali tindirizza ordni lill-EUIPO, għandu jiġi miċħud bħala li tressaq quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu.

 Fuq il-mertu

21      Preliminarjament, fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri t‑30 ta’ Ottubru 2002, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti tal-kawża huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 40/94, kif emendat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs UASI, C‑192/03 P, EU:C:2004:587, punti 39 u 40, u s-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gugler France vs Gugler u EUIPO, C‑736/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:308, punt 3 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sussegwentement, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, għandhom jinftiehmu r-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, mir-rikorrenti fl-argumenti mqajma kif ukoll mill-EUIPO u mill-intervenjenti fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 60(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 bħala li jirrigwardaw, rispettivament, l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 52(1)(c), ta’ kontenut identiku, tar-Regolament Nru 40/94, kif emendat.

22      Barra minn hekk, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), it-tilwima hija rregolata mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat, u dawk tar-Regolament 2017/1001. Sussegwentement, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli proċedurali, ir-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, mir-rikorrenti fl-argumenti mqajma kif ukoll mill-EUIPO u mill-intervenjenti għall-Artikolu 60(4) u għall-Artikolu 63(3) tar-Regolament 2017/1001 għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu, rispettivament, għall-Artikolu 53(4), ta’ kontenut identiku, u tal-Artikolu 56(3), ta’ kontenut identiku, tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat.

23      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq motiv uniku, ibbażat essenzjalment fuq il-ksur tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

24      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009, li wasslu b’mod żbaljat sabiex jiddikjara inammissibbli t-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont din id-dispożizzjoni. Preliminarjament, hija tesponi l-motivi li wassluha tippreżenta din it-talba u tiċċita l-ġurisprudenza tal-Unjoni li tirrigwarda d-drittijiet li hija tgawdi fuq il-kelma “palladium”.

25      L-EUIPO jqis li l-espożizzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tas-sentenzi tal-qorti tal-Unjoni relatati ma’ kawża preċedenti, bejn l-istess partijiet, hija irrilevanti f’dan il-każ. Barra minn hekk, huwa jindika li jħalli għad-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddetermina jekk il-Bord tal-Appell b’mod żbaljat interpretax letteralment l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009, meta huwa kellu jagħti preċedenza lil interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni.

26      L-intervenjenti tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija tippreċiża, qabelxejn, li s-sentenzi ċċitati minnha, preliminarjament, jikkonċernaw proċeduri li ma jirrigwardawx it-trade mark ikkontestata. Sussegwentement, fil-fehma tagħha, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li s-sinjal invokat kien is-suġġett, qabel it‑30 ta’ Ottubru 2002, ta’ użu ġenwin suffiċjenti fi Spanja. It-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija, barra minn hekk, preskritta b’mod assolut u t-trade mark ikkontestata ma tistax tiġi kkontestata minħabba diversi atti tar-rikorrenti. Fl-aħħar, hija tikkunsidra l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 applikabbli f’dan il-każ.

27      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrenti tqis neċessarju li tesponi l-motivi li wassluha sabiex tippreżenta t-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u tiċċita l-ġurisprudenza tal-Unjoni dwar id-drittijiet li hija tgawdi fuq il-kelma “palladium”, hija ma tressaq f’dan il-kuntest ebda argument insostenn tal-motiv uniku mqajjem. Fi kwalunkwe każ, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma irrilevanti fil-kuntest ta’ din it-tilwima. Hekk kif issostni l-intervenjenti, is-sentenzi msemmija mir-rikorrenti ma jikkonċernawx proċedimenti relatati mat-trade mark ikkontestata u, kif isostni l-EUIPO, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 52(1)(ċ) tal-istess regolament, huwa biżżejjed li r-rekwiżiti stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet jiġu ssodisfatti u l-ebda waħda minnhom ma teżiġi li d-dritt preċedenti mhux irreġistrat invokat ikun ġie rrikonoxxut preċedentement mill-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tiddependix mill-eżistenza jew le ta’ tali rikonoxximent.

