Language of document : ECLI:EU:T:2018:263

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Mejju 20018 (*)

“REACH – Valutazzjoni tal-fajls – Kontroll tal-konformità tar-reġistrazzjonijiet – Verifika tal-informazzjoni ppreżentata u segwitu tal-valutazzjoni tal-fajls – Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Inċidenza diretta u individwali – Ammissibbiltà – Bażi legali – Artikoli 41, 42 u 126 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006”

Fil-Kawża T‑283/15,

Esso Raffinage, stabbilita f’Courbevoie (Franza), irrappreżentata minn M. Navin‑Jones, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn C. Jacquet, C. Schultheiss, W. Broere u M. Heikkilä, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

IrRepubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, bħala aġent,

minn

IrRepubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas u J. Traband, bħala aġenti,

u minn

IrRenju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. de Ree, M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-ittra tal-ECHA tal-1 ta’ April 2015 indirizzata lill-ministère de l’Écologie, du Développement durable, des Transports et du Logement français (il-Ministeru tal-Ekoloġija, tal-Iżvilupp Sostenibbli, tat-Trasport u tad-Djar Franċiż) u intitolata “Dikjarazzjoni ta’ Nuqqas ta’ Konformità Sussegwentement għal Deċiżjoni ta’ Valutazzjoni tal-Fajls skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006”,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, A. Dittrich (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Esso Raffinage, kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż, tipproduċi u tikkummerċjalizza ċerta sustanza li għaliha hija ssottomettiet, quddiem l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fajl ta’ reġistrazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifika ĠU 2007, L 136, p. 3).

2        Fis-17 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti aġġornat il-fajl ta’ reġistrazzjoni tagħha għas-sustanza rreġistrata fil-limiti tat-tunnellaġġ li jaqbżu l-1 000 tunnellata fis-sena.

3        Fid-9 ta’ Lulju 2010, b’applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA bdiet valutazzjoni tal-fajl ta’ reġistrazzjoni tar-rikorrenti.

4        Fit-28 ta’ Ġunju 2011, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA bagħtet lir-rikorrenti abbozz ta’ deċiżjoni redatt abbażi tal-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament. Permezz ta’ dan l-abbozz ta’ deċiżjoni, ir-rikorrenti ntalbet tipprovdi studju tat-tossiċità tas-sustanza rreġistrata għall-iżvilupp ta’ qabel it-twelid ta’ speċi ta’ annimal.

5        Wara li bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni fit-28 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti, fis-6 ta’ Settembru sussegwenti, aġġornat il-fajl ta’ reġistrazzjoni tagħha b’mod li jiġu kkoreġuti ċerta punti mhux konformi enfasizzati mill-ECHA.

6        Fl-14 ta’ Ġunju 2012, skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA nnotifikat l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1907/2006 u stedniethom jifformulaw proposti għal emendi abbażi tal-Artikolu 51(2) ta’ dan ir-regolament.

7        Fit-18 ta’ Lulju 2012, skont l-Artikolu 51(5) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA bagħtet abbozz ta’ deċiżjoni rrivedut lir-rikorrenti. Mal-abbozz ta’ deċiżjoni rrivedut ġew mehmuża diversi proposti għal emendi minn Stati Membri differenti. Fil-proposta tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka rrakomanda li r-rikorrenti tintalab tipprovdi studju addizzjonali, jiġifieri studju tat-tossiċità tas-sustanza rreġistrata għall-iżvilupp ta’ qabel it-twelid ta’ tieni speċi. Skont dan l-Istat Membru, dan it-tieni studju kien jikkostitwixxi “informazzjoni standard”, fis-sens tal-punt 8.7.2 tal-Anness X tar-Regolament Nru 1907/2006.

8        Ir-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar din il-proposta għal emenda.

9        Fit-30 ta’ Lulju 2012, skont l-Artikolu 51(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-abbozz ta’ deċiżjoni rrivedut ġie rriferut lill-Kumitat tal-Istati Membri.

10      Matul il-25 laqgħa tiegħu, li nżammet mid‑19 sal‑21 ta’ Settembru 2012, il-Kumitat tal-Istati Membri laħaq ftehim unanimu fir-rigward tal-abbozz ta’ deċiżjoni rrivedut, inkluż fir-rigward tal-proposta tar-Renju tad-Danimarka dwar l-istudju tat-tossiċità tas-sustanza rreġistrata għall-iżvilupp ta’ qabel it-twelid ta’ tieni speċi. Ir-rikorrenti kienet preżenti għal din il-laqgħa. Matul is-seduta bil-miftuħ, il-membri tal-Kumitat u r-rikorrenti ddiskutew it-talba għal studju tat-tossiċità għall-iżvilupp ta’ qabel it-twelid ta’ tieni speċi.

11      Hekk kif jirriżulta mill-minuti tal-25 laqgħa tal-Kumitat tal-Istati Membri, waqt is-seduta bil-miftuħ, ir-rikorrenti sostniet li, minħabba, b’mod partikolari, l-użu limitat tas-sustanza kkonċernata, testijiet oħra fir-rigward ta’ din is-sustanza ma kinux iġġustifikati. B’mod partikolari, studju tat-tossiċità tagħha għall-iżvilupp ta’ qabel it-twelid ta’ tieni speċi ma kienx, fil-fehma tagħha, meħtieġ Il-membri tal-Kumitat tal-Istati Membri indikaw lir-rikorrenti li hija kienet żbaljata dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1907/2006 f’dak li jirrigwarda l-ħtieġa li tiġi ppreżentata informazzjoni li tirriżulta minn studju tat-tossiċità għall-iżvilupp ta’ qabel it-twelid ta’ tieni speċi.

12      Fis-6 ta’ Novembru 2012, l-ECHA ppublikat u nnotifikat lir-rikorrenti deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012”). Fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012, l-ECHA kienet ikkonstatat l-assenza ta’ konformità tal-fajl ta’ reġistrazzjoni mar-Regolament Nru 1907/2006 u kienet tat lir-rikorrenti sas-6 ta’ Novembru 2013 sabiex tippreżenta informazzjoni dwar għaxar elementi differenti, fosthom “studju tat-tossiċità għall-iżvilupp ta’ qabel it-twelid tal-fniek, rotta orali” u “test ta’ tossiċità fit-tul għall-organiżmi sedimentarji”

13      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012, l-ECHA kienet tal-fehma li din l-informazzjoni kienet meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ “informazzjoni standard”, kif imsemmija, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-ewwel studju, fil-punt 8.7.2 tal-Anness X tar-Regolament Nru 1907/2006 u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-test fuq l-organiżmi sedimentarji, fil-punt 9.5.1 tal-Anness X tal-istess regolament.

14      Ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-6 ta’ Novembru 2012.

15      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2012, il-ministère de l’Écologie, du Développement durable, des Transports et du Logement (il-Ministeru tal-Ekoloġija, tal-Iżvilupp Sostenibbli, tat-Trasport u tad-Djar, iktar ’il quddiem il-“Ministeru tal-Ekoloġija Franċiż”), li huwa l-awtorità ta’ kontroll kompetenti fi Franza fil-qasam tar-reġistrazzjoni, tal-valutazzjoni u tal-awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi, kif ukoll tar-restrizzjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi, bagħat id-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012 lir-rikorrenti. F’din il-komunikazzjoni, il-Ministeru tal-Ekoloġija Franċiż kien ġibed l-attenzjoni tar-rikorrenti fuq il-fatt li “assenza ta’ tweġiba [min-]naħa [tar-rikorrenti] tkun ksur tal-obbligi tar-Regolament [Nru 1907/2006] li fir-rigward tiegħu l-code de l’environnement (il-Kodiċi dwar l-Ambjent) jipprevedi sanzjonijiet amministrattivi u kriminali”.

