Language of document : ECLI:EU:T:2018:263

Kawża T283/15

Esso Raffinage

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

“REACH – Valutazzjoni tal-fajls – Kontroll tal-konformità tar-reġistrazzjonijiet – Verifika tal-informazzjoni ppreżentata u segwitu tal-valutazzjoni tal-fajls – Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Inċidenza diretta u individwali – Ammissibbiltà – Bażi legali – Artikoli 41, 42 u 126 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat‑8 ta’ Mejju 2018

1.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullamen – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Ittra tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) indirizzata lil Stat Membru u li tikkonstata ksur tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba l-assenza ta’ konformità tal-fajl ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanza – Inklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 41(4) u 126)

3.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Proċedura ta’ valutazzjoni – Kontroll tal-konformità tal-fajls ta’ reġistrazzjoni – Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna lill-applikant iqiegħed il-fajl tiegħu f’konformità – Assenza ta’ tweġiba – Konsegwenzi

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 41(3) u 42(1), u l-Anness XI)

4.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Proċedura ta’ valutazzjoni – Kontroll tal-konformità tal-fajls ta’ reġistrazzjoni – Assenza ta’ konformità ta’ fajl – Konsegwenzi – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u l-Istati Membri

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 6(1), 41(1) u (3) sa (5), 42(1) u (2) u 126)

5.      Rikors għal annullament – Rikors imressaq mill-persuna fiżika jew ġuridika li hija d-destinatarja tal-att ikontestat – Kunċett ta’ persuna li hija d-destinatarja – Persuna li hija d-destinatarja ta’ kopja ta’ dan l-att – Esklużjoni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

6.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Ittra tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) indirizzata lil Stat Membru u li tikkonstata ksur tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba l-assenza ta’ konformità tal-fajl ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanza – Rikors ta’ impriża li ppreżentat l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 41(3) u 42(1))

7.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Proċedura ta’ valutazzjoni– Kontroll tal-konformità tal-fajls ta’ reġistrazzjoni – Assenza ta’ konformità ta’ fajl – Konsegwenzi – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u l-Istati Membri – Nuqqas ta’ osservanza mill-ECHA tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-kompetenza tagħha – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 41(3) u 42(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 39)

2.      Huma kkunsidrati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu, minnhom infushom, effetti legali vinkolanti.

Dan huwa l-każ fil-każ ta’ ittra tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) indirizzata lil Stat Membru li tindika, f’termini imperattivi u definittivi, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-informazzjoni sottomessa minn applikant għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza sussegwentement għal deċiżjoni tal-ECHA li tikkonstata l-assenza ta’ konformità tal-fajl ta’ reġistrazzjoni mar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), ma kinitx biżżejjed sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni, kif ukoll każ ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 41(4) ta’ dan ir-regolament u li titlob l-adozzjoni, mill-Istat Membru, tal-miżuri neċessarji għall-impożizzjoni u għall-infurzar tas-sanzjonijiet skont l-Artikolu 126 ta’ dan ir-regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-effetti tal-att ikkontestat imorru lil hinn minn sempliċi komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-imsemmi Stat Membru u l-att ikkontestat jikkostitwixxi iktar minn sempliċi opinjoni teknika jew sempliċi rendikont fattwali ddettaljat tar-raġunijiet li għalihom ir-reġistrant ma ssodisfax l-obbligi tiegħu skont ir-Regolament Nru 1907/2006. L-att ikkontestat għandu, għalhekk, jitqies bħala li jipproduċi effetti legali vinkolanti, kemm fir-rigward tal-applikant għar-reġistrazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat, u bħala li jikkostitwixxi, għalhekk, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

(ara l-punti 49, 67, 69, 70, 72)

3.      Fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-fajls ta’ reġistrazzjoni mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), skont l-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), l-ECHA tista’ tipprepara abbozz ta’ deċiżjoni li jistieden lir-reġistrant jew lir-reġistranti jipprovdu kull informazzjoni meħtieġa sabiex ir-reġistrazzjoni tkun f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti ta’ informazzjoni. Skont l-Artikolu 42(1) tal-istess regolament, l-ECHA għandha teżamina kull informazzjoni ppreżentata sussegwentement għal deċiżjoni meħuda bis-saħħa tal-Artikolu 41 tal-istess regolament u għandha tipprepara, jekk ikun il-każ, kull deċiżjoni adatta skont din l-aħħar dispożizzjoni.

