Language of document : ECLI:EU:T:2018:718

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

25 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Rikors għal annullament u għad-danni – Persunal tas-SATCEN – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Artikolu 24 TUE – Artikoli 263, 268, 270 u 275 TFUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Ugwaljanza fit-trattament –Deċiżjonijiet 2014/401/PESK u 2009/747/PESK – Bord tal-Appell tas-SATCEN – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Talba għal assistenza – Modalitajiet tal-investigazzjoni amministrattiva – Sospensjoni – Proċeduri dixxiplinari – Revoka – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Dritt għal smigħ – Aċċess għall-fajl – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Talbiet għal kumpens prematur – Danni morali”

Fil-Kawża T‑286/15,

KF, irrappreżentata minn A. Kunst, avukat, u N. Macaulay, barrister,

rikorrenti,

vs

Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN), irrappreżentat minn L. Defalque u A. Guillerme, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Naert u M. Bauer, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tad-Direttur tas-SATCEN tal-5 ta’ Lulju 2013 li jirrigwardaw ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrenti, sospensjoni tar-rikorrenti u ċaħda tat-talba tagħha għal assistenza u tat-28 ta’ Frar 2014 dwar ir-revoka tar-rikorrenti, kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-SATCEN tas-26 ta’ Jannar 2015 li tikkonferma dawn id-deċiżjonijiet, u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu allegatament imġarrab,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, L. Madise, R. da Silva Passos (Relatur), K. Kowalik-Bańczyk u C. MAC Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Fuq iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea

1        Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) joriġina mid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni ta’ l-Ewropa tal-Punent (iktar ’il quddiem l-“UEP”) tas-27 ta’ Ġunju 1991 li toħloq ċentru operattiv ta’ data satellitari u adottata abbażi tad-deċiżjoni tal-imsemmi Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 1990 dwar il-kooperazzjoni spazjali fi ħdan l-UEP. Skont id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-UEP tas-27 ta’ Ġunju 1991, iċ-ċentru satellitari tal-UEP inħoloq bħala korp sussidjarju tal-UEP u ma kellux personalità ġuridika distinta minn dan tal-aħħar.

2        Permezz tad-dikjarazzjoni tiegħu li saret f’Marseille (Franza) fit-13 ta’ Novembru 2000, il-Kunsill tal-Ministri tal-UEP qabel mal-prinċipju tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-10 ta’ Novembru 2000, dwar l-istabbiliment, fil-forma ta’ aġenzija fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ta’ ċentru satellitari li jinkludi l-elementi rilevanti ta’ dak stabbilit fi ħdan l-UEP.

3        Huwa għalhekk li s-SATCEN ġie stabbilit permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK tal-20 ta’ Lulju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 187), u sar operattiv mill-1 ta’ Jannar 2002. Ir-raba’ premessa tal-imsemmija azzjoni konġunta tindika li ċ-“ċentru tas-Satelliti ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkollu personalità ġuridika, waqt li jżomm rabtiet fil-qrib mal-Kunsill u jikkonsidra r-responsabiltajiet politiċi ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha”.

4        Fit-30 ta’ Marzu 2010, l-Istati Membri tal-UEP, permezz ta’ dikjarazzjoni komuni, iddeċidew dwar ix-xoljiment ta’ din l-organizzazzjoni mit-30 ta’ Ġunju 2011, b’mod partikolari minħabba l-fatt li “[d]-dħul fis-seħħ ta[t]-Trattat ta’ Lisbona [kien] il-bidu ta’ fażi ġdida għas-sigurtà u għad-difiża Ewropea”.

5        Sussegwentement, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/401/PESK, tas-26 ta’ Ġunju 2014, dwar is-SATCEN u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2001/555/PESK dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 188, p. 73), li llum tikkostitwixxi l-qafas legali applikabbli għas-SATCEN.

6        Mill-premessa 2 u mill-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li s-SATCEN jaħdem bħala “kapaċità awtonoma Ewropea” u li huwa għandu l-personalità ġuridika neċessarja sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu u sabiex jilħaq l-għanijiet tiegħu.

7        Skont l-Artikolu 2(1) u (3) tal-imsemmija deċiżjoni, il-kompiti ewlenin tas-SATCEN jikkonsistu fl-appoġġ tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), u b’mod partikolari tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), inklużi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżi mwettqa mill-Unjoni, bil-provvista, fuq it-talba tal-Kunsill jew tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, tal-prodotti u tas-servizzi li jirriżultaw mill-użu tal-assi spazjali rilevanti u tad-data kollaterali, inklużi l-immaġini satellitari u mill-ajru, u tas-servizzi relatati.

8        L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/401 jispeċifika li l-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, is-sorveljanza politika tal-attivitajiet tas-SATCEN u jagħti gwida politika dwar il-prijoritajiet tas-SATCEN, filwaqt li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jagħtih istruzzjonijiet operattivi.

9        Is-SATCEN huwa kompost minn tliet diviżjonijiet operazzjonali, jiġifieri diviżjoni tal-operazzjonijiet, diviżjoni tal-iżvilupp tal-kapaċità u diviżjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Barra minn hekk, is-SATCEN jinkludi diviżjoni amministrattiva u taqsima finanzjarja.

10      Skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2014/401, id-Direttur tas-SATCEN huwa r-rappreżentant legali ta’ dan l-organu. Skont l-Artikolu 7(4) u l-ittra (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(6) tad-Deċiżjoni 2014/401, dan l-istess direttur huwa, minn naħa, responsabbli għar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal l-oħra kollha tas-SATCEN u, min-naħa l-oħra, responsabbli għall-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-persunal.

11      Fir-rigward tal-persunal tas-SATCEN, dan huwa, skont l-Artikolu 8(1) u (3) tad-Deċiżjoni 2014/401, kompost minn membri tal-persunal bil-kuntratt, maħtura mid-Direttur tas-SATCEN, kif ukoll minn esperti kkollokati. L-Artikolu 8(5) ta’ din id-deċiżjoni jagħti s-setgħa lill-Bord ta’ Amministrazzjoni sabiex jistabbilixxi, fuq proposta tad-Direttur, ir-regolamenti tal-persunal tas-SATCEN li jiġu adottati mill-Kunsill. Huwa fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni identika li l-Kunsill, fil-kuntest tal-Azzjoni Konġunta 2001/555, adotta d-Deċiżjoni 2009/747/PESK tal-14 ta’ Settembru 2009 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN (ĠU 2009, L 276, p. 1, iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN”).

12      Fir-rigward tat-tilwimiet bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, l-Artikolu 28(5) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jipprevedi dan li ġej:

“Wara li jużaw il-possibbiltajiet kollha tal-ewwel rikors (appell amministrattiv intern), il-membri tal-persunal għandhom il-libertà li jirrikorru għal soluzzjoni quddiem il-Bord tal-Appelli [tas-SATCEN].

Il-kompożizzjoni, l-operat u l-proċeduri speċifiċi ta’ dak il-korp huma mogħtija fl-Anness X.”

13      Skont l-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, huwa previst dan li ġej:

“Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jorbtu liż-żewġ partijiet. M’għandu jkun hemm l-ebda appell minnhom. Il-Bord tal-Appell jista’:

(a)      jannulla, jew jikkonferma, id-deċiżjonijiet ikkontestati;

(b)      jordna li [s-SATCEN] inċidentalment jikkumpensa lill-membru tal-persunal għal kwalunkwe ħsara materjali li jkun bata mill-jum minn meta beda jkollha effett id-deċiżjoni annullata;

(c)      jordna ulterjorment li [s-SATCEN] għandu jirrimborża, fil-limiti stabbiliti mill-Bord tal-Appell, spejjeż ġustifikati li saru minn min għamel it-talba […].”

14      Il-punt 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jipprovdi:

“Il-Bord tal-Appell għandu jkollu l-awtorità li jiddeċiedi tilwim li jirriżulta minn ksur ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jew tal-kuntratti previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għal dan il-għan għandu jkollu kompetenza fir-rigward tal-appelli miġjuba minn membri tal-persunal waqt il-kariga jew ex membri tal-persunal, jew mill-werrieta u/jew rappreżentanti tagħhom, kontra deċiżjoni tad-Direttur.”

15      Il-punt 4(b) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jipprevedi wkoll li r-rikorrent quddiem il-Bord tal-Appell tas-SATCEN (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) “għandu jkollu perijodu ta’ 20 jum min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata […] biex jippreżenta talba bil-miktub li tali deċiżjoni tkun irtirata jew modifikata mill-Bord tal-Appell [; d]ik it-talba għandha tiġi indirizzata lill-Kap tal-Amministrazzjoni u l-Persunal tas-[SATCEN], li għandu jirrikonoxxi li rċeviha u għandu jagħti bidu għall-proċedura biex ilaqqa’ l-Bord tal-Appell”.

16      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell tas-SATCEN, mill-punt 2(a), (b) u (e) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jirriżulta li dan għandu jinkludi President u żewġ membri, maħtura mill-Bord ta’ Amministrazzjoni tas-SATCEN, għal perijodu ta’ sentejn, minn barra l-persunal tas-SATCEN, u li r-remunerazzjonijiet tal-President u tal-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord ta’ Amministrazzjoni tas-SATCEN.

B.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjonijiet ikkontestati

17      Ir-rikorrenti, KF, ġiet irreklutata mis-SATCEN bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mill-1 ta’ Awwissu 2009, għal perijodu ta’ tliet snin, sabiex twettaq il-funzjonijiet ta’ Kap tad-Diviżjoni Amministrattiva. Fi tmiem il-perijodu ta’ prova tagħha, fil-31 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti ġiet ikkonfermata fil-funzjonijiet tagħha mid-Direttur tas-SATCEN, li rrileva f’dan ir-rigward li r-rikorrenti “[kienet] taħdem b’mod sensittiv u b’diplomazija, bl-użu madankollu ta’ fermezza fil-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha”.

18      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni annwali għas-sena 2010, ir-rikorrenti kienet is-suġġett, fit-28 ta’ Marzu 2011, ta’ rapport ta’ evalwazzjoni mill-Assistent Direttur tas-SATCEN, li permezz tiegħu l-prestazzjoni ġenerali tagħha tqieset bħala insuffiċjenti u ġiet attribwita lilha l-iktar marka baxxa. L-Assistent Direttur ikkunsidra, b’mod partikolari, li, “fid-dawl tal-firxa wiesgħa tal-qasam amministrattiv, [kien] assolutament essenzjali li [KF] […] tafda lill-persunal tagħha għat-twettiq tax-xogħol li għalih [kien] kompletament kompetenti” u li kien jinħtieġ “li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari r-relazzjonijiet umani prinċipalment f’kuntest multinazzjonali sensittiv ħafna u sabiex jiġu evitati tensjonijiet bla bżonn bejn il-persuni”. Ir-rikorrenti kkontestat dawn il-konklużjonijiet u l-mod kif twettqet l-evalwazzjoni.

19      Fis-27 ta’ Marzu 2012, fil-kuntest tal-evalwazzjoni annwali għas-sena 2011, l-Assistent Direttur tas-SATCEN irrileva żvilupp pożittiv tar-rikorrenti fil-konfront tas-sena ta’ qabel, u kkunsidra li l-prestazzjoni ġenerali tagħha kienet tajba, fid-dawl tal-isforzi li hija kienet għamlet. Huwa speċifika wkoll li dawn l-isforzi “għat-tmexxija tat-tim amministrattiv b’mod aħjar [kellhom] jitkomplew b’mod sinjifikattiv”, u li “il-mod [tagħha] kif tmexxi għadu [joħloq], b’mod rikorrenti, ilmenti ġenerali meqjusa, f’ċerti każijiet, bħala pressjoni professjonali permanenti”. F’dak li jirrigwarda l-parti tar-rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-korrezzjoni u r-relazzjonijiet umani, l-Assistent Direttur qies li r-rikorrenti kellha twettaq sforzi reali fil-ġestjoni tat-tim tagħha, bl-evitar ta’ pressjoni inġustifikata u bl-għoti ta’ iktar fiduċja lill-kollegi tagħha. Ir-rikorrenti għamlet ukoll l-osservazzjonijiet tagħha fil-marġni ta’ dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni, billi indikat li r-relazzjonijiet umani fi ħdan id-diviżjoni tagħha kienu, fl-opinjoni tagħha, ta’ livell tajjeb ħafna, filwaqt li l-komunikazzjoni mal-kapijiet ta’ diviżjoni l-oħra kienet ta’ spiss “iktar imwiegħra, ibbażata fuq nuqqas ta’ ftehim, xi kultant eżaġerata permezz ta’ posta elettronika ambigwa, li jwasslu għal suspetti u għal akkużi u li jħassru għalhekk ir-relazzjonijiet”.

20      Fl-24 ta’ Mejju 2012, il-kuntratt tar-rikorrenti ġie estiż għal perijodu ta’ erba’ snin, sal-31 ta’ Lulju 2016.

21      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni annwali għas-sena 2012, id-Direttur tas-SATCEN, permezz ta’ nota interna tas-17 ta’ Ottubru 2012, inkariga lill-Assistent Direttur sabiex jiġbor informazzjoni mill-persunal dwar il-korrezzjoni u r-relazzjonijiet umani fi ħdan is-SATCEN. F’din in-nota interna, id-Direttur tas-SATCEN speċifika li kellha tingħata attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal b’responsabbiltajiet ta’ ġestjoni, b’mod partikolari, il-Kapijiet ta’ Diviżjoni, bl-identifikazzjoni, skont il-każ, tas-sitwazzjonijiet potenzjali ta’ pressjoni psikoloġika jew ta’ fastidju, li jistgħu jwasslu, fost il-persunal tagħhom, għal ansjetà, għal telf tal-istima tagħhom innifishom, għal nuqqas ta’ motivazzjoni u anki għal dmugħ.

22      Fl-14 ta’ Novembru 2012, tnax-il membru tal-persunal tas-SATCEN ressqu lment quddiem id-Direttur u l-Assistent Direttur, intiż sabiex jirrapportaw “is-sitwazzjoni diffiċli li [huma] [kienu] qegħdin jiffaċċjaw għal iktar minn tliet snin fit-twettiq tal-attività professjonali [tagħhom] b’mod regolari”, billi speċifikaw li din is-sitwazzjoni “[kienet] tirriżulta mill-aġir u mill-imġiba tal-Kap tad-Diviżjoni Amministrattiva, [KF]”.

23      Fil-bidu tas-sena 2013, l-Assistent Direttur tas-SATCEN implimenta n-nota interna tas-17 ta’ Ottubru 2012 imsemmija iktar ’il fuq dwar il-korrezzjoni u r-relazzjonijiet umani, billi indirizza lil 40 membru tal-persunal tas-SATCEN, minn diversi diviżjonijiet, kwestjonarju li talabhom, permezz ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla, jevalwaw ir-relazzjonijiet umani mal-Kap tad-Diviżjoni tagħhom. Permezz ta’ nota interna tas-7 ta’ Marzu 2013, l-Assistent Direttur tas-SATCEN informa lid-Direttur tas-SATCEN li, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tweġibiet għal dan il-kwestjonarju, “[kien] jidher b’mod ċar li [kienet] teżisti problema reali ta’ relazzjonijiet umani mal-Kap tad-Diviżjoni Amministrattiva, [KF], fid-dawl tat-tweġibiet negattivi ġenerali tal-membri tal-persunal tad-Diviżjoni Amministrattiva”.

24      Permezz ta’ nota interna tat-8 ta’ Marzu 2013, id-Direttur tas-SATCEN talab lill-Assistent Direttur tas-SATCEN, fuq il-bażi tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, li jiftaħ investigazzjoni amministrattiva fil-konfront tar-rikorrenti.

25      L-investigazzjoni amministrattiva ikkonsistiet f’li ntbagħat, fit-12 ta’ Ġunju 2013, kwestjonarju b’għażla multipla lil 24 membru tal-persunal tas-SATCEN, intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk huma kinux iffaċċjaw jew le ċertu tip ta’ aġir min-naħa tar-rikorrenti (bl-indikazzjoni ta’ isimha) u jekk huma kinux ikkonstataw ċerti konsegwenzi fuqhom innifishom jew fuq membri tal-persunal oħra, li jirriżultaw mill-aġir inkwistjoni. Il-kwestjonarji stiednu wkoll lill-membri tal-persunal jipprovdu kwalunkwe xhieda jew kwalunkwe prova sabiex jikkorroboraw it-tweġibiet tagħhom. Il-membri tal-persunal kellhom iwieġbu qabel l-20 ta’ Ġunju 2013 u, mill-24 membru tal-persunal li ġew mistoqsija, 6 ma weġbux.