16      Bi tweġiba għad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti, fis-6 ta’ Novembru 2013, għażlet li ma tipprovdix l-informazzjoni kollha mitluba mill-ECHA fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012. Għall-kuntrarju, fir-rigward taż-żewġ studji msemmija fil-punt 12 iktar il fuq, hija inkludiet fil-fajl ta’ reġistrazzjoni dokument ta’ 103 paġna, li, fil-fehma tagħha, kien jikkostitwixxi ġabra ta’ provi fis-sens tal-punt 1.2 tal-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont ir-rikorrenti, l-informazzjoni pprovduta f’dan id-dokument ma kinitx tinvolvi testijiet fuq l-annimali u l-ECHA ma kellhiex għarfien dwarha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012. B’mod partikolari, l-għan ta’ dan id-dokument kien li jiġi muri li t-twettiq ta’ studju tat-tossiċità tas-sustanza rreġistrata għall-iżvilupp ta’ qabel it-twelid ta’ tieni speċi ma kienx meħtieġ.

17      Fl-1 ta’ April 2015, l-ECHA bagħtet lill-Ministeru tal-Ekoloġija Franċiż, b’kopja lir-rikorrenti, ittra redatta bl-Ingliż u intitolata “Dikjarazzjoni ta’ Nuqqas ta’ Konformità Sussegwentement għal Deċiżjoni ta’ Valutazzjoni tal-Fajl Skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006” (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-1 ta’ April 2015”).

18      Dokument ukoll tal-1 ta’ April 2015 intitolat “Anness għad-Dikjarazzjoni ta’ Nuqqas ta’ Konformità Sussegwentement għal Deċiżjoni ta’ Valutazzjoni tal-Fajl Skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006” kien anness mal-ittra tal-1 ta’ April 2015. Dan id-dokument kien jindika l-konklużjonijiet tal-ECHA u r-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-aħħar aġġornament, mir-rikorrenti, tal-fajl ta’ reġistrazzjoni ma kienx aċċettabbli (l-ittra tal-1 ta’ April 2015 u l-anness tagħha huma iktar ’il quddiem indikati flimkien bħala l-“att ikkontestat”).

19      L-ittra tal-1 ta’ April 2015 hija redatta kif ġej:

“Helsinki, l-1 ta’ April 2015

Lill-awtorità Franċiża kompetenti fil-qasam tar-REACH

Numru ta’ komunikazzjoni: […]

Numru ta’ sottomissjoni sussegwentement għal valutazzjoni: […]

Data tas-sottomissjoni sussegwentement għal valutazzjoni: 6 ta’ Novembru 2013

Dikjarazzjoni ta’ Nuqqas ta’ Konformità Sussegwentement għal Deċiżjoni ta’ Valutazzjoni tal-Fajl Skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Konformement mal-Artikolu 41(3) tar-Regolament [Nru] 1907/2006 (ir-Regolament REACH), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) wettqet kontroll ta’ konformità fir-rigward tal-fajl li jirrigwarda [s-sustanza rreġistrata]. L-ECHA tat id-deċiżjoni [tas-6 ta’ Novembru 2012], annessa ma’ din l-ittra, b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament REACH.

Din id-deċiżjoni stabbilixxiet terminu sabiex ir-rikorrenti tissottometti lill-ECHA l-informazzjoni mitluba f’din id-deċiżjoni fil-forma ta’ aġġornament tal-fajl sas-6 ta’ Novembru 2013. Verżjoni aġġornata tal-fajl ntbagħtet fis-6 ta’ Novembru 2013 (numru ta’ sottomissjoni: […]).

L-ECHA eżaminat l-informazzjoni sottomessa fil-fajl aġġornat. Bħala konklużjoni, il-fajl ta’ reġistrazzjoni aġġornat ma jinkludix l-informazzjoni kollha mitluba fid-deċiżjoni tal-ECHA. Analiżi speċifika tar-raġunijiet għal din il-konklużjoni hija mehmuża (Anness). Informazzjoni oħra minbarra tal-fajl aġġornat ġiet sottomessa mir-reġistrant bi tweġiba għad-deċiżjoni u hija mehmuża.

Fuq din il-bażi, l-ECHA tiddikjara:

–        ir-reġistrant ma ssodisfax l-obbligi li jirriżultaw mid-[deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012];

–        il-fajl ta’ reġistrazzjoni ma josservax l-Artikolu 5 tar-Regolament REACH;

–        ir-reġistrant jikser l-Artikolu 41(4) tar-Regolament REACH.

In-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni tal-ECHA u tar-Regolament REACH jista’ jkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, hekk kif previst fl-Artikolu 126 tar-Regolament REACH.

Fuq dan il-punt, inti għaldaqstant mitluba tieħu l-miżuri ta’ eżekuzzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħek stess sabiex tiġi implimentata d-deċiżjoni tal-ECHA.

L-ECHA tqis li l-korrispondenza dwar in-nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjoni tal-ECHA ser tkompli bejn ir-reġistrant u l-awtoritajiet Franċiżi sakemm il-każ ikun solvut. Meta r-reġistrant jaġġorna r-reġistrazzjoni tiegħu bi tweġiba għad-deċiżjoni, huwa mistenni li jinforma b’dan lill-awtoritajiet Franċiżi.

L-ECHA tistenna r-reazzjoni tiegħek dwar il-miżuri nazzjonali meħuda f’dan il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

Awtorizzat minn […], Direttriċi tal-Valutazzjoni,

Annessi: […]

CC: Ir-reġistrant [permezz ta’ REACH IT]”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

21      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bħala anness għar-rikors, ir-rikorrenti ressqet talba għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni mogħtija fir-rikors u fl-annessi tiegħu, b’mod partikolari tal-kompożizzjoni tas-sustanza rreġistrata u tan-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha. Peress li l-ECHA ma opponietx għat-trattament kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni fit-terminu mogħti, din it-talba ġiet milqugħa skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

22      Permezz ta’ atti ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Permezz ta’ digrieti tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, ippermetta dawn l-interventi.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika Franċiża wkoll talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Ġunju 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, ippermetta dan l-intervent abbażi tal-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

24      Ir-risposta ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Novembru 2015.

25      Ir-replika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Frar 2016.

26      Il-kontroreplika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ġunju 2016.

27      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw in-noti tagħhom u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn in-noti fit-termini mogħtija.

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla l-att ikkontestatat;

–        tordna li l-kawża tintbagħat lura lid-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA, filwaqt li tippreċiża li kull deċiżjoni ġdida tal-ECHA li tirrigwarda l-fajl REACH ta’ valutazzjoni tal-fajl ta’ reġistrazzjoni tar-rikorrenti għas-sustanza rreġistrata għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet ta’ annullament indikati fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali u kull informazzjoni rilevanti u aġġornata;

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż;

–        tordna kull miżura oħra meħtieġa fl-interess tal-ġustizzja

29      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

30      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

31      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

32      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli.

 Id-dritt

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

33      Skont ir-rikorrenti, ma jeżistix dritt għal azzjoni legali kontra l-att ikkontestat quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA, irrispettivament jekk hux bis-saħħa tal-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 1907/2006 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors skont l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1907/2006.

34      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, “[t]ista’ tinġieb azzjoni quddiem il-Qorti [Ġenerali] jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu [263 TFUE], li tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ l-Appell jew, f’każijiet fejn ma jkunx hemm dritt ta’ appell quddiem il-Bord, mill-[ECHA]”.

35      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 91(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li “[j]ista’ jitressaq appell mid-deċiżjonijiet ta’ l-[ECHA] li jittieħdu skond l-Artikoli 9 u 20, l-Artikolu 27(6), l-Artikolu 30(2), u (3) u l-Artikolu 51 [tar-Regolament Nru 1907/2006]” quddiem il-Bord tal-Appell

36      F’dan il-każ, l-att ikkontestat ma ġiex redatt abbażi tal-Artikolu 91(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. B’mod partikolari, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li l-att ikkontestat ma ġiex redatt sussegwentement għall-proċedura prevista fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1907/2006.

