Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Diċembru 2011 - Dimension Data Belgium vs Il-Parlament

(Kawża T-650/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Dimension Data Belgium SA (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: P. Levert u M. Velghe, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, innotifikata lir-rikorrenti permezz ta' posta elettronika tat-18 ta' Ottubru 2011, li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti għal-lott Nru 1 tal-kuntratt PE-ITEC-DIT-ITIM-TELSIS u li tagħti l-lott Nru°1 tal-imsemmi kuntratt lill-kumpannija BT Belgique;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata peress li l-Parlament ma kkomunika lir-rikorrenti ebda karatteristika tal-offerta magħżula.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' trasparenza li għandu l-Parlament taħt l-Artikoli 89, 92, 97 u 100 tar-Regolament Finanzjarju 2 u l-Artikolu 138 tar-Regoli ta' Implementazzjoni , peress li l-Parlament ma ddefinixxix b'mod ċar, komplet u preċiż il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-prezz tal-offerti.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-kriterji ta' evalwazzjoni tal-kwalità tal-offerti kif ukoll ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u tal-Artikolu 138(2) tar-Regoli ta' Implementazzjoni, peress li l-awtorità kontraenti ħadet inkunsiderazzjoni kriterju ta' evalwazzjoni li ma kienx intiż li jidentifika l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni fil-kwalità tal-offerti finanzjarji u ta' ksur tal-Artikolu 139 tar-Regoli ta' Implementazzjoni billi l-lott Nru 1 tal-kuntratt ikkontestat ingħata lill-kumpannija BT Belgique, peress li l-offerta tagħha hija baxxa b'mod anormali b'tali mod li għandha tiġi miċħuda mill-Parlament jew, fin-nuqqas ta' dan, għandha titqies bħala mhux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).