28      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-intervenjenti li permezz tiegħu hija tinvoka l-impossibbiltà li tikkonkludi li s-sinjal preċedenti invokat kien is-suġġett, qabel it‑30 ta’ Ottubru 2002, ta’ użu ġenwin fi Spanja li ma kienx biss lokali u li kien suffiċjentement rilevanti sabiex tiġi annullata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Dan l-argument fil-fatt jirrigwarda l-eżami tal-mertu tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u mhux dak tal-ammissibbiltà tagħha. Għall-istess raġuni, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tal-intervenjenti li permezz tagħhom hija tallega li t-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija suġġetta għal “preskrizzjoni assoluta” u li l-atti li permezz tagħhom ir-rikorrenti espressament irrinunzjat għall-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, fir-rigward tat-trade mark ikkontestata, u sussegwentement ittrasferitilha l-proprjetà ta’ reġistrazzjoni internazzjonali għandhom l-effett li jagħmlu “inkontestabbli” lil din u t-trade mark ikkontestata.

29      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell applika b’mod żbaljat l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet ma jaqblux, minn naħa, fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tar-rabta tagħha mal-Artikolu 56(3) tal-istess regolament u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha f’dan il-każ.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u rrabta tiegħu mal-Artikolu 56(3) tal-istess regolament

30      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju ta’ wieħed mid-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 jew 2 tal-imsemmi Artikolu 53, li jkun preċedentement talab dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jew ressaq kontrotalba f’azzjoni ta’ ksur, ma jistax jippreżenta talba ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew iressaq kontrotalba bbażata fuq ieħor minn dawn id-drittijiet li huwa seta’ jinvoka insostenn tal-ewwel talba.

31      Bis-saħħa tal-Artikolu 56(3) tar-Regolament Nru 207/2009, talba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibbli meta talba li jkollha l-istess suġġett u l-istess kawża tkun ġiet deċiża fil-mertu bejn l-istess partijiet jew mill-EUIPO, jew minn qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 95 tal-istess regolament u meta d-deċiżjoni tal-EUIPO jew ta’ dik il-qorti dwar din it-talba tkun saret res judicata.

32      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, bis-saħħa tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet inammissibbli. Wara li fakkret il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, hija ddeduċiet minn dan li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet inammissibbli meta, bħal f’dan il-każ, kienu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet.

33      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, li l-ewwel kundizzjoni kienet li l-applikant għal talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet preċedentement ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra l-istess trade mark tal-Unjoni Ewropea.

34      Skont il-Bord tal-Appell, it-tieni kundizzjoni hija li t-talba l-ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun ibbażata fuq l-istess dritt preċedenti jew fuq dritt differenti minn dak li jikkostitwixxi l-bażi tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali, meta din setgħet validament tiġi invokata matul din it-talba inizjali. Hija qieset li minn dan kien jirriżulta li, għalkemm ebda talba ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma setgħet titressaq abbażi ta’ drittijiet preċedenti li ma kinux jikkostitwixxu l-bażi ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali, hija setgħet wisq inqas tiġi ppreżentata fuq il-bażi tad-dritt li fuqu kienet ibbażata din it-talba inizjali. Din ir-regola hija bbażata fuq l-idea li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, wara li jirbaħ fl-ewwel proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ikun żgurat li l-imsemmija trade mark ma tkunx tista’ tiġi kkontestata mill-ġdid mill-istess applikant għal talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Barra minn hekk, huwa osserva, essenzjalment, li, b’differenza mill-Artikolu 56(3) tar-Regolament Nru 207/2009, l-Artikolu 53(4) tal-istess regolament ma kienx jispeċifika li, sabiex ikun applikabbli, kien neċessarju li l-EUIPO kien ta deċiżjoni fuq il-mertu dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali. Huwa qies li n-nuqqas ta’ ċarezza ta’ din l-aħħar dispożizzjoni f’dan ir-rigward ma kienx jidher li jirriżulta minn sempliċi ommissjoni min-naħa tal-leġiżlatur, iżda iktar minn għażla deliberata.