37      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, hemm lok li jitqies li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet u tal-ħames kap ta’ talbiet

38      Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali staqsiet lir-rikorrenti jekk, fid-dawl tal-Artikolu 266 TFUE, hija kinitx tqis li kien hemm lok li jinżammu t-tielet u l-ħames kap ta’ talbiet tagħha. Essenzjalment, ir-rikorrenti rrispondiet li, fil-każ li dawn il-kapijiet ta’ talbiet ikunu “inammissibbli”, hija tista’ tirtirahom. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn dawn jistgħu jitqiesu bħala “ammissibbli”, dawn jinżammu. Dawn ir-rimarki ma humiex preċiżi, dawn ma jippermettux li jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti effettivament irtiratx it-tielet u l-ħames kap ta’ talbiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li dawn jiġu eżaminati wkoll.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni Ewropea li l-att tiegħu jkun ġie ddikjarat null għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ li l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet jiġu milqugħa, hija l-ECHA li għandha tislet il-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tagħti ordnijiet lill-ECHA, bħal dawk imsemmija fit-tielet u fil-ħames kap ta’ talbiet tar-rikorrenti. Għalhekk hemm lok li dawn jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni kap ta’ talbiet

 Fuq in-natura kontestabbli tal-att ikkontestat

40      L-ECHA, sostnuta mill-intervenjenti, issostni li l-att ikkontestat ma jikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament u li, għaldaqstant, dan ir-rikors huwa inammissibbli.

41      Fl-ewwel lok, skont l-ECHA, meta tirreda “dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità”, l-intenzjoni tagħha qatt ma kienet li dawn isiru dokumenti vinkolanti għall-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali jew għad-reġistranti kkonċernati. Sa minn Novembru 2012, l-ECHA ppreparat “dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità” li jippermettulha tippreżenta l-opinjoni tagħha fuq il-kwistjoni jekk id-deċiżjonijiet ta’ valutazzjoni tal-fajls ta’ reġistrazzjoni ġewx osservati mir-reġistranti. Il-prattika li jintbagħtu “dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità” lill-Istati Membri hija intiża li tipprovdi opinjonijiet tekniċi u xjentifiċi li ma għandhomx effetti vinkolanti, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw il-miżuri ta’ kontroll tagħhom stess. Il-fatt li, fil-mument meta hija redatt l-att ikkontestat, l-ECHA riedet biss tagħti lill-Ministeru tal-Ekoloġija Franċiż opinjoni teknika u xjentifika li ma għandhiex effetti vinkolanti huwa kkonfermat minn tabella ta’ informazzjoni ppubblikata mill-ECHA fuq is-sit internet tagħha f’Ottubru 2013 u bit-titolu “Segwitu tad-deċiżjonijiet ta’ valutazzjoni tal-fajls” (Follow up to dossier evaluation decisions). Skont dan id-dokument, essenzjalment, “dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità sussegwentement għal deċiżjoni ta’ valutazzjoni tal-fajls skont ir-Regolament Nru 1907/2006”, hija biss dokument li jinkludi valutazzjoni tas-Segretarjat tal-ECHA intiża għal Stat Membru u li jindika li reġistrant ma weġibx għal talba għal informazzjoni fit-terminu stabbilit.

42      Fit-tieni lok, l-ECHA, sostnuta espressament fuq dan il-punt mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mir-Repubblika Franċiża, tirrileva l-fatt, barra minn hekk mhux ikkontestat mir-rikorrenti, li hija ftehmet mal-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri dwar mekkaniżmu li jippermetti li jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet li fihom l-ECHA tqis li r-reġistrant ma pprovdiex, fit-terminu previst fl-Artikolu 41(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-informazzjoni mitluba f’deċiżjoni dwar kontroll ta’ konformità. B’mod iktar speċifiku, il-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar, stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 76(1)(f) u tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 1907/2006, talab lill-ECHA tinforma lill-Istati Membri, b’mod informali, dwar l-aġġornament tal-fajls ta’ reġistrazzjoni rċevuti bi tweġiba għal deċiżjoni dwar kontroll ta’ konformità, kif ukoll dwar l-opinjoni xjentifika tal-ECHA li tkopri s-sitwazzjonijiet li fihom il-fajl għadu ma huwiex, fil-fehma tagħha, konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006. Din is-sistema ta’ kooperazzjoni informali bejn l-ECHA u l-Istati Membri tirrigwarda l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar kontroll ta’ konformità u tħalli lill-Istati Membri ħielsa li jadottaw pożizzjoni differenti minn dik espressa mill-ECHA f’“dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità”. F’dan ir-rigward, iktar preċiżament, kemm tal-ECHA kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża jenfasizzaw essenzjalment fuq il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni dwar kontroll ta’ konformità taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istat Membru kkonċernat, fatt li jimplika li l-Istati Membri huma ħielsa li jadottaw jew le miżuri, jekk, wara eżami, huma jqisu li l-fajl jippermetti li jiġu stabbiliti l-elementi neqsin, kuntrarjament għal dak li l-ECHA setgħet tikkonkludi fid-“dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità”. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri huma ħielsa li jieħdu inkunsiderazzjoni jew le att bħalma huwa l-att ikkontestat.

43      Fit-tielet lok, billi mmotivat l-att ikkontestat, l-ECHA ma esprimietx pożizzjoni finali dwar id-“dokumentazzjoni alternattiva” ipprovduta mir-rikorrenti. Skont l-ECHA, fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni bħal dik tas-6 ta’ Novembru 2012, hemm interazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali u r-reġistrant sabiex jiġu eżaminati l-kwistjonijiet u n-nuqqasijiet li huma enfasizzati f’“dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità”. Jista’ jkun, fil-fehma tal-ECHA, li sussegwentement għal tali diskussjonijiet, informazzjoni oħra tiġi pprovduta mir-reġistrant li tkun suffiċjenti u konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn deċiżjoni bħal dik tas-6 ta’ Novembru 2012. Għalhekk, ’il bogħod milli tikkostitwixxi pożizzjoni definittiva tal-ECHA fir-rigward tad-“dokumentazzjoni alternattiva” ipprovduta mir-rikorrenti fis-6 ta’ Novembru 2013, l-att ikkontestat huwa sempliċi opinjoni li tfakkar lill-awtorità ta’ kontroll Franċiża li hija kellha tadotta deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-6 ta’ Novembru 2012.

44      Fir-raba’ lok, fil-fehma tal-ECHA, eżami tal-att ikkontestat fid-dawl tal-kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza fir-rigward ta’ dak li huwa magħruf bħala “att konfermattiv” lanqas ma jippermetti li jiġi konkluż f’dan il-każ li l-att ikkontestat jikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors. F’dan ir-rigward, l-ECHA tfakkar il-pożizzjoni espressa minn wieħed mill-bordijiet tal-appell tagħha f’deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2015 (Każ A‑019–2013) dwar appell ippreżentat minn Solutia Europe SPRL/BVBA kontra “dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità” li kellha kontenut simili għal dak tal-att ikkontestat (iktar ’il quddiem il-“każ Solutia”). Billi bbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni dwar l-eżami tal-atti konfermattivi, il-Bord tal-Appell kien qies f’dik id-deċiżjoni li, peress li l-informazzjoni pprovduta mir-reġistrant inkwistjoni kienet sostanzjali u ġdida, l-ECHA kien imissha ħadet deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, u dan skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 41, 50 u 51 ta’ dan ir-regolament. F’din il-perspettiva, il-Bord tal-Appell tal-ECHA kien qies li l-valutazzjoni li tinsab f’“dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità” fir-realtà kienet tekwivali għal deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1907/2006.

45      Jekk kien neċessarju, f’dan il-każ, li ssir l-analoġija mwettqa mill-Bord tal-Appell tal-ECHA fil-każ Solutia, l-att ikkontestat jiġi ppreżentat bħala att purament konfermattiv tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012. Fil-fatt, fis-6 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti kienet ippreżentat adattament abbażi tal-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006 li kien ibbażat fuq informazzjoni li la kienet ġdida u lanqas sostanzjali.