26      Fil-frattemp, bħala tweġiba għall-evalwazzjoni annwali tagħha għas-sena 2012, li abbażi tagħha l-prestazzjoni ġenerali tagħha reġgħet tqieset bħala insuffuċjenti, ir-rikorrenti kienet, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2013, minn naħa, ikkontestat l-imsemmija evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, talbet lid-Direttur tas-SATCEN jieħu l-miżuri neċessarji sabiex titwaqqaf is-sitwazzjoni ta’ fastidju fil-konfront tagħha.

27      Fit-2 ta’ Lulju 2013, l-Assistent Direttur tas-SATCEN iffinalizza l-investigazzjoni tiegħu, billi kkonkluda li l-fatti kkritikati lir-rikorrenti kienu ġew stabbiliti. Skont ir-rapport ta’ investigazzjoni, ir-rikorrenti adottat aġir “intenzjonali, ripetittiv, sostenibbli jew sistematiku […] intiż sabiex jiskredita jew ixejjen il-persuni kkonċernati”, “peress li dan l-aġir attribwibbli lil [KF] [huwa] ikkonfermat u, fid-dawl tan-natura tiegħu, il-frekwenza tiegħu u l-effett tiegħu fuq ċerti membri tal-persunal, jikkaratterizza fastidju psikoloġiku”.

28      Permezz ta’ posta elettronika tad-Direttur tas-SATCEN tat-3 ta’ Lulju 2013, li magħha kien anness ir-rapport ta’ investigazzjoni, ir-rikorrenti ġiet informata dwar il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva. F’din l-istess posta elettronika, id-Direttur tas-SATCEN sejjaħ lir-rikorrenti għal intervista, fil-5 ta’ Lulju 2013, sabiex titkompla l-proċedura kif prevista fl-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2013, id-Direttur tas-SATCEN innota li, fi tmiem l-investigazzjoni tiegħu, l-Assistent Direttur tas-SATCEN kien wasal għall-konklużjoni li l-aġir ikkritikat lir-rikorrenti kien ġie kkonfermat u li kien jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku, fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-frekwenza tiegħu u tal-effett tiegħu fuq ċerti membri tal-persunal tas-SATCEN. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-raġunijiet u wara li r-rikorrenti nstemgħet fl-istess jum, huwa ddeċieda, minn naħa, li jibda proċeduri dixxiplinari quddiem il-Bord Dixxiplinari fil-konfront tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari”) u, min-naħa l-oħra, li jissospendi lil din tal-aħħar mill-funzjonijiet tagħha filwaqt li rrikonoxxielha ż-żamma tar-remunerazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ sospensjoni”).

30      Fit-23 ta’ Awwissu 2013, id-Direttur tas-SATCEN iddeċieda dwar il-kompożizzjoni tal-Bord Dixxiplinari u informa lir-rikorrenti dwar dan.

31      Fit-28 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ressqet ilment amministrattiv quddiem id-Direttur tas-SATCEN kontra d-deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u ta’ sospensjoni tal-5 ta’ Lulju 2013, kontra d-deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Bord Dixxiplinari tat-23 ta’ Awwissu 2013, kif ukoll kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha d-Direttur tas-SATCEN impliċitament ċaħad it-talba tagħha għal assistenza għal allegat fastidju psikoloġiku.

32      Fil-11 ta’ Settembru 2013, il-kompożizzjoni tal-Bord Dixxiplinari ġiet stabbilita b’mod definittiv, peress li ġie kkonstatat li r-rikorrenti ma kienet ikkontestat l-ebda membru individwali inizjalment maħtur.

33      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ottubru 2013, id-Direttur tas-SATCEN ċaħad l-ilment amministrattiv imressaq mir-rikorrenti fit-28 ta’ Awwissu 2013. Huwa kkunsidra li d-deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u ta’ sospensjoni kienu ġġustifikati mill-informazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva. Fir-rigward tat-talba għal assistenza għal allegat fastidju, id-Direttur tas-SATCEN ikkunsidra li, fi tmiem investigazzjoni preliminari mwettqa bi tweġiba għal din it-talba, l-ebda aġir imputabbli lill-membri tal-persunal tas-SATCEN ma seta’ jikkostitwixxi fastidju fil-konfront tar-rikorrenti.

34      Fil-25 ta’ Ottubru 2013, id-Direttur tas-SATCEN issottometta lill-Bord Dixxiplinari rapport li huwa bagħat ukoll lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

35      Fl-1 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-President tal-Bord Dixxiplinari, li permezz tagħha hija talbet li tibbenefika minn terminu ta’ mill-inqas 45 jum sabiex tipprepara d-difiża tagħha. Hija talbet ukoll kopja tad-dokumenti kollha użati matul l-investigazzjoni amministrattiva, il-konvokazzjoni quddiem il-Bord Dixxiplinari tat-12-il membru tal-persunal li ffirmaw l-ilment kontriha fl-14 ta’ Novembru 2012 u tat-18-il membru tal-persunal li wieġbu għall-kwestjonarju b’għażla multipla fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva u, fl-aħħar nett, l-identità tas-6 membri tal-persunal li rrifjutaw li jwieġbu dan il-kwestjonarju.

36      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2013, il-Kap tal-Amministrazzjoni tas-SATCEN rrifjuta li r-rikorrenti jkollha aċċess għall-posta elettronika tagħha u għal dokumenti oħra mill-kompjuter tagħha kif ukoll għall-mowbajl tax-xogħol tagħha.

37      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2013, il-President tal-Bord Dixxiplinari informa lir-rikorrenti dwar iż-żamma ta’ smigħ quddiem il-Bord Dixxiplinari fit-13 jew fl-14 ta’ Jannar 2014. F’din l-istess ittra, huwa talabha tissottometti l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Bord Dixxiplinari tal-inqas ġimgħa qabel iż-żamma tas-smigħ. Ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fil-21 ta’ Diċembru 2013.

38      Fit-2 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem il-Bord tal-Appell, minn naħa, kontra d-deċiżjoni tad-Direttur tas-SATCEN tal-4 ta’ Ottubru 2013 li tiċħad l-ilment tagħha kontra d-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni, ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza u, min-naħa l-oħra, kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2013 imsemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq.

39      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti talbet ir-rapport tas-smigħ lill-President tal-Bord Dixxiplinari. Hija indikat ukoll l-isem tat-tlettax-il xhieda li hija kienet talbet il-konvokazzjoni tagħhom.

40      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2013, il-President tal-Bord Dixxiplinari żamm id-data tas-smigħ għat-13 jew għall-14 ta’ Jannar 2014 u informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tiegħu li jinstemgħu tnejn mix-xhieda li hija kienet talbet.

41      Permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti talbet lill-President tal-Bord Dixxiplinari jirriżenja mill-funzjoni tiegħu bħala membru tal-imsemmi bord, fid-dawl tal-involviment tiegħu fil-proċedura li tirrigwardaha. Ir-rikorrenti rrepetiet ukoll it-talba tagħha għas-smigħ ta’ xhieda u enfasizzat li ma bbenefikat minn ebda spjegazzjoni dwar il-kriterji adottati għaċ-ċaħda ta’ din it-talba.

42      Fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem id-Direttur tas-SATCEN kontra d-deċiżjoni tal-Bord Dixxiplinari tas-16 ta’ Diċembru 2013 imfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq.

43      Wara s-smigħ, li seħħ fit-13 ta’ Jannar 2014, il-Bord Dixxiplinari ħareġ opinjoni motivata fl-4 ta’ Frar 2014, li permezz tagħha, minn naħa, ikkunsidra b’mod unanimu li l-rikorrenti ma kinitx osservat l-obbligi professjonali tagħha u, min-naħa l-oħra, issuġġerixxa li hija titniżżel mill-inqas żewġ gradi, sabiex ma tibqax tokkupa pożizzjoni b’responsabbiltajiet maniġerjali.

44      Wara li r-rikorrenti nstemgħet fil-25 ta’ Frar 2014, id-Direttur tas-SATCEN, fit-28 ta’ Frar 2014, irrevokaha minħabba raġunijiet dixxiplinari (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ revoka”), liema deċiżjoni kellha tidħol fis-seħħ fi żmien xahar minn din id-data. F’din id-deċiżjoni, id-Direttur tas-SATCEN ikkunsidra dan li ġej:

“Fid-dawl tal-gravità tan-nuqqas tiegħek kif jirriżulta mir-rapport tad-Direttur lill-Bord Dixxiplinari, kif ikkonfermat mill-opinjoni motivata tal-Bord Dixxiplinari, u minħabba l-impossibbiltà li tiġi kklassifikata mill-ġdid għal livell u responsabbiltà proposti fl-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, u tar-rifjut ta’ rikonoxximent tiegħek li l-aġir tiegħek ma kienx xieraq, jiena niddeċiedi, skont l-Artikolu 7 tal-Anness IX [tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN] li nimponi fuqek is-sanzjoni li ġejja:

–        revoka, li twassal għat-tmiem tal-kuntratt tiegħek mas-SATCEN.

Il-kuntratt [tiegħek] jintemm, skont l-Artikolu 7(3)(a)(vii), tar-[Regolamenti tal-persunal tas-SATCEN], fi żmien xahar mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.”

45      Id-deċiżjoni ta’ revoka kienet is-suġġett ta’ lment amministrattiv imressaq mir-rikorrenti fis-17 ta’ April 2014, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur tas-SATCEN tal-4 ta’ Ġunju 2014. Fit-12 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti kkontestat id-deċiżjoni ta’ revoka quddiem il-Bord tal-Appell.

46      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord tal-Appell”), innotifikata lir-rikorrenti fit-23 ta’ Marzu 2015, il-Bord tal-Appell ċaħad it-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni. Barra minn hekk, wara li ċaħad il-motivi kollha mqajma mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni ta’ revoka, il-Bord tal-Appell annulla parzjalment l-imsemmija deċiżjoni, biss fir-rigward tad-data ta’ dħul fis-seħħ tagħha li kienet ġiet iffissata għall-31 ta’ Marzu u mhux għall-4 ta’ April 2014.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

47      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

48      Permezz ta’ att separat ippreżentat fl-4 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti talbet il-benefiċċju tal-anonimat, li ngħatalha permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Lulju 2015.

49      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2016, meħuda skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura, u wara li ġie permess lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali ssospendiet din il-kawża sad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-kawża C‑455/14 P, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni. Wara l-għoti tas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑455/14 P, EU:C:2016:569), il-proċedura tkompliet.

50      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ April 2016, il-Kunsill talab sabiex jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tas-SATCEN.

51      Wara t-tluq tal-Imħallef Relatur inizjalment assenjat, din il-kawża ġiet fdata f’idejn Imħallef Relatur ieħor, assenjat lid-Disa’ Awla, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata.

52      Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Ottubru 2016, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tal-Kunsill.

53      Fis-17 ta’ Lulju 2017, il-Qorti Ġenerali rrinvjat il-kawża quddiem id-Disa’ Awla Estiża.

54      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza tagħha, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, id-deċiżjoni ta’ revoka u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”);

–        skont il-każ, tannulla, minn naħa, id-deċiżjoni tad-Direttur tas-SATCEN tal-4 ta’ Ottubru 2013 li tiċħad l-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza tagħha, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u d-deċiżjoni ta’ sospensjoni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tad-Direttur tas-SATCEN tal-4 ta’ Ġunju 2014 li tiċħad l-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni ta’ revoka;

–        tikkundanna lis-SATCEN tħallasha somma korrispondenti għas-salarji mhux imħallsa bħala dannu materjali u s-somma ta’ EUR 500 000 bħala dannu morali mġarrab;

–        tikkundanna lis-SATCEN għall-ispejjeż, flimkien mal-interessi kkalkolati bir-rata ta’ 8 %.

55      Is-SATCEN jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni ppreżentati mir-rikorrenti, “fid-dawl tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-UE li tkun adita”;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

56      Il-Kunsill, waqt is-seduta, sostna, essenzjalment, l-ewwel kap tat-talbiet tas-SATCEN.

III. Id-dritt

57      Dan ir-rikors jikkonsisti f’talba għal annullament u talba għad-danni.

58      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni fis-sens tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, is-SATCEN jeċċepixxi, minn naħa, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Generali, u, min-naħa l-oħra, essenzjalment, l-inammissibbiltà tar-rikors.

A.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

59      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors tagħha, billi enfasizzat li għalkemm, ċertament, is-SATCEN ġie stabbilit minn azzjoni konġunta tal-Kunsill, il-kontenzjuż relatat ma’ dan l-organu ma jaqax taħt l-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-PESK, prevista fl-Artikolu 24(1) TUE u fl-Artikolu 275 TFUE.

60      F’dan is-sens, ir-rikorrenti tirrileva, qabelxejn, li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma purament amministrattivi jew dixxiplinari u jirrigwardaw il-ġestjoni tal-persunal. Għaldaqstant, tali deċiżjonijiet huma b’mod ċar distinti minn miżuri politiċi jew strateġiċi meħuda fil-kuntest tal-PESK, peress li dawn tal-aħħar biss huma kkonċernati mill-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni.

61      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni li jaġixxu fil-kuntest tal-PESK għandhom josservaw il-prinċipji kostituzzjonali u d-drittijiet fundamentali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha bħala missjoni li tiżgura l-osservanza tagħhom. Peress li din it-tilwima tirrigwarda d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni.

62      Għal dan il-għan, il-ġurisdizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tieħu mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri restrittivi għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkonċerna kull deċiżjoni li fiha ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ persuna fiżika huwa allegat u, għaldaqstant, li tapplika għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

63      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tenfasizza li l-ebda rimedju ġuridiku quddiem qorti nazzjonali ma kien miftuħ għaliha u li, peress li t-Trattati stabbilixxew sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri, ma jistax jiġi aċċettat li deċiżjonijiet, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, jevitaw minn kull stħarriġ ġudizzjarju.

64      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-possibbiltà li tressaq azzjoni quddiem il-Bord tal-Appell kompetenti sabiex jeżamina t-talbiet tagħha, skont ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, ma tistax tiġi assimilata ma’ rimedju ġudizzjarju, fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

65      Is-SATCEN isostni, min-naħa tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha, bħala istituzzjoni tal-Unjoni, tosserva l-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi. Għaldaqstant, sa fejn l-ebda dispożizzjoni tat-Trattati ma tagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq it-tilwimiet bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu, il-Qorti Ġenerali għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha, sakemm ma tiksirx il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi bl-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn minn dik stabbilita fit-Trattati.

66      Insostenn tal-argument tiegħu, is-SATCEN jenfasizza li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huwa possibbli għal istituzzjoni tal-Unjoni, meta toħloq korp jew organu, li tafda l-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati mill-imsemmi korp jew organu lil qorti oħra minbarra l-qorti tal-Unjoni.

67      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju tippermetti lill-Kunsill jipprevedi, fl-Artikolu 28(6) tar-Regolament tal-Persunal tas-SATCEN, il-ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Appell sabiex jiddeċiedi dwar it-tilwimiet bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu.

68      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell jikkostitwixxi qorti speċjali, li l-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha, awtorizzata mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tipprekludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jiddeċiedu dwar din it-tilwima.

69      L-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwimiet bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu hija kkorroborata mid-Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 2001, dwar il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lill-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji dwar is-Sigurtà u liċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, u lill-korpi u l-persunal tagħhom, li l-Artikolu 6 tagħha jipprevedi li l-membri tal-persunal tas-SATCEN għandhom igawdu minn immunità ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-atti adottati fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħhom.

70      Din id-deċiżjoni tirrifletti r-rieda espliċita tal-Istati Membri li jeskludu mill-ġurisdizzjoni kemm tal-qrati nazzjonali kif ukoll minn dawk tal-Unjoni t-tilwimiet dwar l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom mill-membri tal-persunal tas-SATCEN. Is-SATCEN jenfasizza li, kuntrarjament għall-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266), li jipprevedi l-immunità mill-ġurisdizzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Unjoni filwaqt li jissottometti għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja t-tilwimiet bejniethom u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-deċiżjoni msemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq ma tipprevedix tali ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-SATCEN.

71      Is-SATCEN iżid, abbażi tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753), li d-deċiżjonijiet adottati fil-qasam tal-PESK, iżda marbuta ma’ nefqa amministrattiva, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss fil-preżenza ta’ deċiżjonijiet imputabbli lill-baġit tal-Unjoni. Għalhekk, f’dan il-każ, peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jaqgħux taħt il-baġit tal-Unjoni, iżda taħt il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, minbarra d-Danimarka, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi eskluża.

72      Is-SATCEN jirrileva wkoll, fil-kontroreplika, li bħala prinċipju l-qrati tal-Unjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-PESK. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss meta d-deċiżjoni li toħloq korp jew organu li jaġixxi fil-qasam tal-PESK, jew ir-Regolamenti tal-Persunal tiegħu, jipprevedu espliċitament il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għat-tilwimiet bejn l-imsemmi korp jew organu u l-membri tal-persunal tiegħu.