Fid-dawl tal-fatt li l-kontroll imwettaq mill-ECHA, sussegwentement għall-ewwel deċiżjoni li tordna lir-reġistrant iqiegħed il-fajl ta’ reġistrazzjoni f’konformità, huwa biss il-kontinwazzjoni tal-istess proċedura waħda, għandu jiġi kkonstatat li, jekk l-imsemmi reġistrant jonqos totalment milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba, ebda evalwazzjoni ġdida tal-konformità tal-fajl, u għaldaqstant ebda deċiżjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, ma hija meħtieġa. Min-naħa l-oħra, meta, bi tweġiba għad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid f’konformità tal-fajl ta’ reġistrazzjoni, ir-reġistrant jagħmel użu mill-possibbiltà prevista fl-Anness XI ta’ dan ir-regolament li jadatta r-reġim ta’ ttestjar standard u meta s-sottomissjonijiet rilevanti ma jkunux manifestament mhux raġonevoli fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ dan l-anness u għaldaqstant ma jikkostitwixxux abbuż ta’ proċedura, l-ECHA għandha tivvaluta dawn l-adattamenti. L-ECHA tivvaluta l-konformità ta’ dawn l-adattamenti mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006 indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-adattamenti inkwistjoni humiex ibbażati fuq fatti ġodda u sostanzjali mhux magħrufa fil-mument li fih l-ewwel deċiżjoni ta’ tqegħid f’konformità tal-fajl hija meħuda skont l-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punti 55, 57, 62, 63)

4.      Mill-Artikoli 6(1), 41(1) u (3) sa (5), 42(1) u (2) u 126 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), jirriżulta li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) hija l-unika kompetenti sabiex tibda l-kontroll tal-konformità ta’ fajl ta’ reġistrazzjoni. Dan il-kontroll jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ diversi deċiżjonijiet.

Fil-fatt, jekk l-ECHA tqis li l-fajl taħt kontroll ma huwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni rilevanti, hija għandha tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1907/2006. F’dan ir-rigward, ir-riferiment li din id-dispożizzjoni tagħmel għall-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1907/2001, fir-rigward tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni li tifformalizza l-obbligu li l-fajl ta’ reġistrazzjoni jitqiegħed f’konformità, jimplika li din id-deċiżjoni hija meħuda mill-ECHA jekk l-Istati Membri jilħqu ftehim unanimu dwar l-abbozz u mill-Kummissjoni jekk l-Istati Membri ma jaslux għal ftehim bħal dan. Irrispettivament minn min huwa l-awtur ta’ din id-deċiżjoni, hija, fl-istat attwali tar-Regolament Nru 1907/2006, għal darb’oħra l-ECHA, fil-kuntest tal-kompetenza mogħtija lilha espressament mill-Artikolu 42(1) tal-imsemmi regolament, li għandha teżamina l-informazzjoni kollha ppreżentata b’eżekuzzjoni tagħha u li għandha tipprepara, jekk ikun il-każ, kull deċiżjoni ġdida xierqa.

Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 42(1) tal-istess regolament, jimplika, f’tali kuntest, li huma l-Istati Membri li għandhom jimponu s-sanzjonijiet xierqa fuq ir-reġistranti li fir-rigward tagħhom ikun ġie kkonstatat, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ ksur tal-obbligi tagħhom. F’dan ir-rigward, anki jekk reġistrant jista’ dejjem iqiegħed il-fajl tiegħu f’konformità wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ konformità skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-rwol tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-Artikolu 126 tal-istess regolament, jikkonsisti f’li jevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, hemmx lok li jiġu imposti sanzjonijiet, effettivi, proporzjonati u dissważivi, għall-perijodu li matulu r-reġistrant inkwistjoni kien fi ksur tal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 41(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

(ara l-punti 60, 61)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 88, 89)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 91, 92, 95‑97)

7.      Mit-tqassim tal-kompetenzi fil-qasam tal-valutazzjoni tal-fajls jirriżulta li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha twettaq din il-valutazzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH). Dawn il-modalitajiet għandhom jiġu osservati mill-ECHA fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha mingħajr ma hija tista’ taġixxi indipendentement minn dan il-kuntest legali billi tuża strument li ma huwiex id-deċiżjoni prevista fl-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament Nru 1907/2006. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ittra tal-ECHA indirizzata lil Stat Membru li tikkonstata l-assenza ta’ konformità ta’ fajl ta’ reġistrazzjoni hija att li jekwivali għal deċiżjoni li l-ECHA kellha tħejji skont l-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament, li finalment kellha tiġi adottata skont l-Artikolu 41(3) tal-istess regolament. Fid-dawl tal-fatt, l-ewwel nett, li l-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament u, it-tieni nett, li din il-proċedura ma ġietx segwita, għandu jiġi kkonstatat li l-ECHA teżerċita l-kompetenzi tagħha mingħajr ma tosserva r-regoli ddettaljati relatati magħhom.

(ara l-punti 108, 109)