35      Ir-rikorrenti u l-intervenjenti jaqblu li jikkunsidraw li l-applikazzjoni tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tiddependix mill-eżistenza ta’ deċiżjoni fuq il-mertu li tikkonċerna t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali, kuntrarjament għall-Artikolu 56(3) tal-istess regolament. Madankollu, ir-rikorrenti tikkontesta li, kif qies il-Bord tal-Appell, l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa applikabbli kemm meta d-dritt invokat insostenn tat-talba l-ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità diġà ġie invokat fl-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kif ukoll meta dan ma kienx ġie invokat.

36      L-EUIPO jipproponi żewġ interpretazzjonijiet tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009, li jwasslu għal konklużjonijiet opposti f’dan il-każ. Fil-fehma tiegħu, bis-saħħa ta’ interpretazzjoni letterali, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tiddependix mill-eżistenza ta’ deċiżjoni fuq il-mertu li tikkonċerna t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali, filwaqt li, skont interpretazzjoni teleoloġika, hija tiddependi minnha. F’din it-tieni ipoteżi, l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 b’hekk japplika biss bħala suppliment neċessarju għall-Artikolu 56(3) tal-istess regolament, skont jekk it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali u t-talba l-ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jkunux jew le bbażati fuq l-istess drittijiet preċedenti.

37      Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li, kif jenfasizza l-EUIPO, l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kienx is-suġġett ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali.

38      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-dibattitu bejn il-partijiet jikkonċentra essenzjalment fuq żewġ kwistjonijiet li huma, minn naħa, in-neċessità li tkun teżisti deċiżjoni fuq il-mertu li tikkonċerna t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali, fid-dawl b’mod partikolari tal-kliem tal-Artikolu 56(3) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, l-importanza li għandha tingħata lill-fatt jekk it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità humiex jew le bbażati fuq l-istess drittijiet preċedenti.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-rabta tiegħu mal-Artikolu 56(3) tal-istess regolament jimplikaw li, kif isostnu r-rikorrenti u l-EUIPO, għandhom jiġu distinti t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq l-istess drittijiet preċedenti, imsemmija fil-paragrafi 1 jew 2 tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 207/2009, u dawk ibbażati fuq drittijiet preċedenti differenti.

–       Fuq it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq l-istess dritt preċedenti

40      Kif tfakkar fil-punt 31 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 56(3) tar-Regolament Nru 207/2009, talba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibbli meta talba li jkollha l-istess suġġett u l-istess kawża tkun ġiet deċiża fil-mertu bejn l-istess partijiet minn, b’mod partikolari, l-EUIPO u d-deċiżjoni tiegħu tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

41      Għalhekk, l-Artikolu 56(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn talba ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun ibbażata fuq l-istess drittijiet preċedenti bħal dak jew dawk invokati insostenn ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali.

42      Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn mill-kliem tal-Artikolu 56(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-inammissibbiltà prevista timplika li deċiżjoni fuq il-mertu tkun ġiet adottata u tkun saret definittiva, talba ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma hijiex inammissibbli meta, b’mod partikolari, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali tkun ġiet iddikjarata inammissibbli jew meta din tkun ġiet irtirata qabel ma d-deċiżjoni mogħtija fuq din it-talba tkun saret definittiva.

–       Fuq it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq drittijiet preċedenti differenti

43      Fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009, imfakkra fil-punt 30 iktar ’il fuq, l-applikant għal talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma jistax jippreżenta talba ġdida abbażi ta’ dritt preċedenti, imsemmi fil-paragrafi 1 jew 2 tal-Artikolu 53 tal-istess regolament, li huwa seta’ jinvoka insostenn tat-talba tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali. Kif isostnu l-EUIPO fil-kuntest tal-interpretazzjoni letterali tiegħu tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-intervenjenti, tali talba ġdida tkun inammissibbli, minkejja li, minn naħa, il-proċedimenti dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali jkunu magħluqa jew pendenti u, min-naħa l-oħra, kif qies il-Bord tal-Appell (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata), din it-talba inizjali kienet jew le s-suġġett ta’ deċiżjoni fuq il-mertu.

