Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fis-16 ta’ Mejju 2018 – Tesco-Global Áruházak Zrt. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-323/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Tesco-Global Áruházak Zrt.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

Il-fatt li persuna taxxabbli li teżerċita attività ta’ kummerċ bl-imnut f’ħanut, fejn l-azzjonisti tagħha huma barranin u li joperaw diversi ħwienet fil-forma ta’ kumpannija kummerċjali unika tiġi suġġetta għal taxxa speċjali li r-rati tagħha progressivament jogħlew ħafna u fil-fatt taqa’ taħt l-ogħla kategorija ta’ tassazzjoni, filwaqt li fil-prattika jirriżulta li l-persuni taxxabbli li huma azzjonisti nazzjonali li joperaw f’sistema ta’ konċessjoni taħt l-istess isem tad-ditta – kull ħanut huwa, tipikament, kumpannija kummerċjali distinta – jaqgħu taħt il-kategorija eżentata ta’ din it-taxxa jew taħt waħda mill-kategoriji ntaxxati b’rata baxxa li jsegwu din il-kategorija, b’mod li t-taxxa mħallsa mill-kumpanniji li l-azzjonisti tagħhom huma barranin u l-proporzjon totali tad-dħul fiskali li jikkonċernahom fil-fatt huma sostanzjalment ogħla milli fil-każ tal-persuni taxxabbli li l-azzjonisti tagħhom huma nazzjonali, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Artikoli 18 u 26 TFUE), il-prinċpiju ta’ libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE), il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (Artikolu 54 TFUE), il-prinċipju ta’ ugwaljanza f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni finanzjarja fil-kapital tal-kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 54 TFUE (Artikolu 55 TFUE), il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFUE), il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital (Artikoli 63 u 65 TFUE) u l-prinċipju ta’ ugwaljanza f’dak li jikkonċerna t-tassazzjoni tal-impriżi (Artikolu 110 TFUE)?

Il-fatt li persuna taxxabbli li teżerċita attività ta’ kummerċ bl-imnut f’ħanut u topera diversi ħwienet fil-forma ta’ kumpannija kummerċjali unika tiġi suġġetta għal taxxa speċjali li r-rati tagħha progressivament jogħlew ħafna u fil-fatt taqa’ taħt l-ogħla kategorija ta’ tassazzjoni, filwaqt li fil-prattika jirriżulta li l-persuni taxxabbli li huma azzjonisti nazzjonali li jsibu ruħhom direttament f’kompetizzjoni magħha u joperaw f’sistema ta’ konċessjoni taħt l-istess isem tad-ditta – kull ħanut ikun tipikament kumpannija kummerċjali distinta – jaqgħu taħt il-kategorija eżentata ta’ din it-taxxa jew taħt waħda mill-kategoriji ntaxxati b’rata baxxa li jsegwu din il-kategorija, b’mod li t-taxxa mħallsa mill-kumpanniji li l-azzjonisti tagħhom huma barranin u l-proporzjon totali tad-dħul fiskali li jikkonċernahom fil-fatt huma sostanzjalment ogħla milli fil-każ tal-persuni taxxabbli li l-azzjonisti tagħhom huma nazzjonali, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat (Artikolu 107(1))?

L-Artikoli 107 u 108(3) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-effetti tagħhom jestendu għal miżura fiskali li parti integrali tagħha hija eżenzjoni minn taxxa – li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat – iffinanzjata permezz ta’ dħul minn din il-miżura fiskali, sa fejn il-leġiżlatur, qabel ma jistabbilixxi t-taxxa speċjali fuq il-kummerċ bl-imnut, ikun iddetermina (abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-operaturi fis-suq) l-ammont tal-previżjonijiet ta’ dħul baġitarju mhux permezz tal-introduzzjoni ta’ rata ta’ taxxa ġenerali iżda billi japplika rati progressivi skont id-dħul mill-bejgħ u għalhekk wasal għal riżultat fejn deliberatament ta benefiċċju ta’ eżenzjoni lil parti mill-operaturi tas-suq?

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-proċeduri, kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu prattika segwita minn Stat Membru skont liema, matul il-proċedura ta’ kontroll fiskali introdotta ex officio jew matul il-proċedura ġudizzjarja sussegwenti, huwa impossibbli – minkejja l-prinċipju ta’ effettività u tal-obbligu li titwarrab ir-regola ta’ dritt intern inkompatibbli – li tiġi introdotta talba għar-rimbors tat-taxxa ddikjarata skont il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li l-awtorità fiskali jew il-qorti ma teżaminax il-kwistjoni tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni ħlief fil-kuntest ta’ proċedura speċjali, introdotta fuq talba u unikament qabel il-proċedura ex officio, filwaqt li ma jeżistix ostakolu għall-introduzzjoni ta’ talba għal rimbors fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja f’dak li jikkonċerna taxxa li d-dikjarazzjoni tagħha tikser id-dritt nazzjonali?

____________