73      Issa, fil-kuntest tas-SATCEN, la l-att li permezz tiegħu ġie stabbilit u lanqas ir-Regolamenti tal-Persunal tiegħu ma jagħtu ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti adottati fil-konfront tal-membri tal-persunal tagħha.

74      Fir-replika, ir-rikorrenti tqis li l-argument tas-SATCEN huwa kkontestat mis-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑455/14 P, EU:C:2016:569).

75      Skont ir-rikorrenti, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 24 TUE u tal-Artikolu 275 TFUE ma setax jestendi għal deċiżjonijiet meħuda fil-qasam ta’ kunflitt fuq ix-xogħol. Għaldaqstant, atti ta’ ġestjoni tal-persunal, minkejja li ġew adottati fil-kuntest tal-PESK, ma jaħarbux mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni.

76      Ir-rikorrenti żżid, abbażi tal-punt 55 tas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑455/14 P, EU:C:2016:569), li n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni f’dan il-każ, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, iwassal għal differenza fit-trattament bejn il-membri tal-persunal tas-SATCEN u l-membri tal-persunal ta’ organi oħra tal-PESK, bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Hija għalhekk issostni li l-membri tal-persunal marbuta ma’ dawn l-organi għandhom il-possibbiltà li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja.

77      Is-SATCEN isostni għall-kuntrarju li jirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑455/14 P, EU:C:2016:569), li, fin-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni espressa tal-qrati tal-Unjoni kif indikat fil-punt 72 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni biss, fil-qasam tal-PESK, sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti ta’ ġestjoni tal-membri tal-persunal relatati ma’ membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri, sabiex jiġi evitat kwalunkwe ksur tal-ugwaljanza fil-konfront tal-esperti kkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolamenti tal-Persunal”).

78      Għaldaqstant, is-soluzzjoni tas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑455/14 P, EU:C:2016:569), ma hijiex trasponibbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, li hija membru tal-persunal bil-kuntratt tas-SATCEN u mhux espert nazzjonali kkollokat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni.

79      Is-SATCEN iżid li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lanqas ma kien ikollha ġurisdizzjoni fil-preżenza ta’ espert nazzjonali kkollokat mas-SATCEN, sa fejn tali ġurisdizzjoni ma hijiex prevista mid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tiegħu dwar l-esperti nazzjonali kkollokati tat-18 ta’ Lulju 2007.

80      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK kif ukoll l-atti adottati abbażi tagħhom (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24(1) TUE jiddefinixxi l-PESK bħala li jkopri l-oqsma kollha tal-politika estera kif ukoll il-kwistjonijiet kollha dwar is-sigurtà komuni tal-Unjoni, inkluż it-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni li tista’ twassal għal difiża komuni.

82      F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati mid-Direttur u mill-Bord tal-Appell tas-SATCEN, organu rregolat mid-Deċiżjoni 2014/401, adottata fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 28 TUE, dwar l-azzjonijiet operazzjonali tal-Unjoni u tal-Kapitolu 2, Titolu V, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-PESK. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mit-tieni premessa u mill-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, il-missjoni tas-SATCEN tikkonsisti, essenzjalment, fil-provvista lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-prodotti u tas-servizzi li jirriżultaw mill-operazzjoni ta’ mezzi ta’ osservazzjoni spazjali u tal-avjazzjoni, b’appoġġ għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK.

83      Għaldaqstant, il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jaqgħu fil-kuntest tal-funzjonament ta’ organu li jaġixxi fil-qasam tal-PESK ma jistax, waħdu, jimplika li l-qrati tal-Unjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar din it-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni,C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Fil-fatt, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jintroduċu deroga għar-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni tat-Trattati u għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni,C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Bl-istess mod, għalkemm l-Artikolu 47 tal-Karta ma jistax joħloq ġurisdizzjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja meta t-Trattati jeskluduha, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika madankollu li l-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 74).

86      Barra minn hekk, kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 2 TUE, li jinsab fid-dispożizzjonijiet komuni ta’ dan it-trattat, kif ukoll mill-Artikolu 21 TUE, li jirrigwarda l-azzjoni esterna tal-Unjoni, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 23 TUE, dwar il-PESK, l-Unjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-valuri ta’ ugwaljanza u tal-Istat tad-dritt. Issa, l-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza ta’ tali Stat tad-dritt (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      F’dan il-każ, ir-rikorrenti, skont il-kuntratt ta’ xogħol tagħha, ġiet irreklutata sabiex twettaq il-funzjonijiet ta’ Kap tad-Diviżjoni Amministrattiva tas-SATCEN.

88      Permezz ta’ dan ir-rikors, hija tfittex, qabelxejn, li tikseb l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni, ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u ta’ revoka, li permezz tagħhom id-Direttur tas-SATCEN issospendiha mill-funzjonijiet taghħa, beda proċeduri dixxiplinari fil-konfront tagħha u temm il-kuntratt tagħha għal raġunijiet dixxiplinari, rispettivament. Sussegwentement, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li kkonfermat, essenzjalment, it-tliet deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali l-annullament tad-deċiżjoni li biha d-Direttur tas-SATCEN impliċitament ċaħad it-talba tagħha għal assistenza, minħabba allegat fastidju psikoloġiku fil-konfront tagħha. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti titlob il-kumpens għad-danni materjali u morali li hija ġarrbet minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

89      Id-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni u ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari seħħew sussegwentement għal investigazzjoni amministrattiva, wara lment ta’ tnax-il membru tal-persunal tas-SATCEN dwar l-ambjent diffiċli fid-Diviżjoni Amministrattiva u fit-Taqsima Finanzjarja, imputabbli, skont il-lanjanti, lir-rikorrenti u għall-fatt li din tal-aħħar kienet ta’ kuljum f’kunflitt mal-kollegi tagħha billi kienet tikkritikahom b’mod kostanti, tant li xi wħud minnhom kienu vittmi ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tagħha. Fil-kuntest tal-investigazzjoni, sussegwentement tal-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari, diversi membri tal-persunal tad-Diviżjoni Amministrattiva u tat-Taqsima Finanzjarja tas-SATCEN ippreżentataw tweġibiet għal kwestjonarju u xhieda intiża sabiex jikkorroboraw din il-kritika. Bl-istess mod, il-kapijiet ġerarkiċi tar-rikorrenti, fir-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar, għas-snin 2010 sal-2012, qiegħdu fid-dubju l-kompetenzi maniġerjali tagħha u l-ġestjoni tagħha tar-relazzjonijiet umani fuq ix-xogħol, li regolarment kienu sors ta’ kunflitti.

90      Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ revoka tar-rikorrenti, din kienet immotivata, kif jirriżulta mill-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, li għaliha tirreferi din id-deċiżjoni, mill-kritika magħmula lir-rikorrenti li, essenzjalment, b’mod ripetut, adottat aġir mhux xieraq, b’mod partikolari għajjat, kummenti ta’ tmaqdir u vessatorji, kif ukoll kummenti intimidanti fil-konfront ta’ membri tal-persunal tad-Diviżjoni Amministrattiva u tat-Taqsima Finanzjarja tas-SATCEN.

91      Minn dan isegwi li d-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ sospensjoni, ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u ta’ revoka jikkostitwixxu atti ta’ sempliċi ġestjoni tal-persunal li, fid-dawl tal-iskopijiet u tal-għanijiet tagħhom, kif ukoll tal-kuntest tal-adozzjoni tagħhom, ma kellhomx l-għan li jikkontribwixxu għat-tmexxija, għad-definizzjoni jew għall-implimentazzjoni tal-PESK fis-sens tal-Artikolu 24(2) TUE u lanqas, b’mod partikolari, sabiex jindirizzaw il-missjonijiet tas-SATCEN li jaqgħu taħt il-PESK, imfakkra fil-punti 7 u 82 iktar ’il fuq. L-istess konklużjoni għandha tiġi applikata għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li adotta deciżjoni legalment vinkolanti li tikkonferma, essenzjalment, it-tliet deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, skont il-prerogattivi mogħtija lilu mir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN (ara l-punti 13 u 14 iktar iktar ’il fuq).

92      L-istess japplika fir-rigward tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza. Fil-fatt, din it-talba għal assistenza saret fil-kuntest tal-proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrenti, peress li hija kienet issostni, essenzjalment, li l-akkużi li l-aġir tagħha kien is-suġġett kienu jaqgħu taħt sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku fil-konfront tagħha, u li fir-rigward tagħha hija kienet talbet għajnuna mis-SATCEN.

93      Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jipprevedu, fil-Kapitolu VII u fl-Anness IX tagħhom, sistema dixxiplinari li tixbah dik prevista fit-Titolu VI u fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward kemm tal-investigazzjoni amministrattiva u tal-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari kif ukoll kategoriji ta’ sanzjonijiet u elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata s-sanzjoni xierqa. Bl-istess mod, it-Taqsima 6 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN tipprevedi, f’termini sostanzjalment identiċi għal dawk tat-Taqsima 6 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ membru tal-persunal li jkun is-suġġett ta’ akkuża ta’ nuqqas serju.

94      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 28(1) sa (3) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jipprevedi proċedura ta’ lment amministrattiv quddiem id-Direttur tas-SATCEN, li għandu jiġi rrikonoxxut li għandha għan paragunabbli mal-proċedura prekontenzjuża stabbilita mill-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsolvu t-tilwima tagħhom bi ftehim bonarju.

95      Għandu jiġi għalhekk ikkonstatat li din it-tilwima tixbah tilwimiet bejn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li ma jaqgħux taħt il-PESK u wieħed mill-uffiċjali jew membri tal-persunal tagħhom, li jistgħu jitressqu quddiem il-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 270 TFUE, li jipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi kwalunkwe tilwima bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, EU:T:2001:72, punt 54).

96      Issa, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-deroga għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea prevista fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, hija daqshekk estiża li teskludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ atti bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, ta’ organu tal-Unjoni, filwaqt li l-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ atti identiċi fir-rigward tal-kontenut tagħhom, l-għanijiet li huma jfittxu, il-proċedura li twassal għall-adozzjoni tagħhom u l-kuntest li fih ġew adottati, meta tali atti jikkonċernaw istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li l-missjoni tagħhom ma għandhiex x’taqsam mal-PESK (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni,C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 55).

97      Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tkun teskludi lill-membru tal-persunal ta’ organu tal-Unjoni li jaqa’ taħt il-PESK mis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja offruta lill-membri tal-persunal tal-Unjoni, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, X vs BĊE, T‑333/99, EU:T:2001:25, punti 38 sa 40).

98      L-interpretazzjoni adottata fil-punt 96 iktar ’il fuq hija kkorroborata, minn naħa, mill-possibbiltà għas-SATCEN, prevista fl-Artikolu 8(3), tad-Deċiżjoni 2014/401, li jilqa’ uffiċjali kkollokati tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li, kif irrikonoxxa s-SATCEN matul is-seduta, jistgħu, matul il-perijodu ta’ kollokament tagħhom, jadixxu lill-qrati tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 270 TFUE. Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jiddeċiedu, skont l-Artikolu 11(3)(a) u (6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta’ Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (ĠU 2015, L 266, p. 55), fuq ir-rikorsi ppreżentati mill-membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ din l-aġenzija, u sabiex jiddeċiedu, bis-saħħa tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-[SEAE] (ĠU 2010, L 201, p. 30), fuq ir-rikorsi ppreżentati mill-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-SEAE (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni,C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 56).

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-tilwima. Din il-ġurisdizzjoni tirriżulta, rispettivament, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, mill-Artikolu 263 TFUE, u, fir-rigward tat-talbiet intiżi għall-implimentazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, mill-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 58).

100    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa mis-SATCEN.

101    Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tas-SATCEN ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN li jipprevedu l-ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Appell sabiex jiddeċiedi fuq it-tilwimiet bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tagħha.

102    Ċertament, kif enfasizza l-Kunsill waqt is-seduta, il-mekkaniżmu tal-Bord tal-Appell bħala korp ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn is-SATCEN u l-persunal tiegħu huwa dovut għall-ispeċifiċità tas-SATCEN, inizjalment marbut mal-UEP, organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva, sussegwentement, mill-1 ta’ Jannar 2002, mal-Unjoni kif stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (ara l-punti 1 sa 3 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni tal-persunal tas-SATCEN ma setgħetx tiġi assimilata ma’ dik tal-membri tal-persunal tal-Komunità Ewropea, li huma biss jistgħu jieħdu azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 236 KE (li sar l-Artikolu 270 TFUE), li seta’ jagħti motivazzjoni, fi ħdan is-SATCEN, għall-istabbiliment ta’ organu bħalma huwa l-Bord tal-Appell, li għandu ġurisdizzjoni għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet fil-qasam tax-xogħol. Madankollu, tali differenza fit-trattament ma kinitx tidher li hija iktar iġġustifikata wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, li minnu jirriżulta li l-Unjoni tissostitwixxi u hija s-suċċessur tal-Komunità (Artikolu 1 TUE) u, għaldaqstant, li l-membri tal-persunal kollha tal-Unjoni, li jaqgħu taħt il-Komunità ta’ qabel jew tal-Unjoni kif stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jistgħu jitqiegħdu f’sitwazzjoni simili. It-tilwimiet bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu jistgħu għalhekk, issa, jiġu assimilati mat-tilwimiet bejn kwalunkwe membru tal-persunal tal-Unjoni u l-persuna li timpjegah (ara l-punti 91 sa 99 iktar ’il fuq).

103    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill matul is-seduta, għandu jitfakkar li l-Kunsill għażel li, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/411/PESK tat-12 ta’ Lulju 2011 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operattivi tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2004/551/PESK (ĠU 2011, L 183, p. 16), itemm il-ġurisdizzjoni ta’ “Bord tal-Appell” sabiex jiddeċiedi fuq it-tilwimiet bejn l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-membri tal-persunal bil-kuntratt tagħha, li qabel kienet prevista fit-Titolu VII tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/676/KE tal-24 ta’ Settembru 2004 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (ĠU L 142M, p. 353). Fil-fatt, id-Deċiżjoni 2011/411, li r-raba’ premessa tagħha kienet tispeċifika li hija kienet intiża li “jittieħed kont tal-emendi fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona”, stabbilixxiet, fl-Artikolu 11(4) tagħha, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ tali tilwimiet.

104    Fit-tieni lok, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tas-SATCEN li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jilleġittima l-possibbiltà li l-Kunsill jagħti lill-Bord tal-Appell ġurisdizzjoni esklużiva, bl-esklużjoni ta’ dik tal-Qorti Ġenerali, sabiex jiddeċiedi fuq it-tilwimiet bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu.

105    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 19 TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati. Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 256(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi msemmija fl-Artikoli 263, 265, 268, 270 u 272 TFUE, bl-eċċezzjoni ta’ dawk assenjati lil qorti speċjalizzata stabbilita taħt l-Artikolu 257 TFUE tal-istess Trattat, u ta’ dawk li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżerva għall-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, l-Artikoli 263 u 268 TFUE huma l-bażi tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddieċiedi din it-tilwima (ara l-punt 99 iktar ’il fuq).

106    Ċertament, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-atti li jistabbilixxu korpi jew organi tal-Unjoni jistgħu jipprevedu kundizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar ir-rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta’ dawn il-korpi jew organi intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom.

107    Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni s-SATCEN, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tagħti lill-Kunsill, fid-deċiżjoni tiegħu dwar ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, id-dritt li jeskludi minn kull stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati tal-Unjoni l-atti adottati mid-Direttur tas-SATCEN u intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fil-kuntest tal-funzjonament intern tiegħu, bl-għoti lill-Bord tal-Appell tal-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jiddeċiedi “[mingħajr] ebda appell minnhom” dwar it-tilwim bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu, kif indikat fl-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN. L-aċċettazzjoni ta’ tali interpretazzjoni tippreġudika l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni li jiġi żgurat “li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati”, kif meħtieġ skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Kif ammetta l-Kunsill waqt is-seduta, il-“kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari” fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma intiżi għall-istabbiliment, minn korp jew organu tal-Unjoni, ta’ kundizzjonijiet u ta’ arranġamenti purament interni, qabel ma jsir rimedju ġudizzjarju, li jirregolaw, b’mod partikolari, il-funzjonament ta’ mekkaniżmu ta’ awtosorveljanza jew l-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ ftehim bonarju sabiex tiġi evitata kawża quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Settembru 2013, European Dynamics Luxembourg et vs UASI, T‑556/11, EU:T:2013:514, punti 59 u 60).

