Language of document : ECLI:EU:T:2018:950

Kawża T284/15

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

AlzChem AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Industrija tal-kimika – Deċiżjoni li jitkompla l-operat ta’ impriża matul il-proċedura ta’ falliment – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Inċidenza individwali – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Kriterju ta’ kreditur privat – Imputabbiltà lill-Istat – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2018

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġi imputabbli lill-Istat – Involviment ta’ qorti nazzjonali fl-adozzjoni tal-miżura – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ kreditur privat –Eżami tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull wieħed mill-kredituri pubbliċi involuti

(Artikolu 107(1) TFUE)

1.      Ma jistax jiġi eskluż li miżura tista’ titqies bħala li hija deċiżjoni imputabbli lill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE sussegwentement għal deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali.

F’dan ir-rigward, hija l-Kummissjoni, meta din tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-operat ta’ entità falluta billi tagħmel riferiment għall-fatt li din il-kontinwazzjoni tibbaża ruħha fuq deċiżjoni meħuda minn xi kredituri privati, u dan minkejja l-preżenza ta’ qorti nazzjonali fi ħdan il-kumitat kompetenti msejjaħ sabiex jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni tal-operat tal-entità kkonċernata, li jmissha tispjega, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet li wassluha biex tikkonkludi li d-deċiżjoni ta’ kontinwazzjoni tal-operat ma hijiex imputabbli lil din il-qorti nazzjonali.

(ara l-punti 104, 107, 108)

2.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-kredituri pubbliċi inkwistjoni, b’mod partikolari skont il-kwalità tagħhom ta’ kreditur li ma jgawdix minn garanziji jew kreditur privileġġat, sabiex jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk l-għażla ta’ dawn tal-aħħar tmurx lil hinn minn dak li huwa ġġustifikat minn ħtiġijiet kummerċjali jew jekk din tistax tiġi spjegata mir-rieda li jingħata vantaġġ lill-impriża kkonċernata. B’hekk, il-kredituri pubbliċi ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala entità waħda u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalitajiet speċifiċi tagħhom.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Istat jitqies bħala kreditur wieħed jista’ jwassal sabiex jiġi aċċettat li ċerti kredituri pubbliċi għandhom jieħdu deċiżjoni li tmur kontra l-interessi tagħhom u ma jadottawx aġir simili għal dak ta’ kreditur privat li jitqiegħed fl-istess sitwazzjoni.

(ara l-punti 188, 196)