46      Fir-rigward tal-każ Solutia, kemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll ir-Repubblika Franċiża jqisu li l-Bord tal-Appell tal-ECHA wettaq żball meta applika, fir-rigward tad-“dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità”, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar l-atti konfermattivi.

47      B’mod iktar speċifiku, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, is-sottomissjoni, minn reġistrant, ta’ informazzjoni sussegwentement għal deċiżjoni bħal dik tas-6 ta’ Novembru 2012 tirrigwarda biss l-eżekuzzjoni tat-talba li timponi l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni supplimentari li tinsab f’tali deċiżjoni, li ma tistax tiġi analizzata bħala talba intiża li din tiġi kkontestata. Skont ir-Repubblika Franċiża, ma jistax jitqies li “dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità” tikkonferma talba għal informazzjoni supplimentari indirizzata mill-ECHA fis-sens li din tikkonsisti f’li tiġi mitluba mill-ġdid din l-informazzjoni supplimentari. Fil-fatt, “dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità” hija indirizzata lill-awtorità nazzjonali kompetenti bl-għan waħdieni li din l-awtorità tiġi informata li t-talba għal informazzjoni supplimentari ma ġietx issodisfatta mir-reġistrant, sabiex hija tislet minn dan il-konsegwenzi li hija tqis li għandha tislet, jekk ikun neċessarju billi teżerċità s-setgħat tagħha li timponi sanzjonijiet.

48      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-ECHA, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża.

49      Preliminarjament, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-att ikkontestat jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, għandu jitfakkar li huma kkunsidrati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu, minnhom infushom, effetti legali vinkolanti (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 42; tat-2 ta’ Marzu 1994, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑316/91, EU:C:1994:76, punt 8, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 36).

50      Min-naħa l-oħra, ma huwiex suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE kull att li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti awtonomi u immedjati, bħall-atti preparatorji, l-atti konfermattivi u l-atti ta’ pura eżekuzzjoni, is-sempliċi rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet, kif ukoll, bħala prinċipju, l-istruzzjonijiet interni (digriet tal-14 ta’ Mejju 2012, Sepracor Pharmaceuticals (Ireland) vs Il‑Kummissjoni, C‑477/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:292, punt 52; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Il-kapaċità ta’ att li jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE għandha tiġi evalwata abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-att, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-evalwazzjoni tal-kontenut tal-att ikkontestat tikkonsisti f’li tiġi eżaminata s-sustanza tiegħu (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9), filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑57/95, EU:C:1997:164, punti 9 sa 23). Huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll kriterji suġġettivi, bħall-intenzjoni tal-awtur tal-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 42, u tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52).

52      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi ddeterminat jekk l-att ikkontestat jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, kull manifattur jew importatur ta’ sustanza, waħidha jew inkluża f’taħlita, fi kwantitajiet ta’ tunnellata jew iktar fis-sena għandu, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni lill-ECHA. Skont l-Artikolu 10 tal-istess regolament, kull reġistrazzjoni għandha tinkludi fajl tekniku u rapport dwar is-sigurtà kimika. Din l-istess dispożizzjoni tiddefinixxi l-kategoriji ta’ informazzjoni li għandhom jiġu inklużi fil-fajl tekniku u fir-rapport inkwistjoni.

54      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-fajls ta’ reġistrazzjoni, l-ECHA tikkontrolla l-konformità tar-reġistrazzjonijiet. F’dan il-kuntest, l-ECHA tista’ teżamina kull reġistrazzjoni sabiex tikkontrolla jekk il-kundizzjonijiet relattivi, b’mod partikolari, għall-informazzjoni li tinsab fil-fajls tekniċi, għall-adattamenti tar-rekwiżiti standard fil-qasam tal-informazzjoni u għall-valutazzjoni tas-sigurtà kimika humiex konformi mar-regoli relatati magħhom. Għal dan il-għan, l-ECHA għandha l-obbligu, skont l-Artikolu 41(5) tar-Regolament Nru 1907/2006, li tagħżel perċentwali minima ta’ fajls għall-kontroll, filwaqt li tagħti prijorità lill-fajls li għandhom il-karatteristiċi deskritti f’din id-dispożizzjoni.

55      Għaldaqstant, skont l-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA tista’ tipprepara abbozz ta’ deċiżjoni li jistieden lir-reġistrant jew lir-reġistranti jipprovdu kull informazzjoni meħtieġa sabiex ir-reġistrazzjoni tkun f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti ta’ informazzjoni. Skont din l-istess dispożizzjoni, id-deċiżjoni finali f’dan il-qasam, li għandha wkoll tispeċifika t-termini għall-produzzjoni tal-informazzjoni meqjusa bħala neċessarja, għandha tittieħed skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament Nru 1907/2006.

56      L-Artikolu 41(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li r-reġistrant għandu jipprovdi lill-ECHA l-informazzjoni mitluba fit-terminu stabbilit.

57      Fir-rigward tas-segwitu tal-proċedura, l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li l-ECHA għandha teżamina kull informazzjoni ppreżentata sussegwentement għal deċiżjoni meħuda bis-saħħa tal-Artikolu 41 tal-istess regolament u għandha tipprepara, jekk ikun il-każ, kull deċiżjoni adatta skont din l-aħħar dispożizzjoni.

58      Meta l-valutazzjoni tal-fajl titlesta, l-ECHA għandha tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-informazzjoni miksuba u kull konklużjoni misluta. Din l-informazzjoni għandha tintuża għall-finijiet tal-valutazzjoni tas-sustanzi, tal-identifikazzjoni tas-sustanzi li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 u tal-eventwali proċess ta’ restrizzjoni fir-rigward ta’ sustanza (Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 1907/2006).

59      Barra minn hekk, l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 1907/2006 jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u jieħdu kull miżura meħtieġa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom.

60      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, l-ewwel nett, li l-ECHA hija l-unika kompetenti sabiex tibda l-kontroll tal-konformità ta’ fajl ta’ reġistrazzjoni. Dan il-kontroll jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ diversi deċiżjonijiet. Fil-fatt, jekk l-ECHA tqis li l-fajl taħt kontroll ma huwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni rilevanti, hija għandha tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1907/2006. F’dan ir-rigward, ir-riferiment li din id-dispożizzjoni tagħmel għall-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1907/2001, fir-rigward tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni li tifformalizza l-obbligu li l-fajl ta’ reġistrazzjoni jitqiegħed f’konformità, jimplika li din id-deċiżjoni hija meħuda mill-ECHA jekk l-Istati Membri jilħqu ftehim unanimu dwar l-abbozz u mill-Kummissjoni jekk l-Istati Membri ma jaslux għal ftehim bħal dan (Artikolu 51(6) u (7) tar-Regolament Nru 1907/2006). Irrispettivament minn min huwa l-awtur ta’ din id-deċiżjoni, hija, fl-istat attwali tar-Regolament Nru 1907/2006, għal darb’oħra l-ECHA, fil-kuntest tal-kompetenza mogħtija lilha espressament mill-Artikolu 42(1) tal-imsemmi regolament, li għandha teżamina l-informazzjoni kollha ppreżentata b’eżekuzzjoni tagħha u li għandha tipprepara, jekk ikun il-każ, kull deċiżjoni ġdida xierqa.