108    Issa, mill-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jirriżulta li l-Bord tal-Appell jeżerċita, b’mod obbligatorju u esklużiv, l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tad-Direttur tas-SATCEN u li jista’ wkoll jiddeċiedi dwar it-talbiet għal kumpens imressqa minn membri tal-persunal tas-SATCEN.

109    Minn dan isegwi li l-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN huwa inkompatibbli mat-Trattati, u b’mod partikolari, mal-Artikolu 19 TUE u mal-Artikolu 256 TFUE, sa fejn jipprevedi li l-Bord tal-Appell għandu, b’mod obbligatorju u esklużiv, ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi t-tilwim bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu, minkejja li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza ta’ dan it-tip ta’ rikors.

110    F’dan il-kuntest, l-argument imressaq mis-SATCEN, li l-Bord tal-Appell jissodisfa l-kriterji ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, huwa irrilevanti. Fil-fatt, peress li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet bħal dawk tad-Direttur tas-SATCEN u tiddeċiedi fuq it-talba għal kumpens tar-rikorrenti, ma jistax jiġi aċċettat li tali korp, anki jekk ikun indipendenti u imparzjali, jista’ jeżerċita dawn il-kompiti minflok il-qorti tal-Unjoni.

111    Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tas-SATCEN li, essenzjalment, permezz tad-deċiżjoni tagħhom tal-15 ta’ Ottubru 2001 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tas-SATCEN, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, kellhom l-intenzjoni li jeskludu kompletament il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

112    Fil-fatt, din id-deċiżjoni tikkonċerna biss il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lis-SATCEN u lill-membri tal-persunal tiegħu mill-Istati Membri, fi ħdan l-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom u, għaldaqstant, ma għandha l-ebda rabta mal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-fatt li tali deċiżjoni ma tirriżervax il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għat-tilwim bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu, kuntrarjament għall-Artikolu 11(a), tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, fir-rigward tat-tilwim bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, ma jistax jimplika li l-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu konjizzjoni tat-tilwim bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu.

113    Fir-raba’ lok, l-argument tas-SATCEN ibbażat fuq is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753), u bbażat fuq in-nuqqas ta’ imputabbiltà tad-deċiżjonijiet ikkontestati għall-baġit tal-Unjoni għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, f’din l-aħħar kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisdizzjoni tagħha f’sitwazzjoni speċifika, jiġifieri dik ta’ miżuri meħuda fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi f’kuntest tal-PESK, u li wasslet għal spejjeż koperti mill-baġit tal-Unjoni. Issa, il-fatt li din il-kawża ma għandhiex x’taqsam ma’ din is-sitwazzjoni ma jippermettix li tiġi eskluża l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan il-każ, peress li din il-ġurisdizzjoni tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 88 sa 99 iktar ’il fuq.

114    Il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kapijiet kollha tat-talbiet imressqa mir-rikorrenti.

B.      Fuq l-ammissibbiltà

115    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li t-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom id-Direttur tas-SATCEN ċaħad l-ilmenti tagħha kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, ta’ sospensjoni u revoka, għandhom jitqiesu li huma intiżi kontra dawn l-erba’ l-aħħar deċiżjonijiet. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita dwar il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandha l-istess għan bħall-Artikolu 28(1) sa (3) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN (ara l-punt 94 iktar ’il fuq), l-ilment ta’ membru tal-persunal u ċ-ċaħda tiegħu mill-awtorità kompetenti jifformaw parti integrali minn proċedura kumplessa, b’tali mod li r-rikors, għalkemm huwa formalment intiż kontra ċ-ċaħda tal-ilment tal-membru tal-persunal, għandu bħala effett li jadixxi lill-Qorti Ġenerali bl-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu tressaq l-ilment (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2000, De Palma et vs Il-Kummissjoni, T‑203/99, EU:T:2000:213, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Sussegwentement, fir-risposta tiegħu, is-SATCEN jeċċepixxi, essenzjalment, l-inammissibbiltà tat-talbiet kollha għal annullament u għad-danni, billi jqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati rispettivament fuq ir-rabta ta’ impjieg bejn ir-rikorrenti u s-SATCEN, u n-natura kuntrattwali tat-tilwima.

117    Fl-aħħar nett, sussidjarjament, is-SATCEN jeċċepixxi l-inammissibbiltà, l-ewwel nett, tat-talbiet intiżi kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, it-tieni nett, tat-talbiet intiżi kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u, it-tielet nett, kontra l-argumenti intiżi kontra l-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari.

1.      Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq ir-rabta ta’ impjieg bejn ir-rikorrenti u s-SATCEN

118    Is-SATCEN isostni li r-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad lir-rikorrenti mas-SATCEN tipprekludi, minn naħa, li hija tiġi kkwalifikata bħala terz fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u, min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

119    Skont is-SATCEN, għandha ssir distinzjoni bejn ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, fuq il-bażi tal-Artikoli 263, 268 u 340 TFUE, u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tilwimiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, prevista fl-Artikolu 270 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-distinzjoni hija ġġustifikata mir-rabta ta’ impjieg eżistenti bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha u għandha għalhekk tapplika, b’analoġija, għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Għaldaqstant din tal-aħħar ma tistax tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi tal-Artikoli 263, 268 u 340 TFUE, u dan anki jekk ir-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 270 TFUE ma huwiex iktar disponibbli għaliha, peress li r-Regolamenti tal-Persunal ma humiex applikabbli għall-membri tal-persunal tas-SATCEN.

120    Madankollu, għandu jiġi osservat qabelxejn li l-argument tas-SATCEN huwa bbażat fuq premessa żbaljata, peress li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 99 iktar ’il fuq, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq din il-kawża hija bbażata fuq l-Artikoli 263 u 268 TFUE.

121    Ċertament, kif tenfasizza s-SATCEN, ir-rabta ta’ impjieg bejn ir-rikorrenti u dan tal-aħħar tagħti natura partikolari lil din it-tilwima. Bħala prinċipju, tali rabta timplika li t-tilwima bejn il-membru tal-persunal ta’ organu tal-Unjoni u min jimpjegah ma taqax taħt l-Artikoli 263, 268 u 340 TFUE, iżda taħt l-Artikolu 270 TFUE.

122    Xorta jibqa’ l-fatt li, kif enfasizzaw il-partijiet, l-Artikolu 270 TFUE ma huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq kull tilwima bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, fil-limiti u taħt il-kundizzjonjijiet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”). F’dan ir-rigward, minn qari flimkien tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 1a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 3a(1)(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta, li dawn ir-regolamenti huma applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ korp jew organu tal-Unjoni biss jekk l-att li jistabbilixxi l-imsemmi korp jew organu jipprevedih. Issa, fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-SATCEN, la d-Deċiżjoni 2014/401 u lanqas ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN ma jipprevedu l-applikabbiltà tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

123    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tas-SATCEN, ir-rikors għal annullament tar-rikorrenti jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE u t-talba tagħha għal implimentazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, taqa’ taħt dak tal-Artikolu 268 TFUE.

2.      Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura kuntrattwali ta’ din it-tilwima

124    Is-SATCEN isostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli, sa fejn huwa ta’ natura purament kuntrattwali, peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq il-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti.

125    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-qrati tal-Unjoni jistħarrġu biss il-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti fil-konfront ta’ terzi, peress li jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom, u li din il-ġurisdizzjoni tikkonċerna biss l-atti indikati fl-Artikolu 288 TFUE li dawn l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw taħt il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat, bl-użu tal-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika. Għall-kuntrarju, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jaqgħu f’kuntest purament kuntrattwali u li huma indissoċjabbli minnu ma humiex imsemmija, minħabba n-natura tagħhom, fost l-atti indikati fl-Artikolu 288 TFUE, li l-annullament tagħhom jista’ jintalab skont l-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2013, GRP Security vs Qorti tal-Awdituri, T‑87/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:161, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2014/401, il-persunal tas-SATCEN huwa b’mod partikolari kkostitwit minn membri tal-persunal bil-kuntratt. Huwa għalhekk li r-rikorrenti ġiet irreklutata permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol, li huwa r-riżultat ta’ qbil ta’ volontà bejn il-partijiet. Ir-rabta ta’ impjieg bejn ir-rikorrenti u s-SATCEN tippreżenta għalhekk natura kuntrattwali.

127    Madankollu, il-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti ġie konkluż ma’ organu tal-Unjoni, li għandu kariga ta’ interess ġenerali u li għalih il-Kunsill huwa awtorizzat permezz tal-Artikolu 8(5) tad-Deċiżjoni 2014/401 li jadotta ir-“Regolamenti tal-Persunal”. Huwa fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni identika li l-Kunsill, fil-kuntest tal-Azzjoni Konġunta 2001/555, permezz tad-Deċiżjoni 2009/747, adotta r-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN għandhom japplikaw għal kull membru tal-persunal irreklutat b’kuntratt mis-SATCEN.

128    Għaldaqstant, anki jekk ir-rabta ta’ impjieg bejn is-SATCEN u l-membri tal-persunal tiegħu hija ta’ natura kuntrattwali, xorta jibqa’ l-fatt li dawn tal-aħħar jinsabu f’sitwazzjoni legali stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

129    Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, adottati b’mod unilaterali mill-Kunsill, li ma kienx parti għall-kuntratt ta’ xogħol konkluż mir-rikorrenti, huma applikabbli b’mod obbligatorju għaliha kif ukoll għal kull membru tal-persunal ieħor bil-kuntratt tas-SATCEN u huma inklużi fil-kuntratt ta’ xogħol tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Pflugradt vs BĊE, C-409/02 P, EU:C:2004:625, punti 34 u 35). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-punt 14 tal-offerta ta’ impenn proposta lir-rikorrenti, u ffirmata minn din tal-aħħar, kien jispeċifika li “din l-offerta ta’ impenn, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ impjieg, [kienu] rregolati mir-[Regolamenti tal-persunal tas-SATCEN] […] u minn kwalunkwe modifika sussegwenti għalihom, li [kienu] jifformaw parti integrali minn din l-offerta”.

130    Issa, din it-tilwima toriġina min-nuqqasijiet allegati tar-rikorrenti għall-obbligi professjonali tagħha, kif previsti fir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN. Barra minn hekk, huwa abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN li d-Direttur tas-SATCEN eżerċita s-setgħat dixxiplinari tiegħu fil-konfront tar-rikorrenti. Dawn is-setgħat jaqgħu taħt il-kompetenza tad-Direttur tas-SATCEN għall-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-persunal, kif jirriżulta mill-punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(6) tad-Deċiżjoni 2014/401.

131    Minn dan isegwi li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni u tad-deċiżjoni ta’ revoka, id-Direttur tas-SATCEN sempliċement applika r-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, li jmorru lil hinn mir-rabta kuntrattwali tar-rikorrenti mas-SATCEN. Issa, din it-tilwima tirrigwarda l-legalità stess ta’ dawn id-deċiżjonijiet tad-Direttur tas-SATCEN kif ukoll id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li, essenzjalment, ċaħad ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni u d-deċiżjoni ta’ revoka.

132    L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura kuntrattwali ta’ din it-tilwima għandha għalhekk tiġi miċħuda.

3.      Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SATCEN kontra talbiet għal annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza

133    Is-SATCEN tikkunsidra li t-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza huma inammissibbli, sa fejn, essenzjalment, ir-rikorrenti ma osservatx il-proċedura amministrattiva preliminari prevista mir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

134    Skont l-Artikolu 28(1) sa (3) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, l-assenza ta’ risposta mid-Direttur tas-SATCEN għal talba sabiex jieħu deċiżjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, fi żmien xahrejn, hija ekwivalenti għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, filwaqt li tali deċiżjoni impliċita tista’ tkun is-suġġett ta’ lment fi żmien tliet xhur mid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ tweġiba.

135    Għalhekk, meta d-Direttur tas-SATCEN ma jipprovdi ebda risposta għal talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 2(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 28(1) ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, jista’ jitqies li ttieħdet deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ din it-talba għal assistenza. F’dan il-każ, għandu jiġi preżunt li d-Direttur tas-SATCEN ma kkunsidrax li l-provi prodotti insostenn tat-talba għal assistenza kienu jikkostitwixxu prova suffiċjenti tar-realtà tal-fatti allegati sabiex jiskatta l-obbligu ta’ assistenza, li jista’ jirriżulta mill-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva meta l-fatti allegati huma kklassifikati bħala fastidju psikoloġiku (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 41, u tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punti 53 sa 57).

136    F’dan il-każ, ir-rikorrenti bagħtet lid-Direttur tas-SATCEN talba għal assistenza fl-20 ta’ Marzu 2013. Id-Direttur tas-SATCEN, fit-22 ta’ Marzu 2013, talab lill-assistent tiegħu jivverifika l-informazzjoni inkluża f’din it-talba, fil-marġni tal-investigazzjoni amministrattiva li r-rikorrenti kienet is-suġġett tagħha. Issa, id-Direttur tas-SATCEN ma kkunsidrax li din il-verifika ta’ informazzjoni kienet żvelat bidu ta’ prova tar-realtà tal-fatti allegati li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, kif ikkonfermat mill-ittra li bagħatlu l-Assistent Direttur tas-SATCEN fis-26 ta’ Awwissu 2013 u ċ-ċaħda tiegħu tal-ilment tar-rikorrenti fis-7 ta’ Ottubru 2013.

137    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal assistenza tar-rikorrenti, innotifikata fil-21 ta’ Marzu 2013, ġiet impliċitament miċħuda fi żmien xahrejn minn din id-data, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, jiġifieri fil-21 ta’ Mejju 2013 u mhux, kif tallega r-rikorrenti, fil-5 ta’ Lulju 2013. Kif ġustament isostni s-SATCEN, din id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda kellha, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, tkun is-suġġett ta’ lment fi żmien tliet xhur mid-data tal-iskadenza tat-terminu għal tweġiba, jiġifieri mhux iktar tard mill-21 ta’ Awwissu 2013. Issa, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti ressqet tali lment fit-termini msemmija iktar ’il fuq.

138    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sa fejn dawn huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, it-talbiet tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

4.      Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SATCEN kontra t-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari

139    Is-SATCEN isostni li r-rikors kontra deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari ma jistax jiġi eżaminat bħala tali, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tkun biss dik adottata fit-tmiem tal-proċeduri dixxiplinari. Għaldaqstant, it-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

140    Ir-rikorrenti tikkontesta dan l-argument u titlob, sussidjarjament, li l-legalità tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari tiġi eżaminata għall-finijiet tal-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ revoka.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, meta sanzjoni tkun ġiet imposta fuq membru tal-persunal ta’ organu tal-Unjoni, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari fil-konfront tiegħu hija biss att preparatorju li ma jippreġudikax il-pożizzjoni finali tal-amministrazzjoni u li ma jistax għaldaqstant jitqies bħala li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk u Il-Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 340 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    It-talbiet li jirrigwardaw id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari huma, għaldaqstant, bħala tali, inammissibbli, filwaqt li l-unika deċiżjoni dixxiplinari definittiva, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ revoka, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju.

143    Madankollu, l-inammissibbiltà ta’ talba għal annullament imressqa kontra att li ma jikkawżax preġudizzju ma tipprekludix l-invokazzjoni, insostenn tat-talbiet diretti kontra deciżjoni li tista’ tiġi kkonstestata, tal-illegalità eventwali ta’ dan l-att (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2003, Pessoa u Costa vs Il-Kummissjoni, T‑166/02, EU:T:2003:73, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, għalkemm it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari huma inammissibbli, il-motivi ppreżentati insostenn ta’ dawn it-talbiet għandhom jitqiesu li huma diretti kontra d-deċiżjoni ta’ revoka, meħuda fit-tmiem ta’ din il-proċedura.

5.      Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SATCEN fil-konfront tal-argumenti diretti kontra l-proċeduri quddiem il-Bord Dixxiplinari

144    Insostenn tal-ewwel u tat-tieni motiv ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ revoka, ir-rikorrenti tikkontesta l-kundizzjonijiet li fihom ġew żvolti l-proċeduri dixxiplinari quddiem il-Bord Dixxiplinari.

145    Skont is-SATCEN, l-ilmenti diretti kontra l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn l-imsemmija lmenti għandhom jitqiesu li huma diretti kontra l-opinjoni stess tal-Bord Dixxiplinari, li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u ma kinitx is-suġġett ta’ lment amministrattiv imressaq qabel.

146    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il-Kummissjoni (35/67, EU:C:1968:39), li fuqha jibbaża ruħu s-SATCEN, ma hijiex rilevanti sa fejn, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala inammissibbli t-talbiet sa fejn kienu intiżi għall-annullament tal-“proċedura segwita quddiem il-Bord Dixxiplinari”, minbarra l-annullament tal-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari nnifsu.

