Language of document : ECLI:EU:T:2015:505

Kawża T‑465/12

(publikazzjoni ta’ estratti)

AGC Glass Europe SA et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Suq Ewropew tal-ħġieġ tal-vetturi — Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ċaħda ta’ talba intiża sabiex jinkiseb it-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni trid tippubblika — Obbligu ta’ motivazzjoni — Kunfidenzjalità — Sigriet professjonali — Programm ta’ klemenza — Aspettattivi leġittimi — Ugwaljanza fit-trattament”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Sigriet professjonali — Uffiċjal tas-seduta — Ġurisdizzjoni — Portata u limiti

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 28(2); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/695, Artikolu 8)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Kooperazzjoni tal-impriżi implikati — Informazzjoni ppreżentata volontarjament lill-Kummissjoni bil-għan li jinkiseb il-benefiċċju tal-programm ta’ klemenza — Assenza ta’ effett fuq il-konsegwenzi ċivili tal-parteċipazzjoni fil-ksur)

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 30(2); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2002/C 45/03 u 2006/C 298/11)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ppreżentata volontarjament lill-Kummissjoni minn impriża parteċipanti fil-ksur, bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza — Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Portata — Projbizzjoni li tiġi ppubblikata informazzjoni inkluża fit-talbiet għal klemenza — Assenza

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 339 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 30(2); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2002/C 45/03 u 2006/C 298/11, punti 6, 31 sa 35)

1.      Skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2011/695, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni, l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli li jipproteġu l-impriżi minħabba n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta huwa intiż sabiex iżid stadju ta’ kontroll addizzjonali minn korp indipendenti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, dan il-korp huwa obbligat li jiddiferixxi d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tiegħu, b’hekk jagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li tressaq azzjoni quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji bil-għan li tikseb sospensjoni tal-eżekuzzjoni skont il-kundizzjonijiet relatati magħha.

Konsegwentement, għandha ssir distinzjoni bejn l-applikazzjoni ta’ regoli legali dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni bħala tali, minn naħa l-waħda, u dawk invokati bil-għan li jinkiseb trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk ta’ jekk tkunx ta’ natura kunfidenzjali, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward, jekk jiġi preżunt li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li ma taqax taħt is-sigriet professjonali tista’ tikkostitwixxi ksur ta’ regola li taqa’ taħt it-tieni miż-żewġ kategoriji msemmija iktar ‘il fuq, dan il-fatt ma jirrendix illużorja l-protezzjoni mogħtija mir-regoli dwar l-imsemmi sigriet. Dan il-ksur, jekk jitqies li ġie stabbilit, jista’ jwassal għal miżuri korrettivi adegwati, bħalma huma danni, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet dwar it-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Konsegwentement, analiżi tal-mertu tal-argumenti taqa’ f’din il-kategorija ta’ regoli lil hinn mill-għanijiet imfittxija mill-mandat fdat lill-Uffiċjal tas-Seduta skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695.

(ara l-punt 59)

2.      Mill-Komunikazzjonijiet dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji tal‑2002 u tal-2006 jirriżulta li dawn għandhom bħala għan uniku li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom impriża tista’ tikseb jew immunità minn multa jew tnaqqis fl-ammont tagħha. Għalhekk, dawn il-komunikazzjonijiet jirrigwardaw esklużivament l-ammont tal-multi u ma jipprevedux ebda vantaġġ ieħor li tista’ tinvoka impriża inkambju tal-kooperazzjoni tagħha. Ir-regoli jispeċifikaw li l-fatt li impriża tibbenefika minn immunità minn multa jew ta’ tnaqqis fl-ammont tagħha ma jistax jipproteġiha mill-konsegwenzi tad-dritt ċivili għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

Dawn il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kooperazzjoni għandhom l-għan li jimplementaw politika ta’ differenzazzjoni bejn id-destinatarji ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE skont il-grad ta’ kooperazzjoni ta’ kull wieħed u fir-rigward biss tal-ammont tal-multa. Għaldaqstant, il-komunikazzjonijiet inkwistjoni ma humiex intiżi li jaffettwaw il-konsegwenzi fid-dritt ċivili tal-parteċipazzjoni tal-impriżi applikanti għall-klemenza fi ksur.

(ara l-punti 66, 67, 73)

3.      Mill-punt 6 tal-Komunikazzjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji tal-2006 jirriżulta li impriża ma għandhiex tkun żvantaġġata fil-kuntest ta’ kawżi ċivili eventwalment mibdija fir-rigward tagħha biss minħabba li hija tkun spontanjament issottomettiet lill-Kummissjoni bil-miktub dikjarazzjoni ta’ klemenza, li tista’ tkun suġġetta għal deċiżjoni li tordna l-komunikazzjoni ta’ dokumenti. Huwa fil-kuntest ta’ din ir-rieda li jiġu protetti b’mod speċjali d-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza li l-Kummissjoni imponiet, fil-punti 31 sa 35 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni 2006, regoli speċifiċi li jirregolaw il-modalitajiet ta’ formulazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjonijiet, l-aċċess għalihom u l-użu tagħhom. Madankollu, dawn ir-regoli jirrigwardaw esklużivament id-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet, miktuba u rreġistrati, riċevuti konformement mal-Komunikazzjonijiet dwar il-Kooperazzjoni tal-2002 u tal-2006 u li l-iżvelar tagħhom huwa ġeneralment ikkunsidrat mill-Kummissjoni bħala li jikser il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni u investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif indikat fil-punti 32 u 40 tal-imsemmija komunikazzjonijiet. Huma la għandhom bħala għan u lanqas bħala effett li jipprekludu lill-Kummissjoni milli tippubblika, fid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-proċedura amministrattiva, l-informazzjoni dwar id-deskrizzjoni tal-ksur li tkun ġiet ippreżentata lilha fil-kuntest tal-Programm ta’ klemenza u din ma toħloqx aspettattivi leġittimi f’dan ir-rigward.

Għalhekk, din il-pubblikazzjoni, magħmula skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, ma tiksirx l-aspettattivi leġittimi li jistgħu jippretendu r-rikorrenti skont il-Komunikazzjonijiet dwar il-klemenza tal-2002 u tal-2006, li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-multa u t-trattament ta’ dokumenti u ta’ dikjarazzjonijiet speċifiċi tal-każ.

B’mod korrelattiv, l-Artikolu 4 tar-regolament Nru 1049/2001 jirrigwarda l-aċċess għad-dokumenti li jifformaw parti mill-fajl tal-inkjesta, bl-esklużjoni tad-deċiżjoni li tadotta l-Kummissjoni fi tmiem il-proċedura amministrattiva, li l-kontenut tagħha huwa ddefinit skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament 1/2001 ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-rikorrenti inkwantu għall-kontenut tal-verżjoni pubblika tad-Deċiżjoni kkonċernata.

(ara l-punti 70-72)