61      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, it-tieni nett u konsegwentement, li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-ECHA u l-intervenjenti, l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punt 59 iktar’ il fuq) ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li huma l-Istati Membri li għandhom jevalwaw jekk ir-reġistrant ikkonformax ruħu mal-obbligi imposti bis-saħħa tal-ewwel deċiżjoni li tobbligah iqiegħed f’konformità il-fajl ta’ reġistrazzjoni. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tqiegħed inkwistjoni l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 li jipprevedi li hija l-ECHA li għandha teżamina kull informazzjoni ppreżentata sussegwentement għal deċiżjoni meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 41 ta’ l-istess regolament. Din l-aħħar dispożizzjoni tirrifletti r-realtà li l-kontroll tal-konformità tar-reġistrazzjonijiet fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-fajls tikkostitwixxi proċedura unika, li tista’ tinkludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tobbliga lir-reġistrant iqiegħed l-imsemmi fajl f’konformità. L-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 42(1) tal-istess regolament, jimplika, f’tali kuntest, li huma l-Istati Membri li għandhom jimponu s-sanzjonijiet xierqa fuq ir-reġistranti li fir-rigward tagħhom ikun ġie kkonstatat, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ ksur tal-obbligi tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, anki jekk, kif isostnu l-ECHA u l-intervenjenti, reġistrant jista’ dejjem iqiegħed il-fajl tiegħu f’konformità wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ konformità skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-rwol tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-Artikolu 126 tal-istess regolament, jikkonsisti f’li jevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, hemmx lok li jiġu imposti sanzjonijiet, effettivi, proporzjonati u dissważivi, għall-perijodu li matulu r-reġistrant inkwistjoni kien fi ksur tal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 41(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

62      Fid-dawl tal-fatt li l-kontroll imwettaq mill-ECHA, sussegwentement għall-ewwel deċiżjoni li tordna lir-reġistrant iqiegħed il-fajl ta’ reġistrazzjoni f’konformità, huwa biss il-kontinwazzjoni tal-istess proċedura waħda, għandu jiġi kkonstatat li, jekk l-imsemmi reġistrant jonqos totalment milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba, ebda evalwazzjoni ġdida tal-konformità tal-fajl, u għaldaqstant ebda deċiżjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, ma hija meħtieġa. Min-naħa l-oħra, meta, bi tweġiba għad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid f’konformità tal-fajl ta’ reġistrazzjoni, ir-reġistrant jagħmel użu mill-possibbiltà prevista fl-Anness XI tar-Regolament 1907/2006 li jadatta r-reġim ta’ ttestjar standard u meta s-sottomissjonijiet rilevanti ma jkunux manifestament mhux raġonevoli fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ dan l-anness u għaldaqstant ma jikkostitwixxux abbuż ta’ proċedura, hemm lok li jiġi kkonstatat li, hekk kif jistipula l-Anness XI, l-ECHA għandha tivvaluta dawn l-adattamenti. Barra minn hekk, minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-valutazzjoni inkwistjoni għandha ssir fil-kuntest tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, li jirreferi għall-Artikolu 41 tal-istess regolament fir-rigward tal-modalitajiet ta’ deċiżjoni.

63      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-ECHA tivvaluta l-konformità tal-adattamenti inkwistjoni mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006 indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-adattamenti inkwistjoni humiex ibbażati fuq fatti ġodda u sostanzjali mhux magħrufa fil-mument li fih l-ewwel deċiżjoni ta’ tqegħid f’konformità tal-fajl hija meħuda skont l-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, mill-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li l-għan li jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali vertebrati u l-għadd ta’ annimali użati f’dawn it-testijiet jiġġustifika l-użu ta’ metodi alternattivi għal dawk previsti, fuq bażi ta’ informazzjoni standard, fl-Annessi VII sa X tar-Regolament Nru 1907/2006, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness XI tiegħu jiġu osservati u l-adattamenti proposti għandhom effettivament l-għan ta’ tnaqqis ta’ dan it-tip ta’ ttestjar. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jagħmilx distinzjoni skont jekk l-adattament propost b’eżekuzzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ tqegħid f’konformità tal-fajl huwiex ibbażat fuq elementi li kienu jew li setgħu kienu magħrufa mir-reġistrant fil-mument li fih din id-deċiżjoni ġiet adottata. F’dan il-kuntest, l-assenza ta’ kull riferiment fir-Regolament Nru 1907/2006 għan-natura ġdida tal-elementi xjentifiċi li fuqhom huma bbażati l-adattamenti proposti bi tweġiba għall-ewwel deċiżjoni ta’ tqegħid f’konformità tal-fajl sabiex l-ECHA tkun obbligata teżaminahom jimplika li, fl-istat attwali tad-dritt, l-ECHA għandha twettaq il-valutazzjoni tagħhom, meħtieġa mill-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament, indipendentement min-natura ġdida tagħhom jew le.

64      F’dan il-każ, l-ewwel nett, l-ECHA tindika fl-att ikkontestat li hija analizzat l-informazzjoni sottomessa fil-fajl aġġornat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012. It-tieni nett, sussegwentement għal din l-analiżi, hija tikkonstata li l-fajl ma fihx l-informazzjoni kollha meħtieġa. Ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni huma indikati fl-Anness tal-ittra tal-1 ta’ April 2015. It-tielet nett, għal dawn ir-raġunijiet, l-ECHA “tiddikjara” li r-rikorrenti ma ssodisfatx l-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-deċiżjoni tat-6 ta’ Novembru 2012, li l-fajl ta’ reġistrazzjoni ma huwiex konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1907/2006 u, fl-aħħar nett, li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 41(4) ta’ dan ir-regolament. Wara li kkonstatat il-ksur tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012 u tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA stiednet lir-Repubblika Franċiża teżerċita l-kompetenza ta’ eżekuzzjoni tagħha skont l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).

65      Fir-rigward tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati l-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-ECHA ppreżentati fil-punt 64 iktar’ il fuq, mill-att ikkontestat, b’mod partikolari mill-Anness tal-ittra tal-1 ta’ April 2015, jirriżulta li l-informazzjoni sottomessa sussegwentement għad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012 tqieset bħala konformi fir-rigward ta’ tmien elementi. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni sottomessa bi tweġiba għat-talba li jsir studju tat-tossiċità għall-iżvilupp ta’ qabel it-twelid tal-fniek, rotta orali u test ta’ tossiċità fit-tul għall-organiżmi sedimentarji (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), tqieset mill-ECHA bħala mhux konformi.

66      B’mod partikolari, fir-rigward tal-adattament propost mir-rikorrenti fir-rigward tal-istudju tat-tossiċità għall-iżvilupp ta’ qabel it-twelid tal-fniek, rotta orali, l-ECHA kkonkludiet li l-provi, ir-riferimenti inkroċjati u l-elementi relatati mal-espożizzjoni invokati ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-punti 1.2, 1.5 u 3.2 tal-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006. Bl-istess mod, l-ECHA kkonkludiet li l-provi li fuqhom huwa bbażat l-adattament propost fir-rigward tat-test ta’ tossiċità fit-tul għall-organiżmi sedimentarji ma kinux ikopru, fir-realtà, l-informazzjoni mitluba bis-saħħa tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-effetti tal-att ikkontestat imorru lil hinn minn sempliċi komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-Ministeru tal-Ekoloġija Franċiż. L-att ikkontestat jikkostitwixxi iktar minn sempliċi opinjoni teknika jew sempliċi rendikont fattwali ddettaljat tar-raġunijiet li għalihom ir-reġistrant ma ssodisfax l-obbligi tiegħu skont ir-Regolament Nru 1907/2006.

68      Fil-fatt, l-att ikkontestat, b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-ittra tal‑1 ta’ April 2015 u l-Anness tagħha, għandu jiġi analizzat bħala valutazzjoni definittiva tad-dokumentazzjoni sottomessa mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 13 u tal-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006.