147    Bl-istess mod, fis-sentenza tad-29 ta’ Jannar 1985, F. vs Il-Kummissjoni (228/83, EU:C:1985:28, punt 16), iċċitata mis-SATCEN, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jkun bi ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata minn proċeduri dixxiplinari li jiġi kkunsidrat li hija ma tistax tikkontesta b’mod separat l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari u tikseb l-annullament tagħha, bil-għan li jerġgħu jinbdew il-proċeduri dixxiplinari.

148    Għaldaqstant, bl-ebda mod ma jirriżulta minn dawn is-sentenzi li rikorrent ma jistax, insostenn tat-talbiet tiegħu intiżi għall-annullament ta’ sanzjoni dixxiplinari meħuda wara opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, jargumenta dwar l-irregolarità tal-proċedura applikata quddiem l-imsemmi Bord Dixxiplinari, peress li tali proċedura tkun ikkostitwixxiet, fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti, prerekwiżit neċessarju għas-sanzjoni ta’ revoka kkontestata, kif jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 7, 9 u 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

149    Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq l-illegalità tal-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari huma ammissibbli.

150    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel nett, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SATCEN għat-talbiet għal annullament u għad-danni għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. It-tieni nett, dan ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza. It-tielet nett, l-imsemmi rikors huwa ammissibbli sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjoni ta’ sospensjoni, id-deċiżjoni ta’ revoka u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, b’tali mod li għandha tiġi eżaminata l-legalità ta’ dawn it-tliet deċiżjonijiet, l-ewwel nett permezz tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

C.      Fuq il-mertu

1.      Fuq it-talbiet għal annullament

a)      Fuq il-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell

151    Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell kiser id-dritt għal rimedju effettiv tar-rikorrenti, minn naħa, minħabba l-kompożizzjoni tiegħu li ma tissodisfax il-kriterji ta’ qorti indipendenti u imparzjali u, min-naħa l-oħra, sa fejn injora l-parti l-kbira tal-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt li hija ressqet. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, wettaq diversi żbalji ta’ liġi meta ċaħad ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti.

152    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqajjem, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN minħabba li, essenzjalment, din id-dispożizzjoni tagħmel lill-Bord tal-Appell l-unika istanza ta’ stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tad-Direttur tas-SATCEN.

153    Is-SATCEN jitlob iċ-ċaħda tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, sa fejn dan tal-aħħar joffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv tar-rikorrenti. Id-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu għalhekk ikunu definittivi u vinkolanti, kif jipprevedi l-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

154    Għandha tiġi eżaminata qabelxejn l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, imqajma mir-rikorrenti.

155    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta b’mod inċidentali, bil-għan li tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni individwali, il-validità tal-atti istituzzjonali preċedenti, li jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni individwali (ara, s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑358/11, EU:T:2015:394, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Sa fejn l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti li parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima. Minn dan jirriżulta li l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija mqajma għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors u għandha teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ tali rabta ta’ konnessjoni tista’ tiġi dedotta, b’mod partikolari, mill-konstatazzjoni li l-att ikkontestat fil-kawża prinċipali huwa essenzjalment ibbażat fuq dispożizzjoni tal-att li l-legalità tiegħu hija kkontestata (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, BĊE vs Cerafogli, T-787/14 P, EU:T:2016:633, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    Il-konstatazzjoni ta’ illegalità magħmula mill-qorti ma għandhiex effett erga omnes, iżda twassal għall-illegalità tad-deċiżjoni individwali kkontestata, filwaqt li tħalli l-att ta’ portata ġenerali fl-ordinament ġuridiku mingħajr ma jaffettwa l-legalità tal-atti l-oħra li ġew adottati abbażi tiegħu u li ma ġewx ikkontestati fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 1974, Kortner et vs Il-Kunsill et, 15/73 sa 33/73, 52/73, 53/73, 57/73 sa 109/73, 116/73, 117/73, 123/73, 132/73 u 135/73 sa 137/73, EU:C:1974:16, punti 37 u 38).

158    F’dan il-każ, l-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, li r-rikorrenti tinvoka l-illegalità tiegħu, jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Bord tal-Appell huwa kompetenti sabiex jannulla jew jikkonferma d-deċiżjonijiet tad-Direttur tas-SATCEN adottati abbażi ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll sabiex jagħti kumpens għal ċerti danni mġarrba minn membru tal-persunal sussegwentement għal deċiżjoni illegali tad-Direttur tas-SATCEN (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Din id-dispożizzjoni tispeċifika, barra minn hekk, li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell “jorbtu liż-żewġ partijiet” u li ma hemm “l-ebda appell minnhom”.

159    Issa, mill-eżami tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi din it-tilwima jirriżulta li l-Kunsill ma setax, mingħajr ma jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 256 TFUE, jagħti lill-Bord tal-Appell ġurisdizzjoni obbligatorja u esklużiva sabiex jistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet tad-Direttur tas-SATCEN u sabiex jiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens tal-membri tal-persunal tiegħu, f’każ fejn, bħal f’dan il-każ, hija l-Qorti Ġenerali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, fl-ewwel istanza, ta’ dan it-tip ta’ tilwim (ara l-punti 101 sa 110 iktar ’il fuq).

160    Għaldaqstant, bl-istabbiliment, permezz tad-Deċiżjoni 2009/747, ta’ Bord tal-Appell li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija esklużiva u alternattiva għal dik tal-Qorti Ġenerali, u biż-żamma ta’ dan il-Bord tal-Appell anki wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill kiser it-Trattati, b’mod partikolari l-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 256 TFUE imsemmija iktar ’il fuq. Għalhekk l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tintlaqa’ u l-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN għandu jiġi ddikjarat bħala inapplikabbli għal dan il-każ.

161    Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, adottata abbażi tas-setgħat li kienet tagħtih din id-dispożizzjoni, hija nieqsa minn bażi legali, b’tali mod li għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

162    L-illegalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ma għandha barra minn hekk ebda effett fuq l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors mir-rikorrenti, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni u ta’ revoka.

163    Ċertament, permezz ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell hija eskluża b’mod retroattiv mill-ordinament ġuridiku, li tqiegħed quddiem il-Qorti Ġenerali rikors ippreżentat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, miżjud b’terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, filwaqt li d-deċiżjoni ta’ sospensjoni u d-deċiżjoni ta’ revoka ġew innotifikati lir-rikorrenti fil-5 ta’ Lulju 2013 u fl-4 ta’ Marzu 2014 rispettivament, dan ir-rikors ġie ppreżentat fit-28 ta’ Mejju 2015.

164    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-Artikolu 263 TFUE, l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata b’riferiment għas-sitwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors (sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il-Kummissjoni, 50/84, EU:C:1984:365, punt 8, u tat-18 ta’ April 2002, Spanja vs Il-Kunsill, C‑61/96, C‑132/97, C‑45/98, C‑27/99, C‑81/00 u C‑22/01, EU:C:2002:230, punt 23).

165    Issa, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, l-illegalità tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN ma kinitx għadha ġiet ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, it-talba lill-Bord tal-Appell, li jiddeċiedi skont is-setgħat mogħtija lilu minn din id-dispożizzjoni, kienet tistrieħ fuq bażi legali u kienet tikkostitwixxi rimedju legali li joffri, bħala prinċipju, lir-rikorrenti, mezz ta’ rimedju għas-sitwazzjoni tagħha, peress li ma setax jiġi eskluż a priori li l-Bord tal-Appell jannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati tad-Direttur tas-SATCEN. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu, għaldaqstant, effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li t-talba lill-Bord tal-Appell fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni u ta’ revoka tista’ twassal għal dekadenza għar-rikorrenti milli tikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali dawn l-istess deċiżjonijiet, li ġew, essenzjalment, ikkonfermati permezz tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, LL vs Il-Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 35).

167    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni u ta’ revoka beda jiddekorri fil-konfront tar-rikorrenti biss fit-23 ta’ Marzu 2015, data li fiha d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġiet innotifikata lilha. Għalhekk, bil-preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni u ta’ revoka fit-28 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti osservat it-terminu ta’ xahrejn previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, miżjud bit-terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura.

b)      Fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ revoka

168    Insostenn tat-talbiet għal annullament tagħha tad-deċiżjoni ta’ revoka, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tar-rekwiżit ta’ imparzjalità matul l-investigazzjoni amministrattiva (l-ewwel parti) u matul il-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari (it-tieni parti). It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli ta’ proċedura u tad-drittijiet tad-difiża matul l-investigazzjoni amministrattiva (l-ewwel parti) u matul il-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari (it-tieni parti). It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ stabbiliment tar-realtà tal-fatti kkritikati. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-użu ħażin ta’ poter.

169    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha u permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tipprova tikkontesta l-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina flimkien dawn iż-żewġ partijiet, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tar-rekwiżit ta’ imparzjalità matul l-investigazzjoni amministrattiva, u ksur tar-regoli proċedurali u tad-drittijiet tad-difiża matul l-imsemmija investigazzjoni.

1)      Fuq ir-regolarità tal-investigazzjoni amministrattiva

170    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, id-Direttur tas-SATCEN jista’ jiftaħ investigazzjoni amministrattiva, sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ membru tal-persunal fit-twettiq tal-obbligi tiegħu previsti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, meta provi li jwasslu għall-preżunzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġew miġjuba lilu.

171    Skont l-Artikolu 1(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN:

“Kull meta investigazzjoni interna turi l-possibbiltà ta’ involviment personali ta’ membru tal-persunal, jew ta’ ex membru tal-persunal, dik il-persuna għandha tiġi nfurmata bla telf ta’ żmien, sakemm dan ma jkunx ta’ dannu għall-investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, ladarba l-investigazzjoni tkun kompluta, ma jistgħux jittieħdu konklużjonijiet li jirreferu għal membru tal-persunal b’ismu mingħajr ma tingħata l-opportunità lill-membru tal-persunal ikkonċernat li jikkummenta dwar il-fatti li jikkonċernawh. Il-konklużjonijiet għandhom jagħmlu referenza għal dawn il-kummenti.”

172    Skont l-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN:

“Abbażi tar-rapport tal-investigazzjoni, wara li jkun għarraf lill-membru tal-persunal konċernat dwar il-provi kollha fil-fajls u wara li jkun sema’ lill-membru tal-persunal konċernat, id-Direttur jista’: […] c) fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi fit-tifsira tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal: (i) jiddeċiedi li jagħti bidu għall-proċeduri dixxiplinarji previsti fit-Taqsima 4 ta’ dan l-Anness, jew (ii) jiddeċiedi li jagħti bidu għall-proċeduri dixxiplinarji quddiem il-Bord Dixxiplinari.”

173    Fejn il-proċeduri dixxiplinari jkunu nbdew quddiem il-Bord Dixxiplinari, dan tal-aħħar jingħata, skont l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, rapport mid-direttur, li għandu jindika b’mod ċar il-fatti kkritikati u, jekk ikun hemm lok, iċ-ċirkustanzi li fihom seħħew, inklużi kwalunkwe fatti aggravanti jew attenwanti. Ir-rapport lill-Bord Dixxiplinari jiġi adottat wara s-smigħ tal-membru tal-persunal ikkonċernat fit-tmiem tal-investigazzjoni u huwa intiż biss għall-istabbiliment tal-fatti, fid-dawl b’mod partikolari tar-riżultati ta’ dan is-smigħ, kif ukoll sabiex ipoġġihom f’korrelazzjoni mal-obbligi jew dispożizzjonijiet legali li dan il-membru tal-persunal huwa kkritikat li kiser (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2016, HI vs Il-Kummissjoni, F‑133/15, EU:F:2016:127, punt 131).

174    L-investigazzjoni amministrattiva hija intiża għalhekk sabiex tiddetermina l-fatti kkritikati lill-persuna kkonċernata u ċ-ċirkustanzi ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll sabiex tippermetti lid-Direttur tas-SATCEN jevalwa, prima facie, il-materjalità u l-gravità, sabiex jifforma opinjoni dwar jekk iressaqx il-kwistjoni quddiem il-Bord Dixxiplinari għall-adozzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ sanzjoni dixxiplinari.

175    L-awtorità responsabbli għal investigazzjoni amministrattiva għandha, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fit-tmexxija tal-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F‑42/10, EU:F:2012:64, punt 38; tal-11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punt 124, u tat-18 ta’ Settembru 2014, CV vs KESE, F‑54/13, EU:F:2014:216, punt 43).

176    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-proċeduri amministrattivi jitwettqu fl-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Fost dawn il-garanziji, hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ. Id-dritt għal kull persuna li l-kawżi tagħha jinstemgħu b’mod imparzjali jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il-Kummissjoni, F‑30/08, EU:F:2010:43, punt 189).

177    Barra minn hekk, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, skont l-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta, id-dritt għal smigħ ta’ kull persuna qabel l-adozzjoni ta’ miżura individwali li tolqotha negattivament, kif ukoll id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha. Fir-rigward tal-iżvolġiment ta’ investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan is-SATCEN, dawn ir-regoli huma riflessi fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, rispettivament imfakkra fil-punti 171 u 172 iktar ’il fuq.

178    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-ewwel parti tal-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tieni motiv, li permezz tagħhom ir-rikorrenti tikkontesta (i) l-għażla tas-superjur ġerarkiku tagħha għat-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva fir-rigward tagħha; ii) l-użu ta’ kwestjonarju b’għażla multipla speċifikament fir-rigward tagħha bħala modalità tal-investigazzjoni amministrattiva; iii) il-fatt li hija ma ġietx involuta fl-investigazzjoni amministrattiva u (iv) ir-rifjut ta’ aċċess fi żmien xieraq għall-annessi tal-fajl tal-investigazzjoni amministrattiva.

i)      Fuq l-għażla tal-investigatur

179    Ir-rikorrenti tikkontesta l-ħatra tas-superjur tagħha, l-Assistent Direttur tas-SATCEN, għat-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva li hija kienet is-suġġett tagħha. Fil-fehma tagħha, huwa ma kienx oġġettivament imparzjali sabiex iwettaq l-investigazzjoni, sa fejn huwa kien dejjem wera preġudizzji, parzjalità u ostilità fl-iskambji professjonali magħha.

180    F’dan is-sens, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet ikkontestat lill-Assistent Direttur tas-SATCEN fil-kuntest ta’ żewġ talbiet għal assistenza għal fatti ta’ fastidju psikoloġiku li hija kienet vittma tagħhom. Ir-rikorrenti tallega wkoll li hija ġarrbet insulti u attakki fil-kuntest ta’ laqgħat fil-preżenza tad-Direttur tas-SATCEN u tal-Assistent tiegħu, kif ukoll fit-tliet rapporti ta’ evalwazzjoni annwali tagħha, li ġew ifformulati minn dan tal-aħħar. L-ostilità tal-Assistent Direttur tas-SATCEN fil-konfront tar-rikorrenti hija wkoll murija mill-fatt li huwa, flimkien mad-Direttur tas-SATCEN, irtiralha b’mod arbitrarju ċerti responsabbiltajiet, “minkejja l-kompetenzi professjonali mhux ikkontestati tagħha”.

181    F’dan ir-rigward għandu jiġi l-ewwel nett ikkonstatat li mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-Assistent Direttur tas-SATCEN irtira b’mod arbitrarju responsabbiltajiet mir-rikorrenti, u lanqas li din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ insulti fil-preżenza tiegħu, peress li tali allegazzjonijiet kienu ssostanzjati biss permezz ta’ noti fformulati mir-rikorrenti nnifisha. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jingħataw valur probatorju, għandu jiġi rrilevat li l-Assistent Direttur tas-SATCEN ma għandux jitqiegħed inkwistjoni direttament, la minħabba l-irtirar ta’ responsabbiltajiet mir-rikorrenti, u lanqas bħala xhud ta’ insulti fil-konfront tagħha, li huwa kien ittollera.

182    Sussegwentement, fir-rigward tar-rapporti ta’ evalwazzjoni annwali tagħha, ir-rikorrenti ma turix kif dawn fihom insulti u jixhdu l-parzjalità u l-ostilità tal-Assistent Direttur tas-SATCEN. Kuntrarjament għal dak li tidher li tindika r-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ membru tal-persunal minn superjur ġerarkiku, anki jekk kritika, ma tistax tiġi assimilata ma’ lingwaġġ offensiv u ma tistax turi, bħala tali, il-parzjalità tas-superjur ġerarkiku inkwistjoni.

183    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li ma kienx xieraq li jinħatar bħala investigatur l-Assistent Direttur tas-SATCEN, sa fejn dan tal-aħħar kien min-naħa tiegħu imsemmi f’żewġ talbiet għal assistenza min-naħa tagħha, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

184    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Assistent Direttur tas-SATCEN ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti fil-kummenti tagħha dwar l-evalwazzjoni annwali tagħha, li hija fformulat fit-30 ta’ Mejju 2011. Ir-rikorrenti indikat ukoll, sussegwentement, fis-7 ta’ Marzu 2013, li ma kienx ingħata segwitu għall-ilment tagħha tal-2012, li permezz tagħha hija ħasset li kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tad-Direttur tal-Finanzi, u mhux min-naħa tal-Assistent Direttur tas-SATCEN.