44      Il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ deċiżjoni fuq il-mertu fil-fatt ma hijiex prevista mit-test tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u, fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, tali kundizzjoni ma tistax tiġi imposta. Fil-każ kuntrarju, il-possibbiltajiet ta’ preżentata ta’ talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minn proprjetarju ta’ diversi drittijiet preċedenti jiġu indebitament estiżi. Dan jista’, billi jibbaża ruħu fuq tali drittijiet, iressaq talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità suċċessivi kontra l-istess trade mark tal-Unjoni Ewropea, fatt li jmur kontra r-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li ma jippermettix li applikant għal talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jippreżenta talbiet distinti, ibbażati fuq id-diversi drittijiet preċedenti tiegħu, imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 207/2009, jekk dawn setgħu jiġu invokati fil-mument tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni teleoloġika proposta mill-EUIPO ma tistax tiġi aċċettata.

45      Barra minn hekk, mir-ratio legis tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija applikabbli anki jekk it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali tkun ġiet irtirata jew ikkunsidrata bħala inammissibbli, peress li s-sempliċi preżentata ta’ applikazzjoni inizjali hija suffiċjenti.

46      Għall-kuntrarju, għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni tal-Bord tal-Appell, sostnuta mill-intervenjenti, li l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 japplika mhux biss meta l-proprjetarju ta’ dritt preċedenti, imsemmi fil-paragrafi 1 jew 2 tal-Artikolu 53 tal-istess regolament, ikun ressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali bbażata fuq dritt preċedenti differenti minn dak li fuqu hija bbażata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità l-ġdida, iżda wkoll meta dawn it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jkunu bbażati fuq l-istess dritt preċedenti. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies li, għalkemm ebda talba ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma setgħet titressaq abbażi ta’ drittijiet preċedenti li ma kinux jikkostitwixxu l-bażi ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali, dan seta’ wisq inqas jiġi ppreżentat fuq il-bażi tad-dritt li fuqu kienet ibbażata din it-talba inizjali. Issa, tali interpretazzjoni a fortiori ma tistax tintlaqa’. Minn naħa, din tmur kontra r-rieda tal-leġiżlatur u l-kliem ċar tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009, li jsemmi biss drittijiet preċedenti differenti, u mhux l-istess dritt. Min-naħa l-oħra, din ikollha l-effett li tneħħi l-effettività tal-Artikolu 56(3) tal-istess regolament, jew tmur kontra l-kliem tiegħu. Fil-fatt, skont din l-interpretazzjoni, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-istess dritt preċedenti, imsemmija fil-paragrafi 1 jew 2 tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 207/2009, li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali tkun inammissibbli, anki jekk din tal-aħħar ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni fuq il-mertu, li tkun saret definittiva.

–       Konklużjoni dwar ir-rabta tal-Artikolu 53(4) u tal-Artikolu 56(3) tarRegolament Nru 207/2009

47      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, meta l-istess dritt preċedenti msemmi fil-paragrafi 1 jew 2 tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 207/2009 jiġi invokat insostenn ta’ talba ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-Artikolu 56(3) tal-istess regolament huwa applikabbli. It-talba l-ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibbli jekk ikollha l-istess suġġett u kawża u tinvolvi l-istess partijiet bħall-applikazzjoni inizjali li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni fuq il-mertu, li tkun saret definittiva.

48      Għall-kuntrarju, meta dritt preċedenti, imsemmi fil-paragrafi 1 jew 2 tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 207/2009, jiġi invokat insostenn ta’ talba ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, meta dan seta’ jiġi invokat bħala bażi għat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inizjali u ma jkunx ġie invokat, l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa applikabbli. It-talba l-ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija għalhekk inammissibbli.

49      Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta kkunsidra li l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 kien applikabbli kemm meta dritt preċedenti differenti kif ukoll meta l-istess dritt preċedenti kienu invokati insostenn ta’ talba ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (punti 23 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      Dan l-iżball ta’ liġi jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss, b’mod partikolari, jekk l-ewwel u t-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu bbażati fuq l-istess drittijiet preċedenti, imsemmija fil-paragrafi 1 jew 2 tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 f’dan il-każ

51      Għandu jiġi rrilevat li l-partijiet ma jikkontestawx li l-persuni ġuridiċi li ppreżentaw l-ewwel u t-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu identiċi, b’tali mod li l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009, imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, kienet issodisfatta f’dan il-każ, hekk kif qies il-Bord tal-Appell.