69      Għaldaqstant, l-ECHA indikat, f’termini imperattivi u definittivi, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li din l-informazzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012. Huwa ċar, mill-qari tar-raba’ paragrafu tal-ittra tal-1 ta’ April 2015, li l-ECHA kkonstatat każ ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 41(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. It-tifsira oġġettiva tar-raba’ paragrafu tal-ittra tal-1 ta’ April 2015 hija biss dik ta’ att li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

70      Barra minn hekk, mis-sitt sat-tmien paragrafu tal-ittra tal-1 ta’ April 2015 jirriżulta li l-ECHA titlob lill-awtorità Franċiża kompetenti tadotta l-miżuri neċessarji għall-impożizzjoni u għall-infurzar tas-sanzjonijiet skont l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 1907/2006. Issa, billi esprimiet ruħha dwar il-konsegwenzi legali possibbli tal-allegati insuffiċjenzi tad-“dokumentazzjoni alternattiva” tas-6 ta’ Novembru 2013, l-ECHA rreferiet għas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kliem użat fl-att ikkontestat u b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tqassim tal-kompetenzi f’dan il-qasam, kif indikat fil-punti 54 sa 61 iktar ’il fuq, dan id-dokument għandu jitqies bħala li jinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet li minnhom l-awtorità Franċiża kompetenti ma tistax titbiegħed ħlief fil-każ fejn tkun teżisti raġuni partikolari bbażata fuq elementi ġodda, jiġifieri elementi li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-ECHA waqt is-segwitu previst fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006.

71      Barra minn hekk, la mill-kliem u lanqas min-natura tar-raġunijiet relatati mal-adattamenti meqjusa bħala mhux konformi mar-regoli tal-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jirriżulta li l-ECHA qieset li l-argumenti tar-rikorrenti kienu manifestament mhux raġonevoli fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ dan l-anness u li għalhekk dawn kienu jikkostitwixxu abbuż ta’ proċedura.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, l-att ikkontestat jikkorrispondi għal deċiżjoni li l-ECHA kellha tipprepara skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, liema deċiżjoni kellha tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 41(3) tal-istess regolament. L-att ikkontestat għandu, għalhekk, jitqies bħala li jipproduċi effetti legali vinkolanti, kemm fir-rigward tar-rikorrenti kif ukoll fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, u bħala li jikkostitwixxi, għalhekk, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

73      L-argumenti l-oħra tal-ECHA u tal-intervenjenti ma jippermettux li din il-konklużjoni tiġi kkontestata.

74      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-ECHA li hija ma kellhiex l-intenzjoni tadotta dispożizzjoni li tipproduċi effetti legali vinkolanti (ara l-punt 41 iktar ’il fuq), jeħtieġ li jingħad li huwa minnu li tali intenzjoni ma tirriżultax mill-att ikkontestat. Barra minn hekk, id-dokument intitolat “Segwitu tad-deċiżjonijiet ta’ valutazzjoni tal-fajls” (Follow up to dossier evaluation decisions) li l-ECHA ppubblikat fuq is-sit internet tagħha f’Ottubru 2013 lanqas ma fih elementi insostenn tal-argument li att bħall-att ikkontestat, jiġifieri “dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità”, jista’ jkollu natura vinkolanti.

75      Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn dawn is-sempliċi konstatazzjonijiet li l-att ikkontestat ma jipproduċix effetti legali vinkolanti. Fil-fatt, il-kriterju marbut mal-intenzjoni tal-awtorità li minnha jirriżulta l-att ikkontestat huwa biss kriterju ta’ importanza sussidjarja li ma jiħux preċedenza fuq l-eżami tal-kriterji oġġettivi msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, b’mod partikolari s-sustanza tal-att ikkontestat.

76      Fit-tieni lok, l-argument tal-ECHA relatat mal-fatt li, minn naħa, l-att ikkontestat kien ġie redatt fil-kuntest ta’ sistema ta’ kooperazzjoni informali mal-Istati Membri intiża għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar kontroll ta’ konformità u mal-fatt li, min-naħa l-oħra, essenzjalment, l-att ikkontestat jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-istadju tal-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni bħal dik tat-6 ta’ Novembru 2012, l-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali huma ħielsa li jiddeċiedu l-eżitu rriżervat lill-informazzjoni sottomessa minn reġistrant bi tweġiba għal deċiżjoni dwar kontroll ta’ konformità, ma huwiex konvinċenti.

77      Fil-fatt, in-natura informali tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-ECHA u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll, kif imsemmi fil-punt 42 iktar ’il fuq, ma tqiegħedx inkwistjoni t-tqassim tal-kompetenzi stabbilit mir-Regolament Nru 1907/2006, hekk kif indikat fil-punti 54 sa 61 iktar ’il fuq.

78      Min-naħa l-oħra, il-fatt li s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1907/2006 tiġi interpretata bħala li tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali biss il-kompitu li jevalwaw jekk reġistrant issodisfax l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-ECHA adottata abbażi tal-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament iwassal sabiex tinġieb fix-xejn parti sostanzjali tal-arkitettura espressament mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

79      Għaldaqstant, il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali, previsti fl-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 1907/2006, jirrigwardaw, f’kuntest bħal dak tal-każ inkwistjoni, l-istadji sussegwenti għall-konstatazzjoni, mill-ECHA, ta’ każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 41(4) tal-imsemmi regolament.

80      Fit-tielet lok, l-argument tal-ECHA li, billi mmotivat l-att ikkontestat, hija ma kellhiex l-intenzjoni tesprimi pożizzjoni finali dwar id-“dokumentazzjoni alternattiva” ipprovduta mir-rikorrenti (ara l-punt 42 iktar ’il fuq) għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet indikati fil-punti 53 sa 72 iktar ’il fuq.

81      Fir-raba’ lok, l-argument tal-ECHA li l-att ikkontestat huwa “att konfermattiv” lanqas ma jista’ jiġi milqugħ.

82      Fil-fatt, mill-att ikkontestat, b’mod partikolari mill-paġni 3 sa 6 u 10 sa 12 tal-ittra tal‑1 ta’ April 2015 jirriżulta li l-ECHA eżaminat fuq il-mertu l-elementi u l-argumenti li r-rikorrenti ressqet bi tweġiba għad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012 u li hija hemm għamlet l-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet tagħha. Paragun mar-raġunijiet indikati fil-paġni 6 u 10 tad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012 juri li r-raġunijiet li jinsabu fl-att ikkontestat ma jikkostitwixxux ripetizzjoni tal-evalwazzjonijiet li fuqhom din l-aħħar deċiżjoni hija bbażata, iżda jipprovdu raġunament ġdid elaborat relatat mal-fondatezza tal-elementi u tal-argumenti invokati mir-rikorrenti bi tweġiba għad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012. Dan il-fatt jeskludi l-possibbiltà li l-att ikkontestat jiġi kklassifikat bħala att konfermattiv tad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti l-oħra tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar l-applikazzjoni, mill-Bord tal-Appell, tal-ġurisprudenza dwar l-atti konfermattivi fil-każ Solutia (ara l-punti 46 u 47 iktar ’il fuq) ukoll għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti jew li jirrigwardha direttament

84      Kemm fil-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll f’dik tar-Repubblika Franċiża, ir-rikorrenti ma għandhiex locus standi kontra l-att ikkontestat, għaliex dan ma jirrigwardahiex direttament fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. B’mod iktar speċifiku, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-awtorità ta’ kontroll Franċiża kompetenti għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk u b’liema mod deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 għandha tiġi eżegwita. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni huma bbażati esklużivament fuq dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, b’tali mod li l-eżekuzzjoni ma tirriżultax mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni. Skont ir-Repubblika Franċiża, id-“dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità” inkwistjoni tħalli diskrezzjoni wiesgħa lill-awtorità nazzjonali kompetenti. Mill-kliem stess tal-ittra tal-1 ta’ April 2015 jirriżulta li l-ilmenti tagħha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri koersivi u li l-awtorità nazzjonali biss għandha kompetenza f’dan il-qasam. Barra minn hekk, l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 1907/2006 jħalli huwa stess marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament u sabiex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha.

85      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża.

86      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, rikors kontra l-atti indirizzati lilha jew li jirrigwardawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ eżekuzzjoni.

87      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-att ikkontestat huwa indirizzat biss lill-Ministeru tal-Ekoloġija Franċiż, filwaqt li r-rikorrenti rċeviet biss kopja.