185    Min-naħa l-oħra, l-Assistent Direttur tas-SATCEN inħatar mid-Direttur tas-SATCEN sabiex imexxi l-investigazzjoni amministrattiva tat-8 ta’ Marzu 2013, jiġifieri qabel li ntbagħtet, fl-20 ta’ Marzu 2013, it-tieni talba għal assistenza tar-rikorrenti, li permezz tagħha din tal-aħħar ikkontestat l-aġir tal-Assistent Direttur tas-SATCEN.

186    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar il-kliem tat-tieni talba għal assistenza tar-rikorrenti, li fiha ġie indikat l-isem tal-investigatur:

“Bil-preżenti, jiena nitolbok b’mod formali tieħu miżuri sabiex jitwaqqaf il-fastidju fil-konfront tiegħi u fil-konfront tal-funzjoni tiegħi […]

B’mod partikolari, jien nitolbok li [id-Direttur tal-Finanzi] jieqaf jikkontrolla u jinterroga l-membri tal-persunal tad-diviżjoni tiegħi dwar kwistjonijiet interni tad-diviżjoni […] u jieqaf jindika l-opinjoni tendenzjuża tiegħu. Għalkemm jien irbat is-sitwazzjoni umiljanti f’Settembru 2012 miegħu biss, issa nista’ nara alleanza ta’ ċerti kollaboraturi li jidhru li qegħdin jinfluwenzaw kollegi oħra, fosthom l-Assistent Direttur, permezz ta’ xnigħat u billi jiskreditawni.”

187    Kuntrarjament għal dak li tindika r-rikorrenti, din il-formulazzjoni ma hijiex intiża li tikkontesta direttament lill-Assistent Direttur tas-SATCEN fis-sitwazzjoni li r-rikorrenti tallega li hija vittma tagħha, iżda lid-Direttur tal-Finanzi. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-Assistent Direttur tas-SATCEN, maħtur għat-tmexxija tal-investigazzjoni, ir-rikorrenti sempliċement sostniet li huwa seta’ kien influwenzat mill-opinjoni tad-Direttur tal-Finanzi. Għaldaqstant, it-talba għal assistenza tar-rikorrenti ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-parzjalità tal-investigatur.

188    Konsegwentement, ma jirriżultax b’mod suffiċjenti mill-elementi tal-proċess li l-ħatra tal-investigatur setgħet tqajjem fir-rikorrenti biżgħat leġittimi fir-rigward tal-imparzjalità oġġettiva tiegħu sabiex imexxi l-investigazzjoni.

ii)    Fuq l-użu ta’ kwestjonarju b’għażla multipla li jikkonċerna r-rikorrenti fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva

189    Ir-rikorrenti tikkontesta l-modalitajiet tal-investigazzjoni amministrattiva u ssostni li, matulha, is-SATCEN kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u r-rekwiżit ta’ imparzjalità li jirriżulta minnu.

190    Ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-investigatur talab lil diversi membri tal-persunal tas-SATCEN jimlew kwestjonarju b’għażla multipla, li t-titolu tiegħu kien jindika lilha b’isimha b’rabta mal-kunċett ta’ intimidazzjoni. Ir-rikorrenti żżid li l-mistoqsijiet b’għażla multipla inklużi f’dan il-kwestjonarju kienu orjentati u suġġestivi ħafna. Għalhekk, fil-fehma tagħha, dan il-kwestjonarju kien jikkostitwixxi, fih innifsu, strument inadegwat għall-istabbiliment tal-fatti.

191    F’dan ir-rigward, skont ir-rikorrenti, l-għan ta’ investigazzjoni amministrattiva dwar nuqqasijiet dixxiplinari eventwali jimplika l-ġbir tal-elementi preċiżi u rilevanti kollha. Issa, f’dan il-każ, ir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva ma jindika l-ebda inċident speċifiku u juri li l-investigatur sempliċement ġabar it-tweġibiet għall-kwestjonarju u rriproduċa l-akkużi ġenerali li jinsabu fih.

192    Minn dan isegwi li l-investigazzjoni amministrattiva kienet parzjali u ppreġudikata u, għaldaqstant, kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u r-rekwiżit ta’ imparzjalità.

193    Is-SATCEN jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jenfasizza li l-kwestjonarju kien jinkludi żewġ mistoqsijiet miftuħa, li t-tweġibiet tagħhom għandhom jinqraw flimkien ma’ dawk li ngħataw għall-kwestjonarju b’għażla multipla.

194    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fl-14 ta’ Novembru 2012, id-Direttur tas-SATCEN ġie ppreżentat b’ilment, iffirmat minn tnax-il membru tal-persunal u fformulat bil-kliem li ġej:

“Aħna lkoll, b’xi mod jew ieħor, ikkonstatajna sa liema punt [KF] kienet aġixxiet b’mod inadegwat bit-teħid ta’ deċiżjonijiet skont l-identità ta’ min kien jagħmel it-talba, bl-applikazzjoni tar-regoli kif tixtieq; aħna osservajna sitwazzjoni ta’ fastidju u abbuż fil-konfront ta’ ċerti membri tal-persunal. Aħna wkoll konna s-suġġett ta’ ndħil fix-xogħol professjonali tagħna fir-rigward ta’ kwistjonijiet li hija ma hijiex esperta fihom. Dan kollu jrendi l-kompiti tagħna ta’ kuljum diffiċli u inqas effikaċi minn dak li għandu jkun. Ma huwiex normali li dan il-membru tal-persunal tas-SATCEN ifittex ta’ kuljum il-konfrontazzjoni ma’ wieħed minna u li aħna nifirħu mill-assenza tiegħu mill-uffiċċju. Il-kritika fil-konfront tal-kollegi tagħna hija permanenti u l-ambjent tax-xogħol huwa disastruż, jew saħansitra ta’ ħsara. Aħna nafu li membri oħra tal-persunal tas-SATCEN huma konxji mis-sitwazzjoni u jistgħu jipprovdulek provi insostenn tal-ilment tagħna. L-għan tagħna huwa li, ladarba l-provi kollha jkunu vverifikati, li inti tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura li dan it-tip ta’ aġir, daqshekk imbiegħed mill-ispirtu tal-[Unjoni], qatt ma jerġa’ jseħħ.”

195    Id-Direttur tas-SATCEN għalhekk beda, fit-8 ta’ Marzu 2013, investigazzjoni amministrattiva. Skont ir-rapport ta’ investigazzjoni, din tal-aħħar kienet iġġustifikata minħabba l-“gravità estrema tas-sitwazzjoni miġjuba għall-attenzjoni tad-Direttur tas-SATCEN, li turi nuqqas [tar-rikorrenti] tat-twettiq tal-obbligi preskritti mir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN”, u kienet intiża li “tiġbor il-fatti rilevanti li jippermettu li tiġi stabbilita sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku u ta’ intimidazzjoni [tar-rikorrenti] fil-konfront tal-persunal taħt l-awtorità diretta tagħha”.

196    L-investigazzjoni amministrattiva kienet tikkonsisti fi kwestjonarju b’għażla multipla intitolat “Kwestjonarju dwar il-fastidju” mibgħut, fit-12 ta’ Ġunju 2013, lil 24 membru tal-persunal tas-SATCEN u li jindika: “[i]nti ġentilment mitlub twieġeb għall-mistoqsijiet segwenti intiżi għall-verifikazzjoni tal-eżistenza ta’ eventwali aġir intimidanti ta’ [KF] fil-konfront tiegħek”. Il-kwestjonarju kien fil-forma tat-tabella li ġejja, li tinkludi kaxxi li għandhom jiġu mmarkati li jikkorrispondu għal kategoriji ta’ aġir allegatament adottat mir-rikorrenti fir-rigward tagħhom:


Mistoqsija

Tweġiba



Le

Kultant

Spiss

1

Nuqqas ta’ jew rikonoxximent baxx, assenza ta’ fiduċja fil-konfront tal-oħrajn




2

Parteċipazzjoni baxxa fid-deċiżjonijiet




3

Komunikazzjoni/informazzjoni baxxa jew dgħajfa




4

Nuqqas ta’ feedback dwar il-prestazzjoni




5

Kummenti degradanti jew offensivi, pressjoni, aġir aggressiv, reazzjonijiet inadegwati




6

Insulti dwar il-persuna jew il-kompetenza professjonali




7

Kummenti offensivi jew theddid, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub




8

Intimidazzjoni, pressjoni




9

Theddid ta’ ritaljazzjoni




10

Malafama tal-kontribuzzjonijiet u tal-kisbiet




11

Degradazzjoni tar-relazzjonijiet soċjali




12

Sens ta’ iżolament, separazzjoni, esklużjoni, ċaħda, tħallija barra, malafama jew umiljazzjoni




13

L-istabbiliment ta’ għanijiet jew ta’ kompiti li manifestament ma jistgħux jintlaħqu




14

Assenza ta’ xogħol jew xogħol li ma jikkorrispondix mal-profil tal-pożizzjoni okkupata





197    Id-destinatarji tal-kwestjonarju kienu wkoll mistoqsija dwar, fil-każ li kienu ffaċċjaw aġir bħal dan, jekk dan kienx wassal għal waħda mill-konsegwenzi li ġejjin, ukoll ippreżentati fil-forma ta’ tabella b’kaxxi li għandhom jiġu mmarkati:


Mistoqsija

Tweġiba



Le

Parzjalment

Iva

15

Iżolament u tendenza lejn id-degradazzjoni tar-relazzjonijiet soċjali




16

Twettiq ta’ żbalji dejjem jiżdiedu, inkapaċità ta’ konċentrazzjoni, tnaqqis fil-produzzjoni, telf ta’ motivazzjoni




17

Żvilupp professjonali mfixkel u karriera kompromessa




18

Problemi ta’ saħħa mentali u fiżika, bħas-stress, l-ansjetà, is-sens ta’ mistħija u d-demotivazzjoni




19

Umiljazzjoni, diżorjentazzjoni, problemi ta’ rqad, dipressjoni jew żieda fil-problemi fiżiċi u psikoloġiċi serji




20

Degradazzjoni tar-regoli fuq il-post tax-xogħol




21

Żieda ta’ frizzjoni




22

Tkabbir ta’ problemi minuri





198    Kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet u mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 170 sa 177 iktar ’il fuq, l-investigazzjoni amministrattiva wara allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali li jikkonċernaw membru tal-persunal tas-SATCEN għandha bħala għan li tistabbilixxi l-materjalità tal-fatti kkritikati lilha u għandha, għaldaqstant, tikkonsisti fir-riċerka diliġenti u imparzjali tal-elementi preċiżi u rilevanti kollha dwar il-każ. Fir-rigward tal-kliem tal-ilment ippreżentat quddiem id-Direttur tas-SATCEN, li jqiegħed inkwistjoni l-attitudni globali tar-rikorrenti, billi jikklassifikaha, b’mod partikolari, bħala “fastidju”, huwa l-investigatur li għandu jitlob lil-lanjanti jsostnu l-fatti allegati, li jevalwa n-natura ddettaljata u konsistenti tagħhom qabel, fejn xieraq, iwettaq il-klassifika legali tagħhom.

199    Issa, l-investigatur bagħat lil-lanjanti, kif ukoll lil membri oħra tal-persunal tas-SATCEN, “kwestjonarju dwar il-fastidju”, li fih entrati b’għażla multipla li jikkorrispondu, essenzjalment, għal kategoriji ġenerali ta’ aġir li jistgħu jikkaratterizzaw “fastidju psikoloġiku”.

200    Tali inizjattiva kellha għalhekk bħala għan mhux li tiġi stabbilita l-materjalità tal-fatti preċiżi allegati, iżda li titlob lid-destinatarji tal-kwestjonarji sabiex jesprimu ruħhom dwar l-opinjoni tagħhom, b’mod ġenerali u astratt, fuq il-bażi ta’ kategoriji ta’ aġir li huma qiesu li kkonstataw fir-rikorrenti.

201    Huwa minnu li s-SATCEN kellu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa dwar il-ftuħ stess ta’ investigazzjoni u fir-rigward tad-determinazzjoni tal-modalitajiet prattiċi ta’ din tal-aħħar. Madankollu, billi bagħat lill-persuni li jaħdmu ta’ kuljum mar-rikorrenti kwestjonarju b’għażla multipla, li jindikaha u jsemmiha personalment, is-SATCEN ma mexiex bil-prudenza u bid-diliġenza meħtieġa f’tilwima bejn organu tal-Unjoni u wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu. Tali inizjattiva setgħet biss taggrava r-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn ir-rikorrenti u l-kollegi tagħha, superjuri u subordinati, saħansitra qabel ma setgħet ġiet stabbilita l-materjalità tal-fatti preċiżi b’mod oġġettiv. Mezzi oħrajn kienu jkunu iktar xierqa sabiex l-Assistent Direttur ikun f’pożizzjoni li jevalwa l-aġir tar-rikorrenti, b’mod partikolari permezz ta’ intervisti bilaterali mal-persuni li kienu ressqu lment, sabiex jisma’ bil-kwiet u b’mod oġġettiv ir-raġunijiet tagħhom kif ukoll intervisti diretti mar-rikorrenti. Jekk ikun il-każ, huwa wara t-tmiem ta’ tali intervisti li l-Assistent Direttur għandu jiddetermina jekk kienx jeżisti ċertu tip ta’ aġir li jista’, fid-dawl tan-natura sostenibbli, ripetittiv jew sistematiku tiegħu, u tal-effetti tiegħu, jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku jew, għall-inqas, nuqqas tar-rikorrenti fit-twettiq tal-obbligi professjonali tagħha.

202    L-użu ta’ tali kwestjonarju b’għażla multipla sabiex tiġi stabbilita r-realtà ta’ akkużi ta’ fastidju, mibgħut mill-investigatur lil 24 membri tal-persunal tas-SATCEN, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala manifestament inadegwat u, għaldaqstant, kuntrarju għall-obbligu ta’ diliġenza li għandu jirregola t-tmexxija ta’ investigazzjoni amministrattiva.

203    Ċertament, kif jenfasizza s-SATCEN, il-membri tal-persunal interrogati kienu wkoll mitluba jwieġbu għal żewġ mistoqsijiet miftuħa fil-marġni tal-kwestjonarju b’għażla multipla. Madankollu, mill-formulazzjoni stess ta’ dawn iż-żewġ domandi jirriżulta li ma humiex ta’ natura li jqiegħdu inkwistjoni n-natura manifestament inadegwata tal-imsemmi kwestjonarju. Minn naħa, permezz tal-ewwel mistoqsija miftuħa, il-membri tal-persunal interrogati kienu ntalbu jirrapportaw kwalunkwe fatt jew avveniment relatat mal-kaxxi tal-kwestjonarju li huma kienu mmarkaw. It-tweġibiet li setgħu jingħataw għal din il-mistoqsija kienu għalhekk marbuta b’mod inseparabbli mal-kategoriji ġenerali ta’ aġir ħażin li jinsab fil-kwestjonarju. Min-naħa l-oħra, permezz tat-tieni domanda miftuħa, il-membri tal-persunal interrogati kienu mitluba jindikaw jekk huma kinux xhieda ta’ aġir li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku min-naħa tar-rikorrenti fil-konfront ta’ membri oħra tal-persunal tas-SATCEN. Permezz ta’ tali mistoqsija, is-SATCEN beda għalhekk mill-preżunzjoni li l-aġir deskritt bħala tweġiba għaliha jista’, qabel ma jkun is-suġġett ta’ eżami oġġettiv, jiġi kklassifikat bħala fastidju psikoloġiku mill-membri tal-persunal interrogati stess.

204    Fi kwalunkwe każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni, li skont dawn il-materjalità tal-aġir ikkritikat lir-rikorrenti hija stabbilita, huma bbażati biss fuq kategoriji ġenerali ta’ aġir imputat lir-rikorrenti, mingħajr indikazzjoni ta’ ebda element preċiż li joriġina mit-tweġibiet tal-membri tal-persunal għaż-żewġ mistoqsijiet miftuħa.

205    Barra minn hekk, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, l-investigatur, l-Assistent Direttur tas-SATCEN, naqas minn prudenza bl-assoċjazzjoni tal-isem tar-rikorrenti ma’ “kwestjonarju dwar il-fastidju”. Tali proċess huwa ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni l-imparzjalità suġġettiva tal-Assistent Direttur tas-SATCEN, sa fejn dan tal-aħħar, billi aġixxa b’dan il-mod, għamel allużjoni għar-responsabbiltà tar-rikorrenti minħabba nuqqasijiet dixxiplinari kkwalifikati legalment, minkejja li din ma kinitx, f’dan l-istadju, għadha nstemgħet, u li ma kienx għadu ġie deċiż il-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari.