52      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009, imsemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell irrileva li, f’dan il-każ, minn naħa, ebda element tal-proċess ma kien jippermetti li jiġi dedott li ż-żewġ sinjali użati fil-kummerċ invokati mir-rikorrenti fit-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu nkisbu wara d-data tal-preżentata tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kienet ressqet ebda argument f’dan ir-rigward. Huwa kkonkluda li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ġustament ikkunsidrat li l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 kien applikabbli f’dan il-każ, anki fl-assenza ta’ deċiżjoni fuq il-mertu li tikkonċerna l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

53      Ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma jaqblux dwar il-fatt li t-tieni kundizzjoni, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, hija ssodisfatta f’dan il-każ. Ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija nieqsa minn eżistenza ġuridika, fatt li l-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw. Barra minn hekk, hija tallega li d-dritt preċedenti invokat insostenn tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien diġà ġie invokat insostenn tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, fatt li l-intervenjenti tikkontesta, peress li l-EUIPO ma ddeċidiex espliċitament fuq dan il-punt fir-risposta.

–       Fuq l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità

54      Qabel kollox, għandu jitqies li, kif isostnu l-EUIPO u l-intervenjenti, ir-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat li l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija nieqsa minn eżistenza ġuridika. Fil-fatt, sa fejn hija tallega li, konformement mal-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1), l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha titqies li ma ġietx ippreżentata, għandu jiġi kkonstatat li, waqt it-tressiq ta’ din it-talba, dan l-artikolu ma kienx applikabbli. Fi kwalunkwe każ, bis-saħħa tal-paragrafu 2 tad-dispożizzjoni applikabbli dak iż-żmien, jiġifieri r-Regola 39 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità titqies li ma ġietx ippreżentata fl-assenza ta’ ħlas tat-taxxi preskritti, u mhux jekk tiġi rtirata, u l-istess japplika skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat 2018/625. Barra minn hekk, kif isostni l-EUIPO, l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, fis‑26 ta’ April 2006, wara r-rinunzja għall-atti tar-rikorrenti.

55      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ġiet iddikjarata ammissibbli. Fil-fatt, għalkemm, fil-komunikazzjoni tagħha tas‑17 ta’ Marzu 2006, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet indikat li din it-talba kellha tiġi rregolarizzata sabiex tkun ammissibbli, fid-deċiżjoni tagħha tas‑26 ta’ April 2006, meta hija ddikjarat il-proċedimenti magħluqa wara l-irtirar tar-rikorrenti, hija ddikjarat it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ammissibbli, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti.

56      Għaldaqstant, anki jekk ma jistax jitqies li l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni fuq il-mertu, li saret definittiva, fatt li ebda parti ma tallega barra minn hekk, l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma tistax titqies li hija ineżistenti legalment.

–       Fuq id-drittijiet invokati insostenn tal-ewwel u tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità

57      Għandu jiġi kkonstatat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma jaqblux dwar il-kwistjoni tal-identiċità tad-drittijiet preċedenti invokati insostenn tal-ewwel u tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Ir-rikorrenti ssostni li l-istess dritt preċedenti, jiġifieri s-sinjal Grand Hotel Palladium, ġie invokat bħala bażi għal dawn iż-żewġ talbiet. Għall-kuntrarju, l-intervenjenti tikkontesta li, matul l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ġie invokat l-isem kummerċjali mhux irreġistrat Grand Hotel Palladium u tallega li din it-talba kienet ibbażata fuq tliet trade marks nazzjonali kif ukoll fuq l-isem kummerċjali Residencial Palladium, SA. Fl-aħħar, fir-risposta tiegħu, l-EUIPO ma jiddeċidix espliċitament dwar din il-kwistjoni.

58      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq żewġ trade marks nazzjonali preċedenti kif ukoll fuq żewġ sinjali użati fil-kummerċ li l-portata tagħhom ma kinitx biss lokali (punti 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata) u li t-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq żewġ sinjali użati fil-kummerċ li l-portata tagħhom ma kinitx biss lokali (punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija ma ddeskrivietx id-drittijiet invokati insostenn ta’ kull waħda miż-żewġ applikazzjonijiet u lanqas, b’mod partikolari fir-rigward tas-sinjali użati fil-kummerċ, ippreċiżat in-natura tagħhom u l-elementi verbali li jifformawhom.