88      F’dan ir-rigward u sabiex tingħata tweġiba għall-argument tar-rikorrenti li hija destinatarja tal-att ikkontestat, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ destinatarju tal-att għandu jinftiehem fis-sens formali, bħala l-persuna indikata f’dan l-att bħala d-destinatarja tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, SACBO vs Il‑Kummissjoni u INEA, C‑281/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:46, punt 34).

89      Il-fatt li l-ECHA bagħtet kopja tal-att ikkontestat lir-rikorrenti ma jippermettix li din il-konklużjoni tiġi kkontestata. Fil-fatt, il-fatt li persuna li ma hijiex id-destinatarju formali ta’ att tista’ tiġi kkonċernata mill-kontenut tiegħu jista’, ċertament, jagħti lil din il-persuna locus standi jekk hija turi b’mod partikolari li, fid-dawl ta’ dan il-kontenut, dan l-att jirrigwardha direttament, iżda mhux bħala destinatarja tal-att (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, SACBO vs Il‑Kummissjoni u INEA, C‑281/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:46, punt 34).

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet huma ammissibbli, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk l-att ikkontestat jirrigwarda direttament u individwalment lir-rikorrenti jew jekk dan jirrigwarda direttament lir-rikorrenti u jekk dan l-att jikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni.

91      Fir-rigward tal-inċidenza diretta tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni li d-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors għandha tirrigwarda direttament lil persuna fiżika jew ġuridika, hekk kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (digriet tas-6 ta’ Marzu 2014, Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development vs Il‑Kummissjoni, C‑248/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:137, punt 21).

92      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 62 sa 73 iktar ’il fuq, l-att ikkontestat jaffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti inkwantu dan jindika l-evalwazzjoni tal-ECHA fir-rigward tal-konformità tal-fajl ta’ reġistrazzjoni fid-dawl tal-informazzjoni sottomessa mir-rikorrenti bi tweġiba għall-ewwel deċiżjoni, meħuda skont l-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri d-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012.

93      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 1907/2006 jirrigwarda n-natura u l-ammont tas-sanzjonijiet eventwali li għandhom jiġu imposti minħabba l-assenza ta’ konformità tal-fajl ta’ reġistrazzjoni u, għaldaqstant, il-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012 u mill-Artikolu 41(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Għaldaqstant dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jirrigwardax il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ konformità fiha nfisha.

94      F’dan il-kuntest, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 61 iktar ’il fuq, it-tqegħid f’konformità tal-fajl ta’ reġistrazzjoni sussegwentement għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ konformità tiegħu skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jqiegħedx inkwistjoni l-fatt li l-imsemmi fajl ma kienx f’konformità matul dan il-perijodu, anki jekk l-Istat Membru kkonċernat jista’ jeżerċita s-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 1907/2006 fir-rigward ta’ dan il-perijodu.

95      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex ukoll affettwata individwalment mill-att ikkontestat, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, is-suġġetti li ma humiex id-destinatarji jistgħu jallegaw li att jirrigwardahom individwalment biss jekk dan l-att jikkawżalhom preġudizzju minħabba ċertu kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li d-destinatarju ta’ deċiżjoni jkun (sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223).

96      Sa fejn l-att ikkontestat għandu jiġi analizzat bħala l-evalwazzjoni tal-ECHA dwar l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti fis‑6 ta’ Novembru 2013 sabiex jiġi aġġornat il-fajl ta’ reġistrazzjoni li jirrigwarda s-sustanza rreġistrata sussegwentement għad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Novembru 2012, indirizzata lir-rikorrenti, dan jirrigwarda lil din tal-aħħar individwalment. Il-fatt li r-rikorrenti rċeviet kopja tal-att ikkontestat jikkonferma din il-konklużjoni.

97      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-att ikkontestat jaffettwa lir-rikorrenti direttament u individwalment, b’tali mod li din għandha locus standi kontra l-att ikkontestat.

98      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

99      L-argument tar-rikorrenti jinqasam fi tmien motivi.

100    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat ġie adottat ultra vires, peress li l-ECHA ma għandha ebda bażi legali sabiex tistabbilixxi, tikkompila, tadotta jew tibgħat “dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità” bħall-att ikkontestat. Barra minn hekk, jekk l-att ikkontestat kellu jkollu bażi legali, bħall-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, dan kien ikun redatt bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali mnissla tal-Artikoli 41 u 51 tar-Regolament Nru 1907/2006. It-tieni u t-tielet motiv tar-rikors huma bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Permezz tar-raba’ sat-tmien motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-dritt għal smigħ u tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-dritt għal smigħ xieraq, kif ukoll ksur tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-legalità tat-talba għall-provvista ta’ studju tat-tossiċità tas-sustanza rreġistrata għall-iżvilupp ta’ qabel it-twelid.

101    Qabel kollox għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv, li jinqasam f’żewġ partijiet.

102    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat ġie adottat ultra vires, peress li l-ECHA ma għandha ebda bażi legali sabiex tistabbilixxi, tikkompila, tadotta jew tibgħat “dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità”. B’mod partikolari, l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jippermettix il-ħruġ ta’ dokument li jinkludi “dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità” fil-forma ta’ deċiżjoni formali intiża li tobbliga lill-awtorità Franċiża kompetenti taġixxi. Barra minn hekk, l-att ikkontestat ma jikkostitwixxix deċiżjoni xierqa fid-dawl tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006.

103    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, kieku kellu jkun hemm bażi legali għall-att ikkontestat, il-ħruġ ta’ tali att mill-ECHA jista’ jsir l-iktar biss skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont ir-rikorrenti, jekk l-ECHA riedet tibbaża ruħha fuq din id-dispożizzjoni bħala “awtorità legali” jew bażi legali tal-att ikkontestat, għandu jiġi osservat li l-valutazzjoni tal-validità tal-ġustifikazzjonijiet ipprovduti bi tweġiba għal deċiżjoni li tordna studju għandha ssir biss fil-kuntest ta’ proċess ġdid ta’ kontroll ta’ konformità skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1907/2006. Għaldaqstant l-att ikkontestat kien ġie redatt bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali previsti fl-Artikoli 41 u 51 tar-Regolament Nru 1907/2006.

104    L-ECHA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

105    L-ewwel nett, l-ECHA hija tal-opinjoni li hija ma għandhiex tkun obbligata terġa’ tibda l-istess proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni prevista fl-Artikoli 41 u 51 tar-Regolament Nru 1907/2006 għal adattamenti li mhux biss huma invalidi, iżda wkoll huma bbażati fuq informazzjoni li kienet diġà disponibbli qabel il-proċess ta’ kontroll ta’ konformità inizjali. Fil-każ kuntrarju, dan ikun ifisser li r-reġistranti jistgħu jissottomettu b’mod permanenti elementi sabiex jadattaw l-informazzjoni meħtieġa f’deċiżjoni dwar kontoll ta’ konformità. Ir-reġistrant jista’ indebitament jipposponi s-sottomissjoni ta’ informazzjoni li normalment kien ikollu jkun diġà pprovda waqt ir-reġistrazzjoni inizjali, għaliex, sakemm ir-reġistrant jipprovdi adattament, l-implimentazzjoni ma tistax issir. F’tali ċirkustanzi, l-ECHA tkun obbligata tirrinunzja milli titlob lill-Istati Membri jeżegwixxu deċiżjoni dwar kontroll ta’ konformità u kull darba terġa’ tibda l-proċedura prevista fl-Artikoli 41, 50 u 51 tar-Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk, dan ikun “il-bieb miftuħ” għal miżuri dilatorji għar-reġistranti sakemm jinħoloq, hekk kif tibża’ l-ECHA, “ċirku infinit ta’ deċiżjonijiet ġodda” jew “spirali mingħajr tmiem ta’ valutazzjonijiet ta’ adattamenti” fl-istadju tas-segwitu msemmi fl-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1907/2006. Min-naħa tagħha, l-awtorità ta’ kontroll nazzjonali ma tkunx f’pożizzjoni li timplimenta deċiżjoni dwar kontroll ta’ konformità, għaliex kull proċedura mibdija f’dan ir-rigward tkun tista’ tiġi sospiża sakemm l-ECHA tieħu deċiżjoni dwar l-informazzjoni l-ġdida jew l-adattamenti sottomessi mir-reġistrant. Għaldaqstant, il-proċedura ta’ valutazzjoni tibqa’ dejjem sospiża, l-istadju tal-għeluq tal-proċedura ta’ valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 qatt ma jiġi milħuq.