206    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-investigazzjoni amministrattiva kienet serjament intiża li tistabbilixxi l-fatti preċiżi permezz tar-riċerka b’reqqa u b’imparzjalità tal-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li s-SATCEN ma aġixxiex bid-diliġenza kollha meħtieġa li huwa dovut minn organu tal-Unjoni lill-membri tal-persunal tiegħu bl-adozzjoni tal-miżuri proporzjonati u adattati għaċ-ċirkustanzi tal-każ.

207    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li s-SATCEN kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-obbligu ta’ diliġenza u r-rekwiżit ta’ imparzjalità fit-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva.

iii) Fuq in-nuqqas ta’ assoċjazzjoni tar-rikorrenti mal-investigazzjoni amministrattiva

208    Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li s-SATCEN naqas milli jassoċjaha mal-investigazzjoni amministrattiva, bi ksur tad-dritt tagħha għal smigħ u tal-Artikolu 1(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

209    F’dan is-sens, ir-rikorrenti ssostni li hija ma rċeviet l-ebda informazzjoni dwar l-investigazzjoni amministrattiva bejn ix-xahar ta’ Marzu 2013, li matulu nbdiet din l-investigazzjoni u x-xahar ta’ Lulju 2013, li matulu hija ġiet informata, għall-ewwel darba, dwar il-modalitajiet tal-imsemmija investigazzjoni. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti ġiet ikkonvokata mill-investigatur għall-ewwel darba fit-2 ta’ Lulju 2013, hija tenfasizza li, f’din id-data, il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni kienu diġà ġew iffinalizzati.

210    Issa, skont ir-rikorrenti, hija kellha tinstema’, tingħata informazzjoni dwar id-dettalji tal-avvenimenti kkritikati lilha u tingħata terminu sabiex teżaminahom.

211    F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li d-Direttur tas-SATCEN informa lir-rikorrenti bil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva fil-konfront tagħha permezz ta’ nota tal-4 ta’ April 2013, bl-indikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

212    Id-Direttur tas-SATCEN informa lir-rikorrenti dwar il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni, permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Lulju 2013, fl-4:56 ta’ wara nofsinhar. F’din l-istess ittra, id-Direttur tas-SATCEN stieden lir-rikorrenti għal smigħ, fil-5 ta’ Lulju 2013 fl-10:00 ta’ filgħodu, u sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni.

213    Skont dawn il-konklużjonijiet, l-Assistent Direttur tas-SATCEN ikkunsidra li l-membri tal-persunal li jaħdmu mill-qrib ħafna mar-rikorrenti kienu “ikkonfermaw b’mod ċar aspetti differenti li jikkaratterizzaw fastidju psikoloġiku”, minħabba li diversi minn dawn il-membri tal-persunal kienu, fir-rigward ta’ diversi kategoriji ġenerali ta’ aġir elenkat fil-kwestjonarju b’għażla multipla, immarkaw il-kaxxa “spiss” (jiġifieri l-kategoriji li ġejjin: “nuqqas ta’ jew rikonoxximent jew rikonoxximent baxx, assenza ta’ fiduċja fil-konfront tal-oħrajn”, immarkata sitt darbiet; “kummenti degradanti jew offensivi, pressjoni, aġir aggressiv, reazzjonijiet inadegwati”, immarkata seba’ darbiet; “insulti dwar il-persuna jew il-kompetenza professjonali”, immarkata tliet darbiet; “kummenti offensivi jew theddid” immarkata tliet darbiet, “intimidazzjoni, pressjoni”, immarkata seba’ darbiet; “malafama tal-kontribuzzjonijiet”, immarkata tliet darbiet; “sens ta’ umiljazzjoni”, immarkata erba’ darbiet).

214    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda membri tal-persunal li ma jaħdmux direttament mar-rikorrenti, l-Assistent Direttur tas-SATCEN indika, fir-rapport tal-investigazzjoni, li “kien[u] ġew irrapportati [i]d-dikjarazzjonijiet li ġejjin: mikroġestjoni permanenti li ma hijiex il-funzjoni ta’ [membru tal-persunal] skala A 4; assenza ta’ fiduċja li twassal għal kontroverifiki kontinwi; kritika pubblika ta’ membri tal-persunal tkun xi tkun il-funzjoni tagħhom; tixrid ta’ għajdut fuq in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ ċerti atturi interni; tkabbir ta’ problemi minuri; inizjattivi mhux xierqa u xi drabi nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjonijiet tad-Direttur u tal-Assistent Direttur”.

215    Skont ir-rapport ta’ investigazzjoni, l-Assistent Direttur tas-SATCEN iddeduċa minn dawn l-elementi li kien “stabbilit li l-aġir ta’ [KF] [kien] abbużiv, intenzjonali, ripetittiv, fit-tul jew sistematiku, intiż sabiex jiskredita jew ixejjen l-persuni kkonċernati”, “peress li dan l-aġir attribwibbli lil [KF] [kien] ikkonfermat u, fid-dawl tan-natura tiegħu, il-frekwenza tiegħu u l-effett tiegħu fuq ċerti membri tal-persunal, [kien] jikkaratterizza fastidju psikoloġiku”.

216    Issa, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni, li jikkunsidraw bħala stabbilita l-materjalità ta’ fatti li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku, huma fformulati f’termini partikolarment ġenerali u impreċiżi, b’riferiment biss għal kategoriji ġenerali ta’ aġir imputat lir-rikorrenti, mingħajr indikazzjoni ta’ ebda avveniment speċifiku, li jirrendi diffiċli għar-rikorrenti l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ngħatat terminu ta’ inqas minn 48 siegħa sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan ir-rapport, li jikkonċerna fatti partikolarment gravi li ġiet akkużata bihom u li jikkonkludi investigazzjoni li nbdiet diversi xhur qabel. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-SATCEN debitament sema’ lir-rikorrenti qabel ma tnisslu konklużjonijiet mid-Direttur tas-SATCEN, fid-dawl tar-rapport ta’ investigazzjoni.

217    Ir-rikorrenti għalhekk għandha raġun li tilmenta dwar ksur mis-SATCEN tar-regola li konklużjonijiet minn investigazzjoni amministrattiva jistgħu jitnisslu biss mid-Direttur tas-SATCEN wara li l-membru tal-persunal ikkonċernat ikun debitament instema’ u minn qabel, prevista fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN (ara l-punti 171 u 172 iktar ’il fuq), liema regola tikkostitwixxi applikazzjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit, barra minn hekk, fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta (ara l-punt 177 iktar ’il fuq).

iv)    Fuq l-aċċess fi żmien xieraq tar-rikorrenti għad-dokumenti tal-fajl tal-investigazzjoni amministrattiva

218    Skont ir-rikorrenti, id-dokumenti tal-fajl ta’ investigazzjoni li d-Direttur tas-SATCEN ibbaża ruħu fuqhom għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari ġew ikkomunikati lilha biss f’Ottubru 2013, jiġifieri wara l-adozzjoni effettiva ta’ din id-deċiżjoni, fil-5 ta’ Lulju 2013. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kellhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tidentifika l-akkużi li hija kienet is-suġġett tagħhom, jew sabiex twieġeb għalihom fi żmien xieraq, b’tali mod li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kisret l-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

219    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tal-5 ta’ Lulju 2013, u kif irrikonoxxa s-SATCEN waqt is-seduta, id-dokumenti msemmija fir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva ma ntbagħtux lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni, fl-istess jum, tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari li tikkonkludi l-fażi ta’ investigazzjoni amministrattiva.

220    Fil-fatt, skont dawn l-istess minuti, id-Direttur tas-SATCEN ikkunsidra li r-rikorrenti ma setgħetx, f’dan l-istadju, ikollha aċċess għall-kwestjonarji mimlija u ffirmati mill-membri tal-persunal tas-SATCEN minħabba regoli relatati mal-protezzjoni tad-data personali u l-biżgħat ta’ ritaljazzjoni fil-konfront ta’ membri tal-persunal li pprovdew xhieda.

221    F’dan ir-rigward, ġie, ċertament, deċiż li l-amministrazzjoni kienet obbligata, fil-kuntest ta’ investigazzjoni amministrattiva mwettqa sussegwentement għal ilment, tikseb bilanċ bejn żewġ drittijiet li setgħu kienu kontradditorji, jiġifieri d-dritt għall-persuna li kienet is-suġġett tal-ilment li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha u d-dritt tal-lanjant li l-ilment tiegħu jiġi eżaminat b’mod korrett, liema dritt tal-lanjant jimplika dmir ta’ kunfidenzjalità tal-amministrazzjoni, li abbażi tiegħu hija għandha tastjeni minn kwalunkwe pass ta’ natura li jista’ jikkomprometti r-riżultati tal-investigazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Donati vs BĊE, F‑63/09, EU:F:2012:193, punt 171).

222    Madankollu, tali bbilanċjar ta’ drittijiet kontraddittorji ma kellux jitwettaq f’dan il-każ, sa fejn ir-riżultati tal-investigazzjoni amministrattiva kienu diġà inkisbu, b’tali mod li l-iżvolġiment tajjeb ta’ din tal-aħħar ma setax jiġi kompromess mill-iżvelar tax-xhieda lir-rikorrenti. Hija barra minn hekk ir-raġuni għalfejn l-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jipprevedi, f’termini ċari u inkundizzjonati, li d-Direttur tas-SATCEN għandu l-obbligu li jikkomunika lil kwalunkwe persuna li hija s-suġġett ta’ investigazzjoni d-dokumenti tal-fajl kollha bejn it-tmiem ta’ din l-investigazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari (ara l-punt 172 iktar ’il fuq).

223    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li d-dmir ta’ kunfidenzjalità tal-amministrazzjoni seta’ jiġġustifika restrizzjoni għad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, id-Direttur tas-SATCEN lanqas biss ippreveda li jagħti lil din tal-aħħar aċċess għax-xiehda inkwistjoni, wara li jkun irrendihom anonimi. Issa, tali possibbiltà kienet ġiet espliċitament prevista mill-Assistent Direttur tas-SATCEN li, meta bagħat il-kwestjonarju lill-membri tal-persunal tas-SATCEN destinatarji fil-kuntest tal-investigazzjoni, kien qagħad attent li jispeċifika lilhom: “l-ewwel paġna fiha ismek, id-data u l-firma (investigatur u xhieda) u tista’ tiġi kompletament separata mill-kwestjonarju stess […] jekk dan ikun neċessarju għall-protezzjoni tax-xhieda.”

224    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti għandha raġun issostni li, bl-ommissjoni ta’ komunikazzjoni lilha tad-dokumenti tal-fajl qabel l-adozzjoni tad-deciżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, id-Direttur tas-SATCEN kiser id-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl, kif previst fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, u mfakkar fl-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN (ara l-punti 172 u 177 iktar ’il fuq).

2)      Fuq il-konsegwenzi tal-irregolarità tal-investigazzjoni amministrattiva

225    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex irregolarità proċedurali tista’ tiġġustifika l-annullament ta’ att, huwa neċessarju li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T‑653/13 P, EU:T:2015:652, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, ġie deċiż li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, in-natura tal-ilmenti u l-portata tal-irregolaritajiet proċedurali mwettqa fir-rigward tal-garanziji li l-membru tal-persunal seta’ jibbenefika minnhom (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2015, Pipiliagkas vs Il-Kummissjoni, F‑96/13, EU:F:2015:29, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

226    F’dan il-każ, ġie stabbilit, fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-ewwel parti tal-ewwel motiv u tal-ewwel parti tat-tieni motiv, li, fit-tmexxija tiegħu tal-investigazzjoni amministrattiva li r-rikorrenti kienet is-suġġett tagħha, is-SATCEN kien, minn naħa, kiser l-obbligu tiegħu li jmexxi l-investigazzjoni amministrattiva b’reqqa u b’imparzjalità u, min-naħa l-oħra, kiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u tad-dritt tagħha għal aċċess għall-fajl.

227    Kif tfakkar fil-punti 171 sa 173 iktar ’il fuq, il-proċeduri dixxiplinari stabbiliti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jipprevedu żewġ fażijiet distinti. L-ewwel fażi hija kkostitwita minn investigazzjoni amministrattiva diliġenti u imparzjali, mibdija minn deċiżjoni tad-Direttur tas-SATCEN, segwita mill-formulazzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni u magħluqa, wara li l-persuna kkonċernata tkun instemgħet dwar il-fatti li hija akkużata bihom, permezz ta’ konklużjonijiet li jinsiltu mill-imsemmi rapport. It-tieni fażi hija kkostitwita mill-proċeduri dixxiplinari nnifishom, mibdija mill-istess direttur fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport ta’ investigazzjoni, u li jikkonsistu jew fil-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari mingħajr konsultazzjoni mal-Bord Dixxiplinari, jew fit-tressiq tal-każ quddiem l-imsemmi Bord, fuq il-bażi ta’ rapport stabbilit mid-Direttur tas-SATCEN skont il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-persuna kkonċernata fir-rigward tagħha.

228    Minn dan isegwi li l-investigazzjoni amministrattiva tissuġġetta l-eżerċizzju mid-Direttur tas-SATCEN tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu għall-azzjoni li għandha tittieħed u li din l-azzjoni tista’ twassal, fl-aħħar, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari. Fil-fatt, huwa fuq il-bażi ta’ din l-investigazzjoni u tas-smigħ tal-membru tal-persunal ikkonċernat li d-Direttur tas-SATCEN jevalwa, l-ewwel nett, jekk hemmx lok jew le li jinfetħu proċeduri dixxiplinari, it-tieni nett, jekk dawn għandhomx, skont il-każ, jikkonsistu fit-tressiq tal-każ quddiem il-Bord Dixxiplinari jew le u, it-tielet nett, meta jibda l-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari, il-fatti li għandhom jiġu ppreżentati quddiem l-imsemmi Bord.

229    Għaldaqstant, peress li l-kompetenza tad-Direttur tas-SATCEN ma hijiex marbuta, ma jistax jiġi eskluż li, jekk l-investigazzjoni amministrattiva kienet tmexxiet b’reqqa u b’imparzjalità, l-imsemmija investigazzjoni setgħet twassal għal evalwazzjoni inizjali oħra tal-fatti u, għalhekk, kien ikollha konsegwenzi differenti, b’tali mod li deċiżjoni inqas severa minn dik tad-deċiżjoni ta’ revoka tar-rikorrenti setgħet tittieħed (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74, punt 82).

230    Barra minn hekk, billi ma ppermettiex lir-rikorrenti tesponi b’mod utli l-fehma tagħha fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, is-SATCEN ċaħħadha mill-possibbiltà li tikkonvinċi lid-Direttur tas-SATCEN li evalwazzjoni inizjali oħra tal-fatti, determinanti għat-tkomplija tal-proċeduri, kienet possibbli. Issa, ma jistax jiġi aċċettat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, id-Direttur tas-SATCEN kien adotta d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka, jekk ir-rikorrenti setgħet tesponi b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rapport ta’ investigazzjoni u fuq id-dokumenti tal-fajl tal-investigazzjoni. Fil-fatt, tali soluzzjoni għandha bħala konsegwenza li ċċaħħad mis-sustanza tagħhom id-dritt fundamentali għal smigħ u d-dritt fundamentali għal aċċess għall-fajl, rispettivament stabbiliti fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta, peress li l-kontenut stess ta’ dawn id-drittijiet jimplika li l-persuna kkonċernata għandha l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑236/02, EU:T:2011:465, punt 115).

231    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ revoka għandhom jintlaqgħu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma insostenn tagħhom.

c)      Fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni

232    Ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni, billi tinvoka, essenzjalment, tliet motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tar-rekwiżit ta’ imparzjalità, tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tad-dritt tagħha għall-preżunzjoni tal-innoċenza.

233    Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina qabelxejn it-tieni motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti tikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni ta’ sospensjoni ġiet adottata filwaqt li d-dokumenti kollha li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni amministrattiva ma ġewx ikkomunikati lilha. Dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti tal-fajl qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni jikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u l-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

234    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, li l-ksur tiegħu huwa allegat mir-rikorrenti, jirrigwarda l-konklużjonijiet li d-Direttur tas-SATCEN jista’ jnissel minn investigazzjoni amministrattiva, li ma jinkludux is-sospensjoni ta’ membru tal-persunal, prevista fl-Artikolu 18 tal-istess anness. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti tal-fajl, bi ksur tal-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, għandu, sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjoni ta’ sospensjoni, jiġi miċħud.