59      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, mill-fajl amministrattiv tal-EUIPO dwar din il-proċedura jirriżulta li r-rikorrenti indikat li bbażat din l-ewwel talba fuq sinjal użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma kinitx biss lokali u fuq tliet trade marks nazzjonali preċedenti. Hija għalhekk ippreċiżat li dawn it-trade marks kienu t-trade marks Spanjoli Nru 94047 u Nru 2503994 kif ukoll it-trade mark Taljana Nru 597136. Fir-rigward tas-sinjal invokat, hija mmarkat il-kaxxa “isem il-kumpannija”, billi semmiet it-“trade mark verbali Residencial Palladium”, imbagħad, fil-parti rriżervata għall-ispjegazzjonijiet, hija ppreċiżat li l-attività tal-kumpannija kienet il-ġestjoni tal-lukanda Grand Hotel Palladium u, fl-aħħar, fil-paġna segwenti, hija spjegat li l-isem tal-kumpannija ma kienx ta’ portata lokali biss u li l-lukanda Grand Hotel Palladium kienet magħrufa ħafna.

60      Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, mill-fajl amministrattiv tal-EUIPO dwar din il-proċedura jirriżulta li, insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti invokat sinjal użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma kinitx biss lokali. Hija mmarkat il-kaxxi “isem kummerċjali” u “isem l-impriża”, billi semmiet is-sinjal Grand Hotel Palladium, u sussegwentement, fl-ispjegazzjonijiet tagħha, hija indikat li hija kienet tuża l-isem kummerċjali Grand Hotel Palladium.

61      Minn dak li ntqal jirriżulta li, l-ewwel, id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġu identifikati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż id-drittijiet preċedenti invokati insostenn tal-ewwel u tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-tieni, ma jistax jiġi stabbilit li d-dikjarazzjonijiet tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward huma konformi mal-elementi li jinsabu fil-fajl amministrattiv tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO u, it-tielet, la jista’ jinftiehem u lanqas tiddeduċi mill-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell jekk it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun ibbażata fuq l-istess dritt preċedenti jew fuq l-istess drittijiet preċedenti bħal dak jew bħal dawk invokati insostenn tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Issa, tali preċiżazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżball ta’ liġi tal-Bord tal-Appell għandux konsegwenzi f’dan il-każ (ara l-punt 50 iktar ’il fuq).

62      Fid-dawl ta’ dawn l-insuffiċjenzi u dawn in-nuqqasijiet ta’ preċiżjoni fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, esposti fil-punt 61 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Dan l-obbligu, li jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001, għandu bħala għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Rubinstein u L’Oréal vs UASI, C‑100/11 P, EU:C:2012:285, punt 111, u tas‑17 ta’ Marzu 2016, Naazneen Investments vs UASI, C‑252/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:178, punt 29).

63      Dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dak li joħroġ mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li jirrikjedi li l-motivazzjoni turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att, mingħajr ħtieġa li din il-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, filwaqt li l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-imsemmija rekwiżiti għandha madankollu tkun evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u r-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, EU:C:2004:649, punti 63 sa 65, u d-digriet tal‑14 ta’ April 2016, KS Sports vs EUIPO, C‑480/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:266, punt 32).

64      Il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti jaqgħu taħt ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67).

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 62 sa 64 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżamina ex officio l-osservanza, mill-Bord tal-Appell, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu u stiednet lill-partijiet, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jesprimu ruħhom bil-miktub dwar din il-kwistjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrenti u l-EUIPO ġew mistiedna jindikaw preċiżament id-drittijiet preċedenti li fuqhom kienu bbażati l-ewwel u t-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, peress li l-intervenjenti ddeċidiet fuq din il-kwistjoni fir-risposta. Barra minn hekk, il-partijiet ġew mitluba jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eventwali evalwazzjoni ex officio, mill-Qorti Ġenerali, ta’ ksur, mill-Bord tal-Appell, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, previst fl-Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001. F’dan ir-rigward, huma ġew mistiedna jindikaw jekk huma kinux iqisu li d-deċiżjoni kkontestata kienet tippermetti, minn naħa, li jiġu identifikati d-drittijiet preċedenti invokati insostenn tal-ewwel u tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat jekk id-drittijiet invokati insostenn tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kinux ġew invokati insostenn tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

66      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rrispondietx għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti.

