Language of document : ECLI:EU:C:2020:140

Kawża C323/18

Tesco-Global Áruházak Zrt.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat3 ta’ Marzu 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fis-settur tal-kummerċ bl-imnut f’ħanut – Taxxa progressiva li taffettwa iktar lill-impriżi miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra milli lill-impriżi nazzjonali – Livelli tat-taxxa progressiva applikabbli għall-persuni taxxabbli kollha – Newtralità tal-ammont tad-dħul mill-bejgħ bħala kriterju ta’ distinzjoni – Kapaċità ta’ ħlas tal-persuni taxxabbli – Għajnuna mill-Istat”

1.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Proġetti ta’ għajnuna – Eżami mill-Kummissjoni – Kompetenzi u ġurisdizzjonijiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-qrati nazzjonali – Rwol tal-qrati nazzjonali – Salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni – Obbligu tal-qrati nazzjonali li jisiltu l-konsegwenzi kollha minn dan il-ksur konformement mad-dritt nazzjonali

(Artikolu 108(2) u (3) TFUE)

(ara l-punti 34 sa 35)

2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni – Taxxi – Esklużjoni ħlief għat-taxxi li jiffinanzjaw għajnuna – Taxxa suġġetta għal eżenzjonijiet li allegatament jikkostitwixxu għajnuna – Assenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn taxxa u l-benefiċċju ta’ eżenzjoni – Esklużjoni

(Artikolu 108(3) TFUE)

(ara l-punti 36 sa 40, 42, 43)

3.        Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ applikata b’rata progressiva – Ammissibbiltà – Taxxa li taffettwa iktar lill-impriżi miżmuma minn persuni ta’ Stati Membri oħra milli lill-impriżi nazzjonali – Assenza ta’ effett

(Artikoli 49 u 54 TFUE)

(ara l-punti 59, 60, 62, 63, 69, 70, 72, 74, 76, u d-dispożittiv)


Sunt

It-taxxi speċjali miġbura fl-Ungerija fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi ta’ telekomunikazzjoni u fis-settur tal-kummerċ bl-imnut huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni

Fis-sentenzi Vodafone Magyarország (C‑75/18) u Tesco-Global Áruházak (C‑323/18), mogħtija fit‑3 ta’ Marzu 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, iddeċidiet li t-taxxi speċjali miġbura fl-Ungerija fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet u tal-impriżi attivi fis-settur tal-kummerċ bl-imnut huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ libertà ta’ stabbiliment u mad-Direttiva 2006/112 (1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”). Fil-fatt, il-fatt li dawn it-taxxi speċjali, li huma imposti fuq id-dħul mill-bejgħ b’mod progressiv (anki b’mod kunsiderevolment progressiv fir-rigward tat-tieni), huma prinċipalment sostnuti minn impriżi miżmuma minn persuni li joriġinaw minn Stati Membri oħra, minħabba l-fatt li dawn l-impriżi jagħmlu l-ikbar dħul mill-bejgħ fis-swieq Ungeriżi kkonċernati, jirrifletti r-realtà ekonomika ta’ dawn is-swieq u ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni kontra dawn l-impriżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, peress li t-taxxa li għaliha huma suġġetti l-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet ma għandhiex il-karatteristiċi essenzjali kollha tal-VAT, din it-taxxa ma tistax tiġi assimilata ma’ din tal-aħħar, b’tali mod li ma tippreġudikax il-funzjonament tas-sistema tal-VAT tal-Unjoni u, għaldaqstant, hija kompatibbli mad-Direttiva dwar il-VAT.