106    It-tieni nett, l-ECHA tfakkar li, billi applika b’analoġija l-approċċ adottat mill-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni dwar id-deċiżjonijiet konfermattivi, wieħed mill-bordijiet tal-appell tagħha ddeċieda fil-każ Solutia li, fil-preżenza ta’ informazzjoni ġdida sottomessa minn reġistrant u fid-dawl tal-valutazzjoni xjentifika tagħha, kellu jingħata lil att bħall-att ikkontestat il-valur ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 li ma tikkonfermax id-deċiżjoni dwar il-kontroll ta’ konformità inizjali. Deċiżjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 41, 50 u 51 tar-Regolament Nru 1907/2006 u tista’ tkun is-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 1907/2006. F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ssottomettiet, bi tweġiba għal deċiżjoni tal-ECHA, dokumentazzjoni differenti tal-istudji mitluba, għandu jiġi ddeterminat jekk id-“dokumentazzjoni alternattiva” inkwistjoni hijiex ibbażata fuq elementi “sostanzjali ġodda”. Issa, skont l-ECHA, id-“dokumentazzjoni alternattiva” proposta mir-rikorrenti fis‑6 ta’ Novembru 2013 kienet tinkludi informazzjoni li la kienet ġdida u lanqas sostanzjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-aġġornament tas‑6 ta’ Novembru 2013 ma kienx jinkludi informazzjoni ġdida sostanzjali, l-att ikkontestat huwa att konfermattiv.

107    Preliminarjament, għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 54 sa 62 iktar ’il fuq dwar it-tqassim tal-kompetenzi fil-qasam tal-valutazzjoni tal-fajls ta’ reġistrazzjoni kif stabbilit mir-Regolament Nru 1907/2006.

108    Mit-tqassim tal-kompetenzi fil-qasam tal-valutazzjoni tal-fajls jirriżulta li l-ECHA għandha twettaq din il-valutazzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament Nru 1907/2006. Dawn il-modalitajiet għandhom jiġu osservati mill-ECHA fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha mingħajr ma hija tista’ taġixxi indipendentement minn dan il-kuntest legali billi tuża strument li ma huwiex id-deċiżjoni prevista fl-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament Nru 1907/2006. F’dan ir-rigward, fil-punt 72 iktar ’il fuq, ġie deċiż li, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, l-att ikkontestat kien jekwivali għal deċiżjoni li l-ECHA kellha tħejji skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, li finalment kellha tiġi adottata skont l-Artikolu 41(3) tal-istess regolament.

109    Barra minn hekk, minħabba li, l-ewwel nett, l-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1907/2006 u, it-tieni nett, din il-proċedura ma ġietx segwita f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ECHA eżerċita l-kompetenzi tagħha mingħajr ma osservat ir-regoli ddettaljati relatati magħhom.

110    Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-ECHA jew mill-intervenjenti ma jista jikkontesta din il-konklużjoni.

111    L-ewwel nett, l-argument tal-ECHA bbażat fuq il-ħtieġa li tiġi evitata sistema li fiha kull “dokumentazzjoni alternattiva” għandha tiġi ttrattata skont il-“proċedura oneruża” prevista fl-Artikoli 41, 50 u 51 tar-Regolament Nru 1907/2006, peress li tali sistema tista’ twassal għal proċess bla tmiem ta’ deċiżjonijiet ġodda li jipparalizza l-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-ECHA, ma jistax jiġi milqugħ.

112    F’dan ir-rigward, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-punt 62 iktar ’il fuq, proposta ta’ adattament ibbażata fuq l-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006 li insostenn tagħha huma invokati elementi manifestament mhux raġonevoli fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ dan l-anness u li għaldaqstant tikkostitwixxi tentattiv ta’ abbuż ta’ proċedura tekwivali għal assenza totali ta’ tweġiba għall-ewwel deċiżjoni li tordna lir-reġistrant iqiegħed f’konformità l-fajl ta’ reġistrazzjoni tiegħu. Peress li l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jipprevedix li l-ECHA għandha tħejji, bħala segwitu għall-valutazzjoni tal-fajls ta’ reġistrazzjoni, deċiżjoni fil-każijiet kollha, iżda “jekk ikun meħtieġ”, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-ECHA hija f’pożizzjoni li tikkonstata l-assenza ta’ konformità tal-fajl permezz ta’ sempliċi informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat u lill-persuna kkonċernata.

113    Issa, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 71 iktar ’il fuq, la mill-kliem u lanqas min-natura tar-raġunijiet relatati mal-adattamenti meqjusa bħala mhux konformi mar-regoli tal-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jirriżulta li l-ECHA qieset li l-argumenti tar-rikorrenti kienu manifestament mhux raġonevoli u li għalhekk dawn kienu jikkostitwixxu abbuż ta’ proċedura.

114    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 41(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni, skont l-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament, li tikkonstata l-assenza ta’ konformità ta’ fajl ta’ reġistrazzjoni, din l-assenza ta’ konformità tirrelata, għall-inqas, għat-tmiem tat-terminu mogħti skont l-ewwel deċiżjoni ta’ tqegħid f’konformità, adottata abbażi tal-Artikolu 41(3) tal-istess regolament. Għaldaqstant, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 61 iktar ’il fuq, f’tali ipoteżi, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jeżerċita s-setgħa mogħtija lilu bis-saħħa tal-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 1907/2006 għall-perijodu li matulu il-fajl ta’ reġistrazzjoni ma jkunx f’konformità.

115    Fl-aħħar nett, l-argument tal-ECHA bbażat fuq l-effett tal-analoġija mal-ġurisprudenza dwar l-atti konfermattivi u fuq il-fatt li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fis‑6 ta’ Novembru 2013 la kienet ġdida u lanqas sostanzjali għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet indikati fil-punt 84 iktar ’il fuq.

116    Barra minn hekk, fl-att ikkontestat, l-ECHA sempliċement ivverifikat l-informazzjoni sottomessa mir-rikorrenti fis‑6 ta’ Novembru 2013, mingħajr ma tindika jekk din kinitx informazzjoni ġdida u sostanzjali jew le. L-ECHA ma tistax utilment tinvoka, fil-kuntest ta’ din it-tilwima, argumenti li fuqhom hija ma bbażatx il-valutazzjoni ta’ qabel ma ntbagħat l-att ikkontestat.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-ewwel motiv huwa fondat u li, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi milqugħ, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

118    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet fuq it-tielet u l-ħames kap ta’ talbiet tagħha, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti u l-ECHA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

119    Skont l-Artikolu 138(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-Istati partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), minbarra l-Istati Membri, li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika Franċiża u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ittra tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) tal1 ta’ April 2015, indirizzata lill-ministère de l’Écologie, du Développement durable, des Transports et du Logement français (il-Ministeru tal-Ekoloġija, tal-Iżvilupp Sostenibbli, tat-Trasport u tad-Djar Franċiż) u intitolata “Dikjarazzjoni ta’ Nuqqas ta’ Konformità Sussegwentement għal Deċiżjoni ta’ Valutazzjoni tal-Fajls skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006”, inkluż l-anness tagħha, hija annullata.

2)      Esso Raffinage u l-ECHA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Gratsias

Dittrich

Xuereb

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Mejju 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.