67      Bi tweġiba għall-ewwel mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, l-EUIPO jippreċiża li d-drittijiet kollha allegati mir-rikorrenti kienu ġew miksuba qabel it-tressiq tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Huwa indika li din l-applikazzjoni kienet ibbażata fuq tliet trade marks nazzjonali, jiġifieri t-trade marks Spanjoli Nru 94047 u Nru 2503994, irreġistrati, rispettivament, fis‑16 ta’ Mejju 2001 u fl‑1 ta’ Mejju 2003, u t-trade mark Taljana Nru 597136, irreġistrata fl‑4 ta’ Mejju 1993, kif ukoll fuq l-isem ta’ impriża Residencial Palladium. Barra minn hekk, huwa jindika li t-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-“isem kummerċjali mhux irreġistrat u isem ta’ impriża” Grand Hotel Palladium. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-drittijiet indikati mill-EUIPO jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk imsemmija mill-predeċessur legali tal-intervenjenti fir-risposta.

68      Bi tweġiba għat-tieni mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, anki jekk l-EUIPO jirrikonoxxi riferiment żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata, dwar id-drittijiet invokati fl-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u jammetti li din setgħet kienet iktar espliċita fir-rigward tad-dritt invokat fit-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, billi invoka wkoll, b’mod iktar ġenerali, motivazzjoni impliċita tad-deċiżjoni kkontestata, l-EUIPO u l-intervenjenti jqisu li din id-deċiżjoni hija suffiċjentement motivata u tippermetti li jiġi ddeterminat jekk id-drittijiet invokati insostenn tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ġewx invokati fl-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-EUIPO u l-intervenjenti għandhom interpretazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata dijametrikament opposti għal dan l-aħħar rigward. Fil-fatt, l-EUIPO jqis li d-deċiżjoni kkontestata tippermetti li jiġi ddeterminat li d-dritt li fuqu hija bbażata t-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma kienx ġie invokat insostenn tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Għall-kuntrarju, l-intervenjenti tqis li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-drittijiet invokati insostenn tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità diġà ġew invokati insostenn tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

69      B’mod iktar preċiż, fl-ewwel lok, l-EUIPO, fir-rigward tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jammetti li l-Bord tal-Appell indika b’mod żbaljat li din kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq żewġ sinjali użati fil-kummerċ.

70      Fir-rigward tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-EUIPO jammetti li l-Bord tal-Appell seta’ kien iktar espliċitu fir-rigward tad-drittijiet preċedenti invokati, iżda jsostni li l-unika kwistjoni mqajma mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell kienet dwar jekk l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 kienx applikabbli għat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-assenza ta’ deċiżjoni fuq il-mertu dwar l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni tal-EUIPO hija żbaljata. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell indika, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont ir-rikorrenti, l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet diġà bbażata fuq is-sinjal Grand Hotel Palladium u, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-predeċessur legali tal-intervenjenti kien jikkontesta dan l-argument tar-rikorrenti.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet inammissibbli b’mod partikolari meta “[kienet] ibbażata fuq l-istess dritt preċedenti jew fuq dritt ieħor għajr dak li jikkostitwixxi l-bażi [tat-talba] għal dikjarazzjoni ta’ invalidità [inizjali], u li dan seta’ jiġi invokat b’mod validu”. Hija żiedet, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “jekk ebda talba ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma [setgħet] titressaq abbażi ta’ drittijiet preċedenti oħra li ma kinux jikkostitwixxu l-bażi tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, hija [setgħet], inqas u inqas, titressaq abbażi tal-istess dritt li kien jeżisti diġà fl-ewwel proċedura”. Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell qies li ma kienx neċessarju li jiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk id-drittijiet preċedenti invokati insostenn tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kinux servew ukoll bħala bażi għall-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u mhux li din il-kwistjoni ma kinitx diskussa f’dan il-każ.