235    Xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni dwar sospensjoni ta’ membru tal-persunal ibbażata fuq l-Artikolu 18 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, li tittieħed fil-preżenza ta’ allegat nuqqas serju, tikkostitwixxi miżura individwali sfavorevoli li għandha, konsegwentement, tiġi adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ. Għaldaqstant, minbarra f’ċirkustanzi partikolari debitament stabbiliti, deċiżjoni ta’ sospensjoni tista’ tiġi adottata biss wara li l-membru tal-persunal ikkonċernat ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jesprimi b’mod utli l-perspettiva tiegħu dwar il-provi miżmuma kontrih u li fuqhom l-awtorità kompetenti tipprevedi li tibbaża din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2004, De Nicola vs BEI, T‑120/01 u T‑300/01, EU:T:2004:367, punt 123, u tas-16 ta’ Diċembru 2015, DE vs EMA, F‑135/14, EU:F:2015:152, punt 57).

236    F’dan ir-rigward, minn naħa, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta jirriżulta li kull persuna tibbenefika minn dritt li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, fl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tan-negozju. Minn dan jirriżulta li membru tal-persunal tas-SATCEN għandu dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-persuna li timpjegah li tista’ tippermettilu jifhem is-sostanza tal-allegazzjonijiet li jiġġustifikaw is-sospensjoni tiegħu, u dan sabiex ikun jista’ juri, b’mod partikolari, li l-aġir indikat ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu, li ma huwiex ta’ gravità tali li tiġġustifika deċiżjoni ta’ sospensjoni, li ma huwiex ta’ natura reali biżżejjed jew li ma huwiex manifestament infondat, b’tali mod li s-sospensjoni tal-membru tal-persunal inkwistjoni tkun illegali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, AX vs BĊE, F‑7/11 u F-60/11, EU:F:2012:195, punt 101). Min-naħa l-oħra, għar-rispett tad-dritt għal smigħ, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, huwa neċessarju wkoll li l-amministrazzjoni tinforma lill-membru tal-persunal ikkonċernat, bi preċiżjoni suffiċjenti, dwar il-konsegwenzi li hija jista’ jkollha mill-informazzjoni inkwistjoni, fl-istadju li fih il-persuna kkonċernata tiġi mitluba tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2016, ECDC vs CJ, T‑395/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:598, punt 60).

237    F’dan il-każ, minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punt 219 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni adottata simultanjament mad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, u għall-istess fatti, ma ġietx preċeduta mit-trażmissjoni lir-rikorrenti tal-informazzjoni rilevanti miżmuma mid-Direttur tas-SATCEN, jiġifieri l-annessi għar-rapport ta’ investigazzjoni. B’differenza għaċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, AX vs BĊE (F‑7/11 u F‑60/11, EU:F:2012:195), invokata mis-SATCEN, in-nuqqas ta’ żvelar ta’ dawn l-elementi ma jistax, f’dan il-każ, jiġi ġġustifikat min-neċessità li tiġi protetta l-effikaċja tal-investigazzjoni amministrattiva, sa fejn, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni, l-Assistent Direttur tas-SATCEN kien temm l-investigazzjonijiet tiegħu u bagħat ir-rapport ta’ investigazzjoni tiegħu lid-Direttur tas-SATCEN.

238    Min-naħa l-oħra, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li d-direttur kien informa lir-rikorrenti, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni, bl-intenzjoni tiegħu li jieħu tali miżura fil-konfront tagħha. Fil-fatt, il-posta elettronika tat-3 ta’ Lulju 2013, li permezz tiegħu dan l-istess direttur stieden lir-rikorrenti għal smigħ, indika biss l-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, dwar l-azzjoni dixxiplinari li għandha tingħata bħala riżultat ta’ investigazzjoni amministrattiva li tikkonċerna membru tal-persunal, u mhux is-sospensjoni ta’ dan tal-aħħar.

239    Minn dan isegwi li, billi ma informax lir-rikorrenti dwar il-miżura ta’ sospensjoni prevista u billi naqas milli jagħtiha l-elementi li għalihom jirreferi r-rapport ta’ investigazzjoni, is-SATCEN kiser id-dritt għal smigħ tagħha u d-dritt tagħha għal aċċess għall-fajl, kif stabbiliti fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta.

240    Kif ġie rrilevat fil-punt 230 iktar ’il fuq, id-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, kif stabbiliti fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta, jimplikaw li l-persuna kkonċernata għandha l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni. Għaldaqstant, ħlief sabiex iċaħħad mis-sustanza tagħhom dawn id-drittijiet fundamentali, ma jistax jiġi eskluż li, kieku hija kellha aċċess għad-dokumenti li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni ta’ sospensjoni, u kieku hija kienet ġiet informata fi żmien xieraq li d-Direttur tas-SATCEN kien ippreveda l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, ir-rikorrenti kien ikollha l-possibbiltà li tinfluwenza l-kontenut tad-deċiżjoni tad-Direttur tas-SATCEN.

241    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni għandu jintlaqa’ u għandu jwassal, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 225 iktar ’il fuq, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

2.      Fuq it-talbiet għal kumpens

242    Insostenn tat-talbiet għal kumpens tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Minn naħa, dawn id-deċiżjonijiet ikkawżawlha dannu materjali li jikkorrispondi għat-telf tas-salarji, remunerazzjonijiet u drittijiet li kienet tirċievi bejn id-data effettiva ta’ revoka tagħha u d-data ta’ tmiem tal-kuntratt tagħha. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess deċiżjonijiet ikkawżawlha dannu morali li jikkonsisti, essenzjalment, fi problemi psikoloġiċi u dannu għall-integrità professjonali tagħha, li hija tevalwa għall-ammont globali ta’ EUR 500 000.

243    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tat-28 ta’ April 1971, Lütticke vs Il-Kummissjoni, 4/69, EU:C:1971:40, punt 10; ara, ukoll, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

244    Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni humiex issodisfatti.

a)      Fuq l-illegalità tal-aġir ikkritikat lis-SATCEN

245    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront ta’ istituzzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta taġixxi bħala persuna li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà miżjuda, li timmanifesta ruħha permezz tal-obbligu li tikkumpensa d-danni kollha kkawżati lill-persunal tagħha minn kull illegalità mwettqa fil-kapaċità tagħha bħala persuna li timpjega. Fil-fatt, b’differenza għal kull individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni, mal-korp jew mal-organu li huwa jiddependi minnhom permezz ta’ relazzjoni legali ta’ impjieg li tinvolvi ekwilibriju ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproki speċifiċi, essenzjalment intiż sabiex iżommu r-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-amministrazzjoni u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħha sabiex jiġi ggarantit liċ-ċittadini t-twettiq korrett tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali li għandhom l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 46, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Nanopoulos, T‑308/10 P, EU:T:2012:370, punt 103).

246    Għalkemm il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 245 iktar ’il fuq ġiet żviluppata fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, din għandha tiġi applikata, mutatis mutandis, f’dan il-każ. Fil-fatt, bħal fil-każ tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jinkludu bilanċ ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproki speċifiċi li jikkonċernaw membri tal-persunal bil-kuntratt tas-SATCEN, intiż li jiġi żgurat it-twettiq korrett tal-missjoni ta’ interess ġenerali tas-SATCEN.

247    Għaldaqstant, f’dan il-każ, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ illegalità mwettqa mis-SATCEN hija suffiċjenti sabiex tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni.

248    F’dan ir-rigward, mill-eżami tat-talbiet għal annullament tar-rikorrenti, li jservu bħala bażi għat-talbiet tagħha għal kumpens, jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ sospensjoni, id-deċiżjoni ta’ revoka u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell huma t-tlieta li huma vvizzjati minn illegalitajiet li jistgħu jwasslu għall-annullament tagħhom. Għaldaqstant, bl-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, is-SATCEN wettaq żball ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, sa fejn jiġu stabbiliti l-eżistenza ta’ dannu reali u ċert u rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn dan id-dannu u dan l-iżball.

b)      Fuq id-dannu u r-rabta kawżali

1)      Fuq id-dannu materjali u r-rabta kawżali

249    Ir-rikorrenti titlob il-kumpens għad-dannu materjali li kkawżawlha d-deċiżjonijiet ikkontestati, li jikkorrispondi għall-ammont tar-remunerazzjoni li hija setgħet tirċievi kieku baqgħet fil-kariga tagħha fis-SATCEN bejn id-data tat-tkeċċija tagħha u d-data tat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha.

250    F’dan ir-rigward, huwa veru li l-Qorti Ġenerali, b’din is-sentenza, tiddeċiedi l-annullament tad-deċiżjoni ta’ revoka, li permezz tagħha ġie tterminat il-kuntratt tar-rikorrenti. Madankollu, skont l-Artikolu 266 TFUE, is-SATCEN għandu jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li huwa d-destinatarju tagħha. Għalhekk, mingħajr ma tippreġudika dawn il-miżuri ta’ eżekuzzjoni, il-Qorti Ġenerali ma tistax tikkonkludi li l-annullament tad-deċiżjoni ta’ revoka jimplika neċessarjament id-dritt tar-rikorrenti għall-ħlas tal-ammonti li hija titlob, b’tali mod li t-talbiet għal kumpens għandhom, fuq dan il-punt, jiġu miċħuda bħala prematuri (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, BF vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑69/11, EU:F:2013:151, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Mejju 2014, CU vs KESE, F‑42/13, EU:F:2014:106, punt 56).

251    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex telimina l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati, li, fil-każ ta’ att li diġà ġie eżegwit, jimplika li r-rikorrent jitpoġġa fis-sitwazzjoni legali li kien jinsab fiha qabel dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2004:94, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

252    L-Artikolu 266 TFUE jimponi wkoll fuq l-istituzzjoni kkonċernata li tevita li kull att intiż li jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il-Kummissjoni, T‑283/03, EU:T:2005:315, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

253    Fl-aħħar nett, meta l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament tippreżenta diffikultajiet partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tieħu kull deċiżjoni li tkun ta’ natura li tikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġ li jirriżulta għall-persuna kkonċernata mid-deċiżjoni annullata u tista’, f’dan il-kuntest, tistabbilixxi djalogu magħha sabiex tipprova tasal għal ftehim li permezz tiegħu toffrilha kumpens ekwu għall-illegalità li tagħha hija kienet il-vittma (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008, Andres et vs BĊE, F‑15/05, EU:F:2008:81, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

254    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tagħti kumpens lir-rikorrenti, mingħajr ma tkun taf il-miżuri meħuda mis-SATCEN b’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2006, Pérez-Díaz vs Il-Kummissjoni, T‑156/03, EU:T:2006:153, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Frar 2016, GV vs SEAE, F‑137/14, EU:F:2016:14, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

2)      Fuq id-dannu morali u r-rabta kawżali

255    Ir-rikorrenti titlob il-kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li kkawżawlha problemi psikoloġiċi u dannu għall-integrità professjonali tagħha, għar-reputazzjoni tagħha, għall-prospetti tal-karriera tagħha kif ukoll għall-kapaċità ta’ ħidma tagħha.

256    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ fih innifsu jikkostitwixxi l-kumpens xieraq u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li sofra dannu morali li huwa distint mill-illegalità li fuqha huwa bbażat dan l-annullament u ma jistax jiġi għal kollox ikkumpensat minn dak l-annullament (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, DD vs FRA, mhux ippubblikata, EU:T:2017:528, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

257    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-annullament tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni u tad-deċiżjoni ta’ revoka ma huwiex ta’ natura li jikkumpensa d-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti u kkawżat mill-illegalitajiet li bihom huma vvizzjati l-imsemmija deċiżjonijiet.

258    Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni amministrattiva, li l-eżitu tagħha ġġustifika kemm id-deċiżjoni ta’ sospensjoni kif ukoll id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, filwaqt li dawn tal-aħħar wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka. Issa, minn naħa, ir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva qiegħed fid-dubju l-aġir tar-rikorrenti b’mod ġenerali ħafna. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ngħatat terminu eċċessivament limitat sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan ir-rapport u d-dokumenti li jikkostitwixxu l-qalba ta’ din l-investigazzjoni ġew żvelati lilha diversi xhur wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari. Għalhekk, ir-rikorrenti kellha tbati minn problemi psikoloġiċi marbuta mal-istat ta’ inċertezza tagħha f’dak li jirrigwarda l-fatti speċifiċi kkritikati lilha, minkejja l-gravità preżunta tagħhom, li kienu espliċitament ikklassifikati bħala fastidju psikoloġiku.

259    Fit-tieni lok, billi xerred ma’ membri tal-persunal oħra tas-SATCEN “kwestjonarju dwar il-fastidju psikoloġiku” bl-indikazzjoni speċifika tar-rikorrenti u bl-assoċjazzjoni tagħha ma’ kategoriji ta’ aġir li jistgħu jikkaratterizzaw fastidju psikoloġiku, minkejja li hija ma kinitx instemgħet wara l-investigazzjoni amministrattiva u qabel ma’ d-Direttur iddeċieda dwar is-sospensjoni tagħha, is-SATCEN wettaq ksur partikolarment gravi għall-integrità u għar-reputazzjoni professjonali tar-rikorrenti.

260    Għall-kuntrarju, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti intiżi għall-kumpens ta’ dannu kkawżat minn sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku fil-konfront tagħha għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, permezz ta’ tali talba, ir-rikorrenti tfittex li tikseb riżultat li huwa identiku għal dak li jipprovdilha s-suċċess tat-talbiet tagħha għal annullament kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza minħabba sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku fil-konfront tagħha, li ġew miċħuda bħala inammissibbli (ara l-punt 138 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li t-talbiet intiżi għall-kumpens ta’ dannu għandhom jiġu miċħuda sa fejn ikunu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li jkunu ġew, huma stess, miċħuda (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Carpent Languages vs Il-Kummissjoni, T‑582/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:379, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

261    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ġarrbet dannu morali kkawżat minn stat ta’ inċertezza f’dak li jirrigwarda l-fatti kkritikati lilha u minn dannu għall-integrità tagħha kif ukoll għar-reputazzjoni professjonali tagħha. Għandu jiġi deċiż ex aequo et bono li kumpens ta’ EUR 10 000 jikkostitwixxi kumpens xieraq għal dan id-dannu u, għaldaqstant, tikkundanna lis-SATCEN iħallas din is-somma lir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

262    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

263    Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li s-SATCEN tilef il-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu, u għalhekk għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

264    Min-naħa l-oħra, għandha tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti intiża li l-kundanna għall-ispejjeż tas-SATCEN tinkludi obbligu ta’ ħlas tal-interessi moratorji. Fil-fatt, tali talba hija prematura u tista’ tiġi deċiża biss, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tal-proċedura ta’ intaxxar tal-ispejjeż.

265    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, bħala istituzzjoni intervenjenti, il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) tas-26 ta’ Jannar 2015 hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tad-Direttur tas-SATCEN tal-5 ta’ Lulju 2013 li wasslet għas-sospensjoni ta’ KF hija annullata.

3)      Id-deċiżjoni tad-Direttur tas-SATCEN tat-28 ta’ Frar 2014 li wasslet għar-revoka ta’ KF hija annullata.

4)      Is-SATCEN huwa kkundannat għall-ħlas lil KF tas-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet.

5)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

6)      Is-SATCEN huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn KF.

7)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

 

      Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ottubru 2018.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Fuq iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea

B. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjonijiet ikkontestati

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

B. Fuq l-ammissibbiltà

1. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq ir-rabta ta’ impjieg bejn ir-rikorrenti u s-SATCEN

2. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura kuntrattwali ta’ din it-tilwima

3. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SATCEN kontra talbiet għal annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza

4. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SATCEN kontra t-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari

5. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SATCEN fil-konfront tal-argumenti diretti kontra l-proċeduri quddiem il-Bord Dixxiplinari

C. Fuq il-mertu

1. Fuq it-talbiet għal annullament

a) Fuq il-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell

b) Fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ revoka

1) Fuq ir-regolarità tal-investigazzjoni amministrattiva

i) Fuq l-għażla tal-investigatur

ii) Fuq l-użu ta’ kwestjonarju b’għażla multipla li jikkonċerna r-rikorrenti fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva

iii) Fuq in-nuqqas ta’ assoċjazzjoni tar-rikorrenti mal-investigazzjoni amministrattiva

iv) Fuq l-aċċess fi żmien xieraq tar-rikorrenti għad-dokumenti tal-fajl tal-investigazzjoni amministrattiva

2) Fuq il-konsegwenzi tal-irregolarità tal-investigazzjoni amministrattiva

c) Fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni

2. Fuq it-talbiet għal kumpens

a) Fuq l-illegalità tal-aġir ikkritikat lis-SATCEN

b) Fuq id-dannu u r-rabta kawżali

1) Fuq id-dannu materjali u r-rabta kawżali

2) Fuq id-dannu morali u r-rabta kawżali

Fuq l-ispejjeż




*      Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.