Peress li ġiet mistoqsija wkoll dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ungeriża li tistabbilixxi dawn it-taxxi speċjali mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, iddeċidiet dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi (2). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li t-taxxi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, sakemm dawn ma jikkostitwixxux il-metodu ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna u għalhekk ma jagħmlux parti integrali minn din il-miżura. Issa, taxxa tista’ tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna biss meta jkun hemm rabta kawżali vinkolanti bejn din it-taxxa u l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkonstatat li t-talbiet għall-ħelsien mit-taxxi speċjali li l-kumpanniji rikorrenti ressqu quddiem l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi jirrigwardaw taxxi ta’ portata ġenerali li d-dħul minnhom imur fil-baġit tal-Istat, mingħajr ma jkun speċifikament marbut mal-finanzjament ta’ vantaġġ favur kategorija partikolari ta’ persuni taxxabbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ma hemmx rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxi speċjali miġbura mingħand dawn il-kumpanniji rikorrenti u l-eżenzjoni li jibbenefikaw minnha ċerti persuni taxxabbli, b’tali mod li l-illegalità eventwali ta’ tali eżenzjoni fir-rigward tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-legalità ta’ dawn it-taxxi speċjali nnifishom. Għaldaqstant, il-kumpanniji rikorrenti ma jistgħux jinvokaw din l-illegalità eventwali quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jevitaw il-ħlas tal-imsemmija taxxi.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Ungeriża li tistabbilixxi t-taxxi speċjali inkwistjoni tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tas-sede tal-kumpanniji, ipprojbita mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, ikkonstatat li l-kumpanniji omm tar-rikorrenti għandhom is-sede tagħhom, rispettivament, fir-Renju Unit u fil-Pajjiżi l-Baxxi, u li, sa fejn dawn jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-suq Ungeriż permezz ta’ sussidjarji, il-libertà ta’ stabbiliment tagħhom tista’ tiġi affettwata minn kull restrizzjoni li tolqot lil dawn is-sussidjarji. Wara li fakkret il-ġurisprudenza tagħha dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet diretti u indiretti, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ikkonstatat, f’dan il-każ, li t-taxxi speċjali kontenzjużi ma jagħmlux distinzjoni skont il-post tas-sede tal-kumpanniji.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fl-ewwel lok, li, peress li l-impriżi kollha li joperaw fl-Ungerija fis-setturi kkonċernati huma suġġetti għat-taxxi inkriminati u r-rati ta’ tassazzjoni rispettivament applikabbli għal-livelli differenti tad-dħul mill-bejgħ japplikaw għal dawn l-impriżi kollha, il-leġiżlazzjoni Ungeriża li tistabbilixxi dawn it-taxxi ma tistabbilixxi l-ebda diskriminazzjoni diretta għad-detriment tal-impriżi miżmuma minn persuni (fiżiċi jew ġuridiċi) ta’ Stati Membri oħra.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat jekk il-progressività (kunsiderevoli) tat-taxxi speċjali tistax titqies bħala sors ta’ diskriminazzjoni indiretta għad-detriment ta’ dawn l-aħħar impriżi.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fir-rigward tas-snin fiskali inkwistjoni, jiġifieri dawk li jkopru l-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ April 2011 u l‑31 ta’ Marzu 2015 fil-kawża Vodafone u dak ta’ bejn l‑1 ta’ Marzu 2010 u t‑28 ta’ Frar 2013 fil-kawża Tesco, il-persuni taxxabbli li jaqgħu taħt il-livell bażiku biss taxxabbli b’0 % kienu kollha persuni taxxabbli miżmuma minn persuni Ungeriżi, filwaqt li dawk li jaqgħu taħt l-ogħla livelli kienu fil-biċċa l-kbira persuni taxxabbli miżmuma minn persuni ta’ Stati Membri oħra. Għalhekk, il-parti l-kbira tat-taxxa speċjali ġiet sostnuta minn persuni taxxabbli miżmuma minn persuni ta’ Stati Membri oħra.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri huma ħielsa li jistabbilixxu s-sistema ta’ tassazzjoni li huma jqisu l-iktar xierqa u li jistabbilixxu tassazzjoni progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ sa fejn l-ammont tad-dħul mill-bejgħ jikkostitwixxi kriterju ta’ distinzjoni newtrali u indikatur rilevanti tal-kapaċità ta’ ħlas tal-persuni taxxabbli. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-ikbar parti tat-taxxi speċjali inkwistjoni hija sostnuta minn persuni taxxabbli miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li teżisti diskriminazzjoni għad-detriment tagħhom. Fil-fatt, dan il-fatt huwa spjegat mill-fatt li s-swieq ikkonċernati f’dawn il-kawżi huma ddominati minn tali persuni taxxabbli, li fihom jagħmlu l-ikbar dħul mill-bejgħ. Dan għalhekk jikkostitwixxi indikatur kontinġenti, jew aleatorju, li jista’ jiġi ssodisfatt kull meta s-suq ikkonċernat ikun iddominat minn impriżi ta’ Stati Membri oħra jew ta’ Stati terzi jew minn impriżi nazzjonali miżmuma minn persuni ta’ Stati Membri oħra jew ta’ Stati terzi. Barra minn hekk, il-livell bażiku taxxabbli b’0 % ma jikkonċernax esklużivament lill-persuni taxxabbli miżmuma minn persuni Ungeriżi, peress li kull impriża li topera fis-suq ikkonċernat tibbenefika mit-tnaqqis għall-parti tad-dħul mill-bejgħ tagħha li ma jaqbiżx il-limitu li jikkorrispondi għal dan il-livell. Konsegwentement, ir-rati (kunsiderevolment) progressivi tat-taxxi speċjali inkwistjoni ma jistabbilixxux, min-natura tagħhom stess, diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tas-sede tal-kumpanniji, bejn persuni taxxabbli miżmuma minn persuni Ungeriżi u persuni taxxabbli miżmuma minn persuni ta’ Stati Membri oħra.

Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C‑75/18, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija dwar il-kompatibbiltà tal-introduzzjoni tat-taxxa speċjali fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet mad-Direttiva dwar il-VAT (3). F’dan ir-rigward, hija fakkret li b’mod partikolari għandu jiġi mistħarreġ jekk it-taxxa inkwistjoni għandhiex l-effett li tikkomprometti l-funzjonament tas-sistema komuni tal-VAT billi tolqot il-moviment ta’ oġġetti u ta’ servizzi u billi tolqot it-tranżazzjonijiet kummerċjali b’mod komparabbli għal dak li jikkaratterizza l-VAT, li huwa l-każ, b’mod partikolari, tat-taxxi li għandhom il-karatteristiċi essenzjali tal-VAT. Madankollu hija kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Ungeriża li tistabbilixxi t-taxxa speċjali inkwistjoni ma tipprevedix il-ġbir ta’ din it-taxxa f’kull stadju tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, u lanqas it-tnaqqis tat-taxxa mħallsa matul l-istadju preċedenti ta’ dan il-proċess. Għalhekk, peress li tnejn mill-erba’ karatteristiċi essenzjali stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha ma humiex issodisfatti mit-taxxa speċjali kkonċernata, id-Direttiva dwar il-VAT ma tipprekludix l-introduzzjoni tagħha.


1      Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).


2      Fl‑2019, il-Qorti Ġenerali annullat żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni bħala miżuri ta’ għajnuna mill-Istat tat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u tat-taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Mejju 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda T‑836/16 u T‑624/17, stqarrija għall-istampa 64/19) u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Ġunju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (T‑20/17, stqarrija għall-istampa 84/19)). Dawn is-sentenzi bħalissa huma s-suġġett ta’ appelli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C‑562/19 P u C‑596/19 P).


3      Artikolu 401.