72      Fir-rigward tal-punti 10, 13 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitati mill-EUIPO, dawn ma jinkludu ebda identifikazzjoni ta’ sinjal invokat insostenn ta’ waħda miż-żewġ talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Barra minn hekk, mill-imsemmija punti 10 u 19 jirriżulta li dawn jirrigwardaw essenzjalment it-test tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u mingħajr ma jista’ jiġi dedott minnhom jekk id-drittijiet li fuqhom kienet ibbażata t-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kinux ġew invokati insostenn tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, b’mod partikolari fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fil-punti 23 u 24 tal-imsemmija deċiżjoni.

73      Fl-aħħar, l-EUIPO jsostni li, sa fejn il-Bord tal-Appell approva d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fl-intier tagħha, din id-deċiżjoni kif ukoll il-motivazzjoni tagħha jagħmlu parti mill-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Minn dan huwa jikkonkludi li l-imsemmija deċiżjoni u dan il-kuntest jippermettu li jiġu identifikati d-drittijiet preċedenti invokati insostenn tal-ewwel u tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kif ukoll li jiġi ddeterminat li d-drittijiet jew id-drittijiet invokati insostenn tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma kinux ġew invokati fl-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiġifieri n-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rigward tad-drittijiet invokati fiż-żewġ talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, in-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fir-rigward tal-fatt li s-sinjal invokat insostenn tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien diġà ġie invokat waqt l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li essenzjalment kien irrilevanti li jiġi deċiż dan in-nuqqas ta’ qbil (ara l-punti 69 sa 72 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tista’ tagħmel tajjeb għall-insuffiċjenzi u għan-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

74      Fit-tieni lok, skont l-intervenjenti, fir-rigward tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-Bord tal-Appell semma li d-drittijiet invokati kienu, b’mod partikolari, żewġ sinjali użati fil-kummerċ. Mill-imsemmija talba jirriżulta li r-rikorrenti identifikat dawn iż-żewġ sinjali bħala Residencial Palladium u Grand Hotel Palladium. Fir-rigward tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-intervenjenti tqis li d-drittijiet preċedenti huma identifikati b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata, li minnha jirriżulta li r-rikorrenti invokat isem kummerċjali, Grand Hotel Palladium, u isem il-kumpannija, Residencial Palladium.

75      Għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, l-intervenjenti tenfasizza għalhekk li d-drittijiet imqajma insostenn ta’ kull waħda mit-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma humiex identifikati b’mod ċar u preċiż fid-deċiżjoni kkontestata u li, min-naħa l-oħra, il-komprensjoni tagħha tad-drittijiet invokati hija differenti minn dik espressa mill-EUIPO fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.

76      Barra minn hekk, l-intervenjenti tqis li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies li d-drittijiet invokati fit-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ġew invokati insostenn tal-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO.

77      Għaldaqstant, għandu jitqies li, minħabba nuqqasijiet fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, esposti fil-punt 61 iktar ’il fuq, ikkonfermati mill-interpretazzjonijiet opposti tad-deċiżjoni kkontestata tal-EUIPO u l-intervenjenti fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar id-drittijiet invokati insostenn ta’ kull waħda mit-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma jirriżultax b’mod suffiċjentement ċar u preċiż mid-deċiżjoni kkontestata liema huma dawn id-drittijiet u jekk il-Bord tal-Appell qies li d-drittijiet jew id-drittijiet invokati insostenn tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu jew le fl-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

78      Konsegwentement, l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn il-Bord tal-Appell kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqu mill-Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001, billi ma identifikax b’mod ċar u preċiż id-drittijiet preċedenti invokati insostenn tal-ewwel u tat-tieni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, hekk li ma jippermettix lill-qorti tal-Unjoni tevalwa l-konsegwenzi tal-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-kumplament, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti.

80      Barra minn hekk, peress li l-intervenjenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat12 ta’ Frar 2020 (Każ R 231/20194) hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-EUIPO għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn Residencial Palladium, SL.

4)      Palladium Gestión, SL, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Spielmann

Spineanu‑Matei

Mastroianni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.